Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2036(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0360/2016

Testi mressqa :

A8-0360/2016

Dibattiti :

PV 13/12/2016 - 14
CRE 13/12/2016 - 14

Votazzjonijiet :

PV 14/12/2016 - 9.16
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0503

Testi adottati
PDF 443kWORD 70k
L-Erbgħa, 14 ta' Diċembru 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
Implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (Artikolu 36 TUE)
P8_TA(2016)0503A8-0360/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (2016/2036(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 21 u 36 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar l-obbligu ta' rendikont fil-qasam politiku,

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma Konġunt tal-Persunal tal-21 ta’ Settembru 2015 bit-titolu "Gender equality and women's empowerment: transforming the lives of girls and women through EU external relations 2016-2020'' (SWD(2015)0182),

–  wara li kkunsidra d-diskors tal-President Juncker dwar l-Istat tal-Unjoni tal-14 ta' Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea ppreżentata mill-VP/RGħ, Federica Mogherini fit-28 ta' Ġunju 2016, u l-proposti tagħha waqt il-laqgħa informali tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin li saret fi Bratislava fit-2 ta' Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tas-summit ta' Bratislava tas-16 ta' Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-eżitu tal-laqgħa informali tal-Ministri tad-Difiża tal-UE fi Bratislava fis-27 ta' Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar Operazzjonijiet ta' Appoġġ għall-Paċi – l-involviment tal-UE man-NU u l-Unjoni Afrikana(1),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta mill-Ministri tal-Affarijiet Barranin tat-Trijanglu ta' Weimar, Frank-Walter Steinmeier (il-Ġermanja), Jean-Marc Ayrault (Franza) u Witold Waszczykowski (il-Polonja), dwar il-futur tal-Ewropa f'Weimar, fit-28 ta' Awwissu 2016,

–  wara li kkunsidra l-inizjattiva Franko-Ġermaniża dwar id-difiża ta' Settembru 2016 bit-titolu "It-tiġdid tal-PSDK",

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits kif ukoll tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0360/2016),

A.  billi l-Unjoni Ewropea qed tħabbat wiċċha ma' sfidi interni u esterni bla preċedent, inklużi kunflitti interstatali, falliment statali, terroriżmu, theddid ibridu, nuqqas ta' sigurtà mil-lat ċibernetiku u tal-enerġija, kriminalità organizzata u tibdil fil-klima; billi l-UE tkun f'qagħda li tirrispondi b'mod effettiv għall-isfidi l-ġodda biss jekk l-istrutturi u l-Istati Membri tagħha jaħdmu flimkien fi sforz komuni u verament koordinat fil-kuntest tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) u Politika ta' Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK);

B.  billi l-UE hija mdawra b'ark ta' instabbiltà, hekk kif partijiet kbar mil-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq (MENA) huma maħkuma minn kunflitti etniċi u reliġjużi u gwerer bi prokura, filwaqt li gruppi terroristiċi bħalma huwa l-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku (IS)/Daesh u Jabhat Fateh al-Sham Front qed jinfiltraw ir-reġjun kollu; billi l-grupp Al-Qaeda qed jieħu vantaġġ min-nuqqas ta' sigurtà fir-reġjun tal-MENA biex jissaħħaħ aktar, u l-impenn tiegħu għal ġiħad globali għadu intatt;

C.  billi dawn il-kunflitti għandhom konsegwenzi diretti u serji għas-sigurtà u l-benessri taċ-ċittadini tal-UE, hekk kif dawn qed jinfirxu dejjem aktar fl-UE, kemm jekk fil-forma ta' terroriżmu, fluss enormi ta' rifuġjati, jew kampanji ta' diżinformazzjoni mmirati biex jifirdu s-soċjetajiet tagħna;

D.  billi l-Ewropa qed tiffaċċja t-theddida tat-terroriżmu fit-territorju tagħha; billi l-attakki terroristiċi reċenti fi bliet Ewropej imwettqa minn ġiħadisti radikali marbuta mal-IS/Daesh huma parti mill-istrateġija komprensiva ta' dak il-grupp, u jikkomplementaw gwerra fuq l-art fis-Sirja, l-Iraq u l-Libja, gwerra ekonomika mmirata lejn l-industrija tat-turiżmu fl-Afrika ta' Fuq, kif ukoll propaganda online u attakki ċibernetiċi; billi eluf ta' ċittadini tal-UE li ngħaqdu ma' gruppi terroristiċi bħal dawn huma theddida dejjem tikber għas-sigurtà interna tagħna, kif ukoll f'partijiet oħra tad-dinja;

E.  billi Russja aggressiva qed tkompli tikser is-sovranità u l-indipendenza tal-ġirien tagħha u tisfida b'mod miftuħ l-ordni tas-sigurtà u l-paċi Ewropea u globali; billi r-Russja llum il-ġurnata hija awtokratika u aggressiva mal-ġirien tagħha aktar minn qatt qabel mindu waqgħet l-Unjoni Sovjetika fl-1991; billi l-propaganda uffiċjali Russa tpinġi lill-Punent bħala għadu u tipprova b'mod attiv tippreġudika l-għaqda fl-Unjoni Ewropea u l-koerenza fl-alleanza transatlantika, kemm jekk fil-forma ta' kampanji ta' diżinformazzjoni jew permezz tal-għoti ta' appoġġ finanzjarju lil gruppi ewroxettiċi u faxxisti fl-Unjoni u l-pajjiżi kandidati;

Inkomplu l-istorja ta' suċċess tal-UE: trasformazzjoni permezz tal-azzjoni

1.  Ifakkar li l-Unjoni Ewropea hija waħda mill-akbar suċċessi fl-istorja Ewropea u li l-qawwa ta' trasformazzjoni li għandha l-UE ġabet il-paċi, l-istabbiltà u l-prosperità għaċ-ċittadini tagħha u għall-pajjiżi ġirien tagħha, li ħafna minnhom saru Stati Membri tal-UE; jenfasizza li l-UE għadha l-akbar qawwa ekonomika, l-aktar donatur ġeneruż fejn tidħol għajnuna umanitarja u għall-iżvilupp, kif ukoll hija minn ta' quddiem fid-diplomazija multilaterali globali għal dak li jirrigwarda kwistjonijiet bħalma huma t-tibdil fil-klima, il-ġustizzja internazzjonali, in-nonproliferazzjoni ta' armi ta' qerda massiva u d-drittijiet tal-bniedem; jappella li tiġi intensifikata l-viżibbiltà tal-azzjoni tal-UE f'dawn l-oqsma;

2.  Iqis li l-kriżi interna u esterna attwali tirrappreżenta wkoll opportunità għall-UE, jekk din tintuża biex l-UE tibda taħdem u tikkoopera aħjar; iqis li l-isfidi attwali jeħtieġu riforma li ttejjeb lill-UE u tagħmilha aktar demokratika u kapaċi twettaq dak li ċ-ċittadini jistennew minnha; ifakkar li ċ-ċittadini Ewropej iħarsu lejn politika estera u ta' sigurtà komuni effikaċi bħala qasam prijoritarju ta' azzjoni għall-UE u wieħed mill-oqsma li fih il-kooperazzjoni Ewropea tista' l-aktar li trendi valur miżjud; jenfasizza, għalhekk, li l-Istati Membri jeħtiġilhom ibiddlu l-mentalità tagħhom, peress li llum il-ġurnata li wieħed iħares lejn il-politika estera u s-sigurtà minn perspettiva nazzjonali dejqa huwa kunċett skadut; jinsab konvint li l-ebda Stat Membru waħdu ma huwa kapaċi jindirizza l-isfidi li qed inħabbtu wiċċna magħhom illum; jinsab konvint bis-sħiħ li l-vulnerabbiltà tal-UE hija riżultat dirett ta' integrazzjoni mhux kompluta u nuqqas ta' koordinament; jenfasizza l-fatt li l-globalizzazzjoni u l-multipolarità jeħtieġu proċessi ta' integrazzjoni, bħalma huwa dak tal-UE; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex finalment juru livelli suffiċjenti ta' għaqda, rieda politika u fiduċja f'xulxin sabiex jagħmluha possibbli li jużaw l-għodod disponibbli b'mod ikkoordinat ħalli b'hekk jaħdmu għall-interessi u l-valuri tagħna; itenni li l-UE tista' biss tkun attur globali b'saħħtu fuq l-istess livell ma' potenzi ewlenin oħrajn jekk l-Istati Membri kollha jitkellmu b'leħen wieħed u jaġixxu flimkien fil-qafas ta' politika estera u tas-sigurtà b'saħħitha tal-UE;

3.  Jilqa' l-Pjan Direzzjonali u l-impenji tas-summit ta' Bratislava, u jistenna li l-Istati Membri jieħdu impenn speċifiku għall-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali;

4.  Ifakkar fil-bżonn li l-politiki esterni tal-UE jkunu konsistenti bejniethom kif ukoll ma' politiki oħrajn li għandhom dimensjoni esterna, u li jsegwu l-objettivi definiti fl-Artikolu 21 tar-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea; josserva li, peress li l-bini ta' reżiljenza għandu jkun wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-PESK, dan jeħtieġ approċċ komprensiv li fih setturi differenti jisfidaw approċċi tradizzjonali għall-politika estera u ta' sigurtà bl-użu ta' firxa wiesgħa ta' strumenti diplomatiċi, ta' sigurtà, difiża, ekonomiċi, kummerċjali, tal-iżvilupp u umanitarji, kif ukoll indipendenza dejjem akbar fis-sigurtà tal-enerġija; huwa tal-fehma li l-PESK għandha tkun aktar assertiva, effettiva u bbażata fuq il-valuri; jenfasizza li l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp hija strument uniku biex jinkiseb approċċ komprensiv operazzjonali tal-UE skont l-Aġenda 2030 għall-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli;

5.  Jilqa' l-adozzjoni tal-istrateġija kummerċjali l-ġdida tal-Kummissjoni ''Kummerċ għal kulħadd'', li għandha l-għan li ssaħħaħ id-drittijiet tal-bniedem fil-politika kummerċjali u tuża l-pożizzjoni tal-UE bħala blokk kummerċjali għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi; jenfasizza li dan se jeħtieġ konverġenza u komplementarjetà sħiħa tal-inizjattivi tal-politika kummerċjali u estera, inkluża kooperazzjoni mill-qrib bejn id-Direttorati Ġenerali, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-awtoritajiet tal-Istati Membri; jenfasizza l-importanza tal-Grupp tal-Kummissarji dwar l-Azzjoni Esterna mmexxi mill-VP/RGħ biex tingħata spinta lill-implimentazzjoni tal-approċċ komprensiv; jitlob lill-VP/RGħ tirrapporta regolarment dwar il-ħidma ta' dan il-grupp lill-Parlament Ewropew; jistieden lid-Delegazzjonijiet tal-UE jimplimentaw programmazzjoni konġunta fl-oqsma ta' politika kollha tal-azzjoni esterna sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni, isir iffrankar, tissaħħaħ l-effiċjenza u jiġu identifikati lakuni possibbli;

6.  Jirrikonoxxi li t-tibdil fil-klima jista' jkollu effett serju fuq l-istabbiltà reġjonali u globali, billi t-tisħin globali jaffettwa t-tilwim marbut mat-territorju, l-ikel, l-ilma u riżorsi oħra, idgħajjef l-ekonomiji, jhedded is-sigurtà reġjonali, u huwa sors ta' flussi migratorji; iħeġġeġ ulterjorment lill-UE u lill-Istati Membri jqisu kif l-ippjanar militari nazzjonali u tal-UE jista' jinkludi strateġiji ta' adattament għat-tibdil fil-klima u x'jista' jitqies bħala kapaċità, prijorità u reazzjoni adegwati;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-kapaċità tagħhom biex jegħlbu l-kampanji ta' diżinformazzjoni u ta' propaganda li qed jilħqu l-persuni fl-UE u l-pajjiżi ġirien tagħha; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jirrikonoxxu li l-gwerra ta' informazzjoni li għaddejja mhijiex biss kwistjoni esterna tal-UE iżda anke waħda interna; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' kapaċità tal-UE li tikkomunika u tippreżenta b'mod xieraq lill-pubbliku Ewropew l-azzjonijiet, il-merti u l-kisbiet tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni; iħeġġeġ lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimlew dan il-vojt billi jagħmlu l-azzjoni esterna tal-UE aktar responsabbli u viżibbli;

8.  Jirrikonoxxi li l-gwerra tal-informazzjoni u dik ċibernetika tirrappreżenta tentattiv apposta fil-livell statali u mhux statali biex jiddestabbilizza u jiskredita l-istrutturi politiċi, ekonomiċi u soċjali; jenfasizza f'dan ir-rigward il-ħtieġa urġenti li fil-politiki interni u esterni tal-UE kif ukoll fir-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi jiġu inklużi ċ-ċibersigurtà u ċ-ċiberdifiża ; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu sistema awtomatizzata għall-iskambju tal-informazzjoni dwar it-theddid u l-attakki ċibernetiċi u ibridi; jistieden lill-UE tiddefendi fil-fora internazzjonali l-idea li infrastruttura ewlenija miftuħa u globali tal-internet hija żona newtrali; jinsab konvint ukoll li l-UE għandha taħdem mas-sħab tagħha u żżid l-assistenza tagħha għall-bini tal-kapaċità fl-oqsma taċ-ċibersigurtà u l-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità u ċ-ċiberterroriżmu;

9.  Ifakkar fl-impenn tal-UE biex tiżviluppa Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni ggwidata mill-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u l-konformità mal-Karta tan-NU u tad-dritt internazzjonali; ifakkar fil-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, li jenfasizza l-importanza li l-UE tinkludi l-politiki tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-ġeneri fil-missjonijiet u l-operazzjonijiet ta' immaniġġar tal-kriżijiet; ifakkar fl-importanza tal-hekk imsejħa 'klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem', inkluża f'kull ftehim qafas iffirmat ma' pajjiżi terzi sa mill-bidu tas-snin disgħin;

10.  Ifakkar li l-politika ta' tkabbir hija waħda mill-aktar politiki tal-UE li kellha suċċess u kkontribwixxiet biex tiġi żgurata l-istabbiltà, id-demokrazija u l-prosperità fil-kontinent Ewropew; itenni għalhekk l-appoġġ qawwi tiegħu għall-proċess tat-tkabbir, bil-kundizzjoni li l-kriterji ta' Copenhagen, inkluża l-kapaċità ta' integrazzjoni, jiġu sodisfatti; jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi kandidati u dawk potenzjali dwar kwistjonijiet bħalma huma l-migrazzjoni, is-sigurtà, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin; jistieden lill-pajjiżi kandidati biex jagħmlu l-isforzi kollha biex jallinjaw mal-PESK/PSDK tal-UE;

11.  Jissottolinja l-impenn tal-UE għal ordni internazzjonali bbażata fuq ir-regoli u multilateraliżmu effettiv immexxi min-NU; jirrikonoxxi s-sħubija strateġika fiż-żamma tal-paċi u l-ġestjoni tal-kriżijiet bejn l-UE u n-NU mill-2003 'l hawn; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġaw l-operazzjonijiet taż-żamma tal-paċi tan-NU u jikkooperaw man-NU biex jissaħħu l-kapaċitajiet taż-żamma tal-paċi tal-organizzazzjonijiet reġjonali, b'mod partikulari l-Unjoni Afrikana, u b'kunsiderazzjoni tal-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jżidu b'mod sinifikanti l-kontributi militari u tal-pulizija tagħhom għall-missjonijiet taż-żamma tal-paċi tan-NU; Jilqa' l-impenn tal-Istrateġija Globali tal-UE lejn in-NATO u jqisha bħala l-pedament tas-sigurtà kollettiva tal-Ewropa, u lejn it-tisħiħ tan-Nazzjonijiet Uniti bħala l-qafas tal-ordni internazzjonali;

12.  Jenfasizza kif il-kriżijiet reċenti urew il-limiti tan-Nazzjonijiet Uniti; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jagħmlu kull ma jistgħu biex jippruvaw jirriformaw il-Kunsill tas-Sigurtà, b'mod partikolari bil-ħsieb li titneħħa veto fir-rigward tal-atroċitajiet tal-massa;

13.  Jisħaq fuq il-fatt li implimentazzjoni effikaċi tal-Istrateġija Globali tal-UE ppreżentata mill-VP/RGħ f'Ġunju 2016 mhijiex possibbli mingħajr impenn, sjieda, rieda politika u sens ta' tmexxija qawwija min-naħa tal-Istati Membri; jenfasizza li l-Istati Membri hemm bżonn li jallokaw riżorsi umani u finanzjarji adegwati għall-implimentazzjoni ta' din l-istrateġija, b'mod partikolari f'oqsma kruċjali tal-prevenzjoni tal-kunflitti, is-sigurtà u d-difiża; jenfasizza l-benefiċċji prattiċi u finanzjarji ta' aktar integrazzjoni tal-kapaċitajiet ta' difiża Ewropej;

14.  Jilqa' l-intenzjoni li jitfassal pjan ta' implimentazzjoni għas-sigurtà u d-difiża; jissottolinja li dan il-pjan ta' implimentazzjoni għandu jiġi kkomplementat bi proċess ta' White Book, li jispeċifika l-livell ta' ambizzjoni, il-kompiti, ir-rekwiżiti u l-prijoritajiet fil-qasam tal-kapaċitajiet għad-difiża Ewropea; jistieden lill-VP/RGħ biex, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u mal-Kummissjoni, tibda taħdem fuq tali White Book bħala kwistjoni ta' prijorità sabiex fl-2017 jiġu ġġenerati l-ewwel riżultati;

15.  Jilqa' l-proposta għal riflessjoni ta' kull sena dwar is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tal-istrateġija; jemmen li din ir-riflessjoni għandha sseħħ fil-qafas ta' dibattitu annwali fil-Parlament u abbażi ta' rapport ta' implimentazzjoni mfassal mill-VP/RGħ;

16.  Huwa tal-opinjoni li l-Istrateġija Globali għandha tiġi riveduta regolarment u għandha tiġi pprovduta analiżi dwar l-implimentazzjoni tagħha, f'sinkronija maċ-ċiklu elettorali u l-bidu ta' kull Kummissjoni ġdida, sabiex jiġi vverifikat jekk l-objettivi u l-prijoritajiet tagħha għadhomx jikkorrispondu għall-isfidi u t-theddid;

17.  Jenfasizza li l-azzjoni esterna tal-UE hemm bżonn tkun imsejsa fuq dawn it-tliet pilastri: id-diplomazija, l-iżvilupp u d-difiża;

It-teħid tar-responsabbiltà għas-sigurtà tagħna: Nipprevjenu, niddefendu, nevitaw, nirreaġixxu

18.  Jenfasizza li l-UE jeħtiġilha ssaħħaħ il-kapaċitajiet ta' sigurtà u difiża tagħha, peress li din tista' tuża l-potenzjal sħiħ tagħha bħala potenza globali biss jekk tgħaqqad is-setgħa tal-persważjoni unika tagħha mas-setgħa ta' koerzjoni, bħala parti mill-approċċ komprensiv tal-UE; ifakkar li kapaċitajiet ċivili u militari aktar b'saħħithom huma elementi ewlenin biex l-UE tkun tista' tirreaġixxi bis-sħiħ għall-kriżijiet, tibni r-reżiljenza ta' sħabha u tipproteġi lill-Ewropa; jinnota li peress li l-politika tal-poter qiegħda għal darb'oħra tiddomina r-relazzjonijiet internazzjonali, il-kapaċitajiet ta' difiża u ta' deterrenza huma importanti għall-influwenza tagħna f'taħdidiet diplomatiċi; itenni f'dan ir-rigward li l-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni teħtieġ li tissaħħaħ u tiġi approfondita, billi l-uniku mod realistiku biex jissaħħu l-kapaċitajiet militari tagħna fi żmien ta' restrizzjonijiet baġitarji huwa li jiżdiedu s-sinerġiji billi tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża fuq il-bażi tal-ħtiġijiet tal-Istati Membri kollha u permezz tal-immirar tal-investimenti; jemmen li aktar kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża se twassal għal aktar effikaċja, għaqda u effiċjenza, u li l-UE u l-Istati Membri tagħha jistgħu jiksbu l-kapaċitajiet teknoloġiċi u industrijali biss permezz ta' tali kooperazzjoni aktar profonda;

19.  Jinsab konvint li, fid-dawl ta' baġit tal-UE li diġà huwa sottofinanzjat, hemm bżonn ta' sforzi addizzjonali għal operazzjonijiet, spejjeż amministrattivi, azzjonijiet preparatorji u proġetti pilota fil-qafas tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni, finanzjament addizzjonali mill-Istati Membri, kif ukoll sforzi biex jissaħħu s-sinerġiji; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħtfu l-opportunità tar-reviżjoni attwali/rieżami tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) sabiex jindirizzaw il-ħtiġijiet baġitarji tal-isfidi globali dejjem jikbru għas-sigurtà; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-infiq tad-difiża tagħhom sabiex jilħqu l-miri tal-kapaċità tan-NATO, li jirrikjedu livell minimu ta' nfiq għad-difiża ta' tnejn fil-mija tal-PDG; jenfasizza li koordinament aħjar u inqas duplikazzjoni bejn l-attivitajiet tal-UE u tal-Istati Membri għandhom jippermettu ffrankar u allokazzjoni mill-ġdid ta' fondi;

20.  Huwa tal-fehma li huwa ta' importanza kruċjali li l-istrumenti pprovduti mit-Trattat ta' Lisbona finalment jiġu implimentati, b'mod partikolari l-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO); huwa tal-fehma li approċċ flessibbli u inklużiv li jinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni miftuħa u proattiva mill-Istati Membri kollha huwa essenzjali fl-implimentazzjoni tal-PESCO; jilqa' d-dokument konġunt tal-Ministri għad-Difiża ta' Franza u l-Ġermanja dwar it-tiġdid tal-PSDK, u l-proposta Taljana għal difiża Ewropea aktar b'saħħitha, u jappoġġa bis-sħiħ l-għan tagħhom fir-rigward ta’ deċiżjoni pożittiva dwar l-istabbiliment tal-PESCO fil-Kunsill Affarijiet Barranin u Difiża ta' Novembru 2016; jistieden lill-VP/RGħ ikollha rwol ta' tmexxija f'din l-inizjattiva, kif ukoll fi proposti oħrajn reċenti għat-tisħiħ tal-PSDK, bil-ħsieb li twitti t-triq lejn aktar deċiżjonijiet ambizzjużi dwar il-PSDK meħuda fil-Kunsill Affarijiet Barranin u Difiża ta' Novembru 2016 u fil-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2016, inklużi dawn li ġejjin:

   il-ħolqien ta' kwartieri ġenerali permanenti ċivili u militari, b'Kapaċità Militari ta' Ppjanar u ta' Kondotta (MPCC) u Kapaċità Ċivili ta' Ppjanar u Kondotta (CPCC) daqstant ieħor importanti, li jsaħħu l-ippjanar strateġiku u operazzjonali tul iċ-ċiklu kollu tal-ippjanar, itejbu l-koperazzjoni ċivili-militari kif ukoll il-kapaċità tal-UE li tirreaġixxi malajr għall-kriżijiet;
   it-tisħiħ tal-għodod ta' reazzjoni rapida tal-UE, notevolment billi jitjieb l-użu tal-gruppi tattiċi, jitħaddem l-Artikolu 44 u billi jissaħħu u jsir użu akbar tal-Eurocorps għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK;
   l-estensjoni tal-finanzjament komuni tal-operazzjonijiet tal-PSDK, inkluż permezz ta' rieżami urġenti u sħiħ tal-mekkaniżmu Athena, bl-inklużjoni tad-dikjarazzjoni dwar il-gruppi tattiċi u li hija meħtieġa biex jiġi żgurat li l-missjonijiet tal-UE jkunu jistgħu jiġu ffinanzjati minn fondi kollettivi minflok minn Stati Membri parteċipanti individwali, u b'hekk jitneħħa ostakolu potenzjali għall-Istati Membri li jieħdu impenji;
   it-twaqqif ta' konfigurazzjoni tad-Difiża tal-Kunsill;

21.  Jinkoraġġixxi rieżami tal-approċċ tal-UE għal missjonijiet ċivili tal-PSDK min-natura ta' interventi, għall-għanijiet u l-persuni involuti, sabiex jiġi żgurat li dawn jiġu mfassla, implimentati u appoġġati b'mod adegwat; jilqa' l-progress li sar fir-rigward ta' missjonijiet u operazzjonijiet tal-PSDK, minkejja n-nuqqasijiet tagħhom; jappella għal aktar flessibbiltà fir-regoli finanzjarji tal-UE, biex jappoġġaw il-kapaċità tagħha biex tirreaġixxi għall-kriżijiet, u għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta' Lisbona eżistenti; jappoġġa l-ħolqien ta' fondi inizjali għal finanzjament urġenti tal-ewwel fażijiet ta' operazzjonijiet militari; jemmen li proċedura ġdida u aktar effettiva għat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar missjonijiet militari tal-UE għandhom itejbu l-aġilità u s-saħħa tal-UE biex tirreaġixxi għat-theddid u l-kriżijiet, filwaqt li jirrikonoxxi li d-deċiżjoni dwar jekk għandhomx jiġu pprovduti truppi għal tali missjonijiet għandha tittieħed fil-livell tal-Istati Membri;

22.  Jinsisti li kwalunkwe deċiżjoni lejn Unjoni Ewropea ta' Difiża, inkluż l-iżvilupp ta' aktar kooperazzjoni strutturata permanenti u l-ħolqien ta' strumenti ta' difiża komuni, għandha tittieħed fuq il-bażi ta' unanimità fost l-Istati Membri tal-UE;

23.  Jiddispjaċih li l-eżerċizzji impenjattivi komprensivi li rriżultaw mill-Kunsill Affarijiet Barranin ta' Novembru 2013 u l-Kunsilli Ewropej tal-2013 u l-2015 għadhom ma ġewx implimentati bis-sħiħ mill-Kummissjoni, is-SEAE, l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u l-Istati Membri; jistieden lill-VP/RGħ u lill-Kummissarju għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs jippreżentaw valutazzjoni tal-implimentazzjoni ta' deċiżjonijiet preċedenti lill-Parlament qabel ma jissuġġerixxu kompiti ġodda; jilqa' l-ħidma li għaddejja bħalissa dwar il-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għad-Difiża u l-isforzi tal-Kummissjoni biex timmassimizza l-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża, inkluż permezz ta' inċentivi f'oqsma bħal dawk tas-suq intern, l-akkwist pubbliku, ir-riċerka, it-trasport, l-ispazju, iċ-ċibernetika, l-enerġija u l-politiki industrijali; jinnota l-proposta tal-President Franċiż għal Fond Ewropew għas-Sigurtà u d-Difiża u jappoġġa l-iżvilupp ta' kunċetti ġodda u innovattivi ta' finanzjament u ta' investiment, inkluż permezz tal-Bank Ewropew għall-Investiment u sħubiji pubbliċi u privati;

24.  Jinnota li filwaqt li l-Istati Membri qed jiffaċċjaw diffikultajiet fit-tentattiv biex iżommu firxa wiesgħa ta' kapaċitajiet ta' difiża kompletament operazzjonali, hemm il-ħtieġa għal aktar koordinament u għażliet aktar ċari dwar liema kapaċitajiet għandhom jinżammu, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jispeċjalizzaw f'ċerti kapaċitajiet; jenfasizza l-benefiċċji prattiċi u finanzjarji ta' integrazzjoni ulterjuri tal-kapaċitajiet Ewropej ta' difiża, u jinnota l-inizjattivi varji li qed isiru f'dan ir-rigward li għandhom jitqiegħdu f'qafas usa' biex jiġi stabbilit pjan direzzjonali intelliġenti; jappoġġa l-proposti għal "Semestru Ewropew għad-Difiża", u jistieden lill-VP/RGħ tressaq proposti konkreti għal dan il-għan; jemmen li l-interoperabbiltà hija kruċjali biex il-forzi tal-Istati Membri jkunu aktar kompatibbli u integrati; iħeġġeġ lill-Istati Membri jfittxu aktar modi għax-xiri, il-manutenzjoni u ż-żamma konġunti ta' forzi u ta' materjal;

25.  Ifaħħar ir-rwol tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża fil-promozzjoni u l-koordinament tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet u jappella għat-tisħiħ tagħha, b'mod partikolari billi jiżdied il-baġit tagħha; jinsisti li l-ispejjeż tal-persunal u tat-tmexxija tal-Aġenzija għandhom jiġu ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni; jistieden lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri biex jeżaminaw mill-ġdid l-organizzazzjoni, il-proċeduri u l-attivitajiet tal-passat tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża;

26.  Ifakkar fil-ħtieġa li l-Ewropa jibqa' jkollha bażi industrijali u teknoloġika kompetittiva u innovattiva li tkun kapaċi tiżviluppa u tipproduċi l-kapaċitajiet meħtieġa; ifakkar li suq tad-difiża integrat u t-tisħiħ tal-industrija tad-difiża Ewropea huma assolutament meħtieġa għal ekonomiji ta' skala u effiċjenza mtejba;

27.  Jilqa' l-proposta tal-President Juncker biex jinħoloq Fond Ewropew tad-Difiża biex jissaħħu r-riċerka u l-innovazzjoni; jilqa' l-ħidma li għaddejja dwar l-istabbiliment ta' azzjoni preparatorja dwar ir-riċerka fil-qasam tad-difiża, li għandha tiġi segwita minn Programm Ewropew tar-Riċerka dwar id-Difiża ddedikat u ewlieni ffinanzjat mill-UE fi ħdan il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss, inklużi riżorsi finanzjarji addizzjonali pprovduti mill-Istati Membri;

28.  Jappella għal rwol aktar attiv mill-UE fil-qasam tad-diżarm, in-nonproliferazzjoni u l-kontroll tal-armi; jistieden lill-Kunsill jippermetti lill-VP/RGħ jkollha rwol aktar attiv fir-rigward tar-riżoluzzjoni tal-kunflitt u l-bini tal-paċi;

29.  Ifakkar li l-Istrateġija Globali tal-UE tappella għal investimenti fil-prevenzjoni tal-kunflitti iżda fir-realtà ġie propost tnaqqis estensiv kemm mill-Kummissjoni kif ukoll mill-Kunsill għall-baġit tal-2017 għall-istrument uniku tal-UE għall-prevenzjoni tal-kunflitti (IcSP); jenfasizza l-ħtieġa li jiġu rduppjati l-isforzi fil-qasam tal-prevenzjoni tal-kunflitti, il-medjazzjoni u r-rikonċiljazzjoni, minħabba l-bosta sfidi marbuta mas-sigurtà fil-viċinat Ewropew u lil hinn minnu;

30.  Jirrikonoxxi l-interdipendenza dejjem tikber bejn is-sigurtà interna u dik esterna, u huwa tal-fehma li l-isfidi attwali fil-qasam tas-sigurtà jeħtieġu analiżi kritika profonda tal-politiki ta' sigurtà tagħna, bil-ħsieb li tinħoloq politika konsistenti u unifikata li tkopri kemm id-dimensjonijiet interni kif ukoll dawk esterni, inklużi aspetti bħalma huma l-ġlieda kontra t-terroriżmu, iċ-ċibersigurtà, is-sigurtà enerġetika, it-theddid ibridu, il-komunikazzjoni strateġika, u l-infrastrutturi kritiċi; iħeġġeġ lis-servizzi tas-sigurtà tal-Istati Membri jsaħħu l-koordinament u l-kooperazzjoni u jżidu l-iskambju tal-intelligence u tal-informazzjoni, u jistieden lill-Istati Membri kollha jkunu konformi mal-obbligu ġuridiku tagħhom li jaqsmu l-intelligence mal-Europol u l-Eurojust fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata; iħeġġeġ lill-UE tkompli ssaħħaħ il-kooperazzjoni u l-qsim tal-intelligence ma' pajjiżi terzi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, filwaqt li jiġu rispettati d-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; ifaħħar it-tnedija tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta;

31.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-Dikjarazzjoni Konġunta dwar kooperazzjoni bejn in-NATO u l-UE adottata waqt is-Summit ta' Varsavja; jappoġġa bis-sħiħ kooperazzjoni aktar fil-fond bejn in-NATO u l-UE fl-oqsma taċ-ċibersigurtà, il-migrazzjoni, il-komunikazzjoni strateġika u r-reazzjoni għal theddid ibridu; jistieden lill-VP/RGħ tippreżenta proposti speċifiċi għas-segwitu għad-Dikjarazzjoni Konġunta ta' Varsavja sal-aħħar tal-2016; jinsab konvint li n-NATO hija kruċjali għas-sigurtà kollettiva tal-Ewropa, filwaqt li jinsisti dwar il-ħtieġa li jinżammu kapaċitajiet ta' reazzjoni xierqa tal-UE; ifakkar li NATO aktar b'saħħitha u UE aktar b'saħħitha jsaħħu u jikkumplementaw lil xulxin; jilqa' l-impenn tal-Istrateġija Globali tal-UE lejn in-NATO u jqisha bħala l-pedament tas-sigurtà kollettiva tal-Ewropa; jenfasizza li l-UE għandha tagħmel l-aħjar użu mir-riżorsi disponibbli dwar is-sigurtà u d-difiża u tevita l-possibbiltà ta' duplikazzjoni; jemmen ukoll li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jaħdmu aktar mill-qrib man-NATO biex ikun żgurat li d-Difiża Intelliġenti tal-Alleanza u l-inizjattivi ta' Akkomunament u ta' Kondiviżjoni tal-UE jkunu komplementari u jsaħħu lil xulxin;

32.  Jenfasizza li s-sigurtà tal-Istati Membri tal-UE hija indiviżibbli u li, f'konformità mal-Artikolu 42(7) tat-TUE, l-Istati Membri kollha jeħtiġilhom igawdu l-istess livell ta' sigurtà, u għalhekk għandhom jipprovdu u jipparteċipaw b'mod ugwali fuq bażi proporzjonali għas-sigurtà tal-UE u jonoraw ċerti impenji; jinnota wkoll li dan l-Artikolu jgħid ukoll li dan m'għandux jippreġudika l-karattru speċifiku tal-politika ta' sigurtà u difiża ta' ċerti Stati Membri;

33.  Jagħraf il-ħtieġa li jinstabu soluzzjonijiet kreattivi għall-kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit fil-qasam tal-PESK/PSDK;

34.  Jemmen li huwa kruċjali li tissaħħaħ l-arkitettura tas-sigurtà Ewropea, li hija bbażata fuq l-Att Finali ta' Ħelsinki tal-1975 u l-erba' 'pakketti' tagħha, u li saritilha ħsara severa bl-interventi militari illegali tar-Russja fil-Krimea u fl-Ukrajna tal-Lvant;

35.  Huwa tal-fehma li wasal iż-żmien li tiġi definita strateġija ġdida u aktar realistika għar-relazzjonijiet tal-UE mar-Russja, ibbażata fuq deterrenza kredibbli iżda wkoll fuq djalogu f'oqsma ta' interess komuni, bħall-ġlieda kontra t-terroriżmu, in-nonproliferazzjoni u l-kummerċ; jissottolinja fl-istess ħin l-importanza ta' investiment akbar fil-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili Russa u fl-appoġġ għalihom, biex tissaħħaħ il-bażi fit-tul tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja; jenfasizza li s-sanzjonijiet kienu meħtieġa b'reazzjoni għall-aggressjoni Russa fl-Ukrajna, u kienu mezz effettiv biex jiskoraġġixxu aktar aggressjoni; ifakkar li s-sospensjoni tas-sanzjonijiet relatati tiddependi mill-implimentazzjoni sħiħa tal-ftehimiet ta' Minsk; jappoġġa bis-sħiħ l-adozzjoni ta' miżuri restrittivi tal-UE kontra individwi u entitajiet fir-Russja b'reazzjoni għall-annessjoni illegali tal-Krimea u d-destabbilizzazzjoni intenzjonata tal-Ukrajna, u jinsisti li l-UE għandha tibqa' miftuħa għall-possibbiltà ta' aktar sanzjonijiet gradwali, b'mod partikolari kontra prodotti ta' teknoloġija għolja taż-żejt u l-gass, u fis-setturi tal-IT u tal-armi, jekk ir-Russja tkompli tikser id-dritt internazzjonali; jemmen li huwa fl-interess komuni tal-UE u tar-Russja li jiksbu relazzjoni aħjar bejniethom, dment li jiġi applikat id-dritt internazzjonali;

36.  Jistieden lill-Istati Membri tal-UE u lill-komunità internazzjonali jitkellmu b'vuċi waħda biex jibgħatu sinjal ċar lill-gvern Russu li l-azzjonijiet tiegħu se jġorru spejjeż u konsegwenzi; jitlob ukoll li titnaqqas il-kriżi attwali u jinsisti li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jaħdmu mas-sħab internazzjonali biex jitfgħu pressjoni diplomatika, politika u ekonomika fuq il-Gvern Russu biex itemm l-agressjoni tiegħu; jilqa' d-deċiżjonijiet tas-Summit tan-NATO f'Varsavja f'dan il-kuntest; jissottolinja l-impenn tiegħu favur l-għaqda, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna; jenfasizza li l-elezzjonijiet f'territorji okkupati tal-Krimea huma invalidi;

37.  Jemmen li huwa importanti li jinstabu modi biex jikkalmaw it-tensjonijiet attwali u jkun hemm djalogu kostruttiv mar-Russja sabiex jiġu identifikati miżuri bil-għan li jnaqqsu r-riskju ta' każijiet perikolużi ta' nuqqas ta' ftehim u kalkoli ħżiena; jissottolinja l-importanza ta' iżjed trasparenza reċiproka fl-attivitajiet militari sabiex jiġu evitati inċidenti marittimi u tal-ajru mar-Russja u l-bżonn li jiġu żviluppati standards komuni għall-ġestjoni ta' aċċidenti u inċidenti possibbli; iqis li t-titjiriet militari mhux kooperattivi mingħajr transponders attivi huma ta' periklu serju għall-avjazzjoni ċivili u jqis li hemm bżonn jitfasslu miżuri għall-individwazzjoni ta' tali titjiriet malajr kemm jista' jkun u biex tinstab triq 'il quddiem internazzjonali sabiex jintemmu dawn ir-riskji għas-sikurezza; jemmen ukoll li l-kooperazzjoni mar-Russja dwar il-ftehim nukleari reċenti mal-Iran joffri tama għal titjib fir-relazzjonijiet f'oqsma oħra, inkluż man-NATO, sabiex jonqsu t-tensjonijiet bħal dawk fil-Baltiku, is-Sirja u l-Ukrajna;

38.  Iħeġġeġ lill-UE żżid il-kooperazzjoni tagħha mal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant sabiex jissaħħu l-istituzzjonijiet demokratiċi, ir-reżiljenza u l-indipendenza tagħhom, inkluż permezz tat-tnedija ta' missjonijiet tal-PSDK kompluti u ambizzjużi bil-kompitu li jsaħħu s-sigurtà u l-istabbiltà; jistieden lill-UE jkollha rwol aktar attiv u effettiv fir-rigward tar-riżoluzzjoni tal-kunflitt u l-bini tal-paċi; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-għajnuna lill-Ukrajna, inklużi sistemi ta' difiża adegwata, sabiex jiskoraġġixxu eskalazzjoni militari fil-Lvant tal-Ukraina, ibiddlu l-EU East StratCom fi struttura tal-UE permanenti u jallokaw riżorsi umani u finanzjarji adegwati għat-tħaddim aħjar tiegħu; jappoġġa wkoll l-aspirazzjonijiet Ewropej ta' dawk il-pajjiżi u l-aġenda ta' riforma f'oqsma bħall-istat tad-dritt, l-ekonomija, l-amministrazzjoni pubblika, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-protezzjoni tal-minoranzi;

39.  Ifakkar fl-impenn tal-UE mas-sħab tagħha fil-viċinat tagħha u li l-appoġġ tar-riforma politika u soċjali, il-konsolidazzjoni tal-istat tad-dritt, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku huma l-aqwa mezzi biex tissaħħaħ l-ordni internazzjonali u tiġi żgurata l-istabbiltà tal-viċinat tagħha; jirrikonoxxi li l-politika tal-UE m'għandhiex tadotta approċċ wieħed tajjeb għal kulħadd, u għalhekk għandha tkun aktar flessibbli u reattiva għal sitwazzjonijiet li qegħdin jinbidlu fil-viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar; jinnota li l-Istrument Ewropew ta' Viċinat rivedut għadu ma laħaqx l-għanijiet tiegħu, b'mod partikolari fejn jidħol il-prinċipju ta' 'aktar għal aktar'; iħeġġeġ sabiex titqies il-politika ta' anqas għal anqas fir-rigward ta' dawk il-pajjiżi li jmorru lura f'termini ta' governanza, demokrazija u drittijiet tal-bniedem;

40.  Jenfasizza li l-approfondiment tar-relazzjonijiet mal-Istati Uniti u l-Kanada huwa ta' interess strateġiku għall-UE, filwaqt li fl-istess ħin huwa importanti għall-UE li ssaħħaħ ir-relazzjoni tagħha mal-Amerika Ċentrali u t'Isfel sabiex mhux biss tissaħħaħ is-sħubija bireġjonali, iżda wkoll biex flimkien jindirizzaw sfidi globali ewlenin; jirrikonoxxi li l-UE hija l-aktar sieħeb ekonomiku importanti għall-Istati Uniti u viċi versa, filwaqt li t-tnejn huma alleati ewlenin internazzjonali kemm bilateralment kif ukoll permezz tan-NATO, u f'oqsma bħalma huma l-ftehim nukleari mal-Iran, is-Sirja u l-Ukrajna; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżguraw li din ir-relazzjoni tkompli, fuq il-bażi ta' valuri kondiviżi, wara l-elezzjonijiet presidenzjali tal-Istati Uniti ta' Novembru 2016;

Il-bini tar-reżiljenza u investiment f'approċċ komprensiv ġenwin: żvilupp, appoġġ u tisħiħ

41.  Jenfasizza li l-iżgurar tal-paċi u l-istabbiltà fil-kontinent tagħna, fil-viċinat tagħna u fl-Afrika issa jrid ikun fil-qalba tal-azzjoni tal-Ewropa; jirrikonoxxi li ma jistax ikun hemm żvilupp sostenibbli mingħajr is-sigurtà, u li l-iżvilupp sostenibbli hu rekwiżit għas-sigurtà, l-istabbiltà, il-ġustizzja soċjali u d-demokrazija; huwa tal-fehma li hemm bżonn jiġu ttrattati l-kawżi fundamentali tal-instabbiltà u tal-migrazzjoni irregolari u furzata, jiġifieri l-faqar, in-nuqqas ta' opportunitajiet ekonomiċi, il-kunflitt armat, il-governanza ħażina, it-tibdil fil-klima, l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, l-inugwaljanza u politiki kummerċjali li ma jindirizzawx dawn l-isfidi; jemmen li s-sigurtà, l-iżvilupp ekonomiku u soċjali u l-kummerċ huma partijiet tal-istess strateġija komprensiva u għandhom ikunu konsistenti mal-prinċipju tal-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp kif minqux fl-Artikolu 208 tat-Trattat ta' Lisbona; jappella għal azzjoni Ewropea u internazzjonali (NU/G20) kontra t-trasferimenti finanzjarji illegali barra mill-Afrika;

42.  Jisħaq fuq il-fatt li l-UE jeħtiġilha tagħti attenzjoni partikolari għat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien fil-viċinat tagħha, bl-użu tal-għodod tal-politika kollha disponibbli, inklużi l-kummerċ, l-għajnuna għall-iżvilupp, il-politika ambjentali u d-diplomazija, kif ukoll il-kapaċitajiet tal-ġestjoni tal-kriżijiet; jilqa' f'dan ir-rigward, is-sħubiji ta' migrazzjoni ġodda tal-UE u Pjan ta' Investiment Estern, u jitlob li jkun involut fl-implimentazzjoni ta' dawn l-istrumenti; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żviluppat approċċ ġdid lejn l-Afrika, ibbażat fuq il-valuri u l-prinċipji tal-UE, biex b'hekk jiġu pprovduti opportunitajiet aħjar għall-kummerċ, l-investiment, l-aċċess għall-enerġija u t-tkabbir ekonomiku u jappoġġaw l-pajjiżi Afrikani fil-bini ta' istituzzjonijiet demokratiċi, trasparenti u effettivi u miżuri biex jittaffa l-impatt tat-tibdil fil-klima; jinsab konvint li l-UE għandha teżamina mill-ġdid il-politiki tagħha dwar l-iżvilupp u l-kummerċ sabiex tiżgura li dawn huma skont il-valuri tagħna u jikkontribwixxu għal dawn l-għanijiet; jistieden lill-UE, u b'mod partikolari l-Istati Membri, jiġġieldu kontra t-trasferimenti finanzjarji illeċiti u biex iżidu b'mod sinifikanti l-impenji finanzjarji tagħhom fir-reġjun, inkluż permezz tal-Fond Fiduċjarju għall-Afrika u l-Pjan ta' Investiment Estern u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp; jissottolinja r-rwol importanti tal-UE fl-ilħuq tal-objettivi tal-Aġenda 2030; jemmen li s-settur privat jista' jkollu rwol importanti fl-iżvilupp jekk jaġixxi fi ħdan qafas legalment vinkolanti li jiddefinixxi r-responsabbiltajiet tas-settur tan-negozju fir-rigward tar-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem, dawk soċjali u ambjentali;

43.  Jirrikonoxxi li l-għoti ta' għajnuna lill-vittmi ta' diżastri, ir-rifuġjati u oħrajn fil-bżonn min-naħa tal-UE wassal għal riżultati mħallta;

44.  Jenfasizza wkoll il-ħtieġa li tiġi intensifikata l-ġlieda kontra l-kawżi bażiċi tat-terroriżmu u tar-radikalizzazzjoni, li l-aktar li jaffetwaw l-Afrika tal-Punent, is-Saħel, il-Qarn tal-Afrika u l-Lvant Nofsani, u li huma mmirati lejn l-Ewropa fuq livell mingħajr preċedent; iħeġġeġ lill-UE twettaq sforzi diplomatiċi koordinati, flimkien mal-Istati Uniti u alleati internazzjonali oħrajn, biex tikkonvinċi lis-sħab fir-reġjun, bħat-Turkija, l-Arabja Sawdija u l-Iran, dwar il-bżonn ta' strateġija komuni u b'bażi ġuridika fir-rigward ta' din l-isfida globali; jinkoraġġixxi aktar sforzi biex ikun hemm kooperazzjoni u koordinament ma' pajjiżi oħra f'din il-ġlieda u jħeġġeġ lill-atturi statali u mhux statali fir-reġjun joqogħdu lura milli jalimentaw aktar it-tensjonijiet settarji u etniċi; jesprimi tħassib serju dwar il-ksur gravi tad-dritt internazzjonali umanitarju u tad-drittijiet tal-bniedem fil-Jemen, inkluż l-attakk bil-bombi tal-funeral f'Sanaa fit-8 ta' Ottubru 2016; jitlob b'urġenza investigazzjoni internazzjonali indipendenti dwar dan u ksur ieħor tad-dritt umanitarju internazzjonali u tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jissospendu kull kooperazzjoni fil-Jemen sakemm tali ksur jiġi investigat u dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja; jitlob it-tmiem immedjat tal-imblokk tal-Jemen u jistieden lill-partijiet kollha fil-kunflitt jerġgħu jibdew id-djalogu u jaħdmu lejn waqfien mill-ġlied sostenibbli; jinsisti li m'hemm l-ebda soluzzjoni militari għall-kunflitt;

45.  Iħeġġeġ sabiex jiġu stabbiliti oqfsa tematiċi biex joffru kooperazzjoni bejn l-Unjoni, il-pajjiżi sħab fil-Viċinat tan-Nofsinhar u atturi reġjonali ewlenin, speċjalment fl-Afrika, dwar kwistjonijiet reġjonali bħas-sigurtà, l-iżvilupp, l-enerġija u l-ġestjoni tal-flussi migratorji; jemmen li l-viċinat tagħna jaf ikun aktar reżiljenti jekk ikun jista' jiġi organizzat fi ħdan qafas ta' kooperazzjoni reġjonali li jippermetti li jinstabu soluzzjonijiet komuni għall-isfidi tal-migrazzjoni, it-terroriżmu u l-iżvilupp, fost affarijiet oħra; jistieden għalhekk lill-UE taħdem mal-pajjiżi ġirien tagħha tal-Magreb biex terġa' tniedi u tiżviluppa aktar l-Unjoni tal-Magreb Għarbi;

46.  Ifakkar li r-reġjun tas-Saħel u żoni ġeografiċi oħrajn konnessi huma reġjuni ta' prijorità għall-iżgurar tas-sigurtà tal-Unjoni Ewropea, u jenfasizza l-fraġilità tas-sitwazzjoni tas-sigurtà hemmhekk u l-konsegwenzi possibbli ta' dan it-taqlib attwali; jistieden lill-UE taħdem biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq u s-Saħel fil-ġlieda kontra ż-żieda tal-attivitajiet terroristiċi fir-reġjun Saħel-Saħara; jenfasizza li l-kundizzjonijiet ħorox tal-għajxien f'ċerti postijiet jistgħu jixprunaw lil sezzjoni tal-popolazzjoni lejn l-alternattiva tat-terroriżmu Iżlamiku; iħeġġeġ l-iżvilupp ta' strateġija koerenti u robusta għar-reġjun tas-Saħel bl-għan li titjieb il-governanza u l-obbligu ta' rendikont u l-leġittimità tal-istati u tal-istituzzjonijiet reġjonali, tissaħħaħ is-sigurtà, jiġu indirizzati r-radikalizzazzjoni, it-traffikar tal-persuni, l-armi u d-droga, u jissaħħu l-politiki ekonomiċi u tal-iżvilupp; jinsab konvint li t-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' organizzazzjonijiet reġjonali u sub-reġjonali, speċjalment fl-Afrika, huwa kruċjali fir-rigward tal-prevenzjoni tal-kunflitti, ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti u l-kooperazzjoni fis-sigurtà; jenfasizza li l-UE jeħtieġ tagħti tweġiba reali għal din is-sitwazzjoni tas-sigurtà, mhux biss ekonomikament, iżda wkoll politikament u militarment;

47.  Jenfasizza l-importanza li tinstab soluzzjoni sostenibbli għall-kunflitt fis-Sirja f'konformità mal-proċess ta' transizzjoni stabbilit fil-Communiqué ta' Ġinevra u r-riżoluzzjoni 2254 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (KSNU); jappoġġa l-isforzi mmexxija min-NU bil-ħsieb li jiffaċilitaw in-negozjati bejn il-partijiet kollha involuti fil-kunflitt Sirjan dwar ftehim politiku inklużiv; jitlob lill-VP/RGħ tħejji b'mod urġenti strateġija Ewropea għas-Sirja; jinsab konvint li n-negozjati bilaterali bejn ir-Russja u l-Istati Uniti mhux se jkunu biżżejjed biex ikun hemm risposta sostenibbli għall-kriżi Sirjana; jistieden lill-UE tmur lil hinn mill-pożizzjoni tagħha ta' marġinalizzazzjoni diplomatika u tuża l-influwenza tagħha fuq atturi ewlenin bħall-Iran, l-Arabja Sawdija, it-Turkija, il-Qatar u r-Russja sabiex tiżgura li jieħdu pożizzjoni kostruttiva u jżommu lura milli jikkontribwixxu għal deterjorament ulterjuri tas-sitwazzjoni; ikompli jħeġġeġ lill-membri kollha tal-KSNU jonoraw ir-responsabbilitajiet tagħhom rigward il-kriżi; ifakkar fl-użu ripetut tal-veto mir-Russja u oħrajn fil-KSNU u jqis li dan l-użu jmorru kontra l-isforzi internazzjonali għall-paċi u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti fis-Sirja u fir-reġjun; jenfasizza li għandhom jiġu kkunsidrati sanzjonijiet kontra dawk l-individwi u entitajiet involuti kollha f'delitti kontra l-umanità fis-Sirja; jesprimi tħassib serju dwar il-ksur kbir u mifrux tad-dritt umanitarju internazzjonali u d-drittijiet tal-bniedem imwettaq min-naħat kollha tal-kunflitt Sirjan u jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat l-obbligu ta' rendikont għal abbużi bħal dawn; itenni l-appoġġ tiegħu lill-pajjiżi ġirien tas-Sirja li qed jiffaċċjaw sfidi enormi biex jospitaw miljuni ta' rifuġjati; itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-indipendenza, l-integrità territorjali u s-sovranità tal-Iraq u s-Sirja, fejn id-drittijiet tal-gruppi etniċi u reliġjużi kollha jkunu rispettati bis-sħiħ;

48.  Jirrikonoxxi r-rwol tat-Turkija bħala sieħeb importanti fis-soluzzjoni tal-kunflitt Sirjan, fil-ġlieda kontra l-IS/Daesh fis-Sirja u l-Iraq u l-kriżi tal-migrazzjoni; jikkundanna bil-qawwa t-tentattiv ta' kolp ta' stat kontra l-gvern elett demokratikament tat-Turkija; iħeġġeġ lill-Gvern Tork iħares l-ordni kostituzzjonali, filwaqt li jissottolinja l-importanza tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, il-libertà tal-espressjoni u l-indipendenza tal-ġudikatura u tal-midja wara l-kolp ta' stat, skont l-impenji tiegħu bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa; jenfasizza li t-Turkija għandha tikkoopera mill-qrib mal-Kunsill tal-Ewropea sabiex tiżgura li l-proċeduri kollha jirrispettaw l-istat tad-dritt; jinsab allarmat minħabba n-natura repressiva u l-grad ta' purifikazzjoni mnedija wara l-attentat ta' kolp ta' stat, li tefa' lura b'mod serju l-libertajiet fundamentali u tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija; jinsab partikolarment imħasseb dwar l-għadd dejjem jikber ta' każijiet ta' użu eċċessiv ta' forza mill-pulizija u t-trattament ħażin tad-detenuti, l-impunità persistenti għall-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, u l-indipendenza dejjem tonqos tal-ġudikatura;

49.  Jenfasizza l-ħtieġa li tinkiseb soluzzjoni ta' żewġ stati għall-kunflitt fil-Lvant Nofsani – abbażi ta' parametri stipulati fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Lulju 2014 – li tiggarantixxi Stat tal-Iżrael sikur u Stat Palestinjan vijabbli fuq il-bażi tal-fruntieri tal-1967 u ssolvi l-kwistjonijiet kollha dwar status permanenti sabiex jintemm il-kunflitt; jistieden lill-UE terfa' r-responsabbiltà tagħha u ssir attur u faċilitatur ġenwin fil-proċess demokratiku; jistieden lill-istituzzjonijiet u lill-Istati Membri tal-UE jieħdu passi b'mod urġenti biex iħarsu l-vijabbiltà tas-soluzzjoni ta' żewġ stati u joħolqu dinamika pożittiva lejn negozjati ta' paċi ġenwini; jistieden lill-awtoritajiet Iżraeljani biex immedjatament itemmu u jreġġgħu lura l-politika ta' insedjament tagħhom; jenfasizza li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mill-partijiet kollha u fiċ-ċirkostanzi kollha jibqa' prekundizzjoni essenzjali biex tintlaħaq paċi ġusta u dejjiema; jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata l-koerenza tal-politika tal-UE fir-rigward ta' sitwazzjonijiet li jinvolvu okkupazzjoni jew annessjoni tat-territorju;

50.  Jemmen li l-ġlieda kontra t-traffikanti tal-bnedmin hija possibbli biss meta jkun hemm kooperazzjoni mal-pajjiżi fuq in-naħa l-oħra tal-Mediterran u fl-Afrika kollha li hija bbażata fuq ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u jemmen, f'dan ir-rigward, li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha għandhom jikkooperaw mas-sħab internazzjonali biex jindirizzaw il-fatturi li qed iwasslu għall-migrazzjoni;

51.  Jappoġġa bil-qawwa t-tisħiħ tar-Responsabbiltà ta' Protezzjoni (R2P) bħala prinċipju ta' tmexxija importanti fil-ħidma tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tul l-ispettru tal-kunflitt, kif ukoll dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp;

Is-saħħa tad-diplomazija Ewropea: għarfien, impenn u impatt

52.  Jenfasizza l-potenzjal enormi tal-UE bħala superpotenza diplomatika, li huwa bbażat fuq firxa wiesgħa ta' strumenti għad-dispożizzjoni tagħna u fuq is-setgħa tagħna bbażata fuq il-valuri fil-qasam tad-demokrazija, il-libertà u d-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza f'dan il-kuntest, ir-rwol ċentrali ta' koordinament tal-Viċi President/Rappreżentant Għoli, is-SEAE u d-delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi terzi;

53.  Jemmen li għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-prevenzjoni tal-kunflitti, l-indirizzar tal-kawżi ewlenin tal-instabbiltà u l-iżġurar tas-sigurtà tal-bniedem; jirrikonoxxi li azzjonijiet preventivi bikrija kontra riskji fit-tul ta' kunflitt vjolenti huma aktar effettivi, jieħdu inqas żmien u huma anqas għaljin minn operazzjonijiet ta' żamma tal-paċi; iħeġġeġ lill-UE turi tmexxija politika fid-diplomazija preventiva u l-medjazzjoni f'kunflitti; jilqa' f'dan ir-rigward ir-rwol tas-Sistema ta' Twissija Bikrija tal-Kunflitti tal-UE, il-Grupp ta' Appoġġ għall-Medjazzjoni tas-SEAE u l-Istitut Ewropew għall-Paċi; jitlob l-iżvilupp ulterjuri tal-kapaċitajiet tal-prevenzjoni tal-kunflitti u ta' medjazzjoni tal-UE; jenfasizza li l-parteċipazzjoni tan-nisa fit-taħdidiet ta' riżoluzzjoni tal-kunflitti hija kruċjali għall-promozzjoni tad-drittijiet u l-parteċipazzjoni tan-nisa, u li hija l-ewwel pass lejn l-inklużjoni sħiħa tagħhom fil-proċessi ta' tranżizzjoni futuri; jistieden lill-VP/RGħ u lill-Kummissjoni jżidu r-riżorsi finanzjarji u amministrattivi maħsuba biex jittrattaw il-medjazzjoni, id-djalogu, ir-rikonċiljazzjoni u r-reazzjoni għall-kriżijiet; iħeġġeġ lill-Istati Membri jżommu b'mod strett man-normi stabbiliti mill-Pożizzjoni Komuni tal-UE dwar l-esportazzjoni tal-armi u sabiex iwaqqfu l-kummerċ tal-armi ma' pajjiżi terzi li ma jissodisfawx il-kriterji elenkati; jinsisti li l-UE tintensifika d-djalogu politiku u l-kooperazzjoni dwar id-diżarm, in-nonproliferazzjoni u l-kontroll tal-armi;

54.  Iħeġġeġ bil-qawwa aktar negozjati dwar ir-riunifikazzjoni ta' Ċipru sabiex tintlaħaq konklużjoni rapida u ta' suċċess;

55.  Jemmen li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha jridu jiżviluppaw politika estera, ta' sigurtà u difiża li tirrispetta l-interessi nazzjonali iżda wkoll tfittex li taħdem ma' sħab internazzjonali, in-Nazzjonijiet Uniti, l-NGOs, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u oħrajn dwar kwistjonijiet ta' interess komuni u sabiex jiġu promossi l-paċi, il-prosperità u l-istabbiltà madwar id-dinja; jisħaq fuq il-bżonn ta' kooperazzjoni mill-qrib ma' potenzi globali u reġjonali oħrajn dwar theddidiet u sfidi globali; jenfasizza b'mod partikolari l-importanza kruċjali tar-relazzjoni trans-Atlantika, li hija bbażata fuq interessi u valuri komuni; jirrimarka li t-tiġdid ta' dawn is-sħubijiet strateġiċi, bl-għan li jinbidlu fi strument effettiv ta' politika estera, għandu jkun prijorità għall-UE;

56.  Huwa tal-fehma li l-UE għandha ttejjeb u tintensifika l-isforzi diplomatiċi tagħha fl-Asja, inkluż mal-ASEAN, sabiex tikkontribwixxi għal aktar stabbiltà u sigurtà f'żoni ta' kunflitt b'tensjonijiet imġedda, filwaqt li taħdem mill-qrib ma' sħabha fir-reġjun u tiddefendi d-dritt internazzjonali, inkluż fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar u fl-Oċean Indjan, sabiex tindirizza kwistjonijiet relatati mal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt; jinnota l-ħtieġa li l-UE tkompli tappoġġa l-iżvilupp ta' relazzjonijiet paċifiċi bejn iċ-Ċina u l-pajjiżi ġirien tagħha madwar il-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar, inkluż il-Vjetnam, it-Tajwan u l-Filippini, permezz ta' mekkaniżmi multilaterali kostruttivi bilaterali u inklużivi; jemmen li ma jistax ikun hemm tisħiħ u tiġdid tal-istrutturi ta' ordni internazzjonali mingħajr l-Asja, u b'mod partikolari ċ-Ċina; jenfasizza li, fid-dawl tal-ambizzjonijiet globali taċ-Ċina, ir-relazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina għandha testendi lil hinn mir-rabtiet ekonomiċi biex issir aktar komprensiva u tiffoka fuq ir-rwol taċ-Ċina fin-NU, l-influwenza tagħha f'kunflitti reġjonali fil-viċinat tagħha, u l-kontribut tagħha biex tindirizza l-isfidi globali;

57.  Jistieden lill-UE ma tirtirax kompletament minn żoni li attwalment huma ta' inqas interess strateġiku, iżda li jistgħu jerġgħu jsiru importanti fil-futur, kemm mil-lat ekonomiku jew mil-lat uman jew militari – bħal pereżempju l-Asja Ċentrali, l-Afrika sub-Saħarjana jew l-Artiku, u li qed jattiraw l-interess ta' setgħat oħra fid-dinja;

58.  Ifakkar fl-importanza tas-setgħa bbażata fuq il-valuri tal-Ewropa, u jappella għal aktar tisħiħ tad-diplomazija tal-UE fil-qasam kulturali u xjentifiku sabiex jiġu pproġettati u promossi l-kwalitajiet u l-valuri Ewropej lil hinn mill-fruntieri tagħna; jinnota wkoll is-setgħa ta' diplomazija ekonomika, fost l-oħrajn is-sanzjonijiet, bħala għodda għall-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE;

59.  Jenfasizza r-rwol tad-diplomazija parlamentari għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni politika mas-sħab tal-UE;

60.  Jenfasizza l-ħtieġa għal rwol imsaħħaħ tal-parlamenti nazzjonali fl-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni, inkluż permezz ta' kooperazzjoni intensifikata bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali dwar kwistjonijiet ta' politika estera u ta' sigurtà tal-UE;

61.  Jenfasizza r-rwol tal-atturi mhux statali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bħala atturi fid-diplomazija u sħab ewlenin tal-UE, u jenfasizza l-importanza li tingħatalhom għajnuna mill-UE u li jkun hemm involviment magħhom;

62.  Jisħaq fuq il-bżonn li titħaffef il-konsolidazzjoni tas-Servizz Diplomatiku Ewropew komplut, u b'mod partikolari li jissaħħu l-għarfien espert tematiku tiegħu u l-kapaċità tiegħu ta' ppjanar politiku strateġiku u ta' tbassir, kif ukoll il-qasam tal-intelligence; iqis li huwa importanti li r-rappreżentazzjonijiet tas-SEAE f'żoni ta' kriżi jingħatalhom rwol konsulari bil-ħsieb li jgħinu liċ-ċittadini tal-UE; jinsisti fuq il-bżonn ta' bilanċ ġust bejn id-diplomatiċi ssekondati mill-Istati Membri u l-uffiċjali tal-UE fis-SEAE, inkluż f'pożizzjonijiet maniġerjali;

63.  Jisħaq fuq il-fatt li l-mezzi finanzjarji disponibbli għall-azzjoni esterna tal-UE ma jikkorrispondux mal-isfidi li qed niffaċċjaw; jappella, f'dan ir-rigward, għal żieda sostanzjali fir-riżorsi disponibbli fl-Intestatura IV tal-QFP fil-kuntest tar-rieżami ta' nofs it-terminu li jmiss;

64.  Jappella wkoll għal aktar obbligu ta' rendikont u trasparenza, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam man-negozjar ta' ftehimiet internazzjonali;

65.  Jiddispjaċih ħafna dwar il-baġit limitat ta' madwar EUR 320 miljun (0.2 % tal-baġit tal-UE) fuq il-PESK tal-UE, u jitlob li jkun hemm ġestjoni aħjar tal-flussi finanzjarji biex jimplimentaw dan il-baġit; jenfasizza li l-allokazzjonijiet tal-baġit deċiżi għall-2016 baqgħu fl-istess livell tal-2015 u li, b'EUR 5 miljun addizzjonali f'miżuri ta' sigurtà approvati għall-missjoni EUCAP Saħel Mali u EUR 10 miljun għall-EUBAM Libya, il-marġni disponibbli fl-aħħar ta' Marzu 2016 kien jammonta għal EUR 170 miljun; jesprimi t-tħassib tiegħu għan-nuqqas ta' riżorsi disponibbli fid-dawl tal-impenji li jridu jiġu ssodisfati matul l-2016, b'baġit addizzjonali ta' EUR 169 miljun previst sempliċement biex jitkomplew dawk il-missjonijiet li jintemmu fl-2016;

66.  Jenfasizza r-rwol importanti tal-kultura fil-politika estera tal-UE fil-promozzjoni ta' djalogu u ta' fehim u tagħlim reċiproku; jenfasizza li politiki kulturali u edukattivi mmirati jistgħu jappoġġaw objettivi ewlenin tal-politika estera u ta' sigurtà tal-UE u jikkontribwixxu għat-tisħiħ tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem; itenni r-rwol tad-djalogu interkulturali u interreliġjuż fil-ġlieda kontra l-estremiżmu, ir-radikalizzazzjoni u l-marġinalizzazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE iqisu d-diplomazija kulturali u d-djalogu interkulturali fl-istrumenti tar-relazzjonijiet esterni tal-UE u fl-aġenda tal-UE għall-iżvilupp; jistieden lis-SEAE u d-delegazzjonijiet tal-UE madwar id-dinja kollha biex jaħtru uffiċjal għall-kultura f'kull rappreżentanza tal-UE f'pajjiżi terzi sħab; jenfasizza ulterjorment ir-rwol kruċjali tal-edukazzjoni biex jitrawmu ċ-ċittadinanza u l-ħiliet interkulturali, kif ukoll biex jissawru prospetti ekonomiċi aħjar u titjieb is-saħħa; iħeġġeġ l-isforzi attwali tal-Kummissjoni biex jissaħħaħ ir-rwol tax-xjenza u l-kooperazzjoni fir-riċerka bħala għodda ta' setgħa ta' persważjoni fir-relazzjonijiet esterni Ewropej; jenfasizza l-mod li bih l-iskambju xjentifiku jista' jikkontribwixxi għall-bini ta' koalizzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti, partikolarment fir-relazzjoni mal-pajjiżi tal-viċinat tal-UE;

o
o   o

67.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, kif ukoll lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P8_TA(2016)0249.

Avviż legali - Politika tal-privatezza