Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Ottubru 2016 dwar is-sitwazzjoni tal-ġurnalisti fit-Turkija (2016/2935(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Turkija, b'mod partikolari dik tal-15 ta' Jannar 2015 dwar il-libertà tal-espressjoni fit-Turkija: l-arresti reċenti ta' ġurnalisti u ta' diriġenti tal-midja u l-pressjoni sistematika fuq il-midja(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' April 2016 dwar ir-rapport 2015 dwar it-Turkija(2),
– wara li kkunsidra r-rapport dwar it-Turkija għall-2015 ippubblikat mill-Kummissjoni fl-10 ta' Novembru 2015 (SWD(2015)0216),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tas-16 ta' Lulju 2016 tal-Viċi President / Rappreżentant Għoli, Federica Mogherini, u tal-Kummissarju għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir, Johannes Hahn, dwar is-sitwazzjoni fit-Turkija,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-Turkija tat-18 ta' Lulju 2016,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-21 ta' Lulju 2016 tal-Viċi President / Rappreżentant Għoli, Federica Mogherini, u tal-Kummissarju Johannes Hahn dwar id-dikjarazzjoni tal-istat ta' emerġenza fit-Turkija,
– wara li kkunsidra d-Djalogu Politiku ta' Livell Għoli bejn l-UE u t-Turkija tad-9 ta' Settembru 2016,
– wara li kkunsidra l-fatt li r-rispett tal-istat tad-dritt, inkluża l-libertà tal-espressjoni, huwa fil-qalba tal-valuri tal-UE,
– wara li kkunsidra d-dritt għal-libertà tal-espressjoni li jinsab minqux fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u fil-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li t-Turkija hi Stat Parti tagħhom,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fl-Opinjoni dwar l-Artikoli 216, 299, 301 u 314 tal-Kodiċi Penali tat-Turkija, adottata mill-Kummissjoni ta' Venezja fil-106 sessjoni plenarja tagħha (Venezja, il-11 u t-12 ta' Marzu 2016),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi sar attentat ta' kolp ta' stat fit-Turkija fil-15 ta' Lulju 2016, li fih inqatlu aktar minn 250 ruħ u ndarbu aktar minn 2 100 ruħ;
B. billi d-difiża tad-demokrazija, b'impenn sħiħ favur id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, hija importanti, bħalma hija importanti wkoll il-kooperazzjoni bejn l-UE, il-Kunsill tal-Ewropa u t-Turkija f'dan ir-rigward; billi t-Turkija hija sieħba ewlenija tal-Unjoni Ewropea;
C. billi, skont il-Federazzjoni Ewropea tal-Ġurnalisti u l-Assoċjazzjoni tal-Ġurnalisti tat-Turkija, wara l-attentat ta' kolp ta' stat tal-15 ta' Lulju 2016 il-pulizija Torka arrestat tal-anqas 99 ġurnalist u kittieb, li l-parti l-kbira minnhom għadhom sal-lum bla kap ta' akkuża formali, biex b'hekk l-għadd ta' ħaddiema tal-midja detenuti b'akkużi preżumibbilment relatati mal-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni min-naħa tagħhom laħaq tal-anqas 130, sal-20 ta' Ottubru 2016; billi 64 minn dawk il-ġurnalisti arrestati wara l-15 ta' Lulju 2016 inħelsu; billi l-ġurnalisti detenuti nċaħdilhom id-dritt ta' aċċess għal avukat u qed jinżammu f'kundizzjonijiet inumani li fihom qed jiġu mhedda u maltrattati; billi hemm allegazzjonijiet li Bilir Kaya u Inan Kizilkaya, il-koedituri kapijiet ta' Özgür Gündem, gazzetta ta' kuljum li ngħalqet, sfaw torturati fil-ħabs;
D. billi r-restrizzjonijiet fuq il-midja u l-pressjoni fuq il-ġurnalisti diġà kienu konsiderevoli qabel il-kolp ta' stat fallut; billi, skont il-Kumitat għall-Ħarsien tal-Ġurnalisti, l-awtoritajiet Torok, wara l-attentat ta' kolp ta' stat, għalqu l-uffiċċji ta' aktar minn 100 stabbiliment tax-xandir, gazzetta, rivista, pubblikatur u kumpanija ta' distribuzzjoni, hekk li aktar minn 2 300 ġurnalist u ħaddiem tal-midja sfaw bla xogħol; billi ġew revokati l-kredenzjali tal-istampa ta' mill-anqas 330 ġurnalist;
E. billi fost il-ġurnalisti detenuti hemm, pereżempju, ir-rumanzier magħruf Asli Erdogan, li kien ukoll membru tal-Bord Konsultattiv u opinjonista tal-gazzetta ta' kuljum Kurda Özgür Gündem, illum magħluqa, l-akkademiku u opinjonista Mehmet Altan u ħuħ Ahmet Altan, kittieb u eks editur tal-gazzetta ta' kull ġimgħa Taraf;
F. billi, skont l-organizzazzjoni Human Rights Watch, ħafna minn dawk l-azzjonijiet legali ttieħdu fin-nuqqas ta' kwalunkwe evidenza li dawk akkużati kienu ħadu sehem fl-attentat ta' kolp ta' stat fallut; billi d-dritt għal proċess ġust irid ikun żgurat, u billi l-mod kif is-sistema ġudizzjarja tittratta każijiet marbutin mal-midja juri nuqqas ta' imparzjalità u ta' indipendenza;
1. Jikkundanna l-attentat ta' kolp ta' stat tal-15 ta' Lulju 2016 fit-Turkija; jappoġġja l-istituzzjonijiet leġittimi tat-Turkija; jiddeplora l-għadd kbir ta' persuni maqtula u midruba; jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-vittmi u mal-familji tagħhom;
2. Jirrikonoxxi d-dritt u r-responsabbiltà tal-Gvern Tork li jirreaġixxi għall-attentat ta' kolp ta' stat; jenfasizza, madankollu, li l-attentat ta' kolp ta' stat militari fallut ma jistax jintuża bħala skuża mill-Gvern Tork biex joħnoq ulterjorment l-oppożizzjoni leġittima u paċifika u biex, permezz ta' azzjonijiet u miżuri sproporzjonati u illegali, iżomm lill-ġurnalisti u lill-midja milli jeżerċitaw b'mod paċifiku l-libertà tal-espressjoni;
3. Jistieden lill-awtoritajiet Torok jeħilsu lil dawk il-ġurnalisti u l-ħaddiema tal-midja li qed jinżammu mingħajr evidenza ċara ta' attività kriminali, inklużi ġurnalisti magħrufa bħal Nazli Ilicak, Sahin Alpay, Asli Erdogan, Murat Aksoy, Ahmet Altan u Mehmet Altan; jenfasizza li l-ġurnalisti m'għandhomx jiġu detenuti abbażi tal-kontenut tal-ġurnaliżmu tagħhom jew tal-affiljazzjonijiet allegati tagħhom, inkluż f'każijiet fejn isiru akkużi formali kontrihom, u jissottolinja l-ħtieġa li jkun żgurat li d-detenzjoni qabel proċess tibqa' eċċezzjoni;
4. Ifakkar li stampa ħielsa u pluralistika hija komponent essenzjali ta' kwalunkwe demokrazija, bħalma huma wkoll il-proċess ġust, il-preżunzjoni tal-innoċenza u l-indipendenza ġudizzjarja; ifakkar lill-awtoritajiet Torok li jeħtiġilhom jimxu bl-akbar attenzjoni meta jkunu qed jittrattaw mal-midja u mal-ġurnalisti, peress li l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-midja jibqgħu ċentrali għall-funzjonament ta' soċjetà demokratika u miftuħa;
5. Jiddispjaċih għall-fatt li dispożizzjonijiet ta' emerġenza ntużaw ukoll biex jiffastidjaw lil membri tal-familja ta' ġurnalisti li ħarbu minn pajjiżhom jew li qed jistaħbew, inkluż bil-kanċellazzjoni tal-passaporti tagħhom jew bid-detenzjoni temporanja tagħhom minflok l-akkużati;
6. Huwa mħasseb serjament dwar l-għeluq ta' aktar minn 150 stabbiliment tal-midja; jitlob li dawn jerġgħu jinfetħu, li jerġgħu jingħataw l-indipendenza tagħhom, u li l-impjegati mkeċċija tagħhom jerġgħu lura fil-karigi li kellhom bl-osservanza tal-proċeduri legali; jistieden lill-awtoritajiet Torok itemmu l-prattika tal-użu abbużiv ta' dispożizzjonijiet fil-kodiċi penali għall-ħatra ta' fiduċjarji f'organizzazzjonijiet tal-midja privati u jtemmu l-indħil eżekuttiv f'organizzazzjonijiet tal-aħbarijiet indipendenti, inkluż fir-rigward ta' deċiżjonijiet editorjali, tkeċċijiet ta' ġurnalisti u edituri, u l-użu ta' pressjoni u intimidazzjoni kontra l-istabbilimenti tal-aħbarijiet u l-ġurnalisti kritiċi; jikkundanna t-tentattivi mill-awtoritajiet Torok biex jintimidaw lill-korrispondenti barranin u jkeċċuhom mill-pajjiż;
7. Jistieden lill-Gvern tat-Turkija jċekken il-kamp ta' applikazzjoni tal-miżuri ta' emerġenza, b'tali mod li ma jkunux jistgħu jibqgħu jintużaw biex irażżnu l-libertà tal-espressjoni; jenfasizza li investigazzjonijiet relatati ma' involviment allegat fl-attentat ta' kolp ta' stat għandhom jitwettqu bi proċess ġust u imparzjali, u fuq il-bażi ta' evidenza konvinċenti u mhux fuq il-ħtija b'assoċjazzjoni, li tista' tirriżulta f'kastig kollettiv;
8. Jenfasizza li t-Turkija qed tiffaċċja theddida reali mit-terroriżmu; itenni, madankollu, li l-leġiżlazzjoni Torka kontra t-terroriżmu, li hija definita b'mod wiesa', m'għandhiex tintuża biex tikkastiga lill-ġurnalisti talli jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà tal-espressjoni; jitlob b'urġenza li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja ta' Marzu 2016 u r-riforma tal-leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu;
9. Jitlob li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-Istati Membri jkomplu jsegwu bir-reqqa l-implikazzjonijiet prattiċi tal-istat ta' emerġenza u jiżguraw li jsir monitoraġġ tal-proċessi kollha kontra l-ġurnalisti;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, kif ukoll lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tat-Turkija.