Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2072(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0357/2016

Testi mressqa :

A8-0357/2016

Dibattiti :

PV 12/12/2016 - 16
CRE 12/12/2016 - 16

Votazzjonijiet :

PV 13/12/2016 - 5.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0486

Testi adottati
PDF 436kWORD 68k
It-Tlieta, 13 ta' Diċembru 2016 - Strasburgu
Politika koerenti tal-UE għall-industriji kulturali u kreattivi
P8_TA(2016)0486A8-0357/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2016 dwar politika koerenti tal-UE għall-industriji kulturali u kreattivi (2016/2072(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ġunju 2016 dwar "Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa – Naħdmu flimkien biex insaħħu l-kapital uman, l-impjegabbiltà u l-kompetittività" (COM(2016)0381),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2014 bit-titolu "Lejn ekonomija ta' suċċess immexxija mid-dejta" (COM(2014)0442),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Jannar 2014 bit-titolu "Għal Rinaxximent Industrijali Ewropew" (COM(2014)0014),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Jannar 2013 bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni dwar l-Intraprenditorija 2020 – Tkebbis mill-ġdid tal-ispirtu tal-intraprendenza fl-Ewropa" (COM(2012)0795),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Diċembru 2012 dwar il-kontenut fis-Suq Uniku Diġitali (COM(2012)0789),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Settembru 2012 bit-titolu "Il-promozzjoni tas-setturi kulturali u kreattivi għal tkabbir u l-impjiegi fl-UE" (COM(2012)0537),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tas-26 ta' Settembru 2012 bit-titolu "Competitiveness of the European high-end industries" (Il-kompetittività tal-industriji Ewropej ta' livell għoli) (SWD(2012)0286),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Ġunju 2010 bit-titolu "L-Ewropa, l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja – qafas politiku ġdid għat-turiżmu Ewropew" (COM(2010)0352),

–  wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tas-27 ta' April 2010 bit-titolu "L-esplojtazzjoni tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi" (COM(2010)0183),

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-Kummissjoni ta' Ġunju 2015 bit-titolu "Boosting the competitiveness of cultural and creative industries for growth and jobs" (Nagħtu spinta lill-kompetittività tal-industriji kulturali u kreattivi għat-tkabbir u l-impjiegi) (EASME/COSME/2015/003),

—  wara li kkunsidra l-istudju tal-Kummissjoni ta' Ġunju 2009 dwar "The impact of culture on creativity" (L-impatt tal-kultura fuq il-kreattività),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-30 ta' Mejju 2013 dwar il-promozzjoni tas-setturi kulturali u kreattivi,

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar "L-industriji kreattivi u kulturali – ass Ewropew fil-kompetizzjoni globali"(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 – il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1295/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (2014 sa 2020) u li jirrevoka d-Deċiżjonijiet Nru 1718/2006/KE, Nru 1855/2006/KE u Nru 1041/2009/KE(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006(5) (minn hawn 'il quddiem "ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni"),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea(7),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1287/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju (COSME) (2014 - 2020) u jħassar id-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE(8),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Ġunju 2016 dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-27 ta' Mejju 2015 dwar kollegamenti kulturali u kreattivi biex jiġu stimulati l-innovazzjoni, is-sostenibbiltà ekonomika u l-inklużjoni soċjali,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta' Diċembru 2012 dwar "Aġġornament tal-Komunikazzjoni dwar il-Politika Industrijali: Industrija Ewropea Aktar b'Saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku",

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2009 dwar il-kultura bħala katalista għall-kreattività u l-innovazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-8 ta' Ġunju 2016 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titolu "Lejn strateġija tal-UE għal relazzjonijiet kulturali internazzjonali" (JOIN(2016)0029),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 bit-titolu "Lejn Att dwar is-Suq Uniku Diġitali"(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2015 bit-titolu "Lejn approċċ integrat għall-wirt kulturali għall-Ewropa"(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar il-promozzjoni tas-setturi kulturali u kreattivi Ewropej bħala sorsi ta' tkabbir ekonomiku u ta' impjiegi(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2012 dwar l-Intrapriżi Żgħar u ta' Daqs Medju (SMEs): kompetittività u opportunitajiet kummerċjali(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2011 dwar id-dimensjonijiet kulturali tal-azzjonijiet esterni tal-UE(13),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2011 dwar l-isfruttar tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi(14),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' April 2008 dwar l-industriji kulturali fl-Ewropa(15),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar l-istatus soċjali tal-artisti(16),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali, adottata mill-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) fl-20 ta' Ottubru 2005,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-OECD u l-EUIPO tat-18 ta' April 2016 bit-titolu "Trade in Counterfeit and Pirated Goods – Mapping the Economic Impact"(17),

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-UNESCO ta' Diċembru 2015 bit-titolu "Cultural times: The first global map of cultural and creative industries",

–  wara li kkunsidra l-Grupp ta' Ħidma ta' Esperti tal-Istati Membri tal-UE fir-rapport ta' Novembru 2015 bit-titolu "Towards more efficient financial ecosystems: innovative instruments to facilitate access to finance for the cultural and creative sectors",

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 167 u 173 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni skont l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0357/2016),

A.  billi fil-komunikazzjoni tagħha msemmija hawn fuq bit-titolu "Il-promozzjoni tas-setturi kulturali u kreattivi għal tkabbir u l-impjiegi fl-UE", il-Kummissjoni tirrikonoxxi r-rwol essenzjali tal-industriji kulturali u kreattivi (CCIs)(18) għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-UE u l-Istati Membri tagħha;

B.  billi jenħtieġ li l-UE tagħti spinta lil sorsi ġodda ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, u tinvesti fihom; billi, f'dan ir-rigward, jenħtieġ li jiġi sfruttat il-potenzjal li għadu ma ntużax biżżejjed fil-ħolqien tat-tkabbir u l-impjiegi fl-industriji kreattivi u kulturali, minħabba l-impatt sinifikanti tagħhom f'oqsma bħall-mudelli kummerċjali ġodda, il-kreattività u l-innovazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u l-iżvilupp tal-ħiliet;

C.  billi s-CCIs għandhom valur intrinsiku u doppju peress li, permezz tar-rabtiet diretti tagħhom mal-artisti u l-kreaturi, iħarsu u jippromwovu d-diversità kulturali u lingwistika, u jsaħħu l-identitajiet Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali, filwaqt li jsostnu l-koeżjoni soċjali u jikkontribwixxu b'mod sostanzjali, b'diversi mudelli ta' ħolqien tal-valur, għall-kreattività, l-investiment, l-innovazzjoni u l-impjieg u jaġixxu bħala xprun tat-tkabbir ekonomiku sostenibbli fl-UE u fl-Istati Membri tagħha;

D.  billi l-kultura u l-arti Ewropej jirrappreżentaw 3 000 sena ta' wirt kulturali kondiviż, jittrażmettu l-għarfien u l-valuri u jikkontribwixxu għas-salvagwardja ta' evidenza tanġibbli u intanġibbli tad-dinja naturali u dik magħmula mill-bniedem għall-ġenerazzjonijiet tal-lum u tal-futur;

E.  billi d-diplomazija kulturali, ibbażata fuq ir-rispett reċiproku għall-valuri u l-ispeċifiċitajiet, issaħħaħ ir-relazzjonijiet bilaterali u multilaterali bejn pajjiżi Ewropej u pajjiżi terzi, tibni rabtiet bejn is-soċjetajiet permezz tal-kuntatti bejn il-persuni u l-kooperazzjoni fis-setturi kulturali u kreattivi kollha, u tikkontribwixxi għal fehim reċiproku aħjar u għal proġetti komuni, filwaqt li taġixxi bħala xprun tat-tkabbir ekonomiku u soċjali;

F.  billi s-CCIs jikkontribwixxu għas-"setgħa ta' persważjoni" tal-Ewropa fir-rwol tagħhom bħala ambaxxaturi tal-valuri Ewropej – bħall-kultura, il-kreattività, il-kwalità, l-eċċellenza, il-ħila fis-snajja' – fix-xena dinjija;

G.  billi l-industriji kulturali u kreattivi huma fil-qalba ta' ekosistema doppja u delikata bejn gruppi kbar ta' SMEs kompetittivi u innovattivi internazzjonalment, u negozji ġodda, li kostantement iġeddu l-qasam, iħarsu u jippromwovu d-diversità, joħolqu l-impjiegi, iżda xi kultant huma fraġli, b'mod partikolari fl-aċċess tagħhom għas-swieq u l-finanzi;

H.  billi l-industriji kulturali u kreattivi fl-Ewropa jipprovdu aktar minn 12-il miljun impjieg full-time, li jirrappreżentaw 7,5 % tal-forza tax-xogħol tal-UE, u b'hekk joħolqu madwar EUR 509 biljun f'valur miżjud għall-PDG (5,3 % tal-GVA totali tal-UE); billi, f'reġjuni speċifiċi, is-CCIs jirrappreżentaw perċentwal ogħla b'mod sinifikanti tal-PDG u jimpjegaw perċentwal ogħla tal-forza tax-xogħol lokali;

I.  billi, skont studju tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi u l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern, l-industriji intensivi fir-rigward tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IPRs) jiġġeneraw aktar minn kwart tal-impjiegi u aktar minn terz tal-attività ekonomika fl-UE;

J.  billi kważi 39 % tal-PDG tal-UE huwa ġġenerat minn industriji intensivi fl-użu tal-IPRs, bl-industriji intensivi fl-użu tat-trademarks jiġġeneraw 34 % tat-total, l-industriji intensivi fl-użu tad-disinn jiġġeneraw 13 %, bl-industriji intensivi fl-użu tal-privattivi jiġġeneraw 14 %, u l-industriji intensivi fl-użu tad-drittijiet tal-awtur jiġġeneraw 4,2 %(19);

K.  billi s-CCIs fl-UE jimpjegaw darbtejn u nofs aktar persuni mill-manifatturi awtomobilistiċi u ħames darbiet aktar mill-industrija kimika;

L.  billi s-CCIs għandhom rwol importanti fil-ħolqien ta' reġjuni vibranti u distinti, li jistgħu jgħinu biex itejbu l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini u jistgħu jkunu fattur importanti ta' investiment barrani;

M.  billi l-awturi u l-artisti huma fl-oriġini u s-sors innifsu tas-CCIs;

N.  billi huwa improbabbli li l-impjieg fis-settur kulturali jiġi esportat, peress li huwa marbut ma' kompetenzi kulturali speċifiċi, sikwit reġjonali u storiċi; billi s-CCIs jikkontribwixxu b'mod sinifikanti, u aktar minn kwalunkwe settur ieħor, għall-impjieg taż-żgħażagħ u wrew li huma l-aktar reżiljenti matul il-kriżi ekonomika ta' wara l-2008; billi l-impjiegi fis-CCIs żdiedu madwar l-UE bejn l-2008 u l-2014; jirrikonoxxi r-rwol importanti tal-Fond Soċjali Ewropew fil-promozzjoni tal-impjieg u l-iżvilupp tal-ħiliet taż-żgħażagħ;

O.  billi s-CCIs għandhom kwalitajiet attraenti minn perspettiva ta' żvilupp lokali: jagħmlu użu minn firxa ta' ħiliet f'sensiela ta' livelli differenti, għandhom it-tendenza li jkunu soċjalment responsabbli u inklużivi u jiġġeneraw esternalitajiet pożittivi fiż-żoni li jkunu stabbiliti fihom; billi l-ftuħ u l-interazzjoni tagħhom ma' attivitajiet oħra joħolqu effetti ta' agglomerazzjoni u ta' raggruppament u għandhom tendenza jiġġeneraw proporzjon għoli tal-valur miżjud totali lokalment;

P.  billi l-flessibbiltà u l-mobbiltà ma jistgħux jiġu diżassoċjati fil-kuntest tal-attività professjonali artistika, u għalhekk huwa importanti li n-natura imprevedibbli u xi kultant prekarja tal-professjoni artistika tiġi kkumpensata b'garanzija ta' protezzjoni soċjali ġenwina;

Q.  billi s-CCIs jinkludu maġġoranza ta' kumpaniji żgħar u mikro u billi l-kumpaniji tas-settur kulturali u kreattiv (CCS) b'inqas minn 10 impjegati jirrappreżentaw aktar minn 95 %(20) tal-forza tax-xogħol;

R.  billi huwa żbaljat meta jintqal li hemm livell ta' riskju ogħla involut fl-investiment fis-CCIs meta mqabbel ma' tipi oħra ta' negozju, u billi dak l-argument huwa bbażat, inter alia, fuq il-fatt li s-CCIs huma intensivi fl-użu tal-IPRs u li hemm diffikultajiet involuti fl-użu ta' beni mhux tanġibbli bħala garanziji għall-finanzjament;

S.  billi huwa dejjem aktar rari għall-artisti kulturali u kreattivi li jkunu f'impjieg permanenti; billi dawn huma, dejjem aktar, persuni li jaħdmu għal rashom, li jalternaw bejn attività ta' min jaħdem għal rasu u ta' impjegat jew huma impenjati f'attività part-time jew irregolari;

T.  billi inizjattivi u industriji bbażati fuq il-kultura għandhom bosta rwoli x'jiżvolġu fl-iżvilupp lokali u reġjonali, fejn tradizzjonalment iżidu l-attraenza tar-reġjuni, jiżguraw l-inklużjoni u l-iżvilupp soċjoekonomiċi taż-żoni rurali u iżolati, filwaqt li jippermettu wkoll riġenerazzjoni urbana sostenibbli integrata;

U.  billi s-CCIs għandhom rwol essenzjali fir-reindustrijalizzazzjoni tal-Ewropa, huma xprun għat-tkabbir u huma f'pożizzjoni strateġika biex jiskattaw riperkussjonijiet innovattivi f'setturi industrijali oħra, bħat-turiżmu, il-bejgħ bl-imnut u t-teknoloġiji diġitali;

V.  billi s-CCIs huma xprun għall-innovazzjoni u l-iżvilupp tal-ICT fl-Ewropa; billi t-trasformazzjoni diġitali tal-industrija toffri possibbiltajiet ġodda għall-iżvilupp ta' mudelli kummerċjali ġodda u l-espansjoni tas-suq, imma tippreżenta wkoll sfidi għas-setturi tradizzjonali tas-CCIs;

W.  billi l-industriji kreattivi huma fost is-setturi l-aktar intraprenditorjali, peress li jiżviluppaw ħiliet trasferibbli bħall-ħsieb kreattiv, is-soluzzjoni tal-problemi, ix-xogħol f'tim, u l-inġenjożità fl-użu tar-riżorsi;

X.  billi t-turiżmu b'rabta mal-wirt industrijali u l-mużewijiet industrijali jistgħu joffru perspettivi kulturali u ekonomiċi ġodda, fuq kollox għar-reġjuni postindustrijali, u jistgħu jżommu l-għarfien tradizzjonali Ewropew ħaj;

Y.  billi, fost is-sorsi differenti ta' finanzjament tal-UE, Ewropa Kreattiva u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi biss isemmu s-CCIs bħala prijorità speċifika;

Z.  billi bid-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 xi miżuri fis-settur tal-wirt kulturali (b'mod partikolari r-restawr u l-preservazzjoni) u, f'xi każijiet, fis-settur tal-attivitajiet kulturali appoġġjati mill-fondi tal-UE u minn fondi reġjonali addizzjonali, jistgħu jiġu kkunsidrati bħala għajnuna mill-Istat, minkejja r-rilevanza lokali tagħhom u n-natura mhux ekonomika u l-organizzazzjoni mhux kummerċjali tal-attivitajiet u tal-istituzzjoni kulturali kkonċernati, li jirriżulta f'ostakoli konsiderevoli għall-awtoritajiet reġjonali rilevanti u f'dewmien fl-implimentazzjoni ta' tali miżuri;

AA.  billi, fis-suq konverġenti u globalizzat tal-lum, is-CCIs Ewropej innovattivi u xprunati mir-riċerka huma vitali biex jiġu żgurati d-diversità lingwistika u kulturali, il-pluraliżmu u l-offerta ta' servizzi innovattivi u ta' kwalità għolja;

AB.  billi, minkejja l-fatt li aktar kontenut kulturali u kreattiv qed jiġi aċċessat u kondiviż illum minn qatt qabel, b'mod partikolari dwar servizzi bħall-pjattaformi b'kontenut uploaded mill-utent u servizzi ta' aggregazzjoni tal-kontenut, u li l-ispejjeż tad-distribuzzjoni u tal-produzzjoni naqsu bl-iżviluppi teknoloġiċi, is-settur kulturali u kreattiv ma kellux żieda komparabbli fid-dħul minn din iż-żieda fil-konsum, l-aktar minħabba n-nuqqas ta' trasparenza fil-katina tal-valur u ta' ċarezza tad-dritt u d-diffikultajiet esperjenzati mis-setturi tradizzjonali fl-adattament għat-trasformazzjoni diġitali;

AC.  billi l-Kummissjoni hija mħeġġa tieħu l-miżuri xierqa biex tiffaċilita l-iżvilupp ta' offerti ġuridiċi attraenti u disponibbiltà transfruntiera sabiex jitnaqqas id-distakk tal-valur u jkun żgurat li l-awturi, il-kreaturi, l-artisti u d-detenturi tad-drittijiet jingħataw remunerazzjoni ġusta għal xogħlijiethom;

AD.  billi s-CCIs qed jgħaddu minn modifiki sostanzjali b'riżultat ta' żieda fit-teknoloġiji diġitali li jwasslu għal bidliet fil-kundizzjonijiet tal-produzzjoni artistika u jinfluwenzaw id-dritt tal-proprjetà intellettwali;

AE.  billi s-CCIs għadhom sottovalutati u mhux rikonoxxuti, b'mod partikolari f'termini tal-kapaċità tagħhom li jaċċedu għall-kapital għan-negozji l-ġodda u għall-finanzjament;

AF.  billi l-istudju l-aktar riċenti kkummissjonat mill-Kummissjoni(21) jqis fid-definizzjoni tiegħu tas-CCIs l-industriji ta' kwalità superjuri xprunati mill-kreattività; billi l-industriji tal-moda u ta' kwalità superjuri jiddependu minn input kulturali u kreattiv qawwi, jikkontribwixxu għall-ħarsien tas-savoir faire Ewropew li ilu jeżisti s-sekli u huma msejsa fuq wirt u tradizzjonijiet kulturali li ma jistgħux jiġu replikati minn oħrajn; billi jenħtieġ li l-kooperazzjoni tissaħħaħ sabiex jiġu kkunsidrati l-bidliet fl-impjieg u l-ħtieġa ta' ħiliet speċifiċi;

AG.  billi l-istimi nazzjonali tas-CCIs rarament huma komparabbli billi l-Istati Membri għadhom qed jużaw definizzjonijiet differenti tas-CCIs; jinnota li tali definizzjonijiet jinkludu wkoll kategoriji wesgħin ta' CCIs bħas-softwer, ir-reklamar u l-kummerċjalizzazzjoni, li huma ta' suċċess kbir kemm f'termini ekonomiċi kif ukoll bħala eżempji ta' kreattività u intraprenditorija Ewropej;

AH.  billi fl-2013 il-kummerċ internazzjonali f'oġġetti ffalsifikati u pirati ammonta għal sa 2,5 % tal-kummerċ dinji u sa 5 % tal-importazzjonijiet fl-UE, li jirrappreżenta EUR 85 biljun;

AI.  billi fl-ekonomija industrijali, l-investiment kien prinċipalment iffukat fuq oġġetti tanġibbli, li kienu l-ixpruni ewlenin tat-tkabbir, filwaqt li fl-ekonomija kreattiva tal-lum, l-oġġetti intanġibbli huma l-objettivi ewlenin għall-investiment, is-sorsi ta' valur u l-ixpruni tat-tkabbir; billi jenħtieġ li l-finanzjament tas-CCIs jitqies f'dan il-kuntest;

AJ.  billi, minkejja li l-iżvilupp tat-teknoloġija u l-infrastruttura diġitali huwa prijorità politika Ewropea, id-disseminazzjoni ta' oġġetti u servizzi kulturali u kreattivi online permezz ta' istituzzjonijiet kulturali għad trid tittejjeb;

AK.  billi s-CCIs jikkontribwixxu għall-ħarsien u t-titjib tal-wirt kulturali, storiku u arkitettoniku immens tal-Ewropa; billi s-CCS huwa importanti għall-iżvilupp tad-diplomazija kulturali, l-industrija tat-turiżmu u l-promozzjoni tal-kulturi nazzjonali u lokali, filwaqt li jmexxi lejn il-progress u l-iżvilupp tal-bliet u r-reġjuni;

Definizzjoni u statistika

1.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa qafas ta' politika industrijali komprensiv, koerenti u fit-tul għas-CCS, u jistieden lill-UE tinkludi l-iżvilupp, il-promozzjoni u l-protezzjoni effettivi u l-finanzjament adegwat tas-CCIs fl-għanijiet strateġiċi u l-prijoritajiet ġenerali tagħha, sabiex tagħti spinta lill-kompetittività tagħhom u tippermettilhom jilħqu l-potenzjal tagħhom f'termini tal-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u ta' tkabbir;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tfassal il-politiki futuri tagħha abbażi tad-definizzjoni tas-CCIs li ġejja: "l-industriji kulturali u kreattivi huma dawk l-industriji li huma bbażati fuq il-valuri kulturali, id-diversità kulturali, il-kreattività individwali u/jew kollettiva, il-ħiliet u t-talent bil-potenzjal li jiġġeneraw l-innovazzjoni, il-ġid u l-impjiegi permezz tal-ħolqien ta' valur soċjali u ekonomiku, b'mod partikolari mill-proprjetà intellettwali; jinkludu s-setturi li ġejjin li jiddependu minn inputs kulturali u kreattivi: l-arkitettura, l-arkivji u l-libreriji, l-artiġjanat artistiku, il-mezzi awdjoviżivi (inklużi l-films, it-televiżjoni, is-softwer u l-logħob tal-kompjuter u l-multimedja u l-mużika rrekordjata), il-wirt kulturali, id-disinn, l-industriji u l-moda ta' kwalità superjuri xprunati mill-kreattività, il-festivals, il-mużika "live", l-arti tal-ispettaklu, il-kotba u l-pubblikazzjoni (gazzetti u rivisti), ir-radju u l-arti viżiva, u r-reklamar";

3.  Jistieden lill-Kummissjoni – meta jitqies il-fatt li l-Istati Membri qed jużaw sistemi nazzjonali ta' klassifikazzjoni għall-attivitajiet li jappartjenu għall-industriji kulturali u kreattivi – biex tidentifika indikaturi speċifiċi sabiex timmonitorja u tanalizza l-impatt u d-dinamika kulturali, ekonomiċi u soċjetali tal-politiki u l-proposti regolatorji tagħha relatati mas-CCS, u r-rwol ta' dan is-settur bħala xprun tal-innovazzjoni u t-tkabbir fl-oqsma ta' attività l-oħra kollha fl-UE u fil-pajjiżi terzi konnessi; jissottolinja, għalhekk, il-ħtieġa li l-Kummissjoni tidentifika sorsi ta' data alternattivi bl-għan li tikkomplementa u ttejjeb l-istatistika uffiċjali; jissottolinja li s-CCIs spiss ikollhom mudelli kummerċjali kumplessi li jistgħu jkunu ta' sfida għall-forom tradizzjonali ta' finanzjament u li huwa importanti li jkun żgurat li l-effetti pożittivi tal-investiment pubbliku jiġu mifhuma b'mod aktar ċar u li jiġu pprovduti l-livelli ta' analiżi meħtieġa biex jiġi attirat aktar investiment privat; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex tipprevedi sforz ta' koordinament sabiex tiffaċilita s-sinerġiji transnazzjonali bħall-proġetti ta' kooperazzjoni, l-opportunitajiet ta' mobilità u n-negozji konġunti fil-qasam;

4.  Jenfasizza li l-ħtieġa li tiġi stabbilita data statistika dwar l-industriji kulturali u kreattivi tikkontribwixxi wkoll għad-dibattitu politiku kulturali, u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Eurostat, fl-isforzi tagħhom biex janalizzaw u jkejlu regolarment l-impatt tal-politiki kulturali fuq is-CCS fl-intier tiegħu, biex jinkludu s-CCS fl-istatistika annwali tagħhom, abbażi ta' analiżi tal-valur u l-effetti konsegwenzjali maħluqa mis-CCIs fl-era diġitali u biex jippubblikaw rapport biennali settorjali dwar l-iżvilupp tas-CCIs fl-Ewropa; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa li jissaħħaħ ir-rwol tal-Eurostat u taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka;

Kundizzjonijiet qafas u trawwim tal-innovazzjoni

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi skema komprensiva li tnaqqas id-distakk bejn ir-R&Ż, il-produzzjoni Ewropea ta' kontenut kreattiv u l-innovazzjoni teknoloġika fil-qasam tal-media u lil hinn minnu; jinnota li tali skema komprensiva trawwem il-produzzjoni ta' servizzi kreattivi u kompetittivi tal-UE, u opportunitajiet kummerċjali u ta' impjieg, u ttejjeb l-aċċess tal-SMEs u tan-negozji l-ġodda, filwaqt li tippromwovi xenarju Ewropew pluralistiku u diversifikat mibni fuq sinerġiji b'saħħithom bejn is-CCIs u l-innovazzjoni tekonoloġika, biex b'hekk jissaħħaħ is-Suq Uniku Diġitali Ewropew;

6.  Jenfasizza li t-teknoloġija u l-infrastruttura diġitali jiddependu mill-kontenut ipprovdut mill-kreaturi; jinnota li l-aċċess dirett għal udjenzi globali wassal għal forom ġodda ta' kontenut artistiku u kreattiv; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni biex, filwaqt li tivvaluta l-ħtiġijiet tal-atturi rilevanti kollha, tistabbilixxi qafas ġuridiku xieraq, inklużi d-drittijiet tal-awtur, għall-katina tal-valur fl-era diġitali, li jqis l-ispeċifiċitajiet tas-settur, jippermetti aktar innovazzjoni, jippromwovi relazzjonijiet kuntrattwali trasparenti u jwassal għall-istabbiliment tad-dritt għal remunerazzjoni ġusta u protezzjoni legali għall-awturi, il-kreaturi u l-partijiet involuti kollha fil-proċess kreattiv u xogħlijiethom, biex b'hekk tiġi żgurata ekonomija diġitali b'saħħitha;

7.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-partijiet jaħdmu flimkien u fuq l-importanza tal-kondiviżjoni kostanti tal-għarfien u l-aħjar prassi bejn l-Istati Membri li jridu jappoġġjaw u jistimulaw l-industrija kreattiva, u jippromwovu l-kreattività u l-produttività fil-livelli kollha;

8.  Iqis li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati hija fil-qalba tad-dħul tas-CCI; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fid-dawl tar-riforma li għaddejja tad-drittijiet tal-awtur, biex toħloq soluzzjonijiet ġuridiċi bilanċjati li jkunu adattati għall-era diġitali, anke fi sħubija mal-industrija u l-gruppi tal-konsumaturi, li jappoġġjaw u jissodisfaw l-interessi tal-SMEs, l-intrapriżi żgħar ħafna u l-mikrointrapriżi, il-kreaturi, id-detenturi tad-drittijiet, l-utenti tad-drittijiet, il-freelancers u l-konsumaturi bl-istess mod sabiex ikun ċar li eżenzjonijiet mir-responsabbiltà jistgħu japplikaw biss għal fornituri ta' servizzi online ġenwinament newtrali u passivi, kif definiti fid-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku u fil-ġurisprudenza tal-QtĠ-UE, u mhux għal servizzi li jiżvolġu rwol attiv fid-distribuzzjoni, il-promozzjoni u l-monetizzar tal-kontenut askapitu tal-kreaturi; iqis, minħabba n-natura mingħajr fruntieri tal-ambjent diġitali, li hemm il-ħtieġa li tiġi żgurata l-koerenza bejn ir-regolaturi, l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u s-sistema ġudizzjarja fl-UE;

9.  Jenfasizza l-fatt li r-riċerka dwar id-detenturi tad-drittijiet u r-regoli mhux trasparenti dwar id-drittijiet tal-awtur jirrappreżentaw piżijiet amministrattivi li jinvolvu spejjeż kbar u sforzi konsiderevoli, speċjalment għall-SMEs li jaħdmu fuq bażi transfruntiera; jirrakkomanda, għalhekk, li tiġi stabbilita bażi ta' data pan-Ewropea komuni, bl-informazzjoni kollha disponibbli dwar id-detenturi tad-drittijiet għal kull settur sabiex jiġi ffaċilitat l-ikklerjar tad-drittijiet;

10.  Jenfasizza li d-Direttiva 2014/26/UE wasslet għal titjib fis-sistema tal-ikklerjar tad-drittijiet ta' xogħlijiet mużikali fl-ambjent online; jitlob lill-Kummissjoni ttejjeb ukoll il-governanza tajba, l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà tal-organizzazzjonijiet tal-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur f'setturi oħra;

11.  Jenfasizza l-fatt li l-piraterija u l-falsifikazzjoni għadhom preokkupazzjoni serja għas-CCIs kif ukoll għaċ-ċittadini; jenfasizza li dawn l-attivitajiet illeċiti jikkawżaw telf serju ta' introjtu u impjiegi, u jistgħu jirriżultaw fi preokkupazzjonijiet dwar is-sikurezza u s-saħħa li jridu jiġu indirizzati; jilqa' l-involviment tal-industrija biex jinstabu soluzzjonijiet biex jiġu miġġielda l-piraterija u l-falsifikazzjoni u jissottolinja l-ħtieġa li tissaħħaħ il-ġlieda kontra dawn l-attivitajiet illegali;

12.  Jissottolinja l-ħtieġa li tiġi mmonitorjata u msaħħa l-applikazzjoni tar-regoli ta' infurzar eżistenti madwar l-UE; jirrakkomanda li tiġi kkunsidrata l-introduzzjoni ta' sanzjonijiet aktar ħorox u l-promozzjoni ta' sistema ta' garanziji fuq it-traċċabilità bħala deterrent għall-falsifikaturi – b'mod partikolari dawk kummerċjali fuq skala kbira – kif ukoll li jiżdiedu d-danni u l-kumpens mogħtija lid-detenturi tad-drittijiet; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jvaraw kampanji ta' sensibilizzazzjoni kontra l-piraterija u l-falsifikazzjoni, u jidentifikaw ix-xejriet u jindirizzawhom b'mod aktar effettiv, filwaqt li jinkoraġġixxu lid-detenturi tad-drittijiet u lill-fornituri tas-servizzi biex jiżguraw li jkun hemm rotot ta' aċċess faċli għall-kontenut legali sabiex tiġi skoraġġita l-piraterija; finalment, jenfasizza l-ħtieġa li l-atturi diġitali kollha jiġu involuti fil-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni online;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri effettivi biex tiġġieled kontra l-piraterija online, b'mod partikolari biex tiżgura li s-servizzi online li jospitaw kontenut japplikaw mezzi effettivi sabiex jitneħħa kontenut mhux liċenzjat mis-servizzi tagħhom u jieħdu azzjoni biex, ladarba jitneħħa, dan il-kontenut ma jerġax jitfaċċa;

14.  Iqis li huwa essenzjali li tingħeleb il-mentalità tal-organizzazzjoni f'kompartimenti f'oqsma ta' politika tradizzjonali u li jiġi promoss it-tixrid kulturali u kreattiv;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, fl-isferi tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, jippromwovu l-kooperazzjoni transsettorjali billi jistabbilixxu "laboratorji għat-tagħlim", ċentri kreattivi, spazji għal ħidma konġunta, programmi ta' netwerking u raggruppamenti u netwerks kulturali u kreattivi f'livell reġjonali, nazzjonali, Ewropew u internazzjonali sabiex titrawwem l-interazzjoni bejn l-intrapriżi mikro, żgħar, medji u kbar u bejn l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ u l-kumpaniji kummerċjali fis-CCS, il-ħila fis-snajja' tradizzjonali, l-organizzazzjonijiet tal-wirt, is-settur tat-turiżmu, iċ-ċentri tar-riċerka, l-universitajiet, l-investituri u dawk li jfasslu l-politika; jitlob, barra minn hekk, għal appoġġ għall-iżvilupp ta' ambjent ġuridiku ta' sostenn u li jiffaċilita l-innovazzjoni għall-ħolqien u l-esperimentazzjoni ta' mudelli kummerċjali, prodotti u servizzi ġodda permezz ta' sħubijiet strateġiċi bejn il-produtturi, id-distributuri u l-promoturi u għal appoġġ għall-attivitajiet ta' inkubaturi tan-negozju;

16.  Iqis li huwa essenzjali li l-UE u l-Istati Membri tagħha jżommu l-possibbiltà li jħarsu u jiżviluppaw il-politiki kulturali u awdjoviżivi tagħhom, u li jagħmlu dan fil-kuntest tal-liġijiet, tal-istandards u tal-ftehimiet eżistenti tagħhom, inkluża l-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali; jitlob, għaldaqstant, li l-esklużjoni tas-servizzi kulturali u awdjoviżivi, inklużi dawk mogħtija online, tkun dikjarata b'mod ċar fil-ftehimiet bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa li s-servizzi kulturali u awdjoviżivi jinżammu barra mill-kamp ta' applikazzjoni tal-mandat ta' negozjar għall-ftehimiet ta' kummerċ ħieles ġenerali, filwaqt li jirrimarka li x-xogħlijiet kulturali u kreattivi għandhom valur doppju u intrinsiku;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi u tappoġġja l-ħolqien, it-titjib u l-espansjoni ta' infrastruttura li hija essenzjali biex tappoġġja l-industriji kreattivi fl-Ewropa, b'mod partikolari tiżgura l-espansjoni ta' broadband b'veloċità għolja f'żoni rurali u remoti;

18.  Jirrikonoxxi li ħafna bliet u reġjuni madwar l-Ewropa żviluppaw pjanijiet sostanzjali għas-CCIs lokali tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tislet l-aħjar prassi minn dawn l-istrateġiji;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018 bħala opportunità importanti biex tissaħħaħ l-eċċellenza Ewropea fis-CCIs u tiġi enfasizzata l-ħtieġa ta' programmazzjoni u finanzjament xierqa;

20.  Jitlob lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jisfrutta l-potenzjal tad-diplomazija kulturali permezz tal-promozzjoni u t-titjib tas-saħħa kompetittiva tas-CCS Ewropew;

Diġitalizzazzjoni tal-industriji kulturali u kreattivi

21.  Jenfasizza li l-industriji kulturali u kreattivi (CCIs), li l-maġġoranza tagħhom huma magħmula minn SMEs, joperaw f'ambjent f'evoluzzjoni kontinwa, u għaldaqstant għandhom l-isfida li joħolqu u jsawru mill-ġdid mudelli kummerċjali ġodda sabiex jiġu jiżviluppaw soluzzjonijiet immexxija mis-suq u jattiraw udjenzi ġodda; jenfasizza l-opportunitajiet li ICTs ġodda bħall-big data, il-cloud computing u l-internet tal-oġġetti joffru lill-ekonomija u lis-soċjetà, b'mod speċjali jekk ikunu integrati ma' setturi bħas-CCIs, u b'mod partikolari fir-rigward tat-tqassim, l-isfruttament u l-produzzjoni ta' xogħlijiet kreattivi; jenfasizza, madankollu, li sabiex is-CCIs jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal għat-tkabbir u l-impjiegi ta' teknoloġiji ġodda, it-tlestija tas-Suq Uniku Diġitali trid tkun prijorità; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li tittejjeb iċ-ċertezza tad-dritt u li jitnaqqas il-piż amministrattiv; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jappoġġjaw id-diġitalizzazzjoni tal-kontenut kulturali; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-pjan ta' "Diġitalizzazzjoni tal-Industrija" u l-qafas ta' infurzar tal-Kummissjoni għandhom iqisu bis-sħiħ il-karatteristiċi speċifiċi tas-CCIs;

22.  Iqis li l-pjattaformi diġitali huma mezz biex jingħata aċċess usa' għal xogħlijiet kulturali u kreattivi u joffru opportunitajiet kbar biex is-CCS jiżviluppa mudelli kummerċjali ġodda; jenfasizza l-fatt li jenħtieġ li tingħata kunsiderazzjoni lil kif dan il-proċess jista' jiffunzjona b'aktar ċertezza tad-dritt u rispett għad-detenturi tad-drittijiet; jissottolinja l-importanza tat-trasparenza u li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi; iqis, f'dan ir-rigward, li l-protezzjoni tad-detenturi tad-drittijiet fil-qafas tad-drittijiet tal-awtur u tal-proprjetà intellettwali hija meħtieġa sabiex tiżgura r-rikonoxximent tal-valuri u l-istimolu tal-innovazzjoni, il-kreattività, l-investiment u l-produzzjoni tal-kontenut;

23.  Jenfasizza li d-diġitalizzazzjoni u l-konverġenza tal-media joħolqu opportunitajiet ġodda għall-aċċess, id-distribuzzjoni u l-promozzjoni ta' xogħlijiet Ewropej u jenfasizza l-importanza li jiġu ggarantiti fondi għad-diġitalizzazzjoni, il-preservazzjoni u d-disponibbiltà online tal-wirt kulturali Ewropew;

Kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur kulturali u kreattiv

24.  Jirrimarka li l-impjieg atipiku (kuntratti part-time u b'terminu fiss, xogħol temporanju u impjieg awtonomu ekonomikament dipendenti) ta' ħaddiema kulturali u kreattivi, speċifikament fis-settur tal-media u l-kultura, huwa komuni;

jissottolinja l-ħtieġa li jitneħħew l-ostakli għall-mobilità tal-artisti u l-professjonisti fil-qasam tal-kultura u jappoġġja t-talba tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew lill-Kummissjoni biex tipprovdi soluzzjoni xierqa biex titjieb il-mobilità fl-UE għall-ħaddiema tas-CCIs u jitħaffu l-proċeduri tal-għoti ta' viżi għal skambji ma' pajjiżi terzi;

25.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw jew jimplimentaw qafas ġuridiku u istituzzjonali għall-attività artistika kreattiva permezz tal-adozzjoni jew l-applikazzjoni ta' għadd ta' miżuri koerenti u komprensivi fir-rigward tal-kuntratti, il-mezzi ta' rappreżentanza kollettiva, is-sigurtà soċjali, l-assigurazzjoni kontra l-mard, it-taxxa diretta u indiretta u l-konformità mar-regoli Ewropej, sabiex titjieb il-mobilità tal-artisti fl-UE kollha;

26.  Jinnota l-proporzjon għoli ta' nisa fl-industriji kreattivi u b'mod partikolari s-sitwazzjoni tal-ommijiet li jaħdmu għal rashom jew li jirritornaw għax-xogħol ("mompreneurs");

27.  Jirrimarka d-differenza eżistenti bejn il-pagi medji tal-irġiel u n-nisa fl-UE (16,1 % fl-2014) u d-distakk fil-pensjonijiet (40,2 %), u jenfasizza li n-nisa jiffaċċjaw l-istess ostakli fl-industriji kulturali u kreattivi bħal f'setturi ekonomiċi oħra, b'mod partikolari fir-rigward tad-distakk fil-pagi u l-pensjonijiet tal-irġiel u tan-nisa, l-aċċess għall-finanzi, l-istereotipi, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja;

Edukazzjoni, ħiliet u taħriġ

28.  Jenfasizza li l-impuls kreattiv jinsab f'kull bniedem u jeħtieġ li l-ħiliet kreattivi jiġu żviluppati minn età bikrija sabiex jiġu stabbiliti l-pedamenti għat-tiġdid kontinwu ta' talenti kreattivi; jinnota, madankollu, li dawn il-ħiliet jistgħu jitħeġġu fl-istadji kollha tal-ħajja, b'mod partikolari permezz ta' programmi aċċessibbli ta' tagħlim tul il-ħajja; iħeġġeġ lill-Istati Membri jrawmu għarfien akbar tas-CCIs fil-programmi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, jiżviluppaw it-tagħlim tal-litteriżmu medjatiku u l-ħiliet diġitali u jtejbu s-sistemi ta' taħriġ, tagħlim u kwalifiki tagħhom, filwaqt li l-istudenti ta' kull età jkunu jistgħu jiksbu taħriġ komprensiv fid-dixxiplini tal-arti kreattivi;

29.  Jiġbed l-attenzjoni għan-nuqqas ta' ħiliet trasversali, b'mod partikolari dawk intraprenditorjali, fost il-gradwati fid-dixxiplini kulturali u artistiċi, kif ukoll għan-nuqqas ta' għarfien tagħhom tal-liġijiet dwar id-drittijiet tal-awtur u tal-mezzi ta' protezzjoni ta' tali drittijiet; iqis li huwa importanti, għalhekk, li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet edukattivi jiġu mħeġġa biex jindirizzaw din id-diskrepanza billi jaġġustaw il-programmi tat-tagħlim, sabiex jipprovdu taħriġ professjonali kontinwu u tiġi integrata aħjar l-edukazzjoni kreattiva u intraprenditorjali u b'hekk jissaħħu l-ħiliet kummerċjali, finanzjarji, ta' kummerċjalizzazzjoni u ta' ġestjoni tal-imprendituri kreattivi;

30.  Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-appoġġ għall-għalliema biex ikunu jistgħu jiżviluppaw il-kapaċitajiet kreattivi u innovattivi taż-żgħażagħ, billi jimmodernizzaw il-proċessi tat-tagħlim u billi jinkludu l-litteriżmu medjatiku, tal-arti, il-mużika, it-teatru u ċ-ċinema fil-programmi ta' edukazzjoni u taħriġ; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw l-għarfien tal-wirt kulturali, il-prattiki u l-espressjonijiet artistiċi, kif ukoll il-ħiliet personali orjentati lejn il-kreattività u l-innovazzjoni; jistieden ukoll lill-Istati Membri jappoġġjaw il-kooperazzjoni bejn l-iskejjel, bil-ħsieb li jiskambjaw il-metodi u l-prattiki l-aktar effettivi fir-rigward tal-istimolar tal-kreattività u l-innovazzjoni, biex b'hekk jgħinu lin-nies japprezzaw il-prodotti u s-servizzi tal-industriji kreattivi;

31.  Ifakkar li s-sħubijiet mal-edukazzjoni jistgħu jikkontribwixxu wkoll għal ambjent ta' tagħlim stimolanti u għall-integrazzjoni tal-komunitajiet żvantaġġati u emarġinati, u joffru opportunitajiet għall-persuni li jgħixu fi kwartieri li huma l-aktar fil-bżonn;

32.  Jenfasizza l-potenzjal tas-CCIs rigward l-impjieg taż-żgħażagħ u r-reindustrijalizzazzjoni u b'mod partikolari l-opportunitajiet li qed jiżdiedu fis-settur kulturali u kreattiv maħluqa mill-ambjent diġitali għaż-żgħażagħ; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkludu s-CCIs fl-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ u jipprovdu fondi biex jiffaċilitaw il-karrieri, l-intraprenditorija u t-taħriġ f'dan is-settur billi joħolqu skemi ta' apprendistat, u jiffaċilitaw il-mobilità u l-iskambju permezz ta' programmi ta' mentorship u traineeship; jitlob li jsir użu aktar effettiv mir-riżorsi previsti fl-iskema Garanzija għaż-Żgħażagħ;

33.   Ifakkar li waħda mill-isfidi ewlenin li jħabbat wiċċu magħhom is-settur tal-wirt kulturali hija l-estinzjoni gradwali tal-ħiliet u s-snajja' tradizzjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw il-ħarsien tad-diversità tal-wirt, dik kulturali u dik lingwistika, il-ħiliet tradizzjonali u s-savoir faire Ewropew nazzjonali, reġjonali u lokali u biex jissalvagwardjaw u jippromwovu s-snajja' marbuta mas-CCS, jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw it-trażmissjoni tal-għarfien u jqiegħdu enfasi akbar fuq it-taħriġ vokazzjonali u forza tax-xogħol b'ħiliet għolja sabiex jattiraw it-talent, inkluża l-eċċellenza tal-ħiliet fis-snajja' fis-settur tal-kostruzzjoni u fix-xogħol ta' konservazzjoni u restawr; jissottolinja, għal dan l-għan, li jridu jitrawmu rabtiet strateġiċi b'saħħithom bejn il-politika kulturali u r-riżorsi soċjali u produttivi;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni tqajjem sensibilizzazzjoni dwar l-opportunitajiet ta' karriera f'impjiegi ta' artiġjanat u manifattura marbuta mas-CCS permezz ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni u politiki li jippromwovu t-trażmissjoni tal-għarfien sabiex jitħarsu l-ħiliet fis-snajja' u l-ħiliet esperti f'dawn is-setturi;

35.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu segwitu lill-inizjattivi ta' Erasmus+ sabiex jippromwovu approċċi transsettorjali bejn oqsma differenti fl-edukazzjoni formali, mhux formali u informali, fit-taħriġ u fit-tagħlim tul il-ħajja; iħeġġeġ lill-istabbilimenti tal-edukazzjoni għolja u l-edukazzjoni professjonali biex jikkombinaw il-programmi biex jinkludu l-arti u l-kultura, ix-xjenza, l-inġinerija, it-teknoloġija, in-negozju u oqsma rilevanti oħra; jitlob, b'mod partikolari, li jittieħdu passi biex jitnaqqas id-distakk bejn is-suġġetti STEM u ICT u l-arti u d-disinn sabiex jiġi appoġġjat l-iżvilupp ta' karrieri tekniċi fl-industriji kreattivi u karrieri kreattivi fis-settur STEM, li huma vitali għat-tkabbir tas-CCS Ewropew; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu appoġġjati ċ-ċentri ta' eċċellenza u li jiġu promossi l-iskambji fost il-professjonijiet fis-settur, anke f'pajjiżi terzi, u li jiġi attirat u żviluppat it-talent kreattiv;

36.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu l-kooperazzjoni bejn l-iskejjel artistiċi, il-fornituri tal-ETV, l-universitajiet u n-negozji fis-CCS, anke permezz ta' residenzi tal-artisti f'ambjenti kummerċjali u l-istabbilimenti edukattivi, sabiex jiġi żgurat tlaqqigħ aħjar bejn il-provvista tal-ħiliet u d-domandi tas-suq tax-xogħol u tingħata spinta lill-potenzjal kompetittiv tas-settur; jirrakkomanda l-iżvilupp ta' trajettorji ta' xogħol u tagħlim bħal skemi ta' edukazzjoni doppja;

37.  Jirrakkomanda t-tfassil u l-adozzjoni ta' politiki bl-għan li jżidu l-livell ta' parteċipazzjoni kulturali fost iċ-ċittadini tal-UE, li f'ħafna Stati Membri għadu baxx b'mod kritiku; jenfasizza li dan iwassal għal benefiċċji kemm f'termini ta' trawwim ta' aktar talenti kreattivi kif ukoll ta' żgurar ta' bażi ta' domanda akbar u aktar b'saħħitha għal prodotti kulturali u kreattivi tal-UE;

38.  Jitlob li jinħoloq "Premju Ewropew għal industriji kulturali u kreattivi" mfassal fuq il-"Premju Franko-Ġermaniż għal Industriji Kulturali u Kreattivi";

39.  Jenfasizza l-potenzjal enormi tal-innovaturi u l-imprendituri nisa u r-rwol importanti li dawn jista' jkollhom fl-industriji kulturali u kreattivi; iħeġġeġ lill-Istati Membri joffru appoġġ finanzjarju u taħriġ adegwati u jenfasizza l-importanza tan-netwerking u tal-iskambju tal-aħjar prattiki;

40.  Jitlob li tiġi studjata l-possibbiltà ta' programmi ta' mobilità għal "innovaturi żgħażagħ" sabiex jippromwovu l-iskambji u l-innovazzjoni fil-qasam tal-kultura u l-kreazzjoni;

41.  Jinnota l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Aġenda ġdida għall-ħiliet għall-Ewropa: Naħdmu flimkien biex insaħħu l-kapital uman, l-impjegabbiltà u l-kompetittività", u jikkondividi l-fehma li "f'ekonomija globali li qed tinbidel b'rata mgħaġġla, ħafna drabi l-ħiliet se jiddeterminaw il-kompetittività u l-kapaċità biex jixprunaw l-innovazzjoni", li "huma fattur ta' attrazzjoni għall-investiment u katalist fiċ-ċirku virtwuż ta' ħolqien ta' impjiegi u tkabbir" u li "huma essenzjali għall-koeżjoni soċjali"; iqis li huwa neċessarju li tingħata attenzjoni speċjali lill-ħiliet kreattivi fir-reviżjoni tal-Qafas ta' Kompetenzi Ewlenin u l-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki;

42.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu inizjattivi bħall-"bonus kulturali" varat mill-Gvern Taljan li joffri ammonta ta' EUR 500 għall-persuni kollha ta' 18-il sena residenti legalment fl-Italja, u li għandhom jintefqu biss fuq "attivitajiet ta' arrikkiment kulturali" bħal mużewijiet, galleriji, siti arkeoloġiċi u ta' wirt storiku, kotba u films;

Finanzjament

43.  Jirrimarka li l-industriji kulturali u kreattivi jibbenefikaw b'mod konsiderevoli mill-finanzjament pubbliku għall-kultura, li jikkontribwixxi wkoll b'mod sinifikanti għad-diversità kulturali fl-Unjoni Ewropea; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għalhekk, biex – fl-isferi ta' kompetenza rispettivi tagħhom – ikomplu jallokaw sehem adegwat tal-baġits tagħhom għall-finanzjament pubbliku tal-kultura;

44.  Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-politiki governattivi b'appoġġ għas-CCS u li jittejbu l-baġits tal-kultura; jirrimarka li l-finanzjament pubbliku sofra tnaqqis qawwi fil-baġit fl-Istati Membri, li huwa theddida serja għax-xogħol kulturali u kreattiv Ewropew;

45.  Jinnota s-suċċess ta' skemi ta' ħelsien mit-taxxa għas-settur kulturali u kreattiv eżistenti f'ċerti Stati Membri; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha, għaldaqstant, jintroduċu tali skemi, filwaqt li jikkundannaw arranġamenti speċjali tat-taxxa – magħrufa bħala "deċiżjonijiet tat-taxxa" – li ppermettew lil xi kumpaniji jnaqqsu indebitament il-ħlas tat-taxxa għal-livell minimu;

46.  Jinnota li l-parteċipazzjoni fil-programmi kollha ffinanzjati mill-UE hija miftuħa għas-CCIs, iżda li din il-parteċipazzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala inferjuri għall-potenzjal tagħha; jitlob lill-Kummissjoni biex, bħala l-ewwel pass, toħloq punt uniku ta' kuntatt – eż. sit web – fejn id-Direttorati Ġenerali differenti kkonċernati jistgħu jinteraġixxu mill-qrib sabiex jenfasizzaw opportunitajiet ta' finanzjament differenti għas-CCIs, ixerrdu l-informazzjoni permezz ta' netwerks kulturali u kreattivi pan-Ewropej u organizzazzjonijiet nazzjonali, jiġbru u jippromwovu l-aħjar prattiki, u jżidu l-għarfien fost l-investituri u l-istituzzjonijiet finanzjarji rigward l-ispeċifiċitajiet u l-isfidi differenti tas-CCIs billi dan iżid is-sensibilizzazzjoni u l-aċċessibbiltà għall-fondi għas-CCIs;

47.  Jistieden lill-Kummissjoni taħdem fuq l-integrazzjoni tal-appoġġ tal-UE għall-industriji kulturali u kreattivi, inkluż il-finanzjament, permezz tal-adozzjoni ta' strateġija globali u trasversali tal-UE; jenfasizza, madankollu, l-importanza li wieħed ikun konxju tan-natura varjata tas-CCIs u, għaldaqstant, tal-ħtiġijiet settorjali speċifiċi tagħhom f'termini ta' finanzjament u ambjenti ta' innovazzjoni, u għalhekk ta' pjanijiet ta' implimentazzjoni speċifiċi, bħal skema ta' qafas konġunt bejn Orizzont 2020 u Ewropa Kreattiva; jirrikonoxxi l-effett multiplikatur li l-finanzjament tal-UE għandu għas-CCIs, partikolarment f'reġjuni speċifiċi;

48.  Jirrikonoxxi r-rwol importanti li għandhom l-intrapriżi soċjali u kooperattivi mingħajr skop ta' qligħ fis-CCIs u, għalhekk, jitlob li tiġi evitata kwalunkwe distinzjoni fil-finanzjament strutturali u soċjali tal-UE li tista' tillimita l-eliġibbiltà ta' dawn l-istrutturi;

49.  Jinnota li r-rieżami ta' nofs it-terminu tal-QFP u r-rapporti ta' implimentazzjoni tal-programmi tal-UE jenħtieġ li jitqiesu bħala żewġ elementi interkonnessi tal-istess proċess; jinnota li, b'mod partikolari fil-każ ta' Ewropa Kreattiva, Orizzont 2020 u l-Fondi Strutturali (FEŻR u FSE), jenħtieġ li r-rwol u l-impatt tas-CCIs fuq it-tkabbir, l-impjieg u l-koeżjoni territorjali jiġu evalwati b'mod speċifiku u jibqgħu jiġu promossi; jenfasizza li jenħtieġ li dan il-proċess jipprovdi bażi solida u koerenti għar-reviżjoni tal-QFP u l-arkitettura futura tal-programm tal-UE wara l-2020;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkonforma mal-Artikolu 167(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u tistabbilixxi s-CCIs, bħala parti mis-CCS, bħala prijorità orizzontali fl-iskemi u l-programmi ta' finanzjament tal-UE, partikolarment f'Orizzont 2020, l-EaSI u l-FSIE;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni tisfrutta b'mod sħiħ is-sinerġiji potenzjali li jeżistu bejn il-politiki tal-UE, sabiex jintuża b'mod effettiv il-finanzjament disponibbli taħt il-programmi tal-UE – bħal Orizzont 2020, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, Erasmus+, EaSI, Ewropa Kreattiva u COSME – u l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE) biex tappoġġja aktar proġetti fil-qasam tas-CCIs;

52.  Jirrimarka li għad jista' jsir ħafna aktar sabiex ikun hemm interazzjoni aktar effettiva bejn il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE) u programmi Ewropej oħra matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, b'referenza speċifika għal Erasmus+ u Ewropa Kreattiva, fil-punti 4.6 u 6.4 tal-Anness 1 għar-"Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni", permezz tal-forniment ta' informazzjoni aħjar fil-livell tal-UE u permezz ta' implimentazzjoni ferm aktar deċiża fl-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom;

53.  Jistieden lill-Kummissjoni timmodifika u/jew tinterpreta l-parti tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 li tikkonċerna l-għajnuna mill-Istat għall-kultura u l-ħarsien tal-wirt kulturali, fid-dawl tal-premessa 72 tar-Regolament u tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Mejju 2016, sabiex ċerti miżuri fis-settur tal-wirt kulturali (b'mod partikolari r-restawr u l-ħarsien) u, f'xi każijiet, tal-attivitajiet kulturali appoġġjati mill-fondi tal-UE u minn fondi reġjonali addizzjonali, ma jaqgħux taħt il-kunċett ta' għajnuna mill-Istat;

54.  Jinnota li l-Faċilità ta' Garanzija fi ħdan Ewropa Kreattiva hija wieħed mill-modi kif tiġi indirizzata l-ħtieġa urġenti li jiġi aċċessat il-finanzjament tas-self għal proġetti innovattivi u sostenibbli fis-CCS; ifakkar fid-dewmien fil-varar tal-Faċilità ta' Garanzija; jenfasizza l-ħtieġa li jiżdied il-baġit ta' Ewropa Kreattiva u tal-Faċilità ta' Garanzija sabiex jiġu appoġġjati b'mod effettiv l-espressjonijiet kulturali u kreattivi Ewropej, jiġu diversifikati l-benefiċjarji tal-finanzjament, jiġi ggarantit l-aċċess ugwali u tittejjeb il-parteċipazzjoni tal-operaturi kulturali mill-Istati Membri kollha fil-Faċilità ta' Garanzija;

55.  Jinnota li jenħtieġ li l-FSIE jgħinu lill-SMEs jegħlbu n-nuqqasijiet ta' kapital u jimmiraw b'mod tipiku lejn proġetti bi profil tar-riskju ogħla minn proġetti appoġġjati minn operazzjonijiet normali tal-BEI(22); jinnota li, sa Settembru 2016, il-finanzjament kien ingħata biss għal ftit proġetti fis-CCS – li jikkonsisti l-iżjed f'SMEs b'livell ogħla ta' riskju – u fis-settur tal-edukazzjoni jew tat-taħriġ, u jenfasizza li jenħtieġ li jsir kull sforz biex tiżdied il-parteċipazzjoni tagħhom fil-FEIS;

56.  Jitlob lill-BEI jindirizza n-nuqqas ta' finanzjament tal-FSIE lis-CCIs billi jinvestiga interazzjoni possibbli mal-Ewropa Kreattiva u l-Faċilità ta' Garanzija sabiex jipprovdi self adattat għall-iskop għas-CCIs;

57.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-BEI jappoġġjaw tipi mħallta ta' finanzjament, b'mod partikolari fil-forma ta' sħubijiet pubbliċi-privati, sabiex jindirizzaw u jirrimedjaw in-nuqqas ta' disponibbiltà ta' finanzjament ta' ekwità għas-CCIs;

58.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu l-ambjent tal-investiment u jwessgħu l-firxa ta' strumenti ta' finanzjament disponibbli għall-mikrointrapriżi u l-SMEs fis-setturi kulturali u kreattivi bi skemi ta' finanzjament ġodda u innovattivi bħall-mikrokreditu, il-kontribuzzjonijiet li jitħallsu lura, il-finanzjament kollettiv, il-finanzjament tal-kapital ta' riskju, il-finanzjament inizjali (seed funding) u l-kapital ta' riskju; jinnota li mudelli differenti ta' finanzjament kollettiv u investiment kollettiv għas-CCIs jistgħu jsiru għodda solida għall-finanzjament ta' proġetti kulturali u kreattivi u, bħala tali, żieda milqugħa tajjeb għas-sorsi tradizzjonali ta' appoġġ finanzjarju għas-CCIs fl-intier tagħhom; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jimmonitorjaw u jippromwovu l-iżvilupp tas-suq tal-finanzjament kollettiv, jinvolvu lill-istituzzjonijiet pubbliċi, jagħmlu użu aħjar mill-possibbiltajiet ta' finanzjament kollettiv istituzzjonali, jikkoordinaw l-approċċi regolatorji differenti, jiżguraw ċarezza xierqa dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-UE, jiżviluppaw l-aħjar prassi u jtejbu l-qafas regolatorju billi jneħħu l-piżijiet u/jew ifasslu strument regolatorju ġdid, jekk ikun meħtieġ; jirrimarka, madankollu, li dan ma jistax jieħu post il-finanzjament pubbliku u privat sostenibbli għas-CCIs;

59.  Iqis li jeħtieġ li jitjieb ir-rwol li għandhom il-banek ta' investiment pubbliku fis-CCS billi jagħtu lill-SMEs aċċess aħjar għall-kreditu u jgħinu lill-intrapriżi jespandu l-attivitajiet tas-suq u tal-esportazzjoni tagħhom;

60.  Jikkunsidra li sabiex jittejjeb l-aċċess għall-finanzi fis-CCIs jeħtieġ li tiġi żviluppata l-kompetenza fl-identifikazzjoni u l-valutazzjoni tal-valur tal-assi intanġibbli, li jistgħu jintużaw bħala kollateral; jenfasizza l-ħtieġa li jiżdied l-għarfien fost l-investituri u l-istituzzjonijiet finanzjarji rigward l-ispeċifiċitajiet u l-isfidi differenti tas-CCIs, meqjusa li jippreżentaw livell ogħla ta' riskju; jilqa', f'dan ir-rigward, l-inklużjoni mill-Kummissjoni ta' skema ta' taħriġ għall-intermedjarji finanzjarji fil-Faċilità ta' Garanzija ta' Ewropa Kreattiva, peress li dan jista' jtejjeb ukoll l-abbiltà tas-CCIs li javviċinaw u jikkonvinċu lil investituri esterni; jikkunsidra, madankollu, li jkun utli li jiġi sostnut is-suċċess ta' din l-iskema u, sakemm issir evalwazzjoni pożittiva, li tiġi estiża għal diversi oqsma tal-politika;

61.  Jitlob, għal dan il-għan, il-promozzjoni ta' "protokolli għal assi tal-proprjetà intellettwali" li jiffaċilitaw il-valutazzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IPRs) u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw il-mekkaniżmi neċessarji sabiex jiżdiedu l-prospetti bankarji tal-IPRs u r-rikonoxximent tal-valur sħiħ tagħhom bħala assi;

o
o   o

62.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 13, 15.1.2016, p. 83.
(2) ĠU L 169, 1.7.2015, p. 1.
(3) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 221.
(4) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104.
(5) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.
(6) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 289.
(7) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 259.
(8) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 33.
(9) Testi adottati, P8_TA(2016)0009.
(10) Testi adottati, P8_TA(2015)0293.
(11) ĠU C 93, 9.3.2016, p. 95.
(12) ĠU C 68 E, 7.3.2014, p. 40.
(13) ĠU C 377 E, 7.12.2012, p. 135.
(14) ĠU C 377 E, 7.12.2012, p. 142.
(15) ĠU C 247 E, 15.10.2009, p. 25.
(16) ĠU C 125 E, 22.5.2008, p. 223.
(17) OECD/EUIPO (2016), Trade in Counterfeit and Pirated Goods: Mapping the Economic Impact, OECD Publishing, Pariġi.
(18) Li fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ssir referenza għalihom bħala: l-arkitettura, l-arkivji u l-libreriji, l-artiġjanat artistiku, il-mezzi awdjoviżivi (inklużi l-films, it-televiżjoni, il-logħob tal-kompjuter u l-multimedja), il-wirt kulturali, id-disinn (inkluż id-disinn tal-moda), il-festivals, il-mużika, l-arti viżivi u l-irreċtar, il-pubblikazzjoni u r-radju.
(19) Industry-Level Analysis Report, (2013), Intellectual property rights intensive industries: contribution to economic performance and employment in the European Union, p. 8 https://euipo.europa.eu/ohimportal/documents/11370/80606/IP+Contribution+study
(20) Studju tal-Kummissjoni Ewropea EASME/COSME/2015/003.
(21) Referenza tal-istudju li għandha tiddaħħal ladarba jiġi ppubblikat. Jekk jogħġbok innota li ċ-ċifri kollha msemmija f'dan ir-rapport huma bbażati fuq dan l-istudju.
(22) Ir-Regolament (UE) 2015/1017.

Avviż legali - Politika tal-privatezza