Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/3001(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-1310/2016

Dibattiti :

PV 01/12/2016 - 3
CRE 01/12/2016 - 3

Votazzjonijiet :

PV 01/12/2016 - 6.24
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0479

Testi adottati
PDF 275kWORD 53k
Il-Ħamis, 1 ta' Diċembru 2016 - Brussell Verżjoni finali
Is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo
P8_TA(2016)0479RC-B8-1310/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Diċembru 2016 dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (2016/3001(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, b'mod partikolari dawk tal-10 ta' Marzu 2016(1) u tat-23 ta' Ġunju 2016(2),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tad-Delegazzjoni tal-UE għar-Repubblika Demokratika tal-Kongo dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, b'mod partikolari dawk tat-23 ta' Novembru 2016 u tal-24 ta' Awwissu 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE tal-15 ta' Ġunju 2016 dwar is-sitwazzjoni preelettorali u s-sitwazzjoni tas-sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet lokali tal-UE tal-25 ta' Ġunju 2016 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, u tat-2 ta' Awwissu 2016 u tal-24 ta' Awwissu 2016 dwar il-proċess elettorali fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo wara t-tnedija tad-djalogu nazzjonali fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, li ġie ppubblikat fis-27 ta' Lulju 2015, dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivitajiet tal-Uffiċċju Konġunt tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra l-istqarrijiet konġunti għall-istampa tas-16 ta' Frar 2016 u tal-5 ta' Ġunju 2016 tal-Unjoni Afrikana, tan-Nazzjonijiet Uniti, tal-Unjoni Ewropea u tal-Organizzazzjoni Internazzjonali La Francophonie dwar il-ħtieġa ta' djalogu politiku inklużiv fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u l-impenn tagħhom li jappoġġaw lil atturi Kongoliżi fl-isforzi tagħhom għall-konsolidazzjoni tad-demokrazija fil-pajjiż,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-15 ta' Awwissu 2016 mill-kelliem tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-vjolenza fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-UE dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, tat-23 ta' Mejju 2016 u tas-17 ta' Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni 2293(2016) dwar it-tiġdid tar-reġim ta' sanzjonijiet tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u l-mandat tal-Grupp ta' Esperti u r-riżoluzzjoni 2277(2016), li ġeddet il-mandat tal-Missjoni ta' Stabbilizzazzjoni tan-NU fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (MONUSCO),

–  wara li kkunsidra l-Istqarrijiet għall-Istampa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-15 ta' Lulju 2016 u tal-21 ta' Settembru 2016 dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-20 ta' Settembru 2016 mill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE fejn ħeġġew għall-kalma sabiex il-kriżi tissolva permezz tad-djalogu u fir-rispett tal-Kostituzzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou, iffirmat fit-23 ta' Ġunju 2000 u rivedut fil-25 ta' Ġunju 2005 u t-22 ta' Ġunju 2010,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli ta' Ġunju 1981,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, adottata fit-18 ta' Frar 2006,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi Joseph Kabila ilu l-President tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo mill-2001; billi l-mandat tal-President Kabila se jintemm fl-20 ta' Diċembru 2016, u billi t-tul tal-presidenza tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo huwa kostituzzjonalment limitat għal żewġ mandati u billi l-elezzjonijiet presidenzjali u leġiżlattivi li jmiss fil-bidu kienu skedati li jsiru sal-aħħar tal-2016;

B.  billi matul dawn l-aħħar sentejn il-President Kabila kien qiegħed juża mezzi amministrattivi u tekniċi biex jipprova jdewwem l-elezzjoni u jibqa' fil-poter lil hinn mit-tmiem tal-mandat kostituzzjonali tiegħu;

C.  billi l-ewwel tentattiv biex tiġi emendata l-Kostituzzjoni tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo sabiex il-President Kabila jkun jista' jikkontesta għat-tielet mandat ġie abbandunat fl-2015 minħabba oppożizzjoni u mobilizzazzjoni qawwija min-naħa tas-soċjetà ċivili; billi dawn it-tentattivi kkawżaw tensjoni politika, inkwiet u vjolenza li kulma jmur qegħdin jiżdiedu fil-pajjiż kollu, li issa jidher li laħaq impass elettorali;

D.  billi f'Novembru 2015 il-President Kabila ħabbar it-tnedija ta' djalogu nazzjonali; billi, sussegwentement, l-Unjoni Afrikana ħatret lill-eks Prim Ministru Togoliż Edem Kodjo bħala faċilitatur tad-djalogu politiku nazzjonali; billi żewġ gruppi kbar tal-oppożizzjoni rrifjutaw li jipparteċipaw f'dak li jqisuh bħala djalogu mhux inklużiv u mhux demokratiku, kif ukoll tattika ta' dewmien;

E.  billi l-Unjoni Afrikana, in-Nazzjonijiet Uniti, l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Internazzjonali La Francophonie issottolinjaw b'mod konġunt l-importanza tad-djalogu u tal-ħidma biex l-atturi politiċi jilħqu ftehim li jirrispetta d-demokrazija u l-istat tad-dritt, u ħeġġew lill-atturi politiċi kollha tal-Kongo biex jikkooperaw bis-sħiħ ma' Edem Kodjo;

F.  billi fit-18 ta' Ottubru 2016 ġie ffirmat ftehim bejn il-President Kabila u parti mill-oppożizzjoni li jipposponi l-elezzjoni presidenzjali għal April 2018; billi, skont it-termini ta' dan il-ftehim, il-President Kabila, li għalhekk tħalla jibqa' fil-poter wara l-2016, inkariga lil Prim Ministru interim ġdid, Samy Badibanga, membru tal-oppożizzjoni, biex jifforma gvern ġdid;

G.  billi, minn Jannar 2015, uffiċjali tas-sigurtà u tal-intelligence Kongoliżi wettqu azzjonijiet ripressivi fir-rigward ta' attivisti paċifiċi u membri tal-oppożizzjoni u tas-soċjetà ċivili li jopponu t-tentattivi tal-President Kabila biex jibqa' fil-poter lil hinn mil-limitu ta' żewġ mandati previst mill-Kostituzzjoni;

H.  billi l-gruppi tad-drittijiet tal-bniedem ripetutament jirrappurtaw dwar is-sitwazzjoni li dejjem qed tmur għall-agħar tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertà ta' espressjoni, ta' assemblea u ta' dimostrazzjoni fil-pajjiż fil-perjodu li jwassal għall-elezzjonijiet, inkluż l-użu ta' forza eċċessiva kontra dimostranti paċifiċi, ġurnalisti, mexxejja politiċi u oħrajn;

I.  billi l-livell li dejjem qed jiżdied ta' vjolenza u ksur u vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u tal-liġi internazzjonali, b'mod partikolari azzjonijiet immirati u arresti arbitrarji, għandhom impatt negattiv fuq kwalunkwe sforz biex tiġi regolarizzata u stabilizzata s-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo;

J.  billi, b'mod partikolari, aktar minn 50 persuna ġew irrappurtati maqtula matul id-dimostrazzjonijiet fid-19 u l-20 ta' Settembru 2016 f'Kinshasa u ħafna oħrajn għebu; billi membri tal-movimenti LUCHA u Filimbi għadhom qed jiġu detenuti illegalment; billi mezzi tal-istampa bħal Radio France Internationale (RFI) u Radju Okapi ngħalqu jew ġew imblukkati; billi, skont rapport tal-Uffiċċju Konġunt tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem, ġew irrappurtati 422 każ ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem mill-pulizija u l-forzi tas-sigurtà matul id-dimostrazzjonijiet li saru bejn d-19 u l-21 ta' Settembru 2016;

K.  billi l-aġenziji umanitarji jemmnu li l-instabilità politika qed titfa' lill-pajjiż f'kaos u twassal biex il-popolazzjoni tiegħu, diġà mdgħajfa mill-kriżijiet differenti tal-imgħoddi u tal-preżent, tegħreq fl-għaks u l-insigurtà, fejn aktar minn 5 miljun ruħ bħalissa għandhom bżonn assistenza għall-ikel;

L.  billi l-Unjoni Ewropea enfasizzat li kull deċiżjoni biex jiġu posposti l-elezzjonijiet trid tittieħed f'qafas ta' djalogu politiku inklużiv, imparzjali u trasparenti fost il-partijiet interessati Kongoliżi qabel ma' jispiċċa l-mandat tal-President Kabila f'Diċembru 2016;

M.  billi l-Programm Indikattiv Nazzjonali 2014-2020 għar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, b'finanzjament ta' EUR 620 miljun mill-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp, jagħti prijorità lit-tisħiħ tal-governanza u l-istat tad-dritt, inklużi r-riformi tal-ġudikatura, tal-pulizija u tal-armata;

1.  Jiddeplora l-imwiet waqt id-dimostrazzjonijiet matul dawn l-aħħar ġimgħat, u jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi u lill-poplu tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo;

2.  Jinsab profondament imħasseb dwar is-sitwazzjoni dejjem aktar instabbli fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, f'kuntest preelettorali ta' tensjoni; ifakkar lill-awtoritajiet tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, u primarjament lill-President tagħha, li hija r-responsabilità tagħhom li jipproteġu liċ-ċittadini li jgħixu fi kwalunkwe post fit-territorju nazzjonali, u b'mod partikolari li jipproteġuhom kontra l-abbuż u l-kriminalità, u li jwettqu l-kompitu li jiggvernaw bir-rispett l-aktar strett tal-istat tad-dritt;

3.  Jiddeplora l-fatt li l-Gvern u s-CENI (il-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali Indipendenti) ma rnexxilhomx jorganizzaw l-elezzjoni presidenzjali fi żmien l-iskadenza kostituzzjonali; itenni l-appell tiegħu għal organizzazzjoni b'suċċess u f'waqtha tal-elezzjonijiet, f'konformità sħiħa mal-Kostituzzjoni tal-Kongo u mal-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza, u jinsisti fuq ir-responsabilità tal-gvern Kongoliż li jiggarantixxi ambjent li jwassal għal elezzjonijiet trasparenti, kredibbli u inklużivi mill-aktar fis;

4.  Ifakkar fl-impenn li ħadet ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo taħt il-Ftehim ta' Cotonou li tirrispetta d-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem, li jinkludu l-libertà ta' espressjoni u tal-mezzi ta' komunikazzjoni, il-governanza t-tajba u t-trasparenza fil-karigi politiċi; jinnota li d-djalogu mal-awtoritajiet tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Cotonou, bil-għan li jinkisbu kjarifiki definitivi dwar il-proċess elettorali, qed ifalli.

5.  Iħeġġeġ lill-UE tieħu azzjonijiet aktar konkreti u tagħti bidu minnufih għall-proċedura skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou u tadotta s-sanzjonijiet fil-mira, inklużi l-projbizzjoni tal-viża u l-iffriżar tal-assi, kontra l-uffiċjali għoljin u l-aġenti tal-forzi armati responsabbli għar-ripressjoni vjolenti tad-dimostrazzjonijiet u l-impass politiku li mhux qed jippermetti li jkun hemm tranżizzjoni paċifika u kostituzzjonali tal-poter, b'mod partikolari Kalev Mutond, il-Maġġur Ġeneral John Numbi, il-Ġeneral Ilunga Kampete, il-Maġġur Ġeneral Gabriel Amisi Kumba, u l-Ġeneral Célestin Kanyama;

6.  Iħeġġeġ lill-atturi politiċi kollha jinvolvu ruħhom fi djalogu paċifiku u kostruttiv, jipprevjenu kull deterjorament tal-kriżi politika attwali u joqogħdu lura minn aktar vjolenza u provokazzjonijiet; jilqa' l-isforzi tal-Konferenza Episkopali Nazzjonali tal-Kongo (CENCO) biex issawwar kunsens usa' dwar tranżizzjoni politika; jistieden lill-awtoritajiet u lill-oppożizzjoni joqogħdu lura minn kull azzjoni jew stqarrija li tista' tkompli xxerred l-inkwiet; sadanittant, jirrikonoxxi li jeħtieġ li jkun hemm perjodu tranżizzjonali, li matulu l-presidenza tista' tiġi eżerċitata biss taħt l-awtorità ta' kunsill tranżizzjonali li fih l-oppożizzjoni jkollha rwol kruċjali;

7.  Jesprimi tħassib kbir dwar is-sitwazzjoni sejra lura tad-drittijiet tal-bniedem u dwar l-intensifikazzjoni tar-restrizzjoni tal-ispazju politiku fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, u b'mod partikolari l-istrumentalizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja u l-vjolenza u l-intimidazzjoni li qed iħabbtu wiċċhom magħhom id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-avversarji politiċi u l-ġurnalisti; jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-priġunieri politiċi kollha; jitlob lill-awtoritajiet ineħħu minnufih ir-restrizzjonijiet kollha fuq il-midja;

8.  Għadu mħasseb profondament dwar ir-rwol effikaċi tas-CENI, li fuqha tiddependi fil-biċċa l-kbira tagħha l-leġittimità tal-proċess elettorali. ifakkar li l-kummissjoni elettorali għandha tkun istituzzjoni imparzjali u inklużiva b'riżorsi suffiċjenti biex tippermetti proċess komprensiv u trasparenti;

9.  Jitlob li ssir investigazzjoni sħiħa, bir-reqqa u trasparenti dwar l-allegazzjonijiet tal-każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem li seħħew waqt il-protesti sabiex dawk responsabbli jiġu identifikati u jkollhom jagħtu rendikont ta' għemilhom;

10.  Jitlob lid-delegazzjoni tal-UE tibqa' ssegwi mill-qrib l-iżviluppi fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u tuża l-għodod u l-istrumenti kollha xierqa biex tappoġġa d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-movimenti favur id-demokrazija; jistieden lill-VP/RGħ tikkunsidra li ssaħħaħ il-kapaċitajiet ta' medjazzjoni tad-Delegazzjoni tal-UE biex tikkoopera mal-Unjoni Afrikana sabiex jinħoloq djalogu politiku inklużiv u jiġi evitat id-deterjorament tal-kriżi politika u t-tixrid ulterjuri tal-vjolenza;

11.  Jitlob li jkun hemm involviment akbar tal-Unjoni Afrikana fl-iżgurar tar-rispett sħiħ tal-Kostituzzjoni tal-Kongo; jitlob li jkun hemm djalogu permanenti bejn il-pajjiżi tar-Reġjun tal-Lagi l-Kbar sabiex tiġi evitata kull destabilizzazzjoni ulterjuri; jilqa', f'dan ir-rigward, l-organizzazzjoni tal-Konferenza Internazzjonali tar-Reġjun tal-Lagi l-Kbar biex tivvaluta s-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, li saret f'Luanda f'Ottubru 2016;

12.  Ifakkar li l-paċi u s-sigurtà huma prekondizzjonijiet għal elezzjoni li tirnexxi u għal ambjent politiku stabbli; jilqa', f'dan ir-rigward, it-tiġdid tal-mandat tal-MONUSCO u t-tisħiħ tal-kompetenzi tagħha biex tipproteġi l-popolazzjoni ċivili u tħares id-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest elettorali;

13.  Itenni t-tħassib serju tiegħu dwar s-sitwazzjoni umanitarja allarmanti fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu jagħtu l-għajnuna tagħhom lin-nies tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo bil-ħsieb li jtejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-aktar popolazzjonijiet vulnerabbli u jindirizzaw il-konsegwenzi ta' spostament, nuqqas ta' sigurtà tal-ikel, epidemiji u diżastri naturali;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, lill-Unjoni Afrikana, lill-Kunsill tal-AKP-UE, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti.

(1) Testi adottati, P8_TA(2016)0085.
(2) Testi adottati, P8_TA(2016)0290.

Avviż legali - Politika tal-privatezza