Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2226(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0285/2016

Testi mressqa :

A8-0285/2016

Dibattiti :

PV 27/10/2016 - 6
CRE 27/10/2016 - 6

Votazzjonijiet :

PV 27/10/2016 - 8.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0427

Testi adottati
PDF 357kWORD 65k
Il-Ħamis, 27 ta' Ottubru 2016 - Strasburgu
Kif il-PAK tista' ttejjeb il-ħolqien tal-impjiegi fiż-żoni rurali
P8_TA(2016)0427A8-0285/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Ottubru 2016 dwar kif il-PAK tista' ttejjeb il-ħolqien tal-impjiegi fiż-żoni rurali (2015/2226(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-impjiegi f'żoni rurali: it-tnaqqis tad-diskrepanza fl-impjiegi (COM(2006)0857),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0285/2016),

A.  billi ż-żoni rurali jirrappreżentaw aktar minn 77 % tat-territorju tal-UE u billi ħafna impjiegi f'dawn l-oqsma – proporzjon għoli minnhom li ma jistgħux jirrilokaw – jiddependu fuq l-agrikoltura u l-industrija agroalimentari;

B.  billi, meqjusa flimkien, l-agrikoltura u l-industrija agroalimentari jirrappreżentaw 6 % tal-PDG tal-UE, 15-il miljun negozju u 46 miljun impjieg;

C.  billi, f'ħafna pajjiżi Ewropej matul l-aħħar ftit deċennji, in-numru ta' bdiewa f'żoni rurali naqas drastikament, kif ukoll naqas l-introjtu tal-bdiewa u ta' ħaddiema agrikoli oħra, u l-impjiegi agrikoli f'dawk iż-żoni komplew jonqsu; billi bejn l-2005 u l-2014 kien hemm tnaqqis ta' kważi kwart (-23,6 %) fl-input tax-xogħol agrikolu fl-UE-28(1);

D.  billi, minkejja li l-agrikoltura għadha l-forma ewlenija ta' użu tal-art fl-Ewropa, illum timpjega biss proporzjon żgħir tal-ħaddiema fiż-żoni rurali; billi d-diversifikazzjoni tal-użu tal-art f'żoni rurali, li tgħaqqad il-funzjoni ekonomika produttiva mal-funzjonijiet ta' akkomodazzjoni residenzjali u l-użu rikreattiv u ta' ħarsien u konservazzjoni tan-natura, hija sfida konsiderevoli f'termini ta' żvilupp u impjieg fid-diversi reġjuni rurali tal-Unjoni; billi, minkejja li t-tnaqqis tal-popolazzjoni treġġa' lura f'xi reġjuni f'dawn l-aħħar snin flimkien ma' influss ta' persuni li jixtiequ jgħixu fil-kampanja, li ġġeneraw, fil-parti l-kbira tal-każijiet, effett ta' periurbanizzazzjoni, hemm ukoll tendenza lejn tnaqqis f'reġjuni ħafna anqas prosperużi fejn il-periferiċità hija problema u l-appoġġ għall-iżvilupp u l-impjiegi huwa aktar diffiċli;

E.  billi ħafna żoni rurali jiffaċċjaw sensiela ta' sfidi bħal dħul baxx, tkabbir demografiku negattiv, nuqqas ta' impjiegi u rata għolja ta' qgħad, żvilupp bil-mod fis-settur terzjarju, nuqqas ta' kapaċità ta' proċessar għall-prodotti tal-ikel, livell baxx ta' ħiliet u kapital limitat;

F.  billi aktar minn disgħa minn kull għaxar persuni Ewropej iqisu li l-agrikoltura u ż-żoni rurali huma importanti għall-futur tagħhom;

G.  billi hemm dħul relattivament baxx għal kull unità tax-xogħol għal attivitajiet agrikoli u dan huwa punt ta' tħassib;

H.  billi l-kriżi ekonomika laqtet l-inħawi kollha tal-Ewropa, iżda l-ebda naħa ma ntlaqtet aktar miż-żoni rurali;

I.  billi, minkejja l-kriżi ekonomika attwali, l-Unjoni Ewropea għamlet l-impjiegi, b'mod partikolari permezz tal-FEIS, waħda mill-prijoritajiet ewlenin tagħha, u billi, f'dan ir-rigward, il-PAK għandha ssir aktar effettiva u l-leġittimità tagħha għandha tiġi affermata mill-ġdid bħala waħda mill-għodod prinċipali tal-azzjoni tal-UE mmirati lejn iż-żamma u l-ħolqien tal-impjiegi u l-kompetittività fiż-żoni rurali, l-aktar fis-settur tal-biedja; billi, f'dan il-kuntest, huwa meħtieġ li jiġi evalwat sa liema punt il-PAK għandha impatt fuq il-ħolqien u ż-żamma tal-impjiegi f'żoni rurali;

J.  billi huwa ta' importanza kruċjali li jinżammu ż-żewġ pilastri tal-PAK, billi l-Pilastru I jipprevjeni l-emigrazzjoni ta' industriji agrikoli żgħar u tal-familja mis-settur u jżomm l-impjiegi fis-settur agrikolu, filwaqt li l-fondi tal-Pilastru II jiżguraw il-ħolqien tal-impjiegi f'oqsma oħra bħat-turiżmu, l-ipproċessar tal-ikel u setturi relatati oħra;

K.  billi l-agrikoltura Ewropea qed tiffaċċja għadd ta' sfidi relatati mal-produzzjoni tal-ikel u s-sigurtà, l-ambjent, il-bijodiversità, is-sostenibilità, l-enerġija u t-tibdil fil-klima, u huwa vitali li tissaħħaħ ir-relazzjoni bejn is-soċjetà u l-agrikoltura, jiġu żviluppati soluzzjonijiet innovattivi biex jingħelbu dawn l-isfidi biex tiġi żgurata r-reżiljenza u l-kompetittività tas-settur u jiġu fformulati mill-ġdid l-objettivi ta' politika ġenwinament pubblika li hija fl-interess ta' kulħadd, minħabba li dan huwa wieħed mill-iktar aspetti importanti tal-integrazzjoni Ewropea;

L.  billi, għal żmien twil wisq, ma ngħatatx biżżejjed attenzjoni biex tinbidel il-prijorità tal-agrikoltura biex issir ibbażata mill-ġdid fuq it-territorju, u għaldaqstant tqiegħed il-produzzjoni u l-impjiegi f'oqsma speċifiċi, u billi għandna d-dmir li nappoġġjaw il-biedja bħala attività ewlenija mwettqa minn irġiel u nisa fl-inħawi fejn jgħixu, sabiex jiġi żgurat li ż-żoni rurali jkunu dinamiċi u jkollhom ħafna impjiegi; billi dan l-iffokar mill-ġdid se jwassal ukoll għal bilanċ tajjeb bejn l-iżvilupp rurali u urban;

M.  billi hemm rwol dejjem jikber għall-agrikultura urbana u periurbana u interess fiha u mudell ta' konsum li qed jinbidel u li jikkombina diversi fatturi, inkluż impatt minimu fuq l-ambjent, produzzjoni lokali ta' kwalità għolja u rikonoxximent tal-valur tax-xogħol magħmul minn produtturi żgħar u reġjonali;

N.  billi l-bażi tal-aħħar riforma tal-PAK ippermettiet li l-għajnuna tiġi orjentata mill-ġdid u mqassma b'mod aktar ġust fost l-Istati Membri u fis-setturi agrikoli varji u affermat mill-ġdid ir-rwol tal-PAK f'termini ekonomiċi u soċjali bħala fattur stabilizzanti għall-azjendi agrikoli u r-reġjuni rurali;

O.  billi, għalkemm l-istudji wrew li l-pagamenti diretti permezz tal-Pilastru 1 mhumiex qed joħolqu l-impjiegi direttament, dawn jaqdu rwol essenzjali biex jinżammu l-impjiegi u l-bdiewa fuq l-art; billi, jekk dan l-appoġġ politiku jiġi rtirat, 30 % tal-bdiewa Ewropej se jkunu furzati jwaqqfu l-attivitajiet u joħorġu mis-settur agrikolu; billi dawn il-pagamenti jżommu l-bdiewa żgħar u ż-żoni rurali ħajjin;

P.  billi appoġġ fil-forma ta' pagamenti diretti għall-bdiewa f'żoni periferali fuq art żvantaġġata jew marġinali huwa essenzjali mhux biss biex jiġi żgurat li dawn il-bdiewa jibqgħu jaħdmu l-art u jaqilgħu għajxien deċenti, iżda wkoll biex jiġi żgurat li din l-art tiġi protetta u jkollha rwol biex tattira t-turiżmu f'dawn iż-żoni;

Q.  billi l-objettiv primarju tal-Pilastru I tal-PAK riformata huwa s-sigurtà tal-provvista tal-ikel li tgħin biex jinżammu l-impjiegi eżistenti fl-agrikoltura u hemm rekwiżit li jiżgura distribuzzjoni aktar ġusta ta' pagamenti tal-Pilastru I biex jiġi mmassimizzat l-impatt pożittiv ta' dan l-appoġġ;

R.  billi l-esperjenza prattika turi li tipi oħra ta' żvilupp agrikolu huma possibbli, jipprovdu riżultati aħjar f'termini tal-kwalità tal-ikel u l-prestazzjoni agronomika, ambjentali u soċjoekonomika, li huwa importanti li tiġi appoġġjata u promossa d-diversità tas-sistemi agrikoli u li azjendi agrikoli żgħar u ta' daqs medju li huma ġeneralment aktar diversifikati, innovattivi u flessibbli ħafna, spiss ikunu organizzati tajjeb f'termini ta' formazzjoni ta' gruppi ta' produtturi u kooperattivi u jibbenefikaw lill-komunitajiet li jinsabu fihom, u b'hekk jappoġġjaw l-ekonomija rurali, li hija essenzjali għall-iżvilupp tal-agrikoltura Ewropea;

S.  billi l-kriżi attwali turi li, fil-qafas ta' PAK orjentata lejn is-suq, huwa essenzjali li tinżamm organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli u biex jinħarġu għodod regolatorji ġodda adatti biex jiżguraw l-istabilità tal-prezzijiet u jsostnu l-impjiegi u d-dħul agrikoli;

T.  billi l-bdiewa Ewropej joperaw f'suq dejjem aktar globali u għalhekk iġarrbu l-esponiment għall-volatilità tal-prezzijiet aktar minn setturi oħra;

U.  billi s-sistema ta' ħlasijiet li attwalment teżisti fil-katina tal-provvista tal-ikel ma tiggarantixxix distribuzzjoni sostenibbli tal-valur miżjud u ta' spiss tiddetermina li d-dħul tal-produtturi primarji lanqas biss ikunu suffiċjenti biex ikopru l-ispejjeż tagħhom;

V.  billi, meta mqabbla ma' żoni urbani, iż-żoni rurali huma ġeneralment ikkaratterizzati minn livelli statistikament ogħla ta' qgħad u dħul tar-residenti aktar baxx b'mod sinifikanti, kif ukoll infrastruttura inqas attraenti u inqas aċċess għas-servizzi peress li l-ispejjeż biex jiġu pprovduti huma sinifikanti minħabba densità tal-popolazzjoni u aċċessibilità aktar baxxi;

W.  billi l-ħolqien tal-impjiegi fiż-żoni rurali għandu jiddaħħal fil-qafas ta' politika sostenibbli mfassla għal territorji speċifiċi u li tinvolvi ż-żamma u l-iżvilupp ta' attivitajiet agrikoli u attivitajiet marbuta indirettament mas-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija, kif ukoll attivitajiet rurali, li joħolqu rabtiet bejn il-partijiet interessati differenti kemm soċjalment kif ukoll f'termini ta' solidarjetà u titjib ambjentali;

X.  billi l-futur taż-żoni rurali ma jiddependix esklużivament fuq l-iżvilupp tas-settur agrikolu, iżda huwa wkoll marbut mad-diversifikazzjoni u l-manutenzjoni ta' attivitajiet ekonomiċi oħrajn, bħal ngħidu aħna l-forestrija, l-artiġjanat u l-iżvilupp ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u l-kapaċitajiet ta' produzzjoni integrata, it-turiżmu rurali, il-provvediment ta' servizzi ta' rikreazzjoni, edukattivi u sportivi (eż. irkib taż-żwiemel) u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-foresti u tal-impriżi agrikoli (inkluż l-iskart) biex tiġi prodotta enerġija rinnovabbli jew materjali organiċi u prodotti bbażati fuq il-proċessi ekoloġiċi; billi jinħtieġu politiki lokali integrati u deċentralizzati marbuta ma' aspetti soċjoekonomiċi u l-identità u l-kultura rurali u territorjali ġenwina, sabiex ikun hemm sinerġiji u bini b'mod konġunt fuq ir-riżorsi rurali permezz ta' approċċi kollettivi u transsettorjali, inkluż l-użu ta' fondi oħra tal-UE biex jistimolaw l-iżvilupp rurali u l-impjiegi, filwaqt li jiġi żgurat li jkun hemm l-infrastruttura rurali;

Y.  billi, għal dan l-għan, huwa importanti ħafna li jiġi enfasizzat il-fatt li bosta impjiegi huma dipendenti fuq il-post u l-agrikoltura speċifika għall-attività li tinkludi l-forestrija, ma jistgħux jiġu rilokati u jinvolvu s-servizzi tal-ikel u mhux tal-ikel, bħal pereżempju l-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-pajsaġġ u tal-ilma;

Z.  billi għandu jingħata appoġġ b'mod partikolari lill-azjendi agrikoli żgħar tal-familja, jiġifieri lill-bdiewa individwali li, waħidhom jew flimkien ma' oħrajn, imexxu l-azjendi agrikoli tagħhom b'mod responsabbli, b'mod indipendenti u effettiv u li huma kapaċi jittrattaw kwalunkwe problema billi jadattaw id-deċiżjonijiet ta' produzzjoni tagħhom u/jew il-metodi ta' produzzjoni tagħhom kif ukoll bid-diversifikazzjoni tal-attivitajiet tagħhom sabiex jindirizzaw il-bidla strutturali kontinwa fis-settur agrikolu;

AA.  billi l-potenzjal tan-nisa li jaħdmu u/jew li jmexxu negozju f'żoni agrikoli u rurali għandu jiġi analizzat, irreġistrat u promoss fil-politiki kollha tal-UE u ma għandhom jiġu penalizzati mill-ebda waħda minnhom minħabba li dan se jwitti t-triq biex in-nisa jsiru "muturi" tal-iżvilupp u l-innovazzjoni, u b'hekk jgħinu lis-settur kollu biex joħroġ mill-kriżi; billi n-nisa għandhom jiġu involuti fi pjanijiet ta' żvilupp tas-settur fil-livell lokali u reġjonali sabiex dan tal-aħħar ikun jista' jibbenefika mill-ħtiġijiet, l-esperjenzi u l-viżjonijiet tagħhom, u n-nisa, għaldaqstant għandu jkollhom il-ħiliet meħtieġa biex jieħdu sehem attiv fit-tfassil tagħhom;

AB.  billi fl-2010, 7,5 % biss tal-bdiewa kienu taħt l-età ta' 35 sena u aktar minn 4,5 miljun minn dawk li jmexxu l-ażjendi agrikoli huma ta' 'l fuq minn 65 sena u l-Artikoli 50 u 51 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 taħt il-PAK il-ġdid jinkludu dispożizzjonijiet li jappoġġjaw it-tiġdid ġenerazzjonali ġdid fl-agrikoltura;

AC.  billi, f'ħafna Stati Membri, in-nisa fiz-zoni rurali għandhom aċċess limitat għall-impjiegi fil-biedja jew f'setturi oħra tas-suq tax-xogħol u jġarrbu diskrepanza fil-pagi usa' milli f'oqsma oħra, iżda huma għandhom rwol importanti ħafna fl-iżvilupp u l-fibra soċjali taż-żoni rurali, b'mod partikolari fl-azjendi agrikoli impenjati f'diversifikazzjoni (billi joffru agrituriżmu, prodotti ta' kwalità għolja, attivitajiet edukattivi, sportivi u ta' rikreazzjoni u servizzi oħra); billi l-intraprenditorija femminili tista' tirrappreżenta pilastru importanti f'termini soċjali, ekonomiċi u ambjentali għall-iżvilupp sostenibbli f'żoni rurali; billi aċċess inugwali għall-art huwa fattur li jillimita l-opportunitajiet għan-nisa biex jiżviluppaw negozju fis-settur agrikolu; billi bħala medja, 29 % tal-azjendi agrikoli fl-Ewropa huma mmexxija min-nisa;

AD.  billi n-numru ta' varjetajiet tal-għelejjel imkabbra b'mod industrijali huwa żgħir; billi r-razez u l-varjetajiet lokali għandhom rwol fil-preservazzjoni tal-bijodiversità u ż-żamma ta' għajxien tan-nies fir-reġjuni u l-produzzjoni lokali;

AE.  billi l-ambjent rurali jeħtieġ li jsir aktar attraenti għall-ġenerazzjonijiet il-ġodda permezz tal-promozzjoni tat-taħriġ immirat lejn l-innovazzjoni u l-modernizzazzjoni fil-professjoni u fit-teknoloġiji;

AF.  billi l-qafas universali pprovdut mis-sistemi tal-Valutazzjoni tas-Sostenibilità tal-Ikel u l-Agrikoltura (SAFA) ġie żviluppat mill-FAO;

AG.  billi l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) jintuża għal azzjonijiet ta' taħriġ vokazzjonali u ta' ksib tal-ħiliet fis-setturi differenti ta' attività f'żoni rurali;

Fil-qafas tal-PAK attwali

1.  Jistieden lill-Istati Membri kollha biex jagħtu lill-bdiewa żgħażagħ prospetti fit-tul sabiex jindirizzaw id-depopolazzjoni rurali, jimplimentaw strateġija komprensiva ta' tiġdid ġenerazzjonali u, għal dan l-għan, biex jagħmlu użu sħiħ mill-possibilitajiet kollha pprovduti taħt il-PAK il-ġdida għall-appoġġ ta' bdiewa żgħażagħ u parteċipanti ġodda fil-biedja, inkluż minn barra l-familja, partikolarment il-miżuri skont il-Pilastru I u l-Pilastru II għall-għajnuna lill-bdiewa żgħażagħ, u wkoll biex jiffaċilitaw id-dħul ta' parteċipanti ġodda fil-biedja ta' età 'l fuq minn 40 sena fl-istabbiliment tagħhom u fl-intraprenditorija; jinnota wkoll li tali miżuri għandhom ikunu kkomplementati bid-dispożizzjonijiet u kompatibbli magħhom taħt politiki nazzjonali (dwar l-użu tal-art, it-tassazzjoni u s-sigurtà soċjali, eċċ.), inkluż appoġġ skont l-Artikoli 50 u 51 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013;

2.  Jinnota li l-maġġoranza kbira ta' pagamenti diretti tal-PAK qed imorru għand l-aktar azjendi agrikoli sinjuri, bi 13 % biss tal-benefiċjarji li rċevew 74 % tan-nefqa tal-pagamenti diretti tal-PAK fl-2014; jemmen li dan ma jikkontribwixxix għall-ħolqien tal-impjiegi fil-biedja peress li azjendi agrikoli żgħar jirrikjedu aktar xogħol u 53 % tal-ħaddiema fl-azjendi agrikoli jaħdmu f'azjendi agrikoli kklassifikati bħala ta' daqs ekonomiku żgħir; jitlob li jkun hemm tqassim aħjar tal-ħlasijiet tal-PAK lejn bdiewa żgħar;

3.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-appoġġ tagħhom għall-azjendi agrikoli żgħar u ta' daqs medju, b'mod partikolari billi jsir użu akbar tal-pagament ridistributtiv; jistedinhom barra minn hekk biex jagħmlu arranġamenti li jiffavorixxu n-negozji li huma organizzati b'mod effiċjenti u dawk li jużaw l-istrument legali ta' raggruppament ta' impriżi;

4.  Iqis li l-PAK għandu jagħti aktar attenzjoni lit-territorji bi żvantaġġi ġeografiċi (bħal pereżempju ż-żoni muntanjużi, it-territorji extra-Ewropej, iż-żoni l-aktar periferiċi u żoni naturali sensittivi) peress li l-preservazzjoni tal-biedja hija mezz essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali li jiffoka fuq l-impjiegi; iżid, madankollu, li l-PAK trid tqis ukoll id-dinamiċi ġodda tal-espansjoni urbana u tappoġġja ż-żoni periferiċi ta' din l-espansjoni waqt li jkunu qed jiffaċċjaw ir-restrizzjonijiet marbuta mal-karatteristiċi partikolari tagħhom;

5.  Jirrimarka li l-Istati Membri użaw b'mod estensiv il-possibilità tal-għoti ta' għajnuna akkoppjata, li, permezz tal-iżvilupp ta' produzzjoni u tal-faċilitazzjoni biex tibqa' f'post speċifiku, tiżgura l-impjiegi f'żoni żvantaġġjati, u jistieden lill-Istati Membri jżidu l-proporzjon ta' tali għajnuna għall-bdiewa attivi, biex dan isir aktar flessibbli u biex jallokaw aktar minnu għall-produzzjoni ta' aktar proteini tal-pjanti fl-UE, li attwalment tiddependi fuq l-importazzjoni minn pajjiżi terzi għall-provvista ta' dan il-prodott bażiku; jissuġġerixxi barra minn hekk li l-livell ta' pagamenti akkoppjati jistgħu jiġu aġġustati skont il-livell ta' impjiegi dipendenti fuq għelejjel partikolari, li jipprovdu aktar appoġġ għal prodotti li jeħtieġu l-akbar grupp ta' ħaddiema;

6.  Jirrimarka li, fil-perjodu tal-ipprogrammar attwali u f'konformità mal-programm tal-iżvilupp rurali, hemm dispożizzjoni għal għajnuna mmirata għall-kultivazzjoni ta' varjetajiet lokali u t-trobbija ta' razez lokali u b'hekk tippromwovi l-impjiegi reġjonali u l-preservazzjoni tal-bijodiversità; jistieden lill-Istati Membri jintroduċu mekkaniżmi li permezz tagħhom gruppi u organizzazzjonijiet ta' produtturi u bdiewa li jkabbru u jrawmu varjetajiet u razez lokali jistgħu jingħataw l-għajnuna;

7.  Jirrimarka li hemm bżonn li tiġi implimentata d-dimensjoni ambjentali tal-għajnuna diretta, u li din għandha tkun parti integrali fl-iżgurar li l-azjendi ambjentali jkunu sostenibbli u vijabbli u jgħinu biex iżommu u joħolqu impjiegi ġodda b'mod partikolari fil-konservazzjoni tal-bijodiversità, l-agrituriżmu u l-ġestjoni tal-kampanja, pereżempju permezz ta' residenzi fil-kampanja u residenzi storiċi; iħeġġeġ lill-UE tiżgura s-simplifikazzjoni u li r-regolamenti ambjentali jkunu jistgħu jiġu implimentati b'mod sempliċi, li jinftiehem u mingħajr problemi; jinnota li d-dimensjoni ambjentali m'għandhiex twassal għal tnaqqis jew abbandun tal-produzzjoni agrikola li hija partikolarment sensittiva f'żoni muntanjużi u periferiċi;

8.  Iqis li, minħabba r-rata ta' mortalità għolja fost in-naħal tal-għasel f'diversi pajjiżi tal-UE u r-rwol essenzjali li, bħala dakkara, għandhom fis-sigurtà tal-ikel u l-ekonomija ta' ħafna setturi tal-pjanti, l-Unjoni għandha tagħti appoġġ akbar lil dan is-settur billi tadotta strateġija ġenwina Ewropea ta' ripopolazzjoni tan-naħal; iżid li dan ma jeħtiġx investiment kbir iżda joħloq ħafna impjiegi, kemm permezz ta' attivitajiet ta' diversifikazzjoni f'azjendi agrikoli eżistenti kif ukoll bl-istabbiliment ta' azjendi agrikoli ġodda speċjalizzati, li, skont l-opinjoni tal-esperti, ikun jeħtieġ 200 doqqajs biex ikun vijabbli u li l-għan primarju tagħhom ikun it-trawwim ta' ferħiet u rġejjen ta' razez magħżula u, sussegwentement, li jiġi prodott l-għasel, li tiegħu l-UE għandha nuqqas serju; jinnota li tali approċċ, li hu bbażat fuq diversi strateġiji Ewropej dwar l-innovazzjoni, l-inklużjoni soċjali u l-ħolqien tal-impjiegi, huwa kompletament konformi mar-rieda ta' orjentazzjoni mill-ġdid tal-politika agrikola komuni u l-iżvilupp ta' biedja aktar sostenibbli;

9.  Jinnota li biex jinżammu l-impjiegi fl-azjendi agrikoli, is-settur tal-biedja għandu jirrikorri għal għodod tal-immaniġġjar tar-riskju ġodda u jżid l-użu ta’ għodod bħal organizzazzjonijiet tal-produtturi taħt l-OKS unika u fil-Pilastru II sabiex tirreaġixxi aħjar għall-volatilità u d-domandi tas-suq globali; huwa tal-fehma li l-miżuri tas-suq u l-miżuri ta' kriżi eċċezzjonali u mmaniġġjar tar-riskju previsti taħt l-OKS unika u fil-Pilastru II iridu jiġu implimentati aktar malajr u b'mod aktar proattiv, b'appoġġ baġitarju tal-UE adattat kif meħtieġ għas-sitwazzjoni speċifika tar-reġjuni ultraperiferiċi, ir-reġjuni muntanjużi u reġjuni oħra li jiffaċċjaw sfidi għall-kompetittività b'tali mod li jillimitaw l-effetti negattivi tat-tnaqqis fil-prezzijiet fuq l-introjtu tal-produtturi; jirrimarka li l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' kriżi eċċezzjonali għadha ma laħqitx l-objettivi tagħha u għandha tagħti attenzjoni akbar lill-infrastruttura eżistenti u lill-kapaċitajiet tal-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-kriżijiet riċenti, biex tiżviluppa sistemi ta' intervent aktar rapidi u effettivi li jistgħu jevitaw l-aktar effetti negattivi;

10.  Jitlob lill-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ mill-potenzjal ta' miżuri eċċezzjonali previsti fl-Artikoli 219 sa 222 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013;

11.  Hu tal-fehma li, sabiex jaqdu l-funzjoni tagħhom ta' xibka ta' sikurezza, il-prezzijiet ta' intervent għandhom jiġu aġġustati regolarment skont ix-xejriet tal-prezzijiet nett sabiex ikollhom impatt dirett fuq l-introjtu tal-produtturi u l-kontinwazzjoni tal-attivitajiet tagħhom, kif ukoll fuq l-impjiegi; jitlob lill-UE tistabbilixxi għodod ta' prevenzjoni fuq l-istess linji tal-Osservatorju tas-Suq tal-Ħalib fis-setturi ewlenin kollha għall-monitoraġġ tas-swieq, li jgħinu jiggwidaw il-produzzjoni u jiżguraw rispons għall-kriżijiet permezz ta' għodod ta' ġestjoni tas-suq flessibbli u reattivi li jiġu attivati meta jkun meħtieġ;

12.  Jirrikonoxxi li ktajjen tal-provvista qosra li jorbtu lill-bdiewa mal-produtturi lokali jistgħu jistimulaw il-ħolqien tal-impjiegi rurali u jenfasizza li l-iskemi tal-kwalità, l-indikazzjonijiet ġeografiċi u l-biedja organika jirrappreżentaw opportunità biex jiġi żviluppat is-settur agroalimentari u potenzjalment jinħolqu impjiegi b'bażi rurali, u għalhekk għandhom mhux biss jiġu protetti imma anke żviluppati sabiex jinħolqu impjiegi ġodda u biex jiġu ppreservati il-kultura u l-identità reġjonali; jissottolinja l-ħtieġa ta' aċċess aħjar għal swieq usa' għal dawn il-prodotti, u għall-introduzzjoni ta' miżuri ta' kwalità, ta' promozzjoni u ta' protezzjoni biex itejbu l-kummerċjalizzazzjoni u l-inklużjoni tagħhom fi prodotti tat-turiżmu ġenerali ta' żona ġeografika partikolari; ifakkar, fid-dawl tal-proposti leġiżlattivi taħt diskussjoni, li dawn l-impatti ekonomiċi pożittivi huma bbażati fuq il-fiduċja tal-konsumatur u li m'għandhomx ikunu ppreġudikati minn bidliet li jistgħu jitqiesu bħala li jnaqqsu l-kwalità; jenfasizza barra minn hekk li l-proċessi biex jintlaħqu dawn l-istandards ta' kwalità jistgħu jkunu onerużi u għandhom jiġu simplifikati;

13.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jagħmlu użu aktar estensiv tal-oqsma ta' prijorità 6 tat-Tieni Pilastru dwar il-preservazzjoni u l-ħolqien ta' impjiegi u tat-trasferiment tal-għarfien u miżuri ta' taħriġ vokazzjonali u kontinwu (li jinkludu apprendistati u taħriġ fuq il-post tax-xogħol u taħriġ mill-ġdid ta' ħaddiema f'azjendi agrikoli), sabiex ikunu jistgħu jiġu allokati mill-ġdid biex iwettqu attivitajiet rurali oħrajn, kif ukoll miżuri ta' assistenza ta' konsulenza u għall-immaniġġjar sabiex tittejjeb il-prestazzjoni ekonomika u ambjentali tal-azjendi agrikoli; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu appoġġ għat-taħriġ biex jgħinu lill-bdiewa u lill-ħaddiema agrikoli u rurali jsiru aktar versatili u kapaċi jiddiversifikaw l-attivitajiet u l-inizjattivi tagħhom u biex isaħħu l-innovazzjoni;

14.  Jinnota li l-programmi attwali ta' żvilupp rurali huma ħafna inqas iffukati fuq proġetti soċjali li jiddefendu l-impjiegi minn dawk tal-perjodu ta' programmazzjoni preċedenti (2007-2013), minħabba l-miżuri magħżula mill-Istati Membri fil-programmi ta' żvilupp rurali tagħhom u minħabba l-ammont iżgħar ta' finanzjament allokat għal miżuri relatati mal-impjieg; għaldaqstant jitlob li jkun hemm flessibilità akbar fl-implimentazzjoni tal-politika ta' żvilupp rurali;

15.  Iqis li huwa meħtieġ li tiġi simplifikata l-implimentazzjoni tal-politika ta' żvilupp rurali, li jiġu adottati approċċi aktar koerenti, fuq l-istess linji tal-multifondi, u biex l-Istati Membri u l-Kummissjoni jitwaqqfu milli jimponu kontrolli amministrattivi u finanzjarji onerużi żżejjed;

16.  Jistieden lill-Istati Membri jirreklamaw aħjar il-potenzjal tat-tieni pilastru tal-PAK għad-diversifikazzjoni tal-attivitajiet f'żoni rurali (eż. l-agrituriżmu, il-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli);

17.  Jinnota li l-fattur ta' riskju inerenti fl-innovazzjoni huwa meqjus b'mod insuffiċjenti kemm fil-politika nazzjonali kif ukoll tal-UE, fatt li jaġixxi bħala ostaklu għall-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi, b'mod partikolari għall-ħafna partijiet interessati li ma għandhomx biżżejjed saħħa finanzjarja biex jikkompletaw proġetti innovattivi;

18.  Jenfasizza li l-iżvilupp rurali u l-ħolqien tal-impjiegi jimxu id f'id u għaldaqstant jistieden lill-Istati Membri u r-reġjuni biex jimmassimizzaw il-potenzjal tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, li huma l-aktar familjari mal-isfidi u l-opportunitajiet taż-żoni tagħhom, biex jintlaħqu l-objettivi tal-Pilastru 2 u jiġu rispettati l-prijoritajiet tal-PAK, inklużi l-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, it-tnaqqis tal-faqar u l-iżvilupp ekonomiku; ifakkar fil-possibilità ta' ffukar tal-iżvilupp rurali u tal-programmi operattivi fuq il-ħolqien u ż-żamma tal-impjiegi rurali u fuq it-titjib tas-servizzi rurali u jistieden lill-Kummissjoni tgħinhom biex jilħqu dan l-objettiv; jenfasizza l-adattament ta' mudelli tal-ekonomija kollaborattiva f'żoni rurali, bl-għan li tingħata spinta lill-impjiegi, u b'hekk l-attivitajiet agrikoli jkomplu jsiru aktar effiċjenti u jitnaqqsu l-ispejjeż;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw intrapriżi u kooperattivi fl-ekonomija soċjali, inkluża l-agrikoltura soċjali(2), sabiex jitrawmu l-integrazzjoni soċjali u l-impjiegi fiż-żoni rurali; jinnota l-azzjonijiet imwettqa taħt l-Inizjattiva ta' Negozju Soċjali, u jitlob lill-Kummissjoni ttejjeb il-kontribut magħmul mill-ekonomija soċjali għall-iżvilupp rurali, pereżempju permezz ta' Pjan ta' Azzjoni għall-Ekonomija Soċjali;

20.  Jenfasizza li azzjoni li tappoġġja l-iżvilupp demografiku u n-natura orjentata lejn il-familji taż-żoni rurali għandha tingħata aktar prominenza sabiex tappoġġja lill-familji u tagħmilha aktar faċli biex jikkombinaw il-ħajja tal-familja u l-ħajja professjonali, anki b'rabta ma' kwistjonijiet relatati mas-suq tax-xogħol u l-iżvilupp ekonomiku fiż-żoni rurali;

21.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi miżuri u politiki attivi li jenfasizzaw ir-rwol pożittiv tal-migrazzjoni, biex tingħata spinta lit-tkabbir ekonomiku u titrawwem il-koeżjoni soċjali f'żoni rurali;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsegwu politiki li jippromwovu ż-żoni rurali billi jiżviluppaw it-turiżmu, li, jekk ikunu strutturati kif jixraq u appoġġjati b'inċentivi, jistgħu jixprunaw it-tkabbir kulturali, soċjali u ekonomiku ta' żoni li għandhom riżorsi naturali, kulturali, tal-pajsaġġ, u tal-agroalimentazzjoni sostanzjali; jenfasizza li l-iżvilupp turistiku ta' żoni rurali u d-diversifikazzjoni tal-biedja (biex tinkludi attivitajiet edukattivi, kulturali u rikreattivi) jikkostitwixxi wkoll inċentiv biex il-ġenerazzjonijiet il-ġodda jieħdu kontroll ta' kampanji, fi spirtu ta' inizjattiva u intraprenditorija mmirat lejn l-innovazzjoni u lejn il-promozzjoni ta' prodotti tradizzjonali;

23.  Jenfasizza li, bl-għajnuna tal-FAEŻR u ta' fondi Ewropej oħra, l-istabbiliment ta' sinerġiji bejn oqsma differenti ta' politika se jkun essenzjali biex tintlaqa' l-isfida tal-ħolqien ta' impjiegi f'żoni rurali u biex jiġi garantit li l-agrikoltura tkun rikonoxxuta mill-ġdid bħala fattur ewlieni għall-iżvilupp territorjali; jinnota li l-fondi tal-Pilastru 2 jistgħu jintużaw bħala għodda finanzjarja dinamika li toħloq aktar sinerġiji ma' sorsi u programmi alternattivi ta' finanzjament, tagħmilhom aċċessibbli għal żoni rurali sabiex tiżdied il-konnettività, il-kompetittività u d-diversifikazzjoni ekonomika u għall-appoġġ tal-intraprenditorija, billi titiqies il-preservazzjoni tal-kultura u l-identità rurali;

24.  Jenfasizza li qed titqiegħed pressjoni dejjem akbar fuq l-impriżi żgħar u mmexxija mis-sidien minħabba x-xiri ta' art agrikola minn investituri; jenfasizza li l-preservazzjoni taż-żona miżrugħa u l-aċċess għall-art huma essenzjali għall-ħolqien u l-estensjoni ta' azjendi agrikoli u vitali għall-preservazzjoni tal-impjiegi fiż-żoni rurali; jirrimarka li r-Rapport tal-Kummissjoni dwar il-ħtiġijiet tal-bdiewa żgħażagħ ta' Novembru 2015 wera li d-disponibilità tal-art għax-xiri u l-kiri hija fost l-aktar problemi serji li jiffaċċjaw il-bdiewa żgħażagħ u l-parteċipanti ġodda fil-biedja; jistieden għalhekk lill-Istati Membri jaqsmu l-aħjar prattiki u jiżviluppaw strumenti biex jagħmlu possibbli l-aċċess għall-artijiet f'żoni rurali b'livell għoli ta' qgħad permezz ta', pereżempju, l-użu u l-ġestjoni parteċipattivi ta' art agrikola f'konformità mal-prattiki nazzjonali, jew l-istabbiliment ta' sistemi ta' ġestjoni u li jipprovdu informazzjoni dwar l-art mhux utilizzata jew art li tista' tintuża għall-agrikoltura, li s-servizzi tagħhom ikunu jistgħu jintużaw bħala dritt preferenzjali mill-bdiewa żgħażagħ u nisa;

25.  Iqis li huwa importanti li l-programmi ta’ żvilupp rurali jaħdmu aktar biex itejbu r-relazzjonijiet bejn iż-żoni rurali u dawk urbani, sabiex titħeġġeġ il-kooperazzjoni u jinħolqu opportunitajiet għan-negozji li joperaw f’żoni rurali li huma kruċjali għall-iżvilupp ta’ dawn iż-żoni u għall-ħolqien tal-impjiegi; huwa tal-fehma li l-irħula għandhom rwol importanti fir-relazzjonijiet bejn iż-żoni urbani u dawk rurali billi jipprovdu aċċess għal servizzi bażiċi għal residenti fiż-żoni rurali tal-inħawi, u li l-Istati Membri għandhom għalhekk jippromwovu s-servizzi fl-irħula bħala parti mill-politiki territorjali tagħhom;

26.  Jitlob l-istabbiliment ta’ regoli vinkolanti dwar ħlasijiet ġusti fil-katina tal-provvista alimentari bejn il-produtturi tal-ikel, il-bejjiegħa bl-ingrossa u l-proċessuri biex jiġi żgurat li l-bdiewa jirċievu sehem xieraq tal-valur miżjud li huwa suffiċjenti biex jippermettilhom li jipprattikaw biedja sostenibbli;

27.  Jenfasizza li s-settur tal-forestrija, li attwalment huwa assi mhux użat biżżejjed fl-Ewropa, huwa sors ewlieni ta’ impjiegi li għandhom jiġu promossi aħjar fid-diversi forom tiegħu fl-industrija tal-injam; iżid li l-UE attwalment qed tbati minn nuqqas serju fil-provvista tal-injam li jeħtieġ investiment fl-infrastruttura neċessarju għall-iżvilupp ta’ dan is-settur;

28.  Jenfasizza li l-aċċess għall-art huwa prerekwiżit essenzjali għall-istabbiliment u l-estensjoni ta’ impriża agrikola; jirrimarka li l-aċċess għall-art huwa l-akbar problema li jħabbtu wiċċhom magħha l-bdiewa żgħażagħ li jixtiequ jiftħu intrapriża agrikola;

Il-futur tal-PAK wara l-2020

29.  Jenfasizza li l-proċeduri tal-PAK għandhom ikunu ssimplifikati u għandhom jinżammu biżżejjed fondi, tal-inqas fil-livell attwali li jirriflettu valur miżjud Ewropew sinifikanti tal-politika, sabiex ikollhom rwol effettiv fuq terminu twil fit-trawwim tal-impjiegi bħala parti minn settur Ewropew tal-biedja u l-forestrija diversifikat, bil-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli u l-attraenza taż-żoni rurali; jenfasizza li l-politika tal-iżvilupp rurali - li tippermetti azzjoni aktar diretta u aktar effettiva biex titnaqqas l-esklużjoni soċjali fost l-abitanti rurali u tingħata spinta lill-impjiegi u d-dinamiżmu taż-żoni rurali - għandha tissaħħaħ progressivament, mingħajr ma jiddgħajjef l-appoġġ tal-ewwel pilastru, li għandu jiġi organizzat mill-ġdid biex jiżgura, fost affarijiet oħra, li s-swieq jiffunzjonaw aħjar u juru stabilità akbar, li hija kruċjali biex jissalvagwardjaw id-dħul agrikolu, il-mudell Ewropew tal-biedja u s-sigurtà tal-ikel u li jiżguraw li ż-żoni rurali jżommu l-attraenza tagħhom (b’enfasi fuq il-kwalità tal-ħajja) meta mqabbla ma’ żoni urbani;

30.  Jenfasizza li fi ħdan il-PAK għandha tingħata importanza kbira lil strumenti mmirati lejn il-modernizzazzjoni u l-investiment, li jiggarantixxu l-kompetittività ta’ setturi ekonomiċi li jinsabu f’żoni rurali (inklużi l-industriji agroalimentari, tal-enerġija, tal-ipproċessar u tas-servizzi u s-settur soċjali) b’mod sostenibbli, b’konformità mar-regoli ambjentali, biex b’hekk ikun żgurat li l-impjiegi jkunu jistgħu jinżammu; jindika li dawk l-istrumenti se jagħmluha possibbli wkoll li jkomplu jnaqqsu d-distakk bejn l-Istati Membri u bejn ir-reġjuni fir-rigward tal-agrikoltura u l-iżvilupp rurali;

31.  Jenfasizza l-importanza tas-settur tat-turiżmu bħala sors ta' introjtu għall-bdiewa (eż. btajjel f’azjendi agrikoli); iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jistabbilixxu programmi li jappoġġjaw l-investiment u l-intraprenditorija; iqis li huwa importanti li jiġu appoġġjati l-azjendi agrikoli kkonċernati permezz ta’ kampanji tat-turiżmu;

32.  Jieħu nota tal-miżuri ta' simplifikazzjoni tal-PAK li ġew implimentati sal-lum, iżda jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiżviluppa u timplimenta miżuri biex tintroduċi proporzjonalità u flessibilità fir-rigward tat-tnaqqis tal-piż amministrattiv tal-PAK u ż-żieda tal-produttività fl-azjendi agrikoli;

33.  Jisħaq fuq il-fatt li hemm limitu għal dak li jista’ jinkiseb taħt il-PAK peress li l-għan ewlieni tagħha huwa s-sigurtà tal-provvista tal-ikel, u l-fatt li l-indirizzar b’mod effettiv tal-isfidi numerużi li jaffettwaw il-ħolqien u ż-żamma tal-impjiegi fiż-żoni rurali jeħtieġ approċċ trans-politiku usa’, kemm fil-livell reġjonali kif ukoll f’dak tal-Istati Membri;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja mudell agrikolu Ewropew kompetittiv u sostenibbli bbażat fuq mudell ta’ biedja mmexxi mill-familja, diversifikat u multifunzjonali li jkollu bħala prijorità ż-żamma ta’ impjiegi bbażati fit-territorju u mħallsa tajjeb, b’enfasi partikolari fuq it-territorji li qed jiffaċċjaw limitazzjonijiet speċifiċi kif rikonoxxut fl-Artikolu 349 tat-TFUE u – fil-produzzjoni tal-ikel u tal-prodotti mhux alimentari – l-iżgurar tas-sigurtà tal-ikel, kif ukoll is-sikurezza alimentari sabiex tiġi protetta s-saħħa;

35.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw għodod ta’ regolamentazzjoni u ta’ monitoraġġ tal-art sabiex jgħinuhom jiksbu għarfien aħjar tas-swieq tal-art u jwaqqfu l-fenomenu mifrux tal-konċentrazzjoni tal-ħtif tal-art u tal-apparat tal-produzzjoni;

36.  Jenfasizza l-ħtieġa li wieħed iħeġġeġ l-iżvilupp, il-kummerċjalizzazzjoni u l-bejgħ ta’ prodotti agrikoli ta’ kwalità; jitlob li jkun hemm inizjattivi li jiftħu swieq ġodda kif ukoll li jintroduċu programmi ta’ prodotti operazzjonali u kampanji ta’ kummerċjalizzazzjoni, sabiex tiġi żgurata d-diversifikazzjoni u l-kompetittività tal-prodotti tal-katina tal-ikel Ewropea;

37.  Hu tal-fehma li l-PAK għandha tqis il-biedja Ewropea fil-forom kollha tagħha u ż-żoni rurali kollha, inklużi dawk l-aktar żvantaġġati u l-iktar vulnerabbli fosthom (bħaż-żoni muntanjużi u r-reġjuni l-aktar imbiegħda), sabiex jiġi żgurat li jsir l-aħjar użu possibbli mir-riżorsi kollha; jemmen li dan jinvolvi wkoll li art abbandunata terġa’ tibda tintuża;

38.  Jinnota li d-diversifikazzjoni tal-agrikoltura u s-swieq ‘niċċa’ reġjonali żżid u tiżgura l-impjiegi fiż-żoni rurali; jitlob għal inizjattivi għall-appoġġ tad-diversifikazzjoni tal-azjendi agrikoli (eż. il-kummerċjalizzazzjoni diretta tal-prodotti agrikoli) u tal-ekonomija rurali b’mod ġenerali (eż. billi tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni minn xogħol agrikolu għal oqsma oħra ta’ impjieg);

39.  Huwa tal-fehma li l-fondi taħt il-PAK futura għandhom jipprovdu aktar appoġġ sabiex inaqqsu t-telf ta’ farms żgħar u ta’ daqs medju u n-negozji miġbura f’organizzazzjonijiet tal-produtturi, li, minħabba li huma ġeneralment aktar diversifikati, ekonomiċi u awtonomi, kif ukoll li jiġu trasferiti iktar faċilment, huma aktar effettivi f’termini ta’ ħolqien ta’ valur miżjud u impjiegi bbażati fit-territorju u bħala pilastru ekonomiku u soċjali tar-reġjuni tagħhom, u jkomplu japplikaw ukoll appoġġ speċifiku għal territorji affettwati minn restrizzjonijiet speċifiċi kif rikonoxxut fl-Artikolu 349 tat-TFUE;

40.  Jindika li l-pagamenti diretti tal-PAK għandhom jiġu allokati biss lil persuni li l-qasam ewlieni ta’ attività tagħhom huwa l-agrikoltura;

41.  Jirrimarka li, fir-reġjuni l-aktar imbiegħda, it-tfittxija għal soluzzjonijiet ta’ impjieg fil-każ li l-ekonomija tiċkien, jiġi kompromess min-nuqqas ta’ interkonnettività, u, minħabba l-importanza tal-agrikoltura f’dawn ir-reġjuni, huwa tal-fehma li l-fondi taħt il-PAK futura għandhom japplikaw diskriminazzjoni pożittiva għal dawn it-territorji li qed jiffaċċjaw limitazzjonijiet speċifiċi kif rikonoxxut fit-TFUE, peress li dan ikollu effett multiplikatur f’termini ta’ promozzjoni ta’ attivitajiet relatati oħra, bħall-industrija agrikola, it-turiżmu, il-protezzjoni tan-natura, il-produzzjoni tal-enerġija u l-ekonomija ċirkolari, b’mod li jikkumplimenta strateġija b’diversi fondi; jenfasizza li din l-istrateġija għandha tikkunsidra l-fatturi ta’ differenzjazzjoni pożittiva identifikati għar-reġjuni l-aktar imbiegħda, li tista’ sservi ta’ laboratorju għal soluzzjonijiet innovattivi oriġinali fl-agrikoltura li jistgħu jiġu applikati għal kuntesti inqas estremi u iktar komprensivi oħrajn, marbuta mal-istruttura tal-azjendi agrikoli, il-kundizzjonijiet tal-ħamrija u tal-klima u l-bijodiversità karatteristika;

42.  Iqis li l-biedja fi grupp għandha tiġi promossa u appoġġjata finanzjarjament, peress li tnaqqas l-ispejjeż ta’ produzzjoni tal-azjenda agrikola, b’mod partikolari l-ispejjeż tal-mekkanizzazzjoni, u tippromwovi s-solidarjetà bejn il-bdiewa u t-trasferiment tal-innovazzjoni, l-għarfien u l-aħjar prattika, filwaqt li toħloq dinamiżmu favorevoli għall-iżvilupp u l-impjiegi;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tistimula d-diversifikazzjoni u l-kompetittività tal-azjendi agrikoli żgħar, anki fir-rigward tal-biedja soċjali u tal-agrikoltura ffukata fuq is-servizzi;

44.  Jenfasizza li huwa importanti li l-PAK tipprovdi aktar appoġġ għall-effetti pożittivi li l-agrikoltura tipprovdi f’termini ta’ impjiegi u l-ambjent, u li għandha tipprovdi appoġġ aktar effettiv għall-biedja organika u bijodinamika u l-metodi ta’ produzzjoni sostenibbli l-oħra kollha, inklużi l-biedja integrata u l-agroforestrija fil-kuntest tal-agroekoloġija, li jwassal għal simplifikazzjoni tar-regolamenti attwali u l-adozzjoni ta’ regolamenti li jistgħu jiġu implimentati b’mod sempliċi, li jinftiehem u mingħajr problemi; jemmen li l-valuri ta’ dawn l-effetti pożittivi f’termini ta’ impjiegi u l-ambjent huma ta’ interess għas-soċjetà b’mod ġenerali u huma element li għandu jiġi inkluż fid-dħul tal-azjendi agrikoli;

45.  Ifakkar fl-eżempju pożittiv tad-“distretti organiċi”, jiġifieri żoni fejn, permezz ta’ sett koordinat ta’ miżuri, prodotti tal-biedja lokali u t-trobbija tal-bhejjem prodotti minn metodi organiċi u l-operaturi ekonomiċi kollha li jiddependu fuqhom (l-ikel agrikolu, l-impriżi gastronomiċi u turistiċi) jiġu promossi, strument li diġà wera li jista’ jżid id-dħul lokali u jgħin il-protezzjoni tal-art permezz tal-konservazzjoni tal-pajsaġġi rurali u tal-prodotti tradizzjonali;

46.  Jenfasizza l-potenzjal ta' biedja u sistemi tal-ikel sostenibbli, b'mod speċjali l-biedja organika, kif ukoll il-ġestjoni sostenibbli tal-ħamrija, l-ilma, il-bijodiversità u l-infrastruttura rurali, bil-ħsieb li jiġu ppreservati u jinħolqu impjiegi deċenti fil-biedja u f'ekonomiji rurali prosperi;

47.  Huwa tal-fehma li l-iżgurar tas-sigurtà alimentari fl-Unjoni Ewropea għandu jibqa’ azzjoni prinċipali primarja taħt il-PAK futura, mingħajr ma jiġu ttraskurati s-swieq barra l-UE; f’dan ir-rigward, iqis li l-ftehimiet tal-kummerċ jistgħu joħolqu riskju reali, kif ukoll opportunitajiet possibbli, għall-agrikoltura Ewropea, u jemmen li l-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles m’għandhomx iwasslu għal kompetizzjoni inġusta għall-azjendi agrikoli żgħar u ta’ daqs medju u m’għandhomx jipperikolaw l-ekonomiji lokali u l-impjiegi;

48.  Huwa tal-fehma li, sabiex tittejjeb l-organizzazzjoni attwalment inadegwata tas-settur tal-frott u l-ħaxix, l-appoġġ tal-UE għal proġetti li jinsabu fost l-assoċjazzjonijiet il-ġodda tal-produtturi tal-frott u l-ħaxix għandu jerġa’ jiġi kif kien;

49.  Jenfasizza li, f’kuntest ta’ inċertezza kbira rigward il-futur tal-prezzijiet tal-prodotti agrikoli baxxi u volatili, l-UE trid tikseb l-għanijiet tat-Trattat tal-PAK, billi tagħmel iktar biex tikkoreġi l-effetti erratiċi tas-swieq fejn ikunu qegħdin ifallu, u biex tiġi żgurata r-reżiljenza u l-kompetittività tas-settur agrikolu billi jiġu stabbiliti xbieki ta’ sikurezza effettivi u sistemi ta’ prevenzjoni u ta’ ġestjoni tal-kriżijiet sabiex jinħoloq bilanċ bejn il-provvista u d-domanda, kif ukoll jinħolqu għodod għall-ġestjoni tar-riskji bbażati fuq sistemi ġodda u innovattivi u li jinvolvu lill-bdiewa nfushom fil-finanzjament; iqis li s-sehem ta’ finanzjament għal miżuri biex jiġu stabbilizzati s-swieq agrikoli għandu jiżdied u, b’mod partikolari, li l-PAK trid issaħħaħ ukoll skemi tal-assigurazzjoni għall-protezzjoni tal-bdiewa mid-diversi riskji tal-klima, tas-saħħa u dawk ekonomiċi; jemmen li fid-dawl tar-riskji assoċjati mat-tisħin globali, l-UE trid tagħmel dak kollu li tista’ biex issaħħaħ ir-rwol pożittiv li l-agrikoltura jista’ jkollha, permezz ta’ miżuri li jinkludu l-agronomija u ġestjoni aħjar tal-ħamrija għal qbid imtejjeb tal-karbonju, u li huwa importanti li jiġi pprovdut appoġġ tekniku u finanzjarju lill-bdiewa biex gradwalment ikunu jistgħu jbiddlu l-prattiki tagħhom u biex ikunu innovattivi;

50.  Jenfasizza barra minn hekk li l-pagamenti diretti għandhom jibqgħu strument tal-PAK wara l-2020, biex jappoġġjaw u jistabbilizzaw l-introjtu tal-azjendi agrikoli, u biex jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż li jirriżultaw mill-konformità ma' standards għolja tal-UE (fir-rigward tal-metodi ta' produzzjoni, u rekwiżiti ambjentali b'mod partikolari), u biex isostnu l-produzzjoni agrikola f'dawk ir-reġjuni li huma inqas favoriti; jirrimarka li l-pagamenti diretti għalhekk għandhom ikunu mmirati sabiex jiżguraw li l-biedja tkun ekonomikament stabbli, kif ukoll jiggarantixxu s-sigurtà alimentari u ambjentali; jirrimarka, f'dan il-kuntest, li huwa importanti li r-rati ta' pagament dirett isiru ugwali, sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni fis-suq uniku tal-UE, kif ukoll għall-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi agrikoli fil-livell tal-UE;

51.  Huwa tal-fehma li, peress li hemm differenzi sinifikanti fil-livelli ta’ kooperazzjoni bejn il-bdiewa fi Stati Membri individwali u peress li nuqqas ta’ kooperazzjoni jaffettwa b’mod negattiv l-abilità tal-bdiewa li jirreżistu sitwazzjonijiet ta’ kriżi u l-pressjonijiet tas-suq, il-PAK għandha tippromwovi b’mod komprensiv l-iżvilupp ta’ kooperazzjoni bejn il-bdiewa, b’mod partikolari fis-setturi tal-produzzjoni u tal-ipproċessar;

52.  Jitlob lill-Istati Membri biex jagħtu prijorità, skont it-tieni pilastru tal-PAK, lis-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni (EIP); jistieden lill-Kummissjoni tagħti prijorità lil Orizzont 2020 u biex jiġi żgurat aċċess aħjar mill-bdiewa għall-għażliet ta’ finanzjament tal-BEI, l-appoġġ għall-mudelli agrikoli u tal-forestrija innovattivi u sostenibbli għall-produzzjoni ta’ prodotti u servizzi tal-ikel u dawk mhux alimentari (l-enerġija rinnovabbli, il-bijoekonomija, it-turiżmu rurali, u l-prospetti ġodda għall-bdiewa għall-forniment ta’ materja prima fl-era industrijali wara ż-żejt), u l-iżvilupp tar-riżorsi ta’ kull żona rurali;

53.  Jesprimi it-twemmin sħiħ tiegħu li se jkun meħtieġ anki fil-futur li jiġi promoss it-taħriġ vokazzjonali kontinwu għall-bdiewa u l-ħaddiema agrikoli u li jiġi żgurat li jinxterdu l-għarfien xjentifiku u l-innovazzjonijiet, b’hekk tkun żgurata l-adattabilità għall-ambjent li qed jinbidel u jsir aktar faċli biex wieħed jieħu sehem f’attività ekonomika;

54.  Hu tal-fehma li l-approċċi minn isfel għal fuq għall-iżvilupp lokali bħal LEADER/CLLD urew li huma effettivi f’termini tal-għadd ta’ impjiegi maħluqa u tal-livell baxx ta’ nfiq pubbliku għal kull impjieg maħluq, u li għaldaqstant għandhom jiġu msaħħa, promossi u implimentati aktar fl-Istati Membri kollha permezz ta’ approċċi ta’ finanzjament minn diversi sorsi u billi jissaħħaħ ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali; jenfasizza b’mod partikolari r-rwol tal-mexxejja tal-Grupp ta’ Azzjoni Lokali (GAL) biex jipprovdu appoġġ tekniku u ta’ servizz għal inizjattivi li għandhom l-għan li jixprunaw proġetti li jippromwovu l-impjiegi; jitlob li l-GALs ikollhom l-usa' awtonomija possibbli sabiex tiġi massimizzata l-effettività tagħhom; iżid li għandhom jiġu stabbiliti mekkaniżmi li jiżguraw l-involviment validu tas-sħab soċjali, u jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta mudelli ta’ prattika tajba fir-rigward ta’ proġetti transnazzjonali ta’ LEADER II;

55.  Jinnota li diffikultà fl-aċċess għall-informazzjoni fir-rigward tal-ipprogrammar u finanzjament nazzjonali u tal-UE rilevanti hija ostaklu għall-iżvilupp tal-ekonomija rurali;

56.  Jappella biex l-investiment mogħti taħt il-politika ta’ żvilupp rurali, bħala appoġġ għall-impjiegi fiż-żoni rurali, jingħata prijorità b’fokus fuq l-impjiegi, il-bidliet fil-qgħad, l-effiċjenza tan-negozji li jirċievu l-għajnuna, u l-ħolqien ta’ inċentivi għar-reklutaġġ tal-impjegati, u jirrakkomanda li l-programmi għall-iżvilupp rurali jinkludu t-tisħiħ tal-mikrofinanzjament, għax dan huwa partikolarment utli biex jgħinu lill-intrapriżi agrikoli u mhux agrikoli jibdew;

57.  Jenfasizza li l-importanza tat-tieni pilastru għall-ħolqien tal-impjiegi jista’ jittejjeb billi jippermettu ħafna aktar flessibilità skont il-ħtiġijiet speċifiċi għar-reġjun;

58.  Huwa tal-fehma li, fil-ġejjieni, hemm bżonn li jkomplu jiġu żviluppati s-sistemi tal-ikel ta’ kwalità għolja, ibbażat fit-territorju li jfornu l-prodotti tal-ikel mhux maħduma jew ipproċessati billi jiġu promossi r-responsabilità individwali u l-involviment tal-partijiet interessati - jew miġbura flimkien bħala produtturi, proċessuri, distributuri u konsumaturi jew bħala komunitajiet ta’ produtturi u konsumaturi, jew inkella billi jinġabru l-operaturi ekonomiċi kollha fis-settur agroalimentari u dak tat-turiżmu alimentari - f’attivitajiet kwalitattivi u dawk relatati mal-kuntratt imfassla biex jiżguraw provvisti tal-ikel u s-sikurezza tal-ikel, kif ukoll dħul ġust, sabiex il-bdiewa jkunu jistgħu jaqilgħu għajxien deċenti u jżommu l-impjiegi fl-azjendi agrikoli tagħhom; jinnota li tali sistemi tal-ikel jistgħu, b’mod partikolari, iżda mhux biss, jieħdu l-forma ta’ ktajjen tal-provvista qosra u/jew swieq lokali; huwa tal-fehma li aktar riżorsi tal-UE għandhom, fil-futur, ikunu ddedikati għall-iżvilupp u t-tħaddim ta’ ċerti sistemi tal-kwalità tal-ikel, u l-iżvilupp ulterjuri ta’ gastromoija Ewropea magħrufa globalment; iqis li hu essenzjali għal dan l-għan li jiġu adattati aħjar il-leġiżlazzjoni dwar l-akkwist pubbliku, sabiex l-awtoritajiet lokali jkunu jistgħu jippromwovu l-produzzjoni lokali;

59.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa għal aktar appoġġ għall-agrikoltura u għall-ħolqien ta’ impjiegi agrikoli f’żoni żvantaġġati u f’żoni fuq il-fruntieri esterni tal-UE;

60.  Iqis li sħubijiet bejn diversi partijiet interessati li jinvolvu bdiewa u partijiet interessati rurali oħra għandhom jiġu promossi peress li jippermettu l-iżvilupp ta’ ħafna attivitajiet li joħolqu impjieg dirett u indirett, bħal pereżempju l-istrutturazzjoni ta’ ktajjen alimentari u mhux alimentari lokali u l-implimentazzjoni ta’ diversi servizzi (it-turiżmu rurali, iż-żamma ta’ spazji privati u pubbliċi, eċċ);

61.  Jemmen li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jagħtu inċentiv lill-bdiewa, permezz tal-PAK u politiki oħra, biex jiddiversifikaw is-sorsi ta’ dħul tagħhom, u b’hekk jipproteġu lilhom infushom mit-tnaqqis fir-ritmu tas-suq; iqis li tali diversifikazzjoni tista’ tinkludi l-ekoturiżmu, l-iżvilupp ta’ enerġiji rinnovabbli bħal dik mir-riħ u mix-xemx, iż-żieda tal-valur tal-prodotti agrikoli permezz tal-ipproċessar, u l-ħwienet tal-azjendi agrikoli;

62.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi aktar appoġġ għal kooperattivi lokali biex jgħinuhom jerġgħu jiksbu kontroll fuq il-prezzijiet u l-prodotti tagħhom;

63.  Jinnota li s-settur tat-turiżmu joffri opportunitajiet sinifikanti sabiex jiġu ġġenerati dħul u impjiegi diretti u indotti fiż-żoni agrikoli u rurali, li jippermettu li jittejjeb il-wirt storiku, kulturali, gastronomiku, tal-pajsaġġ u ambjentali ta’ kull reġjun; jinnota, barra minn hekk, li l-attraenza ta’ reġjun għat-turisti hija bbażata mhux biss fuq l-istorja tiegħu, iżda wkoll dejjem iktar fuq il-prodotti tal-ikel, il-pajsaġġi u l-ambjent tiegħu; jemmen li, minħabba dawn ir-raġunijiet kollha, is-settur tat-turiżmu għandu jingħata aktar appoġġ mill-politika tal-iżvilupp rurali;

64.  Jenfasizza li l-isfidi marbuta mat-tibdil fil-klima u l-ambjent qed iqajmu l-ħtieġa ta’ investiment għall-ħolqien sinifikanti ta’ impjiegi pubbliċi u privati, bl-appoġġ mill-ħolqien ta’ professjonijiet ġodda, sabiex jiġi żgurat li r-riżorsi rurali jinżammu u jkunu ppreservati u li l-kwalità ta’ ekosistemi degradati tkun irrestawrata, biex jiġu indirizzati l-għargħar u n-nirien b’mod aktar effettiv, u biex tittejjeb il-protezzjoni tal-ilma, il-ħamrija u l-kwalità tal-arja u l-bijodiversità; jinnota li filwaqt li dan ċertament jinvolvi kooperazzjoni bejn l-agrikoltura u partijiet interessati rurali oħra, joffri opportunitajiet ġodda għad-diversifikazzjoni fid-dħul fl-agrikoltura;

65.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt soċjali tal-kriżi agrikola attwali, b'mod partikolari f'termini ta' telf ta' impjiegi, speċjalment f'żoni rurali; jistieden lill-Istati Membri jqisu kif il-kompetittività tal-biedja tista’ tittejjeb sabiex is-settur jista’ joħloq l-impjiegi u jiġġenera valur miżjud li jinqasam b’mod ġust fl-industrija agrikola u dik agroalimentari, billi tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta u tiġi minimizzata l-ħsara kkawżata minn dumping soċjali u minn kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji u atipiċi, li jaffettwaw b’mod sproporzjonat lil ċerti gruppi; jinnota li ħafna membri tal-familja fl-azjendi agrikoli ma għandhomx status soċjali jew rikonoxximent legali jew mhumiex koperti minn skema ta’ ħarsien soċjali; jenfasizza li n-negozji agrikoli jridu jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-impjiegi u mal-leġiżlazzjoni soċjali; iqis li kwalunkwe introduzzjoni ta' kundizzjonalitajiet addizzjonali għal pagamenti tal-ewwel pilastru tal-PAK iżidu konsiderevolment il-piż amministrattiv fuq il-bdiewa u jillimitaw il-potenzjal tagħhom għall-ħolqien tal-impjiegi; jappella għal rwol aktar b’saħħtu għas-sħab soċjali flimkien ma’ awtoritajiet ta’ ġestjoni, u jistieden lill-Istati Membri biex jirrikonoxxu u jiggarantixxu d-drittijiet soċjali tal-bdiewa, jiżguraw li l-ħaddiema kollha fl-agrikoltura, part-time jew full-time, huma koperti minn sistemi ta’ protezzjoni soċjali; jistieden lill-Istati Membri jittrasponu d-Direttiva 2014/36/UE dwar il-ħaddiema staġjonali fil-leġiżlazzjoni nazzjonali; jitlob li l-awtoritajiet nazzjonali tas-saħħa u tas-sikurezza jiġu allokati riżorsi biex ixerrdu l-informazzjoni dwar is-sikurezza tal-azjendi agrikoli;

66.  Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi l-indikaturi proposti mill-FAO fil-Valutazzjoni tas-Sostenibilità tal-Ikel u l-Agrikoltura (SAFA) tagħha, b'mod partikolari dawk immirati lejn l-impjiegi u l-benesseri soċjali;

67.  Ifakkar li l-bidwi Ewropew medju għandu biss 12-il ettaru ta' art u li 70 % tal-azjendi agrikoli għandhom erja tas-superfiċje ta' anqas minn ħames ettari; jinnota li minħabba d-daqs u l-istruttura tagħhom, l-azjendi agrikoli mhux dejjem jifilħu jħallsu għal impjegati full-time jew ħaddiema bi kwalifiki għolja; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għaldaqstant, biex jimplimentaw miżuri li jħeġġu gruppi ta' min iħaddem;

68.  Iqis indispensabbli li tiġi żgurata l-preżenza tas-servizzi pubbliċi u privati biex tiġi żgurata l-attraenza taż-żoni rurali u jippermettu ż-żamma u l-iżvilupp tal-impjiegi f’dawn il-postijiet; iqis li n-nies f’żoni rurali għandhom id-dritt għall-aċċess ugwali għal servizzi pubbliċi ta’ kwalità bħalma huma l-edukazzjoni u dawk soċjali u tal-kura tas-saħħa; iqis li huwa essenzjali li kulħadd - il-gvern lokali, il-gvern reġjonali (fejn jeżisti) u s-settur privat lokali - għandu jaħdem flimkien biex jippromwovu l-investiment u jiżguraw li żoni rurali u remoti jkollhom infrastruttura essenzjali bħalma huma konnessjonijiet tat-trasport pubbliku u privat, provvista tal-enerġija sikura u affidabbli u t-teknoloġija tal-broadband veloċi, kif ukoll skemi ta’ finanzjament u self għall-intraprendituri rurali, il-mikrointrapriżi u l-SMEs, li mingħajrhom l-intrapriżi rurali u l-familji jkunu fi żvantaġġ permanenti u l-migrazzjoni lejn iż-żoni urbani se tkompli;

69.  Huwa tal-fehma, fir-rigward tal-epidemiji tal-annimali reċenti u l-iskandli reċenti dwar is-sikurezza tal-ikel, bħat-tfqigħa tal-E. coli tal-2011, l-iskandlu tal-laħam taż-żiemel tal-2013, u l-iskandlu tal-għasel falz attwali - li hemm bżonn ta' żieda sinifikanti fl-ammont minfuq fuq is-sigurtà tal-ikel u l-għalf - kif stipulat fit-tielet intestatura tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali, peress li EUR 1.93 biljun allokati għall-perjodu attwali ta’ seba’ snin huma kompletament inadegwati;

70.  Jenfasizza li l-bdiewa jaffaċċjaw, fuq skala kbira, l-ispejjeż amministrattivi marbuta mal-PAK u li dawn l-ispejjeż ivarjaw b’mod sostanzjali fost l-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex inaqqsu l-piż amministrattiv billi jnaqqsu l-burokrazija żejda u jissimplifikaw il-PAK, kif ukoll jiżguraw it-traspożizzjoni effettiva tagħha;

71.  Jenfasizza li l-aċċess għal servizzi bażiċi bħall-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-akkomodazzjoni, kif ukoll il-kontinwità ta’ dawn is-servizzi, huma prerekwiżiti għal ambjent favorevoli għall-ħolqien tal-impjiegi u biex jintlaħqu l-ħtiġijiet bażiċi tal-persuni li jgħixu f’żoni rurali;

72.  Iqis li huwa kruċjali li l-awtoritajiet pubbliċi jintalbu joħolqu servizzi ta’ estensjoni u s-servizzi biex jassistu l-ġestjoni tal-azjendi agrikoli f’żoni rurali, bl-għan li jimmodernizzaw l-agrikoltura Ewropea;

73.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw l-ugwaljanza tan-nisa fis-suq tax-xogħol u l-kompatibilità tax-xogħol mal-ħajja privata f’żoni rurali, b’mod partikolari fir-rigward tal-pagi u d-drittijiet soċjali u tal-pensjoni, il-promozzjoni ta’ kwalifiki ġodda u joffru prospetti u opportunitajiet għan-nisa f’impjiegi agrikoli u mhux agrikoli, f’konformità mal-prinċipju tal-ugwaljanza u tan-nondiskriminazzjoni fil-politiki u l-programmi tal-UE; jitlobhom ukoll biex jisfruttaw aħjar l-opportunitajiet għal pjattaformi ta’ informazzjoni onlajn immirata, azzjoni u għajnuna għall-bdiewa nisa ġodda u dawk stabbiliti f’żoni rurali, b’mod partikolari fil-qafas tal-FAEŻR u Fondi oħra tal-UE li jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ proġetti, u jgħinu biex jinżammu l-infrastruttura u s-servizzi essenzjali li huma importanti fil-ħajja rurali ta’ kuljum, u b’hekk jgħinu biex jillimitaw l-eżodu ta’ nisa minn zoni rurali; barra minn hekk jiġbed l-attenzjoni lejn il-bżonn, b’mod partikolari fiż-żoni rurali, ta’ strateġiji sostenibbli biex jinżammu, jiġu mħeġġa u appoġġjati netwerks u organizzazzjonijiet tan-nisa u r-rwol tagħhom fit-teħid tad-deċiżjonijiet fiż-żoni agrikoli u dawk rurali; jitlob, barra minn hekk, għal aċċess aktar faċli għall-edukazzjoni, il-finanzi u l-informazzjoni li jiffaċilitaw l-inizjattivi intraprenditorjali tan-nisa (eż. permezz tan-negozju elettroniku), is-sjieda ta’ negozji rurali u l-iżvilupp;

74.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jsaħħu r-rwol tas-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet tal-assistenza soċjali li jaħdmu flimkien mal-awtoritajiet biex jimmonitorjaw il-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-impjiegi, jiġġieldu x-xogħol mhux iddikjarat u jissorveljaw l-osservanza tal-benesseri soċjali u standards tas-sikurezza li jippromwovu l-integrazzjoni soċjali u ekonomika tal-ħaddiema migranti, inklużi ħaddiema staġjonali nisa, migranti nisa u rifuġjati nisa; jitlob li jkun hemm fis-seħħ arranġamenti li jiżguraw li n-nisa jkunu jistgħu jieħdu sehem f'kull livell tal-proċess;

75.  Jindika li l-ammont ta' art għall-biedja fl-UE qed jonqos kull sena; jenfasizza li huwa kruċjali li l-art tal-biedja tinżamm, sabiex jiġu garantiti l-impjiegi f'żoni rurali; jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-aċċess imtejjeb għall-art f'żoni b'livelli għolja ta' qgħad rurali, u jitlob, f'dan ir-rigward, li tittieħed azzjoni biex jiġi żgurat li l-bdiewa żgħażagħ nisa jkollhom aċċess għal kreditu u jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-ġestjoni tal-art;

76.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li n-nisa jirrappreżentaw 45 % tal-forza tax-xogħol fl-azjendi agrikoli; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi d-definizzjoni ta' “azjenda agrikola tal-familja”, sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess tan-nisa għat-taħriġ u l-konsulenza professjonali, kif ukoll għall-kapital u l-benefiċċji;

77.  Jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali rilevanti jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni tan-nisa fi gruppi ta' azzjoni lokali u l-iżvilupp ta' sħubiji lokali taħt il-programm LEADER, kif ukoll li jiżguraw il-parteċipazzjoni bbilanċjata skont is-sessi fil-bordijiet amministrattivi tagħhom;

o
o   o

78.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Eurostat, 2016.
(2) cf: http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.nat-opinions.25458

Avviż legali - Politika tal-privatezza