Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2146(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0366/2016

Testi mressqa :

A8-0366/2016

Dibattiti :

PV 15/12/2016 - 3
CRE 15/12/2016 - 3

Votazzjonijiet :

Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0512

Testi adottati
PDF 400kWORD 66k
Il-Ħamis, 15 ta' Diċembru 2016 - Strasburgu
Attivitajiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet 2015
P8_TA(2016)0512A8-0366/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2016 dwar l-attivitajiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet fl-2015 (2016/2146(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-riżultat tad-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 10 u 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità,

–  wara li kkunsidra l-importanza tad-dritt ta' petizzjoni u l-utilità li l-Parlament ikun immedjatament infurmat bit-tħassib speċifiku taċ-ċittadini u r-residenti tal-Unjoni Ewropea, kif previst fl-Artikoli 24 u 227 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 228 tat-TFUE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 44 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea dwar id-dritt ta' petizzjoni lill-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tat-TFUE fir-rigward tal-proċedura ta' ksur, partikolarment l-Artikoli 258 u 260 tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 52 u l-l-Artikolu 216(8) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A8-0366/2016),

A.  billi r-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet għandu l-għan li jippreżenta analiżi tal-petizzjonijiet li waslu fl-2015, ir-relazzjonijiet mal-istituzzjonijiet l-oħra u li jippreżenta stampa vera tal-objettivi milħuqa matul is-sena 2015;

B.  billi fl-2015 tressqu 1 431 petizzjoni, li jirrappreżentaw tnaqqis ta' madwar 47 % fir-rigward tal-2014, li fiha l-Parlament irċieva 2 714-il petizzjoni; billi 943 petizzjoni ġew ikkunsidrati ammissibbli; li minnhom 424 petizzjoni kellhom eżami rapidu u ngħalqu wara li l-petizzjonant ġie informat kif xieraq dwar il-kwistjoni li kienet tikkonċernah, u billi 519-il petizzjoni għadhom miftuħa sabiex jiġu diskussi fil-Kumitat għall-Petizzjonijiet; billi 483 petizzjoni ġew iddikjarati inammissibbli;

C.  billi l-għadd ta' petizzjonijiet irċevuti huwa modest meta mqabbel mal-popolazzjoni totali tal-UE, u dan jindika li l-maġġoranza taċ-ċittadini u r-residenti tal-UE sfortunatament għadhom ma jafux dwar l-eżistenza tad-dritt ta' petizzjoni u dwar l-utilità possibbli tiegħu bħala mezz biex tinġibed l-attenzjoni tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri dwar il-kwistjonijiet li jolqtuhom u jħassbuhom, u li jaqgħu fil-qasam ta' attività tal-Unjoni;

D.  billi fl-2015, 483 petizzjoni ġew iddikjarati inammissibbli u billi għad hemm konfużjoni kbira dwar il-qasam tal-attivitajiet tal-UE, kif muri mill-għadd għoli ta' petizzjonijiet inammissibbli li tressqu (33,8 %); billi sabiex dan jiġi rrimedjat jeħtieġ li titħeġġeġ u titjieb il-komunikazzjoni maċ-ċittadini u li jiġu spjegati l-oqsma differenti ta' kompetenza – dak Ewropew, dak nazzjonali u dak lokali;

E.  billi kull petizzjoni tiġi kkunsidrata u eżaminata bir-reqqa, b'mod effiċjenti u trasparenti;

F.  billi l-petizzjonanti għandhom it-tendenza li jkunu ċittadini li jimpenjaw ruħhom favur is-salvagwardja tad-drittijiet fundamentali u t-titjib u l-benesseri tal-ġejjieni tas-soċjetajiet tagħna; billi l-esperjenza ta' dawn iċ-ċittadini fir-rigward ta' kif jiġu pproċessati l-petizzjonijiet tagħhom hija influwenti ħafna fid-determinazzjoni tal-perċezzjoni tagħhom dwar l-istituzzjonijiet tal-UE u r-rispett għad-dritt ta' petizzjoni stabbilit fid-dritt tal-UE;

G.  billi l-Parlament Ewropew huwa l-unika istituzzjoni tal-UE li hija eletta direttament miċ-ċittadini, u billi d-dritt ta' petizzjoni joffrilhom il-mezzi biex jiġbdu l-attenzjoni tar-rappreżentanti eletti tagħhom dwar kwistjonijiet li jikkonċernawhom;

H.  billi, skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, sabiex tiġi promossa l-governanza tajba u tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni għandhom iwettqu l-ħidma tagħhom bl-aktar mod miftuħ possibbli;

I.  billi d-dritt ta' petizzjoni għandu jkun element kruċjali għal demokrazija parteċipattiva li fiha d-dritt ta' kull ċittadin li jkollu parteċipazzjoni diretta fil-ħajja demokratika tal-Unjoni jiġi protett b'mod effettiv; billi governanza demokratika u parteċipattiva ġenwina għandha tiżgura trasparenza sħiħa, protezzjoni effettiva tad-drittijiet fundamentali u involviment prattiku tal-pubbliku fil-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet; billi permezz tal-petizzjonijiet il-Parlament Ewropew jista' jisma', jagħti informazzjoni u jgħin biex jiġu indirizzati l-problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom iċ-ċittadini tiegħu, filwaqt li jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE u lill-istituzzjonijiet fl-Istati Membri biex jagħmlu ħilithom kollha f'dan ir-rigward fl-isferi ta' kompetenza rispettivi tagħhom; billi għandu jiġi evalwat l-impatt tal-leġiżlazzjoni tal-UE fuq il-ħajja ta' kuljum ta' dawk li jgħixu fl-UE permezz tal-petizzjonijiet imsemmija hawn fuq;

J.  billi l-fiduċja fis-sistema u fil-proġett Ewropew kollu kemm hu qed tiġi affettwata b’mod negattiv mill-kriżi umanitarja tar-rifuġjati, l-impatt soċjali u ekonomiku serju ħafna tal-kriżi finanzjarja u ż-żieda fil-ksenofobija u r-razziżmu fl-Ewropa kollha,; billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet għandu r-responsabilità u l-isfida kbira li jżomm u jsaħħaħ id-djalogu kostruttiv maċ-ċittadini Ewropej fuq kwistjonijiet Ewropej;

K.  billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet huwa fl-aħjar pożizzjoni biex juri liċ-ċittadini dak li l-UE qed tagħmel għalihom u liema soluzzjonijiet jistgħu jiġu pprovduti fil-livell Ewropew, nazzjonali jew lokali; billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet jista' jagħmel ħidma sinifikanti biex jispjega u possibilment juri bil-provi l-kisbiet u l-benefiċċji tal-proġett Ewropew;

L.  billi d-dritt ta' petizzjoni għandu jsaħħaħ il-kapaċità tal-Parlament Ewropew biex jirreaġixxi għall-problemi relatati primarjament mal-applikazzjoni u t-traspożizzjoni tal-liġi tal-UE u biex jgħin biex dawn jissolvew; billi l-petizzjonijiet jirrappreżentaw sors siewi ta' informazzjoni diretta bbażat fuq l-esperjenzi taċ-ċittadini stess li jgħinu biex jiġu identifikati ksur u nuqqasijiet potenzjali dwar kif il-leġiżlazzjoni tal-UE hija implimentata fil-livell nazzjonali u, fl-aħħar mill-aħħar, immonitorjata mill-Kummissjoni fir-rwol tagħha ta' gwardjana tat-Trattati; billi l-petizzjonijiet li huma bbażati fuq l-oqsma ta' attività tal-UE u li jissodisfaw il-kriterji ta' ammissibilità huma għodda bażika fl-iskoperta bikrija ta' dewmien fit-traspożizzjoni u fl-infurzar veru tad-dritt tal-UE mill-Istati Membri; billi, permezz tal-petizzjonijiet, iċ-ċittadini tal-UE jistgħu jilmentaw dwar każijiet ta' nuqqas ta' implimentazzjoni tad-dritt tal-UE u jgħinu biex jiġi identifikat ksur tad-dritt tal-UE;

M.  billi, għaldaqstant, il-petizzjonijiet għandhom importanza kbira fil-proċess leġiżlattiv peress li jipprovdu lil kumitati oħra tal-Parlament b'informazzjoni utli u diretta għall-ħidma leġiżlattiva tagħhom fl-oqsma rispettivi tagħhom; billi l-petizzjonijiet mhumiex biss ir-responsabilità tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, iżda għandhom ikunu impenn kondiviż mill-kumitati kollha tal-Parlament Ewropew;

N.  billi, permezz tal-użu ta' petizzjonijiet, iċ-ċittadini u r-residenti tal-UE jistgħu jirrapportaw applikazzjoni ħażina tad-dritt tal-UE; billi wkoll b'dan il-mod iċ-ċittadini huma sors siewi ta' informazzjoni biex ikun identifikat il-ksur tad-dritt tal-UE;

O.  billi minbarra li jipprovdu feedback rilevanti dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti, il-petizzjonijiet jistgħu wkoll jgħinu biex jiġu identifikati lakuni fid-dritt tal-UE u biex jiġu vvalutati l-impatti tan-nuqqas ta' regolamentazzjoni f'ċerti oqsma, u b'hekk isiru impetu għal aktar sforzi leġiżlattivi;

P.  billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet għamel użu akbar mill-istrumenti speċifiċi disponibbli għalih bħala kumitat, bħall-mistoqsijiet b'talba għal tweġiba orali u r-riżoluzzjonijiet qosra, sabiex jagħti viżibilità lill-kwistjonijiet differenti ta' tħassib għaċ-ċittadini, jew billi jibgħat mistoqsijiet u riżoluzzjonijiet lis-sessjoni plenarja tal-Parlament, bħal pereżempju r-riżoluzzjonijiet dwar il-leġiżlazzjoni ipotekarja u l-istrumenti finanzjarji riskjużi fi Spanja jew dwar l-aħjar interessi tat-tfal fl-Ewropa;

Q.  billi fl-2015 il-petizzjonijiet sottomessi miċ-ċittadini ġew ipproċessati aktar malajr u b'mod aktar effiċjenti billi l-ħin għall-korrispondenza mal-petizzjonanti tqassar; billi s-segretarjat għamel sforz notevoli sabiex jikseb dan it-titjib;

R.  billi l-petizzjonanti jikkontribwixxu b'mod attiv għall-ħidma tal-kumitat billi jipprovdu informazzjoni diretta supplementari lill-Membri tal-Kumitat u lill-Kummissjoni u lir-rappreżentanti tal-Istati Membri li huma preżenti; billi, bil-fatt li jieħdu sehem f'diskussjonijiet u jippreżentaw il-petizzjonijiet tagħhom flimkien ma' informazzjoni aktar dettaljata, huma jikkontribwixxu biex jiġi stabbilit djalogu mexxej u kostruttiv mal-Membri tal-Parlament Ewropew u mal-Kummissjoni Ewropea; billi fl-2015, 191 petizzjonant attendew id-deliberazzjonijiet tal-kumitat u pparteċipaw fihom; billi, għalkemm dan in-numru jidher li huwa relattivament baxx, wieħed m'għandux jinsa li l-laqgħat tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet jiġu trażmessi u jippermettu lill-petizzjonanti jsegwu d-dibattiti live kemm f'ħin reali kif ukoll wara b'ripetizzjonijiet permezz ta' streaming tal-internet;

S.  billi ġie adottat metodu speċifiku ta' pproċessar tal-petizzjonijiet li jikkonċernaw il-benesseri tat-tfal, u nħoloq grupp speċjali ta' ħidma dwar dan is-suġġett, li ġie konstitwit fis-17 ta' Settembru 2015 u b'Eleonora Evi bħala l-President tiegħu; jenfasizza li kwalunkwe grupp ta’ ħidma għandu jkollu mandat ċar biex jinkisbu riżultati tanġibbli u jiġi evitat kwalunkwe dewmien mhux ġustifikat fit-trattament tal-petizzjonijiet;

T.  billi s-sottomissjoni ta' petizzjoni spiss issir fl-istess ħin mal-preżentazzjoni ta' lment lill-Kummissjoni Ewropea li tista' twassal għal proċedimenti ta' ksur; billi fl-2015 il-Parlament Ewropew wissa, permezz ta' petizzjonijiet u mistoqsijiet, lill-Kummissjoni dwar in-nuqqasijiet fil-mod li bih xi Stati Membri kien qed japplikaw u jimplimentaw ċerti liġijiet tal-UE;

U.  billi dawn il-petizzjonijiet wasslu għal ilmenti fil-qasam tal-ambjent; billi l-Kummissjoni bagħtet ittra ta' avviż formali lill-Finlandja għat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-aċċess pubbliku għal informazzjoni dwar l-ambjent; billi f'ħames każijiet oħra fi kwistjonijiet ambjentali l-Kummissjoni bdiet djalogi bilaterali mal-Istati Membri kkonċernati; billi l-każijiet kienu relatati mal-gass tax-shale, il-ġestjoni tal-popolazzjoni tal-lupu, l-applikazzjoni żbaljata tad-Direttiva dwar il-valutazzjoni strateġika ambjentali u l-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mar-rekwiżiti tad-Direttiva dwar l-aċċess pubbliku għal informazzjoni ambjentali;

V.  billi l-petizzjonijiet sottomessi miċ-ċittadini jittrattaw ukoll kwistjonijiet ta' ġustizzja u kooperazzjoni ġudizzjarja peress li, bħala riżultat ta' petizzjoni, il-Kummissjoni bdiet djalogu bilaterali ma' Stat Membru dwar ir-restrizzjonijiet tiegħu dwar il-bidla fl-isem wara ż-żwieġ;

W.  billi l-Kummissjoni bdiet ukoll taħdidiet bilaterali fuq il-bażi ta' diversi petizzjonijiet ma' bosta Stati Membri dwar it-taxxi fuq il-proprjetà immobbli u dwar it-taxxa lokali ta' residenza mħallsa mill-istudenti;

X.  billi l-Kummissjoni bi ħsiebha ssaħħaħ l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE fuq il-bażi tat-traspożizzjoni u ta' kontrolli sistematiċi dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali; billi l-Kummissjoni ddikjarat li se tieħu miżuri xierqa, inkluża t-tnedija ta' każijiet ġodda tal-EU Pilot u proċedimenti ta' ksur meta tiskopri ksur possibbli tal-leġiżlazzjoni tal-UE;

Y.  billi l-involviment tal-Parlament f'dawn il-proċedimenti jippermetti skrutinju akbar fuq il-ħidma investigattiva tal-istituzzjonijiet kompetenti tal-UE; billi l-ebda petizzjoni m'għandha tingħalaq meta tkun għadha qed tiġi investigata mill-Kummissjoni;

Z.  billi l-Kummissjoni fir-rapport annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea tippubblika l-azzjonijiet relatati mal-ksur tad-dritt tal-UE u tiżvela informazzjoni dwar il-proċedimenti ta' ksur f'forma ta' stqarrijiet għall-istampa; billi dawn id-deċiżjonijiet dwar il-proċedimenti ta' ksur jistgħu jiġu kkonsultati fil-bażi tad-data tal-Kummissjoni disponibbli fuq is-sit web Europa; billi informazzjoni aktar min-naħa tal-Kummissjoni fl-interventi tagħha fil-Kumitat għall-Petizzjonijiet f'każijiet relatati ma' petizzjonijiet tikkontribwixxi għal aktar trasparenza u kooperazzjoni b'anqas xkiel bejn iż-żewġ istituzzjonijiet;

AA.  billi l-kwistjonijiet ewlenin imqajma fil-petizzjonijiet ikopru firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet, bħall-protezzjoni tal-ambjent (b'mod partikolari t-trattament tal-ilma tad-drenaġġ, il-ġestjoni tal-iskart, l-immaniġġjar tal-baċini tax-xmajjar, l-esplorazzjoni u l-estrazzjoni tal-gass u taż-żejt), każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-konsumatur, l-applikazzjoni tal-ġustizzja (b'mod partikolari id-drittijiet ta' kustodja fir-rigward tal-minuri) id-drittijiet fundamentali (b'mod partikolari d-drittijiet tat-tfal, tal-persuni b'diżabilità u tal-minoranzi), il-moviment liberu tal-persuni, id-diskriminazzjoni, l-immigrazzjoni, l-impjiegi u l-benesseri tal-annimali;

AB.  billi l-portal tal-internet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, li beda jopera lejn l-aħħar tal-2014, huwa operattiv iżda mhux finalizzat; billi l-portal għandu l-għan li jipprovdi liċ-ċittadini u lir-residenti tal-UE b'għodda elettronika biex ikunu jistgħu jressqu petizzjonijiet u jsegwu kontinwament l-ipproċessar tagħhom, kif ukoll jiffirmaw elettronikament il-petizzjonijiet tagħhom stess u jżidu l-appoġġ tagħhom f'dawk ta' petizzjonanti oħra li s-suġġett tagħhom jinteressahom; billi n-nuqqasijiet f'ċerti funzjonalitajiet bażiċi, bħall-magna tat-tiftix, ippersistew matul l-2015 u sa ftit ilu xekklu r-rwol tal-portal bħala spazju interattiv ta' skambju bejn iċ-ċittadini; billi din il-problema finalment ġiet solvuta;

AC.  billi l-portal tfassal biex tiżdied t-trasparenza u l-interattività tal-proċedura ta' petizzjoni, u billi dan jagħmel l-amministrazzjoni aktar effettiva fl-interess tal-petizzjonanti, tal-Membri u tal-pubbliku ġenerali; billi t-tieni fażi tal-proġett hija maħsuba primarjament sabiex issaħħaħ l-ipproċessar amministrattiv tal-petizzjonijiet;

AD.  billi d-dewmien suċċessiv fil-fażijiet sussegwenti tal-proġett iġġenera volumi addizzjonali ta' xogħol fis-segretarjat tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, minħabba l-bżonn li l-fajls rilevanti jittellgħu manwalment fil-bażijiet tad-data differenti; billi għad hemm petizzjonijiet pendenti x'jittellgħu, peress li s'issa l-petizzjonijiet miftuħa kollha rċevuti fl-2013, l-2014 u l-2015 biss iddaħħlu fil-portal, u billi attwalment qed issir ħidma biex jittellgħu l-petizzjonijiet li waslu fl-2016;

AE.  billi ċerti nuqqasijiet ġew rettifikati, b'mod konkret fir-rigward tal-funzjoni ta' tiftix u tal-kunfidenzjalità tal-petizzjonant, u billi saret ħidma kif skedata mit-tieni nofs tal-2016 biex jitjiebu l-utilità u l-viżibilità tas-servizz għaċ-ċittadini;

AF.  billi l-ammissibilità tal-petizzjonijiet hija bbażata fuq il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 227 tat-TFUE; billi l-kunċett tal-qasam ta' attività tal-Unjoni jmur ferm lil hinn mil-lista twila ta' kompetenzi; billi dikjarazzjoni ta' inammissibilità tista' tkun soġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju jekk ma tkunx iġġustifikata kif xieraq bi qbil ma' dawn il-kriterji;

AG.  billi l-qrati nazzjonali huma primarjament responsabbli biex jiżguraw li l-leġiżlazzjoni tal-UE tiġi implimentata korrettament fl-Istati Membri; billi, f'dan il-kuntest, sentenza preliminari mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja hija għodda siewja disponibbli għas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali; billi f'xi Stati Membri din il-proċedura ftit li xejn intużat, jekk mhux qatt; billi din ir-responsabbiltà inizjali bl-ebda mod m'għandha tipprekludi rwol aktar proattiv mill-Kummissjoni fir-rigward tal-iżgurar ta’ konformità mad-dritt tal-UE, fil-kapaċità tagħha ta’ gwardjan tat-Trattati; billi l-petizzjonijiet jipprovdu possibilità alternattiva u indipendenti biex isiru inkjesti u kontrolli fuq il-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE, u billi dawn iż-żewġ proċeduri alternattivi għalhekk m'għandhomx jeskludu lil xulxin;

AH.  billi l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej għandha tkun għodda importanti li tippermetti li ċ-ċittadini jipparteċipaw direttament fl-iżvilupp tal-politiki tal-UE, u billi l-potenzjal tagħha għandu jiġi sfruttat bis-sħiħ, filwaqt li jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkunu informati bis-sħiħ dwar kwistjonijiet li huma ta' kompetenza tal-UE u ta' kompetenza nazzjonali; billi d-differenzi ewlenin bejn l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej u d-dritt ta' petizzjoni għandhom jiġu kkomunikati aħjar liċ-ċittadini; billi l-Parlament għandu responsabilità speċifika li jagħmel dan l-istrument suċċess reali; billi, kif intwera fid-dikjarazzjonijiet tas-smigħ pubbliku tat-22 ta' Frar 2015, hemm sentiment ġenerali fost l-organizzazzjonijiet li jirreġistraw inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej li l-ostakoli amministrattivi jridu jitneħħew jekk iridu nikisbu l-aħjar riżultati possibbli f'termini ta' parteċipazzjoni taċ-ċittadini;

AI.  billi, tliet snin wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 211/2011, aktar minn tliet snin wara d-data tal-applikazzjoni fl-1 ta' April 2012, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet huwa tal-fehma li għandha tiġi vvalutata l-implimentazzjoni tiegħu sabiex jinstabu n-nuqqasijiet u jiġu proposti soluzzjonijiet konkreti vijabbli għar-reviżjoni rapida tiegħu sabiex jitjieb il-funzjonament tiegħu;

AJ.  billi fl-2015, minħabba l-piż tax-xogħol tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, saret biss żjara waħda ta' ġbir ta' informazzjoni fir-rigward tal-petizzjonijiet li ġew investigati fl-2015; billi l-investigazzjoni mwettqa fir-Renju Unit fil-5 u s-6 ta' Novembru 2015 dwar il-kwistjoni tal-adozzjoni mingħajr il-kunsens tal-ġenituri għamlitha possibbli li l-membri tad-delegazzjoni jifhmu s-sitwazzjoni aħjar, peress li setgħu jiddiskutu l-kwistjoni mar-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet differenti fir-Renju Unit involuti fil-kwistjoni;

AK.  billi żjarat bħal dawn huma prerogattiva speċifika tal-Kumitat u parti fundamentali mill-ħidma tiegħu, li tinkludi l-interazzjoni mal-petizzjonanti u mal-awtoritajiet tal-Istati Membri kkonċernati; billi l-membri ta' dawn id-delegazzjonijiet jieħdu sehem b'importanza indaqs fl-attivitajiet kollha, inkluż fl-abbozzar tar-rapport finali;

AL.  billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet jassumi r-responsabilitajiet fir-rigward tal-Ombudsman Ewropew, li hu responsabbli mill-investigazzjoni ta' lmenti minn ċittadini u residenti tal-UE dwar il-possibilità ta' amministrazzjoni ħażina min-naħa tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE, u li dwarhom joħroġ ukoll rapport annwali, ibbażat fuq ir-Rapport Annwali proprju tal-Ombudsman Ewropew;

AM.  billi fis-26 ta' Mejju 2015 Emily O'Reilly, l-Ombudsman Ewropew, ippreżentat ir-rapport tagħha annwali għall-2014 lil Martin Schulz, President tal-Parlament Ewropew; u billi fit-23 ta' Ġunju 2015 l-Ombudsman ippreżentat ir-rapport tagħha fil-laqgħa tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, bħala l-kumitat responsabbli mir-relazzjonijiet mal-istituzzjoni tagħha;

AN.  billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet huwa membru tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen, li jinkludi l-ombudsmen nazzjonali u reġjonali, il-kumitati għall-petizzjonijiet u korpi simili tal-Istati Membri tal-UE, il-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni fl-UE, u pajjiżi oħra taż-Żona Ekonomika Ewropea u/jew taż-żona Schengen. billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew huwa membru sħiħ ta' dan in-netwerk, li bħalissa għandha 94 uffiċċju f'36 pajjiż;

AO.  billi kull petizzjoni tiġi eżaminata u indirizzata b'attenzjoni u kull petizzjonant irid jirċievi tweġiba f'perjodu raġonevoli ta' żmien; billi kull petizzjonant għandu jiġi infurmat bir-raġunijiet għal għeluq ta’ petizzjoni;

AP.  billi l-petizzjonanti kollha għandu jkollhom il-possibilità li jippreżentaw direttament il-każijiet tagħhom lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet;

1.  Jenfasizza li d-dritt ta' petizzjoni jrid isaħħaħ il-kapaċità ta' reazzjoni tal-Parlament Ewropew biex jgħinu jsolvi l-problemi relatati primarjament mat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE, peress li l-petizzjonijiet, li huma bbażati fuq l-oqsam ta' attività tal-UE u jissodisfaw il-kriterji ta' ammissibilità, jirrappreżentaw sors siewi ta' informazzjoni biex jinstab il-ksur potenzjali fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu akbar mis-setgħat tagħha f'dak li għandu x'jaqsam mal-iżgurar ta' implimentazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni tal-UE, pereżempju billi tfittex tagħmel użu aktar effiċjenti mill-proċedura ta' ksur skont l-Artikoli 258 u 260 tat-TFUE;

2.  Jenfasizza r-rwol tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet li jisma' u jgħin biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet li jħabbtu wiċċhom magħhom iċ-ċittadini; jemmen li l-petizzjonijiet jistgħu jgħinu biex jiġi vvalutat aħjar l-impatt li l-leġiżlazzjoni tal-UE għandha fuq il-ħajja ta' kuljum tan-nies billi jaġixxu bħala pont bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet;

3.  Jenfasizza l-fatt li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet għandu l-opportunità u l-isfida kbira li jidħol fi djalogu affidabbli u siewi maċ-ċittadini, flimkien mal-possibilità li jqarreb lill-istituzzjonijiet tal-UE lejn iċ-ċittadini tagħha; jinnota li dan għandu jgħin biex tiġi promossa d-demokrazija parteċipattiva; iqis li sabiex jintlaħaq dan l-għan huwa kruċjali li jkun hemm reazzjoni adegwata għall-petizzjonijiet, kemm f'termini ta' żmien kif ukoll ta' kwalità tat-tweġiba;

4.  Ifakkar li r-rappreżentanza ndaqs u proporzjonata tan-nazzjonalitajiet tal-petizzjonanti fid-dibattiti pubbliċi tal-kumitat għandha tiġi rrispettata; sabiex tissaħħaħ id-dimensjoni Ewropea tal-kumitat, għandha titħeġġeġ rappreżentazzjoni xierqa u ġusta tal-Istati Membri kollha fid-dibattiti pubbliċi tiegħu; jenfasizza li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet għandu jittratta l-petizzjonijiet ammissibbli kollha b’importanza u oġġettività ugwali; jenfasizza li l-petizzjonijiet li huma relatati ma’ kampanja elettorali fi Stat Membru m’għandhomx ikunu ttrattati skont il-proċedura urġenti;

5.  Jenfasizza li l-petizzjonijiet huma wkoll ta' importanza fil-proċess leġiżlattiv, billi jidentifikaw lakuni u nuqqasijiet eżistenti fit-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja u billi jipprovdu lil kumitati oħra tal-Parlament b'informazzjoni utli u diretta għall-ħidma leġiżlattiva tagħhom fl-oqsma rispettivi tagħhom; jilqa' l-interazzjoni akbar tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet mal-kumitati parlamentari l-oħra, kif ukoll il-preżenza aktar frekwenti ta' kwistjonijiet relatati mal-petizzjonijiet fil-plenarja; iqis li l-petizzjonijiet mhumiex biss ir-responsabilità tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, iżda għandhom ikunu sforz komuni min-naħa tal-kumitati kollha tal-Parlament; jilqa' l-intenzjoni li jitwaqqaf netwerk informali ta' petizzjonijiet fil-Parlament, bil-parteċipazzjoni ta' rappreżentanti minn kull kumitat parlamentari, sabiex tkun garantita koordinazzjoni bla xkiel u effettiva tal-ħidma relatata mal-petizzjonijiet; jemmen li n-netwerk irid jippermetti li jinkiseb fehim aħjar tar-rwol tal-petizzjonijiet fil-ħidma parlamentari, u jrid isaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-kumitati fi kwistjonijiet imqajma mill-petizzjonanti; jistieden lill-kumitati parlamentari kkonċernati kollha biex jagħtu l-attenzjoni dovuta lill-petizzjonijiet mibgħuta lilhom u biex jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa għall-ipproċessar korrett tal-petizzjonijiet;

6.  Jirrikonoxxi li l-Parlament għandu wkoll rwol politiku kruċjali x'jaqdi fir-rigward tal-azzjonijiet ta' infurzar tal-Kummissjoni, billi jwettaq skrutinju tar-rapporti annwali dwar il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE u jadotta riżoluzzjonijiet parlamentari rilevanti; jistieden lill-Kummissjoni tqis ir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament imressqa mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet, li jidentifikaw diskrepanzi speċifiċi fl-applikazzjoni u fl-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE fuq il-bażi ta' petizzjonijiet u jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni xierqa u tirrapporta lura lill-Parlament dwar is-segwitu tagħha; jistieden, barra minn hekk, lill-Kunsill u lill-Parlament jieħdu azzjoni speċifika fl-adozzjoni tar-Regolament (UE) .../.... [proċedura 2013/0140(COD)] dwar l-eżenzjoni ta' Drosophila melanogaster minn kontrolli veterinarji fil-fruntieri esterni, kif issuġġerit mir-rebbieħa tal-Premju Nobel (professuri tal-bijokimika) fil-Petizzjoni 1358/2011;

7.  Jilqa' l-fatt li fl-2015 iż-żmien għall-ipproċessar tal-petizzjonijiet naqas, iżda jsostni madankollu li s-segretarjat tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet għandu bżonn immedjat ta' aktar riżorsi tekniċi u aktar persunal sabiex jiggarantixxi l-eżami diliġenti u tnaqqis ulterjuri fil-ħin tal-ipproċessar tal-petizzjonijiet, filwaqt li jiżgura l-kwalità tat-trattament tagħhom; jitlob għad-diġitalizzazzjoni tal-ipproċessar ta’ petizzjonijiet, notevolment bl-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda ta’ informazzjoni u komunikazzjoni biex jiġi ggarantit it-trattament effiċjenti u f’waqtu u l-aħjar użu tar-riżorsi umani eżistenti, filwaqt li jinżamm id-dritt taċ-ċittadini li jressqu petizzjoni permezz tal-posta tradizzjonali;

8.  Ikompli jqis li huwa obbligu partikolari li jiġi żgurat li l-inammissibilità jew l-għeluq ta' petizzjonijiet minħabba li jkunu infondati trid tkun ġustifikata bir-reqqa fir-rigward tal-petizzjonant;

9.  Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni hija involuta u timpenja ruħha fil-proċess ta' petizzjoni u li hi tirreaġixxi mill-aktar fis possibbli għall-petizzjonijiet il-ġodda lilha mibgħuta mill-Parlament; jinnota li t-tweġibiet tal-Kummissjoni sikwit ikunu ddettaljati u jittrattaw il-petizzjonijiet li huma fil-kompetenza tagħha; jinnota, madankollu, li f'bosta każijiet il-Kummissjoni ma tipprovdix elementi ġodda fit-tweġibiet tagħha għall-petizzjonijiet li dwarhom jintalab rieżami sabiex jinbidel l-istat u l-kuntest tagħhom; jiddispjaċih mill-okkażjonijiet meta l-Kummissjoni tiffoka essenzjalment fuq aspetti proċedurali u ma tidħolx fis-sustanza tal-kwistjoni; ifakkar lill-Kummissjoni li l-petizzjonijiet li jqajmu ksur potenzjali tad-dritt tal-UE jistgħu jingħalqu biss wara li tintemm l-analiżi xierqa tagħhom; jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tibgħat uffiċjali ġeneralment kompetenti għal-laqgħat tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, peress li l-kwalità tat-trattament globali tal-petizzjonijiet tiżdied meta l-uffiċjali tal-ogħla gradi disponibbli jirrappreżentaw lill-Kummissjoni fid-dibattiti; jiddispjaċih li matul il-laqgħat tal-kumitat it-tweġibiet tal-Kummissjoni ġeneralment ikunu limitati għall-kontenut tat-tweġiba uffiċjali mibgħuta lill-Kumitat u ma jagħtu l-ebda informazzjoni ġdida jew rilevanti li tkun tista' tagħmilha possibli li jissolvew il-kwistjonijiet imqajma; jinnota li t-tweġibiet bil-miktub jiġu kkunsidrati serjament, kif ukoll l-ispjegazzjonijiet mogħtija matul id-dibattiti orali li jsiru mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet;

10.  Iqis li fir-rwol tagħha bħala gwardjana tat-trattati, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam ma' kwistjonijiet ambjentali, il-Kummissjoni għandha tmur lil hinn minn sempliċi eżami tal-konformità proċedurali, u tiffoka aktar fuq il-kontenut propju tal-kwistjoni ewlenija; ifakkar li l-prinċipju ta' prekawzjoni u l-ispirtu finali tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE ta' prevenzjoni ta' ħsara irrimedjabbli fuq żoni ekoloġikament sensittivi, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tadotta approċċ li jippermettilha tagħmel użu mis-setgħat u mill-prerogattivi tagħha fuq bażi ex ante;

11.  Ma’ jaqbilx mal-interpretazzjoni dejjem iktar rikorrenti mill-Kummissjoni dwar is-sebgħa u għoxrin rapport annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea (2009), fejn hija jkollha d-dritt li tagħlaq fajls fuq liema ma jkun għadu ttieħed l-ebda pass formali fir-rigward tal-proċedimenti ta’ ksur, jew li tissuspendi proċedimenti ta' ksur attivi f’każijiet pendenti quddiem qorti nazzjonali; jafferma mill-ġdid l-ispirtu oriġinali tal-imsemmi rapport fejn talab li l-Kummissjoni ssaħħaħ l-isforzi tagħha biex tiżgura implimentazzjoni konsistenti tal-leġiżlazzjoni tal-UE, fi ħdan il-kapaċitajiet tagħha, bl-użu ta’ mekkaniżmi ta’ ksur indipendentement mill-eżistenza ta’ proċedimenti ġudizzjarji fil-livell nazzjonali;

12.  Se jieħu aktar ħsieb fil-futur biex jiżgura li l-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament b'mod regolari dwar il-progress tal-proċeduri ta' ksur imressqa kontra Stati Membri individwali, sabiex tiġi ffaċilitata kooperazzjoni aħjar u sabiex il-petizzjonanti kkonċernati jkunu jistgħu jiġu infurmati dwar il-progress fi stadju bikri;

13.  Iqis li, għal raġunijiet ta' trasparenza, fi spirtu ta' kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet differenti tal-UE u skont il-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea, il-Kummissjoni, fuq talba u meta jkun meħtieġ, għandha tagħti lill-Parlament sommarju tal-każijiet individwali relatati mal-proċedimenti tal-EU Pilot; ifakkar fit-talbiet preċedenti li għamel il-Kumitat għall-Petizzjonijiet sabiex jiġi żgurat aċċess għad-dokumenti proċedurali ta' ksur u tal-EU Pilot, peress li spiss il-petizzjonijiet iwasslu għall-ftuħ ta' proċeduri bħal dawn; jerġa' jħeġġeġ lill-Kummissjoni tinforma lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet dwar l-iżviluppi fil-proċeduri ta' ksur li huma marbuta direttament mal-petizzjonijiet; jagħraf il-ħtieġa li tiġi żgurata trasparenza massima fid-divulgazzjoni ta' informazzjoni dwar il-proċedimenti tal-EU Pilot u l-proċeduri ta' ksur li diġà ntemmew;

14.  Iqis li l-informazzjoni neċessarja dwar il-proċeduri ta' ksur miftuħa minħabba inkjesti relatati mal-petizzjonijiet għandha tiġi pprovduta lill-Parlament fil-ħin dovut, u b'mod partikolari fuq talba mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet;

15.  Iqis li huwa essenzjali li titjieb il-kooperazzjoni mal-parlamenti nazzjonali u mal-kumitati rilevanti tagħhom, kif ukoll mal-gvernijiet tal-Istati Membri, b'mod partikolari sabiex din tgħin ħalli jiġi żgurat li l-petizzjoni tiġi indirizzata mill-awtoritajiet rilevanti u kompetenti; itenni l-istedina tiegħu għat-tnedija ta' djalogu strutturat mal-Istati Membri fil-forma ta' laqgħat regolari mal-kumitati parlamentari nazzjonali rilevanti; jilqa' l-fatt li delegazzjoni tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Bundestag Ġermaniż kienet preżenti waqt il-laqgħa tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-4 ta' Mejju 2015; jittama li tali djalogu jista’ jikkontribwixxi għal kooperazzjoni leali fis-sejba ta’ soluzzjonijiet siewja għal każijiet rikorrenti riċevuti, bħalma huma l-petizzjonijiet dwar il-Jugendamt; iħeġġeġ lir-rappreżentanti tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet lokali u/jew reġjonali kkonċernati jattendu l-laqgħat tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet; itenni l-importanza tal-parteċipazzjoni ta' rappreżentanti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni waqt il-laqgħat u s-seduti ta' smigħ tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet;

16.  Jirrikonoxxi l-impatt tal-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-UE fuq it-tisħiħ tal-kredibilità tal-istituzzjonijiet tal-UE; ifakkar li d-dritt ta' petizzjoni, minqux fit-Trattat ta' Lisbona, huwa element importanti taċ-ċittadinanza Ewropea u barometru reali għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE u għall-identifikazzjoni tal-lakuni possibbli; jistieden lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet jorganizza laqgħa regolari mal-kumitati nazzjonali dwar il-petizzjonijiet sabiex iżid l-għarfien dwar it-tħassib taċ-ċittadini Ewropej fl-UE u fl-Istati Membri u sabiex isaħħaħ aktar id-drittijiet tagħhom permezz ta' tfassil u implimentazzjoni aħjar tal-liġijiet Ewropej;

17.  Itenni t-talba li saret fir-riżoluzzjoni tal-11 ta’ Marzu 2014 dwar l-attivitajiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-2013(1) biex jinbeda djalogu strutturat imtejjeb mal-Istati Membri, pereżemjpu billi jsiru laqgħat regolari ma' membri tal-kumitati nazzjonali għall-petizzjonijiet jew ma' awtoritajiet kompetenti oħra; jistieden lill-Istati Membri jieħdu nota tar-rakkomandazzjonijiet li jsiru fir-rapporti tal-missjonijiet ta' ġbir ta' informazzjoni u matul id-djalogi;

18.  Jilqa' l-fatt li fl-2015, 191 ċittadin ressqu l-petizzjonijiet tagħhom direttament lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet; ifakkar u jappoġġja r-rikors għall-vidjokonferenzi jew għal kwalunkwe mezz ieħor li jippermetti lill-petizzjonanti jipparteċipaw b'mod attiv fil-ħidma tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet jekk dawn ma jkunux jistgħu jkunu preżenti fiżikament;

19.  Jinnota l-interpretazzjoni restrittiva u dejqa tal-Kummissjoni fir-rigward tal-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li tistabbilixxi, fost oħrajn, li l-Karta hija indirizzata lill-Istati Membri "meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi tal-Unjoni biss"; jinnota li l-Artikolu 51(2) tal-Karta jiddisponi li l-Karta "ma testendix il-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi tal-Unjoni"; ifakkar li l-aspettattivi taċ-ċittadini tal-UE spiss imorru lil hinn mill-Karta, u jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra approċċ ġdid li huwa aktar konsistenti ma’ dawk l-aspettattivi; iħeġġeġ interpretazzjoni usa' tal-kamp ta' applikazzjoni tal-Karta, u li finalment terġa' tiġi vvalutata l-pertinenza ta' dan l-artikolu f'reviżjonijiet futuri tal-Karta u tat-trattati; jenfasizza li xejn ma jżomm lill-Istati Membri milli japplikaw bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tal-Karta fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tagħhom lil hinn mill-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u jfakkarhom li huma marbuta wkoll b'obbligi internazzjonali oħrajn;

20.  Jiddispjaċih li l-petizzjonanti ma għadhomx informati biżżejjed dwar x'inhuma r-raġunijiet biex petizzjoni tiġi ddikjarata inammissibbli;

21.  Jiddeplora l-interpretazzjoni stretta u restrittiva tal-Kummissjoni Ewropea tal-Artikolu 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jipprevedi li ‘d-dispożizzjonijiet [tal]-Karta huma intiżi għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji tal-Unjoni fir-rispett tal-prinċipju ta' sussidjarjetà u għall-Istati Membri wkoll biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta' l-Unjoni’; ifakkar li, minħabba l-eżistenza tal-Artikolu 51 tal-Karta, l-aspettattivi taċ-ċittadini sikwit imorru lil hinn minn dak li huwa strettament permess mid-dispożizzjonijiet ġuridiċi tal-Karta u li dawn spiss ma jiġux issodisfati, preċiżament minħabba din l-interpretazzjoni stretta u restrittiva; jistieden lill-Kummissjoni tadotta approċċ ġdid aktar adattat għal dawn l-aspettattivi;

22.  Jiddispjaċih li ċ-ċittadini tal-Polonja u tar-Renju Unit għadhom mhumiex protetti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

23.  Jenfasizza li f'Jannar 2015, inħatru żewġ Membri bħala membri rappreżentattivi tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet fl-istrutturi tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CPRD) u li fis-27 u t-28 ta' Awwissu 2015 dawn ħadu sehem fl-analiżi tar-rapport preliminari tal-Unjoni Ewropea u l-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità f'Ġinevra, l-Iżvizzera; jenfasizza l-ħidma importanti mwettqa b'mod kontinwu mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità; jieħu debitament nota tal-fatt li l-2015 kienet sena sinifikanti ħafna, peress li għall-ewwel darba aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti rrieżaminat il-konformità mal-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem fl-UE; jilqa' l-fatt li kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti kellu l-opportunità li jisma' d-dettalji kollha dwar il-funzjoni ta' protezzjoni tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet; jenfasizza li l-Kummissjoni bdiet tinkorpora l-Osservazzjonijiet Finali tal-Kumitat dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità tan-NU fil-proċess tal-ipproċessar tal-petizzjonijiet(2); jilqa' l-fatt li s-seduta pubblika bl-isem "Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni b'diżabilità mill-perspettiva tal-petizzjonjijiet mibgħuta", organizzata mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fil-15 ta' Ottubru 2015, kellha livell għoli ta' aċċessibilità; jiġbed l-attenzjoni dwar l-importanza tal-konklużjonijiet tal-istudju mwettaq mid-Dipartiment Tematiku Ċ bl-isem "Ir-rwol ta' protezzjoni tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità"; iqis li huwa importanti li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet ikompli jorganizza avvenimenti li jiffokaw fuq il-petizzjonijiet fil-qasam ta' diżabilità; jitlob li tissaħħaħ il-kapaċità tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet u tas-segretarjat tiegħu sabiex dan ikun jista' jaqdi b'mod xieraq ir-rwol tiegħu ta' protezzjoni; jitlob li jinħatar uffiċjal responsabbli mill-ipproċessar tal-problemi relatati mad-diżabilità; jieħu nota tal-pjan ta' azzjoni sinifikanti ta' segwitu magħmul mill-kumitat fl-2015 fir-rigward tad-diżabilità f'suġġetti aktar speċifiċi, bħalma, pereżempju, ir-ratifikazzjoni tat-Trattat ta' Marrakexx, l-iżblukkar tad-Direttiva kontra d-Diskriminazzjoni, l-eżenzjoni mid-dazji doganali għal ċerti oġġetti maħsuba għat-titjib kulturali, edukattiv jew xjentifiku tal-persuni b'diżabilità jew l-indukraturi tal-familja;

24.  Iħeġġeġ ratifika minnufih fil-livell tal-UE tat-Trattat ta' Marrakexx sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal xogħlijiet ippubblikati għal persuni li huma għomja, li għandhom vista batuta, jew persuni b'diffikultà biex jaqraw materjal stampat, ikun xi jkun il-kunflitt fuq il-kompetenzi quddiem il-QtĠ-UE; li fl-Osservazzjonijiet Finali tiegħu f'Settembru 2015, il-Kumitat tas-CPRD semma' ċerti nuqqasijiet fl-UE fir-rigward tal-konformità sħiħa mal-Konvenzjoni; jinnota li l-UE hija meħtieġa tadotta minnufih Att Ewropew emendat dwar l-Aċċessibilità li jkun jinkludi mekkaniżmi effettivi u aċċessibbli ta' infurzar u ta' lment; jinnota r-rekwiżit li jiġu diżakkoppjati r-rwoli tal-Kummissjoni billi titneħħa mill-qafas ta' monitoraġġ indipendenti, sabiex jiġi żgurat li l-qafas ikollu riżorsi adegwati għat-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu;

25.  Jenfasizza d-diversità tas-suġġetti li jitqajmu fil-petizzjonijiet imressqa miċ-ċittadini, bħad-drittijiet fundamentali, il-benesseri tat-tfal, id-drittijiet tal-persuni b'diżabilità, id-drittijiet ta' persuni li jappartjenu għal minoranzi, id-drittijiet tat-tfal, is-suq intern, il-leġiżlazzjoni dwar l-ambjent, ir-relazzjonijiet industrijali, il-politiki dwar il-migrazzjoni, il-ftehimiet kummerċjali, il-kwistjonijiet dwar is-saħħa pubblika, it-trasport, id-drittijiet tal-annimali u d-diskriminazzjoni;

26.   Jiddispjaċih għall-approċċ restrittiv ħafna meħud mill-Kummissjoni fit-tweġibiet tagħha għall-petizzjonijiet relatati ma' aspetti differenti tat-trattament xieraq tal-annimali, f'dak li għandu x'jaqsam mal-interpretazzjoni tar-responsabbiltajiet tagħha skont l-Artikolu 13 tat-TFUE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni terġa' tikkunsidra l-approċċ attwali tgħagħha u tkompli tanalizza l-bażi ġuridika tiegħu sabiex jaqdi rwol fl-iżgurar tal-protezzjoni aħjar tad-drittijiet tal-annimali madwar l-UE;

27.  Jenfasizza l-karattru sensittiv tal-petizzjonijiet relatati mad-drittijiet tat-tfal, peress li f'każijiet bħal dawn hemm bżonn ta' tweġiba urġenti u adegwata għat-tħassib tal-petizzjonanti filwaqt li jinżammu l-aħjar interessi tat-tfal, fil-kuntest taż-żjarat ta' ġbir ta' informazzjoni li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet jista' jorganizza meta jkun qed jinvestiga petizzjonijiet;

28.  Iqis li l-organizzazzjoni ta' seduti pubbliċi tikkostitwixxi mod importanti kif jiġu eżaminati f'aktar dettall il-problemi mqajma mill-petizzjonanti li jaqgħu taħt l-oqsma ta' attività tal-UE, kif ukoll l-aspetti ġenerali tal-funzjonament tal-UE u n-nuqqasijiet sottostanti fihom; jiġbed l-attenzjoni għas-seduti pubbliċi organizzati fis-26 ta' Frar 2015 flimkien mal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej, fit-23 ta' Ġunju 2015 dwar id-dritt ta' petizzjoni, fil-15 ta' Ottubru 2015 dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni b'diżabilità, tal-11 ta' Mejju 2015 ma' tliet kumitati oħrajn dwar l-ECI "Inwaqqfu l-Vivisezzjoni", u jqis ukoll bħala utli s-sessjoni ta' ħidma li saret fl-1 ta' Diċembru 2015 flimkien mal-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar l-adozzjonijiet transfruntiera;

29.  Iqis li l-ECI hija dritt politiku ġdid għaċ-ċittadini kif ukoll għodda rilevanti biex tiġi definita l-aġenda politika fil-qasam ta' demokrazija parteċipattiva fl-Unjoni Ewropea, li tippermetti liċ-ċittadini jkunu involuti direttament u b'mod attiv fil-proġetti u l-proċessi li jaffettwawhom, u li l-potenzjal tagħha għandu bla dubju jiġi sfruttat bis-sħiħ u għandu jitjieb b'mod sinifikanti sabiex jinkisbu l-aħjar riżultati possibbli u sabiex l-akbar numru possibbli ta' ċittadini tal-Unjoni jitħeġġu jipparteċipaw fl-iżvilupp ulterjuri tal-proċess ta' integrazzjoni Ewropea; iqis bl-istess mod li t-tisħiħ tal-ħarsien tad-drittijiet fundamentali, tal-leġittimità demokratika u tat-trasparenza tal-istituzzjonijiet għandu jkun fost l-objettivi prijoritarji tal-UE; ifakkar lill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li tagħti segwitu għar-rakkomandazzjonijiet li saru mir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Ottubru 2015 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej(3) sabiex jiġi żgurat li d-dritt ta' sottomissjoni tal-ECI jiġi implimentat kif suppost; itenni l-impenn tiegħu li jipparteċipa b'mod proattiv fl-organizzazzjoni ta' seduti pubbliċi dwar inizjattivi ta' suċċess; jintrabat li jagħti prijorità fil-livell istituzzjonali lill-effettività ta' dan il-proċess ta' parteċipazzjoni u li jiggarantixxi segwitu leġiżlattiv xieraq;

30.  Jiddispjaċih li l-Kummissjoni tqis li huwa kmieni wisq biex tirrevedi r-Regolament (UE) Nru 211/2011 li sar applikabbli aktar minn tliet snin ilu tal-1 ta' April 2012; iqis li jeħtieġ li l-implimentazzjoni tiegħu tiġi evalwata bir-reqqa sabiex jiġu solvuti n-nuqqasijiet possibbli identifikati u jiġu proposti soluzzjonijiet vijabbli sabiex dan jiġi rivedut immedjatament, filwaqt li jiġi żgurat li l-proċeduri u l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej ikunu ġenwinament ċari, sempliċi, proporzjonati u jkunu faċilment applikabbli; jilqa' r-rapport tal-Kummissjoni tal-31 ta' Marzu 2015 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej u d-Deċiżjoni OI/9/2013/TN tal-Ombudsman Ewropew, u jitlob lill-Kummissjoni biex fir-reviżjoni ta' dan l-istrument tiżgura li l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej tipprovdi kontribut effettiv lill-Unjoni f'konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u li jiġu adottati l-miżuri legali kollha rilevanti sabiex jingħata segwitu xieraq meta jitqies li inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej tkun ġiet ikkompletata b'suċċess; jitlob lill-Kummissjoni biex, fid-dawl tal-bosta nuqqasijiet li tqajmu, tressaq malajr kemm jista' jkun proposta għal riforma tar-Regolament (UE) Nru 211/2011;

31.  Jiġbed l-attenzjoni għar-Riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar il-leġiżlazzjoni ipotekarja u l-istrumenti finanzjarji riskjużi fi Spanja(4) fid-dawl tal-petizzjonijiet li waslu, fejn il-Parlament għamel għadd ta' rakkomandazzjonijiet għall-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-dritt ipotekarju u l-ġlieda kontra l-abbużi bankarji; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni fl-Istati Membri kollha tad-Direttiva 2014/17/UE dwar kuntratti ta' kreditu ipotekarju u tad-Direttiva 93/13/KEE dwar klawsoli inġusti f'kuntratti mal-konsumatur, u biex tikkondividi l-aħjar prattika biex titjieb il-protezzjoni taċ-ċittadini f'diffikultà finanzjarja,

32.  Huwa mħasseb dwar l-evidenza ta' nuqqasijiet dwar l-aċċess xieraq għall-ġustizzja f'ċerti Stati Membri li nstabu bħala riżultat tal-ipproċessar tal-petizzjonijiet; iqis li din hija kwistjoni essenzjali li għandha tiġi indirizzata minnufih sabiex jiġi garantit funzjonament demokratiku xieraq tal-Unjoni u l-eżerċitar tad-drittijiet fundamentali miċ-ċittadini u mir-residenti tagħha; iqis li l-Unjoni għandha tagħti eżempju billi tintroduċi l-pilastru tal-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar l-aċċess għall-ġustizzja dwar kwistjonijiet ambjentali;

33.  Jiġbed l-attenzjoni għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2016 dwar l-attivitajiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet matul is-sena 2014(5), kif ukoll għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2016 dwar ir-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fl-2014(6);

34.  Jilqa' l-issoktar ta' livell aktar normali ta' attività fil-qasam taż-żjarat ta' ġbir ta' informazzjoni, u jistenna li l-potenzjal sħiħ ta' din il-prerogattiva speċifika tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet jiġi sfruttat fis-snin li ġejjin sal-aħħar nett tal-perjodu leġiżlattiv; jisħaq fuq l-importanza tad-Dokumenti ta' Ħidma prodotti wara kull żjara, inklużi rakkomandazzjonijiet speċifiċi, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet differenti kkonċernati sabiex iqisuhom; iqis li l-grad ta' konformità ma' dawn ir-rakkomandazzjonijiet għandu jiġi vvalutat perjodikament;

35.  Jenfasizza l-ħidma mwettqa fl-2015 mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet biex jagħmel disponibbli għall-petizzjonanti portal tal-internet li permezz tiegħu jkollhom l-opportunità li jirreġistraw ruħhom, iressqu petizzjoni, iniżżlu d-dokumenti ta' akkumpanjament u jinkitbu fil-petizzjonijiet li diġà ġew iddikjarati ammissibbli; jenfasizza l-aġġornament ta' dan il-portal, fejn diġà ttellgħu il-petizzjonijiet irreġistrati fl-2013, l-2014 u l-2015; jilqa' l-fatt li l-funzjonalitajiet il-ġodda ta' tiftix, ta' adeżjoni ma' petizzjoni eżistenti u tal-kunfidenzjalità tal-petizzjonant iġġeddu u tjiebu;

36.  Ifakkar fil-passi li għadhom meħtieġa biex jiġu konklużi l-fażijiet pendenti tal-proġett tal-portal tal-petizzjonijiet, fejn il-petizzjonanti se jkunu jistgħu jirċievu informazzjoni f'ħin reali dwar l-istatus tal-petizzjoni tagħhom u se jiġu notifikati awtomatikament dwar bidliet fil-proċess ta' pproċessar bħad-dikjarazzjoni ta' ammissibilità, ir-riċevuta ta' tweġiba mingħand il-Kummissjoni jew l-inklużjoni tal-petizzjoni tagħhom fl-aġenda ta' laqgħa tal-kumitat u l-link għax-xandir fuq il-web, u għaldaqstant jingħataw informazzjoni ċara u diretta mis-segretarjat tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet; jisħaq li l-portal fuq il-web huwa sors ta' informazzjoni kruċjali għaċ-ċittadini tal-UE, u li għalhekk għandha tiġi provduta informazzjoni dwar iċ-ċiklu tal-ħajja tal-petizzjoni;

37.  Jiġbed l-attenzjoni lejn l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern; jisħaq li d-dokumenti ppreżentati u ffirmati b'firma elettronika minn kull wieħed mit-28 Stat Membru għandhom jiġu aċċettati mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet, kif ukoll mill-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni Ewropea;

38.  Jenfasizza r-rwol importanti tan-netwerk SOLVIT, li huwa netwerk għal soluzzjoni tal-problemi bejn l-Istati Membri, u li għandu jiġi żviluppat sew biex jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu f'kollaborazzjoni ma' dawn l-Istati Membri u maċ-ċentri nazzjonali SOLVIT tagħhom li jirrapportaw lill-amministrazzjonijiet nazzjonali, u jitlob li dan jiġi mogħni b'riżorsi miżjuda u li ssir analiżi aktar sistematika tal-problemi identifikati permezz tas-SOLVIT, peress li dan in-netwerk jikkontribwixxi biex tingħata stampa reali tal-funzjonament ħażin tas-suq uniku;

39.  Jistieden lir-Renju Unit jieħu nota tar-rakkomandazzjonijiet magħmula fir-rapport dwar iż-żjara ta' ġbir ta' informazzjoni f'Londra fil-5 u s-6 ta' Novembru 2015 li ġie adottat minn dan il-Kumitat fid-19 ta' April 2016;

40.  Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni mal-Ombudsman Ewropew kif ukoll il-parteċipazzjoni tal-Parlament fin-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen; ifaħħar ir-relazzjonijiet tajba miżmuma fl-ambitu interistituzzjonali bejn l-Ombudsman u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet; ifaħħar il-ħidma tal-Ombudsman biex ittejjeb l-amministrazzjoni tajba fl-UE, u apprezza b'mod partikolari l-kontribut regolari tagħha għall-ħidma tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet matul is-sena kollha;

41.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Ombudsman Ewropew, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-kumitati għall-petizzjonijiet tagħhom u lill-ombudsmen nazzjonali tagħhom jew lil korpi simili kompetenti.

(1) Testi adottati, P7_TA(2014)0204.
(2) Adottati mill-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti fl-erbatax-il sessjoni tiegħu (mis-17 ta' Awwissu sal-4 ta' Settembru 2015); ara: http://tbinternet.ohchr.org/_layouts/treatybodyexternal/Download.aspx?symbolno=CRPD%2fC%2fEU%2fCO%2f1&Lang=en
(3) Testi adottati, P8_TA(2015)0382.
(4) Testi adottati, P8_TA(2015)0347.
(5) Testi adottati, P8_TA(2016)0021.
(6) Testi adottati, P8_TA(2016)0062.

Avviż legali - Politika tal-privatezza