Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2016 dwar is-sitwazzjoni tal-minoranza Rohingya fil-Myanmar (2016/3027(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Myanmar u dwar is-sitwazzjoni tal-Musulmani Rohingya, b'mod partikolari dik tas-7 ta’ Lulju 2016(1),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Istrateġija tal-UE fir-rigward tal-Myanmar/Burma tal-20 ta’ Ġunju 2016,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta mill-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titolu “Elementi għal Strateġija tal-UE fil-konfront tal-Mjanmar/Burma: sħubija speċjali għad-demokrazija, il-paċi u l-prosperità”,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, dwar l-assunzjoni tal-kariga tal-Gvern il-ġdid tal-Unjoni tal-Myanmar,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni mill-Kelliem tal-VP/RGħ dwar iż-żieda reċenti tal-vjolenza fil-Myanmar tat-2 ta’ Diċembru 2016,
– wara li kkunsidra l-istqarrija konġunta għall-istampa dwar it-tielet Djalogu bejn l-UE u l-Myanmar dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-25 ta’ Novembru 2016,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-apolidija tal-4 ta' Diċembru 2015,
– wara li kkunsidra t-tgħarrif reċenti tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) u r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar, rispettivament tad-29 u tat-18 ta’ Novembru 2016, dwar is-sitwazzjoni deterjoranti tad-drittijiet tal-bniedem fit-Tramuntana tal-Istat ta’ Rakhine,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem bit-titolu “Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-Musulmani Rohingya u minoranzi oħrajn fil-Myanmar/Burma” tal-20 ta’ Ġunju 2016,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni adottata mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti fl-24 ta’ Marzu 2016 (31/24), bit-titolu “Is-Sitwazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Myanmar”,
– wara li kkunsidra r-rapport tat-18 ta’ Marzu 2016 tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati u l-Protokoll tal-1967 tagħha,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Istatus ta' Persuni Apolidi tal-1954 u l-Konvenzjoni dwar it-Tnaqqis tal-Apolidija tal-1961,
– wara li kkunsidra l-Pjan ta’ Azzjoni Globali 2014-1924 tal-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Refuġjati (UNHCR) biex Tintemm l-Apolidija,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 18 sa 21 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966 u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali tal-1966,
– wara li kkunsidra l-Karta tal-ASEAN,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Parlamentari għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN) ta' April 2015 bit-titolu "Il-kriżi tar-Rohingya u r-riskju ta' atroċitajiet fil-Myanmar/Burma: sfida għall-ASEAN u appell għal azzjoni”,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra'ad Al Hussein, fir-rapport tiegħu tal-20 ta' Ġunju 2016, iddeskriva l-ksur serju u kontinwu tad-drittijiet kontra r-Rohingya, inklużi l-privazzjoni arbitrarja tan-nazzjonalità, li tagħmilhom mingħajr Stat, restrizzjonijiet severi tal-libertà ta' moviment, theddid għall-ħajja u s-sigurtà, iċ-ċaħda tad-drittijiet għas-saħħa u l-edukazzjoni, ix-xogħol furzat, il-vjolenza sesswali u limitazzjonijiet fuq id-drittijiet politiċi tagħhom, "li jistgħu jitqiesu bħala delitti kontra l-umanità"; billi s-Sur Al Hussein indika li r-Rohingya huma esklużi minn bosta professjonijiet u jeħtieġu dokumenti speċjali biex ikollhom aċċess għall-isptarijiet, u dan wassal għal dewmien u għall-imwiet ta' trabi u ta' ommijiethom waqt il-ħlas; billi John McKissick, il-Kap tal-Uffiċċju tal-Aġenzija tar-Rifuġjati tan-NU fil-belt tal-Bangladesh bl-isem ta’ Cox’s Bazar, reċentement stqarr li l-Myanmar qed jipprova jwettaq tindif etniku tal-minoranza ta’ Musulmani Rohingya mit-territorju tiegħu; billi l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem kontra l-minoranza Rohingya jammonta għal kastig kollettiv;
B. billi fid-9 ta’ Ottubru 2016 irġiel armati attakkaw tliet stakkamenti tal-pulizija qrib il-fruntiera tal-Bangladesh, u qatlu disa’ uffiċjali tal-pulizija filwaqt li serqu ħafna armi; billi l-Gvern tal-Myanmar qal li l-irġiel armati kienu membri tal-milizzja Rohingya u, wara dan, iddikjarat id-distrett ta’ Maungdaw bħala “żona ta’ operazzjoni” b’restrizzjonijiet fil-ħin u restrizzjonijiet severi oħra, inkluż għall-ġurnalisti u l-osservaturi minn barra, li mhumiex jitħallew jaċċedu għaż-żona;
C. billi skont l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, is-sorsi lokali jirrappurtaw abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem mill-forzi tal-gvern fl-hekk imsejħa żona ta’ operazzjoni; billi l-Gvern tal-Myanmar irrapporta l-mewt ta’ 69 persuna li kienu allegatament attivisti militanti u 17-il membru tal-forzi tas-sigurtà, dikjarazzjoni li ma tistax tiġi verifikata b’mod indipendenti minħabba restrizzjonijiet ta’ aċċess;
D. billi fit-3 ta’ Novembru 2016, it-tieni attakk fuq postazzjoni tal-gwardja tal-fruntiera rriżulta fil-mewt ta’ uffiċjal tal-pulizija;
E. billi l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment il-Human Rights Watch, bl-użu ta’ ritratti mis-satelliti, irrappurtaw qerda fuq skala kbira ta’ djar u tipi oħra ta’ bini f’partijiet tat-Tramuntana tal-Istat ta’ Rakhine, li attwalment huma inaċċessibbli għall-NGOs u l-osservaturi indipendenti;
F. billi l-Gvern tal-Myanmar wettaq żjara sorveljata ta’ xi siti milquta f’Maungdaw fit-2 u fit-3 ta’ Novembru 2016 ma’ delegazzjoni ta’ disa’ membri fost ambaxxaturi barranin, inkluż il-Koordinatur Residenti tan-NU, li kkonfermaw li raw strutturi maħruqa f’diversi bliet;
G. billi f’dawn l-aħħar ġimgħat mill-inqas 25 000 persuna Rohingya ħarbu lejn il-pajjiż ġar tal-Bangladesh ġar, u huwa stmat li madwar 30 000 resident tal-Istat ta’ Rakhine ġew spostati minħabba l-vjolenza; billi aktar minn 56 000 persuna Rohingya bħalissa huma rreġistrati mal-UNHCR fil-Malasja;
H. billi mill-2011 il-Myanmar ħa passi biex jirriforma l-ekonomija u s-sistema politika tiegħu; billi, madankollu, l-armata għad għandha setgħa sproporzjonata fil-pajjiż; billi f’Novembru 2015 ġie elett parlament nazzjonali ġdid, u f’Marzu 2016 tela' fil-poter Gvern nazzjonali elett demokratikament;
I. billi, bħala risposta, l-UE u atturi globali oħra neħħew is-sanzjonijiet u ppermettew lill-Myanmar jerġa’ jintegra ruħu fl-istrutturi politiċi u ekonomiċi globali; billi l-UE u l-Istati Membri tagħha kellhom rwol sinifikanti fil-proċess ta’ riforma u liberalizzazzjoni u kkontribwew, fost affarijiet oħra, b’għajnuna għall-iżvilupp, taħriġ u kooperazzjoni teknika sinifikanti, promozzjoni ta’ waqfien inklużiv mill-ġlied fil-pajjiż kollu u kummerċ taħt il-faċilità Kollox Ħlief Armi (EBA); billi l-UE u l-Myanmar jorganizzaw djalogi annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem;
J. billi, madankollu, għad hemm ħafna problemi, inkluż fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u b’mod partikolari fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-minoranza Musulmana Rohingya; billi aktar minn miljun Musulman Rohingya għexu fil-Myanmar għal ġenerazzjonijiet sħaħ, iżda bħalissa huma fost l-aktar minoranzi ppersegwitati fid-dinja; billi dawn saru uffiċjalment apolidi sa mid-dħul fis-seħħ tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza Burmiża tal-1982; billi l-persuni Rohingya mhumiex aċċettati mill-awtoritajiet tal-Myanmar u mill-pajjiżi ġirien, għalkemm xi wħud minn dawn tal-aħħar jospitaw popolazzjonijiet kbar ta' rifuġjati; billi l-qafas ġuridiku tal-Myanmar jistituzzjonalizza d-diskriminazzjoni kontra l-minoranzi u b’mod partikolari jagħmel lill-persuni Rohingya apolidi, peress li l-karti tal-identità temporanji tagħhom (karti bojod) ġew iddikjarati li skadew f’Marzu 2015 u ilhom mill-2012 ma jistgħu jiksbu ċertifikati tat-twelid għal uliedhom;
K. billi l-awtoritajiet tal-Myanmar qed jibqgħu jċaħħdu lill-persuni Rohingya mill-aktar drittijiet bażiċi tagħhom; billi, skont rapport ta’ April 2015 mill-Parlamentari tal-ASEAN għad-Drittijiet tal-Bniedem, waqt li kien qed jinkiteb ir-rapport, madwar 120 000 persuna Rohingya kienu għadhom f’aktar minn 80 kamp ta spostament intern fl-Istat ta’ Rakhine, b’aċċess limitat għal għajnuna umanitarja, filwaqt li aktar minn 100 000 persuna kienu ħarbu bil-baħar jew bl-art, spiss f’idejn traffikanti tal-bnedmin, lejn pajjiżi oħra f’dawn l-aħħar snin u ħafna minnhom imutu matul dawn il-vjaġġi perikolużi;
L. billi huwa allegat li l-istupru jintuża ta' spiss fil-Myanmar mill-forzi armati bħala arma tal-gwerra biex jintimidaw lill-minoranzi etniċi, b’konsegwenzi devastanti għall-vittmi; billi r-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-Vjolenza Sesswali fil-Kunflitti, Zainab Hawa Bangura, esprimiet it-tħassib profond tagħha f’dan ir-rigward; billi l-Qorti Kriminali Internazzjonali tinkludi l-istupru u forom oħra ta’ vjolenza sesswali fil-lista tagħha ta’ delitti tal-gwerra u atti li jikkostitwixxu delitti kontra l-umanità; billi għandu jiġi enfasizzat b’mod partikolari li n-nisa Rohingya huma vittmi ta’ diversi forom ta’ diskriminazzjoni, inkluż abbuż sesswali u sterilizzazzjoni furzata;
M. billi jeżisti tħassib serju dwar is-sitwazzjoni tal-komunità LGBTI fil-Myanmar, fosthom persuni Rohingya, li għadhom qed jiġu pproċessati u kriminalizzati bil-pretest ta' dispożizzjoni minn żmien l-era kolonjali – it-Taqsima 377 tal-Kodiċi Penali – u li għadhom qed jiffaċċjaw arrest u detenzjoni arbitrarji, intimidazzjoni, attakki fiżiċi u sesswali u ċ-ċaħda ta' servizzi tas-saħħa;
N. billi Aung San Suu Kyi, f'laqgħa ma' Yanghee Lee, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar, ħabbret li l-kelma Rohingya mhix se tintuża mill-Gvern (b’kontinwazzjoni għall-politika mħaddna taħt id-dittatorjat militari), għaliex hija meqjusa bħala ultraġġuża, bħalma huwa l-każ għall-kelma "Bengali", u minflok qed jiġi ssuġġerit it-terminu l-ġdid: "komunità Musulmana fl-Istat ta' Rakhine";
O. billi l-Myanmar għamel xi sforzi biex isir progress fil-proċess ta’ paċi, minbarra l-preparazzjonijiet tiegħu għal konferenza nazzjonali ta’ paċi; billi huwa essenzjali li jinżamm il-waqfien mill-ġlied nazzjonali u li jiġu inklużi l-gruppi armati etniċi kollha bil-għan li jiġu żgurati l-paċi, il-prosperità u l-għaqda fil-pajjiż;
1. Jinsab imħasseb ħafna dwar ir-rapporti ta’ kunflitti vjolenti fit-Tramuntana tal-Istat ta’ Rakhine, u jiddeplora t-telf ta’ ħajjiet, ta’ għajxien u ta’ kenn u r-rapporti ta' użu sproporzjonat tal-forza mill-forzi armati tal-Myanmar; jikkonferma li l-awtoritajiet tal-Myanmar għandhom id-dmir li jinvestigaw l-attakki tad-9 ta’ Ottubru 2016 u jressqu quddiem il-ġustizzja lil dawk responsabbli, iżda li dan għandu jsir skont l-istandards u l-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem;
2. Iħeġġeġ lill-forzi militari u tas-sigurtà biex iwaqqfu immedjatament il-qtil, l-intimidazzjoni u l-istupru tal-persuni Rohingya, u l-ħruq ta’ djarhom;
3. Jilqa’ t-tħabbir mill-Gvern tal-Myanmar b’rabta mat-twaqqif ta’ Kummissjoni ta’ Inkjesta dwar il-vjolenza reċenti fl-Istat ta’ Rakhine; jitlob lill-Gvern tal-Myanmar biex jippermetti lin-NU u osservaturi oħrajn minn barra jgħinu fl-investigazzjoni ta’ avvenimenti reċenti fid-Distrett ta’ Maungdaw fl-Istat ta’ Rakhine, inklużi l-attakki tad-9 ta’ Ottubru 2016 u l-azzjonijiet tal-gvern wara dawn l-attakki; jissottolinja l-ħtieġa li wieħed jipproċedi kif xieraq kontra dawk responsabbli, u li jiġi pprovdut rimedju adegwat għall-vittmi ta’ ksur;
4. Jinsisti li dan ikun biss l-ewwel pass f’impenn usa’ sabiex tintemm l-impunità għal delitti kontra l-minoranza Rohingya; huwa partikolarment iddiżgustat bir-rapporti ta’ vjolenza sesswali bħala mezz ta’ intimidazzjoni u arma tal-gwerra fit-trażżin tal-minoranza Rohingya, u jitlob il-prosekuzzjoni ta’ dawk li jwettqu dawn id-delitti;
5. Jitlob, barra minn hekk, li l-Gvern tal-Myanmar jippermetti b’mod immedjat lill-għajnuna umanitarja tilħaq iż-żoni kollha ta’ kunflitt u lill-persuni spostati kollha;
6. Jitlob lill-gvern u l-awtoritajiet ċivili tal-Myanmar biex immedjatament itemmu d-diskriminazzjoni u s-segregazzjoni terribbli tal-minoranza Rohingya;
7. Jitlob, għalhekk, lill-Gvern tal-Myanmar biex jirriforma l-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza tal-1982 u biex terġa’ tingħata ċ-ċittadinanza lill-minoranza Rohingya; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Myanmar u lill-awtoritajiet tal-Istat ta' Rakhine biex jibdew minnufih jirreġistraw it-tfal mat-twelid;
8. Jistieden lill-Gvern tal-Myanmar ineħħi r-restrizzjonijiet diskriminatorji u sproporzjonati kollha fl-Istat ta’ Rakhine;
10. Jistieden lill-Gvern tal-Myanmar itejjeb il-kooperazzjoni tiegħu man-NU, inklużi l-UNHCR u d-detenturi tal-Mandat tal-Proċeduri Speċjali; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Myanmar jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tar-Riżoluzzjoni 31/24 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar; jitlob lill-Gvern tal-Myanmar jistieden lill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem biex jiftaħ uffiċċju fil-pajjiż, b’mandat sħiħ u persunal adegwat;
11. Jistieden lill-Gvern tal-Myanmar jikkundanna b’mod ċar kull inċitament għall-mibegħda razzjali jew reliġjuża, jieħu passi biex itemm id-diskors ta’ mibegħda, inkluż minn gruppi Buddisti radikali, u jikkumbatti d-diskriminazzjoni u l-ostilità kontra l-minoranza Rohingya; jistieden, barra minn hekk, lill-Gvern tal-Myanmar jirrispetta d-dritt universali għal-libertà ta’ reliġjon jew ta’ twemmin;
12. Jistieden lir-rebbieħa tal-Premju Sakharov, Aung San Suu Kyi, tuża l-pożizzjoni importanti tagħha fil-Gvern tal-Myanmar biex ittejjeb is-sitwazzjoni tal-minoranza Rohingya; ifakkar fid-dikjarazzjoni tat-18 ta' Mejju 2015 mill-kelliem tal-partit ta' Aung San Suu Kyi li l-Gvern tal-Myanmar għandu jagħti ċ-ċittadinanza lill-minoranza Rohingya;
13. Jirrakkomanda li l-gvernijiet tal-pajjiżi li jaffrontaw l-influss ta’ rifuġjati Rohingya jikkooperaw mill-qrib mal-UNHCR, li għandu l-kompetenza teknika biex jiskrinja għall-istatus ta’ rifuġjat u l-mandat li jipproteġi lir-rifuġjati u l-persuni apolidi; iħeġġeġ lil dawk il-pajjiżi jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-refoulement u ma jimponux it-tluq lura tar-rifuġjati Rohingya, għall-inqas sakemm ma tinstabx soluzzjoni sodisfaċenti u dinjituża għas-sitwazzjoni tagħhom; jistieden b’mod partikulari lill-Bangladesh jippermetti d-dħul ta’ rifuġjati Rohingya, filwaqt li jirrikonoxxi l-isforzi li diġà saru mill-Bangladesh biex jospita diversi mijiet ta’ eluf ta’ rifuġjati;
14. Jilqa' l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2016 dwar strateġija tal-UE fil-konfront tal-Myanmar; jemmen li l-UE tassew għandha interess strateġiku fit-tisħiħ tar-relazzjoni tagħha mal-Myanmar; jemmen li l-Gvern il-ġdid għandu opportunità storika kif ukoll dover li jikkonsolida d-demokrazija u jikseb il-paċi, ir-rikonċiljazzjoni nazzjonali u l-prosperità; huwa tal-fehma li l-approfondiment ulterjuri tar-relazzjoni bejn l-UE u l-Myanmar għandu jkun kondizzjonali fuq titjib reali tad-drittijiet tal-bniedem f’dak il-pajjiż;
15. Itenni, barra minn hekk, l-appelli fil-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-bini ta’ istituzzjonijiet demokratiċi effettivi u soċjetà ċivili b’saħħitha, ir-rispett tad-drittijiet u l-libertajiet bażiċi, u l-promozzjoni ta’ governanza tajba;
16. Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex ikompli d-djalogu bilaterali regolari dwar id-drittijiet tal-bniedem u biex jiddiskuti s-sitwazzjoni fir-rigward tal-leġiżlazzjoni problematika u d-diskriminazzjoni tal-minoranzi, b’mod partikolari l-minoranza Rohingya, fid-dettall u biex jirrapporta lura lill-Parlament Ewropew dwar ir-riżultat ta’ dawn id-diskussjonijiet;
17. Jitlob lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex ikomplu bl-appoġġ tagħhom għall-istrutturi demokratiċi ġodda tal-Myanmar u jiffokaw b’mod partikolari fuq il-kooperazzjoni teknika biex jgħinu fit-titjib ta’ diversi funzjonijiet tal-istat;
18. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu jwettqu skrutinju tal-Myanmar fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU taħt punt 4 tal-aġenda;
19. Jistieden lill-UE tappoġġja lill-UNHRC fl-isforzi tiegħu biex jgħin lir-rifuġjati Rohingya fin-Nofsinhar u x-Xlokk tal-Asja;
20. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw il-Pjan ta' Azzjoni Globali 2014-24 tal-UNHRC biex Tintemm l-Apolidija;
21. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u lill-Parlament tal-Myanmar, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lis-Segretarju Ġenerali tal-ASEAN, lill-Kummissjoni Intergovernattiva dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-ASEAN, lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU.