Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2016 dwar il-każijiet tal-Akkademja Buddista Tibetana ta' Larung Gar u Ilham Tohti (2016/3026(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Tibet, b'mod partikolari dik tal-25 ta' Novembru 2010 dwar it-Tibet: pjanijiet biex iċ-Ċiniż isir il-lingwa uffiċjali tat-tagħlim(1), dik tas-27 ta' Ottubru 2011 dwar it-Tibet, b'mod partikolari r-reliġjużi nisa u rġiel li jaħarqu lilhom infushom(2) u dik tal-14 ta' Ġunju 2012 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-Tibet(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu tas-26 ta' Novembru 2009 dwar iċ-Ċina: drittijiet tal-minoranzi u l-applikazzjoni tal-piena tal-mewt(4) u tal-10 ta' Marzu 2011 dwar is-sitwazzjoni u l-wirt kulturali f'Kashgar (ir-Reġjun Awtonomu Xinjiang Uyghur, iċ-Ċina)(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar ir-relazzjonijiet UE-Ċina(6),
– wara li kkunsidra d-disa' ċikli ta' taħditiet li saru bejn l-2002 u l-2010 bejn rappreżentanti ta' livell għoli tal-gvern Ċiniż u d-Dalai Lama; wara li kkunsidra l-White Paper taċ-Ċina dwar it-Tibet, bit-titolu "Tibet's Path of Development Is Driven by an Irresistible Historical Tide" (Il-Passaġġ tat-Tibet lejn l-Iżvilupp hu Xprunat minn Marea Storika Irreżistibbli), li ġiet ippubblikata mill-Uffiċċju ta' Informazzjoni tal-Kunsill tal-Istat Ċiniż nhar il-15 ta' April 2015; wara li kkunsidra l-Memorandum tal-2008 u n-Nota dwar Awtonomija Ġenwina tal-2009, it-tnejn li huma ppreżentati mir-Rappreżentanti tal-14-il Dalai Lama;
– wara li kkunsidra l-Artikolu 36 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, li jiggarantixxi liċ-ċittadini kollha d-dritt għal-libertà tat-twemmin reliġjuż, u l-Artikolu 4 li jiddefendi d-drittijiet tan-"nazzjonalitajiet ta' minoranza",
– wara li kkunsidra r-rimarki ta' Donald Tusk, President tal-Kunsill Ewropew, nhar id-29 ta' Ġunju 2015 fil-konferenza konġunta għall-istampa mal-Prim Ministru Ċiniż Li Keqiang b'segwitu għas-17-il Summit bejn l-UE u ċ-Ċina, fejn esprima t-tħassib tal-UE dwar il-libertà ta' espressjoni u ta' assoċjazzjoni fiċ-Ċina, inkluża s-sitwazzjoni tal-persuni li jappartjenu għal minoranzi bħat-Tibetani u l-Uighur, u ħeġġeġ liċ-Ċina terġa' tniedi djalogu sinifikanti mar-rappreżentanti tad-Dalai Lama,
– wara li kkunsidra s-Sitt Forum ta' Ħidma dwar it-Tibet organizzat mill-Kumitat Ċentrali tal-Partit Komunista Ċiniż f'Awwissu 2015,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-23 ta' Settembru 2014 mill-kelliem tas-SEAE li tikkundanna s-sentenza ta' għomor ħabs mogħtija lill-professur tal-ekonomija Uighur Ilham Tohti u tappella għall-ħelsien immedjat u inkondizzjonat tiegħu,
– wara li kkunsidra d-djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina rigward id-drittijiet tal-bniedem, imniedi fl-1995, u l-34 sessjoni li ġiet organizzata f'Beijing fit-30 ta' Novembru u l-1 ta' Diċembru 2015,
– wara li kkunsidra l-fatt li fil-11 ta' Ottubru 2016 Ilham Tohti ngħata l-Premju Martin Ennals talli ddefenda d-drittijiet tal-bniedem, u f'Settembru 2016 ġie nnominat għall-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb,
– wara li kkunsidra s-Sħubija Strateġika bejn l-UE u ċ-Ċina mnedija fl-2003 u l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u s-SEAE lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 2016, intitolata "Elementi għal strateġija ġdida tal-UE dwar iċ-Ċina",
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tas-16 ta' Diċembru 1966,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-promozzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt għandhom jibqgħu fiċ-ċentru tas-sħubija li ilha għaddejja bejn l-UE u ċ-Ċina, f'konformità mal-impenn tal-UE li tiddefendi dawn il-valuri fl-azzjoni esterna tagħha u l-interess li wriet iċ-Ċina li tikkonforma ma' dawn l-istess valuri fl-iżvilupp u l-kooperazzjoni internazzjonali tagħha;
B. billi, skont l-objettivi ta' żvilupp tiegħu, il-Gvern Ċiniż indika li qed ifittex rwol akbar fl-indirizzar ta' sfidi globali, bħalma huma l-paċi u s-sigurtà internazzjonali u t-tibdil fil-klima, u influwenza akbar fuq il-governanza globali kemm politika kif ukoll ekonomika, u impenja ruħu li jsaħħaħ l-istat tad-dritt;
C. billi s-17-il Summit bejn l-UE u ċ-Ċina tad-29 ta' Ġunju 2015 tella' r-relazzjonijiet bilaterali fuq livell ġdid, u billi l-UE, fil-qafas strateġiku tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, wiegħdet li se tqiegħed id-drittijiet tal-bniedem fiċ-ċentru tar-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi terzi kollha, inklużi s-sħab strateġiċi tagħha; billi t-18-il Summit bejn l-UE u ċ-Ċina tat-12-13 ta' Lulju 2016 ikkonkluda li kien se jsir ċiklu ieħor ta' djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u ċ-Ċina qabel tmiem l-2016;
D. billi ċ-Ċina għamlet progress matul l-aħħar deċennji fit-twettiq tad-drittijiet ekonomiċi u soċjali, li jirrifletti l-prijoritajiet iddikjarati tagħha dwar id-drittijiet tal-poplu għas-sussistenza u l-żvilupp, iżda l-kisbiet tagħha fil-qasam tad-drittijiet politiċi u ċivili, flimkien mal-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, huma limitati;
E. billi, matul l-34 Djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina dwar id-Drittijiet tal-Bniedem li sar f'Beijing fit-2 ta' Diċembru 2015, l-UE leħħnet it-tħassib tagħha rigward ir-rispett għad-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, speċjalment fit-Tibet u f'Xinjiang, u rigward ir-rispett għal-libertà tar-reliġjon jew twemmin; billi l-każ ta' Ilham Tohti ġie diskuss matul l-34 Djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;
F. billi l-Istitut ta' Larung Gar, imwaqqaf fl-1980, hu l-akbar ċentru Buddist Tibetan fid-dinja u attwalment qed iħabbat wiċċu ma' demolizzjoni estensiva min-naħa tal-Gvern Ċiniż bl-għan li l-akkademja tiċċekken b'ħamsin fil-mija, l-iżgumbrar ta' madwar 4 600 resident bil-forza u l-qerda ta' madwar 1 500 abitazzjoni; billi skont l-awtoritajiet Ċiniżi din id-demolizzjoni hija meħtieġa sabiex jitwettqu "korrezzjoni u rettifika";
G. billi l-persuni żgumbrati qed jiġu reġistrati b'mod furzat f'eżerċizzji magħrufa bħala "edukazzjoni patrijottika"; billi tliet reliġjużi nisa fl-akkademja għamlu suwiċidju bi protesta kontra d-demolizzjonijiet fuq skala kbira li għaddejjin f'Larung Gar;
H. billi ġie rappurtat li mill-2009 għadd enormi ta' Tibetani, fil-parti l-kbira reliġjużi nisa u rġiel, taw in-nar lilhom infushom bħala protesta kontra l-politiki restrittivi taċ-Ċina fit-Tibet, u b'appoġġ għar-ritorn tad-Dalai Lama u d-dritt għal-libertà reliġjuża fil-prefettura tal-kontea ta' Aba/Ngaba fil-Provinċja ta' Sichuan u f'partijiet oħra tal-plateau tat-Tibet;
I. billi l-emissarji tal-Qdusija Tiegħu d-Dalai Lama kkuntattjaw lill-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina biex tinstab soluzzjoni paċifika u reċiprokament benefika għall-kwistjoni tat-Tibet; billi ma sar l-ebda progress għar-riżoluzzjoni tal-kriżi Tibetana f'dawn l-aħħar ftit snin, peress li l-aħħar ċiklu ta' taħdidiet sar fl-2010 u n-negozjati bħalissa huma ffriżati;
J. billi l-professur tal-ekonomija Uighur Ilham Tohti ġie kkundannat għal għomru l-ħabs fit-23 ta' Settembru 2014 fuq akkuża ta' separatiżmu allegat wara li ġie arrestat f'Jannar tal-istess sena; billi seba' studenti preċedenti tiegħu wkoll ġew arrestati u ngħataw sentenzi ta' ħabs ta' bejn tliet snin u tmien snin għal allegata kollaborazzjoni mas-Sur Tohti;
K. billi hemm allegazzjonijiet li l-proċess dovut tal-liġi ma ġiex rispettat, b'mod partikolari fir-rigward tad-dritt għal difiża xierqa;
L. billi r-reġjun ta' Xinjiang, fejn hija bbażata l-parti l-kbira tal-minoranza etnika Musulmana Uighur, esperjenzat episodji ripetuti ta' kunflitti u vjolenza etniċi; billi Ilham Tohti dejjem ċaħad is-separatiżmu u l-vjolenza u fittex ir-rikonċiljazzjoni bbażata fuq ir-rispett tal-kultura Uighur;
1. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi jwaqqfu d-demolizzjoni ta' Larung Gar u l-iżgumbrament tar-residenti tiegħu u, b'dan il-mod, jirrispettaw il-libertà tar-reliġjon f'konformità mal-impenji internazzjonali taċ-Ċina fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;
2. Jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi biex jibdew djalogu u jinvolvu ruħhom b'mod kostruttiv fir-rigward tal-iżviluppi f'Larung Gar mal-komunità lokali u l-mexxejja reliġjużi tagħha, u biex jindirizzaw it-tħassib dwar istituti reliġjużi ffullati billi jippermettu lit-Tibetani jistabbilixxu aktar istituti u jibnu aktar faċilitajiet; jitlob kumpens adegwat u akkomodazzjoni mill-ġdid għat-Tibetani li ġew żgumbrati matul id-demolizzjonijiet f'Larung Gar fil-post tal-għażla tagħhom biex ikomplu għaddejjin bl-attivitajiet reliġjużi tagħhom;
3. Jiddeplora l-kundanna ta' għaxar Tibetani mill-Qorti Intermedja tal-Poplu f'Barkham għal sentenzi ta' bejn 5 u 14-il sena ħabs talli ħadu sehem f'ċelebrazzjoni ta' għeluq it-80 sena tal-Qdusija Tiegħu d-Dalai Lama fil-Kontea ta' Ngaba;
4. Jinsab imħasseb profondament dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-Tibet, li wassal għal żieda fl-għadd ta' każijiet ta' persuni li jaħarqu lilhom infushom; jikkritika ż-żieda fil-wirjiet militari fil-plateau tat-Tibet, li se twassal biss għal żieda fit-tensjoni f'dan ir-reġjun; jikkundanna ż-żieda fl-użu tas-sistemi ta' sorveljanza fid-djar privati Tibetani;
5. Jinsab imħasseb dwar ir-reġim dejjem aktar ripressiv li qed iħabbtu wiċċhom miegħu l-minoranzi differenti, b'mod partikolari t-Tibetani u l-Uighur, hekk kif jiżdiedu r-restrizzjonijiet fuq il-garanziji kostituzzjonali tad-dritt tagħhom għal-libertà ta' espressjoni kulturali u ta' twemmin reliġjuż, u tal-libertà tal-kelma u ta' espressjoni, ta' għaqda paċifika u assoċjazzjoni, filwaqt li jqumu dubji dwar l-impenn iddikjarat taċ-Ċina favur l-istat tad-dritt u r-rispett lejn obbligi internazzjonali; jitlob li l-awtoritajiet jirrispettaw dawn il-libertajiet fundamentali;
6. Jinsab imħasseb dwar l-adozzjoni tal-pakkett ta' liġijiet dwar is-sigurtà u l-impatt tiegħu fuq il-minoranzi fiċ-Ċina, b'mod partikolari l-liġi tal-ġlieda kontra t-terroriżmu li taf twassal għall-penalizzazzjoni tal-espressjoni paċifika tal-kultura u r-reliġjon Tibetani u l-liġi dwar il-ġestjoni tal-NGOs internazzjonali li se tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2017 u se tpoġġi lill-gruppi tad-drittijiet tal-bniedem taħt il-kontroll strett tal-gvern, peress li dan jikkostitwixxi approċċ purament minn fuq għal isfel minflok ma jinkoraġġixxi s-sħubija bejn il-gvern lokali u ċentrali u s-soċjetà ċivili;
7. Iħeġġeġ lill-Gvern Ċiniż jemenda d-dispożizzjonijiet tal-pakkett ta' liġijiet dwar is-sigurtà li jċekknu l-ispazju għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u jżidu l-kontroll tal-gvern fuq il-prattiki reliġjużi; jistieden lill-Gvern Ċiniż biex jipprovdi u jiggarantixxi ambjent ġust u sikur għall-NGOs u għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ħalli dawn ikunu jistgħu joperaw liberament fil-pajjiż, u dan għandu mnejn jikkomplementa bil-kbir it-twettiq mill-istat ta' servizzi soċjali b'approċċ minn isfel għal fuq u jikkontribwixxi għall-progress tad-drittijiet soċjali u ekonomiċi, politiċi u ċivili;
8. Jistieden lill-Gvern Ċiniż biex jerġa' jibda d-djalogu mar-rappreżentanti Tibetani, li ntemm miċ-Ċina fl-2010, bl-għan li tinstab soluzzjoni politika inklużiva għall-kriżi fit-Tibet; jitlob ir-rispett lejn il-libertajiet ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' reliġjon tal-poplu Tibetan, kif minqux fil-Kostituzzjoni; jemmen li r-rispett għad-drittijiet tal-minoranzi huwa element kruċjali tad-demokrazija u l-istat tad-dritt li hu indispensabbli għall-istabbiltà politika;
9. Jikkundanna bil-qawwa l-priġunerija ta' Ilham Tohti li qed jiskonta sentenza ta' għomru l-ħabs fuq allegati akkużi ta' separatiżmu; jiddeplora l-fatt li l-proċess dovut tal-liġi ma ġiex rispettat u li Ilham Tohti ma bbenefikax mid-dritt għal difiża xierqa; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi jirrispettaw in-norma li jippermettu żjara fix-xahar għall-membri tal-familja;
10. Jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet ta' Ilham Tohti u tal-partitarji tiegħu miżmuma b'rabta mal-każ tiegħu; jitlob, barra minn hekk, li Ilham Tohti jingħata lura l-permess tat-tagħlim tiegħuu li l-moviment ħieles tiegħu jiġi garantit fi ħdan iċ-Ċina u barra minnha;
11. Ifakkar kemm hu importanti li l-UE tqajjem il-kwistjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina, b'mod partikolari l-każ tal-minoranzi fit-Tibet u f'Xinjiang, f'kull djalogu politiku u tad-drittijiet tal-bniedem mal-awtoritajiet Ċiniżi, f'konformità mal-impenn tal-UE li tipproġetta leħen sod, ċar u unifikat fl-approċċ tagħha lejn il-pajjiż, inklużi d-Djalogi annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; jirrimarka wkoll li, bħala parti mill-proċess ta' riforma kontinwa tagħha u ż-żieda fl-impenn globali tagħha, iċ-Ċina għażlet li tieħu sehem fil-qafas internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem billi ffirmat firxa wiesgħa ta' trattati internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, u għalhekk jitlob li jibqa' jkun hemm djalogu maċ-Ċina biex dawn l-impenji jitwettqu;
12. Jiddeplora l-fatt li l-35 ċiklu tad-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u ċ-Ċina probabbilment mhux se jsir qabel tmiem l-2016, kif kien miftiehem; iħeġġeġ lill-Gvern Ċiniż biex jaqbel li jsir djalogu ta' livell għoli fl-ewwel ġimgħat tal-2017;
13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.