Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2107(IMM)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0319/2016

Testi mressqa :

A8-0319/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0430

Testi adottati
PDF 261kWORD 50k
It-Tlieta, 22 ta' Novembru 2016 - Strasburgu
Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Jean-François Jalkh
P8_TA(2016)0430A8-0319/2016

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Novembru 2016 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Jean-François Jalkh (2016/2107(IMM))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Jean-François Jalkh, imressqa fl-14 ta' April 2016 mill-Ministru tal-Ġustizzja Franċiż b'rabta ma' inkjesta ġudizzjarja (fajl Nru 1422400530), li nfetħet fil-konfront tas-Sur Jean-François Jalkh quddiem il-Qorti tad-Distrett ta' Pariġi fuq ilment b'intervent ċivili mill-assoċjazzjoni "Bureau national de vigilance contre l'antisémitisme" (BNVCA) bl-imputazzjoni ta' inċitament pubbliku għad-dikriminazzjoni, il-mibegħda jew il-vjolenza u mħabbra fis-seduta plenarja fit-8 ta' Ġunju 2016,

–  wara li sema' lil Jean-François Jalkh skont l-Artikolu 9(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,

–  wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta' Mejju 1964, fl-10 ta' Lulju 1986, fil-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011 u fis-17 ta' Jannar 2013(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Franċiża, kif emendat bil-Liġi Kostituzzjonali tal-4 ta' Awwissu 1995 Nru 95-880,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2), 6(1) u 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0319/2016),

A.  billi l-Prosekutur Ġenerali tal-Qorti tal-Appell ta' Pariġi talab it-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Membru tal-Parlament Ewropew, Jean-François Jalkh, b'rabta ma' azzjoni legali għal reat allegat;

B.  billi t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Jean-François Jalkh hija relatata mar-reat allegat ta' inċitament għad-diskriminazzjoni, il-mibegħda jew il-vjolenza fil-konfront ta' persuna jew grupp ta' persuni fuq il-bażi tal-oriġini tagħhom jew is-sħubija jew in-nuqqas ta' sħubija tagħhom ma' grupp etniku, nazzjon, razza jew reliġjon partikolari, liema reat huwa previst fil-liġi Franċiża, b'mod speċifiku fl-Artikolu 24(8) u l-Artikolu 23(1) tal-Liġi tad-29 ta' Lulju 1881;

C.  billi Jean-François Jalkh ġie akkużat mill-assoċjazzjoni Bureau national de vigilance contre l'antisémitisme (BNVCA) f'ilment imressaq mad-Dekan tal-Imħallfin Inkwirenti f'Pariġi fit-12 ta' Awwissu 2014;

D.  billi l-ilment ikkonċerna dikjarazzjonijiet magħmula mis-Sur Jean-Marie Le Pen f'intervista mxandra fuq is-sit www.frontnational.com, u mbagħad fuq il-blog www.jeanmarielepen.com fis-6 ta' Ġunju 2014, meta kien qed jirreaġixxi għal meta membru tal-udjenza semma l-isem tal-kantant Patrick Bruel, li kien qal li ma setax ikanta iktar fl-ibliet li eleġġew sindki li jappartjenu għall-Front national, fejn qal: "Dan ma jissorprendinix. Isimgħu, darb'oħra ngħadduhom kollha mill-forn."; billi Jean-François Jalkh huwa d-direttur tal-pubblikazzjoni tas-sit uffiċjali tal-Front national;

E.  billi l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-Membri, igawdu fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-Parlament ta' dak l-Istat;

F.  billi l-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni Franċiża jipprevedi li l-ebda Membru tal-Parlament ma għandu jitressaq il-qorti, jiġi investigat, arrestat, detenut jew ipproċessat minħabba opinjonijiet espressi jew voti mitfugħa fil-qadi ta' dmirijietu;

G.  billi l-portata tal-immunità mogħtija lill-Membri tal-Parlament Franċiż tikkorrispondi fil-fatt għall-portata tal-immunità mogħtija lill-Membri tal-Parlament Ewropew fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea; billi l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex Membru tal-Parlament Ewropew ikun kopert bl-immunità, opinjoni għandha tiġi mogħtija mill-Membru fil-qadi ta' dmirijietu, u dan jimplika r-rekwiżit ta' rabta bejn l-opinjoni espressa u d-dmirijiet parlamentari; billi tali rabta għandha tkun diretta u ovvja;

H.  billi Jean-François Jalkh kien għadu ma assumiex dmirijietu bħala Membru tal-Parlament Ewropew meta r-reat allegat seħħ, jiġifieri fis-6 ta' Ġunju 2014, u assuma dmirijietu fl-1 ta' Lulju 2014;

I.  billi l-akkużi ma għandhom b'mod manifest l-ebda rabta mal-pożizzjoni ta' Jean-François Jalkh bħala Membru tal-Parlament Ewropew u jikkonċernaw minflok attivitajiet ta' natura purament nazzjonali jew reġjonali, fid-dawl tal-fatt li d-dikjarazzjonijiet kellhom x'jaqsmu mal-elezzjonijiet lokali fi Franza li saru fit-23 u fit-30 ta' Marzu 2014 u mal-pożizzjoni tiegħu bħala direttur tal-pubblikazzjoni tal-Front national b'kontroll editorjali fuq is-siti tal-federazzjoni;

J.  billi l-azzjonijiet allegati ma jirreferux għal xi opinjoni espressa jew vot mitfugħ mill-Membru tal-Parlament Ewropew fil-qadi ta' dmirijietu, fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea;

K.  billi ma hemmx is-suspett ta' tentattiv li jiġi ostakolat ix-xogħol parlamentari ta' Jean-François Jalkh (fumus persecutionis) f'din l-inkjesta ġudizzjarja mnedija insegwitu ta' ilment tal-assoċjazzjoni "Bureau national de vigilance contre l'antisémitisme (BNVCA)";

1.  Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Jean-François Jalkh;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-Ministru tal-Ġustizzja tar-Repubblika Franċiża u lil Jean-François Jalkh.

(1) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Mejju 1964, Wagner vs Fohrmann u Krier, 101/63, ECLI:EU:C:1964:28; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Wybot vs Faure et., 149/85, ECLI:EU:C:1986:310; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/05, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C163/10, ECLI: EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23.

Avviż legali - Politika tal-privatezza