Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Diċembru 2016 dwar id-dikjarazzjonijiet tal-interessi tal-Kummissarji - linji gwida (2016/2080(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u b'mod partikolari l-Artikolu 17(3) tiegħu,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikolu 245 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Anness XVI tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu (Linji gwida għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni), u b'mod partikolari l-paragrafu 1(a), it-tielet subparagrafu tiegħu,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tat-28 ta' April 2015 dwar l-iskrutinju tad-dikjarazzjonijiet tal-interessi finanzjarji tal-Kummissarji nnominati (interpretazzjoni tal-paragrafu 1(a) tal-Anness XVI tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu)(1),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea(2), b'mod partikolari l-punti li jikkorrispondu għat-Taqsima II - Ir-Responsabilità Politika,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2015 dwar proċeduri u prattiki rigward is-seduti ta' smigħ tal-Kummissarji, tagħlimiet li għandhom jinsiltu mill-proċess tal-2014(3),
– wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Kondotta għall-Kummissarji tal-20 ta' April 2011(4), u b'mod partikolari l-punti 1.3, 1.4, 1.5 u 1.6 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0315/2016),
A. billi, skont l-Anness XVI, paragrafu 1(a) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu (Linji gwida għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni), il-Parlament jista' jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-allokazzjoni tar-responsabilitajiet tal-portafolli mill-President elett tal-Kummissjoni u jfittex li jikseb kull tagħrif rilevanti biex jieħu deċiżjoni dwar il-kapaċità tal-Kummissarji nnominati; billi l-Parlament jistenna li tintbagħatlu l-informazzjoni kollha relatata mal-interessi finanzjarji tal-Kummissarji nnominati, u li d-dikjarazzjonijiet ta' interess tagħhom jintbagħtu għall-iskrutinju tal-kumitat responsabbli għall-affarijiet legali;
B. billi, skont il-punt 3 taħt it-Taqsima II (Ir-Responsabilità Politika) tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea, il-Kummissarji nnominati għandhom jiżguraw li jagħtu t-tagħrif rilevanti kollu, bi qbil mal-obbligu ta' indipendenza li huma soġġetti għalih skont it-Trattati; billi din l-informazzjoni għandha tiġi żvelata f'konformità ma' proċeduri mfassla biex jiżguraw valutazzjoni trasparenti, ġusta u konsistenti tal-Kummissjoni nnominata kollha;
C. billi, f'konformità mad-Deċiżjoni tiegħu msemmi hawn fuq tat-28 ta' April 2015, l-iskrutinju tad-dikjarazzjoni ta' interessi finanzjarji ta' Kummissarju nnominat mill-kumitat responsabbli għall-affarijiet legali jikkonsisti mhux biss fil-verifika li d-dikjarazzjoni tkun ġiet debitament mimlija, iżda wkoll fl-evalwazzjoni ta' jekk il-kontenut tad-dikjarazzjoni huwiex konformi u jekk jistax jindika kunflitt ta' interess;
D. billi, skont l-Anness XVI, paragrafu 1(a) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, il-Parlament għandu jevalwa l-Kummissarji nnominati fuq il-bażi, fost l-oħrajn, tal-indipendenza personali tagħhom, b'mod partikolari fid-dawl tar-rwol speċjali ta' garanti tal-interess tal-Unjoni assenjat lill-Kummissjoni Ewropea fit-Trattati;
E. billi jfakkar, f'dan is-sens, li fir-riżoluzzjoni tiegħu hawn fuq imsemmija tat-8 ta' Settembru 2015, il-Parlament indika li l-konferma min-naħa tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar l-assenza ta' kwalunkwe kunflitt ta' interess kien prerekwiżit indispensabbli għas-seduti ta' smigħ tal-Kummissarji, b'mod partikolari meta jitqies li l-mandat politiku tal-Kummissjoni ssaħħaħ fit-Trattat ta' Lisbona;
F. billi fir-riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq tat-8 ta' Settembru 2015, il-Parlament qies bħala importanti li l-Kumitat għall-Affarijiet Legali jippubblika linji gwida fil-forma ta' rakkomandazzjoni jew rapport ta' inizjattiva, bil-ħsieb li jiffaċilita r-riforma tal-proċeduri b'rabta mad-dikjarazzjonijiet tal-interessi tal-Kummissarji, filwaqt li stieden lill-Kummissjoni tirrevedi r-regoli tagħha relatati mad-dikjarazzjonijiet tal-interessi tal-Kummissarji;
G. billi, b'mod konformi mal-punt 1.3 tal-Kodiċi ta' Kondotta għall-Kummissarji dwar id-diżinteress personali, l-integrità, it-trasparenza, l-onestà, ir-responsabilità u r-rispett għad-dinjità tal-Parlament, il-Kummissarji għandhom jiddikjaraw kull interess finanzjarju u kull element ta' patrimonju li jista' joħloq kunflitt ta' interess fil-qadi ta' dmirijiethom, u li din id-dikjarazzjoni hija wkoll valida għall-ishma kkontrollati mill-konjuġi/sieħeb tal-Kummissarju - kif definita bir-regoli fis-seħħ(5) - li jistgħu jwasslu għal kunflitt ta' interess;
H. billi l-interessi finanzjarji li d-dikjarazzjoni tagħhom hija mitluba jikkonsistu f'kull forma ta' parteċipazzjoni finanzjarja individwalizzata fil-kapital ta' impriża;
I. billi, skont il-punt 1.4 tal-Kodiċi ta' Kondotta għall-Kummissarji, sabiex jiġi evitat kull riskju ta' kunflitt ta' interess, il-Kummissarji għandhom l-obbligu li jiddikjaraw l-attivitajiet professjonali tal-konjuġi/sieħeb tagħhom, u li din id-dikjarazzjoni għandha tindika n-natura tal-attività, id-denominazzjoni tal-kariga eżerċitata u, jekk applikabbli, l-isem tal-impjegatur;
J. billi, skont il-punt 1.5 tal-Kodiċi ta' Kondotta għall-Kummissarji, id-dikjarazzjoni ta' interessi finanzjarji għandha ssir permezz ta' formola mehmuża mal-kodiċi ta' kondotta, u billi din għandha timtela u tkun disponibbli qabel is-seduta ta' smigħ tal-Kummissarju nnominat mill-Parlament u tiġi rriveduta waqt iż-żmien tal-kariga tal-Membru jekk tinbidel l-informazzjoni, u mill-inqas darba fis-sena;
K. billi l-informazzjoni inkluża f'din il-formola hija limitata u insuffiċjenti, ma tinkludix definizzjoni dettaljata ta' x'jikkostitwixxi kunflitt ta' interess u għalhekk ma tippermettix lill-Parlament li jevalwa b'mod ġust u konsistenti l-eżistenza ta' kunflitti ta' interess attwali jew potenzjali tal-Kummissarju nnominat, u l-abilità tiegħu li jwettaq il-mandat tiegħu f'konformità mal-Kodiċi ta' Kondotta għall-Kummissarji;
L. billi, skont il-punt 1.6 tal-Kodiċi ta' Kondotta għall-Kummissarji, Kummissarju ma għandu jittratta l-ebda kwistjoni li tinvolvi l-portafoll tiegħu meta huwa għandu xi interess personali, b'mod partikolari kull interess familjari jew finanzjarju li jista' jfixkel l-indipendenza tiegħu;
M. billi l-Kummissjoni hija finalment responsabbli mill-għażla tan-natura u l-ambitu tal-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fid-dikjarazzjonijiet ta' interessi tal-membri tagħha; billi, għalhekk, hija l-Kummissjoni li għandha tipprovdi b'mod preċiż il-livell ta' trasparenza meħtieġ għall-applikazzjoni bla xkiel tal-proċedura għall-ħatra ta' Kummissarji nnominati;
N. billi, skont il-punt 5 tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament jista' jitlob lill-President tal-Kummissjoni jirtira l-fiduċja f'Membru individwali tal-Kummissjoni; billi skont il-punt 7 tal-imsemmi Ftehim, il-President tal-Kummissjoni għandu jgħarraf lill-Parlament f'każ ta' ridistribuzzjoni tar-responsabilitajiet fost il-Kummissarji biex tkun tista' ssir il-konsultazzjoni parlamentari rilevanti rigward dawk il-bidliet;
O. billi kumplessivament id-dikjarazzjonijiet tal-interessi finanzjarji attwali tal-Membri tal-Kummissjoni jistgħu jitqiesu bħala titjib meta mqabbla mal-ġestjoni tad-dikjarazzjonijiet fl-2008-2009, iżda billi ma naqsux l-episodji li kienu jeħtieġu kjarifika ulterjuri dwar ċerti dikjarazzjonijiet ta' interess;
P. billi huwa deplorevoli li l-Kodiċi ta' Kondotta għall-Kummissarji adottat fl-2011 jonqos milli jittratta b'mod adegwat bosta mir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament rigward titjib, b'mod partikolari, f'dawk li huma d-dikjarazzjonijiet tal-interessi finanzjarji tal-Membri tal-Kummissjoni, ir-restrizzjonijiet fuq l-impjieg wara l-mandat u t-tisħiħ tal-Kumitat ta' Etika Ad Hoc li huwa responsabbli għall-valutazzjoni tal-kunflitti ta' interess; billi f'dan il-kuntest, għandhom jiġu kkunsidrati wkoll il-pożizzjonijiet adottati mill-Parlament dwar it-tibdil u t-titjib għall-proċedura ta' smigħ tal-Kummissarji nominati;
Q. billi wieħed mill-pilastri tal-governanza Ewropea huwa t-tisħiħ tal-etika u t-trasparenza fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE sabiex tissaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini Ewropej fir-rigward tagħhom, b'mod partikolari fid-dawl tal-mandat politiku usa' fdat lill-Kummissjoni mit-Trattat ta' Lisbona;
Osservazzjonijiet ġenerali
1. Ifakkar li l-iskrutinju tad-dikjarazzjonijiet ta' interessi finanzjarji tal-Kummissarji għandu l-għan li jiżgura li l-Kummissarji nnominati jkunu kapaċi jeżerċitaw il-funzjoni tagħhom indipendentament u li jiżgura trasparenza u responsabilità massima min-naħa tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 17(3) TUE, l-Artikolu 245 TFUE u l-Kodiċi ta' Kondotta għall-Kummissarji; jinnota f'dan ir-rigward li dan l-eżerċizzju ma jistax jiġi limitat għall-ħatra tal-Kummissjoni l-ġdida, iżda għandu jsir ukoll f'każ li tinqala' pożizzjoni vakanti minħabba r-riżenja, l-irtirar obbligatorju jew il-mewt ta' Kummissarju, l-adeżjoni ta' Stat Membru ġdid jew modifika sostanzjali ta' portafoll jew tal-interessi finanzjarji ta' Kummissarju;
2. Iqis li l-evalwazzjoni ta' kunflitt ta' interess potenzjali għandha tkun ibbażata fuq fatturi konklużivi, oġġettivi u rilevanti b'rabta mal-portafoll tal-Kummissarju nnominat;
3. Josserva li kunflitt ta' interess huwa definit bħala "kwalunkwe sitwazzjoni ta' interferenza bejn interess pubbliku u interessi pubbliċi u privati li x'aktarx taffettwa jew jidher li x'aktarx taffettwa l-eżerċizzju indipendenti, imparzjali u oġġettiv ta' dmir";
4. Jikkonferma li l-Kumitat għall-Affarijiet Legali għandu l-kompetenza u r-responsabilità biex iwettaq analiżi sostantiva tad-dikjarazzjonijiet tal-interessi finanzjarji permezz ta' skrutinju fil-fond biex jivvaluta jekk il-kontenut tad-dikjarazzjoni ta' interessi finanzjarji ta' Kummissarju nnominat huwiex ġust u jikkonformax mal-kriterji u l-prinċipji stabbiliti fit-Trattati u l-Kodiċi ta' Kondotta, jew jekk jistax iwassal għal kunflitt ta' interess, u li għandu jkun jista' jipproponi s-sostituzzjoni ta' dak il-Kummissarju lill-President tal-Kummissjoni; jistieden, lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex tipprovdi l-għodod u l-informazzjoni fattwali kollha ħalli l-Kumitat għall-Affarijiet Legali jkun jista' jagħmel analiżi kompleta u oġġettiva;
5. Iqis li huwa essenzjali li l-Kumitat għall-Affarijiet Legali jkollu biżżejjed ħin sabiex jiżgura li din il-valutazzjoni dettaljata hija effikaċi.
6. Ifakkar li l-Kumitat għall-Affarijiet Legali għandu janalizza kwistjonijiet relatati ma' dikjarazzjonijiet ta' interessi tal-Kummissarji nnominati bl-akbar kunfidenzjalità, filwaqt li jiżgura wkoll, f'konformità mal-prinċipju ta' trasparenza, il-pubblikazzjoni tal-konklużjonijiet tiegħu ladarba maħruġa;
7. Iqis li, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali, jekk wara l-ħin allokat għall-mistoqsijiet li jixtieq jagħmel lill-Kummissarju nnominat, jinnota l-possibilità ta' kunflitt ta' interess, dan għandu jingħata d-dritt li jkompli bis-seduta ta' smigħ u jikseb il-kjarifiki meħtieġa;
Proċedura ta' reviżjoni tad-dikjarazzjonijiet ta' interessi finanzjarji qabel is-seduta ta' smigħ tal-Kummissarji nnominati
8. Iqis li l-konferma min-naħa tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-assenza ta' kwalunkwe kunflitt ta' interess, abbażi ta' analiżi sostantiva tad-dikjarazzjoni ta' interessi finanzjarji, tikkostitwixxi prerekwiżit indispensabbli sabiex issir is-seduta ta' smigħ mill-Kumitat responsabbli(6);
9. Jikkunsidra f'dan ir-rigward li fin-nuqqas ta' tali konferma jew fejn il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jidentifika l-eżistenza ta' kunflitt ta' interess, il-proċess ta' ħatra tal-Kummissarju nnominat għandu jiġi sospiż;
10. Iqis li għandhom ikunu applikati l-linji gwida li ġejjin waqt l-iskrutinju tad-dikjarazzjonijiet tal-interessi finanzjarji mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali:
(a)
jekk, matul l-iskrutinju tad-dikjarazzjoni ta' interessi finanzjarji, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jqis, abbażi tad-dokumenti ppreżentati, li d-dikjarazzjoni ta' interessi finanzjarji hija ġusta, kompluta u ma tinkludi l-ebda informazzjoni li tindika kunflitt ta' interess attwali jew potenzjali b'rabta mal-portafoll tal-Kummissarju nnominat, il-President tiegħu għandu jibgħat ittra ta' konferma ta' nuqqas ta' kunflitt ta' interess lill-kumitati responsabbli mis-seduta ta' smigħ jew lill-kumitati rilevanti fil-każ ta' proċedura pendenti ta' mandat;
(b)
jekk il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jqis li d-dikjarazzjoni tal-interessi ta' Kummissarju nnominat tippreżenta informazzjoni inkompleta jew inkonsistenti, jew inkella li l-iskrutinju ta' dawn tirrikjedi spjegazzjonijiet addizzjonali, f'konformità mar-Regoli ta' Proċedura(7) u l-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni(8), huwa għandu jitlob lill-Kummissarju nnominat l-informazzjoni mixtieqa mingħajr dewmien żejjed, u għandu jikkunsidraha u janalizzaha sew qabel jieħu d-deċiżjoni tiegħu; il-Kumitat responsabbli għall-Affarijiet Legali jista' jiddeċiedi, fejn xieraq, li jistieden lill-Kummissarju nnominat għal seduta ta' smigħ;
(c)
jekk il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jinnota li hemm kunflitt ta' interess abbażi tad-dikjarazzjoni ta' interessi finanzjarji jew ta' informazzjoni addizzjonali min-naħa tal-Kummissarju nnominat, dan għandu jfassal rakkomandazzjonijiet biex jintemm il-kunflitt ta' interess; dawn ir-rakkomandazzjonijiet jistgħu jinkludu r-rinunzja tal-interessi finanzjarji inkwistjoni, b'tibdiliet li jsiru fil-portafoll tal-Kummissarju nnominat mill-President tal-Kummissjoni; F'każijiet aktar serji, jekk l-ebda rakkomandazzjoni ma tkun tista' tipprovdi soluzzjoni għall-kunflitt ta' interess, bħala l-aħħar għażla, il-kumitat responsabbli għall-affarijiet legali jista' jikkonkludi dwar l-inabilità ta' Kummissarju nnominat biex jeżerċita l-funzjoni tiegħu/tagħha skont it-Trattat u l-Kodiċi ta' Kondotta; il-President tal-Parlament għandu jsaqsi lill-President tal-Kummissjoni x'passi ulterjuri biħsiebu jieħu;
Proċedura ta' reviżjoni tad-dikjarazzjonijiet ta' interessi finanzjarji matul il-mandat
11. Jenfasizza l-obbligu għall-Membri kollha tal-Kummissjoni li jiżguraw li d-dikjarazzjonijiet tal-interessi tagħhom huma aġġornati immedjatament kull meta jkun hemm xi tibdil fl-interessi finanzjarji tagħhom, u jistieden lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament immedjatament bi kwalunkwe tibdil jew bi kwalunkwe ħaġa li tikkawża kunflitt ta' interess jew kunflitt potenzjali ta' interess li tinqala';
12. Iqis, għaldaqstant, li d-dikjarazzjoni ta' interessi finanzjarji trid tinkludi l-interessi tal-preżent jew tal-passat jew attivitajiet mill-aħħar sentejn li huma ta' natura patrimonjali, professjonali, personali jew familjari skont il-portafoll offrut; Id-dikjarazzjoni trid ukoll tqis il-fatt li l-interess jaf ikun relatat ma' vantaġġ għall-persuna involuta jew għal parti terza, u li dan jaf ikun ukoll ta' natura morali, materjali jew finanzjarja;
13. Iqis li kwalunkwe modifika tal-interessi finanzjarji ta' Kummissarju matul il-mandat jew kwalunkwe ridistribuzzjoni tar-responsabilitajiet fost il-Kummissarji tikkostitwixxi sitwazzjoni ġdida fid-dawl ta' eżistenza possibbli ta' kunflitt ta' interess; iqis għaldaqstant li din is-sitwazzjoni għandha tkun soġġetta għal proċedura ta' reviżjoni mill-Parlament skont il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 10 ta' din ir-riżoluzzjoni u l-paragrafu 2 tal-Anness XVI (Linji gwida għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni) għar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew;
14. Ifakkar li, fil-każ ta' sostituzzjoni ta' Kummissarju matul il-mandat tiegħu, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 246 TFUE, il-Parlament għandu jiġi kkonsultat; iqis li din il-konsultazzjoni għandha tinkludi, fost l-oħrajn, verifika ta' assenza ta' kunflitt ta' interess skont il-paragrafu 10 ta' din ir-riżoluzzjoni, u f'konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Anness XVI (Linji gwida għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni) għar-Regoli ta' Proċedura tiegħu(9) rigward il-kompetenzi tal-Parlament Ewropew f'każ ta' modifika fil-kompożizzjoni tal-Kulleġġ tal-Kummissarji jew modifika sostanzjali tal-portafoll tul il-mandat tiegħu;
15. Iqis li, f'każ ta' kunflitt ta' interess identifikat matul il-mandat ta' Kummissarju u f'każ li l-President tal-Kummissjoni ma jsegwix ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament sabiex jintemm il-kunflitt ta' interess kif stabbilit fil-paragrafu 10 ta' din ir-riżoluzzjoni, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jista' jirrakkomanda li l-Parlament jitlob lil-President tal-Kummissjoni jirtira l-fiduċji minn dak il-Kummissarju, skont l-Artikolu 17(6) TUE u, fejn xieraq, li l-Parlament jitlob lill-President tal-Kummissjoni jaġixxi skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 245 TFUE bil-ħsieb li l-Kummissarju inkwistjoni jiġi miċħud mid-dritt tiegħu għal pensjoni jew benefiċċji oħra minflokha;
Kodiċi ta' Kondotta tal-Kummissarji
16. Jinnota li l-Kodiċi ta' Kondotta għall-Kummissarji adottat fl-20 ta' April 2011 jippreżenta titjib fir-rigward tal-imparzjalità, l-integrità, it-trasparenza, id-diliġenza, l-onestà, ir-responsabilità u d-diskrezzjoni meta mqabbel mal-kodiċi preċedenti adottat fl-2004 fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta' interessi finanzjarji, billi r-rekwiżiti ta' divulgazzjoni ġew estiżi għas-sħab tal-Kummissarji, u d-dikjarazzjoni tal-interessi teħtieġ tkun riveduta meta tinbidel l-informazzjoni u tal-anqas kull sena;
17. Josserva li l-kredibilità tad-dikjarazzjoni ta' interessi finanzjarji tiddependi mill-preċiżjoni tal-formola ppreżentata lill-Kummissarju nnominat; iqis li l-kamp ta' applikazzjoni attwali tad-dikjarazzjonijiet tal-interessi tal-Kummissarji huwa limitat wisq u l-kontenut ta' spjegazzjoni tagħhom huwa ambigwu; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-Kodiċi ta' Kondotta malajr kemm jista' jkun sabiex jiġi żgurat li d-dikjarazzjonijiet ta' interessi jipprovdu lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali b'informazzjoni preċiża li tista' tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha b'mod inekwivoku;
18. Iqis li, sabiex tinkiseb stampa aktar kompluta tal-pożizzjoni finanzjarja ta' Kummissarju dikjaranti, id-dikjarazzjonijiet tal-interessi finanzjarji msemmija fil-punti 1.3 sa 1.5 tal-Kodiċi ta' Kondotta għall-Kummissarji għandhom jinkludu l-interessi finanzjarji u l-attivitajiet kollha tal-Kummissarju nnominat u tal-konjuġi/sieħeb/sieħba tiegħu/tagħha, u m'għandhom bl-ebda mod ikunu limitati għal dawk "li x'aktarx jikkostitwixxu kunflitt ta' interessi";
19. Iqis li l-interessi tal-familja msemmija fil-punt 1.6 tal-Kodiċi ta' Kondotta għall-Kummissarji għandhom jiġu inklużi fid-dikjarazzjonijiet tal-interessi finanzjarji; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tistabbilixxi mezz ġust biex tidentifika interessi tal-familja li jistgħu joħolqu kunflitt ta' interess;
20. Huwa tal-fehma li, sabiex jiġu estiżi u mtejba r-regoli dwar il-kunflitt ta' interess, id-dikjarazzjonijiet tal-interessi għandhom jinkludu wkoll dettalji dwar kwalunkwe relazzjoni kuntrattwali tal-Kummissarji nnominati li jaf toħloq kunflitt ta' interess fil-qadi ta' dmirijiethom;
21. Jiddeplora l-fatt li l-Kodiċi ta' Kondotta jonqos milli jikkodifika b'mod xieraq ir-rekwiżit tal-Artikolu 245 TFUE li "kemm waqt il-kariga, kif ukoll wara li tintemm il-kariga tagħhom, [il-Kummissarji se] jirrispettaw l-obbligazzjonijiet, b'mod speċjali id-dmir tagħhom li jġibu rwieħhom b'integrità, u jeżerċitaw diskrezzjoni meta jaċċettaw, wara li jtemmu l-kariga tagħhom, ċerti ħatriet jew benefiċċji";
22. Jiddeplora l-fatt li l-Kodiċi ta' Kondotta jonqos milli jistabbilixxi kwalunkwe rekwiżit ta' ċessjoni, minkejja l-fatt li rekwiżiti bħal dawn iridu jkunu standard fi kwalunkwe reġim ta' etika; iqis bħala prijorità li jirregola dan l-aspett mill-aktar fis possibbli;
23. Jinnota li l-Kodiċi ta' Kondotta ma jistabbilixxi l-ebda kalendarju konkret għall-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni qabel is-smigħ fil-Parlament tal-Kummissarji nominati; iqis dan ir-rekwiżit bħala aspett fundamentali tar-reviżjoni tal-proċedura ta' smigħ tal-Kummissarji nominati;
24. Jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni ma tirrapportax b'mod regolari dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta' Kondotta għall-Kummissarji, b'mod partikolari fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet ta' interessi tagħhom, u jqis li l-Kodiċi ta' Kondotta għandu jiġi emendat biex jipprevedi mekkaniżmi ta' lmenti jew sanzjonijiet fir-rigward ta' ksur, bl-eċċezzjoni tal-imġiba serjament skorretta kif imsemmi fl-Artikoli 245 u 247 TFUE;
25. Jiddeplora, b'mod partikolari, it-tweġiba negattiva tal-President tal-Kummissjoni għat-talba tal-Ombudsman Ewropew biex jippubblika, b'mod proattiv, id-deċiżjonijiet li ttieħdu dwar l-awtorizzazzjoni ta' attivitajiet ta' wara l-mandat ta' ex Kummissjarji, kif ukoll l-opinjonijiet tal-Kumitat ta' Etika Ad Hoc; jenfasizza li s-sempliċi pubblikazzjoni tal-minuti tal-laqgħat tal-Kummissjoni mhumiex biżżejjed biex jagħtu lill-Parlament u lis-soċjetà ċivili stampa ċara dwar l-interpretazzjoni fil-prattika tal-"kunflitti ta' interess potenzjali" u l-politiki dwar l-integrità żviluppati dwar dan mill-Kumitat ta' Etika Ad Hoc;
26. Jirrimarka li l-ex Kummissarji kollha huma pprojbiti għal 18-il xahar milli jagħmlu attività ta' lobbying ma' Membri tal-Kummissjoni Ewropea u mal-persunal tagħhom favur in-negozju tagħhom, klijent tagħhom jew impjegatur tagħhom fir-rigward ta' kwistjonijiet li għalihom huma kienu responsabbli, iżda għandhom dritt għal allowance tranżitorja ġeneruża ħafna wara l-mandat tagħhom fil-Kummissjoni ta' bejn 40 u 65 fil-mija tal-aħħar salarju bażiku tagħhom għal tliet snin;
27. Jilqa' pożittivament il-fatt li l-Kodiċi ta' Kondotta introduċa dispożizzjoni dwar ir-riallokazzoni tal-fajls bejn il-Membri tal-Kummissjoni fl-eventwalità ta' kunflitti ta' interess iżda jiddeplora l-fatt li:
(a)
ma hemm l-ebda definizzjoni dettaljata dwar x'jikkostitwixxi kunflitt ta' interess;
(b)
id-dispożizzjoni hija limitata għal kwistojnijiet fi ħdan il-portafoll tal-Kummissarju kkonċernat u b'hekk tinjora d-dmirijiet tal-Kummissarju bħala membru ta' kulleġġ;
(c)
ma hemm la kriterji biex il-President jiddeċiedi dwar ir-riallokazzjoni, la qafas vinkolanti biex il-Parlament jinżamm informat u lanqas proċedura fis-seħħ fl-eventwalità li Kummissarju jonqos milli jinnotifika kunflitt ta' interess jew li jwettaq kwalunkwe tip ta' attività li hija inkompatibbli man-natura ta' dmirijietu;
28. Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi, b'urġenza, il-Kodiċi ta' Kondotta għall-Kummissarji tal-2011 biex tqis ir-rakkomandazzjonijiet li l-Parlament għamel fir-riżoluzzjonijiet reċenti tiegħu, u l-iżvilupp tal-istandards ġenerali dwar l-etika u t-trasparenza li japplikaw għall-istituzzjonijiet kollha tal-UE; jirrakkomanda li l-Kummissjoni timmodifika l-Kodiċi ta' Kondotta tagħha għall-Kummissarji bl-għan li tiżgura li:
(a)
il-Kummissarji jiddikjaraw l-interessi finanzjarji kollha tagħhom, inkluż l-attiv u l-passiv tagħhom ta' aktar minn EUR 10 000;
(b)
il-Kummissarji jiddikjaraw l-interessi kollha tagħhom (bħala azzjonisti, membri tal-bord tal-kumpanija, konsulenti, membri ta' fondazzjonijiet assoċjati, eċċ.) fir-rigward tal-kumpaniji kollha li huma kienu involuti fihom, inklużi interessi tal-familjarji mill-viċin, kif ukoll il-bidliet li saru meta l-kandidatura tagħhom saret magħrufa;
(c)
il-familjarji dipendenti u/jew diretti tal-Kummissarji jiddivulgaw l-istess informazzjoni għall-konjuġi jew is-sħab;
(d)
il-Kummissarji jikkjarifikaw kompletament l-objettivi tal-organizzazzjonijiet li huma kienu involuti fihom, jew li l-konjuġi tagħhom u/jew l-ulied dipendenti tagħhom huma involuti fihom, sabiex jiġi stabbilit jekk jeżistix xi kunflitt ta' interess;
(e)
il-Kummissarji jiddivulgaw l-adeżjoni tagħhom fi kwalunkwe organizzazzjoni mhux governattiva, soċjetà sigrieta jew assoċjazzjoni li tostor l-eżistenza tagħha li twettaq attivitajiet li huma maħsuba biex jinterferixxu fl-eżerċizzju ta' funzjonijiet ta' korpi pubbliċi;
(f)
il-Kummissarji u l-familjarji dipendenti tagħhom jiddivulgaw l-adeżjoni tagħhom ma' kwalunkwe organizzazzjoni mhux governattiva u kwalunkwe donazzjoni lill-NGOs ta' aktar minn EUR 500;
(g)
il-Kodiċi ta' Kondotta jiġi emendat, skont l-Artikolu 245 TFUE, sabiex jestendi r-restrizzjoni ta' impjieg ta' wara l-mandat tal-Kummissarji għal perjodu ta' tal-inqas tliet snin u mhux inqas mit-tul ta' żmien li fih il-Kummissarji preċedenti jkunu eliġibbli għall-allowance ta' tranżizzjoni kif definit fir-Regolament Nru 422/67/KEE;
(h)
il-Kodiċi ta' Kondotta jinkludi rekwiżiti speċifiċi dwar ċessjoni;
(i)
il-Kummissarji nominati jippreżentaw id-dikjarazzjonijiet tagħhom f'kalendarju speċifiku u opportun minn qabel li jippermetti lill-Kumitat ta' Etika Ad Hoc biex jippreżenta l-fehmiet tiegħu lill-Parlament dwar il-kunflitti ta' interess potenzjali fi żmien opportun qabel is-seduti ta' smigħ fil-Parlament;
(j)
il-Kummissarji jiltaqgħu biss ma' rappreżentanti ta' gruppi ta' lobbying li huma inklużi fir-Reġistru ta' Trasparenza, li fih informazzjoni dwar persuni li għandhom l-għan li jinfluwenzaw it-tfassil tal-politika fl-istituzzjonijiet tal-UE;
(k)
il-Kummissarji jippreżentaw, meta jiġu maħtura, dikjarazzjoni ffirmata li huma jidhru quddiem kwalunkwe kumitat tal-Parlament fir-rigward tal-attivitajiet involuti fil-mandat tagħhom;
(l)
id-dikjarazzjoni tkun ippubblikata f'format kompatibbli ma' data miftuħa biex tkun tista' tiġi pproċessata faċilment permezz tal-bażijiet ta' data;
(m)
titjieb il-proċedura għar-riallokazzjoni tal-fajls fl-eventwalità ta' kunflitt ta' interess f'termini ta' kunsiderazzjoni tad-dmirijiet tal-Kummissarju bħala membru ta' Kulleġġ, l-introduzzjoni ta' kriterji dwar l-integrità u d-diskrezzjoni għall-President fir-rigward ta' deċiżjoni ta' riallokazzjoni tal-fajls, l-implimentazzjoni ta' proċedura vinkolanti u sanzjonijiet għall-każijiet li fihom Kummissarju jonqos milli jagħti informazzjoni dwar kunflitt ta' interess possibbli, u l-introduzzjoni ta' proċedura vinkolanti biex il-Parlament jinżamm informat dwar il-każijiet hawn fuq imsemmija;
(n)
il-Kummissjoni tirrapporta fuq bażi annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta' Kondotta għall-Kummissarji u tipprevedi proċeduri ta' lmenti u sanzjonijiet fl-eventwalità mhux biss ta' mġiba serjament skorretta iżda wkoll ta' ksur tar-rekwiżiti, speċjalment fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta' interessi finanzjarji;
(o)
jiġu definiti l-kriterji għall-konformità mal-Artikolu 245 TFUE, li jobbliga lill-Kummissarji biex "jġibu rwieħhom b'integrità, u jeżerċitaw diskrezzjoni meta jaċċettaw, wara li jtemmu l-kariga tagħhom, ċerti ħatriet jew benefiċċji";
(p)
id-deċiżjonijiet dwar l-awtorizzazzjoni għal attivitajiet ta' wara l-mandat ta' ex Kummissarji, kif ukoll l-opinjonijiet tal-Kumitat ta' Etika Ad Hoc, jiġu ppubblikati b'mod proattiv;
(q)
il-Kumitat ta' Etika Ad Hoc jkun magħmul minn esperti indipendenti li ma jkunux okkupaw il-pożizzjoni ta' Kummissarju;
(r)
il-Kumitat ta' Etika Ad Hoc ifassal u jippubblika rapport annwali dwar l-attivitajiet tiegħu, li jista' jinkludi kwalunkwe rakkomandazzjoni għal titjib tal-Kodiċi ta' Kondotta jew għall-implimentazzjoni tiegħu kif il-Kumitat Ad Hoc iqis xieraq.
29. Jitlob lill-Kummissjoni biex tidħol f'negozjati mal-Parlament sabiex tinkorpora l-emendi li jistgħu jkunu meħtieġa fil-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea;
30. Jitlob lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali biex jipproponi fir-Regolament tal-Parlament, b'mod partikolari fl-Anness XVI, l-emendi neċessarji biex jiżgura l-implimentazzjoni ta' din ir-riżoluzzjoni;
o o o
31. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Sieħeb jew sieħba stabbli mhux fiż-żwieġ, kif definit fir-Regolament (Euratom, KEFA, KEE) Nru 2278/69 (ĠU L 289, 17.11.1969, p.1) u fl-Artikolu 1(2)(c) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.
Ara r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Settembru 2015 dwar proċeduri u prattiki rigward is-seduti ta' smigħ tal-Kummissarji, tagħlimiet li għandhom jinsiltu mill-proċess tal-2014.