Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2033(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0307/2016

Testi mressqa :

A8-0307/2016

Dibattiti :

PV 23/11/2016 - 16
CRE 23/11/2016 - 16

Votazzjonijiet :

Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0453

Testi adottati
PDF 332kWORD 64k
Il-Ħamis, 24 ta' Novembru 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
Lejn sistema definittiva ta' VAT u l-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT
P8_TA(2016)0453A8-0307/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2016 dwar lejn sistema definittiva ta' VAT u l-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT (2016/2033(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-pjan ta' azzjoni dwar il-VAT ippreżentat mill-Kummissjoni fis-7 ta' April 2016 (COM(2016)0148),

–  wara li kkunsidra r-rapport speċjali Nru 24/2015 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tat-3 ta' Marzu 2016 bit-titolu "L-indirizzar tal-frodi intra-Komunitarja tal-VAT: Tinħtieġ aktar azzjoni",

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ottubru 2011 dwar il-futur tal-VAT(1),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal direttiva dwar il-ġlieda kontra l-frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (COM(2012)0363),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (COM(2013)0534),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2014 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew(2),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal regolament dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) (COM(2013)0535),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' April 2015 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew(3),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0307/2016),

A.  billi s-Suq Uniku, stabbilit fl-1 ta' Jannar 1993, neħħa l-kontrolli mal-fruntieri għall-kummerċ intra-Komunitarju u billi, skont l-Artikoli 402 sa 404 tad-Direttiva tal-VAT attwali, l-arranġamenti tal-VAT tal-Unjoni Ewropea fis-seħħ mill-1993 huma biss ta' natura provviżorja u tranżizzjonali;

B.  billi, skont l-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Kunsill għandu, b'mod unanimu, jadotta direttivi għall-ikkompletar tas-sistema komuni tal-VAT u, b'mod partikolari, għat-tneħħija jew għar-revoka progressivi tal-eżenzjonijiet minn din is-sistema;

C.  billi l-Kummissjoni hija meħtieġa li kull erba' snin tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-funzjonament tas-sistema attwali tal-VAT u, b'mod partikolari, dwar l-arranġamenti tranżizzjonali;

D.  billi l-VAT, li d-dħul minnha għas-sena 2014 kien ta' kważi EUR triljun, hija sors ta' dħul ewlieni u li qiegħed jikber fl-Istati Membri u tikkontribwixxi għar-riżorsi proprji tal-UE, bid-dħul totali tal-UE mir-riżorsi proprji tal-VAT ikun ta' EUR 17 667 miljun u jammonta għal 12.27 % tad-dħul totali tal-UE fl-2014(4);

E.  billi s-sistema tal-VAT attwali, peress li hi applikata minn korporazzjonijiet kbar għal tranżazzjonijiet transfruntieri, hija vulnerabbli għall-frodi, għall-istrateġiji tal-evitar tat-taxxa, għall-VAT li ma tinġabarx minħabba insolvenzi, jew għall-kalkolu ħażin; billi d-"diskrepanza tal-VAT" stmata tammonta għal madwar EUR 170 biljun kull sena, u teknoloġiji diġitali aħjar qed isiru disponibbli biex jgħinu fit-tnaqqis ta' din id-diskrepanza;

F.  billi, skont studju tal-Kummissjoni(5), il-frodi MTIC (frodi Intra-Komunitarja b'Negozjant Nieqes, komunement imsejjaħ frodi karusell) waħdu huwa responsabbli għal telf fid-dħul tal-VAT ta' madwar EUR 45 biljun sa EUR 53 biljun kull sena;

G.  billi l-Istati Membri jvarjaw fl-effikaċja li biha huma kapaċi jindirizzaw il-frodi tal-VAT u l-evitar tal-VAT, peress li d-diskrepanza tal-VAT hija stmata li tvarja minn inqas minn 5 % sa aktar minn 40 % skont il-pajjiż ikkunsidrat;

H.  billi, skont l-istimi tal-Europol, bejn EUR 40 biljun u EUR 60 biljun tat-telf fid-dħul annwali mill-VAT tal-Istati Membri huwa kkawżat minn gruppi ta' kriminalità organizzata, u 2 % ta' dawk il-gruppi huma wara 80 % tal-frodi MTIC;

I.  billi l-kejl tat-telf fid-dħul li jirriżulta minn frodi tal-VAT transfruntiera hija sfida iebsa ħafna minħabba li żewġ Stati Membri biss, ir-Renju Unit u l-Belġju, jiġbru u jiddisseminaw statistika dwar din il-kwistjoni;

J.  billi bosta Stati Membri taħt il-koordinazzjoni tal-Eurojust u tal-Europol reċentement wettqu tliet Operazzjonijiet Vertigo konsekuttivi u ta' suċċess li kixfu skema ta' frodi karusell li tammonta għal EUR 320 miljun;

K.  billi l-ispejjeż amministrattivi kbar ikkawżati mis-sistemi tal-VAT preżenti, speċjalment fir-rigward ta' tranżazzjonijiet transfruntiera, jistgħu jitnaqqsu b'mod sinfikanti għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, anke permezz ta' mekkaniżmi ta' simplifikazzjoni bl-użu ta' għodod ta' rappurtar diġitali u databases komuni;

L.  billi hemm ħafna lok għal titjib fit-tnaqqis tal-ostakoli amministrattivi u fiskali li jolqtu, b'mod partikolari, il-proġetti ta' kooperazzjoni transfruntiera;

M.  billi l-VAT hija taxxa fuq il-konsum li hija bbażata fuq sistema ta' ħlasijiet frazzjonati li tippermetti awtoregolamentazzjoni mill-persuni responsabbli għall-ħlas, u billi trid titħallas biss mill-konsumatur finali sabiex tiġi żgurata n-newtralità għan-negozji; billi huwa f'idejn l-Istati Membri li jorganizzaw il-mod prattiku li bih jiċċarġjaw il-VAT sabiex jiżguraw li din titħallas mill-konsumatur finali;

N.  billi 23 sena wara l-introduzzjoni tad-Direttiva tal-VAT, l-hekk imsejħa "derogi ta' sospensjoni" ma għadhomx rilevanti, b'mod partikolari fir-rigward tal-ekonomija diġitali moderna;

O.  billi, fl-aħħar żewġ deċennji, il-Kummissjoni fetħet aktar minn 40 proċedura ta' ksur kontra aktar minn żewġ terzi tal-Istati Membri minħabba ksur tad-Direttiva;

P.  billi ma tistax tintlaħaq maġġoranza favur il-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini rigward sistema tal-VAT definittiva, peress li dan ikun jeħtieġ livell ogħla ta' armonizzazzjoni tar-rati tat-taxxa biex jiġu evitati distorsjonijiet massivi fil-kompetizzjoni;

Q.  billi l-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa hija waħda mill-isfidi ewlenin fil-qasam tat-taxxa li jħabbtu wiċċhom magħhom l-Istati Membri;

R.  billi l-frodi tal-VAT hija prattika li tagħmel ħafna ħsara peress li tiddevja ammonti sinifikanti tad-dħul tal-baġit tal-Istati Membri filwaqt li xxekkel l-isforzi tagħhom biex jikkonsolidaw il-finanzi pubbliċi;

S.  billi l-frodi tal-VAT f'livell transfruntier lill-Istati Membri u lill-kontribwenti Ewropej tagħna tiswielhom madwar EUR 50 biljun fis-sena;

T.  billi t-tipoloġiji ta' frodi tal-VAT huma multidimensjonali, kontinwament jevolvu u jirrigwardaw ħafna setturi ekonomiċi, u, għaldaqstant, jirrikjedu adattament rapidu tal-leġiżlazzjoni rilevanti bil-għan li tinqabad it-triq lejn sistema tal-VAT sempliċi u sostenibbli li tippermetti li jiġu evitati l-frodi u t-telf potenzjali tad-dħul mit-taxxa;

U.  billi ebda proġett pilota tar-reverse charge m'għandu joħloq jew iwassal għal dewmien fl-istabbiliment ta' sistema definittiva tal-VAT kif previst mill-pjan direzzjonali tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni;

V.  billi t-teknika ta' frodi tal-VAT l-iktar użata hija l-frodi "karusell"; billi dan it-tip ta' frodi, komuni ħafna fis-setturi tal-komponenti elettroniċi, tat-telefonija mobbli u tal-kummerċ tat-tessuti, il-merkanzija tgħaddi minn diversi kumpaniji fi Stati Membri differenti, fejn jittieħed vantaġġ mill-fatt li ma hemm ebda taxxa imposta fuq il-provvista ta' merkanzija fi ħdan l-UE;

W.  billi l-isforzi ta' kooperazzjoni msaħħa u kostanti bejn l-Istati Membri huma meħtieġa b'mod urġenti biex jitfasslu strateġiji komprensivi u integrati fil-ġlieda kontra l-frodi, partikolarment fid-dawl tar-restrizzjonijiet baġitarji attwali tal-UE, u ż-żieda tal-kummerċ elettroniku u tal-kummerċ fuq l-Internet, li dgħajfet il-kontroll territorjali fuq il-ġbir tal-VAT;

X.  billi l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri hija element fundamentali tal-aġenda politika tal-Unjoni sabiex tikkonsolida u ssaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini u tiggarantixxi li flushom qed jintużaw b'mod xieraq;

Y.  billi l-frodi tal-VAT tirriżulta f'telf ta' dħul għall-Istati Membri, u għalhekk għall-UE, toħloq distorsjoni fl-ambjent fiskali li tagħmel ħsara b'mod partikolari lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, u tintuża minn organizzazzjonijiet kriminali li jieħdu vantaġġ minn lakuni leġiżlattivi eżistenti bejn l-Istati Membri u l-awtoritajiet superviżorji kompetenti tagħhom;

Z.  billi l-Qorti Ewropea tal-Awdituri kkonkludiet fir-Rapport Speċjali tagħha Nru 24/2015 li l-frodi tal-VAT hija prinċipalment ikklassifikata bħala prattika kriminali li jeħtieġ li titwaqqaf;

AA.  billi fil-kawża "Taricco u Oħrajn" (C105/14), il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja stqarret li l-kunċett ta' "frodi" kif definit fl-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej ikopri d-dħul mill-VAT;

1.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi sistema tal-VAT definittiva sal-2017 li hija sempliċi, ġusta, robusta, effiċjenti u inqas suxxettibbli għall-frodi;

2.  Jenfasizza li hemm bżonn ta' sistema sempliċi għall-VAT li titlob inqas eżenzjonijiet, għall-funzjonament xieraq tas-suq uniku diġitali;

3.  Hu tal-fehma li l-parir espert li fuqu hija bbażata l-proposta tal-Kummissjoni għall-programm ta' azzjoni fih rakkomandazzjonijiet importanti; jenfasizza li l-lista ta' proposti tal-Kummissjoni mmirati lejn il-kisba ta' sistema tal-VAT robusta, sempliċi u reżistenti għall-frodi, mhijiex eżawrjenti;

4.  Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' April 2016 u l-miżuri addizzjonali mbassra ddisinjati biex jevitaw il-frodi u jgħinu jtejbu s-sistema tal-VAT eżistenti;

5.  Hu tal-fehma li t-titjib tas-sistema eżistenti huwa wkoll importanti, u jitlob riformi fundamentali bil-ħsieb li jneħħu jew għall-inqas inaqqsu b'mod sostanzjali l-problemi li jaffettwawha, u b'mod partikolari l-problema Ewropea tal-ġbir tal-VAT;

6.  Hu tal-fehma li l-Kummissjoni għandha teżamina l-għażliet kollha possibbli bl-istess mod mingħajr ma tippreġudika l-eżitu u għandha tinkludihom fil-proċess leġiżlattiv;

7.  Jirrikonoxxi li hemm bżonn ta' sforzi konġunti bejn l-Istati Membri biex ikun hemm qbil dwar sistema tal-VAT definittiva;

8.  Jirrikonoxxi li l-unanimità se tkun prekundizzjoni neċessarja biex jintlaħaq ftehim dwar sistema li tiffunzjona tajjeb għall-VAT, u għalhekk jitlob viżjoni ċara rigward is-sempliċità u inqas eċċezzjonijiet flimkien ma' approċċ prammatiku li jirrispetta l-interessi tal-ekonomija diġitali li qed tiżviluppa b'rata mgħaġġla;

9.  Jirrikonoxxi li huwa essenzjali għall-Istati Membri li jadottaw politika tat-tassazzjoni kkoordinata kif ukoll itejbu l-ħeffa u l-frekwenza tal-iskambju ta' informazzjoni tagħhom dwar il-kummerċ intra-Komunitarju sabiex jiġġieldu b'mod effikaċi l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa u biex finalment tingħalaq d-"diskrepanza tal-VAT";

10.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-aġenziji tal-gvern jesploraw u jittestjaw teknoloġiji ġodda, bħar-reġistru tat-teknoloġija distribwit u superviżjoni f'ħin reali, bħala parti minn aġenda RegTech bil-għan li titnaqqas b'mod sinifikanti u sostanzjali id-"diskrepanza tal-VAT'' eżistenti u sinifikanti fl-Unjoni;

11.  Jenfasizza li hija r-responsabbiltà tal-awtoritajiet tat-taxxa fl-Istati Membri individwali li jiżguraw li l-VAT titħallas b'mod sempliċi u faċli għall-SMEs, li jista' jiġi ffaċilitat permezz ta' aktar kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali;

12.  Hu tal-fehma li, fil-passat, il-kooperazzjoni u l-iskambji ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa individwali tal-Istati Membri ma kinux adegwati u l-attivitajiet tal-Eurofisc sa issa ma wasslux għal riżultati sodisfaċenti; huwa tal-opinjoni li l-informazzjoni skambjata permezz tal-Eurofisc għandha tkun immirata aħjar lejn il-frodi; jistenna bil-ħerqa l-proposta li jmiss tal-Kummissjoni biex ittejjeb il-funzjonament tal-Eurofisc;

13.  Jinnota li s-Sistema ta' Skambju ta' Informazzjoni dwar il-VAT (VIES) uriet li hija għodda utli fil-ġlieda kontra l-frodi billi tippermetti lill-awtoritajiet tat-taxxa jirrikonċiljaw id-data fuq negozjanti bejn il-pajjiżi, iżda li għad hemm nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tagħha, b'mod partikolari rigward il-puntwalità tal-informazzjoni pprovduta, il-ħeffa tat-tweġibiet għall-mistoqsijiet u l-veloċità tar-reazzjoni għall-iżbalji identifikati; jirrakkomanda għalhekk li l-Istati Membri jagħtu kunsiderazzjoni dovuta sabiex jiġu indirizzati dawn in-nuqqasijiet;

14.  Jinnota li d-data pprovduta lill-Eurofisc mill-awtoritajiet nazzjonali mhijiex iffiltrata b'mod li tittrasferixxi biss każijiet suspetti, u għalhekk ixxekkel il-funzjonament ottimali tal-grupp; jappoġġja l-inizjattiva minn diversi Stati Membri li jisħqu favur it-twaqqif ta' għodod nazzjonali ta' analiżi tar-riskju li jippermettu l-iffiltrar ta' data mingħajr ma jidħlu f'riskju li jeliminaw każijiet suspettużi fi kwalunkwe Stat Membru u jippermettu lill-Eurofisc jirreaġixxi b'ħeffa kontra l-frodi tal-VAT transfruntiera;

15.  Jenfasizza li hija r-responsabbiltà tal-awtoritajiet tat-taxxa fl-Istati Membri individwali li jiżguraw li l-VAT titħallas b'mod xieraq u sempliċi;

16.  Ifakkar li l-Istati Membri jiddependu l-aktar fuq informazzjoni li tasal minn Stati Membri oħra dwar il-kummerċ fi ħdan l-UE sabiex ikunu jistgħu jiġbru l-VAT fit-territorju tagħhom; jitlob lill-awtoritajiet responsabbli biex b'mod awtomatiku jiskambjaw informazzjoni partikolarment dwar il-VAT u d-dazji kif ukoll biex jużaw mezzi teknoloġiċi affidabbli u faċli għall-utent, bħal formoli standard elettroniċi, biex ikollhom rekord tal-konsenji ta' merkanzija u ta' servizzi lill-utenti finali; jemmen, f'dan ir-rigward, li l-użu ta' Numri ta' Lokazzjoni tal-VAT (VLNs), li skonthom il-konsumaturi ma jistgħux inaqqsu t-taxxa tal-input jekk il-VAT hija indikata fuq fattura mingħajr VLN validu, jista' jkun strument utli;

17.  Jemmen li n-nuqqas ta' data komparabbli u ta' indikaturi rilevanti adegwati biex ikejlu l-prestazzjoni tal-Istati Membri jaffettwa l-effikaċja tas-sistema tal-UE biex tindirizza l-frodi tal-VAT fi ħdan l-UE, u għalhekk jistieden lill-awtoritajiet tat-taxxa jistabbilixxu, f'koordinazzjoni mal-Kummissjoni, sistema komuni biex jiġi stmat id-daqs tal-frodi fi ħdan l-UE u mbagħad jistabbilixxu miri biex jitnaqqas, peress li dan jippermetti l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-Istati Membri fl-indirizzar ta' din il-kwistjoni;

18.  Jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw ukoll l-iskambju ta' informazzjoni mal-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi bħalma huma l-Europol u l-OLAF, kif rakkomandat mill-Qorti tal-Awdituri;

19.  Jinnota li l-Proċedura Doganali 42, li tipprevedi għal eżenzjoni mill-VAT fuq merkanzija impurtata fi Stat Membru wieħed meta sussegwentement dawn għandhom jintbagħtu lejn Stat Membru ieħor, uriet li hija vulnerabbli għal abbuż frawdolenti; jinnota li l-kontroverifiki effikaċi tad-data miżmuma mill-awtoritajiet tat-taxxa b'data miżmuma mill-awtoritajiet doganali huma kruċjali biex jidentifikaw u jeliminaw dan it-tip ta' frodi; jitlob għalhekk lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jaġixxu ħalli jiffaċilitaw il-fluss ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa u dawk doganali dwar l-importazzjonijiet taħt il-Proċedura Doganali 42, kif rakkomandat mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri;

20.  Jappoġġja l-għan tal-pjan ta' azzjoni li jistabbilixxi żona unika Ewropea tal-VAT, li għandha tkun pilastru għal suq intern aktar profond u aktar ekwu u biex tikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-ġustizzja fiskali, il-konsum sostenibbli, l-impjiegi, it-tkabbir, l-investiment u l-kompetittività, filwaqt li tillimita wkoll il-possibbiltà ta' frodi tal-VAT;

21.  Jitlob f'dan ir-rigward li s-servizzi jiġu inkorporati b'mod sħiħ fis-sistema l-ġdida malajr kemm jista' jkun, b'mod partikolari, li s-servizzi finanzjarji jkunu soġġetti għall-VAT;

22.  Jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li s-sistema definittiva tal-VAT għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju tat-tassazzjoni fil-pajjiż li hu d-destinazzjoni finali tal-merkanzija u s-servizzi, minħabba li l-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini ma setax jiġi implimentat;

23.  Huwa favur li l-prinċipju tal-pajjiż tad-destinazzjoni jiġi applikat bħala regola ġenerali fil-każ ta' bejgħ mill-bogħod lil individwi, u li jiġu introdotti miżuri armonizzati għan-negozji ż-żgħar;

24.  Jappella għal żviluppi teknoloġiċi fid-dinja diġitali li għandhom jiġu inkorporati fil-mudelli fiskali eżistenti meta s-sistema tal-VAT li ttieħdet deċiżjoni dwarha tiġi introdotta, sabiex is-sistema tkun adegwata għas-seklu 21;

25.  Jinnota li l-eċċess attwali fir-rati tal-VAT joħloq ħafna inċertezza għall-kumpaniji involuti f'kummerċ transfruntier, b'mod partikolari fis-settur tas-servizzi u għall-SMEs; jinnota li l-inċertezza hija kkawżata wkoll mill-kwistjoni dwar min hu responsabbli għall-ġbir tal-VAT, il-prova ta' provvista fi ħdan il-komunità, ir-riskju li tkun involut fil-frodi b'negozjant nieqes, kwistjonijiet ta' fluss tal-flus u r-rati tal-VAT differenti għal kategoriji ta' merkanzija differenti fi ħdan l-istess pajjiż; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tistudja l-impatt sa nofs l-2017 tal-frodi b'negozjant nieqes; jistieden lill-Istati Membri jaqblu fuq li jżidu l-konverġenza fir-rati tal-VAT;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt tan-nuqqas li tarmonizza r-rati tat-taxxa fil-livell tal-Unjoni, b'mod partikolari dwar attivitajiet transfruntiera, u biex tivvaluta l-possibbiltajiet biex jitneħħew dawn l-ostakoli;

27.  Jappoġġja l-għażla kif proposta mill-Kummissjoni ta' rieżami regolari tal-lista' ta' merkanzija u ta' servizzi eliġibbli għal rati mnaqqsa li għandu jintlaħaq qbil dwarha mill-Kunsill; jappella biex din il-lista tqis il-prijoritajiet politiċi bħall-aspetti soċjali, tas-sessi, tas-saħħa, ambjentali, nutrizzjonali u kulturali;

28.  Hu tal-fehma li t-tneħħija kompleta tar-rati tat-taxxa minimi bħala alternattiva, kif proposta mill-Kummissjoni, tista' tikkawża distorsjonijiet konsiderevoli għall-kompetizzjoni u problemi fis-suq uniku; hu tal-fehma li għandha titqies il-ħtieġa għal aktar armonizzazzjoni, li hija neċessarja għall-funzjonament xieraq tas-suq uniku;

29.  Jitlob eżami dwar jekk tistax tiġi adottata lista unika Ewropea ta' merkanzija u ta' servizzi mnaqqsa bil-għan li tinstab alternattiva għas-sistema attwali ta' rati tal-VAT imnaqqsa li tista' ttejjeb b'mod sinifikanti l-effiċjenza tas-sistema tal-VAT, u tippermetti għal sistema aktar strutturata milli hu l-każ bħalissa;

30.  Hu tal-fehma li inqas eżenzjonijiet huma importanti fil-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT u li l-aħjar u l-aktar mod effiċjenti biex tiġi indirizzata l-frodi hija sistema tal-VAT sempliċi b'rata kemm jista' jkun baxxa;

31.  Hu tal-fehma li s-sistema kkumplikata preżenti tista' tiġi ssimplifikata b'mod konsiderevoli jekk il-merkanzija u s-servizzi eliġibbli għal rati tat-taxxa mnaqqsa jitnaqqsu u wħud mill-merkanzija u s-servizzi eliġibbli għal rati tat-taxxa mnaqqsa jiġu determinati b'mod konġunt mill-Istati Membri fil-livell tal-UE, filwaqt li jiġi permess lill-Istati Membri jiddeċiedu dwar ir-rati tat-taxxa sakemm ikunu konformi mar-rati tat-taxxa minimi fid-Direttiva tal-VAT u sakemm dan ma joħloqx riskji ta' kompetizzjoni inġusta;

32.  Jitlob li l-merkanzija tkun soġġetta għall-prinċipju tal-pajjiż tad-destinazzjoni ta' tassazzjoni ekwa irrispettivament minn liema forma jieħdu jew fuq liema pjattaforma jinxtraw u jekk humiex fornuti b'mod diġitali jew b'mod fiżiku;

33.  Jinnota li llum, problema kbira għall-SMEs hija li l-Istati Membri għandhom interpretazzjonijiet differenti rigward x'jista' jiġi deskritt bħala merkanzija jew bħala servizz; jitlob għalhekk lill-Kummissjoni tkun aktar ċara u distinta fid-definizzjonijiet tagħha;

34.  Jistieden lill-Istati Membri japplikaw il-VAT b'mod ekwu ma' kumpaniji privati u pubbliċi f'oqsma li fihom jikkompetu ma' xulxin;

35.  Jirrimarka li s-sistema ta' pagamenti frazzjonata għall-VAT intgħażlet bħala r-referenza għat-tassazzjoni indiretta fil-proġett BEPS tal-OECD (Azzjoni 1) peress li tiżgura li l-ġbir tat-taxxi jkun effikaċi u, min-natura tagħha, tippermetti l-awtoregolamentazzjoni mill-operaturi;

36.  Jinnota li l-Artikoli 199 u 199a tad-Direttiva tal-VAT jipprovdu għal applikazzjoni temporanja u mmirata tal-mekkaniżmu tar-reverse charge għal tranżazzjonijiet transfruntiera u għal ċerti setturi domestiċi b'riskju għoli fl-Istati Membri;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina bir-reqqa l-konsegwenzi tal-mekkaniżmu tar-reverse charge u teżamina jekk din il-proċedura hix se tissimplifika s-sitwazzjoni għall-SMEs u tnaqqas il-frodi tal-VAT;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-effetti tal-proċedura tar-reverse charge, u mhux biss għas-setturi individwali li huma partikolarment suxxettibbli għall-frodi, f'termini ta' benefiċċji, spejjeż ta' konformità, frodi, effikaċja u problemi ta' implimentazzjoni, u vantaġġi u żvantaġġi fuq terminu twil permezz ta' proġetti pilota, kif mitlub minn uħud mill-Istati Membri u sadanittant ikkonfermat espliċitament mill-Kummissjoni, anke jekk dan ma kienx inkluż fil-pjan ta' azzjoni tagħha; jisħaq, madankollu, li ebda tali proġett pilota m'għandu bi kwalunkwe mod joħloq jew iwassal għal dewmien fit-tfassil u l-implimentazzjoni tar-reġim tal-VAT permanenti kif previst mill-pjan direzzjonali tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni;

39.  Hu tal-fehma li l-amministrazzjonijiet nazzjonali tat-taxxa jridu jieħdu aktar responsabbiltà biex jiżguraw konformità mar-regoli tat-taxxa u jnaqqsu l-opportunitajiet għall-evażjoni fl-implimentazzjoni ġenerali tal-prinċipju tal-pajjiż tad-destinazzjoni; jaqbel mal-Kummissjoni li għad hemm ħafna lok għal titjib fil-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT permezz ta' miżuri amministrattivi konvenzjonali u titjib fil-kapaċità u l-ħiliet tal-persunal tal-Istati Membri fil-ġbir u fl-ispezzjoni tat-taxxa; jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-ispezzjonijiet u s-sanzjonijiet tat-taxxa fuq l-akbar frodisti; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ finanzjarju u tekniku adegwat f'dan ir-rigward;

40.  Hu tal-fehma li l-Kummissjoni għandha timmonitorja mill-qrib il-prestazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa u ttejjeb il-koordinazzjoni bejniethom;

41.  Jilqa' t-tħabbira tal-Kummissjoni li se tespandi l-Punt Uniku ta' Servizz Żgħir f'punt uniku ta' servizz komplut; jinnota l-importanza kbira li dan ikun faċli għall-utent u ugwalment effiċjenti fit-28 Stat Membru kollha; jinnota li l-ħolqien ta' punt uniku ta' servizz itaffi l-piżijiet amministrattivi li ma jħallux lill-kumpaniji joperaw lil hinn mill-fruntieri u jnaqqas l-ispejjeż għall-SMEs (COM(2016)0148);

42.  Jinnota li "punt uniku ta' servizz" huwa essenzjali jekk il-prinċipju tal-pajjiż tad-destinazzjoni jiġi impost u biex isir inqas suxxettibbli għall-frodi; jappella għal titjib tal-punt uniku ta' servizz abbażi tal-esperjenza attwali tal-Punti Uniċi ta' Servizz Żgħar għal prodotti diġitali; jinnota li anke bil-Punt Uniku ta' Servizz Żgħir, in-negozji żgħar u mikro jistgħu jaffaċċjaw piż amministrattiv sinifikanti taħt il-prinċipju tad-destinazzjoni l-ġdid; jilqa', għalhekk, il-proposta fi ħdan il-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni dwar il-VAT li tintroduċi miżura komuni ta' simplifikazzjoni madwar l-UE (livell limitu tal-VAT); jappella għal definizzjoni ċara ta' liema Stat Membru huwa responsabbli għall-ispezzjoni tat-taxxa f'każ ta' tranżazzjonijiet transfruntiera; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tneħħi l-Ħelsien mit-Taxxa għal Kunsinni ta' Valur Baxx bħala parti mill-pjan ta' azzjoni tagħha dwar il-VAT;

43.  Jirrikonoxxi li reġimi differenti tal-VAT madwar l-Unjoni Ewropea jistgħu jiġu perċepiti wkoll bħala ostakolu nontariffarju fis-Suq Uniku, jissottolinja li l-Punt Uniku ta' Servizz Żgħir (VAT MOSS) huwa mod tajjeb li jgħin sabiex jingħeleb dan l-ostakolu u b'mod partikolari biex l-SMEs jiġu appoġġjati fl-attività transfruntiera tagħhom; jirrikonoxxi li għad hemm xi kwistjonijiet problematiċi żgħar bil-VAT MOSS; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiffaċilita l-ħlas tal-obbligi tal-VAT minn kumpaniji madwar l-UE;

44.  Jinnota s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-kawża C-97/09 (Ingrid Schmelz v Finanzamt Waldviertel); jieħu nota tat-28 livell limitu differenti għall-eżenzjoni mit-taxxa tal-VAT; jieħu nota tad-diffikultajiet finanzjarji sussegwenti li jaffaċċjaw l-SMEs u l-mikrointrapriżi li skont is-sistemi nazzjonali tagħhom ikunu eżentati; jistieden lill-Kummissjoni twettaq studji ulterjuri dwar l-iffissar ta' livell limitu għall-eżenzjoni mill-ħlas tal-VAT għall-mikrointrapriżi;

45.  Jitlob li jiġu eżaminati l-proposti kollha biex il-piż amministrattiv tat-taxxi fuq id-dħul minn negozju għall-MSMEs jiġi minimizzat; iħeġġeġ lill-Kummissjoni f'dan ir-rigward biex tinvestiga wkoll l-aħjar prattiki internazzjonali, bħalma huma l-iskemi tal-"gold card" applikabbli f'Singapore u l-Awstralja, filwaqt li tirrikonoxxi li r-riskju ta' frodi min-naħa ta' xi fornituri huwa baxx ħafna;

46.  Jilqa' n-notifika tal-Kummissjoni li fl-2017 se tissottometti pakkett għall-SMEs għall-VAT; jirrakkomanda, madankollu, li l-implimentazzjoni tal-qafas il-ġdid għandha tkun gradwali peress li se tiskatta spejjeż amministrattivi addizzjonali (bħal infrastruttura tal-IT jew proċessi tal-VAT);

47.  Jinnota s-sistema kumplessa ta' filing li timponi piż qawwi fuq l-SMEs u b'hekk tiskoraġġixxi l-kummerċ transfruntier; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fil-pakkett tagħha għall-SMEs proposta għal sistema unifikata ta' filing tal-VAT u rekwiżiti armonizzati ta' rappurtar u skadenzi;

48.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' ambjent tal-VAT armonizzat għal bejgħ mill-bogħod "minn negozju għal negozju" u "minn negozju għal konsumatur"; jinnota li l-livell limitu tal-VAT mhuwiex implimentat bl-istess suċċess fl-Istati Membri differenti minħabba nuqqas ta' koordinazzjoni;

49.  Jenfasizza li trid titfassal sistema ġdida ssimplifikata tal-VAT b'mod li l-SMEs ikunu jistgħu jsegwu r-regoli għall-kummerċ transfruntier faċilment u f'kull Stat Membru jkunu jistgħu jsibu appoġġ mhux biss dwar kif jadottawhom iżda wkoll il-ġestjoni tal-proċeduri tal-VAT;

50.  Jappella, fuq perjodu qasir, għal portal tal-internet komprensiv u pubblikament aċċessibbli għall-kumpaniji u għall-utenti finali biex isibu, b'mod ċar u faċli, informazzjoni dettaljata dwar ir-rati tal-VAT applikabbli għall-merkanzija u s-servizzi individwali fl-Istati Membri; jenfasizza li l-lingwaġġ u t-tfassil ta' dan il-portal għandhom ikunu faċli biex jinftiehmu u jintużaw; itenni l-konvinzjoni tiegħu li jekk il-kumpaniji jiġu megħjuna biex ikollhom fehim ċar tar-regoli applikabbli tal-VAT fl-Istati Membri dan ikompli jsaħħaħ il-miżuri kontra l-frodi tal-VAT; jinnota wkoll li softwer tat-taxxa ċertifikat jista' jgħin sabiex jiġi limitat ir-riskju ta' tipi speċifiċi ta' frodi u irregolaritajiet oħra u jista' jipprovdi ċertezza lil negozji onesti involuti fi tranżazzjonijiet domestiċi u transfruntiera; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tipprovdi linji gwida għall-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa dwar il-klassifikazzjoni tat-tranżazzjonijiet fir-rigward tar-rata tal-VAT applikata sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-konformità u l-kwistjonijiet ġuridiċi; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu sistemi ta' informazzjoni pubbliċi, bħal portal tal-internet dwar il-VAT, sabiex jagħmlu disponibbli informazzjoni affidabbli;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi lista b'informazzjoni aġġornata dwar ir-regoli tal-VAT f'kull wieħed mill-Istati Membri; jissottolinja, fl-istess ħin, li hija r-responsabilità tal-Istati Membri li jirrapportaw ir-regoli u r-rati tagħhom lill-Kummissjoni;

52.  Jieħu nota li, fir-rigward tal-bejgħ bil-kummerċ elettroniku, in-nuqqas ta' armonizzazzjoni fil-livell limitu tal-VAT iwassal għal spejjeż għoljin ta' tranżazzjoni għall-SMEs li joperaw f'attivitajiet ta' kummerċ elettroniku meta aċċidentalment jew involontarjament jaqbżu l-livell limitu;

53.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu b'mod urġenti lill-Kummissjoni b'informazzjoni dwar ir-rati tal-VAT, ir-rekwiżiti speċjali u l-eżenzjonijiet rispettivi tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tiġbor din l-informazzjoni u tagħmilha disponibbli lill-kumpaniji u lill-konsumaturi;

54.  Hu tal-fehma li l-pjanijiet ta' riforma tal-VAT imħabbra mill-Kummissjoni fil-programm ta' azzjoni jridu jkunu soġġetti għal valutazzjonijiet tal-impatt komprensivi u sodi b'input mix-xjenza, l-amministrazzjonijiet tat-taxxa tal-Istati Membru tal-UE, l-SMEs u l-kumpaniji fl-UE;

55.  Jenfasizza li l-leġiżlazzjoni fiskali hija kompetenza esklusiva tal-Istati Membri; jenfasizza li skont l-Artikolu 329(1) tat-TFUE, grupp ta' mill-inqas disa' Stati Membri jistgħu jidħlu f'kooperazzjoni mtejba; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja proposti għal kooperazzjoni mtejba bil-għan li tiġġieled il-frodi u tnaqqas il-piżijiet amministrattivi f'termini ta' VAT;

56.  Hu tal-fehma li soluzzjoni fi ħdan il-qafas tal-OECD hija iktar mixtieqa minn miżuri awtonomi li jeħtieġ li jiġu armonizzati mar-rakkomandazzjonijiet tal-OECD u mal-pjan ta' azzjoni dwar il-BEPS;

57.  Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Gvern elettroniku għall-2016-2020: Inħaffu t-trasformazzjoni diġitali tal-amministrazzjoni pubblika" (COM(2016)0179);

58.  Josserva li l-pjan ta' azzjoni l-ġdid jinkludi aktar passi 'l quddiem lejn reġim definittiv aktar effiċjenti u reżistenti għall-frodi li jkun aktar favorevoli għall-impriżi fl-era tal-ekonomija diġitali u tal-kummerċ elettroniku;

59.  Jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li skontha l-VAT fuq il-bejgħ transfruntier (ta' merkanzija jew ta' servizzi) tinġabar mill-awtorità tat-taxxa tal-pajjiżi tal-oriġini, f'rata applikabbli fil-pajjiż tal-użu, u tiġi ttrasferita fil-pajjiż fejn il-merkanzija u s-servizzi jiġu finalment ikkunsmati;

60.  Jissottolinja l-importanza tal-preżentazzjoni ta' proposta leġiżlattiva biex il-Mekkaniżmu Elettroniku Uniku (għar-reġistrazzjoni u għall-pagament tal-VAT għan-negozji transfruntiera) jiġi estiż biex jinkludi l-bejgħ online tal-konsumatur ta' merkanzija fiżika sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv, wieħed mill-ostakoli ewlenin li n-negozji jaffaċċjaw meta joperaw matul il-fruntieri;

61.  Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-problema tal-piż amministrattiv fuq in-negozji maħluq mir-reġim frammentat tal-VAT billi tippreżenta proposti leġiżlattivi għall-estensjoni tal-Punt Uniku ta' Kuntatt Żgħir attwali biex tinkludi oġġetti tanġibbli mibjugħin online, b'hekk l-impriżi jkunu jistgħu jagħmlu dikjarazzjonijiet uniċi u pagamenti tal-VAT fl-Istat Membru tagħhom stess;

62.  Jistieden lill-Istati Membri jissimplifikaw is-sistemi nazzjonali tat-taxxa tagħhom, u jagħmluhom aktar konsistenti u robusti, b'tali mod li jiffaċilitaw il-konformità, jevitaw, jiskoraġġixxu u jissanzjonaw il-frodi u l-evażjoni tat-taxxa, u jagħtu spinta lill-effiċjenza tal-ġbir tal-VAT;

63.  Huwa mħasseb bil-fatt li l-għan tas-simplifikazzjoni tas-sistema ta' akkontabilità għall-VAT bħala riżorsa proprja ma ntlaħaqx totalment; ifakkar fil-bżonn ta' aktar simplifikazzjoni tas-sistema ta' ġestjoni relatata mar-riżorsi proprji bil-għan li jonqsu l-possibbiltajiet ta' żbalji u frodi; jiddispjaċih li l-pjan ta' azzjoni l-ġdid ma jindirizzax l-impatt fuq ir-riżorsa proprja tal-VAT;

64.  Jirrimarka li d-diskrepanzi tal-VAT tal-Istati Membri, u t-telf stmat fil-ġbir tal-VAT fi ħdan l-Unjoni, ammontaw għal EUR 170 biljun fl-2015, skont l-istimi, u jissottolinja l-fatt li fi 13-il Stat Membru mis-26 eżaminati fl-2014, it-telf stmat medju tal-VAT qabeż il-15,2 %; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ mis-setgħat eżekuttivi tagħha sabiex kemm tikkontrolla kif ukoll tgħin lill-Istati Membri; jirrimarka li l-azzjoni effikaċi biex tonqos id-diskrepanza tal-VAT teħtieġ approċċ miftiehem u multidixxiplinari, peress li din id-diskrepanza hija r-riżultat mhux biss ta' frodi iżda ta' kombinament ta' fatturi, fosthom il-falliment u l-insolvenza, l-iżbalji statistiċi, il-pagament tardiv, l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex b'mod rapidu tippromwovi malajr leġiżlazzjoni dwar il-livell minimu ta' protezzjoni għall-informaturi fl-UE u, biex tinvestiga u tiskoraġġixxi b'mod aħjar il-frodi, tistabbilixxi appoġġ finanzjarju favur il-ġurnaliżmu investigattiv transfruntier, li wera biċ-ċar l-effikaċja tiegħu fl-iskandli "LuxLeaks", "Dieselgate" u "Panama Papers";

65.  Jiddispjaċih li l-frodi tal-VAT, u b'mod partikolari l-hekk imsejħa frodi "karusell" jew tan-"negozjant nieqes", tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni u ċċaħħad lill-baġits nazzjonali minn riżorsi sinifikanti, kif ukoll tkun ta' detriment għall-baġit tal-Unjoni; jinsab imħasseb li l-Kummissjoni ma għandha l-ebda data affidabbli dwar il-"frodi karusell" tal-VAT; jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni tagħti bidu għal sforz ikkoordinat min-naħa tal-Istati Membri biex tkun stabbilita sistema konġunta ta' ġbir tal-istatistika dwar il-"frodi karusell" tal-VAT; jirrimarka li tali sistema tista' tkun mibnija fuq prattiki diġà użati f'ċerti Stati Membri;

66.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti bidu għall-istabbiliment ta' sistema komuni li tippermetti stima aktar irfinata tal-kobor tal-frodi tal-VAT fi ħdan l-UE billi tiġi kumpilata l-istatistika rigward il-frodi tal-VAT fi ħdan l-UE, li tkun tippermetti lill-Istati Membri individwali jevalwaw il-prestazzjonijiet rispettivi tagħhom f'dan ir-rigward abbażi ta' indikaturi preċiżi u affidabbli dwar it-tnaqqis tal-VAT fi ħdan l-UE u taż-żieda fl-identifikazzjoni tal-frodi u l-irkupru tat-taxxa korrellativ; huwa tal-fehma li l-approċċi tal-awditjar il-ġodda, bħall-awditjar uniku jew l-awditjar konġunt, għandhom ikunu estiżi ulterjorment biex jinkludu operazzjonijiet transfruntieri;

67.  Jenfasizza l-importanza li jiġu implimentati strateġiji ġodda, u li jsir użu aktar effiċjenti mill-istrutturi eżistenti tal-UE, biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT; jissottolinja l-fatt li aktar trasparenza, li tippermetti skrutinju xieraq, u l-adozzjoni ta' approċċ aktar strutturat u msejjes fuq approċċ "ibbażat fuq ir-riskju", huma fundamentali għall-identifikazzjoni u l-prevenzjoni tal-iskemi tal-frodi u tal-korruzzjoni;

68.  Jiddispjaċih li l-kooperazzjoni amministrattiva fost l-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT għadha mhijiex effiċjenti meta tiġi biex tindirizza l-evażjoni u l-mekkaniżmi ta' frodi tal-VAT fi ħdan l-UE, jew biex tiġġestixxi t-tranżazzjonijiet jew il-kummerċ transfruntieri; jisħaq fuq il-bżonn ta' sistema tal-VAT li tkun simplifikata, effikaċi u aċċessibbli u li tħalli lill-Istati Membri kollha jnaqqsu l-piżijiet tal-VAT tagħhom u jiġġieldu l-frodi tal-VAT; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, twettaq aktar żjarat ta' monitoraġġ fl-Istati Membri, magħżulin fuq il-bażi tar-riskju, matul il-valutazzjoni tal-ftehimiet ta' kooperazzjoni amministrattiva; jitlob lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex tiffoka, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-arranġamenti amministrattivi, fuq it-tneħħija tal-ostakli ġuridiċi li jipprevjenu l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet amministrattivi, ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi fil-livell nazzjonali u tal-UE; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Istati Membri jintroduċu analiżi komuni tar-riskji li tinkludi l-użu ta' analiżi tan-netwerks soċjali tiżgura li l-informazzjoni skambjata permezz tal-Eurofisc tkun immirata kontra l-frodi; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu penali effikaċi, proporzjonati u dissważivi kif ukoll itejbu s-sistema ta' skambju tal-informazzjoni attwalment użata;

69.  Jenfasizza l-bżonn li Eurofisc jissaħħaħ sabiex jitħaffu l-iskambji ta' informazzjoni; jirrimarka li għad hemm problemi fir-rigward tal-eżattezza, tal-kompletezza u tal-puntwalità tal-informazzjoni; iqis li huwa meħtieġ li jkunu akkomunati l-azzjonijiet, u jkunu kkoordinati l-istrateġiji, tal-awtoritajiet tat-taxxa, ġudizzjarji u tal-pulizija tal-Istati Membri kif ukoll tal-korpi Ewropej – bħall-Europol, il-Eurojust u l-OLAF – fil-ġlieda kontra l-frodi, il-kriminalità organizzata u l-ħasil ta' flus; jinkoraġġixxi lill-partijiet interessati kollha jkomplu jqisu mudelli sempliċi u komprensibbli ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni f'ħin reali bil-għan li jippermettu reazzjonijiet rapidi jew miżuri ta' mitigazzjoni għall-ġlieda kontra skemi ta' frodi eżistenti jew emerġenti ġodda;

70.  Iqis bħala essenzjali għall-Istati Membri kollha li jipparteċipaw fil-Eurofisc f'kull qasam ta' attività tagħhom, bil-għan li jitħallew jittieħdu miżuri effikaċi għall-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT;

71.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti li jippermettu kontroverifiki effikaċi bejn data mill-awtoritajiet tat-taxxa u dawk doganali, u tiffoka l-monitoraġġ tagħha tal-Istati Membri fuq miżuri indikattivi tat-titjib tal-puntwalità tar-risposti tagħhom għat-talbiet għall-informazzjoni u dwar l-affidabbiltà tas-Sistema ta' Skambju ta' Informazzjoni dwar il-VAT (VIES);

72.  Jitlob lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan biex jattwaw sistema ta' n-numru ta' identifikazzjoni tal-VAT fuq żewġ livelli (jiġifieri numru allokati lin-negozjanti li jixtiequ jieħdu sehem fil-kummerċ intra-Komunitarju li huwa differenti min-numru ta' identifikazzjoni tal-VAT domestiku) u biex iwettqu l-verifiki stabbiliti fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 904/2010, filwaqt li joffru konsulenza bla ħlas lin-negozjanti;

73.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li s-sistemi elettroniċi ta' approvazzjoni doganali tal-Istati Membri huma kapaċi u jwettqu verifika awtomatika tan-numri ta' identifikazzjoni tal-VAT;

74.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi emenda għad-Direttiva tal-VAT bil-għan li tinkiseb aktar armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta' rappurtar dwar il-VAT tal-Istati Membri għall-forniment fi ħdan l-UE ta' merkanzija u ta' servizzi;

75.  Jiddispjaċih li l-proposta tal-Kummissjoni fir-rigward tal-obbligazzjoni in solidum f'każijiet ta' kummerċ transfruntier ma ġietx adottata mill-Kunsill; jirrimarka li dan inaqqas id-deterrenza kontra t-twettiq ta' negozji man-negozjanti frawdolenti; iqis li l-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-VAT, fir-rigward tal-perjodu ta' preżentazzjoni tad-dikjarazzjonijiet rikapitolattivi, mhijiex uniformi fost l-Istati Membri, u li dan il-fatt iżid il-piż amministrattiv fuq in-negozjanti li joperaw f'aktar minn Stat Membru wieħed; iħeġġeġ lill-Kunsill, għalhekk, japprova l-proposta tal-Kummissjoni dwar l-obbligazzjoni in solidum;

76.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkunu aktar attivi fil-livell internazzjonali, isaħħu l-kooperazzjoni mal-pajjiżi mhux tal-UE kif ukoll jinfurzaw il-ġbir effiċjenti tal-VAT, bil-għan li jiġu stabbiliti standards u strateġiji ta' kooperazzjoni bbażati prinċipalment fuq il-prinċipji ta' trasparenza, governanza tajba u skambju ta' informazzjoni; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jiskambjaw bejniethom l-informazzjoni li taslilhom mill-pajjiżi mhux tal-UE bil-għan li jkun faċilitat l-infurzar tal-ġbir tal-VAT, partikolarment fil-kummerċ elettroniku;

77.  Iħeġġeġ lill-Kunsill jinkludi l-VAT fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-frodi għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali ("id-Direttiva PIF") bil-għan li jinstab qbil dwar il-kwistjoni mill-aktar fis possibbli;

78.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tivvaluta d-dħul iġġenerat minn organizzazzjonijiet kriminali permezz tal-frodi tal-VAT, u biex tippreżenta strateġija komprensiva, komuni u multidixxiplinari fil-ġlieda kontra l-mudelli kummerċjali ta' organizzazzjonijiet kriminali bbażati fuq il-frodi tal-VAT, anke permezz ta' timijiet investigattivi konġunti fejn meħtieġ;

79.  Iqis kruċjali li jiġi żgurat l-istabbiliment ta' Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) uniku, b'saħħtu u indipendenti, li jkun kapaċi jinvestiga, iħarrek u jressaq il-qorti dawk li jwettqu reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, inkluż fir-rigward tal-frodi tal-VAT, kif definit fid-Direttiva PIF ta' hawn fuq, u jemmen li kwalunkwe soluzzjoni aktar dgħajfa tkun spiża għall-baġit tal-Unjoni; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li jkun żgurat li t-tqassim tal-kompetenza bejn l-UPPE u l-awtoritajiet investigattivi tal-Istati Membri ma jwassalx għal reati b'impatt sinifikanti fuq il-baġit tal-Unjoni li ma jaqax taħt il-kompetenza tal-UPPE;

80.  Jistieden lill-Istati Membri kollha biex jippubblikaw stimi dwar it-telf minħabba frodi tal-VAT fi ħdan l-UE, biex jindirizzaw id-dgħufijiet fil-Eurofisc, u biex jikkoordinaw aħjar il-politiki tagħhom dwar ir-reverse charging tal-VAT fuq merkanzija u servizzi;

81.  Iqis li huwa kruċjali li l-Istati Membri jużaw kontrolli multilaterali (MLCs) – kontroll ikkoordinat minn żewġ Stati Membri jew aktar tal-obbligi tat-taxxa ta' persuna taxxabbli relatata waħda jew aktar – bħala għodda utli biex tiġi miġġielda l-frodi tal-VAT;

82.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

(1) ĠU C 94 E, 3.4.2013, p. 5.
(2) Testi adottati, P7_TA(2014)0234.
(3) ĠU C 346, 21.9.2016, p. 27.
(4) Kummissjoni Ewropea, rapport finanzjarju 2014.
(5) http://ec.europa.eu/taxation_customs/sites/taxation/files/resources/documents/common/publications/studies/ey_study_destination_principle.pdf

Avviż legali - Politika tal-privatezza