Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2156(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0271/2016

Testi mressqa :

A8-0271/2016

Dibattiti :

PV 26/10/2016 - 18

Votazzjonijiet :

PV 27/10/2016 - 8.1
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0418

Testi adottati
PDF 348kWORD 52k
Il-Ħamis, 27 ta' Ottubru 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
Kwittanza 2014: Il-baġit ġenerali tal-UE - Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill
P8_TA(2016)0418A8-0271/2016
Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Ottubru 2016 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill (2015/2156(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014(1),

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali kkonsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014 (COM(2015)0377 – C8-0201/2015)(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(4) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2014, skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tat-28 ta' April 2016(5) li tipposponi d-deċiżjoni ta' kwittanza għas-sena finanzjarja 2014, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li takkumpanjaha,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(6), u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99, 164, 165 u 166 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra t-tieni rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0271/2016),

1.  Jiċħad il-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill għas-sena finanzjarja 2014;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU L 51, 20.2.2014.
(2) ĠU C 377, 13.11.2015, p. 1.
(3) ĠU C 373, 10.11.2015, p. 1.
(4) ĠU C 377, 13.11.2015, p. 146.
(5) ĠU L 246, 14.9.2016, p. 20.
(6) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.


2. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta’ Ottubru 2016 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill (2015/2156(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra t-tieni rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0271/2016),

A.  billi l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni għandhom ikunu trasparenti u jagħtu rendikont sħiħ liċ-ċittadini tal-Unjoni għall-fondi fdati lilhom bħala istituzzjonijiet tal-Unjoni;

B.  billi l-Kunsill Ewropew u l-Kunsill, bħala istituzzjonijiet tal-Unjoni, għandhom ikunu soġġetti għar-responsabbiltà demokratika fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni peress li huma benefiċjarji tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea;

1.  Ifakkar ir-rwol tal-Parlament speċifikat fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ir-“Regolament Finanzjarju”) fir-rigward tal-kwittanza baġitarja;

2.  Jirrimarka li, skont l-Artikolu 335 tat-TFUE, "[...] l-Unjoni għandha tkun rappreżentata minn kull waħda mill-istituzzjonijiet, bis-saħħa tal-awtonomija amministrattiva tagħhom, fi kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-operat rispettiv tagħhom", u li, għaldaqstant, filwaqt li jitqies l-Artikolu 55 tar-Regolament Finanzjarju, l-istituzzjonijiet huma responsabbli b'mod individwali għall-implimentazzjoni tal-baġits tagħhom;

3.  Jisħaq r-rwol tal-Parlament u ta' istituzzjonijiet oħra fi ħdan il-proċedura ta' kwittanza, kif regolat mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju, b'mod partikolari mill-Artikolu 164 sal-Artikolu 166 tiegħu;

4.  Jinnota li, skont l-Artikolu 94 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament, "id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura ta' għoti ta' kwittanza lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għandhom japplikaw bl-istess mod għall-proċedura ta' għoti ta' kwittanza [...] lill-persuni responsabbli mill-implimentazzjoni tal-baġits ta' istituzzjonijiet u organi oħra tal-Unjoni Ewropea bħalma huma l-Kunsill (f'dak li għandu x'jaqsam mal-attivitajiet tiegħu bħala eżekuttiv) [...]";

5.  Jiddispjaċih li l-Kunsill għadu sieket fir-rigward tar-rimarki magħmula mill-Parlament fir-riżoluzzjoni ta' kwittanza tiegħu tat-28 ta' April 2016(1) dwar ix-xejra mis-snin preċedenti ta' żieda fin-nuqqas ta' nfiq u ta' riporti tal-impenji;

Kwistjonijiet pendenti

6.  Jiddispjaċih li l-Kunsill Ewropew u l-Kunsill ma jipprovdux lill-Parlament bir-rapport annwali tal-attività tagħhom; iqis li dan huwa inammissibbli u ta' ħsara għar-reputazzjoni tal-istituzzjonijiet;

7.  Jiddispjaċih li l-baġit tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill għadhom ma ġewx separati, kif rakkomandat mill-Parlament f'riżoluzzjonijiet ta' kwittanza reċenti;

8.  Jinnota l-informazzjoni dwar il-politika tal-bini li tinsab fuq is-sit web tal-Kunsill; jinnota wkoll li ma hemm ebda informazzjoni dwar l-ispejjeż imġarrba b'rabta ma' dan il-bini; jappella sabiex tingħata informazzjoni dettaljata lill-Parlament fir-rapport finanzjarju annwali li jmiss;

9.  Itenni l-appell tiegħu għal rapporti ta' progress dwar proġetti ta' bini u analiżi dettaljata tal-ispejjeż imġarrba s'issa; jappella għal informazzjoni dwar l-ispejjeż relatati mad-dewmien fit-tlestija tal-bini Europa;

10.  Itenni l-appell tiegħu lill-Kunsill biex jipprovdi informazzjoni dwar il-proċess tal-modernizzazzjoni amministrattiva tiegħu, b'mod partikolari dwar l-impatt previst fuq il-baġit tal-Kunsill;

11.  Jistieden lill-Kunsill jadotta kodiċi ta' kondotta mill-aktar fis possibbli sabiex tiġi ggarantita l-integrità tal-istituzzjoni; itenni l-appell tiegħu lill-Kunsill biex jimplimenta regoli dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta mingħajr aktar dewmien;

12.  Jistieden lill-Kunsill jingħaqad mar-reġistru ta' trasparenza tal-Unjoni biex jiżgura t-trasparenza u r-responsabbiltà tal-istituzzjoni;

13.  Itenni l-appell tiegħu lill-Kunsill biex jiżviluppa linji gwida dettaljati kontra l-korruzzjoni u politiki indipendenti fi ħdan l-istrutturi tiegħu, kif ukoll l-appell tiegħu fir-rigward taż-żieda sistematika ta' trasparenza fil-proċeduri leġiżlattivi u n-negozjati;

14.  Jiddispjaċih dwar id-diffikultajiet li tfaċċaw ripetutament sal-lum fil-proċeduri ta' kwittanza, li huma r-riżultat ta' nuqqas ta' kooperazzjoni min-naħa tal-Kunsill; jirrimarka li l-Parlament ċaħad l-għoti ta' kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill fir-rigward tas-snin finanzjarji 2009, 2010, 2011, 2012 u 2013 għar-raġunijiet stabbiliti fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-10 ta' Mejju 2011(2), tal-25 ta' Ottubru 2011(3), tal-10 ta' Mejju 2012(4), tat-23 ta' Ottubru 2012(5), tas-17 ta' April 2013(6), tad-9 ta' Ottubru 2013(7), tat-3 ta' April 2014(8), tat-23 ta' Ottubru 2014(9) u tas-27 ta' Ottubru 2015(10), u ppospona d-deċiżjoni tiegħu li jagħti l-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill fir-rigward tas-sena finanzjarja 2014 għar-raġunijiet stabbiliti fir-riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq tat-28 ta' April 2016;

15.  Jinsisti li eżerċizzju ta' kontroll baġitarju effikaċi jeħtieġ il-kooperazzjoni tal-Parlament u tal-Kunsill, kif stabbilit fir-riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq tat-28 ta' April 2016; jikkonferma li l-Parlament mhuwiex fil-qagħda li jieħu deċiżjoni infurmata dwar l-għoti tal-kwittanza;

16.  Ifakkar lill-Kunsill dwar il-fehma tal-Kummissjoni, kif espressa fl-ittra tagħha ta' Jannar 2014, li l-istituzzjonijiet kollha huma parti sħiħa mill-proċess ta' segwitu għall-kummenti magħmula mill-Parlament fl-eżerċizzju ta' kwittanza, u li l-istituzzjonijiet kollha għandhom jikkooperaw biex jiżguraw il-funzjonament mingħajr xkiel tal-proċedura ta' kwittanza;

17.  Jinnota li l-Kummissjoni sostniet li mhijiex se tissorvelja l-implimentazzjoni tal-baġit tal-istituzzjonijiet l-oħra u li tagħti tweġiba għal mistoqsijiet indirizzati lil istituzzjoni oħra jikser l-awtonomija ta' dik l-istituzzjoni li timplimenta t-taqsima tagħha stess tal-baġit;

18.  Jiddispjaċih li l-Kunsill għadu qiegħed jonqos milli jwieġeb għall-mistoqsijiet tal-Parlament; ifakkar il-konklużjonijiet tas-sessjoni ta' ħidma tal-Parlament dwar id-dritt tal-Parlament li jagħti kwittanza lill-Kunsill, li saret fis-27 ta' Settembru 2012; ifakkar ukoll it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 15(3) tat-TFUE, li jiddisponi li kull istituzzjoni, korp, jew organu għandu jassigura t-trasparenza tal-ħidma tiegħu;

19.  Jinnota li kienu biss tlieta mis-sebgħa u għoxrin mistoqsija ppreżentati lill-Kunsill mill-membri tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit fir-rigward tas-sena finanzjarja 2014 li waslet tweġiba ċara għalihom fid-dokumenti pprovduti mill-Kunsill fi ħdan l-eżerċizzju ta' kwittanza;

20.  Jinsisti li n-nefqa tal-Kunsill għandha tgħaddi minn skrutinju bħal dik tal-istituzzjonijiet l-oħra u li l-elementi fundamentali ta' dan l-iskrutinju huma stabbiliti fir-riżoluzzjonijiet ta' kwittanza tiegħu tas-snin li għaddew;

21.  Jenfasizza l-prerogattiva tal-Parlament li jagħti l-kwittanza skont l-Artikoli 316, 317 u 319 tat-TFUE, f'konformità mal-interpretazzjoni u l-prassi preżenti, speċifikament li jagħti l-kwittanza għal kull intestatura tal-baġit b'mod individwali sabiex jinżammu t-trasparenza u l-obbligu demokratiku li jingħata rendikont lill-kontribwenti tal-Unjoni;

22.  Huwa tal-fehma li n-nuqqas tal-Kunsill li jippreżenta d-dokumenti mitluba lill-Parlament jimmina għalkollox id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni għall-informazzjoni u t-trasparenza, u qiegħed isir għajn ta' tħassib, peress li joħloq ċertu defiċit demokratiku fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni;

23.  Huwa tal-fehma li dan jikkostitwixxi nuqqas serju ta' rispett tal-obbligi stabbiliti mit-Trattati, u jemmen li l-partijiet ikkonċernati rilevanti jeħtieġ li jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jindirizzaw din il-kwistjoni mingħajr aktar dewmien; jisħaq li reviżjoni tat-Trattati u tar-Regolament Finanzjarju hija meħtieġa sabiex jiġu kkjarifikati l-objettivi u l-proċessi tal-proċedura ta' kwittanza, u biex jiġu definiti sanzjonijiet f'każ ta' nuqqas ta' konformità mar-regoli kif stabbilit mit-Trattati;

24.  Iqis in-nuqqas ta' koperazzjoni tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill mal-awtorità ta' kwittanza bħala sinjal negattiv lejn iċ-ċittadini tal-Unjoni.

(1) ĠU L 246, 14.9.2016, p. 21.
(2) ĠU L 250, 27.9.2011, p. 25.
(3) ĠU L 313, 26.11.2011, p. 13.
(4) ĠU L 286, 17.10.2012, p. 23.
(5) ĠU L 350, 20.12.2012, p. 71.
(6) ĠU L 308, 16.11.2013, p. 22.
(7) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 97.
(8) ĠU L 266, 5.9.2014, p. 26.
(9) ĠU L 334, 21.11.2014, p. 95.
(10) ĠU L 314, 1.12.2015, p. 49.

Avviż legali - Politika tal-privatezza