Il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima ***
250k
41k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (12256/2016 – C8-0401/2016 – 2016/0184(NLE))
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (12256/2016),
– wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 192(1) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0401/2016),
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi adottat fil-wieħed u għoxrin sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet (COP21) tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), li saret f'Pariġi, Franza f'Diċembru 2015,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem "Wara Pariġi: valutazzjoni tal-implikazzjonijiet tal-Ftehim ta' Pariġi u li takkumpanja l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima" (COM(2016)0110),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta' Ottubru 2014,
– wara li kkunsidra t-tressiq fis-6 ta' Marzu 2015 mil-Latvja u mill-Kummissjoni Ewropea lill-UNFCCC tal-Kontributi Maħsuba Determinati fil-Livell Nazzjonali (INDCs) tal-UE u l-Istati Membri tagħha,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet subparagrafi, l-Artikolu 99(2) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0280/2016),
1. Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Ftehim ta' Pariġi;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lin-Nazzjonijiet Uniti.
Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Giorgos Grammatikakis
259k
50k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Ottubru 2016 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Giorgos Grammatikakis (2016/2084(IMM))
– wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Giorgos Grammatikakis, imressqa fl-1 ta' April 2016 minn Viċi Prosekutur fil-Qorti Suprema tal-Greċja b'rabta mal-proċedimenti proposti mill-Prosekutur Pubbliku ta' Rethymno għal ksur ta' fiduċja waqt il-qadi ta' dmirijietu, imwettaq flimkien ma' oħrajn, f'Rethymno fi Kreta, matul il-perjodu 2000–2002 (ref: ABM:AB05/1956), u mħabbra fis-seduta plenarja fis-27 ta' April 2016,
– wara li kkunsidra li Giorgos Grammatikakis rrinunzja għad-dritt tiegħu għal smigħ skont l-Artikolu 9(5) tar-Regoli ta' Proċedura,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,
– wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta' Mejju 1964, fl-10 ta' Lulju 1986, fil-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011 u fis-17 ta' Jannar 2013(1),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni tal-Greċja, l-Artikolu 54 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili tal-Greċjau l-Artikolu 83 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament tal-Greċja,
– wara li kkunsidra d-Digriet Nru 5181/18.11.2015 tal-Prosekutur tal-Qorti tal-Appell ta' Kreta,
– wara li kkunsidra r-rapport tas-7 ta' April 2015 dwar il-preżenza ta' Giorgos Grammatikakis, Membru tal-PE, flimkien mal-motiv ta' difiża tiegħu u d-dokumenti ta' sostenn,
– wara li kkunsidra s-Sentenza Nru 104/2015 tal-Kunsill tal-Appell ta' Kreta,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2), 6(1) u l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0279/2016),
A. billi l-Viċi Prosekutur Pubbliku tal-Qorti Suprema tal-Greċja talab it-tneħħija tal-immunità ta' Giorgos Grammatikakis, Membru tal-PE, b'rabta ma' proċedimenti dwar allegazzjoni ta' ksur;
B. billi, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri tal-Parlament Ewropew fit-territorju tal-Istat tagħhom igawdu l-istess immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament ta' dak l-istat;
C. billi, skont l-Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni tal-Greċja, matul il-mandat parlamentari, il-membri tal-parlament ma jistgħux jitħarrku, jiġu arrestati, jinżammu priġuniera jew jiġu ristretti b'xi mod ieħor mingħajr il-permess minn qabel tal-parlament;
D. billi l-awtoritajiet Griegi qed jipproponu li jħarrku lil Giorgos Grammatikakis, flimkien ma' oħrajn, minħabba nuqqas ta' konformità ma' ċerti obbligi legali;
E. billi l-proċedimenti proposti jikkonċernaw diskussjoni li saret fit-8 ta' Marzu 1996 dwar il-possibilità li tiġi konkluża polza kollettiva ġdida ta' assikurazzjoni privata, barra l-polza ta' assikurazzjoni obbligatorja, għall-impjegati kollha tal -Università ta' Kreta u dwar pagamenti allegatament illegali li saru f'pagamenti suċċessivi matul il-perjodu 2000–2002;
F. billi proċediment preċedenti dwar l-istess każ kopra l-perjodu mill-2000 'il quddiem u rriżulta fl-assoluzzjoni tal-akkużati kollha;
G. billi l-proċedimenti proposti huma manifestament bla ebda rabta mal-istatus ta' Membru tal-Parlament Ewropew ta' Giorgos Grammatikakis, peress li dawn huma relatati mal-pożizzjoni preċedenti tiegħu bħala Rettur tas-Senat tal-Università ta' Kreta;
H. billi l-proċedimenti proposti ma jittrattawx xi opinjoni espressa jew vot mitfugħ mill-Membru kkonċernat fit-twettiq tad-doveri tiegħu bħala Membru tal-Parlament Ewropew, skont it-tifsira tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea;
I. billi l-proċedimenti proposti ġew estiżi biex ikopru l-perjodu mill-1996 sal-2000 u jinkludu l-aħħar laqgħa tas-Senat tal-Università ta' Kreta maʼ Giorgos Grammatikakis bħala Rettur, fejn il-kwistjoni ġiet diskussa iżda ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni; billi ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-intenzjoni wara l-proċedimenti proposti hija li tikkawża dannu politiku lill-Membru tal-PE ikkonċernat;
J. billi l-proċedimenti proposti ġew miċħuda b'mod permanenti għal ħafna membri tas-Senat tal-Università ta' Kreta u tal-Kumitat ELKE li kienu akkużati miegħu minħabba li għadda l-perjodu ta' preskrizzjoni ta' 15-il sena għar-reati allegati, filwaqt li oħrajn ġew assolti definittivament mill-akkużi kollha mill-Qorti f'Mejju 2016;
K. billi ħaġa tal-iskantament li t-tneħħija tal-immunità qed tintalab xi 20 sena wara li seħħew l-avvenimenti, u li s-sistema ġudizzjarja Griega ma setgħetx tressaq proċedimenti kontra Giorgos Grammatikakis matul dan il-perjodu u għandha l-ħsieb li tagħmel dan issa meta huwa Membru tal-Parlament Ewropew;
L. billi sistema ġudizzjarja li timxi bil-mod qatt m'hi se tkun verament ġusta għax in-nies involuti ma jkunux l-istess bħal kif kienu 20 sena ilu; billi jekk il-ġustizzja trid li jkun jixirqilha dan l-isem, din għandha ssir f'waqtha;
1. Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Giorgos Grammatikakis, kif mitlub minnu stess, sabiex jintemm dan il-proċess ġuridizzjarju twil;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtoritajiet Griegi u lil Giorgos Grammatikakis.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Mejju 1964, Wagner vs Fohrmann u Krier, 101/63, ECLI:EU:C:1964:28; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Wybot vs Faure et., 149/85, ECLI:EU:C:1986:310; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/06, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C163/10, ECLI: EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23.
Mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea sabiex tingħata assistenza lill-Greċja wara tterremot li affettwa l-Gżejjer Joniċi f’Novembru 2015
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Ottubru 2016 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (COM(2016)0462 – C8-0283/2016 – 2016/2165(BUD))
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2016)0462 – C8-0283/2016),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea(1),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 10 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3), u b'mod partikolari l-punt 11 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0270/2016),
1. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
ANNESS
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea sabiex tingħata assistenza lill-Greċja
(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2016/1856.)
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Ottubru 2016 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni ppreżentata mill-Finlandja – EGF/2016/001 FI/Microsoft ) (COM(2016)0490 – C8-0348/2016 – 2016/2211(BUD))
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2016)0490 – C8-0348/2016),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (ir-Regolament dwar il-FEG),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali (FII) tat-2 ta' Diċembru 2013,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0273/2016),
A. billi, peress li l-globalizzazzjoni toħloq tkabbir ekonomiku, dan it-tkabbir għandu jintuża sabiex itaffi s-sitwazzjoni ta' persuni li jaffaċċjaw effetti negattivi tal-globalizzazzjoni;
B. billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tagħti appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tassistihom fir-reintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;
C. billi l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandha tkun għajnuna dinamika u disponibbli b'mod effiċjenti u malajr kemm jista' jkun,
D. billi l-Finlandja ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2016/001 FI/Microsoft għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG skont il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG, wara 2161 sensja minn Microsoft Mobile Oy u 8 fornituri u produtturi downstream tagħha fil-Finlandja, li joperaw fid-Diviżjoni 62 tan-NACE Reviżjoni 2 (Programmar tal-kompjuter, konsulenza u attivitajiet relatati);
E. billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibbiltà stabbiliti mir-Regolament dwar il-FEG;
F. billi l-kontroll finanzjarju tal-azzjonijiet appoġġati mill-FEG jinkombi għall-Istat Membru kkonċernat, kif stabbilit fl-Artikolu 21(1) tar-Regolament dwar il-FEG;
1. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG huma sodisfatti, u li għalhekk il-Finlandja għandha dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 5 364 000 skont dan ir-Regolament, li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 8 940 000;
2. Jinnota li l-Finlandja ppreżentat l-applikazzjoni għall-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fil-11 ta' Marzu 2016, u li b'segwitu għal informazzjoni addizzjonali li pprovdiet il-Finlandja, il-valutazzjoni tagħha ġiet iffinalizzata mill-Kummissjoni fid-29 ta' Lulju 2016, b'hekk il-Kummissjoni rrispettat l-iskadenza ta' 12-il ġimgħa minn mindu tasal l-applikazzjoni, u kkonkludiet li l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ġew issodisfati;
3. Jinnota li r-raġuni prinċipali għat-tnaqqis fil-forza tax-xogħol fil-Microsoft hija li s-sehem tas-suq tat-telefowns tagħha li jużaw is-sistema operattiva Microsoft Windows naqas b'aktar minn 50 % fl-2009 għal 0,6 % fit-tieni kwart tal-2016;
4. Ifakkar li s-sehem tal-Unjoni fis-settur globali tal-impjiegi fl-ICT naqas f'dawn l-aħħar snin, u li l-ICT għandha rwol ewlieni fl-ekonomija Finlandiża, 6,7 % tal-ħaddiema jaħdmu fis-settur tal-ICT fl-2014, l-ogħla persentaġġ fost l-Istati Membri kollha; iqis li s-sensji fil-Microsoft huma marbuta max-xejra li qiegħda taffettwa lill-industrija tal-elettronika Finlandiża b'mod globali minħabba t-tinqis tan-Nokia fil-pajjiż ta' oriġini tagħha u li b'riżultat ta' dan ġew ippreżentati erba' applikazzjonijiet preċedenti; jikkonkludi li dawn l-avvenimenti huma marbuta direttament ma' bidliet strutturali fl-andament kummerċjali dinji minħabba l-globalizzazzjoni;
5. Ifakkar li l-industrija tas-software hija ferm internazzjonali, u l-kompetizzjoni f'dan is-settur hija globali, li jfisser li l-atturi kollha tas-suq jistgħu jikkompetu għall-istess klijenti, u l-post u l-isfond kulturali tal-persunal għandhom sinifikat limitat;
6. Jirrikonoxxi li l-applikazzjoni ssegwi serje ta' każijiet dwar it-tinqis tan-Nokia fil-Finlandja u li huma mistennija żewġ applikazzjonijiet oħra fir-rigward ta' ħaddiema li ngħataw is-sensja fis-settur tal-ICT;
7. Jinnota li s-sensji huma miġbura flimkien f'reġjuni NUTS 2, Helsinki-Uusimaa (FI1B), Etelä-Suomi (FI1C) u Länsi-Suomi (FI197), u jirrigwardaw ħaddiema b'kompetenzi li jvarjaw ħafna, b'89 % minnhom fl-età ta' bejn it-30 u l-54 sena; jinsab imħasseb dwar is-sitwazzjoni tal-qgħad diġà diffiċli ta' persuni li għandhom livell għoli ta' ħiliet u edukazzjoni, li l-prospettivi tagħhom ta' impjieg kieku jkunu tradizzjonalment tajbin, b'mod speċjali n-nisa, li jaffaċċjaw sfida akbar biex isibu impjieg, meta jitqies li huma jirrappreżentaw kważi nofs il-benefiċjarji fil-mira;
8. Jinnota li, sal-lum, is-settur "Ipprogrammar tal-kompjuter, konsulenza u attivitajiet relatati" kien is-suġġett ta' żewġ applikazzjonijiet preċedenti tal-FEG, it-tnejn li huma bbażati fuq il-kriterju tal-globalizzazzjoni (EGF/2013/001 FI/Nokia u EGF/2015/005 FI/Computer programming);
9. Jenfasizza l-importanza tas-settur tal-ICT għall-impjieg fir-reġjuni ta' Ħelsinki-Uusimaa, Etelä-Suomi u Länsi-Suomi u l-potenzjal tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja li jikkontribwixxu għall-industrija jekk huma jirċievu biżżejjed appoġġ permezz ta' aktar edukazzjoni, taħriġ u pjanijiet biex jidħlu fil-qasam tal-intraprenditorija;
10. Jilqa' l-fatt li l-awtoritajiet Finlandiżi bdew jagħtu s-servizzi personalizzati lill-ħaddiema affettwati fil-11 ta' Settembru 2015, ferm qabel l-applikazzjoni għal appoġġ mill-FEG għall-pakkett koordinat propost, peress li azzjonijiet bħal dawn huma eliġibbli għall-kofinanzjament mill-FEG;
11. Jilqa' l-persentaġġ għoli (qrib it-80 %) tal-pakkett kumplessiv li qiegħed jintuża għas-servizzi personalizzati;
12. Jinnota li l-Finlandja qiegħda tippjana sitt tipi ta' miżuri għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja koperti minn din l-applikazzjoni: (i) miżuri ta' coaching u miżuri preparatorji oħrajn; (ii) impjiegi u servizzi tan-negozju; (iii) taħriġ vokazzjonali fis-suq tax-xogħol; (iv) sussidju tal-pagi; (v) għotja għal negozji ġodda; u (vi) allowances għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar, l-akkomodazzjoni billejl u l-ġarr; jinnota li hemm biżżejjed fondi allokati għall-kontroll u r-rapportar;
13. Jinnota li s-sussidju tal-pagi msemmi fil-paragrafu 12 huwa ta' bejn 30 % u 50 % tal-ispejjeż tal-pagi tal-ħaddiema u se jingħata għal perjodu ta' bejn 6 xhur u 24 xahar; jistieden lill-Istati Membri joqogħdu ħafna attenti meta jużaw sussidji tal-pagi biex jiżguraw li ħaddiema li ngħataw is-sensja li jiġu reklutati b'sussidju ma jkunux qegħdin jokkupaw totalment jew parzjalment kariga li kienet ta' ħaddiem ieħor fil-kumpanija kkonċernata; jinsab sodisfatt li l-awtoritajiet Finlandiżi taw il-garanziji f'dan is-sens;
14. Jinnota li l-miżuri ta' appoġġ għad-dħul jammontaw għal 16,64 % tal-pakkett kumplessiv ta' miżuri personalizzati, li huwa ferm inqas mil-limitu massimu ta' 35 % stabbilit fir-Regolament dwar il-FEG, u li dawn l-azzjonijiet jiddependu mill-parteċipazzjoni attiva min-naħa tal-benefiċjarji fil-mira fl-attivitajiet ta' tiftix ta' impjieg jew ta' taħriġ;
15. Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa u tipprovdi informazzjoni dwar l-impatt ta' dawn il-miżuri ta' appoġġ għad-dħul fuq perjodu ta' diversi snin, sabiex tiżgura li dawn qegħdin jappoġġaw impjiegi ta' kwalità għolja u li mhumiex jintużaw biex jissussidjaw kuntratti għal żmien qasir bi prezz baxx;
16. Jinnota li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati tfassal b'konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-benefiċjarji fil-mira kif ukoll ma' sħab soċjali, nazzjonali u reġjonali;
17. Ifakkar fl-importanza li titjieb l-impjegabbiltà tal-ħaddiema kollha; jistenna li t-taħriġ offrut ikun adattat għall-bżonnijiet, ħiliet u kompetenzi tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, kif ukoll għall-ambjent kummerċjali reali;
18. Jinnota li l-każ ta' Microsoft se jikkoopera ma' Labour Mobility in Europe 2014-2020, li huwa proġett nazzjonali ta' żvilupp tas-servizzi tal-EURES; jinnota li avvenimenti ta' reklutaġġ internazzjonali se jiġu organizzati b'mod reġjonali b'kooperazzjoni mas-servizzi tal-FEG u tal-EURES; jilqa' pożittivament miżuri bħal dawn, u l-fatt li l-awtoritajiet Finlandiżi qegħdin iħeġġu lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja biex jibbenefikaw bis-sħiħ mid-dritt tagħhom ta' libertà ta' moviment;
19. Jinnota li pakkett ta' miżuri nazzjonali bit-titolu "Mudelli bejn il-kumpanija tar-reklutaġġ u l-kumpanija li qed tnaqqas l-investiment" tnieda fi ħdan l-Fond Soċjali Ewropew; jinnota li dan il-pakkett ta' miżuri se jkun qed jipproduċi riżultati li jistgħu jkunu utli għall-implimentazzjoni ta' proġetti taħt din l-applikazzjoni tal-FEG; jilqa' l-isforzi tal-awtoritajiet Finlandiżi biex ifittxu sinerġiji ma' azzjonijiet oħra li huma ffinanzjati minn fondi nazzjonali jew tal-Unjoni;
20. Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jitfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi u l-ħiliet li ser ikun hemm bżonn fil-futur fis-suq tax-xogħol, u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi;
21. Jinnota li f'każijiet preċedenti tal-FEG is-servizz dirett għal ħaddiema li ngħataw is-sensja wera kemm huwa ferm utli;
22. Jinnota li l-awtoritajiet Finlandiżi kkonfermaw li l-azzjonijiet proposti mhumiex se jirċievu appoġġ finanzjarju minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni, li mhu se jitħalla jsir l-ebda finanzjament doppju, u li dawn l-azzjonijiet huma komplementari għall-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva annwali ta' dik id-data bil-ħsieb li jiġi żgurat ir-rispett sħiħ tar-regolamenti eżistenti u li ma jkunx hemm duplikazzjoni tas-servizzi ffinanzjati mill-Unjoni;
23. Jilqa' l-assigurazzjoni tal-Finlandja li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mhux se tissostitwixxi azzjonijiet li l-intrapriża kkonċernata għandha tagħmel skont id-dritt nazzjonali jew skont ftehimiet kollettivi;
24. Japprezza l-proċedura mtejba stabbilita mill-Kummissjoni, b'segwitu għat-talba mill-Parlament għall-aċċelerazzjoni fir-rilaxx tal-għotjiet; jinnota l-pressjoni mil-lat ta' ħin li jġib miegħu l-kalendarju l-ġdid u l-impatt potenzjali fuq l-effikaċja tal-eżami tal-każijiet;
25. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
26. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
27. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-Anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
ANNESS
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (wara applikazzjoni mill-Finlandja – EGF/2016/001 FI/Microsoft)
(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2016/1857.)
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Ottubru 2016 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni ppreżentata mill-Iżvezja – EGF/2016/002 SE/Ericsson) (COM(2016)0554 – C8-0355/2016 – 2016/2214(BUD))
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2016)0554 – C8-0355/2016),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (ir-Regolament dwar il-FEG),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0272/2016),
A. billi l-Unjoni waqqfet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tassisti r-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;
B. billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u bil-kunsiderazzjoni dovuta għall-FII tat-2 ta' Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (il-FEG);
C. billi l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiġi introdott mill-ġdid il-kriterju tal-mobilizzazzjoni f'każ ta' kriżi, biex il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni tiġi stabbilita għal 60 % tal-istima tal-ammont totali kemm se jiġu jiswew il-miżuri proposti, biex tiżdied l-effiċjenza għat-trattament tal-applikazzjonijiet għall-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u għall-approvazzjoni, biex l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eliġibbli jiġu estiżi għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għaż-żgħażagħ, u biex jiġu ffinanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' impriżi proprji;
D. billi l-Iżvezja ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2016/002 SE/Ericsson għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, b'segwitu għas-sensji mogħtija fis-settur ekonomiku kklassifikat fid-Diviżjoni 26 tan-NACE Reviżjoni 2 (Manifattura ta' prodotti tal-kompjuter, elettroniċi u ottiċi), primarjament fir-reġjuni ta' livell NUTS 2 ta' Stokkolma (SE11), Östra Mellansverige (SE12), Sydsverige (SE22) u Västsverige (SE23); u billi 918 mill-1556 ħaddiem li ngħataw is-sensja u li huma eliġibbli għall-kontribuzzjoni mill-FEG huma mistennija jipparteċipaw fil-miżuri;
E. billi l-applikazzjoni ġiet ippreżentata skont il-kriterji ta' intervent tal-punt (a) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-FEG, li jirrikjedi li jkun hemm mill-inqas 500 ħaddiem li jkunu ngħataw is-sensja fuq perjodu ta' riferiment ta' erba' xhur f'intrapriża fi Stat Membru, inklużi l-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja minn fornituri u produtturi iktar 'il quddiem fil-katina ta' attività u/jew persuni li jaħdmu għal rashom u li ntemmet l-attività tagħhom;
F. billi, minħabba li kienet qed tiffaċċja staġnar fit-tkabbir u fl-istess ħin kompetizzjoni aktar ħarxa mill-produtturi Asjatiċi, Ericsson bdiet tnaqqas il-produzzjoni ta' hardware fil-qasam tat-telekomunikazzjoni, proċess li beda żewġ deċennji ilu;
1. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (a) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-FEG ġew issodisfati, u li għalhekk l-Iżvezja għandha dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 3 957 918 skont dan ir-Regolament, li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 6 596 531, li se tgħin lil 918-il benefiċjarju fil-mira jerġa' lura għas-suq tax-xogħol;
2. Jinnota li l-Iżvezja ppreżentat l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fil-31 ta' Marzu 2016, u li b'segwitu għall-informazzjoni addizzjonali li pprovdiet l-Iżvezja, il-valutazzjoni tagħha ġiet finalizzata mill-Kummissjoni fil-5 ta' Settembru 2016 u fl-istess ġurnata ġiet innotifikata lill-Parlament, b'mod li b'hekk ġiet irrispettata l-iskadenza ta' 12-il ġimgħa minn mindu tasal l-applikazzjoni kompluta;
3. Jinnota li l-industriji tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u t-telekomunikazzjoni huma ddominati mill-manifatturi Asjatiċi li saru destinazzjoni għall-esternalizzazzjoni; jindika li Ericsson ilha tnaqqas gradwalment il-persunal tagħha fl-Iżvezja (minn 21 178 ħaddiem fl-2005 għal 17 858 fl-2014) iżda intant qiegħda tikber immensament madwar id-dinja (minn 56 055 ħaddiem fl-2005 għal 118 055 fl-2014);
4. Jenfasizza li r-reġjuni milquta qed iħabbtu wiċċhom ma' grupp relattivament kbir ta' ħaddiema kbar fl-età minn kuntesti simili li ngħataw is-sensja fl-istess żmien u li l-biċċa l-kbira tagħhom, b'mod partikolari dawk li jinsabu f'Kista, il-belt bl-ogħla numru ta' sensji, ma għandhomx il-ħiliet imfittxija fis-suq tax-xogħol lokali;
5. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Iżvezja li tikkonċentra l-assistenza potenzjali mill-FEG fuq is-siti ta' Kista, Katrineholm u Kumla, li qed jiffaċċjaw l-akbar sfidi, filwaqt li toffri wkoll għajnuna individwalizzata lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja fis-siti l-oħrajn;
6. Ifakkar fid-diversità tal-impjegati, li jinkludu kemm ħaddiema manwali u kemm mhux, li ntlaqtu mis-sensji; jinsab imħasseb dwar il-fatt li, fl-industriji tal-manifattura tradizzjonali, id-domanda fis-suq tax-xogħol hi pjuttost baxxa; jirrikonoxxi l-opportunitajiet għal dawn il-ħaddiema fl-industriji tas-servizzi tas-settur pubbliku jew privat, li kieku jirrikjedu sforzi kbar ta' taħriġ mill-ġdid;
7. Jirrikonoxxi l-valutazzjoni ta' Arbetsförmedlingen (is-Servizz Pubbliku għall-Impjiegi Żvediż) li l-ħaddiema manwali għandhom opportunitajiet potenzjali fl-industriji tas-servizzi tas-settur pubbliku jew privat, dment li jiġu offruti taħriġ sostanzjali mill-ġdid;
8. Jirrikonoxxi li l-biċċa l-kbira tal-ħaddiema mhux manwali milquta huma inġiniera, li wħud minnhom huma speċjalizzati f'setturi li huma uniċi għal Ericsson, iżda jilqa' l-fiduċja tas-Servizz Pubbliku għall-Impjiegi Żvediż li pakkett personalizzat ta' programmi ta' taħriġ u coaching jippermetti li l-biċċa l-kbira tal-impjegati li ngħataw is-sensja jsibu impjiegi ġodda ta' kwalità għolja;
9. Jinnota li s-servizzi personalizzati kkofinanzjati mill-FEG għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja jinkludu: konsulenza u gwida dwar il-karriera; miżuri għal impjieg protett u appoġġat, kif ukoll għal riabilitazzjoni; edukazzjoni u taħriġ; u benefiċċji għaż-żmien waqt li jkunu qed ifittxu impjieg; jilqa' l-enfasi speċjali li se titqiegħed fuq il-parteċipanti li għandhom 50 sena jew iżjed meta jkunu qed jiġu pprovduti l-coaching motivazzjonali u l-ippjanar tal-karriera;
10. Jinnota li l-miżuri ta' appoġġ għad-dħul jammonta għal 33,92 % tal-pakkett kumplessiv ta' miżuri personalizzati, u joqorbu għal-limitu massimu ta' 35 % stabbilit fir-Regolament dwar il-FEG, u li dawn l-azzjonijiet jiddependu fuq il-parteċipazzjoni attiva min-naħa tal-benefiċjarji fil-mira fl-attivitajiet ta' tiftix ta' impjiegi jew ta' taħriġ; jikkunsidra li dan il-perċentwal relattivament għoli hu ġġustifikat minħabba l-proporzjon sinifikanti ta' ħaddiema kbar fl-età kkonċernati u minħabba l-għoti ta' appoġġ individwali lill-parteċipanti b'diżabilitajiet fit-tagħlim;
11. Jinnota li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati tfassal f'konsultazzjoni mal-benefiċjarji fil-mira u mar-rappreżentanti tagħhom, kif ukoll mal-atturi pubbliċi lokali, waqt li ġie kkunsidrat li 22 % tal-ħaddiema huma nisa u 78 % huma rġiel;
12. Ifakkar li, bi qbil mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, id-disinn tal-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati appoġġat mill-FEG għandu jantiċipa l-perspettivi u l-ħiliet rikjesti fis-suq tax-xogħol fil-ġejjieni u għandu jkun kompatibbli mat-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli u li tagħmel użu effiċjenti mir-riżorsi;
13. Ifakkar fl-importanza li tittejjeb l-impjegabilità tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali tal-ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat jiġi adattat mhux biss għall-bżonnijiet tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, iżda anke għall-ambjent kummerċjali reali;
14. Jilqa' l-assigurazzjoni tal-awtoritajiet Żvediżi li se jsiru sforzi speċjali biex jingħelbu l-ostakoli tradizzjonali marbutin mal-ġeneri, inkluż billi l-benefiċjarji rġiel jitħeġġu jsibu xogħol fis-settur tal-kura tas-saħħa, kif ukoll il-kontribut li l-miżuri se jagħmlu għas-16-il Għan fil-qasam tal-Kwalità Ambjentali li għandha l-Iżvezja;
15. Jitlob lill-Kummissjoni tkompli tistabbilixxi, fi proposti futuri, is-setturi li fihom il-ħaddiema x'aktarx isibu impjieg u jekk it-taħriġ offrut huwiex allinjat mal-prospetti ekonomiċi futuri u mal-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol fir-reġjuni milqutin mis-sensji;
16. Jinnota li l-awtoritajiet Żvediżi kkonfermaw li l-azzjonijiet proposti mhumiex se jirċievu appoġġ finanzjarju minn fondi jew strumenti finanzjarji oħrajn tal-Unjoni, li mhu se jitħalla jsir l-ebda finanzjament doppju u li dawn l-azzjonijiet huma komplementari għall-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva ta' dik id-data fir-rapporti annwali tagħha sabiex tiżgura r-rispett sħiħ tar-regolamenti eżistenti u li ma jkunx jista' jkun hemm duplikazzjoni tas-servizzi ffinanzjati mill-Unjoni;
17. Jinnota li s-settur tal-Manifattura ta' prodotti tal-kompjuter, elettroniċi u ottiċi kien is-suġġett ta' 14-il applikazzjoni oħra għall-FEG, li 11 minnhom kienu bbażati fuq globalizzazzjoni relatata mal-kummerċ u tlieta fuq il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali;
18. Itenni li l-assistenza mill-FEG ma tistax tissostitwixxi la l-azzjonijiet li jkunu r-responsabilità tal-kumpaniji bis-saħħa tad-dritt nazzjonali jew ta' ftehimiet kollettivi, u lanqas il-miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;
19. Japprezza l-proċedura mtejba implimentata mill-Kummissjoni, b'segwitu għat-talba mill-Parlament biex jitħaffef ir-rilaxx tal-għotjiet; jinnota l-pressjoni mil-lat ta' ħin li jġib miegħu l-kalendarju l-ġdid u l-impatt potenzjali fuq l-effikaċja tal-eżami tal-każijiet;
20. Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-pubbliku jkollu aċċess għad-dokumenti relatati mal-każijiet tal-FEG;
21. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
22. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
ANNESS
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (wara l-applikazzjoni mill-Iżvezja – EGF/2016/002 SE/Ericsson)
(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2016/1858.)
Għajnuna legali għal persuni ssuspettati jew mixlija li huma mċaħħda mil-libertà kif ukoll għajnuna legali fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ***I
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Ottubru 2016 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar għajnuna legali proviżorja għal persuni ssuspettati jew mixlija li huma mċaħħda mil-libertà kif ukoll għajnuna legali fi proċedimenti ta' mandat ta' arrest Ewropew (COM(2013)0824 – C7-0429/2013 – 2013/0409(COD))
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2013)0824,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 82(2)(b) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0429/2013),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-25 ta' Marzu 2014(1),
– wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-30 ta' Ġunju 2016, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0165/2015),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-4 ta’ Ottubru 2016 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar għajnuna legali ▌għal persuni ssuspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali u ▌għal persuni rikjesti fi proċedimenti ta' mandat ta' arrest Ewropew
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Ottubru 2016 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005 dwar il-kummerċ ta' ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra (COM(2014)0001 – C7-0014/2014 – 2014/0005(COD))
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0001),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0014/2014),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-30 ta' Ġunju 2016, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0267/2015),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt(1);
2. Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-4 ta’ Ottubru 2016 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2016/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005 dwar il-kummerċ ta' ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra
Din il-pożizzjoni tissostitwixxi l-emendi adottati fis-27 ta' Ottubru 2015 (Testi adottati, P8_TA(2015)0368).
Ftehim bejn l-Europol u ċ-Ċina dwar Kooperazzjoni Strateġika *
253k
48k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill li tapprova l-konklużjoni mill-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) tal-Ftehim dwar Kooperazzjoni Strateġika bejn il-Ministeru tas-Sigurtà Pubblika tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u l-Europol (08364/2016 – C8-0217/2016 – 2016/0808(CNS))
– wara li kkunsidra l-abbozz tal-Kunsill (08364/2016),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 39(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kif emendat bit-Trattat ta' Amsterdam, u l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji, skont liema artikoli ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0217/2016),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠAI tas-6 ta' April 2009 li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol)(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 23(2) tagħha,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/934/ĠAI tat-30 ta' Novembru 2009 li tadotta r-regoli implimentattivi li jirregolaw ir-relazzjonijiet tal-Europol mal-imsieħba, inkluż l-iskambju ta' data personali u informazzjoni klassifikata(2), u b'mod partikolari l-Artikoli 5 u 6 tagħha,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/935/ĠAI tat-30 ta' Novembru 2009 li tiddetermina l-lista ta' Stati terzi u organizzazzjonijiet li magħhom il-Europol għandu jikkonkludi ftehimiet(3),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0265/2016),
1. Japprova l-abbozz tal-Kunsill;
2. Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;
3. Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda t-test approvat mill-Parlament b'mod sustanzjali;
4. Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa, wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament il-ġdid dwar l-Europol(4), id-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-ftehim ta' kooperazzjoni, b'mod partikolari dwar il-protezzjoni tad-data; jistieden lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament u lill-Kunsill dwar ir-riżultat ta' din l-evalwazzjoni u, jekk xieraq, tressaq rakkomandazzjoni għal awtorizzazzjoni biex tinfetaħ rinegozjazzjoni internazzjonali tal-ftehim;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Europol.
Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53).
Il-futur tar-relazzjonijiet AKP-UE wara l-2020
394k
61k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Ottubru 2016 dwar il-futur tar-relazzjonijiet AKP-UE wara l-2020 (2016/2053(INI))
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 (il-"Ftehim ta' Cotonou"), u r-reviżjonijiet tiegħu tal-2005 u l-2010(1),
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Georgetown tal-1975 li stabbilixxa l-Grupp AKP, u r-reviżjoni tiegħu tal-1992(2),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Ottubru 2003 bit-titolu "Towards the full integration of cooperation with ACP countries in the EU budget" (Lejn l-integrazzjoni sħiħa ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi AKP fil-baġit tal-UE) (COM(2003)0590),
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Konsultazzjoni Konġunt tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-6 ta' Ottubru 2015 bit-titolu "Lejn sħubija ġdida bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku wara l-2020" (JOIN(2015)0033),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-relazzjonijiet AKP-UE, b'mod partikolari dik tal-11 ta' Frar 2015 dwar il-ħidma tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE(3), dik tat-13 ta' Ġunju 2013(4) dwar it-tieni emenda għall-Ftehim ta' Cotonou tat-23 ta' Ġunju 2000, dik tal-5 ta' Frar 2009 dwar l-impatt fuq l-iżvilupp tal-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika(5), u dik tal-1 ta' April 2004 dwar il-baġitizzazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp(6),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-passat tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE, u b'mod partikolari dik tad-9 ta' Diċembru 2015 dwar "Forty years of partnership: evaluation of the impact on trade and development in the ACP countries and prospects for enduring relations between the ACP countries and the European Union" (Erbgħin sena ta' sħubija: evalwazzjoni tal-impatt fuq il-kummerċ u l-iżvilupp fil-pajjiżi tal-AKP u prospetti għal relazzjonijiet dejjiema bejn il-pajjiżi AKP u l-Unjoni Ewropea)(7),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp (PCD),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tad-9 ta' Diċembru 2015 mill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE dwar il-futur tar-relazzjonijiet AKP-UE(8),
– wara li kkunsidra l-istrateġija globali tal-UE għall-politika barranija u ta' sigurtà, ippreżentata lill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu tat-28 u d-29 ta' Ġunju 2016,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-21 ta' Marzu 2012 bit-titolu "Lejn sħubija għall-iżvilupp imġedda bejn l-UE u l-Paċifiku" (JOIN(2012)0006),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-26 ta' Ġunju 2012 bit-titolu "Strateġija ta' Sħubija Konġunta UE-Karibew" (JOIN(2012)0018),
– wara li kkunsidra l-Istrateġija Konġunta UE-Afrika, adottata mill-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern Afrikani u Ewropej fis-summit ta' Lisbona fid-9 ta' Diċembru 2007(9),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2015 dwar ir-rwol tal-awtoritajiet lokali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw fir-rigward tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp(10),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta AKP-UE tal-20 ta' Ġunju 2014 dwar l-aġenda ta' wara l-2015(11),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Sipopo tas-7 Summit tal-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern AKP li sar fit-13 u l-14 ta' Diċembru 2012, bit-titolu "The Future of the ACP Group in a Changing World: Challenges and Opportunities" (Il-Futur tal-Grupp AKP f'Dinja li qed Tinbidel: Sfidi u Opportunitajiet)(12),
– wara li kkunsidra t-Tielet Konferenza Internazzjonali dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp tat-13-16 ta' Lulju 2015 u l-Aġenda ta' Azzjoni ta' Addis Ababa, approvata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fis-27 ta' Lulju 2015(13),
– wara li kkunsidra s-Summit tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli u d-dokument ta' eżitu adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fil-25 ta' Settembru 2015, bit-titolu "Transforming our world: the 2030 Agenda for Sustainable Development" (Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli)(14),
– wara li kkunsidra l-41 sessjoni tal-Kunsill Konġunt AKP-UE, li saret f'Dakar (is-Senegal) fit-28 u d-29 ta' April 2016,
– wara li kkunsidra t-8 Summit tal-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern AKP f'Port Moresby, Papua New Guinea fl-31 ta' Mejju u fl-1 ta' Ġunju 2016 li fih kienet adottata l-Komunikazzjoni ta' Waigani dwar il-perspettivi futuri tal-Grupp ta' Stati AKP, flimkien mad-Dikjarazzjoni ta' Port Moresby, li fiha kien aċċettat ir-rapport finali tal-Grupp ta' Persuni Eminenti li jirrifletti dwar il-futur tal-Grupp AKP,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0263/2016),
A. billi s-saħħa tal-Ftehim ta' Cotonou kif ukoll l-acquis tiegħu huma bbażati fuq numru ta' karatteristiċi uniċi: huwa dokument legalment vinkolanti, għandu saħħa numerika mingħajr paragun ta' 79+28 Stat Membru, huwa komprensiv permezz tat-tliet pilastri tiegħu ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp, ta' kooperazzjoni politika u ta' kooperazzjoni ekonomika u kummerċjali, għandu qafas istituzzjonali konġunt, u għandu baġit kbir fil-forma tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ);
B. billi l-għan predominanti tal-Ftehim ta' Cotonou: "li jitnaqqas u fl-aħħar jitneħħa l-faqar bl-għan li jkun hemm żvilupp sostenibbli u integrazzjoni bil-mod tal-pajjiżi tal-AKP fl-ekonomija dinjija." jinsab imnaqqax fl-Artikolu 1 tiegħu; billi s-sħubija hija bbażata fuq sett ta' valuri u prinċipji bażiċi, inkluż ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, id-demokrazija bbażata fuq l-istat tad-dritt u l-governanza trasparenti u responsabbli;
C. billi aktar minn 80 % tal-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati tad-dinja ġejjin minn reġjuni AKP, u dan jagħti rilevanza partikolari lis-sħubija UE-AKP;
D. billi kien hemm bidliet fix-xenarju politiku u ekonomiku fil-Grupp AKP u fl-Unjoni Ewropea minn meta ġie ffirmat il-Ftehim ta' Cotonou;
E. billi l-futur tar-relazzjonijiet UE-AKP għandu jkun ibbażat fuq riflessjoni ġdida dwar il-potenzjal u l-ostakli ġejjiena għall-kooperazzjoni bejn l-UE u l-AKP;
F. billi s-saħħa numerika tal-Istati Membri tal-AKP u tal-UE ma rriżultatx f'biżżejjed azzjoni konġunta fil-fora globali;
G. billi s-sħubija UE-AKP żvolġiet rwol importanti fil-progress lejn il-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs);
H. billi, min-naħa l-oħra, ir-riżultati rigward l-għanijiet tal-qerda tal-faqar u l-integrazzjoni tal-pajjiżi AKP fl-ekonomija dinjija kienu s'issa insuffiċjenti, minħabba li nofs l-istati membri AKP għadhom fost il-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati (LDCs) u peress li l-istati membri AKP flimkien jirrappreżentaw inqas minn 5 % tal-kummerċ dinji u madwar 2 % tal-PDG globali;
I. billi r-relazzjonijiet kummerċjali jiffurmaw it-tieni pilastru tal-Ftehim ta' Cotonou, u billi l-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (FSE) huma mezz biex jissaħħu dawn ir-relazzjonijiet;
J. billi l-FSE huma previsti fl-Artikolu 36 tal-Ftehim ta' Cotonou bħala strumenti ta' żvilupp "bl-għan li jħeġġu integrazzjoni armonjuża u gradwali tal-istati AKP fl-ekonomija dinjija, speċjalment billi jagħmlu użu sħiħ tal-integrazzjoni reġjonali u l-kummerċ Nofsinhar-Nofsinhar"; billi l-inklużjoni tal-FSE fil-Ftehim ta' Cotonou tippromwovi l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp;
K. billi l-Ftehim ta' Cotonou iqis l-importanza dejjem tikber tal-integrazzjoni reġjonali fil-pajjiżi AKP u fil-kooperazzjoni AKP-UE, kif ukoll ir-rwol tagħha fil-promozzjoni tal-paċi u s-sigurtà, il-promozzjoni tat-tkabbir u l-indirizzar ta' sfidi transfruntiera;
L. billi l-Ftehim ta' Cotonou jindirizza sfidi globali ġodda relatati mat-tibdil fil-klima, il-migrazzjoni, il-paċi u s-sigurtà (bħalma huma l-ġlieda kontra t-terroriżmu, l-estremiżmu u l-kriminalità internazzjonali), iżda pproduċa ftit riżultati konkreti f'dawn l-oqsma;
M. billi l-laqgħat tal-istituzzjonijiet konġunti AKP-UE, u b'mod partikolari tal-Kunsill Konġunt tal-Ministri, ipproduċew biss ftit riżultati konkreti u kien hemm attendenza baxxa u ta' livell baxx;
N. billi l-UE tiffinanzja madwar 50 % tal-ispejjeż tas-Segretarjat AKP; billi għadd ta' stati membri AKP mhumiex qed iħallsu l-kontribuzzjoni sħiħa tas-sħubija tagħhom;
O. billi d-djalogu politiku dwar l-elementi essenzjali, kif imsemmi fl-Artikoli 8 u 96 tal-Ftehim ta' Cotonou, huwa mezz konkret u legali li bih jitħarsu l-valuri komuni tas-sħubija AKP-UE u jkunu promossi d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, li huma fundamentali għal żvilupp sostenibbli;
P. billi hu ferm meħtieġ li tiġi żgurata l-kundizzjonalità marbuta mar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u li jissaħħaħ id-djalogu politiku fil-ftehim il-ġdid;
Q. billi, minkejja r-rikonoxximent tal-importanza tagħhom, l-involviment tal-parlamenti nazzjonali, tal-awtoritajiet lokali, tas-soċjetà ċivili u tas-settur privat fid-djalogu politiku kien pjuttost limitat; billi r-rwol tal-Grupp AKP bħala tali kien limitat għall-każijiet fejn jiġi invokat l-Artikolu 96; billi d-djalogu politiku, u l-Artikolu 96 b'mod partikolari, intużaw l-aktar fi stadju avvanzat tal-kriżijiet politiċi u mhux b'mod preventiv;
R. billi minkejja rikonoxximent ċar tar-rwol tal-parlamenti nazzjonali, l-awtoritajiet lokali, is-soċjetà ċivili u s-settur privat fil-Ftehim ta' Cotonou wara r-reviżjoni tiegħu tal-2010, il-parteċipazzjoni tagħhom fid-deliberazzjonijiet dwar il-politiki u l-attivitajiet AKP-UE kienet limitata;
S. billi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili qegħdin jiffaċċjaw leġislazzjoni dejjem aktar restrittiva kif ukoll ostakli oħrajn li jillimitaw l-attivitajiet u l-ispazju tagħhom;
T. billi r-reġjun AKP jinkludi numru ta' pajjiżi u territorji extra-Ewropej (OCT) assoċjati mal-Unjoni Ewropea li r-rabtiet speċjali tagħhom mal-Unjoni Ewropea jesiġu approċċ li jmur lil hinn minn dak tal-għajnuna għall-iżvilupp tradizzjonali sabiex tiġi kkunsidrata aħjar is-sħubija tagħhom fil-familja Ewropea; billi għalkemm l-OCTs igawdu minn status speċjali, huma baqgħu jirċievu finanzjament taħt il-11-il FEŻ, bl-istess mod bħall-pajjiżi AKP;
U. billi l-FEŻ huwa ffinanzjat permezz ta' kontribuzzjonijiet diretti mill-Istati Membri tal-UE u mhuwiex suġġett għar-regoli baġitarji normali tal-UE; billi l-Parlament m'għandu l-ebda poter fuq il-baġit tal-FEŻ ħlief billi jagħti l-kwittanza għall-ħlasijiet li diġà jkunu saru, u lanqas ma għandu drittijiet ta' skrutinju formali fuq il-programmazzjoni tal-FEŻ;
V. billi taħt il-11-il FEŻ madwar EUR 900 miljun jitwarrbu għall-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika u madwar EUR 1,4 biljun mir-Riżerva tal-FEŻ se jintużaw għall-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika;
W. billi r-riżorsi domestiċi tal-pajjiżi AKP, flimkien mal-flus li l-komunitajiet tad-dijaspora jibagħtu lura fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom, jista' jkollhom rwol ewlieni fil-finanzjament għall-iżvilupp;
X. billi l-inklużjoni tal-FEŻ fil-baġit tippermetti skrutinju demokratiku, ittejjeb il-viżibbiltà u żżid it-trasparenza fl-użu tal-fondi għall-iżvilupp tal-UE; billi, min-naħa l-oħra, in-natura pluriennali tal-ipprogrammar tal-FEŻ tippermetti prevedibilità tar-riżorsi filwaqt li l-inklużjoni fil-baġit jista' jwassal għal tnaqqis tal-fondi għall-iżvilupp għall-pajjiżi AKP favur prijoritajiet oħra tal-politika esterna u jista' jitqies li jdgħajjef is-sħubija privileġġjata bejn l-UE u l-AKP; billi l-inklużjoni tal-FEŻ fil-baġit jista' wkoll jikkomprometti l-finanzjament tal-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika, u ta' inizjattivi oħra importanti bħall-Fond Fiduċjarju għall-Afrika, sakemm ma jitwaqqafx strument dedikat għall-finanzjament tal-ispejjeż ta' sigurtà marbuta mal-kooperazzjoni għall-iżvilupp;
1. Jafferma li l-kooperazzjoni AKP-UE hija kisba unika u prezzjuża li saħħet ir-rabtiet bejn il-popli u l-pajjiżi tal-AKP u tal-UE u l-parlamenti tagħhom matul dawn l-aħħar 40 sena; jissottolinja -fid-dawl tal-impenn muri mill-pajjiżi AKP li jieħdu azzjoni konġunta bħala grupp - li sabiex tittejjeb l-effikaċja tal-kooperazzjoni u tiġi adattata għal sfidi ġodda, trid tiġi adottata struttura ġdida li żżomm dawk il-partijiet tal-acquis AKP-UE li għandhom natura universali, bħall-impenn għad-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-iżvilupp tal-bniedem, il-governanza tajba u d-demokrazija, l-objettiv tal-istat tad-dritt, u l-iskambju ta' prattika tajba f'qafas komuni, filwaqt li l-ħidma prinċipali trid titwettaq bi qbil mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, jiġifieri, għandha sseħħ fi ftehimiet reġjonali li jkunu mfassla apposta għal ħtiġijiet reġjonali speċifiċi u għall-interessi reċiproċi li jeżistu bejn l-UE u r-reġjun rispettiv;
2. Jenfasizza li kemm il-qafas komuni kif ukoll il-ftehimiet reġjonali għandhom ikunu legalment vinkolanti; jissottolinja li, sabiex tissaħħaħ l-effikaċja tagħhom, u titnaqqas id-duplikazzjoni u tiġi evitata sovrappożizzjoni tal-oqsfa ta' politika, il-ftehimiet reġjonali mal-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku għandhom jiġu mfassla b'tali mod li jqisu l-organizzazzjonijiet reġjonali u subreġjonali eżistenti, eż. l-Unjoni Afrikana, il-Komunitajiet Ekonomiċi Reġjonali, l-istrateġiji reġjonali jew il-ftehimiet reġjonali bħall-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (FSE), u għandhom jippermettu l-inklużjoni ta' pajjiżi oħra, bħall-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq, jew il-ħolqien ta' gruppi skont interessi jew ħtiġijiet speċifiċi (eż. l-istatus tal-iżvilupp, bħal fil-każ tal-LDCs, jew pekuljaretajiet ġeografiċi, bħal fil-każ ta' stati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw);
Objettivi, prinċipji u termini tal-kooperazzjoni
3. Jitlob biex l-Aġenda 2030 u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) jitqiegħdu fil-qalba ta' ftehim ġdid, u jitlob il-ħolqien ta' mekkaniżmi ta' monitoraġġ b'saħħithom li jiżguraw li l-implimentazzjoni tal-ftehim tikkontribwixxi għall-SDGs u tippromwovihom;
4. Jitlob mekkaniżmu AKP-UE ta' monitoraġġ minn pari, ta' obbligu ta' rendikont u ta' rieżami li jiskrutinizza l-implimentazzjoni tal-SDGs fl-istati membri fuq bażi regolari, b'rappreżentanti tal-AKP u l-UE mhux biss mill-istituzzjonijiet governattivi ċentrali imma wkoll mill-parlamenti, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-soċjetà ċivili u l-komunitajiet xjentifiċi, li kull sena jfassal konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet għal proċessi ta' rieżami u ta' segwitu nazzjonali, reġjonali u globali;
5. Jenfasizza, barra minn hekk, li għandu jittieħed kont sħiħ tal-politiki bbażati fuq l-għarfien matul l-ipprogrammar, l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' politiki pubbliċi speċifiċi għas-settur kif previst skont dan il-ftehim il-ġdid;
6. Jappella biex il-ġlieda kontra l-faqar u l-inugwaljanzi u eventwalment il-qerda tagħhom kif ukoll il-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli isiru l-għanijiet predominanti tal-kooperazzjoni AKP-UE; jinsisti, madankollu, li ftehim ġdid għandu primarjament ikun proġett politiku bbażat fuq il-prinċipju tas-sjieda u b'mod ċar iħalli warajh il-mentalità ta' donatur-riċevitur; iqis li l-kooperazzjoni għandha sseħħ f'oqsma ta' interess komuni fejn ikunu mistennija gwadanji reċiproċi, mhux biss f'termini ekonomiċi imma wkoll fir-rigward tal-paċi u s-sigurtà, id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u d-demokrazija, il-migrazzjoni, l-ambjent, it-tibdil fil-klima u oqsma oħra relatati mal-prosperità tal-popolazzjonijiet kemm tal-AKP kif ukoll tal-UE;
7. Itenni l-opinjoni tiegħu li l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp (PCD) hija element ewlieni għall-kisba tal-aġenda l-ġdida għall-iżvilupp sostenibbli; jemmen li n-natura komprensiva tal-Ftehim ta' Cotonou tippromwovi l-PCD u għandha għalhekk tiġi ssalvagwardjata fi ftehim ġdid; jenfasizza l-ħtieġa li jinżammu d-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-PCD kif ukoll li jissaħħaħ id-djalogu dwar kwistjonijiet relatati fil-qafas ta' dan il-ftehim il-ġdid; ifakkar fil-proposta tiegħu sabiex jinħatru korapporteurs permanenti tal-PCD fil-qafas tal-Assemblea Parlamentari Konġunta;
8. Jemmen li r-rispett tal-prinċipji tal-effettività tal-għajnuna maqbula internazzjonalment huwa kruċjali għat-twettiq tal-Aġenda 2030, u jqis li għandha tiġi inkluża referenza għal dan fi ftehim futur;
9. Jitlob li l-elementi essenzjali fil-Ftehim ta' Cotonou rigward id-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt ikomplu jifformaw il-pedament ibbażat fuq il-valuri ta' ftehim ġdid; jitlob li tiżdied il-governanza tajba bħala element essenzjali, f'konformità ma' 16-il SDG ġdid, li jkopru l-ġustizzja u l-paċi u istituzzjonijiet effikaċi; itenni l-importanza tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Artikolu 9 tal-Ftehim ta' Cotonou;
10. Jenfasizza li d-djalogu politiku huwa parti fundamentali tal-Ftehim ta' Cotonou, u li l-Artikoli 8 u 96 huma mezzi konkreti u legali biex iħarsu l-elementi essenzjali tar-relazzjonijiet AKP-UE, għalkemm mhux dejjem intużaw b'mod effettiv fil-passat; jitlob biex id-djalogu politiku jibqa' pilastru ċentrali u legali fil-qafas predominanti u fil-livell reġjonali tal-ftehim il-ġdid; jitlob biex id-djalogu politiku jintuża b'mod aktar effettiv u sistematiku u b'mod proattiv sabiex jiġu evitati kriżijiet politiċi;
11. Jinnota li l-Artikolu 97 tal-Ftehim ta' Cotonou jipprovdi għal proċedura ta' konsultazzjoni u miżuri xierqa li jindirizzaw każijiet serji ta' korruzzjoni, u jiddispjaċih li s'issa dan l-Artikolu ġie invokat darba biss; jitlob li, fil-ftehim ta' sħubija l-ġdid bejn l-UE u l-pajjiżi AKP, dik il-proċedura tissaħħaħ sabiex issir kompletament operattiva;
12. Jissottolinja f'dan ir-rigward li d-djalogu politiku huwa bażi ta' valur għat-titjib tas-sitwazzjoni tal-popli tal-pajjiżi sħab; jiddispjaċih dwar l-użu insuffiċjenti ta' dan l-istrument kif ukoll dwar l-effikaċja dgħajfa tiegħu sa issa; jitlob, għalhekk, li jkun hemm monitoraġġ imtejjeb tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-elementi essenzjali u fundamentali l-oħra tal-ftehim, jenfasizza li l-monitoraġġ irid ikun inklużiv u parteċipattiv u jitlob evalwazzjoni biennali jew pluriennali u rapporti konġunti dwar ir-rispett għal dawn l-elementi mill-istati membri kollha AKP-UE bil-għan li jiġu ppubblikati l-ismijiet, biex jiġu mċanfra jew imfaħħra pubblikament; jitlob biex ir-riżultati ta' dawn ir-rapporti jiġu ppreżentati fil-laqgħat ġenerali AKP-UE u jintużaw bħala bażi għad-djalogu politiku, kif ukoll ikunu konsultati matul ir-rieżamijiet ta' implimentazzjoni tal-SDG nazzjonali, reġjonali u globali;
13. Jitlob parteċipazzjoni aktar b'saħħitha tal-parlamenti nazzjonali u reġjonali u tal-awtoritajiet lokali, kemm fil-pajjiżi tal-AKP kif ukoll tal-UE, fl-istadji kollha tal-politiki u l-attivitajiet AKP-UE, mill-ippjanar u l-ipprogrammar għall-ġejjieni sal-implimentazzjoni, l-evalwazzjoni u l-monitoraġġ, b'mod partikolari mill-perspettiva tal-prinċipju ta' sussidjarjetà;
14. Iħeġġeġ lill-partijiet kollha għall-ftehim il-ġdid jimpenjaw ruħhom li jagħtu l-awtoritajiet lokali u reġjonali iżjed awtonomija u jibnu l-kapaċità tagħhom, biex ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom b'mod effettiv u l-ftehim ikollu rwol importanti fl-iżvilupp tal-pajjiżi AKP;
15. Jitlob involviment aktar b'saħħtu fid-djalogu politiku, l-ipprogrammar u l-implimentazzjoni, u appoġġ għall-bini tal-kapaċità mis-soċjetà ċivili, b'mod speċjali għall-gruppi lokali li huma direttament ikkonċernati mill-politiki; jissottolinja f'dan ir-rigward il-periklu tal-ispazju li qed jiċkien għas-soċjetà ċivili f'xi pajjiżi, u l-ħtieġa li jiġu inklużi wkoll gruppi bħal minoranzi, zgħazagħ u nisa li ma jistgħux jorganizzaw l-interessi tagħhom jew li, minkejja interess demokratiku leġittimu, mhumiex rikonoxxuti mill-gvern tagħhom;
16. Jemmen li s-settur privat jista' jiżvolġi rwol ċentrali fil-proċess tal-iżvilupp u jista' jikkontribwixxi għall-finanzjament tal-iżvilupp, sakemm l-investiment isir b'rispett għall-persuni u għal sjieda jew użu tradizzjonali, kif ukoll għall-ambjent, bi qbil mal-prinċipji gwida tan-NU dwar il-kummerċ u d-drittijiet tal-bniedem; jitlob, għalhekk, li l-investiment privat ikun appoġġjat taħt l-awspiċi tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) dment li jkun konformi mal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u r-regoli tal-protezzjoni soċjali u ambjentali; jenfasizza li l-prijorità tas-sħubija l-ġdida għandha tingħata lill-produtturi u l-bdiewa fuq skala żgħira u sabiex ikun żgurat ambjent favorevoli għall-mikrointrapriżi, u l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju; jitlob, barra minn hekk, biex is-settur privat lokali u nazzjonali jkun ikkonsultat matul it-tfassil tal-politiki, u fl-istadji ta' programmazzjoni u ta' implimentazzjoni;
Istituzzjonijiet AKP-UE futuri
17. Jitlob li l-laqgħat tal-Kunsill Konġunt AKP-UE jinkludu dibattiti politiċi topiċi u urġenti, inkluż dwar kwistjonijiet sensittivi, bil-għan li jiġu adottati konklużjonijiet konġunti dwarhom; jistieden lill-ministeri rilevanti tal-istati membri tal-AKP u l-UE biex itejbu l-parteċipazzjoni tagħhom fil-livell tal-ministri, sabiex il-laqgħat jingħataw il-leġittimità politika meħtieġa u jagħtu l-viżibilità meħtieġa lill-prinċipju tas-sħubija;
18. Jitlob li l-ftehim il-ġdid ta' kooperazzjoni jinkludi dimensjoni parlamentari b'saħħitha, permezz ta' Assemblea Parlamentari Konġunta (JPA), li tipprovdi għal djalogu parlamentari demokratiku u komprensiv, inkluż dwar suġġetti diffiċli u sensittivi, tmexxi 'l quddiem proġetti politiċi (reġjonali) komuni, tipprovdi bażi demokratika għalihom permezz tal-parteċipazzjoni ta' diversi partijiet interessati, tiskrutinizza l-ħidma tal-eżekuttiv u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp, tippromwovi d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, u b'hekk tagħti kontribut importanti għal sħubija ta' kooperazzjoni ġdida fuq livell ugwali; jenfasizza l-importanza tal-involviment minn kmieni tal-JPA fid-diskussjonijiet rilevanti kollha dwar is-sħubija AKP-UE wara l-2020;
19. Jemmen bil-qawwa li l-JPA għandha tiżgura r-rappreżentanza adegwata demokratika u proporzjonali u l-parteċipazzjoni tal-forzi politiċi kollha fid-dibattiti tagħha; jitlob, għalhekk, biex id-delegazzjonijiet nazzjonali għall-JPA jinkludu rappreżentanti parlamentari tal-ispettru politiku nazzjonali tagħhom, u jiggarantixxu l-preżenza tal-oppożizzjoni;
20. Jitlob biex il-JPA tkun allinjata mal-istruttura reġjonali l-ġdida, biex b'hekk tiffoka l-ħidma tagħha f'fora reġjonali fuq kwistjonijiet ta' importanza reġjonali, tinvolvi bil-qawwa l-parlamenti nazzjonali u reġjonali filwaqt li tibqa' torganizza wkoll laqgħat konġunti AKP-UE fuq bażi regolari, imma anqas frekwenti; jitlob biex fis-sessjonijiet tal-JPA jiġu inklużi laqgħat topiċi u tematiċi mas-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet lokali u s-settur privat bil-ħsieb li jkomplu jiġu żviluppati u mwessa' dibattiti dwar suġġetti marbuta mal-aġenda tal-JPA;
21. Jistieden lill-Bureau tal-JPA jiżviluppa orjentazzjoni aktar strateġika tal-programm ta' ħidma tal-Assemblea; jitlob li fil-ġejjieni r-rapporti tal-kumitat tal-JPA jistabbilixxu rabta ċara mas-17-il SDG sabiex ikun jista' jsir monitoraġġ kontinwu ta' kull wieħed minn dawn l-għanijiet; jitlob allinjament tar-riżoluzzjonijiet komuni fil-forum globali AKP-UE dwar suġġetti internazzjonali urġenti, id-dewmien rigward suġġetti rilevanti għall-SDG u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll allinjament tar-riżoluzzjonijiet fil-laqgħat reġjonali jew laqgħat rispettivi oħra dwar suġġetti u kwistjonijiet attwali li huma urġenti u ta' interess partikolari għal reġjun jew grupp speċifiku; f'dan il-kuntest, ifakkar lill-VP / RGħ dwar l-importanza politika tal-preżenza tal-Kunsill f'livell ministerjali waqt is-sessjonijiet tal-JPA; jitlob biex il-Kopresidenti tal-JPA AKP-UE jiġu mistiedna għal-laqgħat tal-Kunsill Konġunt sabiex jiġi żgurat fluss effettiv u reċiproku ta' informazzjoni u tissaħħaħ il-kooperazzjoni istituzzjonali;
22. Jitlob biex isiru sforzi ulterjuri biex jitjieb l-iskrutinju tal-JPA tal-iprogrammar għall-iżvilupp, waqt li jkunu kkunsidrati l-prinċipji dwar l-effikaċja tal-iżvilupp u s-segwitu għal tali skrutinju; jistieden lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet jippromwovu l-involviment tal-parlamenti nazzjonali, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-atturi tas-soċjetà ċivili, is-settur privat u komunitajiet tad-diaspora fil-fażijiet differenti ta' skrutinju tal-ipprogrammar għall-iżvilupp, u sabiex jgħaddu l-informazzjoni disponibbli kollha b'mod trasparenti u f'waqtu lill-parlamenti nazzjonali sabiex jgħinuhom fl-eżerċizzju tagħhom tal-iskrutinju demokratiku;
23. Iqis li s-sħubija UE-AKP għandha tapprofondixxi l-involviment mas-sħab l-oħrajn fil-livell dinji (bħall-Unjoni Afrikana jew in-Nazzjonijiet Uniti) u mal-potenzi internazzjonali l-oħrajn kull fejn ikun possibbli, u taħdem fuq it-tisħiħ tal-koordinament u tal-kooperazzjoni, mingħajr ma tirdoppja x-xogħol jew il-missjonijiet, bil-għan li tindirizza l-isfidi rappreżentati mill-gwerer, mill-kunflitti interni, mill-insigurtà, mill-fraġilità u mit-tranżizzjoni;
Finanzjament futur
24. Jinsab konvint li l-iskadenza simultanja tal-Ftehim ta' Cotonou u l-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) tal-Unjoni joffru l-opportunità biex finalmenttittieħed deċiżjoni dwar l-inklużjoni tal-FEŻ fil-baġit sabiex jissaħħu l-effiċjenza u l-effikaċja, it-trasparenza, l-iskrutinju demokratiku, l-obbligu ta' rendikont u l-viżibilità u l-koerenza tal-finanzjament għall-iżvilupp tal-UE; jenfasizza, madankollu, li din l-inklużjoni fil-baġit għandha tkun ikkundizzjonata permezz ta' i) garanzija ta' delimitazzjoni tal-fondi għall-iżvilupp biex jinżamm il-livell ta' finanzjament għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u ii) soluzzjoni permanenti u separata għall-finanzjament mill-UE tal-ispejjeż tas-sigurtà li huma marbuta mal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u f'koerenza magħha; jenfasizza li, anke jekk inkluż fil-baġit, il-FEŻ għandu jinkludi punti ta' riferiment li jkunu allinjati mal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE; iħeġġeġ liż-żewġ partijiet jimmodernizzaw l-istrumenti ta' finanzjament u jippromwovu appoġġ baġitarju settorjali u ġenerali fejn possibbli;
25. Jirrimarka li l-baġit tal-Unjoni diġà joffri strumenti mmirati lejn sħab speċifiċi u li l-inklużjoni tal-FEŻ fil-baġit tista' ssir b'mod li tirrifletti u tippromwovi relazzjoni AKP-UE privileġġata bil-għan li jkun promoss l-iżvilupp sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta pjan direzzjonali li jindirizza l-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq, qabel ma tippreżenta l-proposti meħtieġa għall-QFP li jmiss;
26. Ifakkar li r-relazzjonijiet AKP-UE futuri għandhom ikunu ta' natura politika, eż. jaħdmu lejn proġetti politiċi komuni f'fora internazzjonali differenti, u mhux prinċipalment ta' natura donatur-benefiċjarju; jenfasizza, għalhekk, li l-prinċipji tal-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE għandhom jiġu applikati fuq bażi ugwali għall-pajjiżi kollha li qed jiżviluppaw, u li jeħtieġ li l-pajjiżi AKP li jilħqu stat ta' żvilupp avvanzat ma jibqgħux jirċievu l-għajnuna għall-iżvilupp mill-UE bl-istess mod kif jiġri għall-pajjiżi li mhumiex fl-AKP; iqis li livell ogħla ta' awtofinanzjament mill-pajjiżi AKP ikun konformi mal-ambizzjonijiet tal-AKP li tkun attur awtonomu, u jenfasizza f'dan il-kuntest l-importanza li jiġu inklużi fil-ftehim il-ġdid għodod imsaħħa għall-bini tal-kapaċità tal-pajjiżi AKP biex jiffinanzjaw lis-setturi ekonomiċi vitali; jistieden lill-partijiet jirduppjaw l-isforzi tagħhom biex jibnu l-kapaċità fil-pajjiżi AKP u biex jutilizzaw u jisfruttaw sew ir-riżorsi domestiċi, billi, b'mod partikolari, jsaħħu s-sistemi fiskali, jiżguraw ġestjoni tajba tar-riżorsi naturali u jħeġġu l-industrijalizzazzjoni u l-ipproċessar ta' materja prima għas-swieq lokali, reġjonali u dinjija;
27. Jenfasizza li l-11-il FEŻ huwa s-sors prinċipali ta' finanzjament għall-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika (FPA), minkejja l-fatt li din kellha tkun soluzzjoni proviżorja meta l-FPA ġiet stabbilita fl-2003; jitlob il-ħolqien ta' strument dedikat għall-finanzjament tal-ispejjeż tas-sigurtà marbuta mal-kooperazzjoni għall-iżvilupp;
28. Josserva l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar it-twaqqif ta' qafas ta' sħubija ġdid ma' pajjiżi terzi skont l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni; josserva li l-baġit tal-UE u l-kontribuzzjoni tal-FEŻ għall-pakkett ta' EUR 8 biljun huwa kompost esklużivament mill-għajnuna li diġà kienet ippjanata; jagħmel appell biex l-għajnuna għall-iżvilupp lill-benefiċjarji ma tkunx kompromessa u biex l-inizjattivi relatati mal-migrazzjoni jkunu ffinanzjati permezz ta' approprjazzjonijiet ġodda;
29. Jitlob l-introduzzjoni ta' strument dedikat għall-OCTs kollha li jkun konformi mal-istatus speċjali tagħhom u s-sħubija tagħhom fil-familja Ewropea; jitlob li jkun hemm kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-pajjiżi tal-AKP u l-OCTs, bil-ħsieb li jitrawwem żvilupp inklużiv u sostenibbli fir-reġjuni rispettivi tagħhom u li l-OCTs jiġu integrati b'mod aktar sħiħ fl-ambjenti reġjonali tagħhom;
Dimensjoni kummerċjali: Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (FSE)
30. Itenni li l-FSE jikkostitwixxu bażi għal kooperazzjoni reġjonali u li dawn għandhom ikunu strumenti għall-iżvilupp u l-integrazzjoni reġjonali; jenfasizza, għalhekk, ir-relevanza ta' dispożizzjonijiet legalment vinkolanti ta' sostenibbiltà (dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-istandards soċjali u ambjentali) fil-FSE kollha, u jissottolinja l-importanza tal-ħolqien ta' sistemi ta' monitoraġġ effettivi li jinkludu firxa wiesgħa mis-soċjetà ċivili sabiex jidentifikaw u jipprevjenu kwalunkwe effett negattiv li jista' jirriżulta mill-liberalizzazzjoni tal-kummerċ;
31. Jitlob li l-Ftehim suċċessiv għal dak ta' Cotonou ikun ftehim politiku komprensiv li permezz tiegħu jkunu stabbiliti r-rekwiżiti minimi vinkolanti għall-FSE, sabiex tkun żgurata l-kontinwità tal-konnessjonijiet fil-Ftehim ta' Cotonou eżistenti bejn l-FSE u d-dispożizzjonijiet ta' sostenibbiltà dwar il-governanza tajba, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inkluż fost dawk l-aktar vulnerabbli, u r-rispett tal-istandards soċjali u ambjentali, u minħabba li dan kieku jipprovdi qafas adegwat għall-iżvilupp sostenibbli u l-koerenza politika; jitlob li jkun hemm proċess parlamentari konġunt ta' skrutinju u monitoraġġ dwar l-impatt tal-FSE kif ukoll mekkaniżmu strutturat ta' monitoraġġ tas-soċjetà ċivili;
o o o
32. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill AKP, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u lill-Bureau tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.