Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2101(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0309/2016

Testi mressqa :

A8-0309/2016

Dibattiti :

PV 25/10/2016 - 15
CRE 25/10/2016 - 15

Votazzjonijiet :

PV 26/10/2016 - 6.7
CRE 26/10/2016 - 6.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0416

Testi adottati
PDF 466kWORD 62k
L-Erbgħa, 26 ta' Ottubru 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
Is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: implimentazzjoni tal-prijoritajiet għall-2016
P8_TA(2016)0416A8-0309/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Ottubru 2016 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: implimentazzjoni tal-prijoritajiet għall-2016 (2016/2101(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 136 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Mejju 2016 dwar ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż għall-2016 (COM(2016)0321),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28 u d-29 ta' Ġunju 2016, (EUCO 26/16),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2016 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2016(1),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' April 2016 bit-titolu "Is-Semestru Ewropew 2016: Valutazzjoni tal-progress fuq ir-riformi strutturali, il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi, u r-riżultati tar-rieżamijiet fil-fond skont ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011" (COM(2016)0095),

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kummissjoni bit-titoli ‘Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2016’ (COM(2015)0690), ‘Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija 2016’ (COM(2015)0691) u ‘Abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi’(COM(2015)0700), ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (COM(2015)0692), u l-proposta tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2015 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali għall-perjodu mill-2017 sal-2020 (COM(2015)0701),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Ħames Presidenti tat-22 ta' Ġunju 2015 bit-titolu "Nikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ġunju 2015 dwar ir-rieżami tal-qafas ta' governanza ekonomika: analiżi u sfidi(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Diċembru 2011 dwar is-Semestru Ewropew għall-Koordinament tal-Politiki Ekonomiċi(3),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Jannar 2015 bit-titolu "L-aħjar użu tal-flessibbiltà fir-regoli eżistenti tal-Patt tal-Istabbiltà u Tkabbir" (COM(2015)0012),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 – il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi(4),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2014 bit-titolu "Pjan ta' Investiment għall-Ewropa" (COM(2014)0903),

–  wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tat-18 ta' Frar 2015 bit-titolu "Nibnu Unjoni tas-Swieq Kapitali" (COM(2015)0063),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Ġunju 2015 bit-titolu "Sistema tat-Taxxa Korporattiva Ġusta u Effiċjenti fl-Unjoni Ewropea: Ħames Oqsma Ewlenin għal Azzjoni" (COM(2015)0302),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-5 ta' Frar 2013(5) u tal-15 ta' Settembru 2016(6) dwar it-titjib tal-aċċess għall-finanzi għall-SMEs,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0309/2016),

A.  billi l-previżjoni tal-Kummissjoni għar-rebbiegħa tal-2016 tindika rati ta' tkabbir mistenni ta' 1.6 % għaż-żona tal-euro u 1.8 % għall-UE fl-2016;

B.  billi l-Ewropa għadha qed tħabbat wiċċha ma' nuqqas kbir ta' investiment, u l-ħtieġa hija li tiżdied id-domanda interna u jiġu korretti l-iżbilanċi makroekonomiċi, filwaqt li jibqa' jiżdied l-investiment fl-UE;

C.  billi l-qgħad inġenerali (u l-qgħad strutturali b'mod partikolari) fl-UE għadu waħda mill-isfidi ewlenin li qed jiffaċċjaw l-Istati Membri, peress li bħalissa r-rata hija għolja ħafna (10.5 miljun persuna qiegħda fit-tul fl-UE); billi anke jekk iċ-ċifri tjiebu kemm kemm meta mqabbla mas-snin preċedenti, il-qgħad fost iż-żgħażagħ u r-rati ta' qgħad ġenerali fil-periferija Ewropea għadhom ogħla b'mod sinifikanti mir-rata medja fl-UE kollha kemm hi;

D.  billi l-prezzijiet taż-żejt li qed jonqsu u t-tkabbir ekonomiku dgħajjef fil-bidu tal-2016 x'aktarx li huma fatturi addizzjonali li qed ibaxxu r-rata tal-inflazzjoni għal livelli taħt iż-żero;

E.  billi żviluppi politiċi bħar-riżultat tar-referendum tar-Renju Unit u r-relazzjonijiet mar-Russja, kif ukoll inċertezzi fl-iżviluppi ekonomiċi globali, komplew ifixklu l-investiment;

F.  billi l-influss ta' rifuġjati fl-Istati Membri wkoll kellu impatt fuq l-investiment fl-Istati Membri;

G.  billi r-rakkomandazzjonijiet tas-Semestru Ewropew lill-Istati Membri għandhom rata ta' rispons fost l-Istati Membri simili għar-rakkomandazzjonijiet unilaterali tal-OECD (29 % vs 30 % fl-2014);

H.  billi l-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2016, filwaqt li saħaq fuq il-ħtieġa għal enfasi speċifika fuq iż-żona tal-euro, laqa' t-taħlita politika mtejba; barra minn hekk, saħaq fuq l-importanza ta' aktar investiment, riformi sostenibbli u responsabbiltà fiskali bl-għan tal-promozzjoni ulterjuri ta' livelli ogħla ta' tkabbir u tal-irkupru fl-Ewropa;

L-isfida tal-Ewropa fil-kuntest tat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku globali

1.  Jinnota bi tħassib li l-ekonomija tal-UE se tikber anqas milli mistenni abbażi tal-previżjoni ekonomika Ewropea tar-rebbiegħa 2016, minħabba li l-PDG fiż-żona tal-euro huwa mistenni jiżdied b'1.6 % biss, biex jilħaq il-1.8 % sal-2017;

2.  Jenfasizza li l-isfidi fl-UE huma marbuta mal-ambjent internazzjonali li qed jiddeterjora, man-nuqqas li jiġu implimentati riformi sostenibbli u mad-diverġenzi fil-prestazzjoni ekonomika u soċjali f'partijiet differenti tal-Unjoni; jissottolinja l-ħtieġa li jittejbu t-tkabbir, il-koeżjoni, il-produttività u l-kompetittività; iqis li n-nuqqas ta' investiment sostenibbli u n-nuqqasijiet fl-ikkompletar tas-suq uniku qed iċaħħdu lill-UE mill-potenzjal ta' tkabbir sħiħ tagħha;

3.  Jilqa' l-fatt li fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs) għall-2016 tagħha, il-Kummissjoni poġġiet enfasi fuq it-tliet prijoritajiet ewlenin sabiex jissaħħaħ aktar it-tkabbir ekonomiku: l-appoġġ tal-investiment għall-innovazzjoni, it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi, it-twettiq ta' riformi strutturali soċjalment bilanċjati u t-tħeġġiġ ta' finanzi pubbliċi responsabbli; jenfasizza, madankollu, li l-Kummissjoni għandha tagħmel aktar biex tirfed is-sostenibbiltà fiskali bi qbil mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, filwaqt li tuża bis-sħiħ il-klawżoli ta' flessibbiltà tiegħu, bi qbil mal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Jannar 2015 (COM(2015)0012);

4.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-koerenza bejn l-istrumenti tal-politika ta' koeżjoni u l-qafas ta' governanza ekonomika usa', bl-għan li jingħata appoġġ lill-isforzi ta' rkupru meħtieġa biex tinkiseb konformità mar-regoli tas-Semestru Ewropew; jissottolinja, madankollu, li l-leġittimità tal-politika ta' koeżjoni toriġina mit-Trattati, u li din il-politika hija l-espressjoni tas-solidarjetà Ewropea, li għandha bħala miri ewlenin it-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-UE billi jitnaqqsu d-disparitajiet bejn il-livelli ta' żvilupp tad-diversi reġjuni, il-finanzjament tal-investiment marbut mal-miri ta' Ewropa 2020 u t-tqarrib tal-UE lejn iċ-ċittadini tagħha; għalhekk, huwa tal-opinjoni li l-miżuri li jorbtu l-effikaċja tal-Fondi ESI ma' governanza ekonomika soda għandhom jiġu applikati b'ġudizzju u b'mod ibbilanċjat, iżda biss bħala l-aħħar għażla, u li l-effetti tagħhom għandhom jiġu rrappurtati; ifakkar, barra minn hekk, li l-applikazzjoni ta' tali miżuri għandha dejjem tkun ġustifikata, trasparenti u tqis iċ-ċirkostanzi ekonomiċi u soċjali tal-Istat Membru kkonċernat, sabiex jiġi evitat li jiġu ristretti l-investimenti reġjonali u lokali, li huma assolutament essenzjali għall-ekonomiji tal-Istati Membri, b'mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), peress li dawn l-investimenti jimmassimizzaw it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi u jistimulaw il-kompetittività u l-produttività, speċjalment fi żminijiet ta' pressjoni qawwija fuq in-nefqa pubblika; fir-rigward tal-każijiet taż-żewġ Stati Membri li kienu s-suġġett tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2016, li wasslu għal sanzjonijiet skont il-proċedura ta' defiċit eċċessiv abbażi tal-Artikolu 126(8) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), jiġbed l-attenzjoni għall-proposta tal-Kummissjoni tas-27 ta' Lulju 2016 u għad-deċiżjoni sussegwenti tal-Kunsill tat-8 ta' Awwissu 2016 biex jiġu kkanċellati l-multi li setgħu ġew imposti, b'kont meħud tat-talbiet motivati tal-Istati Membri, l-ambjent ekonomiku diffiċli, l-isforzi ta' riforma taż-żewġ pajjiżi u l-impenji tagħhom biex jikkonformaw mar-regoli tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir; jemmen, f'dan il-kuntest, li l-proposta li tiġi sospiża parti mill-impenji tal-2017 għall-Fondi SIE skont il-miżuri li jorbtu l-effikaċja tagħhom ma' governanza ekonomika soda għandha tqis il-fehmiet tal-Parlament, espressi matul id-Djalogu Strutturat;

5.  Jilqa' l-approċċ kontinwu tal-Kummissjoni li tillimita l-għadd ta' rakkomandazzjonijiet u l-isforz tagħha biex tissimplifika s-semestru billi tkopri prinċipalment l-oqsma ewlenin ta' prijorità ta' rilevanza makroekonomika u soċjali meta tistabbilixxi l-objettivi ta' politika għat-18-il xahar li ġejjin; itenni li dan jiffaċilita l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet abbażi tal-firxa komprensiva u sinifikanti ta' punti ta' riferiment ekonomiċi u soċjali eżistenti; jenfasizza li tnaqqis fl-għadd ta' rakkomandazzjonijiet għandu jwassal ukoll għal enfasi tematika aħjar; jenfasizza l-ħtieġa li jitnaqqsu d-disparitajiet ekonomiċi u li tinkiseb konverġenza akbar bejn l-Istati Membri;

6.  Jappoġġja bis-sħiħ l-isforzi li saru biex tiġi żgurata sjieda nazzjonali akbar fil-formulazzjoni u l-implimentazzjoni tas-CSRs bħala proċess ta' riforma li għadu għaddej; iqis li, sabiex tiżdied is-sjieda nazzjonali u titħeġġeġ l-implimentazzjoni effettiva tas-CSRs, u fid-dawl tal-fatt li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jridu jimplimentaw aktar minn nofs is-CSRs, dawn għandhom jiġu artikolati b'mod ċar madwar prijoritajiet definiti sew u strutturati fil-livell Ewropew, bl-involviment tal-parlamenti nazzjonali u l-awtoritajiet reġjonali u lokali, meta jkun xieraq; itenni li, fid-dawl tat-tqassim tas-setgħat u tal-kompetenzi f'diversi Stati Membri, it-twettiq tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jista' jitjieb bil-parteċipazzjoni attiva tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u, għal dan l-għan, jappoġġja l-proposta ta' kodiċi ta' kondotta għall-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fis-Semestru Ewropew kif issuġġerit mill-Kumitat tar-Reġjuni; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw skrutinju demokratiku xieraq tal-Programmi Nazzjonali ta' Riforma tagħhom fil-parlamenti nazzjonali rispettivi tagħhom;

7.  Jenfasizza li l-kriżi ekonomika twila tal-Ewropa enfasizzat l-ħtieġa qawwija li jiġi ffaċilitat l-investiment f'oqsma bħall-edukazzjoni, l-innovazzjoni u r-riċerka u l-iżvilupp, filwaqt li tittejjeb il-kompetittività tal-UE billi jitwettqu riformi strutturali sostenibbli sabiex tingħata spinta lill-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità, u billi jiġu implimentati politiki fiskali responsabbli sabiex jinħoloq ambjent aħjar għall-impjiegi, l-intrapriżi (speċjalment l-SMEs) u l-investiment; jinnota l-impatt tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi wara sena ta' funzjonament; jenfasizza l-importanza li jissaħħu l-użu tal-FEIS f'reġjuni inqas żviluppati u ta' tranżizzjoni u l-karattru tassew addizzjonali tal-investimenti tiegħu filwaqt li jiżdiedu l-isforzi biex jiġu żviluppati Pjattaformi ta' Investiment, anke fil-livell reġjonali;

8.  Jissottolinja li r-rati tal-qgħad li għadhom għoljin wisq, speċjalment fir-rigward tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, juru li l-kapaċità li jinħolqu impjiegi ta' kwalità f'diversi Stati Membri għadha limitata, u jenfasizza li hemm bżonn ta' aktar azzjoni, b'konsultazzjoni mas-sħab soċjali u b'konformità mal-prattiki nazzjonali, sabiex jiżdied l-investiment fil-ħiliet, is-swieq tax-xogħol isiru aktar inklużivi u jitnaqqsu l-esklużjoni soċjali u l-inugwaljanzi li qed jikbru fid-dħul u l-ġid, filwaqt li tinżamm ġestjoni baġitarja soda; jinnota li l-miżuri ta' appoġġ li jiffaċilitaw l-aċċess għall-finanzjament, partikolarment għall-SMEs, huma essenzjali biex ir-rati għoljin ta' qgħad kontinwi f'bosta Stati Membri jiġu indirizzati b'mod effettiv;

9.  Jenfasizza li s-sitwazzjoni ekonomika attwali, li tgħaqqad l-eċċess ta' likwidità ma' rati tal-imgħax fiż-"zero lower bound" (ZLB), il-prospetti ta' domanda dgħajfin, u l-investiment u l-infiq ristretti mill-familji u l-kumpaniji, teħtieġ l-implimentazzjoni ta' taħlita ta' politiki mġedda mressqa mill-Kummissjoni sabiex jinħoloq it-tkabbir; jinnota li l-politika monetarja waħedha mhijiex biżżejjed biex tistimola t-tkabbir mingħajr l-investimenti u riformi strutturali sostenibbli;

Il-prijoritajiet u l-objettivi tar-rakkomandazzjonijiet 2016

10.  Jenfasizza r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni biex tliet Stati Membri joħorġu mill-proċedura ta' defiċit eċċessiv (EDP); jaqbel mal-Kummissjoni li surpluses kbar u konsistenti fil-kontijiet kurrenti juru l-ħtieġa li jiġu stimulati d-domanda u l-investiment, b'mod partikolari l-investiment fit-tul, sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tal-futur fir-rigward tat-trasport u l-komunikazzjonijiet, l-ekonomija diġitali, l-edukazzjoni, l-innovazzjoni u r-riċerka, it-tibdil fil-klima, l-enerġija, il-ħarsien tal-ambjent u l-popolazzjoni li qed tixjieħ; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tinkoraġġixxi politiki baġitarji responsabbli u sostenibbli li jsostnu t-tkabbir u l-irkupru fl-Istati Membri kollha billi tpoġġi aktar enfasi fuq l-investiment u n-nefqa pubblika effiċjenti, u billi tappoġġja riformi strutturali sostenibbli u soċjalment bilanċjati;

11.  Jinnota li jinħtieġu aktar miżuri biex jiżdiedu l-opportunitajiet ta' finanzjament, b'mod partikolari għall-SMEs, u biex jitnaqqas is-self improduttiv (NPLs), fiż-żona tal-euro u b'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE, sabiex il-karti tal-bilanċ tal-banek ikunu aktar sodi u b'hekk tiżdied l-abbiltà tal-banek li jsellfu lill-ekonomija reali; jenfasizza l-importanza li tiġi kkompletata pass pass u li tiġi implimentata l-Unjoni Bankarja kif ukoll li tiġi żviluppata l-Unjoni tas-Swieq Kapitali sabiex jinħoloq ambjent stabbli għall-investimenti u t-tkabbir u tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq finanzjarju taż-żona tal-euro;

12.  Jissottolinja l-fatt li l-investiment s'issa waqa' lura u naqas milli jwassal għal tkabbir sostenibbli u inklużiv fl-UE u milli jikkontribwixxi għat-titjib tal-ambjent tan-negozju; iqis li jeħtieġ li l-politika monetarja tkun akkumpanjata b'politiki fiskali xierqa bl-għan li jittejjeb it-tkabbir fl-UE, bi qbil mar-regoli tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, inklużi l-klawżoli ta' flessibbiltà tiegħu; jinnota li l-investimenti fil-livell tal-gvernijiet sottonazzjonali naqsu b'mod qawwi fis-snin reċenti, iżda madankollu għadhom jirrappreżentaw madwar sittin fil-mija tal-investiment pubbliku fl-UE; jissottolinja li strumenti tal-politika ta' investiment bħall-FEIS u l-FSIE jeħtieġu taħlit ikkalibrat u komplementarjetà bejniethom sabiex isaħħu l-valur miżjud tal-infiq tal-Unjoni billi jattiraw riżorsi addizzjonali minn investituri privati; jenfasizza, għalhekk, li l-Programm ta' Appoġġ għar-Riforma Strutturali (SRSP) għandu jinvolvi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali meta jitfassal il-proġett ta' riforma strutturali inkwistjoni;

Risposti politiċi u konklużjonijiet

13.  Jenfasizza l-ħtieġa li tittejjeb il-kapaċità ġenerali tal-UE li tikber u toħloq u żżomm impjiegi ta' kwalità u għaldaqstant li tindirizza l-livelli għoljin ta' qgħad billi toħloq qafas regolatorju li jappoġġja t-tkabbir; iqis li l-migrazzjoni jista' jkollha rwol biex tikkumpensa għall-effetti negattivi tal-popolazzjoni li qed tixjieħ, skont l-abbiltà tal-Istati Membri li jużaw aħjar il-ħiliet tal-migranti u li jadattaw is-sistemi ta' ġestjoni tal-migrazzjoni tal-ħaddiema għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol;

14.  Jenfasizza l-importanza ta' sistemi edukattivi inklużivi li jħeġġu l-innovazzjoni u l-kreattività u jgħallmu ħiliet rilevanti għas-suq tax-xogħol, b'referenza partikolari għall-edukazzjoni vokazzjonali; jinnota li għandu jinżamm bilanċ xieraq, li jevita ġirja lejn l-iktar livell baxx fil-pagi u l-istandards tal-impjieg, bejn l-ispejjeż ekonomiċi, soċjali u umani b'konformità mal-valuri tal-UE tas-solidarjetà u s-sussidjarjetà, filwaqt li sadattant l-enfasi tibqa' fuq l-investiment fil-kapital uman, ir-riċerka u l-iżvilupp, it-titjib tas-sistemi edukattivi u t-taħriġ vokazzjonali, inkluż it-tagħlim tul il-ħajja; iqis li jinħtieġu politiki mfassla tajjeb għall-promozzjoni tal-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp sabiex titħeġġeġ il-produttività, jinħoloq tkabbir sostenibbli stabbli u jiġu indirizzati l-isfidi strutturali attwali, biex b'hekk jonqos id-distakk fl-innovazzjoni ma' ekonomiji oħra;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti prijorità lil miżuri li jnaqqsu l-ostakoli għal flussi akbar ta' investiment u kummerċ, li jinħolqu fil-livell tal-UE minħabba nuqqas ta' ċarezza rigward l-istrateġiji li għandhom jintużaw, speċjalment fl-oqsma li ġejjin: l-enerġija, it-trasport, il-komunikazzjonijiet u l-ekonomija diġitali; jinnota l-effett fuq is-self mill-banek wara l-adozzjoni tal-unjoni bankarja, u fil-livell nazzjonali, minn sistemi ġuridiċi ineffiċjenti, korruzzjoni, nuqqas ta' trasparenza fis-settur finanzjarju, burokrazija antikwata, diġitalizzazzjoni inadegwata tas-servizzi pubbliċi, allokazzjoni ħażina tar-riżorsi, il-preżenza ta' ostakoli għas-suq intern fis-setturi bankarji u tal-assigurazzjoni, u sistemi edukattivi li jibqgħu ma jaqblux mar-rekwiżiti tas-suq tax-xogħol u l-ikkompletar tas-suq uniku;

16.  Jiddeplora l-fatt li fir-rigward tal-istrateġija Ewropa 2020, fejn għall-ewwel darba l-ġlieda kontra l-faqar kienet parti minn programm tal-UE, l-għan li titnaqqas tal-kobor tal-faqar fl-Unjoni, mhux se jintlaħaq; iqis li l-għan tal-ġlieda kontra l-faqar għandu jiġi inkluż immedjatament fil-fażi inizjali tal-politiki tal-UE;

17.  Jissottolinja l-importanza li jiġi evitat porzjon eċċessiv ta' taxxa fuq ix-xogħol, minħabba li t-tassazzjoni eċċessiva tnaqqas l-inċentivi biex il-persuni mhux attivi, il-persuni qiegħda, il-persuni li jkunu t-tieni sors ta' dħul u l-ħaddiema b'paga baxxa jirritornaw għax-xogħol;

18.  Jieħu nota tad-diskussjoni li għaddejja bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri dwar il-metodoloġija għall-kalkolu tal-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni;

19.  Jirrimarka li għandhom isiru sforzi sabiex jitneħħew l-ostakoli li għad fadal għall-investiment fl-Istati Membri u jingħata lok għal taħlita aktar xierqa orjentata lejn politiki li jrawmu tkabbir sostenibbli, inkluża enfasi ġenwina fuq l-infiq fuq ir-riċerka u l-iżvilupp; jemmen li l-appoġġ pubbliku u privat għar-riċerka u l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja huma fatturi kruċjali għal ekonomija Ewropea iktar kompetittiva u li d-dgħufija jew in-nuqqas ta' din l-infrastruttura jqiegħdu lil ċerti pajjiżi fi żvantaġġ enormi; jenfasizza li m'hemmx riċetta ideali waħda ta' politika ta' innovazzjoni tal-UE tajba għal kulħadd, iżda sabiex jingħalaq id-distakk bejn l-innovazzjoni u l-kapaċità fl-UE, għandhom jiġu rakkomandati politiki tal-innovazzjoni differenzjati biżżejjed fl-Istati Membri li jkomplu jibnu fuq l-istejjer ta' suċċess li nkisbu diġà;

20.  Jilqa' l-Ftehim tal-Konferenza ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima (COP21) f'Diċembru 2015 u jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jimplimentawh.

Il-kontributi settorjali għas-Semestru Ewropew 2016

Politiki Soċjali u tal-Impjieg

21.  Iqis li l-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jimmiraw biex il-proċessi ta' konsolidazzjoni fiskali jiġu akkumpanjati b'miżuri li jgħinu biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi, u jenfasizza li l-proċess tas-Semestru Ewropew għandu jgħin biex jingħataw tweġibiet għall-isfidi soċjali eżistenti u dawk emerġenti, biex b'hekk tiġi żgurata ekonomija aktar effikaċi; jirrimarka li l-investimenti soċjali fil-kapital uman iridu jikkostitwixxu azzjoni komplementari fundamentali, minħabba li l-kapital uman huwa wieħed mill-fatturi ta' tkabbir u mutur tal-kompetittività u l-iżvilupp; jitlob li r-riformi strutturali kbar proposti mis-CSRs jiġu akkumpanjati b'valutazzjoni tal-impatt soċjali fir-rigward tal-effetti fuq żmien qasir, medju u twil bl-għan ta' għarfien aħjar tal-konsegwenzi soċjali, ekonomiċi u tal-impjieg, speċjalment l-impatt fuq il-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir ekonomiku;

22.  Jissottolinja li l-qgħad, u b'mod partikolari l-qgħad fost iż-żgħażagħ, għadu problema prevalenti għas-soċjetajiet Ewropej, u li skont il-Kummissjoni l-qgħad kompla jonqos gradwalment, iżda jibqa' ogħla mil-livelli tal-2008, b’21.2 miljun persuna qiegħda f'April 2016 u b'differenzi kbar bejn l-Istati Membri; jirrimarka dwar il-ħtieġa ta' evalwazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva tal-impjiegi maħluqa, sabiex tiġi evitata żieda fir-rati tal-impjieg bħala sempliċi konsegwenza ta' impjiegi prekarji jew ta' tnaqqis fil-forza tax-xogħol; jinnota li minkejja li jipproduċu riżultati fir-rigward tal-ħiliet u l-għarfien, uħud mis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-Istati Membri ma jagħtux riżultati tajbin internazzjonalment u għandhom nuqqasijiet li qed jikbru fir-rigward tal-ħiliet, u dan jikkontribwixxi għall-fatt li 39 % tal-kumpaniji għad għandhom diffikultajiet biex isibu persunal bil-ħiliet meħtieġa; jinsisti li fis-CSRs tingħata prijorità akbar biex jingħelbu l-iżbilanċi strutturali fis-suq tax-xogħol, inklużi l-qgħad fit-tul u l-ispariġġ fil-ħiliet, u jissottolinja l-ħtieġa ta' investiment u żvilupp ulterjuri fir-rigward ta' sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ li jipprovdu lis-soċjetà bl-għodod u l-kapaċitajiet biex jadattaw mill-ġdid għad-domandi li qed jinbidlu tas-suq tax-xogħol;

23.  Jirrimarka li bejn l-2008 u l-2014 l-għadd ta' persuni fl-UE fir-riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali żdied b'4.2 miljuni, u laħaq total ta' aktar minn 22 miljun (22.3 %); jinnota li l-Kummissjoni ddikjarat li "l-parti l-kbira tal-Istati Membri għadhom qed jaffaċċjaw il-wirt soċjali akut mill-kriżi"; jitlob sforz akbar mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri biex jitnaqqsu l-faqar, l-esklużjoni soċjali u l-inugwaljanzi li qed jiżdiedu, sabiex jiġu indirizzati d-disparitajiet ekonomiċi u soċjali bejn l-Istati Membri u fi ħdan is-soċjetajiet; huwa tal-fehma li l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali u t-tnaqqis tal-inugwaljanzi għandhom ikunu waħda mill-prijoritajiet riflessi fis-CSRs, u huma fundamentali biex jinkisbu tkabbir ekonomiku dejjiemi u ritmu ta' implimentazzjoni soċjalment sostenibbli;

24.  Ifakkar li, kif iddikjarat mill-Parlament, riformi soċjalment responsabbli jridu jkunu bbażati fuq is-solidarjetà, l-integrazzjoni, il-ġustizzja soċjali u d-distribuzzjoni ġusta tal-ġid, mudell li jiżgura l-ugwaljanza u l-protezzjoni soċjali, jipproteġi lill-gruppi vulnerabbli u jtejjeb l-istandards tal-għajxien għaċ-ċittadini kollha;

25.  Jemmen li t-tkabbir ekonomiku għandu jiggarantixxi impatt soċjali pożittiv; jilqa' l-introduzzjoni tat-tliet indikaturi ewlenin il-ġodda fil-qasam tal-impjieg fit-tabella ta' valutazzjoni makroekonomika; itenni t-talba tiegħu biex dawn jitpoġġew fuq l-istess livell mal-indikaturi ekonomiċi eżistenti, u b'hekk ikun iggarantit li l-iżbilanċi interni jkunu vvalutati aħjar u li r-riformi strutturali jsiru aktar effikaċi; jitlob, f'dan ir-rigward li, sabiex tiġi evitata applikazzjoni selettiva, dawn jitħallew jiskattaw analiżijiet approfonditi, u jitlob ukoll fehim aħjar tar-rabta kawża-effett bejn il-politiki u l-azzjonijiet; jipproponi l-introduzzjoni ta' proċedura ta' żbilanċi soċjali fit-tfassil tas-CSRs sabiex tiġi evitata ġirja lejn l-iktar livell baxx f'termini ta' standards soċjali, u dan abbażi tal-użu effikaċi tal-indikaturi soċjali u tal-impjieg fis-sorveljanza makroekonomika; huwa tal-fehma li f'każ li l-indikaturi ekonomiċi u tal-impjieg jitqiegħdu fuq l-istess livell, dan għandu jimxi id f'id mat-titjib tar-rwol tal-Kunsill EPSCO fis-Semestru Ewropew;

26.  Iqis li l-introduzzjoni tat-tliet indikaturi tal-impjieg turi li l-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi, inklużi l-Linji Gwida dwar l-Impjiegi, qed ikollha rwol importanti fil-proċess ta' governanza ekonomika tal-UE, iżda jeħtieġ li jsiru aktar sforzi, partikolarment bl-introduzzjoni ta' indikaturi soċjali;

27.  Jirrikonoxxi li l-Kummissjoni bdiet il-ħidma dwar l-istabbiliment ta' Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, imma jfakkar fil-ħtieġa li jinkisbu r-riżultati tal-proċess ta' konsultazzjoni u li nimxu 'l quddiem b'miżuri effikaċi ġodda li jwasslu għal UE aktar profonda u aktar ġusta, u li għandu jkollhom rwol importanti fl-indirizzar tal-inugwaljanza; jenfasizza, f'dan ir-rigward, ir-Rapport tal-Ħames Presidenti, li jappella għal konverġenza ekonomika u soċjali ikbar, iżda jirrikonoxxi li m'hemmx soluzzjoni waħda tajba għal-kulħadd; jemmen, f'dan ir-rigward, li kull politika komuni għandha tiġi adattata għal kull Stat Membru; iqis li l-azzjoni Ewropea għandha tindirizza wkoll l-inugwaljanzi u d-differenzi fl-introjtu fl-Istati Membri, u trid tmur oltre milli sempliċement tindirizza s-sitwazzjoni ta' dawk l-aktar fil-bżonn;

28.  Jirrikonoxxi li s-Semestru Ewropew illum iqiegħed enfasi ikbar fuq l-impjiegi u l-prestazzjoni soċjali; filwaqt li jirrispetta l-kompetenzi tal-Istati Membri, jistedinhom jieħdu azzjoni urġenti biex jiżguraw xogħol deċenti b'paga li tiggarantixxi l-għajxien, aċċess għal introjtu minimu adegwat u protezzjoni soċjali (li diġà naqqset ir-rata ta' faqar minn 26.1 % għal 17.2 %) u servizzi pubbliċi ta' kwalità, u huwa favur l-iżvilupp u l-istabbiliment ta' sistema ta' sigurtà soċjali xierqa u sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni toffri appoġġ u twettaq skambju tal-aħjar prattiki mal-Istati Membri sabiex ittejjeb il-kapaċità amministrattiva fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, peress li din hija sfida ewlenija għall-varar mill-ġdid ta' investiment fit-tul u għall-iżgurar tal-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir sostenibbli;

29.  Jenfasizza li l-provvista u l-ġestjoni tas-sistemi ta' sigurtà soċjali huma kompetenza tal-Istati Membri li l-Unjoni tikkoordina iżda ma tarmonizzax;

30.  Jirrikonoxxi li l-iffissar tal-pagi huwa kompetenza tal-Istati Membri li trid tiġi rispettata bi qbil mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

31.  Jieħu nota tal-fatt li l-qgħad fost iż-żgħażagħ naqas, imma jirrimarka li għadu f'livelli inkredibilment għoljin, b'aktar minn 4 miljun persuna taħt il-25 sena qiegħda fl-UE, li minnhom 2,885 miljun jinsabu fiż-żona tal-euro; jiddispjaċih li aktar minn tliet snin wara l-varar tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, ir-riżultati tal-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ huma daqstant inugwali, u xi drabi ineffikaċi; jistieden lill-Kummissjoni biex f'Ottubru 2016 tippreżenta analiżi bir-reqqa tal-implimentazzjoni tagħha li tista' sservi bħala l-bażi għat-tkomplija tal-programm;

32.  Ifakkar li f'ħafna Stati Membri l-benefiċċji tal-qgħad qed jonqsu sena wara l-oħra, b'riżultat, fost fatturi oħra, tal-qgħad fit-tul, u dan għaldaqstant iżid l-għadd ta' persuni li jgħixu taħt is-soll tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali; jitlob li jkunu garantiti benefiċċji tal-qgħad adegwati li jippermettu li n-nies jgħixu b'dinjità, kif ukoll azzjonijiet li jiżguraw l-integrazzjoni bla intoppi ta' dawn in-nies fis-suq tax-xogħol;

33.  Jenfasizza l-fatt li l-iżbilanċi fis-sistemi tal-pensjonijiet bażikament huma l-konsegwenza tal-qgħad, tad-devalwazzjoni tal-pagi u tal-prekarjetà tax-xogħol; jitlob, għalhekk, aktar riformi li jiggarantixxu finanzjament adegwat biex ikun hemm l-ewwel pilastru b'saħħtu tal-pensjonijiet li jiżgura pensjonijiet deċenti, tal-anqas f'livell 'il fuq mis-soll tal-faqar;

34.  Ifakkar għal darb' oħra li l-moviment liberu tal-persuni huwa fundamentali għat-tisħiħ tal-konverġenza u tal-integrazzjoni bejn il-pajjiżi Ewropej;

35.  Jinnota l-għadd ikbar ta' rakkomandazzjonijiet (lil ħames Stati Membri) dwar reġimi ta' introjtu minimu; madankollu, b'kont meħud li l-inugwaljanzi kbar fl-introjtu huma ta' detriment mhux biss għall-koeżjoni soċjali iżda anke għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli (kif kemm il-FMI u l-OECD stqarrew reċentement), jistieden lill-Kummissjoni twettaq il-wegħda li saret mill-President Juncker fid-diskors inawgurali tiegħu li tipprovdi introjtu xieraq għall-Ewropej kollha permezz ta' qafas Ewropew ta' introjtu minimu li jkopri l-ispejjeż bażiċi tal-għajxien, b'rispett tal-prattiki nazzjonali u tal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

36.  Huwa mħasseb dwar iż-żieda tal-inugwaljanzi fl-introjtu marbuta parzjalment ma' riformi ineffiċjenti tas-suq tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri li jtejbu l-kwalità tal-impjiegi sabiex inaqqsu s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol, flimkien ma' miżuri li jgħollu l-pagi minimi għal livell diċenti u li jsaħħu n-negozjar kollettiv u l-pożizzjoni tal-ħaddiema fis-sistemi tal-iffissar tal-pagi sabiex titnaqqas il-varjazzjoni tal-pagi; iwissi li f'dawn l-aħħar deċennji l-maniġments korporattivi kienu qed jirċievu sehem akbar mill-benefiċċji ekonomiċi filwaqt li l-pagi tal-ħaddiema staġnaw jew tnaqqsu; iqis li din il-varjazzjoni eċċessiva fil-pagi żżid l-inugwaljanzi u hija ta' dannu għall-produttività u l-kompetittività tal-kumpaniji;

37.  Huwa mħasseb dwar il-fatt li l-qgħad fit-tul għadu għoli, u jaffettwa lil 10.5 miljun ruħ fl-UE, u jfakkar li l-integrazzjoni tal-persuni li ilhom qiegħda fis-suq tax-xogħol hija kruċjali biex tkun iggarantita s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali, kif ukoll għall-fiduċja fihom infushom; jiddispjaċih, għalhekk, dwar in-nuqqas ta' azzjoni mill-Istati Membri f'termini ta' implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-integrazzjoni tal-persuni qiegħda fit-tul fis-suq tax-xogħol; itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tappoġġja sforzi sabiex jinħolqu opportunitajiet ta' tagħlim tul il-ħajja inklużivi għall-ħaddiema u għal dawk li qed ifittxu x-xogħol ta' kull età u biex tieħu miżuri mill-aktar fis possibbli sabiex ittejjeb l-aċċess għall-fondi tal-UE, kif ukoll biex timmobilizza riżorsi addizzjonali meta jkun possibbli;

38.  Iqis li l-protezzjoni soċjali, inklużi l-pensjonijiet u servizzi bħall-kura tas-saħħa, il-kura tat-tfal u l-kura fit-tul, għadha essenzjali għal tkabbir bilanċjat u inklużiv, għal ħajja tax-xogħol itwal, għall-ħolqien tal-impjiegi u għat-tnaqqis tal-inugwaljanzi; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu spinta lill-politiki li jiggarantixxu s-suffiċjenza, l-adegwatezza, l-effiċjenza u l-kwalità tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu ta' persuna, filwaqt li jiggarantixxu ħajja deċenti, jiġġieldu kontra l-inugwaljanzi u jagħtu spinta lill-inklużjoni bl-għan li jeqirdu l-faqar, speċjalment għal dawk esklużi mis-suq tax-xogħol u għall-gruppi l-aktar vulnerabbli;

39.  Jenfasizza l-ostakoli u x-xkiel, kemm fiżiċi kif ukoll diġitali, li l-persuni b'diżabilità għadhom iħabbtu wiċċhom magħhom illum; jittama li l-Att dwar id-Diżabilità varat mill-Kummissjoni jiġi implimentat minnufih u jiffoka b'mod effikaċi fuq miżuri speċifiċi biex jiġu promossi l-inklużjoni u l-aċċess;

Is-Suq Intern

40.  Jilqa' l-għadd kbir ta' CSRs li jappoġġjaw suq uniku integrat u li jiffunzjona tajjeb, inklużi l-opportunitajiet ta' finanzjament u ta' investiment li jappoġġjaw in-negozji u, b'mod partikolari, lill-SMEs u li jgħinu biex jinħolqu l-impjiegi, il-gvern elettroniku, l-akkwist pubbliku u r-rikonoxximent reċiproku, inkluż ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki; jenfasizza li l-infurzar huwa kruċjali biex jinħass l-impatt ta' dawn l-oqsma ta' politika; iqis bħala kruċjali, f'dan ir-rigward u b'rabta mas-CSRs, li l-Kummissjoni tagħti l-attenzjoni kollha possibbli biex ikunu introdotti riformi fuq terminu twil li jkollhom impatt sinifikanti, speċjalment fejn jidħlu l-investimenti soċjali, l-impjiegi u t-taħriġ;

41.  Jiddikjara li s-suq uniku huwa s-sinsla tal-ekonomija tal-UE, u jenfasizza li suq uniku inklużiv, b'governanza msaħħa li tiffavorixxi regolamentazzjoni u kompetizzjoni aħjar, huwa strument kruċjali li jtejjeb it-tkabbir, il-koeżjoni, l-impjiegi u l-kompetittività u li jissalvagwardja l-fiduċja tas-settur kummerċjali u tal-konsumaturi; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tissorvelja l-progress li jkun sar mill-Istati Membri, u jtenni l-importanza li jkun inkluż b'mod formali fis-Semestru Ewropew pilastru tas-suq uniku sabiex ikun jista' jsir monitoraġġ kontinwu tal-indikaturi tas-suq uniku li jippermettu segwitu sistematiku u valutazzjoni tal-progress tal-Istati Membri fir-rigward tas-CSRs;

42.  Jilqa' d-determinazzjoni tal-Kummissjoni li tindirizza n-nuqqas ta' koordinazzjoni fiskali fi ħdan l-UE, b'mod partikolari d-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom l-SMEs minħabba l-kumplessità tar-regolamenti tal-VAT nazzjonali differenti; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-fattibbiltà ta' koordinazzjoni ulterjuri u, b'mod partikolari, tivvaluta l-possibbiltà ta' approċċ semplifikat dwar il-VAT fis-suq uniku diġitali;

43.  Jikkundanna l-ostakoli li għadhom jeżistu, jew li nħolqu, u li jxekklu suq uniku integrat u li jiffunzjona tajjeb; jiġbed l-attenzjoni, b'mod partikolari, għat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni parzjali tad-Direttiva dwar is-Servizzi minn ħafna Stati Membri, u jistieden lill-Kummissjoni tinforza b'mod aktar effettiv dak li l-Istati Membri qablu dwaru fil-qafas tad-dritt tal-UE; ifakkar fl-impenn tal-Kummissjoni li tuża proċeduri ta' ksur, jekk ikun meħtieġ, biex tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni dwar is-suq uniku tal-prodotti u s-servizzi u fl-isfera diġitali;

44.  Jirrimarka li s-sistema relatata mar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali hija msejsa fuq il-prinċipji tal-fiduċja reċiproka bejn is-sistemi ġuridiċi differenti kif ukoll fuq il-verifika reċiproka tal-kwalità tal-kwalifiki; jinnota li hija meħtieġa azzjoni ulterjuri biex jiġi implimentat aħjar ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali; jenfasizza li, peress li l-frammentazzjoni tas-suq uniku tirrestrinġi l-attività ekonomika u l-għażla tal-konsumatur, huwa essenzjali li jkunu garantiti infurzar tajjeb u regolamentazzjoni aħjar li jkopru lis-setturi kollha tan-negozju u japplikaw kemm għal-leġiżlazzjoni eżistenti kif ukoll għal dik futura; jilqa' l-eżerċizzju ta' mmappjar ta' professjonijiet u kwalifiki regolati, li ser joħloq bażi ta' data pubblika interattiva li tista' tagħti kontribut lill-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali tal-Istati Membri;

45.  Jiddispjaċih li s-CSRs għadhom jindikaw nuqqasijiet fl-akkwist pubbliku bħalma huwa n-nuqqas ta' kompetizzjoni u ta' trasparenza, filwaqt li 21 Stat Membru naqsu milli jittrasponu bis-sħiħ il-pakkett leġiżlattiv, u dan wassal għal distorsjonijiet fis-suq; jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni malajr sabiex tiżgura li l-Istati Membri jirrispettaw l-obbligi ġuridiku tagħhom billi tadotta l-proċeduri ta' ksur neċessarji; jistieden lill-Kummissjoni biex, sistematikament, tara b'mod effiċjenti u trasparenti li l-proċeduri amministrattivi ma joħolqux piż sproporzjonat fuq in-negozji u jimpedixxu lill-SMEs milli jipparteċipaw fl-akkwist pubbliku;

46.  Jappoġġja l-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jimmodernizzaw is-servizzi tal-amministrazzjoni pubblika, b'mod partikolari permezz tal-gvern elettroniku, u jitlob tisħiħ fir-rigward tal-kooperazzjoni transkonfinali, is-semplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi u l-interoperabilità tal-amministrazzjonijiet pubbliċi għall-benefiċċju tan-negozji u taċ-ċittadini kollha, u fl-istess ħin jistieden lill-Kummissjoni biex, fejn id-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi tkun iffinanzjata mill-baġit tal-UE, twettaq monitoraġġ aktar effikaċi tal-użu xieraq tal-fondi;

o
o   o

47.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Presidenti tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, tal-Grupp tal-Euro u tal-BĊE, kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1) Testi adottati, P8_TA(2016)0058.
(2) Testi adottati, P8_TA(2015)0238.
(3) ĠU C 165E, 11.6.2013, p. 24.
(4) ĠU L 169, 1.7.2015, p. 1.
(5) ĠU C 24, 22.1.2016, p. 2.
(6) Testi adottati, P8_TA(2016)0358.

Avviż legali - Politika tal-privatezza