Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Novembru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill li tapprova l-konklużjoni mill-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) tal-Ftehim dwar Kooperazzjoni Operattiva u Strateġika bejn l-Ukrajna u l-Europol (10345/2016 – C8-0267/2016 – 2016/0811(CNS))
(Konsultazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz tal-Kunsill (10345/2016),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 39(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kif emendat bit-Trattat ta' Amsterdam, u l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji, skont liema artikoli ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0267/2016),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠAI tas-6 ta' April 2009 li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol)(1), b'mod partikolari l-Artikolu 23(2) tagħha,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/934/ĠAI tat-30 ta' Novembru 2009 li tadotta r-regoli implimentattivi li jirregolaw ir-relazzjonijiet tal-Europol mal-imsieħba, inkluż l-iskambju ta' data personali u informazzjoni klassifikata(2), b'mod partikolari l-Artikoli 5 u 6 tagħha,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/935/ĠAI tat-30 ta' Novembru 2009 li tiddetermina l-lista ta' Stati terzi u organizzazzjonijiet li magħhom l-Europol għandu jikkonkludi ftehimiet(3),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0342/2016),
1. Japprova l-abbozz tal-Kunsill;
2. Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;
3. Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda t-test approvat mill-Parlament b'mod sustanzjali;
4. Jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta, wara d-data ta' applikazzjoni tar-Regolament il-ġdid dwar l-Europol(4), id-dispożizzjonijiet tal-ftehim ta' kooperazzjoni; u jitlobha wkoll tinforma lill-Parlament u lill-Kunsill dwar l-eżitu ta' dik il-valutazzjoni u, jekk ikun xieraq, tressaq rakkomandazzjoni għal awtorizzazzjoni li jinfetaħ rinegozjar internazzjonali tal-ftehim;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53).