Indiċi 
Testi adottati
It-Tlieta, 22 ta' Novembru 2016 - StrasburguVerżjoni finali
Ftehim dwar Kooperazzjoni Operattiva u Strateġika bejn l-Ukrajna u l-Europol *
 Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Jean-François Jalkh
 Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Jean-François Jalkh
 Pjan għal perjodu fit-tul għall-istokkijiet tal-merluzz u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet ***II
 Aċċess tal-awtoritajiet tat-taxxa għal informazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus *
 Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew għall-2015
 Green Paper dwar is-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur
 Unjoni Ewropea tad-Difiża
 Nisfruttaw il-Potenzjal tat-Trasport tal-Passiġġieri fuq l-Ilma
 It-titjib tal-effikaċja tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp

Ftehim dwar Kooperazzjoni Operattiva u Strateġika bejn l-Ukrajna u l-Europol *
PDF 252kWORD 48k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Novembru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill li tapprova l-konklużjoni mill-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) tal-Ftehim dwar Kooperazzjoni Operattiva u Strateġika bejn l-Ukrajna u l-Europol (10345/2016 – C8-0267/2016 – 2016/0811(CNS))
P8_TA(2016)0428A8-0342/2016

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-Kunsill (10345/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 39(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kif emendat bit-Trattat ta' Amsterdam, u l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji, skont liema artikoli ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0267/2016),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠAI tas-6 ta' April 2009 li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol)(1), b'mod partikolari l-Artikolu 23(2) tagħha,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/934/ĠAI tat-30 ta' Novembru 2009 li tadotta r-regoli implimentattivi li jirregolaw ir-relazzjonijiet tal-Europol mal-imsieħba, inkluż l-iskambju ta' data personali u informazzjoni klassifikata(2), b'mod partikolari l-Artikoli 5 u 6 tagħha,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/935/ĠAI tat-30 ta' Novembru 2009 li tiddetermina l-lista ta' Stati terzi u organizzazzjonijiet li magħhom l-Europol għandu jikkonkludi ftehimiet(3),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0342/2016),

1.  Japprova l-abbozz tal-Kunsill;

2.  Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

3.  Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda t-test approvat mill-Parlament b'mod sustanzjali;

4.  Jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta, wara d-data ta' applikazzjoni tar-Regolament il-ġdid dwar l-Europol(4), id-dispożizzjonijiet tal-ftehim ta' kooperazzjoni; u jitlobha wkoll tinforma lill-Parlament u lill-Kunsill dwar l-eżitu ta' dik il-valutazzjoni u, jekk ikun xieraq, tressaq rakkomandazzjoni għal awtorizzazzjoni li jinfetaħ rinegozjar internazzjonali tal-ftehim;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU L 121, 15.5.2009, p. 37.
(2) ĠU L 325, 11.12.2009, p. 6.
(3) ĠU L 325, 11.12.2009, p. 12.
(4) Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53).


Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Jean-François Jalkh
PDF 262kWORD 50k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Novembru 2016 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Jean-François Jalkh (2016/2115(IMM))
P8_TA(2016)0429A8-0318/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Jean-François Jalkh, imressqa fl-14 ta' April 2016 mill-Ministru tal-Ġustizzja Franċiż, b'rabta ma' inkjesta ġudizzjarja (fajl Nru 14142000183) li nfetħet fil-konfront tas-Sur Jean-François Jalkh quddiem il-Qorti Reġjonali ta' Nanterre fuq ilment b'intervent ċivili mill-assoċjazzjoni "Maison des potes – Maison de l'égalité" bl-imputazzjoni ta' inċitament pubbliku għad-diskriminazzjoni razzjali jew reliġjuża, u mħabbra fis-seduta plenarja fit-8 ta' Ġunju 2016,

–  wara li sema' lil Jean-François Jalkh skont l-Artikolu 9(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,

–  wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta' Mejju 1964, fl-10 ta' Lulju 1986, fil-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011 u fis-17 ta' Jannar 2013(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Franċiża, kif emendat bil-Liġi Kostituzzjonali tal-4 ta' Awwissu 1995 Nru 95-880,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2), 6(1) u 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0318/2016),

A.  billi l-Prosekutur Ġenerali tal-Qorti tal-Appell ta' Versailles talab it-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Membru tal-Parlament Ewropew, Jean-François Jalkh, b'rabta ma' azzjoni legali għal reat allegat;

B.  billi t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Jean-François Jalkh hija relatata mar-reat allegat ta' inċitament għad-diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, ir-razza jew ir-reliġjon bil-kelma, bil-miktub, b'immaġni jew b'kommunikazzjoni elettronika pubblika minn persuna jew persuni mhux magħrufa, liema reat huwa previst fil-liġi Franċiża, b'mod speċifiku fl-Artikolu 24(8), l-Artikolu 23(1) u l-Artikolu 42 tal-Liġi tad-29 ta' Lulju 1881 u l-Artikolu 93(3) tal-Liġi Nru 82-652 tad-29 ta' Lulju 1982, u l-pieni għal dan ir-reat huma previsti fl-Artikolu 24(8), (10), (11) u (12), tal-Liġi tad-29 ta' Lulju 1881 u mill-Artikolu 131-26(2) u (3) tal-Kodiċi Kriminali;

C.  billi Jean-François Jalkh ġie akkużat mill-assoċjazzjoni "Maison des potes – Maison de l'égalité" f'ilment imressaq quddiem il-Qorti Reġjonali ta' Nanterre fit-22 ta' Mejju 2014;

D.  billi l-ilment ikkonċerna dikjarazzjonijiet magħmula f'fuljett intitolat "Petit guide pratique de l'élu municipal Front national" (Manwal għall-kunsilliera lokali tal-Front national), ippubblikat fid-19 ta' Settembru 2013 u mtella' fuq is-sit uffiċjali tal-Federazzjoni Front national fit-30 ta' Novembru 2013, li inkoraġġixxa lill-kunsillieri muniċipali futuri tal-Front national eletti fl-elezzjonijiet tat-23 u t-30 ta' Marzu 2014 jirrakkomandaw, fl-ewwel laqgħa tal-kunsill muniċipali l-ġdid tagħhom, li l-prijorità għandha tingħata lill-persuni Franċiżi ("prijorità nazzjonali") għal dak li jikkonċerna l-allokazzjoni tal-akkomodazzjoni soċjali; billi Jean-François Jalkh kien id-direttur tal-pubblikazzjoni tal-Front national u kellu kontroll editorjali fuq is-siti kollha tal-federazzjoni;

E.  billi l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-Membri tal-Parlament Ewropew igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament ta' dak l-Istat;

F.  billi l-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni Franċiża jipprevedi li l-ebda Membru tal-Parlament ma għandu jitressaq il-qorti, jiġi investigat, arrestat, detenut jew ipproċessat minħabba opinjonijiet espressi jew voti mitfugħa fil-qadi ta' dmirijietu;

G.  billi l-portata tal-immunità mogħtija lill-Membri tal-Parlament Franċiż tikkorrispondi fil-fatt għall-portata tal-immunità mogħtija lill-Membri fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea; billi l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex Membru tal-Parlament Ewropew ikun kopert bl-immunità, opinjoni trid tingħata mill-Membru fil-qadi ta' dmirijietu, u dan jimplika r-rekwiżit ta' rabta bejn l-opinjoni espressa u d-dmirijiet parlamentari; billi tali rabta għandha tkun diretta u ovvja;

H.  billi Jean-François Jalkh ma kienx Membru tal-Parlament Ewropew meta r-reat allegat seħħ, jiġifieri fid-19 ta' Settembru u t-30 ta' Novembru 2013, iżda l-materjal allegatament offensiv kien għadu disponibbli għal qari minn kwalunkwe persuna li riedet aċċess għalih fit-23 ta' Ġunju u t-2 ta' Ottubru 2014;

I.  billi l-akkużi ma għandhom b'mod manifest l-ebda rabta mal-pożizzjoni ta' Jean-François Jalkh bħala Membru tal-Parlament Ewropew u jikkonċernaw minflok attivitajiet ta' natura purament nazzjonali jew reġjonali, fid-dawl tal-fatt li d-dikjarazzjonijiet saru lil membri potenzjali għall-kunsilli lokali fid-dawl tal-elezzjonijiet lokali fit-23 u fit-30 ta' Marzu 2014 u jikkonċernaw il-pożizzjoni tiegħu bħala direttur tal-pubblikazzjoni tal-Front national b'kontroll editorjali fuq is-siti tal-federazzjoni;

J.  billi l-azzjonijiet allegati ma jirreferux għal xi opinjoni espressa jew vot mitfugħ mill-Membru tal-Parlament Ewropew fil-qadi ta' dmirijietu, fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea;

K.  billi ma hemmx is-suspett ta' tentattiv li jiġi ostakolat ix-xogħol parlamentari ta' Jean-François Jalkh (fumus persecutionis) f'din l-inkjesta ġudizzjarja mnedija insegwitu ta' ilment tal-assoċjazzjoni "Maison des potes – Maison de l'égalité", imressaq qabel ma assuma l-kariga tiegħu fil-Parlament Ewropew;

1.  Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Jean-François Jalkh;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika Franċiża u lil Jean-François Jalkh.

(1) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Mejju 1964, Wagner vs Fohrmann u Krier, 101/63, ECLI:EU:C:1964:28; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Wybot vs Faure et., 149/85, ECLI:EU:C:1986:310; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/05, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C163/10, ECLI: EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23.


Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Jean-François Jalkh
PDF 261kWORD 50k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Novembru 2016 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Jean-François Jalkh (2016/2107(IMM))
P8_TA(2016)0430A8-0319/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Jean-François Jalkh, imressqa fl-14 ta' April 2016 mill-Ministru tal-Ġustizzja Franċiż b'rabta ma' inkjesta ġudizzjarja (fajl Nru 1422400530), li nfetħet fil-konfront tas-Sur Jean-François Jalkh quddiem il-Qorti tad-Distrett ta' Pariġi fuq ilment b'intervent ċivili mill-assoċjazzjoni "Bureau national de vigilance contre l'antisémitisme" (BNVCA) bl-imputazzjoni ta' inċitament pubbliku għad-dikriminazzjoni, il-mibegħda jew il-vjolenza u mħabbra fis-seduta plenarja fit-8 ta' Ġunju 2016,

–  wara li sema' lil Jean-François Jalkh skont l-Artikolu 9(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,

–  wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta' Mejju 1964, fl-10 ta' Lulju 1986, fil-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011 u fis-17 ta' Jannar 2013(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Franċiża, kif emendat bil-Liġi Kostituzzjonali tal-4 ta' Awwissu 1995 Nru 95-880,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2), 6(1) u 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0319/2016),

A.  billi l-Prosekutur Ġenerali tal-Qorti tal-Appell ta' Pariġi talab it-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Membru tal-Parlament Ewropew, Jean-François Jalkh, b'rabta ma' azzjoni legali għal reat allegat;

B.  billi t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Jean-François Jalkh hija relatata mar-reat allegat ta' inċitament għad-diskriminazzjoni, il-mibegħda jew il-vjolenza fil-konfront ta' persuna jew grupp ta' persuni fuq il-bażi tal-oriġini tagħhom jew is-sħubija jew in-nuqqas ta' sħubija tagħhom ma' grupp etniku, nazzjon, razza jew reliġjon partikolari, liema reat huwa previst fil-liġi Franċiża, b'mod speċifiku fl-Artikolu 24(8) u l-Artikolu 23(1) tal-Liġi tad-29 ta' Lulju 1881;

C.  billi Jean-François Jalkh ġie akkużat mill-assoċjazzjoni Bureau national de vigilance contre l'antisémitisme (BNVCA) f'ilment imressaq mad-Dekan tal-Imħallfin Inkwirenti f'Pariġi fit-12 ta' Awwissu 2014;

D.  billi l-ilment ikkonċerna dikjarazzjonijiet magħmula mis-Sur Jean-Marie Le Pen f'intervista mxandra fuq is-sit www.frontnational.com, u mbagħad fuq il-blog www.jeanmarielepen.com fis-6 ta' Ġunju 2014, meta kien qed jirreaġixxi għal meta membru tal-udjenza semma l-isem tal-kantant Patrick Bruel, li kien qal li ma setax ikanta iktar fl-ibliet li eleġġew sindki li jappartjenu għall-Front national, fejn qal: "Dan ma jissorprendinix. Isimgħu, darb'oħra ngħadduhom kollha mill-forn."; billi Jean-François Jalkh huwa d-direttur tal-pubblikazzjoni tas-sit uffiċjali tal-Front national;

E.  billi l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-Membri, igawdu fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-Parlament ta' dak l-Istat;

F.  billi l-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni Franċiża jipprevedi li l-ebda Membru tal-Parlament ma għandu jitressaq il-qorti, jiġi investigat, arrestat, detenut jew ipproċessat minħabba opinjonijiet espressi jew voti mitfugħa fil-qadi ta' dmirijietu;

G.  billi l-portata tal-immunità mogħtija lill-Membri tal-Parlament Franċiż tikkorrispondi fil-fatt għall-portata tal-immunità mogħtija lill-Membri tal-Parlament Ewropew fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea; billi l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex Membru tal-Parlament Ewropew ikun kopert bl-immunità, opinjoni għandha tiġi mogħtija mill-Membru fil-qadi ta' dmirijietu, u dan jimplika r-rekwiżit ta' rabta bejn l-opinjoni espressa u d-dmirijiet parlamentari; billi tali rabta għandha tkun diretta u ovvja;

H.  billi Jean-François Jalkh kien għadu ma assumiex dmirijietu bħala Membru tal-Parlament Ewropew meta r-reat allegat seħħ, jiġifieri fis-6 ta' Ġunju 2014, u assuma dmirijietu fl-1 ta' Lulju 2014;

I.  billi l-akkużi ma għandhom b'mod manifest l-ebda rabta mal-pożizzjoni ta' Jean-François Jalkh bħala Membru tal-Parlament Ewropew u jikkonċernaw minflok attivitajiet ta' natura purament nazzjonali jew reġjonali, fid-dawl tal-fatt li d-dikjarazzjonijiet kellhom x'jaqsmu mal-elezzjonijiet lokali fi Franza li saru fit-23 u fit-30 ta' Marzu 2014 u mal-pożizzjoni tiegħu bħala direttur tal-pubblikazzjoni tal-Front national b'kontroll editorjali fuq is-siti tal-federazzjoni;

J.  billi l-azzjonijiet allegati ma jirreferux għal xi opinjoni espressa jew vot mitfugħ mill-Membru tal-Parlament Ewropew fil-qadi ta' dmirijietu, fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea;

K.  billi ma hemmx is-suspett ta' tentattiv li jiġi ostakolat ix-xogħol parlamentari ta' Jean-François Jalkh (fumus persecutionis) f'din l-inkjesta ġudizzjarja mnedija insegwitu ta' ilment tal-assoċjazzjoni "Bureau national de vigilance contre l'antisémitisme (BNVCA)";

1.  Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Jean-François Jalkh;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-Ministru tal-Ġustizzja tar-Repubblika Franċiża u lil Jean-François Jalkh.

(1) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Mejju 1964, Wagner vs Fohrmann u Krier, 101/63, ECLI:EU:C:1964:28; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Wybot vs Faure et., 149/85, ECLI:EU:C:1986:310; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/05, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C163/10, ECLI: EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23.


Pjan għal perjodu fit-tul għall-istokkijiet tal-merluzz u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet ***II
PDF 250kWORD 47k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Novembru 2016 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari għall-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1342/2008 li jistabbilixxipjan għal perjodu fit-tul għall-istokkijiet tal-merluzz u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet (11309/1/2016 – C8-0403/2016 – 2012/0236(COD))
P8_TA(2016)0431A8-0325/2016

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tieni qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (11309/1/2016 – C8-0403/2016),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2012(1),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari(2) dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2012)0498),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 76 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għas-Sajd (A8-0325/2016),

1.  Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari;

2.  Jinnota li l-att qed jiġi adottat b'konformità mal-pożizzjoni tal-Kunsill;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma l-att, flimkien mal-President tal-Kunsill, skont l-Artikolu 297(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali tiegħu biex jiffirma l-att, wara li jkun ġie vverifikat li l-proċeduri ntemmu kif imiss, u biex, bi qbil mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, jipproċedi għall-pubblikazzjoni tal-att f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU C 44, 15.2.2013, p. 125.
(2) ĠU C 65, 19.2.2016, p. 193.


Aċċess tal-awtoritajiet tat-taxxa għal informazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus *
PDF 481kWORD 51k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Novembru 2016 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-aċċess tal-awtoritajiet tat-taxxa għal informazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus (COM(2016)0452 – C8-0333/2016 – 2016/0209(CNS))
P8_TA(2016)0432A8-0326/2016

(Proċedura leġiżlattiva speċjali – konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2016)0452),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 113 u 115 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0333/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0326/2016),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni biex timmodifika l-proposta tagħha konsegwentement, skont l-Artikolu 293(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

3.  Jistieden lill-Kunsill sabiex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

4.  Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Test propost mill-Kummissjoni   Emenda
Emenda 1
Proposta għal direttiva
Premessa -1 (ġdid)
(-1)   Ir-rwol ta' veikoli, kontijiet u kumpaniji bbażati f'rifuġji fiskali u f'ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx irriżulta bħala d-denominatur komuni f'firxa wiesgħa ta' operazzjonijiet, ġeneralment identifikati a posteriori, li jaħbu l-frodi tat-taxxa, il-ħarba ta’ kapital u l-prattiki ta' ħasil tal-flus. Dan il-fatt fih innifsu għandu jesiġi azzjoni politika u diplomatika bl-għan li jinqerdu ċ-ċentri offshore fuq livell globali.
Emenda 2
Proposta għal direttiva
Premessa 1
(1)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE11 kif emendata bid-Direttiva 2014/107/UE12 tapplika mill-1 ta' Jannar 2016 għal 27 Stat Membru u mill-1 ta' Jannar 2017 għall-Awstrija. Din id-Direttiva timplimenta l-Istandard Globali għall-Iskambju Awtomatiku ta' Informazzjoni dwar Kontijiet Finanzjarji fi Kwistjonijiet tat-Taxxa ("l-Istandard Globali") fl-Unjoni. Bħala tali, tiżgura li informazzjoni dwar Detenturi ta' Kontijiet Finanzjarji tiġi rapportata lill-Istat Membru fejn id-Detentur tal-Kontijiet ikun residenti.
(1)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE11 kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE12 tapplika mill-1 ta' Jannar 2016 għal 27 Stat Membru u mill-1 ta' Jannar 2017 għall-Awstrija. Din id-Direttiva timplimenta l-Istandard Globali għall-Iskambju Awtomatiku ta' Informazzjoni dwar Kontijiet Finanzjarji fi Kwistjonijiet tat-Taxxa ("l-Istandard Globali") fl-Unjoni. Bħala tali, tiżgura li informazzjoni dwar Detenturi ta' Kontijiet Finanzjarji tiġi rapportata lill-Istat Membru fejn id-Detentur tal-Kontijiet ikun residenti, bl-għan li jiġu miġġielda l-evażjoni tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa.
__________________
__________________
11 Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta' Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE (ĠU L 64, 11.3.2011, p. 1).
11 Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta' Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE (ĠU L 64, 11.3.2011, p. 1).
12 Id-Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE tad-9 ta' Diċembru 2014 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni (ĠU L 359, 16.12.2014, p. 1).
12 Id-Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE tad-9 ta' Diċembru 2014 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni (ĠU L 359, 16.12.2014, p. 1).
Emenda 3
Proposta għal direttiva
Premessa 1a (ġdid)
(1a)   Il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa, anke b'rabta mal-ħasil tal-flus, hija prijorità assoluta għall-Unjoni.
Emenda 4
Proposta għal direttiva
Premessa 3
(3)  Biex jiżguraw monitoraġġ effettiv tal-applikazzjoni minn Istituzzjonijiet Finanzjarji tal-proċeduri ta' diliġenza dovuta stabbiliti fid-Direttiva 2011/16/UE, l-awtoritajiet tat-taxxa jeħtieġu aċċess għall-informazzjoni dwar l-AML. Fl-assenza ta' dan l-aċċess, dawk l-awtoritajiet ma jkunux jistgħu jimmonitorjaw, jikkonfermaw u jawditjaw li l-Istituzzjonijiet Finanzjarji japplikaw id-Direttiva 2011/16/UE b'mod xieraq billi jidentifikaw b'mod korrett u jirrapportaw is-sidien benefiċjarji ta' strutturi intermedjarji.
(3)  Biex jiżguraw monitoraġġ effettiv tal-applikazzjoni minn Istituzzjonijiet Finanzjarji tal-proċeduri ta' diliġenza dovuta stabbiliti fid-Direttiva 2011/16/UE, l-awtoritajiet tat-taxxa jeħtieġu aċċess rapidu u komplet għall-informazzjoni dwar l-AML u jeħtieġ li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom għadd suffiċjenti ta' persunal b'ħiliet xierqa biex iwettaq dak il-kompitu u bil-kapaċità li jiskambja tali informazzjoni. Dak l-aċċess għandu jkun ir-riżultat ta' skambju awtomatiku u obbligatorju ta' informazzjoni. Fl-assenza ta' dan l-aċċess u tal-persunal xieraq, dawk l-awtoritajiet ma jkunux jistgħu jimmonitorjaw, jikkonfermaw u jawditjaw li l-Istituzzjonijiet Finanzjarji japplikaw id-Direttiva 2011/16/UE b'mod xieraq billi jidentifikaw b'mod korrett u jirrapportaw is-sidien benefiċjarji ta' strutturi intermedjarji.
Emenda 5
Proposta għal direttiva
Premessa 3a (ġdid)
(3a)   Ir-rabta osservata bejn l-evażjoni tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa u l-ħasil tal-flus tesiġi li jiġu sfruttati, sal-massimu possibbli, is-sinerġiji li joriġinaw mill-kooperazzjoni domestika, tal-Unjoni u internazzjonali bejn l-awtoritajiet differenti involuti fil-ġlieda kontra dawn ir-reati u l-abbużi. Kwistjonijiet bħat-trasparenza dwar is-sjieda benefiċjarja jew il-punt sa liema entitajiet bħall-professjonijiet legali huma soġġetti għall-qafas AML f'pajjiżi terzi huma kruċjali biex tittejjeb il-kapaċità tal-awtoritajiet tal-Unjoni li jindirizzaw l-evitar tat-taxxa u l-ħasil tal-flus.
Emenda 6
Proposta għal direttiva
Premessa 3b (ġdid)
(3b)   Ir-revelazzjonijiet ta' Swissleaks, LuxLeaks, Panama Papers u Bahamas Leaks, li huma manifestazzjonijiet individwali ta' fenomenu globali, ikkonfermaw il-ħtieġa assoluta ta' trasparenza akbar fil-qasam tat-taxxa u ta' koordinazzjoni u kooperazzjoni ferm aktar mill-qrib bejn il-ġurisdizzjonijiet.
Emenda 7
Proposta għal direttiva
Premessa 3c (ġdid)
(3c)   L-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-taxxa huwa rikonoxxut internazzjonalment, fil-livell tal-G20, tal-OECD u tal-Unjoni, bħala l-aktar strument effikaċi fil-kisba ta' trasparenza internazzjonali fil-qasam tat-taxxa. Fil-komunikazzjoni tagħha tal-5 ta' Lulju 2016 dwar miżuri ulterjuri biex jittejbu t-trasparenza u l-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa1a, il-Kummissjoni sostniet li "hemm każ aktar b'saħħtu għall-estensjoni ulterjuri tal-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet tat-taxxa, biex din tkopri l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja" u li "l-iskambju ta' informazzjoni awtomatiku dwar is-sjieda benefiċjarja jista' [...] jiġi integrat fil-qafas dwar it-trasparenza tat-taxxa vinkolanti diġà fis-seħħ fl-UE". Barra minn hekk, l-Istati Membri kollha diġà qed jieħdu sehem fi proġett pilota dwar l-iskambju ta' informazzjoni li tikkonċerna s-sidien benefiċjarji aħħarin ta' ditti u fondi fiduċjarji.
_____________
1a COM(2016)0451.
Emenda 8
Proposta għal direttiva
Premessa 4
(4)  Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi żgurat l-aċċess mill-awtoritajiet tat-taxxa għall-informazzjoni, proċeduri, dokumenti u mekkaniżmi dwar l-AML għat-twettiq tad-dmirijiet tagħhom fil-monitoraġġ tal-applikazzjoni xierqa tad-Direttiva 2011/16/UE.
(4)  Ir-regoli tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni ta', u l-ġlieda kontra, il-ħasil tal-flus matul iż-żmien inkorporaw bidliet fl-istandards internazzjonali, bl-għan li tissaħħaħ il-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u li jkun hemm reazzjoni għall-isfidi ffaċċjati f'livell globali, b'mod partikolari minħabba r-rabtiet bejn il-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu, il-kriminalità organizzata u l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi żgurat l-aċċess dirett u ffaċilitat mill-awtoritajiet tat-taxxa għall-informazzjoni, proċeduri, dokumenti u mekkaniżmi dwar l-AML għat-twettiq tad-dmirijiet tagħhom fil-monitoraġġ tal-applikazzjoni xierqa tad-Direttiva 2011/16/UE u għall-funzjonament tal-forom kollha ta' kooperazzjoni amministrattiva msemmija f'dik id-Direttiva, u li dik l-informazzjoni, meta jkun rilevanti, tiġi inkluża fl-iskambji awtomatiċi bejn l-Istati Membri, u li jingħata aċċess lill-Kummissjoni, fuq bażi kunfidenzjali.
Emenda 10
Proposta għal direttiva
Premessa 4b (ġdid)
(4b)   Barra minn hekk, huwa importanti li l-awtoritajiet tat-taxxa jkollhom fis-seħħ sistemi adegwati tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) li jkunu jistgħu jirrintraċċaw attivitajiet ta' ħasil tal-flus fi stadju bikri. F'dak ir-rigward, l-awtoritajiet tat-taxxa għandu jkollhom riżorsi adegwati ta' persunal u ICT li jkunu jistgħu jlaħħqu mal-ammont kbir ta' informazzjoni dwar l-AML li għandha tiġi skambjata bejn l-Istati Membri.
Emenda 11
Proposta għal direttiva
Premessa 4c (ġdid)
(4c)   Barra minn hekk, minħabba li l-iskambju ta' informazzjoni mtejjeb u l-kxif ta' informazzjoni żiedu l-iskambju spontanju u d-disponibbiltà tal-informazzjoni, huwa importanti ħafna li l-Istati Membri jinvestigaw u jaġixxu fir-rigward ta' kull aġir illeċitu potenzjali.
Emenda 12
Proposta għal direttiva
Premessa 4d (ġdid)
(4d)   Peress li l-informazzjoni dwar l-AML f'ħafna każijiet tkun ta' natura transfruntiera, għandha tiġi inkluża, meta jkun rilevanti, fl-iskambju awtomatiku bejn l-Istati Membri u għandha tkun disponibbli, fuq talba, għall-Kummissjoni fil-qafas tas-setgħa tagħha li tinforza r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, minħabba l-kumplessità u l-ħtieġa li tiġi vverifikata l-affidabbiltà ta' din l-informazzjoni, bħal fil-każ ta' data dwar is-sjieda benefiċjarja, l-awtoritajiet tat-taxxa għandhom jikkooperaw fl-inkjesti transfruntieri.
Emenda 13
Proposta għal direttiva
Premessa 4e (ġdid)
(4e)   Skambju ta' informazzjoni awtomatiku, obbligatorju u kontinwu fil-qasam tat-tassazzjoni bejn id-diversi awtoritajiet kompetenti huwa essenzjali sabiex tiġi żgurata trasparenza massima u jkun hemm strument bażiku għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra mġiba frodulenti ta' kull tip.
Emenda 14
Proposta għal direttiva
Premessa 4f (ġdid)
(4f)   Fid-dawl tan-natura globali tal-attivitajiet kontra l-ħasil tal-flus, il-kooperazzjoni internazzjonali hija fundamentali għal ġlieda effikaċi u effiċjenti kontra tali attivitajiet.
Emenda 15
Proposta għal direttiva
Premessa 6
(6)  Ladarba l-objettiv ta' din id-Direttiva, jiġifieri l-kooperazzjoni amministrattiva effiċjenti bejn l-Istati Membri u l-monitoraġġ effettiv tagħha skont kundizzjonijiet kompatibbli mal-funzjonament xieraq tas-suq intern, ma jistax jintlaħaq b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jista' għalhekk, minħabba fl-uniformità u l-effikaċja meħtieġa, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-objettiv.
(6)  Ladarba l-objettiv ta' din id-Direttiva, jiġifieri l-kooperazzjoni amministrattiva effiċjenti bejn l-Istati Membri u l-monitoraġġ effettiv tagħha skont kundizzjonijiet kompatibbli mal-funzjonament xieraq tas-suq intern sabiex tiġi miġġielda l-frodi tat-taxxa, ma jistax jintlaħaq b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jista' għalhekk, minħabba fl-uniformità u l-effikaċja meħtieġa, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-objettiv.
Emenda 16
Proposta għal direttiva
Premessa 7
(7)  Id-diliġenza dovuta tal-konsumatur imwettqa minn Istituzzjonijiet Finanzjarji skont id-Direttiva 2011/16/UE diġà bdiet u l-ewwel skambji tagħha għandhom jiġu finalizzati sa Settembru 2017. Għalhekk, sabiex jiġi żgurat li ma jkunx hemm dewmien fil-monitoraġġ effettiv tal-applikazzjoni, din id-Direttiva Emendatorja għandha tidħol fis-seħħ u tiġi trasposta sal-1 ta' Jannar 2017.
(7)  Id-diliġenza dovuta tal-konsumatur imwettqa minn Istituzzjonijiet Finanzjarji skont id-Direttiva 2011/16/UE diġà bdiet u l-ewwel skambji tagħha għandhom jiġu finalizzati sa Settembru 2017. Għalhekk, sabiex jiġi żgurat li ma jkunx hemm dewmien fil-monitoraġġ effettiv tal-applikazzjoni, din id-Direttiva Emendatorja għandha tidħol fis-seħħ u tiġi trasposta sal-1 ta' Jannar 2018.
Emenda 17
Proposta għal direttiva
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt -1 (ġdid)
Direttiva 2011/16/UE
Artikolu 2 – paragrafu 1
(-1)   Fl-Artikolu 2, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:
1.  Din id-Direttiva għandha tapplika għat-taxxi kollha ta' kwalunkwe tip intaxxati minn jew f'isem Stat Membru jew is-suddiviżjonijiet territorjali jew amministrattivi tal-Istat Membru, inklużi l-awtoritajiet lokali.
1.  Din id-Direttiva għandha tapplika għat-taxxi kollha ta' kwalunkwe tip intaxxati minn jew f'isem Stat Membru jew is-suddiviżjonijiet territorjali jew amministrattivi tal-Istat Membru, inklużi l-awtoritajiet lokali, kif ukoll għas-servizzi ta' kambju ta' muniti virtwali u għall-fornituri ta' portafolli ta' kustodja.
Emenda 18
Proposta għal direttiva
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt -1a (ġdid)
Direttiva 2011/16/UE
Artikolu 8a (ġdid)
(-1a)   Jiddaħħal l-artikolu li ġej:
"Artikolu 8a
L-awtoritajiet tat-taxxa ta' Stat Membru, fi żmien tliet xhur mill-ġbir tagħhom, għandhom jiskambjaw awtomatikament id-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 22 ta' din id-Direttiva ma' kull Stat Membru ieħor dment li s-sid benefiċjarju ta' ditta jew, fil-każ ta' fond fiduċjarju, is-settlor, wieħed mit-trustees, il-protettur (meta jkun rilevanti), benefiċjarju, jew kwalunkwe persuna oħra li teżerċita kontroll effettiv fuq il-fond fiduċjarju, jew, fl-aħħar nett, id-detentur ta' kont imsemmi fl-Artikolu 32a tad-Direttiva (UE) 2015/849, ikunu kontribwenti f'dak l-Istat Membru. Il-Kummissjoni għandha tingħata aċċess għall-ikkompletar tal-missjonijiet tagħha, fuq bażi kunfidenzjali."
Emenda 19
Proposta għal direttiva
Artikolu 1 – paragrafu 1
Direttiva 2011/16/UE
Artikolu 22 – paragrafu 1a
(1a)   Għall-finijiet tal-implimentazzjoni u l-infurzar tal-liġijiet tal-Istati Membri li jagħtu effett lil din id-Direttiva, u sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tal-kooperazzjoni amministrattiva li din tistabbilixxi, l-Istati Membri għandhom jipprevedu bil-liġi l-aċċess minn awtoritajiet tat-taxxa għall-mekkaniżmi, il-proċeduri, id-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 13, 30, 31, 32a u 40 tad-Direttiva 2015/849/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*..
1a.  Għall-finijiet tal-implimentazzjoni u l-infurzar tal-liġijiet tal-Istati Membri li jagħtu effett lil din id-Direttiva, u sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tal-kooperazzjoni amministrattiva li din tistabbilixxi, l-Istati Membri għandhom jipprevedu bil-liġi l-aċċess tal-awtoritajiet tat-taxxa għar-reġistri ċentrali, il-mekkaniżmi, il-proċeduri, id-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fl-artikoli 7, 13, 18, 18a, 19, 27, 30, 31, 32a, 40, 44 u 48 tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*. Tali aċċess għandu jkun ir-riżultat ta' skambju awtomatiku u obbligatorju ta' informazzjoni. L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu wkoll l-aċċess għal dik l-informazzjoni billi jinkluduha f'reġistru pubbliku ċentralizzat ta' kumpaniji, fondi fiduċjarji u strutturi oħra li n-natura jew l-iskop tagħhom ikunu simili jew ekwivalenti
___________________
__________________
* Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).
* Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).
Emenda 20
Proposta għal direttiva
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 1a (ġdid)
Direttiva 2011/16/UE
Artikolu 22 – paragrafu 1b (ġdid)
(1a)   Fl-Artikolu 22, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:
"1b. Għall-fini tal-użu effettiv tad-data skambjata, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni kollha skambjata u miksuba tiġi investigata fi żmien debitu, kemm jekk dik l-informazzjoni tkun inkisbet mill-awtoritajiet fuq talba, permezz ta' skambju spontanju ta' informazzjoni minn Stat Membru ieħor, jew minn kxif ta' informazzjoni pubblika. Jekk Stat Membru jonqos milli jagħmel dan f'perjodu ta' żmien meħtieġ mil-liġi nazzjonali, għandu jikkomunika pubblikament ir-raġunijiet għal dan in-nuqqas lill-Kummissjoni."
Emenda 21
Proposta għal direttiva
Artikolu 2 – paragrafu 1 – subparagrafu 1
1.  L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2016, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma' din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta' dawn id-dispożizzjonijiet.
1.  L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2017, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma' din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta' dawn id-dispożizzjonijiet.
Emenda 22
Proposta għal direttiva
Artikolu 2 – paragrafu 1 – subparagrafu 2
Għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-1 ta' Jannar 2017.
Għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-1 ta' Jannar 2018.

Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew għall-2015
PDF 293kWORD 58k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Novembru 2016 dwar ir-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew għall-2015 (2016/2063(INI))
P8_TA(2016)0433A8-0302/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew għall-2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 284(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(1) tat-TFUE,

–  wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, b'mod partikolari l-Artikolu 15 tagħhom,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0302/2016),

A.  billi dwar il-possibilità li r-Renju Unit jirtira mill-UE, il-President Draghi korrettement iddikkjara li "l-punt li fih il-perspettiva ekonomika se tkun affettwata jiddependi miż-żmien, l-iżvilupp u l-eżitu finali tan-negozjati li se jsiru. S'issa, iż-żona tal-euro baqgħet reżiljenti, imma minħabba din l-inċertezza, ix-xenarju ta' referenza jibqa' suġġett għal riskji ta' ċaqliq 'l isfel"; u li "indipendentement mit-tip ta' relazzjoni li tiżvolġi bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit, hu ferm importanti li l-integrità tas-Suq Uniku tiġi rispettata. Kwalunkwe eżitu jeħtieġ jiżgura li l-parteċipanti kollha jkunu suġġett għall-istess regoli";

B.  billi, skont l-aħħar tbassir tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni, it-tkabbir reali taż-żona tal-euro huwa mistenni li jkun modest u mingħajr uniformità ġeografika – 1,6 % fl-2016 u 1,8 % fl-2017, li jsegwu l-1,7 % fl-2015;

C.  billi, skont l-istess tbassir, il-qgħad fiż-żona tal-euro mistenni jirreġistra tnaqqis, minn 10,9 % fi tmiem l-2015 għal 9,9 % fi tmiem l-2017; billi d-disparitajiet bejn ir-rati tal-qgħad tal-Istati Membri komplew jiżdiedu fl-2015, b'ċifri li jvarjaw minn 4,6 % fil-Ġermanja sa 24,9 % fil-Greċja;

D.  billi, għal darb' oħra skont l-istess tbassir, id-defiċit tal-gvern fiż-żona tal-euro hu mistenni li jonqos gradwalment minn 2,1 % fl-2015 għal 1,9 % fl-2016 u għal 1,6 % fl-2017, u l-proporzjon tad-dejn mal-PDG huwa mbassar li jonqos għall-ewwel darba sa mill-bidu tal-kriżi, għalkemm għad hemm erba' pajjiżi taż-żoni tal-euro involuti fil-proċedura ta' defiċit eċċessiv tal-Kummissjoni: Franza, Spanja, il-Greċja u l-Portugall; billi Ċipru, l-Irlanda u s-Slovenja implimentaw programmi makroekonomiċi li ppermettewlhom inaqqsu d-defiċits rispettivi tagħhom għal inqas mil-livell limitu ta' 3 % tal-PDG;

E.  billi, skont l-istess tbassir, iż-żona tal-euro mistennija li jkollha bilanċ pożittiv estern, ta' madwar 3 % tal-PDG kemm fl-2016 kif ukoll fl-2017; billi Brexit totali ("hard Brexit") jista' jkollu impatt negattiv fuq il-bilanċ tal-kummerċ kemm tal-UE kif ukoll tar-Renju Unit, meta jitqies li r-Renju Unit hu wieħed mis-sħab ewlenin tal-kummerċ taż-żoni tal-euro;

F.  billi l-Artikolu 127(5) tat-TFUE jitlob lis-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali biex tikkontribwixxi għall-manutenzjoni tal-istabilità finanzjarja;

G.  billi l-Artikolu 127(2) tat-TFUE jitlob lis-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali biex "tippromwovi l-operat bla xkiel tas-sistemi ta' pagament";

H.  billi, skont il-projezzjoni tal-BĊE ta' Settembru 2016, ir-rata medja tal-inflazzjoni fiż-żona tal-euro, wara li kienet ta' żero fl-2015, se tibqa' qrib dan il-livell fl-2016 (0,2 %) u tilħaq il-1,2 % fl-2017 u l-1,6 % fl-2018; billi r-rati baxxi ta' inflazzjoni fis-snin reċenti jistgħu fost oħrajn ikunu attribwiti primarjament għall-prezzijiet baxxi tal-enerġija;

I.  billi l-mira tal-inflazzjoni qed isir iktar diffiċli li tintlaħaq minħabba l-konsolidament tax-xejriet demografiċi, prezzijiet tal-enerġija li qed jibqgħu baxxi u l-impatt sħiħ tal-globalizzazzjoni finanzjarja u tal-kummerċ fuq soċjetà Ewropea li qed ikollha rati għolja ta' qgħad; billi dawn il-pressjonijiet deflazzjonarji qed jikkontribwixxu għal nuqqas ta' investiment u għad-dgħufija tad-domanda aggregata;

J.  billi f'Marzu 2015 il-BĊE vara programm estiż ta' xiri ta' assi (APP) li jammonta għal EUR 1,1 triljun u li inizjalment kien ippjanat li jibqa' għaddej sa Settembru 2016;

K.  billi dan il-programm ġie aġġornat, bix-xiri tal-assi skedat li jibqa' għaddej sa Marzu 2017 għal ammont totali li għandu jkun madwar EUR 1,7 triljun, u l-lista ta' assi eliġibbli twessgħet biex tinkludi bonds korporattivi mhux finanzjarji u bonds tal-gvern reġjonali u lokali; billi qed ikun hemm tħassib li fil-karta tal-bilanċ tal-BĊE il-livelli ta' riskju qed jikbru;

L.  billi l-BĊE xtara EUR 19 094 miljun f'titoli garantiti b'assi (ABS) sa mill-bidu tal-programm ta' xiri tiegħu;

M.  billi l-BĊE ffaċilita aktar il-pożizzjoni monetarja tiegħu billi naqqas ir-rati ta' intervent ewlenin tiegħu għal livelli bla preċedent, bl-operazzjonijiet ta' rifinanzjament ewlenin (MRO) u l-faċilità ta' depożitu jinżlu għal 0 % u – 0,40 % rispettivament f'Marzu 2016; billi l-BĊE qed joffri lill-banek inċentivi biex jagħtu self u, b'dan l-għan quddiemhom, qed iwettqu serje oħra ta' operazzjonijiet ta' refinanzjament immirati fuq terminu itwal (TLTRO-II);

N.  billi, skont il-BĊE, it-twaqqif ta' Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) iffukat fuq applikazzjoni konsistenti ta' superviżjoni mikroprudenzjali u ta' infurzar fiż-żona tal-euro kollha sabiex jiżgura kundizzjonijiet indaqs għall-operazzjonijiet bankarji u jimponi metodoloġija ta' valutazzjoni komuni (SREP);

O.  billi l-President tal-BĊE kompla jinsisti dwar l-urġenza ta' riformi strutturali ferm meħtieġa fiż-żona tal-euro;

P.  billi l-BĊE qed jappoġġja l-qafas ta' Titolizzazzjoni Sempliċi, Trasparenti u Standardizzata u rekwiżiti kapitali ridotti riżultanti li se jerġgħu jagħtu l-ħajja kemm lis-swieq tat-titoli kif ukoll lill-finanzjament tas-settur tal-ekonomija reali;

Q.  billi l-Artikolu 123 tat-TFUE u l-Artikolu 21 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew jipprojbixxu l-iffinanzjar monetarju tal-gvernijiet;

1.  Jenfasizza li ż-żona tal-euro għadha qed tbati minn livell għoli ta' qgħad, ta' inflazzjoni baxxa wisq u ta' żbilanċi makroekonomiċi kbar, inkluż żbilanċi tal-kontijiet kurrenti, u li, barra minn hekk, iż-żona tal-euro qed tiffaċċja livell baxx ħafna ta' tkabbir tal-produttività, li hu riżultat ta' nuqqas ta' investiment – 10 punti perċentwali aktar 'l isfel mil-livell ta' qabel il-kriżi – , nuqqas ta' twettiq ta' riformi strutturali u dgħufija tad-domanda interna; jinnota li l-livell għoli ta' dejn pubbliku partikolarment in-numru kbir ta' self mhux produttiv u settur bankarju b'kapitalizzazzjoni insuffiċjenti f'uħud mill-Istati Membri, għadhom joħolqu frammentazzjoni tas-suq finanzjarju taż-żona tal-euro, u b'hekk inaqqsu l-ispazju għall-manuvrar biex jiġu appoġġjati l-iktar ekonomiji fraġli; jenfasizza li politiki fiskali sodi u riformi strutturali soċjalment bilanċjati orjentati lejn żieda fil-produttività huma l-unika mod li bih isir titjib ekonomiku sostenibbli f'dawn l-Istati Membri;

2.  Jenfasizza n-natura federali tal-Bank Ċentrali Ewropew, fejn m'hemm l-ebda veto nazzjonali, li ppermettietlu jaġixxi b'mod deċiżiv biex jindirizza l-kriżi;

3.  Jirrikonoxxi li, quddiem dan l-ambjent ferm kumpless u r-riskji ta' perjodu mtawwal ta' inflazzjoni baxxa, il-miżuri straordinarji adottati mill-BĊE biex jerġa' jġib l-inflazzjoni lura għall-objettiv ta' terminu medju ta' 2 % kienu konsistenti mat-termini tal-mandat tiegħu, kif imniżżel fl-Artikolu 127 tat-TFUE, u għalhekk mhux illegali(1); jinnota li, sa mit-tnedija tal-APP f'Marzu 2015, u minħabba operazzjoni ta' programmi ta' rifinanzjament immirat fuq terminu twil (Targeted Longer-Term Refinancing Operations, TLTRO) lejn l-ekonomija reali, il-kundizzjonijiet finanzjarji tjiebu kemmxejn, u dan ta spinta lis-self għall-azjendi u l-familji fiż-żona tal-euro; jinnota li dawn il-miżuri ikkontribwew ukoll biex tidjiq il-firxa ta' wħud mill-bonds ta' gvernijiet taż-żona tal-euro; jinnota li t-titjib ma affettwax Stati Membri b'mod ugwali u li d-domanda għall-kreditu f' xi Stati Membri baqgħet dgħajfa;

4.  Jenfasizza li f'Ġunju 2016 il-BĊE beda sensiela ta' erba' operazzjonijiet speċifiċi ta' rifinanzjament fuq terminu itwal (TLTRO II); jirrimarka li l-inċentiv tal-istruttura tal-programm inbidlet meta mqabbla mat-TLTRO oriġinali, minħabba li wħud mill-banek se jkunu jistgħu jisselfu b'rati negattivi anke jekk ma jżidux is-self nett tagħhom lill-ekonomija reali;

5.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li meta qed joffri likwidità b'rati negattivi, imma qed jelimina r-rekwiżiti għall-banek li jirritornaw il-fondi jekk ma jilħqux il-punt ta' riferiment ta' self tagħhom, il-BĊE qed idgħajjef ir-rabta bejn il-provvista ta' likwidità tal-bank ċentrali u s-self lill-ekonomija reali li kienet fiċ-ċentru tal-kunċett tat-TLTRO;

6.  Jilqa' l-wegħda kategorika tal-Bank Ċentrali Ewropew ta' Lulju 2012 li jagħmel dak kollu meħtieġ biex jiddefendi l-euro, li kien strumentali fl-iżgurar tal-istabilità finanzjarja taż-żona tal-euro;

7.  Jemmen li l-APP ikollha impatt aktar fuq l-ekonomija Ewropea kieku kienet akkumpanjata minn riformi strutturali effettivi u soċjalment bilanċjati mfassla biex iżidu l-kompetittività tal-ekonomija Ewropea u kieku kellha sehem akbar mix-xiri tal-bonds tal-BEI, partikolarment relatati mat-TEN-T u t-TEN-E (proġetti bi prova li għandhom valur miżjud Ewropew f'termini soċjali u ekonomiċi), fost oħrajn, u self titolizzat tal-SMEs; jistieden lill-BĊE jfassal studju li janalizza x'ikun l-impatt tal-APP jekk din ikollha tixtri dejn pubbliku tal-Istati Membri direttament marbuta mal-investiment u b'nefqa tar-riċerka fis-swieq sekondarji; jinsab imħasseb li x-xiri dirett ta' bonds maħruġa minn korporazzjonijiet mhux finanzjarji fi ħdan il-Programm ta' Xiri ta' Assi tas-Settur Pubbliku (CSPP), li tista' tkun ġustifikata fiċ-ċirkustanzi attwali, jista' jkollha effetti ta' distorsjoni;

8.  Jaqbel mal-President tal-BĊE, Mario Draghi li l-politika monetarja unika waħedha ma tistax tistimula d-domanda aggregata sakemm ma tkunx akkumpanjata minn politiki fiskali sodi u ambizzjużi u soċjalment bilanċjati fil-programmi ta' riforma strutturali fil-livell tal-Istati Membri; ifakkar li, bi qbil mal-mandat tiegħu stabbilit fil-liġi primarja fit-Trattati tal-UE, l-għan ewlieni tal-BĊE hu li jissalvagwardja l-istabilità tal-prezzijiet sabiex jiggarantixxi ambjent stabbli li jwassal għall-investiment; iqis li l-politika monetarja waħedha mhijiex l-għodda xierqa biex issolvi l-problemi strutturali tal-ekonomija Ewropea; jenfasizza li l-irkupru ekonomiku mistenni mhuwiex sostitut għal riformi strutturali essenzjali; jiġbed l-attenzjoni għal studji u diskussjonijiet reċenti dwar waqgħa possibbli fir-rati newtrali tal-imgħax osservati fid-dinja kollha dawn l-aħħar għaxar snin; jirrimarka li din is-sitwazzjoni tista' twassal biex il-politika monetarja tkun aktar ristretta u inqas effettiva, minħabba li spiss ikun hemm riskju li tqarreb lejn iż-żero;

9.  Jaqbel li suq kapitali li jiffunzjona sew, diversifikat u integrat jista' jappoġġja l-mezzi ta' trażmissjoni tal-politika monetarja unika; jitlob, f'dan il-kuntest, l-ikkompletar u l-implimentazzjoni sħiħa gradwali tal-unjoni bankarja u ta' konformità sħiħa tal-Istati Membri mal-leġiżlazzjoni relatata tagħha, kif ukoll il-bini ta' unjoni tas-swieq kapitali, peress li dan jista' jkun pass deċiżiv biex titjieb l-effikaċja tal-politika monetarja unika u jkunu mitigati r-riskji li jirriżultaw minn xokk fis-settur finanzjarju; iqis bħala ferm importanti li tinstab soluzzjoni għal self improduttiv għas-setturi bankarji nazzjonali l-aktar affettwati sabiex jerġa' jkun hemm tranżmissjoni bla xkiel tal-politika monetarja għaż-żona kollha;

10.  Jenfasizza li r-riformi strutturali u soċjalment bilanċjati fl-ekonomija u fis-suq tax-xogħol għandhom ukoll jikkunsidraw bis-sħiħ id-defiċit demografiku fl-Ewropa, sabiex jiġu indirizzati l-pressjonijiet deflazzjonarji u jinħolqu inċentivi għal struttura demografika aktar bilanċjata li tagħmilha aktar faċli biex tinżamm il-mira ta' inflazzjoni għal madwar 2 %; jirrimarka r-riskju ta' stennija ta' investiment negattiv fejn ix-xejriet demografiċi jkunu sfavorevoli;

11.  Jinnota, madankollu, li minkejja li l-impatt tar-riskji u tal-effetti konsegwenzjali tal-miżuri mhux konvenzjonali kienu sinifikanti, partikolarment fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta' finanzjament għal banek fil-periferija, l-inflazzjoni mhijiex mistennija li tikkonverġi lejn l-objettiv ta' terminu medju ta' 2 % sal-2017; jinnota li l-irkupru attwali f'self mill-bank u tas-suq mhuwiex distribwit b'mod ġeografikament ugwali fost l-Istati Membri u sa issa ma pproduċiex kompletament l-effett mistenni fuq id-diskrepanza eżistenti fl-investiment fiż-żona tal-euro; jenfasizza li n-nuqqas ta' investiment hu kkawżat mhux biss min-nuqqas ta' aċċess għall-fondi, imma wkoll minn domanda baxxa għall-kreditu, u li hu meħtieġ li jkunu promossi riformi strutturali li direttament jiffaċilitaw l-investiment u l-impjiegi; jiġbed l-attenzjoni għat-tnaqqis fid-disponibilità ta' assi ta' kwalità għolja li jkunu aċċettati b'mod internazzjonali mill-investituri istituzzjonali;

12.  Jinnota li, waqt li l-effetti fuq l-ekonomija reali kienu limitati ħafna, il-banek setgħu jaċċedu għal finanzjament virtwalment mingħajr l-ebda spiża jew bi spiża baxxa ħafna u dan ikkostitwixxa sussidju dirett għall-karti tal-bilanċ tagħhom; jiddeplora l-fatt li d-daqs ta' dan is-sussidju, minkejja li jirrappreżenta effett ċar ta' riperkussjonijiet fiskali fuq il-politika monetarja, mhuwiex sorveljat u ppubblikat, jiddeplora wkoll il-fatt li hu ħieles minn kundizzjonalità stretta f'termini ta' jekk u kif jiġi investit; jinsisti li kwalunkwe miżura straordinarja ta' dan it-tip għandha tkun akkumpanjata b'miżuri biex jitnaqqsu d-distorsjonijiet tas-suq u tal-ekonomija;

13.  Jiddeplora d-distakki eżistenti, għalkemm qed jonqsu gradwalment, bejn ir-rati ta' finanzjament mogħtija lill-SMEs u dawk mogħtija lill-kumpaniji ikbar, bejn ir-rati ta' self fuq ammont ta' self żgħir u kbir, u bejn il-kundizzjonijiet ta' kreditu għall-SMEs li jinsabu f'pajjiżi differenti taż-żona tal-euro, iżda jirrikonoxxi l-limiti ta' dak li l-politika monetarja tista' tikseb f'dan ir-rigward; jenfasizza li l-ħtieġa persistenti ta' aġġustament għall-karta tal-bilanċ tal-banek qed taffettwa, fost oħrajn, id-disponibilità tal-kreditu għall-SMEs f'uħud mill-Istati Membri; jirrimarka r-riskju, barra minn hekk, ta' distorsjonijiet ulterjuri possibbli tal-kompetizzjoni bħala riżultat tax-xiri ta' bonds korporattivi mill-BĊE fis-suq kapitali, li fih il-kriterji eliġibbli sottostanti m'għandhomx joħolqu aktar distorsjonijiet, b'mod partikolari meta jitqies il-qafas tar-riskju, u li minnhom l-SMEs m'għandhomx ikunu esklużi;

14.  Jissottolinja l-fatt li perjodu mtawwal ta' kurva ċatta tar-rendiment jista' jnaqqas il-profittabilità tal-banek, speċjalment jekk dawn ma jaġġustawx il-mudelli tan-negozju tagħhom, u jista' joħloq riskji potenzjali, partikolarment għal fondi privati ta' tfaddil u tal-pensjonijiet u tal-assigurazzjoni; iwissi li tnaqqis fil-profittabilità tal-banek jista' jnaqqas ir-rieda tagħhom li jiżviluppaw attività ta' self; jindika b'mod partikolari l-effett negattiv ta' tali politika ta' rata ta' imgħax fuq il-banek lokali u reġjonali u l-banek ta' tfaddil bi ftit finanzjament mis-swieq finanzjarji, u ta' riskji fis-settur tal-assigurazzjoni u l-pensjonijiet; jitlob, għalhekk, sorveljanza speċifika u kontinwa tal-għodda ta' rata tal-imgħax negattiva, l-implimentazzjoni tagħha u l-effetti tagħha; jenfasizza l-ħtieġa ta' ġestjoni xierqa, prudenti u fil-ħin tax-xoljiment ta' din il-politika dwar ir-rata tal-imgħax ultra baxxa (negattiva);

15.  Jifhem ir-raġuni għalfejn il-BĊE implimenta rati negattivi, iżda jenfasizza t-tħassib tiegħu dwar il-konsegwenzi negattivi potenzjali ta' politika ta' rati baxxi tal-imgħax għal individwi li għandhom kontijiet ta' tfaddil u l-ekwilibriju finanzjarju tal-iskemi tal-pensjoni u f'termini tal-iżvilupp ta' bżieżaq spekulattivi tal-assi; jinsab imħasseb dwar il-fatt li f'xi Stati Membri r-rati tal-imgħax ta' tfaddil fuq terminu twil huma aktar baxxi mir-rati tal-inflazzjoni; huwa tal-fehma li, minħabba t-tendenzi demografiċi u preferenzi kulturali għal tfaddil, dawn l-effetti negattivi fuq id-dħul jistgħu jwasslu għal żieda fir-rata tat-tfaddil domestiku, ħaġa li tista' tkun ta' detriment għad-domanda domestika fiż-żona tal-euro; iwissi li, minħabba r-riġidità 'l isfel tar-rati ta' depożiti, il-benefiċċji li jimbuttaw ir-rati ta' depożiti fil-BĊE ulterjorment lejn ambitu negattiv jistgħu jkunu limitati;

16.  Jibqa' mħasseb bil-livelli li għadhom sinifikanti ta' assi li ma jistgħux jinbiegħu u titoli ta' sigurtà sostnuti mill-assi mressqa bħala kollateral għall-Eurosistema fil-qafas tal-operazzjonijiet ta' rifinanzjament tagħha; itenni t-talba tiegħu lill-BĊE biex jipprovdi informazzjoni li fuqha l-banek ċentrali aċċettaw dawn it-titoli ta' sigurtà u biex jiżvela metodi ta' evalwazzjoni dwar dawn l-assi; jenfasizza li dan l-iżvelar jista' jkun ta' benefiċċju għall-għan tal-iskrutinju parlamentari tal-kompiti superviżorji mogħtija lill-BĊE;

17.  Jitlob lill-BĊE jistudja kif it-trażmissjoni tal-politika monetarja tvarja f'dawk l-Istati Membri b'setturi bankarji ċentralizzati u kkonċentrati u dawk b'netwerk aktar divers ta' banek lokali u reġjonali kif ukoll bejn pajjiżi li jserrħu aktar fuq banek jew swieq tal-kapital għall-finanzjament tal-ekonomija;

18.  Jistieden lill-BĊE jivvaluta bir-reqqa r-riskji li fil-ġejjieni jerġgħu jitfaċċjaw bżieżaq spekulattivi tal-assi u fis-settur tad-djar minħabba politika b'rata tal-imgħax baxxa ħafna (negattiva) tiegħu, speċjalment fid-dawl ta' volumi ta' self li żdiedu sew u ta' prezzijiet sproporzjonatament għoljin fis-settur tal-proprjetà, partikolarment fi bliet kbar, u jemmen li, flimkien mal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS), għandu jressaq proposti biex jitfasslu rakkomandazzjonijiet makroprudenzjali speċifiċi f'dan ir-rigward;

19.  Jappoġġja l-valutazzjoni tal-BĊE li l-pakkett CRR/CRD IV attwali nieqes minn ċerti miżuri li jistgħu wkoll jindirizzaw b'mod effettiv tipi speċifiċi ta' riskju sistemiku, bħal (i) miżuri varji min-naħa tal-assi, li jinkludu l-applikazzjoni ta' limiti għall-proporzjonijiet bejn self u valur, self u dħul jew servizz ta' dejn u dħul, u (ii) l-introduzzjoni ta' limiti varji ta' espożizzjoni li jaqgħu lil hinn mid-definizzjoni attwali ta' espożizzjonijiet kbar; iħeġġeġ lill-Kummissjoni teżamina l-ħtieġa ta' proposti leġiżlattivi f'dan ir-rigward; jinnota li wħud minn dawn il-miżuri jistgħu diġà jkunu integrati fil-kuntest tal-ħidma leġiżlattiva li għaddejja madwar il-proposta EDIS;

20.  Jinnota li, kif indikat mir-rwol tal-BĊE rigward l-għoti ta' likwidità lill-Greċja f'Ġunju 2015 u d-diskussjonijiet li ġew żvelati tal-Kunsill tal-Gvernaturi tal-BĊE dwar is-solvenza tal-banek Ċiprijotti, il-kunċett ta' "insolvenza" li jsejjes l-għoti ta' likwidità tal-bank ċentrali lill-istituzzjonijiet fiż-żona tal-euro huwa nieqes minn livell suffiċjenti ta' ċarezza u ta' ċertezza ġuridika, kif il-BĊE fis-snin li għaddew irrefera alternattivament għal kunċett statiku ta' solvenza (abbażi ta' jekk bank jikkonformax mar-rekwiżiti minimi kapitali f'punt partikolari ta' żmien) jew għal kunċett dinamiku (abbażi ta' xenarji ta' testijiet ta' stress li jħarsu 'l quddiem) biex jiġġustifika l-kontinwazzjoni jew il-limitazzjoni ta' dispożizzjoni ta' assistenza ta' likwidità f'emerġenza (ELA); jissottolinja li dan in-nuqqas ta' ċarezza jeħtieġ li jiġi indirizzat sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza ġuridika u titrawwem l-istabilità finanzjarja;

21.  Jinnota r-rikonoxximent tal-Presidenza tal-BĊE tal-eżistenza ta' konsegwenzi distribuzzjonali tal-politiki tal-BĊE b'impatt fuq l-inugwaljanzi, u jieħu nota tal-valutazzjoni tal-BĊE li t-tnaqqis tal-ispejjeż tal-kreditu għaċ-ċittadini u l-SMEs, filwaqt li jsaħħu l-impjiegi fiż-żona tal-euro, jistgħu parzjalment jikkumpensaw għal dawn l-impatti distribuzzjonali;

22.  Jinnota li l-APP tal-BĊE naqqas ir-rendiment mill-bonds fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għal livelli mingħajr preċedent; iwissi kontra r-riskju ta' valutazzjonijiet eċċessivament għolja fis-swieq tal-bonds, li jkun diffiċli li jiġu ġestiti jekk ir-rati tal-imgħax jerġgħu jibdew jogħlew fin-nuqqas ta' rkupru suffiċjentement robust, b'mod partikolari rigward pajjiżi involuti fil-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv jew b'livelli għolja ta' dejn; jirrimarka li bidla f'daqqa tar-rati ta' imgħax minn livelli attwalment baxxi matul il-kurva ta' rendiment fihom riskji tas-suq importanti għall-istituzzjonijiet finanzjarji bi proporzjon sinifikanti ta' strumenti finanzjarji ta' valwazzjoni skont is-suq;

23.  Jenfasizza l-prerekwiżiti definiti mill-Qorti tal-Ġustizzja li jridu jintlaħqu minn kwalunkwe xiri ta' bonds tal-gvern tal-Istati Membri taż-żona tal-euro fis-suq sekondarju mis-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ):

   ix-xirjiet ma jitħabbrux,
   il-volum tax-xirjiet ikun limitat mill-bidu,
   ikun hemm perjodu minimu bejn il-ħruġ tal-bonds tal-gvern u x-xiri tagħhom mis-SEBĊ li jkun definit mill-bidu u li jevita l-kundizzjonijiet tal-ħruġ milli jkunu distorti,
   is-SEBĊ tixtri biss bonds tal-gvern ta' Stati Membri li għandhom aċċess għas-suq tal-bonds li jippermetti l-finanzjament ta' tali bonds,
   bonds mixtrija jinżammu sal-maturità biss f'każijiet eċċezzjonali, u x-xiri jkun ristrett jew miżmum u l-bonds mixtrija jkunu kkummerċjalizzati mill-ġdid jekk isir meħtieġ li l-intervent jitkompla;

24.  Jikkunsidra l-fatt li xi Stati Membri jistgħu qegħdin jużaw politika ta' rati tal-imgħax baxxi ħafna (negattiva) biex jipposponu riformi strutturali meħtieġa u l-konsolidament tad-defiċits pubbliċi primarji tagħhom, partikolarment fil-livell tal-gvern ċentrali, u jiġbed l-attenzjoni, f'dan ir-rigward, għall-impenji tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir; jirrikonoxxi li wieħed mir-raġunijiet li kkontribwixxa għal eċċessi baġitarji f'xi Stati Membri kienu r-rati ta' imgħax negattivi tad-dejn pubbliku tagħhom; jenfasizza li l-politiki ekonomiċi nazzjonali għandhom ikunu koordinati, partikolarment fi ħdan iż-żona tal-euro; jissottolinja li l-proċess inevitabbli ta' ħruġ mill-politika monetarja mhux konvenzjonali se jkun ferm kumpless u jrid ikun ippjanat sew biex jevita xokkijiet negattivi fuq is-swieq kapitali;

25.  Jilqa' l-pubblikazzjoni tal-minuti tal-laqgħa tal-Kunsill kif ukoll id-deċiżjoni li jiġu żvelati l-ftehimiet dwar l-assi finanzjarji netti (ANFA) bejn il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali; iħeġġeġ lill-BĊE sabiex ikompli fl-isforzi tiegħu ta' trasparenza; ifakkar lill-BĊE li l-politika ta' reklutaġġ tal-ħaddiema trid tikkonforma mal-aħjar prattika;

26.  Ifakkar li l-indipendenza tal-BĊE għat-twettiq tal-politika monetarja tiegħu, kif minquxa fl-Artikolu 130 tat-TFUE, hija kruċjali biex tinżamm l-istabilità fil-prezzijiet; jitlob lill-gvernijiet kollha biex jevitaw dikjarazzjonijiet li jixħtu dubju fuq ir-rwol li għandha l-istituzzjoni fil-mandat tagħha;

27.  Jistieden lill-BĊE jagħti attenzjoni partikolari lill-prinċipju tal-proporzjonalità f'konnessjoni mal-kompiti superviżorji bankarji mogħtija lilu;

28.  Jinnota t-tqassim tar-responsabilitajiet bejn il-BĊE u l-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE); jenfasizza li l-BĊE m'għandux isir entità de facto li tfassal l-istandards għall-Banek li mhumiex SMU;

29.  Jinnota li fit-18 ta' Mejju 2016 il-Kunsill Governattiv tal-BĊE adotta r-Regolament dwar il-ġbir ta' kreditu granulari u ta' data dwar ir-riskju tal-kreditu (AnaCredit); jitlob lill-BĊE u lill-banek ċentrali nazzjonali jħallu kemm jistgħu flessibilità meta jimplimentaw l-AnaCredit;

30.  Jistieden lill-BĊE biex ma jibdix ħidma fuq stadji ulterjuri oħra f'konnessjoni mal-AnaCredit sakemm ma sseħħx konsultazzjoni pubblika, b'involviment sħiħ tal-Parlament Ewropew u jitqies b'mod partikolari l-prinċipju ta' proporzjonalità;

31.  Jinnota bi tħassib li l-iżbilanċi ta' Target 2 qed jerġgħu jidhru fiż-żona tal-euro minkejja tnaqqis fl-iżbilanċi kummerċjali li jindikaw ħruġ ta' flussi ta' kapital mill-periferija taż-żona tal-euro;

32.  Ifakkar li d-djalogu monetarju huwa importanti sabiex tiġi żgurata t-trasparenza tal-politika monetarja quddiem il-Parlament Ewropew u l-pubbliku ġenerali;

33.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Bank Ċentrali Ewropew.

(1) Kif reċentement sottolineat mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u mis-sentenza tal-Qorti Federali Kostituzzjonali tal-Ġermanja tal-21 ta' Ġunju 2016.


Green Paper dwar is-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur
PDF 324kWORD 63k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Novembru 2016 dwar il-Green Paper dwar is-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur (2016/2056(INI))
P8_TA(2016)0434A8-0294/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Mejju 1999 intitolata "Implementing the framework for financial markets: action plan" (the Financial Services Action Plan) (L-implimentazzjoni tal-qafas għas-swieq finanzjarji: pjan ta' azzjoni (il-Pjan ta' Azzjoni dwar is-Servizzi Finanzjarji)) (COM(1999)0232),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta' Jannar 2007 intitolata "Sector Inquiry under Article 17 of Regulation (EC) No 1/2003 on retail banking (Final Report)" (Inkjesta Settorjali skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 dwar l-operazzjonijiet bankarji għall-konsumatur (Rapport Finali)) (COM(2007)0033),

–  wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tat-30 ta' April 2007 dwar "Is-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur fis-Suq Waħdieni" (COM(2007)0226),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2008 dwar ftehim ta' kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 924/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar il-ħlas transkonfinali fil-Komunità u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2560/2001(2),

–  wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tal-11 ta' Jannar 2012 intitolata "Lejn suq Ewropew integrat għal pagamenti bil-kard, bl-internet u bil-mowbajl" (COM(2011)0941),

–  wara li kkunsidra r-"Report on Good Practices on Comparison Websites" (Rapport dwar Prattiki Tajbin fuq Siti Web ta' Tqabbil - 2014) tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol,

–  wara li kkunsidra l-"Opinion to EU Institutions on a Common Framework for Risk Assessment and Transparency for IORPs" (Opinjoni għall-Istituzzjonijiet tal-UE dwar Qafas Komuni għall-Valutazzjoni tar-Riskju u Trasparenza għall-IORPs) tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol ta' April 2016,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Frar 2014 dwar kuntratti ta' kreditu għall-konsumaturi marbutin ma' proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010(3),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE(5),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/65/KE, kif emendata riċentement mid-Direttiva 2014/91/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014, li temenda d-Direttiva 2009/65/KE dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) fir-rigward tal-funzjonijiet tad-depożitarji, il-politiki tar-rimunerazzjoni u s-sanzjonijiet(6),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi(7),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2014 dwar id-dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta' investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni(8),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-8 ta' Awwissu 2014 dwar il-ħidma tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) u s-Sistema Ewropea tas-Superviżuri Finanzjarji (SESF) (COM(2014)0509),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2015/751 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 dwar it-tariffi tal-interkambju għat-tranżazzjonijiet ta' pagament permezz ta' kard(9),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar is-servizzi ta' pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE(10),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Jannar 2016 dwar id-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni (riformulazzjoni)(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-26 ta’ Mejju 2016 dwar il-muniti virtwali(12),

–  wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tal-10 ta' Diċembru 2015 dwar "is-servizzi finanzjarji għall-konsumatur: Prodotti aħjar, aktar għażla u opportunitajiet akbar għall-konsumaturi u għan-negozji" (COM(2015)0630),

–  wara li kkunsidra t-tweġiba tal-EBA għall-Green Paper tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur tal-21 ta' Marzu 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A8-0294/2016),

A.  billi s-suq tal-UE fis-servizzi finanzjarji għall-konsumatur għadu pjuttost mhux żviluppat u huwa ferm frammentat, pereżempju fir-rigward tan-numru baxx ta' tranżazzjonijiet transkonfinali, b'mod li jeħtieġ li tittieħed azzjoni effiċjenti sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tas-suq uniku u tkun iffaċilitata l-innovazzjoni ta' benefiċċju għall-utenti aħħarin;

B.  billi d-dinamika tas-swieq tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur, ikkaratterizzata minn kombinazzjoni ta' konċentrazzjoni relattivament għolja u kompetizzjoni insuffiċjenti, tista' tirriżulta f'għażla limitata u valur baxx għall-flus, kif ukoll f'diskrepanzi kbar bejn l-Istati Membri; billi l-kumpaniji multinazzjonali b'fergħat f'diversi Stati Membri jistgħu jevitaw dawn l-ostakoli b'mod aktar faċli mill-kumpaniji żgħar;

C.  billi s-suq tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur ikun biss vijabbli jekk ikun jirrappreżenta valur miżjud reali għall-konsumaturi billi jiżgura kompetizzjoni, aċċess u protezzjoni tal-konsumatur effettivi, l-aktar fir-rigward ta' prodotti attwalment meħtieġa għall-parteċipazzjoni fil-ħajja ekonomika;

D.  billi l-iżvilupp ulterjuri tas-suq tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur fil-livell tal-UE, bil-qafas leġiżlattiv xieraq li jimponi l-protezzjoni tal-konsumatur li hija meħtieġa, mhux biss jiffaċilita attività transkonfinali importanti u produttiva, iżda jista' joffri wkoll skop akbar għal kompetizzjoni miżjuda fil-livell nazzjonali; billi suq intern Ewropew ġenwin għas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur għandu potenzjal sinifikanti biex jipprovdi lill-konsumaturi b'servizzi u prodotti finanzjarji aħjar, aktar għażla u aċċess imtejjeb għal servizzi u prodotti finanzjarji u prezzijiet aktar baxxi; billi l-impatt tal-kompetizzjoni fuq il-prezzijiet se jvarja skont is-settur u l-prodott;

E.  billi l-Green Paper tiffoka prinċipalment fuq servizzi finanzjarji għaċ-ċittadini li qegħdin ifittxu servizzi transkonfinali; billi huwa importanti li jekk jiġu ppreżentati proposti ġodda dawn ikunu ta' benefiċċju għall-konsumaturi kollha tal-UE biex jiġi żgurat li s-suq tas-servizzi finanzjarji għall-konsumaturi jiffunzjona għal kulħadd;

F.  billi għandna nibqgħu ambizzjużi fit-tneħħija tal-ostakoli u t-trażżin ta' tendenzi protezzjonisti eżistenti li jwaqqfu l-innovazzjoni fis-servizzi finanzjarji għall-konsumatur; billi suq uniku reali se jagħmel lill-UE attraenti bħala ċ-ċentru għal servizzi finanzjarji innovattivi;

G.  billi t-trasformazzjoni rapida kkawżata mid-diġitalizzazzjoni u mill-innovazzjoni tat-teknoloġija finanzjarja mhux biss għandha l-potenzjal, jekk tiġi mmaniġġjata bi prudenza, li toħloq prodotti finanzjarji ġodda u sikwit aħjar għall-konsumaturi u li tikkontribwixxi għall-inklużjoni finanzjarja, anke billi jitbaxxew l-ispejjeż tat-tranżazzjoni u jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzjament, iżda tinvolvi wkoll sfidi ewlenin f'termini ta' sigurtà, protezzjoni tad-dejta, protezzjoni tal-konsumaturi, tassazzjoni, kompetizzjoni ġusta u stabbiltà finanzjarja, li għandhom jiġu mmonitorjati mill-qrib sabiex jiġu mmassimizzati l-benefiċċji għaċ-ċittadini;

H.  billi ħafna servizzi qegħdin isiru onlajn, huwa importanti li jiġi żgurat li ħadd ma jibqa' lura u li l-aċċess jiġi pprovdut ukoll permezz ta' kanali mhux diġitali, fejn ikun meħtieġ sabiex tiġi evitata l-esklużjoni finanzjarja;

I.  billi kwalunkwe sforz biex jissaħħaħ is-suq tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur tal-UE għandu jiġi kkoordinat mal-aġendi tad-DSM (Suq Uniku Diġitali), tas-CMU (Unjoni tas-Swieq Kapitali) u l-SMS (Strateġija għal Suq Uniku) u l-mira ġenerali tiegħu għandu jkun it-tisħiħ tal-ħolqien tal-impjiegi, it-tkabbir sostenibbli, l-istabbiltà finanzjarja u r-rwol tal-konsumatur fl-ekonomija Ewropea;

J.  billi suq Ewropew tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur għandu jkun ta' benefiċċju għall-SMEs f'termini kemm tal-provvista kif ukoll tad-domanda; f'termini tal-provvista, dan ifisser l-iżgurar ta' titjib fl-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs; f'termini tad-domanda, dan ifisser li l-SMEs jistgħu jaċċessaw swieq transkonfinali b'mod aktar faċli;

K.  billi t-tlestija tas-suq intern hija importanti għall-konsumaturi, u hija essenzjali wkoll sabiex tagħti lill-kumpaniji Ewropej tat-teknoloġija finanzjarja l-possibilità li jisfruttaw il-benefiċċji tas-suq intern biex jikkompetu ma' atturi tradizzjonali sabiex joffru soluzzjonijiet innovattivi, faċli għall-konsumaturi u biex joħolqu l-impjiegi fl-UE kollha;

L.  billi l-mikrointrapriżi, l-SMEs u l-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja huma s-sinsla tal-ekonomija Ewropea u l-ixpruni tal-impjiegi u t-tkabbir; billi kull liġi u inizjattiva Ewropea għandha tiġi adattata għall-karatteristiċi ta' dawn il-kumpaniji;

M.  billi t-tlestija tas-suq intern Ewropew hija ferm importanti għall-konsumaturi u n-negozji u billi atturi ġodda innovattivi qegħdin jibdew joffru alternattivi għas-servizzi eżistenti;

1.  Jilqa' l-Green Paper tal-Kummissjoni dwar is-servizzi finanzjarji għall-konsumatur (definiti bħala li jinkludu l-assigurazzjoni) u d-dibattitu vivaċi u produttiv li din iġġenerat sa issa; jilqa' wkoll il-konsultazzjoni pubblika dwar il-Green Paper, li tat lil dawk li huma involuti l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom abbażi tas-sitwazzjonijiet u/jew setturi speċifiċi tagħhom; jenfasizza li approċċ uniku dwar is-servizzi finanzjarji għall-konsumatur ikun kontroproduttiv, minħabba d-diversità tal-atturi u l-prodotti kkonċernati;

2.  Iqis li d-diġitalizzazzjoni se tkompli toħloq opportunitajiet ġodda għall-konsumaturi, l-investituri, l-SMEs u kumpaniji oħra f'termini ta' kompetizzjoni, attivitajiet transkonfinali u innovazzjoni; jenfasizza li d-diġitalizzazzjoni waħedha mhijiex suffiċjenti biex toħloq suq vijabbli Ewropew tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur; jinnota li l-bosta ostakoli bħad-diversi reġimi ta' tassazzjoni, soċjali, ġudizzjarji, tas-saħħa, kuntrattwali u tal-protezzjoni tal-konsumatur, kif ukoll il-lingwi u l-kulturi differenti, ma jistgħux jiġu megħluba permezz tad-diġitalizzazzjoni biss;

3.  Iqis li l-inizjattiva tal-Green Paper hija f'waqtha, minħabba l-ħtieġa ta' ħidma proattiva fl-istadji kollha tal-proċess ta' tfassil tal-politika sabiex ikun hemm rispons effiċjenti adegwat għall-iżviluppi f'suq daqstant innovattiv u li qed jinbidel malajr;

4.  Jikkunsidra s-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni, li hija ffaċilitata billi jiġu skuraġġuti l-prodotti u s-servizzi kumplessi wisq, bħala kruċjali fl-isforzi biex il-prodotti jsiru aktar faċilment komparabbli fost is-swieq tal-Istati Membri, b'mod partikolari fis-settur tal-assigurazzjoni;

5.  Jirrimarka li firxa wiesgħa ta' drittijiet tal-UE rilevanti għas-suq uniku fis-servizzi finanzjarji għall-konsumatur diġà ġew adottati, bħall-PSD2, ir-regolament tal-MIFs, il-PAD, l-AMLD, id-Direttiva dwar il-Kreditu Ipotekarju u l-IDD; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni ta' din il-leġiżlazzjoni, u tevita d-duplikazzjoni u t-trikkib;

6.  Jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni ta' żviluppi pożittivi fis-swieq tal-finanzjament għall-konsumatur billi jinħoloq ambjent kompetittiv u jinżammu kundizzjonijiet ekwi bejn il-partijiet interessati kollha, inklużi l-operaturi diġà stabbiliti u l-operaturi ġodda, b'regoli li kemm jista' jkun ikunu teknoloġikament u kummerċjalment newtrali; jirrimarka li tali approċċ huwa meħtieġ, mhux l-anqas sabiex jgħin lin-negozji ġodda jikbru u jappoġġja lil SMEs ġodda u innovattivi;

7.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-istess regoli japplikaw għal kwalunkwe servizz partikolari biex jiġi evitat il-ħolqien ta' distorsjonijiet fil-kompetizzjoni, b'mod partikolari bil-ħolqien ta' fornituri ġodda tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur; jenfasizza li dawn ir-regoli ma għandhomx jaġixxu bħala ostakolu għall-innovazzjoni; jenfasizza li l-ħolqien ta' "punti ta' kuntatt" li jippermettu lill-partijiet ikkonċernati jirrappurtaw l-applikazzjoni illegali tal-provvisti tal-passaport tal-UE, jista' jrawwem l-integrazzjoni tas-suq;

8.  Jinnota li għall-ewwel trimestru tal-2016, il-finanzjament tat-teknoloġija finanzjarja fl-Ewropa ammonta għal USD 348 miljun biss meta mqabbel mal-USD 1.8 biljun fl-Amerika ta' Fuq u mat-USD 2.6 biljun fiċ-Ċina, li juri l-ħtieġa urġenti għal bidla rapida fil-mentalità u rispons regolatorju adegwat għall-iżviluppi teknoloġiċi sabiex l-Ewropa ssir suq ewlieni għall-innovazzjoni; jenfasizza li suq uniku ġenwin għas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur fejn jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi ġodda fis-suq se jagħmel l-UE attraenti bħala ċentru għas-servizzi finanzjarji innovattivi u se jipprovdi lill-konsumaturi għażla akbar u aħjar, b'rati aktar baxxi; jenfasizza li minkejja li t-teknoloġiji li jfixklu jippreżentaw sfidi regolatorji, huma joffru wkoll opportunitajiet kbar għall-innovazzjoni li minnhom jibbenefikaw l-utenti aħħarin u stimolu għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi;

9.  Jenfasizza, b'mod partikolari sabiex tingħata spinta lill-fiduċja u s-sodisfazzjon tal-konsumaturi, li l-inizjattiva tal-Green Paper tista' tirnexxi biss jekk titfa' enfasi qawwija fuq il-ħolqien ta' suq tal-UE fejn il-konsumaturi protetti sewwa jkollhom opportunitajiet indaqs u aċċess għal prodotti trasparenti, sempliċi u b'valur tajjeb għall-flus; jirrikonoxxi l-valur pożittiv li l-konsumaturi jiġu pprovduti bi prodotti sempliċi, sikuri u standardizzati; jistieden lill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej biex jivvalutaw b'mod regolari l-impatt ta' bejgħ abbinat skont il-prezzijiet u l-kompetizzjoni fis-servizzi finanzjarji għall-konsumatur; jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi qafas sempliċi, portabbli u sikur tal-prodotti finanzjarji; Barra minn hekk, jistieden lill-Kummissjoni tħares lejn il-possibilità li toħloq qafas legali armonizzat għall-għażliet predefiniti standardizzati għall-prodotti finanzjarji komunement l-aktar użati fl-UE fuq il-mudell tal-Kont Bankarju Bażiku u l-PEPP;

10.  Jenfasizza li l-proposti li jirriżultaw mill-Green Paper jeħtieġ li jkunu konsistenti mal-prinċipju ta' proporzjonalità;

11.  Ifakkar li l-inizjattivi kollha bbażati fuq il-Green Paper għandhom ikunu kompatibbli mal-intensifikazzjoni tal-ġlieda internazzjonali kontra l-frodi, l-evitar u l-evażjoni tat-taxxa u l-ħasil tal-flus, fosthom aktar sforzi biex jiġi elaborat Numru ta' Identifikazzjoni tat-Taxxa Komuni;

12.  Jieħu nota tal-kumplessità dejjem tikber tal-prodotti finanzjarji għall-konsumatur; jinsisti dwar il-ħtieġa li jiġu żviluppati inizjattivi u strumenti li jtejbu l-kompetizzjoni u jippermettu lill-konsumaturi jidentifikaw u jqabblu prodotti sikuri, sostenibbli u sempliċi fil-firxa ta' prodotti disponibbli għalihom; jappoġġja inizjattivi bħad-Dokument bit-Tagħrif Ewlieni għall-Prodotti ta' Investiment għall-impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) u d-Dokument bit-Tagħrif Ewlieni għall-prodotti aggregati ta' investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs); jenfasizza l-ħtieġa li dawn il-mekkaniżmi ta' informazzjoni jiġu adattati għar-realtà diġitali; jemmen li s-sommarju tal-prospett għandu jkun allinjat mad-Dokument bit-Tagħrif Ewlieni għal prodotti aggregati ta' investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs), sabiex jippermetti lill-investituri fil-livell tal-konsumatur jivvalutaw kif xieraq ir-riskji assoċjati mat-titoli ta' sigurtà offruti lill-pubbliku jew ammessi għan-negozjar;

13.  Ifakkar fl-iżviluppi riċenti fil-qafas leġiżlattiv għas-settur bankarju, b'mod partikolari d-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek u d-Direttiva dwar Skemi ta' Garanzija tad-Depożiti; ifakkar li r-reġim il-ġdid ta' riżoluzzjoni introdott wassal biex ċerti strumenti offruti lill-investituri fil-livell tal-konsumatur jinvolvu riskju akbar ta' telf; jinsisti fuq il-ħtieġa li l-konsumaturi jiġu infurmati b'mod sħiħ dwar l-impatt tar-regoli l-ġodda, b'mod partikolari jekk id-depożiti jew l-investimenti tagħhom jinsabu f'riskju ta' rikapitalizzazzjoni interna; jitlob lill-Kummissjoni tivverifika jekk l-Istati Membri humiex qegħdin japplikaw b'mod korrett id-Direttiva dwar l-Iskemi ta' Garanzija tad-Depożiti; jirrimarka li l-bejgħ ta' ċerti strumenti li tista' ssirilhom rikapitalizzazzjoni interna lill-investituri fil-livell tal-konsumatur huwa problematiku ħafna fir-rigward tal-ħarsien adegwat tal-konsumatur, kif ukoll l-iżgurar ta' flessibbiltà prattika ta' rikapitalizzazzjoni interna u jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-għażliet biex tirrestrinġi tali prattika;

14.  Jinnota li suq Ewropew tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur se jkun fattibbli biss jekk il-konsumaturi jibbenefikaw mill-istess protezzjoni legali madwar l-UE kollha; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi aġġornat u promoss in-netwerk għar-riżoluzzjoni ta' tilwim finanzjarju "FIN-NET";

15.  Jinnota li n-nuqqas ta' Skema ta' Garanzija tal-Assigurazzjoni f'ċerti Stati Membri għandu l-potenzjal li jdgħajjef il-fiduċja tal-konsumaturi u jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra leġiżlazzjoni li tagħmel il-Kopertura tal-Iskema ta' Garanzija tal-Assigurazzjoni obbligatorja;

16.  Jenfasizza li l-perspettiva tal-inklużjoni finanzjarja għandha dejjem tiġi kkunsidrata u li għandhom jittieħdu miżuri sabiex ikun żgurat li l-konsumaturi kollha jkollhom aċċess ugwali għal tal-anqas l-aktar servizzi finanzjarji essenzjali, anke permezz ta' kanali mhux diġitali, sabiex tiġi evitata l-esklużjoni finanzjarja;

17.  Iqis li l-bidliet strutturali li qegħdin iseħħu fis-settur finanzjarju – mill-ħolqien ta' kumpaniji teknoloġiċi finanzjarji (fintechs) għal fużjonijiet u takeovers – li jistgħu jirriżultaw fi tnaqqis tal-persunal u l-għeluq tal-fergħat, għandhom jiġu affettwati mingħajr ebda tnaqqis fil-kwalità tas-servizzi sal-persuni l-aktar vulnerabbli, b'mod partikolari għall-anzjani u l-persuni li jgħixu f'żoni rurali jew b'popolazzjoni baxxa;

18.  Jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni finanzjarja bħala għodda biex jiġu protetti l-konsumaturi u biex tingħatalhom is-setgħa; jappella sabiex l-aċċess għall-edukazzjoni finanzjarja indipendenti jitwessa' u jiġi ffaċilitat u jenfasizza l-bżonn li titqajjem il-kuxjenza tal-konsumaturi tal-għażliet ta' investiment;

19.  Josserva li d-diġitalizzazzjoni tista' ġġib benefiċċji għall-investituri fil-livell tal-konsumatur, pereżempju komparabbiltà tal-prodotti aktar faċli, aċċess aħjar u aktar faċli għall-investiment transkonfinali u l-iżgurar ta' kompetizzjoni aktar ġusta bejn il-fornituri, kif ukoll reġistrazzjoni u proċessi ta' ħlas aktar rapidi u faċli u kostijiet ta' tranżazzjoni li jirriżultaw aktar baxxi, iżda tista' toħloq ukoll sfidi li ma jistgħux jiġu injorati, bħall-iżgurar tal-konformità mar-rekwiżiti kun af il-klijent tiegħek (Know Your Customer - KYC), kontra l-ħasil tal-flus (AMLD) u tal-protezzjoni tad-dejta, kif ukoll riskji bħal vulnerabbiltà ta' sistemi ċentralizzati għal ċiberattakki; jitlob li jiġu identifikati u ssorveljati x-xejriet emerġenti u attwali fis-swieq finanzjarji u l-benefiċċji u r-riskji li jirriżultaw, billi jintuża l-impatt probabbli tagħhom fuq l-investituri fil-livell tal-konsumatur bħala punt ta' riferiment;

20.  Jinnota li d-dejta finanzjarja u mhux finanzjarja tal-konsumaturi miġbura minn sorsi differenti qiegħda tintuża dejjem aktar minn fornituri ta' servizzi finanzjarji għal diversi raġunijiet, b'mod partikolari fis-setturi tal-kreditu u tal-assigurazzjoni; jenfasizza li l-użu tad-dejta personali u l-big data mill-fornituri ta' servizzi finanzjarji għandu jkun konformi mal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta tal-UE, ikun strettament limitat għal dak li huwa meħtieġ biex jiġi pprovdut is-servizz u jġib benefiċċji lill-konsumaturi; f'dan l-isfond, id-demutwalizzazzjoni tar-riskju fl-assigurazzjoni li rriżultat mill-big data għandha tkun taħt skrutinju mill-qrib;

21.  Jenfasizza li l-aċċess għall-flus kontanti permezz tal-ATMs huwa servizz pubbliku essenzjali li għandu jiġi pprovdut mingħajr ebda prattika diskriminatorja jew inġusta u li m'għandux, għalhekk, iġarrab spejjeż eċċessivi;

22.  Jenfasizza li tinħtieġ fiduċja akbar tal-konsumaturi fis-servizzi finanzjarji, peress li din għadha baxxa, speċjalment fir-rigward tal-prodotti finanzjarji b'livell għoli ta' riskji ta' kambju tal-munita, u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-miżuri eżistenti bil-għan li jtejbu l-edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni finanzjarja jkunu implimentati bis-sħiħ u li jiġu introdotti miżuri ulterjuri fejn meħtieġ sabiex tingħata s-setgħa lill-konsumaturi jieħdu deċiżjonijiet infurmati, tiżdied it-trasparenza ta' dawn il-prodotti u jitneħħew l-ostakoli għall-konsumatur meta jibdlu l-fornitur u kwalunkwe spejjeż mhux ġustifikati relatati ma' dan, jew jekk ma jkunux iridu jibqgħu jużaw prodott; jenfasizza li l-Fuljett Ewropew ta' Informazzjoni Standardizzat (FEIS) u l-formola ta' Informazzjoni Standard Ewropea dwar il-Kreditu lill-Konsumatur għandha tingħata b'mod sistematiku lill-konsumatur qabel ma jsir ftehim bħala parti minn stima ta' kreditu, self jew self ipotekarju;

23.  Jinnota li l-impjegati prominenti fl-istituzzjonijiet finanzjarji u l-fornituri ta' servizzi finanzjarji għandhom rwol kruċjali fil-ftuħ ta' servizzi għall-konsumatur għall-oqsma kollha tas-soċjetà u għall-konsumaturi madwar fl-UE; jirrimarka li, fil-prinċipju, dawn l-impjegati għandhom jingħataw it-taħriġ u l-ħin meħtieġa biex ikunu jistgħu jservu lill-klijenti tagħhom b'mod preċiż, u m'għandhomx jiġu soġġetti għal miri jew inċentivi ta' bejgħ li jistgħu joħolqu preġudizzju meta jagħtu parir jew jgħawġu l-parir tagħhom u għandhom jaġixxu dejjem fl-interessi tal-konsumaturi skont id-dispożizzjonijiet tal-protezzjoni tal-konsumatur MiFID II;

24.  Jenfasizza l-fatt li l-aċċess għal parir affordabbli u indipendenti huwa essenzjali għal deċiżjonijiet ta' investiment tajbin; jenfasizza li biex ikun hemm titjib fil-pariri mogħtija tinħtieġ, b'mod partikolari, offerta usa' ta' prodotti standardizzati ta' investiment fil-livell tal-konsumatur u dokumenti effettivi bit-tagħrif dwar l-investitur għal prodotti kumplessi u sempliċi;

25.  Josserva li l-għoti ta' parir finanzjarju affordabbli u mmirat, li jkollu kamp ta' applikazzjoni iżgħar minn parir ta' investiment xieraq irregolat mill-MiFID huwa attwalment nieqes, minkejja d-domanda eżistenti; jinnota r-riflessjonijiet imwettqa u l-inizjattivi meħuda f'ċerti Stati Membri dwar il-ħolqien ta' tali servizz intermedjarju; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-atturi tas-suq jidentifikaw, jistudjaw u jsegwu prattiki u inizjattivi tajbin f'dan ir-rigward;

26.  Jiġbed l-attenzjoni għan-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni nazzjonali tad-Direttiva MiFID II, li wasslet f'ħafna każijiet għal rekwiżiti ta' rappurtar li jeħtieġu ħafna xogħol għal intermedjarji, li ma jtejbux b'mod effettiv il-protezzjoni tal-konsumatur u jmorru lil hinn mill-MiFID II innifisha; jitlob li jittieħdu lezzjonijiet minn din l-esperjenza;

27.  Jenfasizza li l-operazzjonijiet bankarji għall-konsumatur għandhom rwol deċiżiv fit-trażmissjoni xierqa tal-kundizzjonijiet tal-politika monetarja lis-suq, b'mod partikolari lill-konsumaturi; jenfasizza l-importanza ta' ambjent xieraq ta' politika monetarja bil-ħsieb li jiġi promoss it-tfaddil fit-tul tal-konsumaturi;

28.  Jenfasizza li, sabiex is-suq waħdieni fis-servizzi finanzjarji għall-konsumatur ikun effikaċi u dinamiku, jeħtieġ li ma jkunx hemm differenzi bla bżonn jew inġusti bejn l-Istati Membri fiż-żona tal-euro u dawk li mhumiex fiż-żona tal-euro;

29.  Jemmen li l-adozzjoni tal-munita unika mill-Istati Membri kollha mingħajr eċċezzjoni tagħmel is-suq uniku tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur aktar effiċjenti u koerenti;

30.  Josserva li l-kapaċità fil-livell tal-UE għall-ġbir u l-analiżi tad-dejta f'dan il-qasam probabbilment ser ikollha tissaħħaħ; jinnota li se jkun meħtieġ li wħud mill-aktar ideat promettenti fil-Green Paper jingħataw irfid empiriku wiesa' u adegwat qabel ikun possibbli li wieħed jgħaddi għal proċessi leġiżlattivi; jenfasizza li l-metodoloġiji u s-suppożizzjonijiet ta' tali xogħol empiriku għandhom jiġu divulgati b'mod xieraq u għandhom jagħmlu użu sħiħ mir-riżultat tal-ħidma ta' monitoraġġ tal-ASE li l-mandat għalih jinsab fir-Regolament tal-EBA, sabiex tidentifika l-benefiċċji u r-riskji ta' innovazzjonijiet differenti u kwalunkwe azzjoni leġiżlattiva meħtieġa biex jinstab il-bilanċ ġust bejniethom;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-kwistjoni ta' bejgħ inadatt ta' prodotti u servizzi finanzjarji; jistieden b'mod partikolari lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni ta' regoli ġodda skont il-MiFID II, li tipprojbixxi l-kummissjoni għall-konsulenti finanzjarji indipendenti u tillimita l-użu tagħha għal konsulenti mhux indipendenti, u abbażi ta' dak il-monitoraġġ tikkunsidra jekk dawk ir-restrizzjonijiet għandhomx isiru aktar stretti;

Prijoritajiet fuq terminu qasir

32.  Jenfasizza li jeħtieġ li jissaħħaħ l-infurzar tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE dwar l-affarijiet finanzjarji u l-konsumaturi u li suq uniku fis-servizzi finanzjarji fil-livell tal-konsumatur jeħtieġ livelli għolja ta' leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u infurzar konsistenti u rigoruż ta' dan madwar l-Istati Membri; jinnota, fl-istess ħin, li l-volum tal-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji għall-konsumatur żdied fis-snin riċenti bil-għan li jtejjeb l-istabbiltà prudenzjali, isaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumatur u jreġġa' lura l-fiduċja fis-settur; jenfasizza li l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej għandhom jintensifikaw l-attivitajiet tagħhom fuq kwistjonijiet tal-konsumaturi u tal-investituri fil-livell tal-konsumatur u li l-aġenziji responsabbli f'għadd ta' Stati Membri għandhom jibdew jaħdmu b'mod aktar attiv u kompetenti f'dan il-qasam; jistieden lill-awtoritajiet superviżorji tal-Istati Membri jwettqu skambji ta' prattika tajba sabiex jiżguraw li l-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji għall-konsumatur tiġi applikata b'tali mod li tissalvagwardja l-kompetizzjoni ġusta filwaqt li tinforza l-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni, fil-proċedura marbuta mal-White Paper ippjanata dwar il-finanzjament u l-governanza tal-ASE, biex tagħmel enfasi partikolari fuq li jiġi żgurat li l-awtoritajiet ikollhom il-mudelli ta' finanzjament u l-mandati meħtieġa biex jieħdu rwol aktar attiv u orjentat lejn il-konsumatur fis-suq tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur, filwaqt li tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja;

34.  Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tinkuraġġixxi l-finanzjament għall-investimenti sostenibbli u ħodor, u jħeġġiġha sabiex, filwaqt li tibni fuq konsultazzjonijiet tal-passat u filwaqt li tinvolvi mill-qrib lill-Parlament Ewropew, ikollha rwol aktar proattiv fl-użu tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, bħala parti mill-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi, biex tappoġġja s-suq tal-Investiment Sostenibbli u Responsabbli (SRI) li qiegħed jikber billi tippromwovi l-investimenti sostenibbli, billi tipprovdi informazzjoni ambjentali, soċjali u ta' governanza effikaċi u standardizzata bl-użu ta' kriterji applikabbli għall-intermedjarji finanzjarji u l-kumpaniji elenkati fil-Borża, u billi dawn il-kriterji tapplikahom b'mod adegwat fis-sistemi ta' ġestjoni tal-investiment u l-istandards tal-iżvelar, abbażi ta' dispożizzjonijiet simili li ġew promossi b'suċċess min-naħa tal-Parlament fir-reviżjoni li saret dan l-aħħar tad-Direttiva dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta' istituzzjonijiet għall-provvista ta' irtirar okkupazzjonali; iħeġġeġ ulterjorment lill-Kummissjoni biex tippromwovi "servizzi ta' klassifikazzjoni" ambjentali, soċjali u ta' governanza, kif ukoll qafas konsistenti għas-suq tal-bonds ekoloġiċi, abbażi ta' studju tal-Kummissjoni u l-ħidma tal-grupp ta' studju tal-G20 dwar il-finanzi ekoloġiċi;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni tintensifika l-ħidma tagħha kontra d-diskriminazzjoni abbażi tar-residenza fis-suq Ewropew dwar is-servizzi finanzjarji għall-konsumatur u, jekk ikun meħtieġ, tikkumplimenta l-proposti ġenerali ppjanati sabiex ittemm l-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat b'inizjattivi leġiżlattivi ulterjuri mmirati speċifikament għas-settur finanzjarju, filwaqt li jibqa' jitqies li l-prezz ta' xi prodotti u xi servizzi huwa marbut ma' sensiela ta' fatturi (regolatorji jew ġeografiċi) li jvarjaw minn Stat Membru għall-ieħor;

36.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fost l-oħrajn abbażi tal-istruttura tad-Direttiva dwar il-Kontijiet tal-Pagamenti (PAD) u tal-analiżi tas-settur tal-assigurazzjoni tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol, sabiex twaqqaf portal ta' tqabbil tal-UE li jkun organizzat sewwa u faċli biex jintuża u li jkun ikopri ħafna mill-partijiet jew il-partijiet kollha tas-suq tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur; jenfasizza li l-għodod ta' tqabbil għandhom ikunu preċiżi u rilevanti għall-konsumaturi u ma għandhomx jiffukaw biss fuq il-prezzijiet tal-prodotti, iżda anki fuq il-kwalità tagħhom, filwaqt li jitqies li prodotti li huma simili biss jistgħu jitqabblu;

37.  Jisteiden lill-Kummissjoni, fost l-oħrajn b'referenza għall-PAD, sabiex tfassal ir-regoli, il-prattiki u n-nonprattiki li japplikaw għall-bdil domestiku u transkonfinali fil-partijiet relevanti tas-suq Ewropew tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur u sabiex tippreżenta strateġija koerenti u komprensiva li tagħmel il-bdil transkonfinali madwar l-UE aktar faċli għall-konsumatur;

38.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-istrutturi ta' Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim (ADR) konnessi mas-suq tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur billi jiżguraw li l-korpi tal-ADR ikunu verament indipendenti, jiżguraw li dawn il-korpi jkopru lill-atturi kollha fis-suq u billi jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-FIN-NET isir aktar effiċjenti u magħruf sew mal-konsumaturi; iħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni, wara l-evalwazzjoni ppjanata tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni dwar ir-rimedju kollettiv, tanalizza l-possibbiltà li tintroduċi sistema Ewropea ta' rimedju kollettiv;

39.  Jitlob lill-Kummissjoni tkompli tinvestiga l-prattiki konfużi u xi drabi qarrieqa li jkollhom iħabbtu wiċċhom magħhom il-konsumaturi meta jagħmlu pagamenti bil-kard u ġbid ta' flus mill-ATM li jinvolvu l-konverżjoni tal-munita, kif ukoll sabiex tippreżenta soluzzjoni koerenti li tagħmilha possibbli, inkluż fil-prattika, għall-konsumatur li jifhem u jikkontrolla s-sitwazzjoni kompletament, anke għal ħlasijiet li jirreletaw mas-suq diġitali;

40.  Ifakkar lill-Kummissjoni li l-istituzzjonijiet finanzjarji għadhom qed jikkanċellaw il-karti ta' pagament jekk id-detentur jiċċaqlaq fi Stat Membru ieħor u jitlob li għandha tittieħed azzjoni f'dan ir-rigward, anke billi jiġu mwissija l-awtoritajiet nazzjonali;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi r-rikonoxximent reċiproku u l-interoperabbiltà tat-tekniki ta' identifikazzjoni diġitali, mingħajr ma jiġi affettwat il-livell ta' sigurtà tas-sistemi eżistenti jew il-kapaċità tagħhom li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-qafas tal-UE kontra l-ħasil tal-flus; għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, billi jaħdmu bir-reqqa fuq l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar l-eIDAS u l-leġiżlazzjoni ġdida kontra l-ħasil tal-flus, fost l-oħrajn, sabiex joħolqu – kif għandu jkun għalkollox fattibbli – ambjent ġenerali li fih rekwiżiti tas-sigurtà robusti jiġu kkombinati ma' proċeduri ġusti u sempliċi sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jidentifikaw lilhom infushom skont il-prinċipji tal-protezzjoni tad-dejta personali; jitlob ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jidentifikaw u jneħħu l-ostakoli regolatorji għall-użu ta' sistemi ta' firem elettroniċi għall-abbonament ta' servizzi finanzjarji, u jiffaċilitaw l-onboarding diġitali transkonfinali madwar l-UE;

42.  Jirrimarka li l-impatt potenzjalment trasformattiv tat-teknoloġija ta' reġistri distribwiti jeħtieġ l-iżvilupp bikri ta' kapaċità regolatorja biex jiġu identifikati fi stadju bikri r-riskji u l-isfidi sistemiċi potenzjali għall-protezzjoni tal-konsumatur; jistieden għaldaqstant lill-Kummissjoni toħloq task force orizzontali biex timmonitorja mill-qrib ir-riskji u tgħin biex dawn jiġu indirizzati fil-ħin;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, sabiex tfassal pjan għall-istabbiliment ta' netwerk ikkoordinat ta' "punti uniċi ta' servizz" nazzjonali, f'konformità mal-Punti ta' Kuntatt Uniku, li jgħinu lill-impriżi finanzjarji għall-konsumatur li jixtiequ jagħmlu użu aħjar mill-opportunitajiet ta' negozju transkonfinali;

44.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-fornituri tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur jiġu mħeġġa jiffinanzjaw proġetti assoċjati mal-innovazzjoni u l-ambjent; jirrimarka li jista' jiġi kkunsidrat approċċ simili għal dak tal-fattur ta' sostenn lill-SMEs;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti segwitu għall-proposta tal-EIOPA għal Qafas Komuni għal Valutazzjoni tar-Riskju u Trasparenza għall-IORPs, sabiex tiġi promossa sistema soda tal-pilastru 2 fl-Unjoni kollha u komparabbiltà tal-iskemi, u biex tikkontribwixxi għal fehim aħjar tal-benefiċċji u r-riskji lill-konsumaturi permezz ta' regolaturi, superviżuri u l-konsumaturi nfushom;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina approċċi ġodda bil-potenzjal li tagħti lill-kumpaniji flessibbiltà regolatorja ikbar biex jesperimentaw u jkunu jistgħu jinnovaw, filwaqt li jżommu livelli għolja ta' protezzjoni u sigurtà tal-konsumatur;

47.  Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta proposta dwar il-ħolqien ta' "kont ta' tfaddil tal-UE", sabiex jinfetaħ il-finanzjament fit-tul u tiġi appoġġjata t-tranżizzjoni ekoloġika fl-Ewropa;

48.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiċċara l-użu tad-dispożizzjonijiet ġenerali tajba, li attwalment jistgħu jintużaw b'mod indirett mill-Istati Membri biex jimblukkaw prodotti ġodda milli jidħlu fis-suq tagħhom, u tagħti s-setgħa lill-ASE jkunu medjaturi attivi bejn l-Istati Membri meta jkunu hemm interpretazzjonijiet kunfliġġenti dwar l-użu tagħhom;

Kunsiderazzjonijiet fuq terminu twil

49.  Jitlob lill-Kummissjoni tistudja aktar il-fattibbiltà, ir-relevanza, il-benefiċċji u l-ispejjeż tat-tneħħija tal-ostakoli eżistenti għall-forniment transkonfinali ta' servizzi finanzjarji, biex b'hekk tiġi ggarantita l-portabbiltà domestika u transkonfinali f'diversi partijiet tas-suq tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur, pereżempju, fir-rigward tal-prodotti ta' pensjoni personali u ta' assigurazzjoni;

50.  Jenfasizza li d-Direttiva dwar il-Kreditu Ipotekarju qiegħda attwalment tiġi trasposta, jew hija fil-proċess li tiġi implimentata, fl-Istati Membri; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tissorvelja t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tagħha b'attenzjoni u biex tanalizza l-impatt ta' din il-leġiżlazzjoni fuq is-suq tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur; jinnota li xorta waħda għad hemm ostakoli sinifikanti fil-ħolqien ta' suq uniku aktar b'saħħtu għall-ipoteki u l-kreditu għall-konsumaturi; għaldaqstant, jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni timxi 'l quddiem filwaqt li tiżgura l-istabbiltà finanzjarja, billi tibbilanċja t-tħassib dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta b'aċċess transkonfinali mtejjeb għal bażijiet ta' dejta ta' kreditu kkoordinati aħjar u billi tiżgura li ma jiġux imtennija l-inċidenti relatati mal-kreditu li permezz tagħhom il-konsumaturi kienu esposti mingħajr ebda raġuni għal riskji ta' kambju tal-munita;

51.  Jitlob lill-Kummissjoni twettaq mal-Istati Membri analiżi konġunta tal-implimentazzjoni u l-impatt tal-leġiżlazzjoni tal-UE fuq is-servizzi finanzjarji għall-konsumatur; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jeżaminaw fid-dettall l-ostakoli legali u ostakoli oħra li jifdal għal operazzjonijiet transkonfinali u għall-ikkompletar tas-suq tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur tal-UE; jenfasizza li l-ispeċifiċitajiet tal-SMEs għandhom jiġu kkunsidrati f'tali analiżi;

52.  Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza liema dejta hija meħtieġa biex il-mutwanti jkunu jistgħu jivvalutaw l-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumaturi tagħhom u, abbażi ta' din l-analiżi, tintroduċi proposti għar-regolamentazzjoni ta' dan il-proċess ta' valutazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tinvestiga l-prattiki attwali tal-uffiċċji tal-kreditu fir-rigward tal-ġbir, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tad-dejta tal-konsumatur bil-ħsieb li tiżgura li jkunu adegwati u ma jkunux ta' ħsara għad-drittijiet tal-konsumaturi; jistieden lill-Kummissjoni, jekk meħtieġ, tqis it-teħid ta' azzjoni f'dan il-qasam;

53.  Jitlob lill-Istati Membri jiżguraw li l-komunikazzjonijiet diġitali u l-bejgħ relatat ma' servizzi finanzjarji għall-konsumatur ikunu disponibbli f'forom aċċessibbli għal persuni b'diżabilitajiet, anke permezz ta' siti tal-internet u formati ta' fajls li jistgħu jitniżżlu; jappoġġja l-integrazzjoni sħiħa tas-servizzi finanzjarji għall-konsumaturi kollha fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva dwar ir-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà għall-prodotti u s-servizzi (l-"Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà");

54.  Jilqa' l-ħidma lejn trasparenza akbar fl-ipprezzar ta' servizzi tal-karozzi tal-kiri, inkluż il-bejgħ ta' assigurazzjonijiet anċillari u tariffi oħra; jenfasizza li t-tariffi jew il-miżati kollha, kemm jekk obbligatorji jew fakultattivi, marbuta mal-kiri ta' vetturi għandhom ikunu viżibbli għall-konsumatur fuq is-sit tal-internet tal-kumpanija tal-kiri jew tas-sit ta' tqabbil b'mod ċar u enfasizzat; ifakkar lill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li tinforza d-Direttiva dwar il-Prattiċi Kummerċjali Żleali u jilqa' l-adozzjoni reċenti ta' linji gwida ta' implimentazzjoni ġodda fid-dawl tat-tibdil teknoloġiku;

55.  Ifakkar fil-ħidma li saret fir-rigward tar-Regolament dwar l-Aġenziji ta' Klassifikazzjoni tal-Kreditu; jitlob lill-Kummissjoni tirrieżamina l-impatt ta' tali leġiżlazzjoni fir-rigward ta' prodotti mibjugħa lill-klijenti fil-livell tal-konsumaturi;

o
o   o

56.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 133, 22.5.2008, p. 66.
(2) ĠU L 266, 9.10.2009, p. 11.
(3) ĠU L 60, 28.2.2014, p. 34.
(4) ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349.
(5) ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73.
(6) ĠU L 257, 28.8.2014, p. 186.
(7) ĠU L 257, 28.8.2014, p. 214.
(8) ĠU L 352, 9.12.2014, p. 1.
(9) ĠU L 123, 19.5.2015, p. 1.
(10) ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35.
(11) ĠU L 26, 2.2.2016, p. 19.
(12) Testi adottati, P8_TA(2016)0228.


Unjoni Ewropea tad-Difiża
PDF 404kWORD 66k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Novembru 2016 dwar l-Unjoni Ewropea tad-Difiża (2016/2052(INI))
P8_TA(2016)0435A8-0316/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat ta' Lisbona,

–  wara li kkunsidra t-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Europea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 42(6) tat-TUE dwar il-kooperazzjoni strutturata permanenti,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 42(7) tat-TUE dwar l-alleanza ta' difiża;

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-18 ta' Diċembru 2013 u tal-25 u s-26 ta' Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2013 u tat-18 ta' Novembru 2014 dwar il-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' April 2016 dwar l-UE f'ambjent globali jinbidel - dinja iktar konnessa, kontestata u kumplessa(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2012 dwar il-klawsoli ta' difiża reċiproka u ta' solidarjetà tal-UE: dimensjonijiet politiċi u operattivi(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Jannar 2009 dwar il-qagħda tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea 2004-2008(3), li tistabbilixxi fil-paragrafu 89 tagħha "li d-drittijiet fundamentali ma jiqfux sal-bibien tal-għassa", u "li japplikaw ukoll bis-sħiħ għaċ-ċittadini bl-uniformi, u jirrakkomanda li l-Istati Membri jiżguraw li d-drittijiet fundamentali jiġu osservati wkoll fil-forzi armati",

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet finali tal-Konferenzi Interparlamentari dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) u l-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) tal-Aja tat-8 ta' April 2016, ta' Lussemburgu tas-6 ta' Settembru 2015, ta' Riga tas-6 ta' Marzu 2015, ta' Ruma tas-7 ta' Novembru 2014, ta' Ateni tal-4 ta' April 2014, ta' Vilnius tas-6 ta' Settembru 2013, ta' Dublin tal-25 ta' Marzu 2013 u ta' Paphos tal-10 ta' Settembru 2012,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) fil-laqgħa informali "Gymnich" tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UE tat-2 ta' Settembru 2016, li għal darb'oħra għamlet referenza għal "tieqa ta' opportunità" biex isir progress solidu fost l-Istati Membri fil-qasam tad-difiża,

–  wara li kkunsidrat id-dokument bit-titolu "Shared Vision, Common Action: A Stronger Europe – A Global Strategy for the European Union's Foreign and Security Policy" (Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni: Ewropa aktar b'saħħitha - Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea), ippreżentat mill-VP/RGħ fis-28 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' progress tas-7 ta' Lulju 2014 mill-VP/RGħ u l-Kap tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża dwar l-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Lulju 2013 bl-isem 'Lejn settur tad-difiża u tas-sigurtà aktar kompetittiv u effiċjenti' (COM(2013)0542),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-24 ta' Ġunju 2014 bit-titolu "Arranġament ġdid għad-Difiża Ewropea",

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-8 ta' Mejju 2015 dwar l-implimentazzjoni tal-komunikazzjoni tagħha dwar id-difiża,

–  wara li kkunsidra l-evalwazzjonijiet tad-Direttiva 2009/81/KE tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta' ċerti kuntratti ta' xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u tad-Direttiva 2009/43/KE dwar trasferimenti intra-UE ta' prodotti relatati mad-difiża,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-8 ta' Lulju 2016 tal-Presidenti tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni u s-Segretarju Ġenerali tan-NATO,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-11 ta' Diċembru 2013 tal-VP/RGħ u l-Kummissjoni bit-titolu "L-approċċ komprensiv tal-UE rigward il-konflitti u l-kriżijiet esterni" (JOIN(2013)0030), u l-konklużjonijiet relatati tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2014,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Ministru tad-Difiża u tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Italja tal-10 ta' Awwissu 2016 li tagħmel appell għal Schengen tad-Difiża,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ġermaniż u dak Franċiż tat-28 ta' Ġunju 2016 dwar "Ewropa b'saħħitha f'dinja inċerta,

–  wara li kkunsidra l-possibilità ta' seċessjoni tar-Renju Unit mill-UE,

–  wara li kkunsidra r-riżultati tal-Ewrobarometru 85.1 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits, tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur kif ukoll tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A8-0316/2016),

A.  billi f'dawn l-aħħar snin is-sitwazzjoni tas-sigurtà fl-Ewropa u madwarha ħżienet b'mod sinifikanti u din ħolqot sfidi diffiċli u mingħajr preċedent li l-ebda pajjiż jew organizzazzjoni ma jistgħu jiffaċċjaw waħedhom; billi l-Ewropa, aktar minn qatt qabel, qed tiffaċċja t-theddida tat-terroriżmu fit-territorju tagħha, filwaqt li qed tkompli l-firxa tat-terroriżmu u l-pjaga tal-vjolenza kontinwa fl-Afrika ta' Fuq u fil-Lvant Nofsani; billi s-solidarjetà u r-reżiljenza jirrikjedu li l-UE tirreaġixxi u taġixxi flimkien u b'mod sistematiku, u li dan isir flimkien mal-alleati u s-sħab tagħna u ma' pajjiżi terzi; billi l-prevenzjoni, l-iskambju ta' informazzjoni sensittiva dwar is-sigurtà, it-tmiem tal-kunflitt armat, il-qerda tal-abbużi mifruxa tad-drittijiet tal-bniedem, it-tifrix tad-demokrazija u l-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra t-terroriżmu huma prijoritajiet għall-UE u ċ-ċittadini tagħha u jenħtieġ li dan ikun is-suġġett ta' impenn kemm ġewwa kif ukoll barra l-fruntieri tal-UE, inkluż permezz ta' korpi ta' inġiniera militari maħluqa biex jiġu indirizzati ċerti sfidi prattiċi ħafna dwar l-effetti tat-tibdil fil-klima u d-diżastri naturali fil-pajjiżi terzi; billi jentħieġ li l-Ewropa tkun aktar b'saħħitha u aktar rapida f'sitwazzjonijiet ta' theddid reali;

B.  billi t-terroriżmu, it-theddid ibridu, il-volatilità ekonomika, l-insigurtà ċibernetika u enerġetika, il-kriminalità organizzata u t-tibdil fil-klima jikkostitwixxu theddid li ġej minn dinja ta' kuljum aktar kumplessa u interkonnessa, fejn l-UE għandha tagħmel l-almu tagħha u tfittex il-mezzi sabiex tagħti garanzija ta' sigurtà u twassal il-prosperità u d-demokrazija; billi s-sitwazzjoni finanzjarja u ta' sigurtà attwali tirrikjedi li l-forzi armati Ewropej jikkollaboraw aktar mill-qrib u li l-persunal militari jitħarreġ u jaħdem aktar flimkien u aħjar; billi skont l-Ewrobarometru 85.1 ta' Ġunju 2016, madwar żewġ terzi taċ-ċittadini tal-UE jixtiequ li jkun hemm aktar parteċipazzjoni tal-UE fi kwistjonijiet ta' politika ta' sigurtà u ta' difiża; billi d-distinzjoni bejn is-sigurtà interna u esterna qed issir dejjem aktar imċajpra; billi għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-prevenzjoni tal-konflitt, l-indirizzar tal-kawżi fundamentali tal-instabilità u l-iżġurar s-sigurtà tal-bniedem; billi t-tibdil fil-klima hi theddida ewlenija għas-sigurtà globali, għall-paċi u l-istabilità li tamplifika t-theddid għas-sigurtà tradizzjonali, inter alia billi tnaqqas l-aċċess għall-ilma ħelu u għall-prodotti tal-ikel għal popolazzjonijiet f'pajjiżi fraġli u li qed jiżviluppaw u b'hekk iwasslu għal tensjonijiet ekonomiċi u soċjali, li jġiegħlu lin-nies jemigraw, jew joħolqu tensjonijiet politiċi u riskji għas-sigurtà;

C.  billi l-VP/RGħ inkludiet is-sigurtà tal-Unjoni bħala waħda mill-ħames prijoritajiet ewlenin tagħha għal "Global Strategy for the European Union's Foreign and Security Policy" (Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea);

D.  billi t-Trattat ta' Lisbona jitlob li l-Istati Membri jagħmlu disponibbli kapaċitajiet ċivili u militari adatti għal missjonijiet u operazzjonijiet tal-PSDK; billi l-kapaċità tal-bini tas-sigurtà u d-difiża stabbilita fit-Trattati bl-ebda mod mhi ottimali; billi l-istituzzjonijiet Ewropej jista' wkoll jkollhom rwol sinifikanti ħafna x'jaqdu fit-tnedija ta' inizjattivi politiċi; billi s'issa l-Istati Membri wrew nuqqas ta' rieda biex jibnu Unjoni Ewropea ta' Sigurtà u ta' Difiża, għax beżgħu li din se jkun ta' theddida għas-sovranità nazzjonali tagħhom;

E.  billi l-kost tan-non-Ewropa fid-difiża u s-sigurtà huwa stmat għal EUR 26,4 biljun fis-sena(4), b'riżultat tad-duplikazzjoni, il-kapaċità żejda u l-ostakoli għall-akkwist tad-difiża;

F.  billi l-Artikolu 42 tat-TUE jirrikjedi d-definizzjoni progressiva ta' politika ta' difiża komuni f'livell tal-Unjoni fil-qafas tal-PSDK, li għandha twassal għal difiża komuni fil-livell tal-UE meta l-Kunsill Ewropew jiddeċiedi dan b'unanimità; billi l-Artikolu 42(2) tat-TUE jirrakkomanda wkoll lill-Istati Membri li jadottaw tali deċiżjoni skont ir-rekwiżiti kostituzzjonali rispettivi tagħhom;

G.  billi l-Artikolu 42 tat-TUE jipprevedi wkoll il-ħolqien ta' istituzzjonijiet ta' difiża, kif ukoll definizzjoni ta' politika Ewropea dwar il-kapaċitajiet u armamenti; billi dan l-Artikolu jeħtieġ ukoll li l-isforzi tal-UE għandhom ikunu kompatibbli u komplementari man-NATO u ta' tisħiħ reċiproku; billi politika ta' difiża komuni f'livell tal-Unjoni għandha ssaħħaħ il-kapaċità tal-Ewropa li tippromwovi s-sigurtà fi ħdan u lil hinn mill-fruntieri tagħha, kif ukoll it-tisħiħ tas-sħubija man-NATO u r-relazzjonijiet transatlantiċi, u għaldaqstant tippermetti NATO aktar b'saħħitha, konsegwentement billi ssir promozzjoni territorjali, reġjonali u globali fl-oqsma tas-sigurtà u d-difiża, aktar effikaċi; billi l-aktar Dikjarazzjoni Konġunta reċenti tas-Summit ta' Varsavja tan-NATO tal-2016 dwar sħubija strateġika bejn in-NATO u l-UE rrikonoxxiet ir-rwol tan-NATO u l-appoġġ li l-UE tista' tagħti biex jintlaħqu l-għanijiet komuni; billi l-Unjoni Ewropea ta' Difiża (EDU) għandha tiżgura ż-żamma tal-paċi, il-prevenzjoni tal-kunflitti u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali, f'konformità mal-prinċipji tal-Karta tan-NU;

H.  billi l-gruppi tattiċi tal-UE, li laħqu l-kapaċità operattiva sħiħa fl-2007 u li huma maħsuba biex jintużaw għal kompiti militari ta' natura umanitarja, ta' żamma ta' paċi u ta' ħolqien ta' paċi, s'issa għadhom qatt ma ntużaw, minkejja l-opportunità u l-ħtieġa li tirriżulta, minħabba ostakoli proċedurali, finanzjarji u politiċi; jenfasizza li dan jirrappreżenta opportunità mitlufa f'termini ta' tisħiħ tar-rwol tal-UE bħala attur globali importanti għall-istabilità u l-paċi;

I.  billi ħlief għall-ħolqien tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA), ma kien stabbilit, deċiż jew implimentat l-ebda wieħed mill-elementi neqsin tal-politika ta' sigurtà u difiża komuni tal-UE; billi l-EDA għad teħtieġ bidla radikali tal-organizzazzjoni tagħha biex tkun tista' tiżviluppa l-potenzjal sħiħ tagħha u biex tixhed li tiġġenera valur miżjud, din tagħmel il-PSDK aktar effikaċi u tista' twassal għal armonizzazzjoni tal-proċessi tal-ippjanar tad-difiża nazzjonali f'dawk l-oqsma li huma rilevanti għall-operazzjonijiet militari tal-PSDK bi qbil il-kompiti ta' Petersberg kif deskritt fl-Artikolu 43 tat-TUE; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex jipparteċipaw u jimpenjaw ruħhom fl-EDA sabiex ikun jista' jinkiseb dan l-għan;

J.  billi Strateġija Globali tal-UE għall-Politika Estera u ta' Sigurtà teħtieġ li l-UE sistematikament tħeġġeġ il-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża, tul il-firxa sħiħa ta' kapaċitajiet, sabiex tkun tista' tirreaġixxi għall-kriżijiet esterni, tgħin fil-bini tal-kapaċitajiet ta' sħabna, biex tiggarantixxi s-sigurtà tal-Ewropa, u toħloq industrija tad-difiża Ewropea b'saħħitha, li hi kruċjali għall-awtonomija strateġika ta' deċiżjoni u azzjoni tal-Unjoni; billi għandu jintlaħaq qbil mill-membri kollha tal-Kunsill dwar kwalunkwe miżura, qabel l-implimentazzjoni tagħha;

K.  billi l-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2015, li ffoka parzjalment fuq id-difiża, appella għal trawwim ta' kooperazzjoni ta' difiża Ewropea akbar u aktar sistematika bil-għan li jiġu pprovduti kapaċitajiet ewlenin, inkluż permezz tal-użu ta' fondi tal-UE fejn xieraq, filwaqt li jinnota li l-kapaċitajiet militari huma proprjetà ta' u mħaddma mill-Istati Membri;

L.  billi fis-17 ta' Novembru 2015, Franza invokat l-Artikolu 42(7) tat-TUE u sussegwentement talbet u immaniġġjat l-kontributi ta' għajnuna u assistenza tal-Istati Membri l-oħra fuq bażi purament bilaterali;

M.  billi l-Ktieb Abjad tal-UE dwar is-sigurtà u d-difiża għandu jkompli jsaħħaħ il-PSDK u jtejjeb il-kapaċità tal-UE li taġixxi bħala fornitur tas-sigurtà f'konformità mat-Trattat ta' Lisbona, u jista' jkun riflessjoni utli dwar il-PSDK tal-ġejjieni u PSDK aktar effettiva; billi l-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK, fil-biċċa l-kbira tagħhom huma lokalizzati f'reġjuni bħal fil-Qarn tal-Afrika u fis-Saħel, li huma milquta ħafna mill-konsegwenzi negattivi tat-tibdil fil-klima, bħan-nixfa u d-degrad tal-art;

N.  billi l-Presidenza Netherlandiża tal-Kunsill ppromwoviet l-idea ta' Ktieb Abjad tal-UE; billi l-pajjiżi Visegrád laqgħu l-idea ta' integrazzjoni Ewropea tad-difiża aktar b'saħħitha; u billi l-Ġermanja appellat għal Unjoni Ewropea ta' Sigurtà u ta' Difiża fil-White Paper tal-2016 dwar "German Security Policy and the Future of the Bundeswehr (Il-Politika ta' Sigurtà Ġermaniża l-Futur tal-Bundeswehr)";

O.  billi l-integrazzjoni gradwali tad-difiża hi l-aqwa possibilità biex nagħmlu aktar b'inqas flus, u billi l-White Paper tista' toffri opportunità unika biex jiġu proposti passi addizzjonali;

Unjoni Ewropea tad-Difiża

1.  Ifakkar li biex l-Ewropa tiżgura s-sigurtà fit-tul tagħha, teħtieġ rieda politika u determinazzjoni li jkunu sostnuti minn ġabra estiża ta' strumenti ta' politika rilevanti, inklużi kapaċitajiet militari b'saħħithom u moderni; iħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew imexxi t-tfassil progressiv ta' politika ta' difiża komuni tal-Unjoni u biex jingħataw riżorsi finanzjarji addizzjonali li jiżguraw l-implimentazzjoni tagħha, bil-għan li din tiġi stabbilita fil-Qafas Politiku u Finanzjarju Pluriennali tal-UE (QFP); ifakkar li l-ħolqien ta' politika tad-difiża komuni tal-Unjoni ġejja mill-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni skont it-Trattat ta' Lisbona, li hija marbuta bid-dritt internazzjonali u fil-fatt hi indispensabbli biex l-UE tippromwovi l-istat tad-dritt, il-paċi u s-sigurtà internazzjonali; jilqa' f'dan ir-rigward l-attivitajiet kollha tal-Istati Membri li għadhom għaddejjin bil-għan li jiġu integrati aktar l-isforzi tagħna ta' difiża komuni, b'kont meħud ukoll tal-kontributi importanti ħafna li jista' jagħti l-Ktieb Abjad dwar is-sigurtà u d-difiża;

2.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jużaw il-potenzjal sħiħ tat-Trattat ta' Lisbona, partikolarment fir-rigward tal-PSDK, b'referenza speċjali għall-kooperazzjoni strutturata permanenti tal-Artikolu 42(6) tat-TUE jew tal-fond ta' tnedija tal-Artikolu 41(3) tat-TUE; ifakkar li l-kompiti ta' Petersberg tal-Artikolu 43 tat-TUE jikkonsistu f'lista twila ta' kompiti militari ambizzjużi, bħal operazzjonijiet konġunti ta' diżarm, kompiti umanitarji u ta' salvataġġ, kompiti ta' għoti ta' pariri u assistenza militari, missjonijiet ta' prevenzjoni ta' konflitti u taż-żamma tal-paċi, u kompiti ta' forzi ta' kumbattiment fl-imaniġġar ta' kriżijiet, inkluż l-istabbiliment tal-paċi u ta' stabbilizzazzjoni wara l-kunflitti; ifakkar li l-istess Artikolu jiddikjara wkoll li dawn il-kompiti kollha jistgħu jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, inkluż bl-appoġġ għal pajjiżi terzi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu fit-territorji tagħhom; jenfasizza li l-istat attwali tal-PSDK ma jippermettix lill-UE tissodisfa l-kompiti kollha elenkati; jemmen li fl-ordni tal-ġurnata għandha tkun il-ħidma sistematikadwar modi kif l-UE tkun tista' tissodisfa l-objettivi tat-Trattat ta' Lisbona;

3.  Huwa tal-fehma li EDU tassew b'saħħitha għandha toffri garanziji u kapaċitajiet lill-Istati Membri lil hinn minn dawk individwali tagħhom;

4.  Jemmen li t-triq lejn l-EDU għandha tibda minn PSDK riveduta bir-reqqa, ibbażata fuq il-prinċipju ta' difiża, finanzjament effikaċi u koordinament man-NATO; iqis li, bħala pass meħtieġ, biż-żieda tal-integrazzjoni tas-sigurtà interna u esterna, il-PSDK jeħtieġ li jimxi lil hinn mill-immaniġġar ta' kriżijiet esterni sabiex verament tkun żgurata politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni u li tippermetti l-parteċipazzjoni tal-Unjoni fil-fażijiet kollha ta' kriżijiet u kunflitti, bl-użu tal-firxa sħiħa ta' strumenti għad-dispożizzjoni tagħha;

5.  Jenfasizza l-bżonn tal-ħolqien ta' konfigurazzjoni tal-Kunsill tal-Ministri tad-Difiża li jipprovdi tmexxija politika sostnuta u li jikkoordina l-ħolqien ta' qafas tal-Unjoni Ewropea tad-Difiża; jappella lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxi, bħala l-ewwel pass, format ta' laqgħa permanenti li jlaqqa' flimkien lill-ministri tad-difiża tal-Istati Membri li huma impenjati favur kooperazzjoni tad-difiża aktar profonda bħala forum għall-konsultazzjoni u għat-teħid tad-deċiżjonijiet;

6.  Jappella lill-President tal-Kummissjoni jistabbilixxi Grupp ta' Ħidma Permanenti ta' Membri tal-Kummissjoni taħt il-presidenza tal-VP/RGħ dwar "materji ta' difiża"; jitlob li l-Parlament Ewropew ikun assoċjat ma' rappreżentanti permanenti f'dan il-grupp; jappoġġa l-involviment ulterjuri tal-Kummissjoni fid-difiża, permezz tar-riċerka, l-ippjanar u l-implimentazzjoni iffokati sew; jistieden lill-VP/RGħ tallinja t-tibdil fil-klima fl-azzjoni esterna kollha tal-UE u partikolarment fil-PSDK;

7.  Iqis li d-deterjorament tal-perċezzjoni ta' riskji u theddid fl-Ewropa jagħmlu mill-istabbiliment ta' Unjoni Ewropea tad-Difiża kwistjoni ta' urġenza, b'mod partikolari minħabba ż-żieda fit-taħsir tal-ambjent tas-sigurtà fil-fruntieri tal-UE, b'mod partikolari fil-viċinati tal-Lvant u tan-Nofsinhar; jinnota li dan hu rifless ukoll fl-istrateġiji ta' sigurtà tal-Istati Membri; jenfasizza li s-sitwazzjoni marret gradwalment għall-agħar b'mod partikolari fl-2014, bil-ħolqien u bl-espansjon tal-awtodikjarat Stat Iżlamiku u sussegwentement bl-użu tal-forza min-naħa tar-Russja;

8.  Huwa tal-opinjoni li l-EDU għandha tkun ibbażata fuq valutazzjoni perjodika konġunta tat-theddid għas-sigurtà tal-Istati Membri, iżda għandha tkun ukoll flessibbli biżżejjed biex tissodisfa l-isfidi u l-ħtiġijiet ta' sigurtà individwali tal-Istati Membri;

9.  Huwa tal-fehma li l-Unjoni għandha tiddedika riżorsi proprji biex trawwem kooperazzjoni Ewropea dwar id-difiża akbar u aktar sistematika fost l-Istati Membri tagħha, inkluża l-kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO); jinsab konvint li l-użu tal-fondi tal-UE jkun espressjoni ċara tal-koeżjoni u s-solidarjetà, u li dan ikun jippermetti lill-Istati Membri kollha jtejbu l-kapaċitajiet militari tagħhom bi sforz aktar komuni;

10.  Jemmen li t-tisħiħ tal-kooperazzjoni Ewropea għad-difiża tista' twassal għal effikaċja, unità, u effiċjenza akbar, kif ukoll biex tingħata spinta lill-mezzi u l-kapaċitajiet tal-UE u biex tħalli effetti potenzjalment pożittivi fuq ir-riċerka fil-qasam tad-difiża u fuq il-kwistjonijiet industrijali; jenfasizza li huwa biss permezz ta' tali kooperazzjoni aktar profonda, li jmissha tiżviluppa gradwalment f'EDU reali, li l-UE u l-Istati Membri tagħha jistgħu jkunu kapaċi jiksbu l-kapaċitajiet teknoloġiċi u industrijali meħtieġa biex jaġixxu aktar malajr kif ukoll b'mod awtonomu u effikaċi, billi jindirizzaw it-theddid attwali b'mod reattiv u effikaċi;

11.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jassumu impenji aktar vinkolanti fil-konfront ta' xulxin billi jistabbilixxu kooperazzjoni strutturata permanenti fil-qafas tal-Unjoni. iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu forzi multinazzjonali fi ħdan il-qafas tal-PESCO, u jagħmlu dawn il-forzi disponibbli għall-PSDK; jissottolinja l-importanza u l-bżonn ta' implikazzjoni tal-Istati Membri kollha f'kooperazzjoni strutturata permanenti u effikaċi; jemmen li l-Kunsill għandu normalment jafda t-twettiq tal-kompitu taż-żamma tal-paċi, tal-prevenzjoni tal-kunflitti u tat-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali lil dawn il-forzi multinazzjonali; jissuġġerixxi li kemm fil-proċessi tat-tfassil ta' politiki fil-livell tal-UE u l-proċessi nazzjonali għandhom ikunu mfassla b'mod li jippermettu rispons rapidu għall-kriżijiet; jinsab konvint li s-sistema ta' gruppi tattiċi tal-UE għandha tingħata isem ieħor u tintuża u tkun żviluppata aktar fuq livell politiku għal dak l-għan, f'modularità u b'finanzjamenti effikaċi; jinkoraġġixxi l-ħolqien ta' Kwartieri Ġenerali Operattivi tal-UE bħala prekundizzjoni għall-ippjanar, il-kmand u l-kontroll effikaċi ta' operazzjonijiet komuni; jenfasizza li l-PESCO hija disponibbli għall-Istati Membri kollha;

12.  Jappella lill-Istati Membri jirrikonoxxu b'mod partikolari d-dritt tal-persunal militari li jifformaw parti u jissieħbu fi assoċjazzjonijiet professjonali u fi trade unions u jkunu involuti fi djalogu soċjali regolari flimkien mal-awtoritajiet; jistieden lill-Kunsill Ewropew jieħu passi konkreti lejn l-armonizzazzjoni u l-istandardizzazzjoni tal-forzi armati Ewropej, sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni tal-persunal tal-forzi armati taħt il-kappa ta' Unjoni Ewropea tad-Difiża ġdida;

13.  Jinnota li l-Istati Membri kollha għandhom diffikultajiet biex iżommu firxa wiesgħa ħafna ta' kapaċitajiet ta' difiża, l-aktar minħabba limitazzjonijiet finanzjarji; jitlob, għalhekk, aktar koordinament u għażliet aktar ċari dwar liema kapaċitajiet għandhom jinżammu, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jispeċjalizzaw f'ċerti kapaċitajiet;

14.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jfittxu aktar modi għal xiri, manutenzjoni u żamma konġunta ta' forzi u ta' materjal; jissuġġerixxi li jista' jkun utli li wieħed l-ewwel iħares lejn l-akkomunament u l-kondiviżjoni ta' materjal mhux letali, bħall-vetturi u l-ajruplani għat-trasport, għal vetturi u ajruplani ta' riforniment u tagħmir ta' sostenn ieħor;

15.  Jemmen li l-interoperabilità hija kruċjali jekk il-forzi tal-Istati Membri għandhom isiru aktar kompatibbli u integrati; jenfasizza, għalhekk, li l-Istati Membri għandhom jistudjaw il-possibilità ta' akkwist konġunt tar-riżorsi tad-difiża; jinnota li n-natura magħluqa u protezzjonista tas-swieq tad-difiża tal-UE tagħmel dan aktar diffiċli;

16.  Jenfasizza li r-reviżjoni u t-twessigħ tal-mekkaniżmu Athena huma meħtieġa biex jiġi żgurat li l-missjonijiet tal-UE jkunu jistgħu jiġu ffinanzjati minn fondi kollettivi minflok li l-biċċa l-kbira tal-ispejjeż li jkunu a karigu tal-Istati Membri parteċipanti individwali, u b'hekk jitneħħa xkiel potenzjali għall-Istati Membri biex jimpenjaw il-forzi tagħhom;

17.  Jappella lill-Parlament Ewropew jistabbilixxi Kumitat għas-Sigurtà u d-Difiża veru u proprju li jissorvelja l-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni strutturata permanenti;

18.  Jemmen li r-rwol b'saħħtu u dejjem akbar tal-EDA huwa indispensabbli għal finijiet ta' EDU effiċjenti fil-koordinament tal-programmi u tal-proġetti mmexxija mill-kapaċitajiet u fid-definizzjoni ta' politika Ewropea komuni tal-kapaċitajiet u tal-armamenti, bil-għan li jkun hemm aktar effiċjenza, eliminazzjoni ta' duplikazzjoni u tnaqqis tal-ispejjeż u abbażi ta' katalogu ta' rekwiżiti preċiż ħafna f'termini ta' kapaċitajiet għall-operazzonijiet tal-PSDK kif ukoll ta' ppjanar u ta' proċeduri ta' akkwist għad-difiża nazzjonali armonizzati meta mqabbla ma' dawn il-kapaċitajiet speċifiċi; jemmen li dan l-approċċ għandu jkun is-segwitu ta' rieżami tad-difiża tal-forzi tal-Istati Membri u rieżami tal-attivitajiet u tal-proċeduri tal-passat tal-EDA; jistieden lill-EDA turi liema mid-diskrepanzi f'termini ta' kapaċitajiet identifikati fl-objettivi primarji u fil-pjan ta' żvilupp tal-kapaċitajiet imtlew fi ħdan il-qafas tal-Aġenzija; huwa konvint li l-akkomunament u l-kondiviżjoni tal-inizjattivi u tal-proġetti huma l-ewwel passi eċċellenti lejn kooperazzjoni Ewropea msaħħa;

19.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem f'kooperazzjoni mal-EDA biex issaħħaħ il-bażi industrijali u teknoloġika tas-settur tad-difiża, li huwa ta' importanza fundamentali għall-awtonomija strateġika Ewropea; jemmen li s-soluzzjoni għas-sostenn tal-industrija hija ż-żieda fin-nefqa fuq id-difiża mill-Istati Membri, kif ukoll biex tiżgura li l-industrija tibqa' kompetittiva globalment; jinnota li l-frammentazzjoni attwali tas-suq tirrappreżenta dgħufija għall-kompetittività tal-industrija Ewropea tad-difiża; jemmen li r-riċerka kollaborattiva tista' tgħin biex tnaqqas tali frammentazzjoni u biex tittejjeb il-kompetittività;

20.  Jemmen bil-qawwa li huwa biss approċċ konġunt fir-rigward tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet, inkluż permezz tal-konsolidament ta' clusters funzjonali bħall-Kmand Ewropew tat-Trasport bl-Ajru, li jista' jiġġenera ekonomiji ta' skala li huma meħtieġa sabiex iservu ta' bażi għal Unjoni Ewropea għad-Difiża; barra minn hekk jemmen li t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-UE permezz ta' akkwist konġunt u forom oħrajn ta' akkomunament u kondiviżjoni jistgħu jagħtu spinta tant meħtieġa lill-industrija tad-difiża Ewropea, inklużi l-SMEs,; jappoġġa l-miżuri intiżi li jinċentivaw proġetti bħal dawn, sabiex jintlaħaq il-punt ta' riferiment tal-EDA ta' 35 % tan-nefqa totali tal-akkwist ta' kollaborazzjoni, kif mitlub mill-Istrateġija Globali tal-UE; jemmen li l-introduzzjoni tas-Semestru Ewropew tad-Difiża, li bih l-Istati Membri jikkonsultaw lil xulxin dwar ċikli ta' ppjanar u dwar il-pjani tal-akkwist, tista' tgħin biex jingħeleb l-istat attwali ta' frammentazzjoni tas-suq tad-difiża;

21.  Jenfasizza li ċ-ċibersigurtà hija, min-natura tagħha, politika li fiha l-kooperazzjoni u l-integrazzjoni huma kruċjali, mhux biss bejn l-Istati Membri tal-UE, is-sħab ewlenin u n-NATO, iżda wkoll bejn l-atturi differenti fis-soċjetà, peress li din mhijiex biss responsabilità militari; jitlob linji gwida aktar ċari dwar kif il-kapaċitajiet difensivi u offensivi tal-UE għandhom jintużaw u f'liema kuntest; Ifakkar li l-Parlament talab ripetutament reviżjoni mill-qiegħ tar-Regolament tal-UE dwar l-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju sabiex jiġi evitat softwer u sistemi oħrajn li jistgħu jintużaw kontra l-infrastruttura diġitali tal-UE jew biex jiksru d-drittijiet tal-bniedem milli jaqgħu f'idejn ħżiena;

22.  Jinnota l-pubblikazzjoni reċenti tal-Istrateġija Globali mir-Rappreżentant Għoli, li tikkostitwixxi qafas koeżiv għal prijoritajiet għal azzjoni fil-qasam tal-politika barranija u għad-definizzjoni tal-iżviluppi futuri fil-politika tad-difiża Ewropea;

23.  Ifakkar l-erba' punti ta' riferiment kollettivi ta' investiment approvati mill-Bord Ministerjali ta' Tmexxija tal-EDA f'Novembru 2007, u jinsab imħasseb dwar il-livell baxx ta' kollaborazzjoni, kif muri fir-Rapport dwar id-Data tad-Difiża ippubblikat fl-2013;

24.  Jitlob lill-VP/RGħ tieħu inizjattiva biex jinġiebu flimkien kumpaniji ewlenin u l-partijiet interessati tal-industrija tad-difiża Ewropea bil-għan li tkun żviluppata industrija tad-droni Ewropea;

25.  Jitlob lill-VP/RGħ tieħu inizjattiva biex jinġiebu flimkien kumpaniji ewlenin u l-partijiet interessati tal-industrija tad-difiża Ewropea biex jiżviluppaw strateġiji u pjattaforma għall-iżvilupp konġunt ta' tagħmir tad-difiża;

26.  Jappella lill-VP/RGħ biex ittejjeb il-kooperazzjoni bejn l-istrateġiji nazzjonali dwar iċ-ċibersigurtà, il-kapaċitajiet u ċentri ta' kmand u lill-EDA, bħala parti minn kooperazzjoni strutturata permanenti li tgħin fil-protezzjoni kontra u fil-ġlieda kontra l-attakki ċibernetiċi;

27.  Jitlob iktar żvilupp tal-Qafas ta' Politika tal-UE dwar iċ-Ċiberdifiża sabiex isaħħu kapaċitajiet ta' Difiża Ċibernertika sabiex tingħata spinta lill-kapaċitajiet ta' difiża ċibernetika, ta' kooperazzjoni operattiva u ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni;

28.  Jinnota l-ħidma li għaddejja dwar l-istabbiliment ta' azzjoni preparatorja għall-programm ta' riċerka tad-difiża tal-UE fil-ġejjieni, u jħeġġeġ l-implimentazzjoni effikaċi tiegħu kemm jista' jkun malajr, kif mitlub mill-Kunsill Ewropew fl-2013 u l-2015 u b'segwitu ta' proġett pilota mibdi mill-PE; jenfasizza li l-Azzjoni Preparatorja għandha tiġi pprovduta b'baġit suffiċjenti, ta' mill-inqas EUR 90 miljun għat-tliet snin li ġejjin (2017-2020); huwa tal-fehma l-azzjoni preparatorja għandha tiġi segwita minn programm ta' riċerka ewlieni ddedikat u ffinanzjat mill-UE bħala parti mill-QFP li jmiss li jibda fl-2021; jinnota li l-Programm ta' Riċerka Ewropea tad-Difiża se jeħtieġ baġit totali ta' mill-inqas EUR 500 miljun fis-sena f'dan il-perjodu, sabiex ikun kredibbli u biex jagħmel differenza sostanzjali; jappella lill-Istati Membri jiddefinixxu l-programmi futuri ta' kooperazzjoni li fihom ir-riċerka dwar id-difiża ffinanzjata mill-UE tista' tibni punti tat-tluq, u jappella għall-ħolqien ta' fond ta' tnedija għall-attivitajiet preparatorji fil-perjodu li jwassal għal operazzjonijiet militari, kif previst fit-Trattat ta' Lisbona; jinnota li l-inizjattivi tal-Kummissjoni relatati mad-difiża, bħall-Pjan ta' Azzjoni għad-Difiża, il-Politika Industrijali għad-Difiża u l-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea;

29.  Jenfasizza li t-tnedija ta' missjonijiet tal-PSDK, bħal EUNAVFOR MED, jikkontribwixxu għall-kisba ta' Unjoni Ewropea tad-Difiża; jistieden lill-Unjoni tkompli u tintensifika dawn it-tip ta' operazzjonijiet;

30.  Iqis li huwa importanti li l-proċedura tas-Semestru Ewropew tintuża għall-introduzzjoni ta' kooperazzjoni eqreb fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża;

31.  Jenfasizza l-importanza li jidħlu fis-seħħ il-miżuri meħtieġa li jħeġġu suq Ewropew tad-difiża funzjonanti, ġust, aċċessibbli u trasparenti li huwa miftuħ għal oħrajn, jippromwovu l-innovazzjoni teknoloġika tal-ġejjieni, jappoġġaw l-SMEs u jistimolaw it-tkabbir u l-impjiegi, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jiksbu użu massimu ħafna iktar effiċjenti u effettivi tagħhom tal-baġits ta' difiża u tas-sigurtà; jinnota li bażi industrijali u teknoloġika soda tad-difiża Ewropea teħtieġ suq intern ġust, li jiffunzjona u trasparenti, sigurtà tal-provvista, u djalogu strutturat mal-industriji rilevanti għad-difiża; jinsab imħasseb dwar ir-ritmu batut tal-progress lejn il-kompetittività mtejba, il-miżuri kontra l-korruzzjoni, u t-trasparenza akbar fis-settur tad-difiża, u li l-politika industrijali ta' difiża Ewropea soda u r-rispett tar-regoli tas-suq intern għadhom neqsin; hu tal-fehma li suq Ewropew tal-armi ta' difiża integrat u kompetittiv għandu bżonn jinċentivjippremja l-Istati Membri kollha u jforni lix-xerrejja kollha b'mezzi adegwati u aċċessibbli li jikkorrispondu għall-bżonniiet ta' sigurtà individwali tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li d-Direttiva dwar l-Akkwist tad-Difiża u d-Direttiva dwar it-Trasferimenti Intrakomunitarji jiġu applikati b'mod korrett madwar l-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiggarantixxu l-implimentazzjoni sħiħa taż-żewġ direttivi relatati mad-difiża tal-hekk imsejjaħ "Pakkett ta' Difiża";

32.  Jistieden lill-Kummissjoni taqdi r-rwol tagħha permezz ta' Pjan ta' Azzjoni għad-Difiża, biex tappoġġa bażi industrijali b'saħħtu li kapaċi tagħti riżultati f'termini ta' ħtiġijiet ta' kapaċità strateġika tal-Ewropa, u tidentifika fejn l-UE tista' tipprovdi valur miżjud;

33.  Huwa konvint li fit-tfassil progressiv ta' politika tad-difiża komuni tal-Unjoni, l-UE għandha tara li bi ftehim mal-Istati Membri kkonċernati, għal parteċipazzjoni fi programmi ta' kapaċità li jwettqu, inkluż il-parteċipazzjoni fl-istrutturi maħluqa għall-eżekuzzjoni ta' dawk il-programmi, fi ħdan il-qafas tal-Unjoni;

34.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni, f'kollaborazzjoni mal-EDA, taġixxi b'tali mod li tiffaċilita u tippermetti l-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża permezz tal-mobilizzazzjoni ta' fondi u strumenti tal-UE u li huma mmirati għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' difiża mill-Istati Membri; ifakkar li Pjan ta' Azzjoni Ewropew għad-Difiża għandu jkun strument strateġiku biex titrawwem il-kooperazzjoni fid-difiża fuq livell Ewropew, b'mod partikolari permezz ta' Programm ta' Riċerka dwar id-Difiża ffinanzjata mill-UE u permezz ta' miżuri li jsaħħu l-kooperazzjoni industrijali fil-katina tal-valur kollha;

35.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-kunċett tal-awtonomija strateġika żviluppat mill-VP/RGħ bħala parti mill-istrateġija globali tal-UE; jemmen li dan il-kunċett għandu jiġi applikat kemm fil-prijoritajiet strateġiċi tagħna kif ukoll fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet tagħna u tal-industrija tagħna;

36.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Presidenti tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni u tas-Segretarju Ġenerali tan-NATO tat-8 ta' Lulju 2016, li tenfasizza l-ħtieġa għal kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża; jinsab konvint li l-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO jenħtieġ li tinvolvi kooperazzjoni fil-Lvant u fin-Nofsinhar, il-ġlieda kontra t-theddid ibridu u ċibernetiku, kif ukoll l-armonizzazzjoni u l-koordinament tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' difiża; iqis li l-kooperazzjoni dwar il-kapaċitajiet militari teknoloġiċi, industrijali u militari toffri l-prospettiva tal-kompatibilità u s-sinerġija aħjar bejn iż-żewġ oqfsa, biex b'hekk tiġi żgurata aktar effiċjenza tar-riżorsi; ifakkar li implimentazzjoni rapida tad-dikjarazzjoni ta' hawn fuq hija essenzjali, u f'dan ir-rigward jistieden lis-SEAE, flimkien mal-kontropartijiet rilevanti, jiżviluppa għażliet konkreti għall-implimentazzjoni sa Diċembru 2016; iqis li l-Istati Membri jenħtieġ li jiżviluppaw kapaċitajiet li jistgħu jiġu skjerati taħt il-PSDK sabiex jagħmlu possibbli azzjoni awtonoma f'każijiet fejn in-NATO ma tkunx disposta li taġixxi jew fejn l-azzjoni tal-UE hija aktar xierqa; huwa konvint li dan għandu jsaħħaħ ukoll ir-rwol tan-NATO fil-politika ta' sigurtà u ta' difiża u fid-difiża kollettiva; jissottolinja li l-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO għall-iffaċilitar ta' industrija tad-difiża aktar b'saħħitha u effiċjenti u r-riċerka marbuta mad-difiża jirrappreżentaw prijorità strateġika u l-implimentazzjoni rapida tagħha hi kruċjali; huwa konvint li l-ħidma konġunta fuq il-prevenzjoni, l-analiżi u l-identifikazzjoni bikrija permezz ta' informazzjoni effiċjenti u l-qsim tal-għarfien se jżid il-kapaċità tal-UE kontra t-theddid, inkluż it-theddid ibridu; jibqa' konvint li n-NATO hija l-fornitur ewlieni ta' sigurtà u ta' difiża fl-Ewropa; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi evitata d-duplikazzjoni bejn l-istrumenti tan-NATO u tal-UE; jemmen li l-UE għandha potenzjal wkoll f'aspetti ċivili biex tagħmel differenza importanti f'reġjuni instabbli; jinsisti, madankollu, li filwaqt li r-rwol tan-NATO huwa li tipproteġi prinċipalment l-membri Ewropej minn kull attakk estern, l-UE għandha taspira li tkun tassew kapaċi li tiddefendi lilha nnifisha u taġixxi b'mod awtonomu jekk ikun meħtieġ, u tassumi r-responsabilità akbar f'dan l-aspett billi jitjiebu t-tagħmir, it-taħriġ u l-organizzazzjoni;

37.  Jinnota li filwaqt li n-NATO jetħtiġilha tibqa' l-pedament tad-difiża kollettiva fl-Ewropa, il-prijoritajiet politiċi bejn in-NATO u l-UE jistgħu ma jkunux dejjem l-istess, mhux l-anqas fil-kuntest tax-xaqliba tal-Istati Uniti lejn l-Asja; jinnota wkoll li l-UE għandha sett uniku ta' strumenti relatati mas-sigurtà li mhumiex disponibbli għan-NATO, u viċi versa; huwa tal-fehma li l-UE għandha tassumi responsabilità akbar għal kriżijiet ta' sigurtà fil-viċinat immedjat tagħha, u b'hekk tikkontribwixxi għal kompiti tan-NATO, speċjalment fil-kuntest ta' gwerra ibrida u tas-sigurtà marittima; jemmen li, fuq medda ta' żmien twila, ir-riforma tal-arranġamenti Berlin Plus jistgħu jkunu neċessarji, anke sabiex in-NATO tagħmel użu tal-kapaċitajiet u tal-istrumenti UE; jissottolinja li l-ambizzjoni tal-UE għal awtonomija strateġika u ta' Unjoni Ewropea għad-Difiża għandha titwettaq b'sinerġija sħiħa man-NATO, u għandha twassal għal kooperazzjoni aktar effikaċi, qsim ta' responsabilità ekwu u diviżjoni tax-xogħol produttiva bejn in-NATO u l-UE;

38.  Huwa konvint li l-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO jentħtieġ li tinvolvi l-bini ta' reżiljenza flimkien fil-Lvant u n-Nofsinhar kif ukoll investiment fid-difiża; iqis li l-kooperazzjoni dwar il-kapaċitajiet toffri l-prospettiva ta' kompatibilità u sinerġija mtejba bejn iż-żewġ oqfsa; huwa konvint li dan għandu jsaħħaħ ukoll ir-rwol tan-NATO fil-politika ta' sigurtà u ta' difiża u fid-difiża kollettiva;

39.  Jinsab imħasseb ħafna dwar rapporti li l-proċeduri amministrattivi qegħdin jnaqqsu mingħajr bżonn il-ħeffa li biha jiġu ġġenerati l-forzi għall-missjonijiet tal-PSDK u ċ-ċaqliq transfruntier ta' forzi ta' rispons rapidu ġewwa l-UE; jappella lill-Istati Membri jistabbilixxu sistema pan-Ewropea għall-koordinament tal-moviment rapidu ta' persunal, tagħmir u provvisti tal-forzi ta' difiża, għall-finijiet tal-PSDK, meta tiġi invokata l-klawsola ta' solidarjetà, u meta jkun hemm l-obbligu li tingħata għajnuna u assistenza bil-mezzi kollha disponibbli għalihom, skont l-Artikolu 51 tal-Karta tan-NU;

40.  Jitlob l-istabbiliment ta' arranġamenti prattiċi u ta' linji gwida għall-attivazzjoni futura tal-Artikolu 42(7) tat-TUE; jappella lill-Istati Membri jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dak l-Artikolu, sabiex l-Istati Membri individwali jitħallew jimmaniġġjaw b'mod effikaċi l-kontributi ta' għajnuna u assistenza tal-Istati Membri l-oħra, jew li dawn jiġu immaniġġjati b'mod effikaċi fi ħdan il-qafas tal-Unjoni; jappella lill-Istati Membri jimmiraw għall-objettiv ta' 2 % tal-PDG fuq infiq għad-difiża, u biex jonfqu 20 % tal-baġit tagħhom għad-difiża f'tagħmir identifikat bħala meħtieġ permezz tal-EDA, inklużi r-riċerka u l-iżvilupp relatati, u b'hekk jiġi eliminat id-distakk b'erba' punti ta' riferiment għal investiment kollettiv tal-EDA;

41.  Huwa tal-fehma li l-isfidi li ġejjin mil-limitazzjonijiet finanzjarji fuq il-baġits nazzjonali, fl-istess ħin huma akkumpanjati minn opportunitajiet għal progress li ġejjin minn ħtieġa ċara ta' kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-Istati Membri fi kwistjonijiet ta' difiża; jilqa' d-deċiżjoni ta' xi Stati Membri li jwaqqfu jew ireġġgħu lura t-tendenza ta' tnaqqis fl-infiq għad-difiża;

42.  Jemmen li l-Parlament għandu jkollu rwol prominenti fl-Unjoni Ewropea tad-difiża tal-ġejjieni, u għalhekk iqis li s-Sottokumitat għas-Sigurtà u d-Difiża għandu jsir kumitat parlamentari veru u proprju;

43.  Jistieden lill-VP/RGħ tniedi Ktieb Abjad tal-UE dwar is-Sigurtà u d-Difiża li ser ikun ibbażat fuq l-istrateġija globali tal-UE kif approvat mill-Kunsill Ewropew; jitlob lill-Kunsill jassenja l-kompitu tal-abbozzar ta' dan id-dokument mingħajr dewmien; jiddispjaċih bis-suġġeriment li tat ir-RGħ/VP lill-ministri tad-difiża tal-UE skont liema għandu jkun hemm biss pjan ta' implimentazzjoni dwar is-sigurtà u d-difiża minflok il-proċess ta' Ktieb Abjad; hu tal-fehma li tali pjan ta' implimentazzjoni għandu jkun prekursur għall-proċess ta' Ktieb Abjad regolari dwar is-sigurtà u d-difiża, li jenħtieġ li jipprovdi bażi utli għall-kwantifikazzjoni tal-kontributi possibbli tal-UE fil-politika ta' sigurtà u ta' difiża għal kull terminu leġiżlattiv b'mod speċifiku u realistiku;

44.  Huwa konvint li Ktieb Abjad tal-UE dwar is-sigurtà u d-difiża jenħtieġ li jkun ir-riżultat ta' proċessi u kontributi koerenti, intergovernattivi u interparlamentari, li għandu jkun sostnut minn koordinament internazzjonali mas-sħab u mal-alleati tagħna, inkluża n-NATO u b'appoġġ interistituzzjonali komprensiv; jappella lill-VP/RGħ tirrevedi l-kalendarju inizjali tagħha sabiex tibda konsultazzjoni mmirata mal-Istati Membri u mal-parlamenti;

45.  Iqis li, abbażi tal-istrateġija globali tal-UE, il-Ktieb Abjad jenħtieġ li jinkludi l-istrateġija ta' sigurtà u ta' difiża tal-UE, il-kapaċitajiet meqjusa bħala meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dik l-istrateġija, u l-miżuri u l-programmi kemm fil-livell tal-Istat Membru kif ukoll tal-UE għall-ksib ta' dawn il-kapaċitajiet, li għandu jkun ibbażat fuq qafas ta' politika kollaborattiva Ewropea dwar il-kapaċitajiet u l-armamenti, filwaqt li jitqies li d-difiża u s-sigurtà jibqgħu ta' kompetenza nazzjonali;

46.  Huwa tal-fehma li l-ktieb abjad għandu jieħu l-forma ta' ftehim interistituzzjonali ta' natura vinkolanti li jistabbilixxi l-inizjattivi, l-investimenti, il-miżuri u l-programmi kollha tal-Unjoni, fuq qafas politiku u finanzjarju pluriennali rispettivi tal-UE; jinsab konvint li l-Istati Membri, is-sħab u l-alleati għandhom jikkunsidraw dan il-Ftehim Interistituzzjonali fl-ippjanar tas-sigurtà u tad-difiża tagħhom, bil-għan li tiġi żgurata konsistenza u komplementarjetà reċiproka;

Inizjattivi ta' Tnedija

47.  Iqis li l-inizjattivi li ġejjin għandhom jiġu mnedija immedjatament:

   l-azzjoni preparatorja dwar riċerka fil-qasam tal-PSDK li tibda fl-2017, se jitkompla sal-2019;
   programm sussegwenti ta' riċerka dwar id-difiża aktar ambizzjuż u strateġiku, li jnaqqas id-distakk sal-QFP li jmiss, jekk l-Istati Membri jagħtu r-riżorsi finanzjarji addizzjonali meħtieġa jew permezz ta' kofinanzjament mill-Istati Membri skont l-Artikolu 185 tat-TFUE;
   Semestru Ewropew tad-Difiża li jevalwa l-progress li sar fl-isforzi baġitarji relatati mad-difiża tal-Istati Membri;
   strateġija li tiddeskrivi l-passi li għandhom jittieħdu għall-ħolqien u l-implimentazzjoni tal-Unjoni Ewropea tad-Difiża;
   kunsiderazzjoni tal-ħolqien ta' Kunsill permanenti tal-Ministri tad-Difiża;
   appoġġ għall-inizjattiva min-NATO, li se tqiegħed battaljuni multinazzjonali fl-Istati Membri meta u fejn meħtieġ, b'mod partikolari l-iżvilupp tal-infrastruttura meħtieġa (inkluża l-akkomodazzjoni);
   l-iżvilupp ta' proċess ta' Ktieb Abjad regolari, għall-ewwel implimentazzjoni fil-qafas tal-ippjanar għall-QFP li jmiss;
   konferenza tal-partijiet interessati dwar is-suġġetti ta' żvilupp ta' politika Ewropea tal-armamenti u tal-kapaċitajiet u l-armonizzazzjoni tal-politiki nazzjonali rispettivi abbażi ta' rieżami tad-difiża tal-UE;
   riżoluzzjoni tal-kwistjonijiet ġuridiċi li jipprevjenu l-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni Konġunta dwar il-bini tal-kapaċità għall-promozzjoni tas-sigurtà u l-iżvilupp f'pajjiżi terzi;
   riforma tal-kunċett tal-gruppi tattiċi tal-UE, bl-għan li jitwaqqfu unitajiet permanenti li jkunu indipendenti minn kwalunkwe pajjiż mexxej u li jkunu soġġetti għal taħriġ konġunt sistematiku;
   il-ħolqien ta' fond ta' tnedija militari kif previst mill-Artikolu 41(3) tat-TUE, li għandu jgħin t-tnedija aktar rapida tal-operazzjoniiet tal-PSDK;
   pjan ta' azzjoni li jsaħħaħ u jwessa' l-mekkaniżmu Athena sabiex jġu pprovduti aktar fondi Komunitarji għal missjonijiet tal-UE;
   riforma tal-mekkaniżmu Athena bl-għan li joktor il-potenzjal tagħha għal kondiviżjoni ta' spejjeż u finanzjament komuni, b'mod partikolari fir-rigward tal-iskjerament ta' gruppi tattiċi tal-UE jew ta' mezzi ta' rispons rapidu oħrajn u biex tissaħħaħ il-kapaċità ta' atturi militari fil-pajjiżi sħab (taħriġ, mentoraġġ, konsulenza, forniment ta' tagħmir, titjib tal-infrastruttura u servizzi oħrajn);
   proċess ta' riflessjoni dwar l-investiment barrani dirett fl-industriji kritiċi fl-oqsma tad-difiża u tas-sigurtà u dwar il-fornituri tas-servizz, bil-għan li tiġi żviluppata leġiżlazzjoni fil-livell tal-UE;
   proċess ta' riflessjoni dwar l-istandardizzazzjoni tal-użu doppju bil-ħsieb li tiġi żviluppata leġiżlazzjoni fuq il-livell tal-UE;
   riflessjoni dwar l-istabbiliment ta' kwartieri ġenerali permanenti ta' kmand u kontroll għall-operazzjonijiet militari tal-PSDK;
   sistema mifruxa mal-UE kollha għall-koordinament tal-moviment rapidu ta' persunal, tagħmir u provvisti tal-forzi tad-difiża;
   l-elementi inizjali ta' Pjan ta' Azzjoni Ewropea tad-Difiża, imsejsa fuq Ktieb Abjad tal-UE dwar is-Sigurtà u d-Difiża;
   l-ewwel proġetti UE-NATO fil-qasam tal-ġlieda kontra u l-prevenzjoni ta' theddid ibridu u l-bini tar-reżiljenza, kooperazzjoni fil-komunikazzjonijiet u risposti strateġiċi, kooperazzjoni operattiva, anki fuq il-baħar, u fil-qasam tal-migrazzjoni, koordinament taċ-ċibersigurtà u tad-difiża, kapaċitajiet ta' difiża, tisħiħ tal-bażi industrijali, teknoloġika u ta' riċerka fil-qasam tad-difiża,eżerċitazzjonijiet u bini tal-kapaċitajiet ta' difiża u sigurtà ta' sħabna tal-Lvant u tan-Nofsinhar;
   miżuri li jżidu l-kooperazzjoni u l-fiduċja bejn l-atturi u taċ-ċibersigurtà u tad-difiża;

48.  Jipproponi li l-Unjoni Ewropea għad-Difiża titnieda b'urġenza, f'żewġ stadji u abbażi ta' sistema ta' integrazzjoni differenzjata:

   (a) l-attivazzjoni ta' kooperazzjoni strutturata permanenti, li diġà ġiet approvata mill-Parlament u li ġiet inkluża fil-programm "Bidu Ġdid" tal-President tal-Kummissjoni;
   (b) l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-VP/RGħ għal strateġija għal Politika Estera u ta' Sigurtà globali;

o
o   o

49.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana, l-aġenziji tal-UE fl-oqsma tal-ispazju, tas-sigurtà u tad-difiża, u lill-parlamenti nazzjonali.

(1) Testi adottati, P8_TA(2016)0120.
(2) ĠU C 419, 16.12.2015, p. 138.
(3) ĠU C 46 E, 24.2.2010, p. 48.
(4) "The Cost of Non-Europe in Common Security and Defence Policy" (Il-Kost tan-Non-Ewropa fil-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni), Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (2013), p. 78.


Nisfruttaw il-Potenzjal tat-Trasport tal-Passiġġieri fuq l-Ilma
PDF 369kWORD 58k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Novembru 2016 dwar l-isfruttament tal-potenzjal tat-trasport tal-passiġġieri fuq l-ilma (2015/2350(INI))
P8_TA(2016)0436A8-0306/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (SOLAS) tal-1974, kif emendata,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali tal-1978 dwar il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri tal-1973,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2006,

–  wara li kkunsidra l-21 Konferenza tal-Partijiet (COP 21) tal-UNFCCC u l-11-il Konferenza tal-Partijiet li se sservi bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP11) li saru f'Pariġi mit-30 ta' Novembru sal-11 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tat-28 ta' Marzu 2011 bit-titolu "Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti" (COM(2011)0144),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Jannar 2009 bit-titolu "L-iskopijiet strateġiċi u r-rakkomandazzjonijiet għall-politika tat-trasport marittimu tal-UE sal-2018" (COM(2009)0008),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 dwar l-objettivi strateġiċi u r-rakkomandazzjonijiet għall-politika tal-UE tat-trasport marittimu sal-2018(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 dwar l-Implimentazzjoni tal-White Paper dwar it-Trasport tal-2011: it-teħid tal-kont u t-triq 'il quddiem lejn mobbiltà sostenibbli(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1177/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri meta jivvjaġġaw bil-baħar jew minn passaġġi fuq l-ilma interni u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004(5),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-24 ta' Mejju 2016 dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1177/2010 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri meta jivvjaġġaw bil-baħar jew minn passaġġi fuq l-ilma interni u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (COM(2016)0274),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Settembru 2013 bit-titlu "Lejn il-kwalità fit-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni NAIADES II" (COM(2013)0623),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 li tistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni(6),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 dwar regoli u standards ta' sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri(7),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1090/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jemenda d-Direttiva 2009/42/KE dwar il-prospetti statistiċi fir-rigward tat-trasport ta' merkanzija u passiġġieri bil-baħar(8),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 98/41/KE tat-18 ta' Ġunju 1998 dwar ir-reġistrazzjoni ta' persuni li jbaħħru abbord vapuri tal-passiġġieri li joperaw lejn jew minn portijiet tal-Istati Membri tal-Komunità(9),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3051/95 tat-8 ta' Diċembru 1995 dwar l-amministrazzjoni tas-sigurtà tal-bastimenti tal-passiġġieri roll-on/roll-off (il-bastimenti ro-ro)(10),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE fir-rigward tal-kontenut ta' kubrit fil-karburanti għal użu marittimu(11),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tas-16 ta' Ottubru 2015 bit-titolu "REFIT Aġġustament tar-Rotta: Verifika tal-Idoneità tal-Leġiżlazzjoni dwar is-Sikurezza tal-Vapuri tal-Passiġġieri fl-UE" (COM(2015)0508),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-31 ta' Marzu 2016 bit-titolu "Evalwazzjoni REFIT tad-Direttiva 2000/59/KE dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti u għall-fdalijiet mill-merkanzija" (COM(2016)0168),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0306/2016),

A.  billi l-ġeografija tal-Ewropa, bil-kosti twal u d-diversi gżejjer u xmajjar tagħha, toffri opportunitajiet straordinarji għal trasport sostenibbli tal-passiġġieri fuq l-ilma;

B.  billi t-trasport tal-passiġġieri fuq l-ilma fl-oqsma tat-tbaħħir kostali (fuq distanzi qosra), il-laneċ interni u marittimi, il-mobbiltà urbana u periferika, il-kruċieri u t-turiżmu joffri potenzjal kbir għall-użu ta' kapaċità eċċessiva disponibbli f'termini tal-infrastruttura kif ukoll tal-bastimenti, u għandu rwol kruċjali fir-rabta bejn ir-reġjuni differenti tal-Unjoni Ewropea, li jagħmlu fattur importanti fit-tisħiħ tal-koeżjoni; billi barra minn hekk, l-attività tal-kruċieri u l-laneċ tistimola t-turiżmu kostali, li jikkostitwixxi waħda mill-attivitajiet marittimi ewlenin fl-Ewropa;

C.  billi f'dawn l-aħħar snin kien hemm tendenza lejn l-iżvilupp intensiv tal-bastimenti għal żoni differenti ta' navigazzjoni, pereżempju l-bastimenti li jinnavigaw mix-xmajjar għall-ibħra, li jissodisfaw ir-rekwiżiti dwar il-bastimenti tal-baħar u li jistgħu wkoll jinnavigaw ilmijiet baxxi;

D.  billi, għal darb'oħra, bis-saħħa tal-iżviluppi teknoloġiċi, it-trasport fuq l-ilma kkostitwixxa alternattiva għat-toroq ta' aċċess għaċ-ċentri tal-bliet ikkonġestjonati;

E.  billi t-trasport tal-passiġġieri fuq l-ilma u t-trasport tal-merkanzija fuq l-ilma qed iħabbtu wiċċhom ma' sfidi differenti u għandhom ħtiġijiet differenti f'dak li jikkonċerna l-infrastruttura, l-isfidi ambjentali, il-kwistjonijiet operazzjonali, is-sigurtà u r-relazzjonijiet bejn il-portijiet u l-bliet, filwaqt li ż-żewġ segmenti tas-suq huma trattati minn awtorità tal-port waħda;

F.  billi l-integrazzjoni ta' ċentri ta' passiġġieri fuq l-ilma fil-politika Ewropea dwar l-infrastruttura interkonnessa, kif diġà implimentata permezz tar-Regolamenti (UE) Nru 1315/2013 u (UE) Nru 1316/2013 dwar in-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF), rispettivament, se tipprovdi aktar valur miżjud Ewropew;

G.  billi l-possibbiltajiet għal self u garanziji għal proġetti tat-trasport fuq l-ilma huma disponibbli wkoll fl-ambitu tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) bħala strument komplementari għall-għotjiet tradizzjonali;

H.  billi t-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni ġie rrikonoxxut bħala mezz tat-trasport li jirrispetta l-ambjent, li jeħtieġ attenzjoni u appoġġ speċjali, u billi l-White Paper tirrakkomanda l-promozzjoni tat-trasport marittimu u t-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni, biex b'hekk ikun hemm proporzjon akbar ta' tbaħħir mal-kosta u f'passaġġi tal-ilma interni u tittejjeb is-sikurezza tat-trasport;

I.  billi l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità tan-NU u l-proposta għall-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà jipprovdu gwida soda mhux biss għall-implimentazzjoni, u jekk jitlob il-każ, għar-reviżjoni futura tar-Regolament (UE) Nru 1177/2010, iżda wkoll għall-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri f'kuntest intermodali, peress li tali leġiżlazzjoni għandha tinkludi aċċessibbiltà mingħajr ostakli għall-passiġġieri b'diżabbiltà jew b'mobbiltà mnaqqsa;

J.  billi, filwaqt li t-trasport tal-passiġġieri fuq l-ilma huwa meqjus bħala mezz ta' trasport sikur, fil-passat kien hemm diversi aċċidenti traġiċi fis-settur tat-trasport tal-passiġġieri fuq l-ilma, inkluż dawk li involvew l-Estonia, il-Herald of Free Enterprise, il-Costa Concordia, in-Norman Atlantic u l-UND Adryatik;

K.  billi fl-istrateġija tagħha dwar il-politika tat-trasport marittimu għall-2018 l-UE tistabbilixxi l-mira tagħha li ssir il-mexxej dinji fir-riċerka u l-innovazzjoni marittima, kif ukoll il-bini tal-bastimenti, bil-għan li ttejjeb l-effiċjenza fl-enerġija u l-intelligence fil-vapuri, tnaqqas l-impatt ambjentali tagħhom, tnaqqas ir-riskju ta' aċċidenti u tipprovdi kwalità aħjar tal-ħajja fuq il-baħar;

L.  billi t-turiżmu tal-kruċieri fuq ix-xmajjar u t-trasport tal-passiġġieri fuq ix-xmajjar, il-kanali u passaġġi tal-ilma interni oħrajn qed jikber f'ħafna sezzjonijiet ta' xmajjar Ewropej u n-nodi urbani tul dawn ix-xmajjar;

M.  billi l-UE adottat għadd ta' makrostrateġiji bbażati fuq l-użu tal-passaġġi fuq l-ilma, inklużi l-istrateġiji għad-Danubju, r-reġjun Adrijatiku-Joniku u l-Baltiku;

1.  Huwa tal-fehma li t-trasport tal-passiġġieri fuq l-ilma (WPT) għandu jingħata aktar prijorità fl-aġenda dwar il-politika tat-trasport tal-UE u tal-Istati Membri tagħha; iqis, għalhekk, li huma għandhom jaħdmu lejn "żona unika għat-trasport tal-passiġġieri fuq l-ilma", pereżempju billi jissimplifikaw il-piż amministrattiv li jirriżulta mit-tbaħħir transkonfinali tal-passiġġieri;

Kompetittività

2.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet reġjonali u lokali u lill-Kummissjoni biex iqisu d-WPT, u speċjalment biex itejbu l-infrastruttura assoċjata, kemm fin-netwerks ewlenin kif ukoll komprensivi, fit-TEN-T u s-CEF billi jsaħħu l-interkonnessjoni tagħha ma', fost oħrajn, l-infrastruttura interna tal-ferroviji, inkluża l-provvista tal-infrastruttura u l-informazzjoni sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-vjaġġaturi kollha;

3.  Iħeġġeġ l-iżvilupp ta' awtostradi tal-baħar anki f'pajjiżi terzi, li jippromwovu trasport multimodali effiċjenti, jiffaċilitaw l-integrazzjoni ta' dan il-mezz ma' netwerks u mezzi ta' trasport oħra, jeliminaw l-konġestjonijiet fl-infrastrutturi tan-netwerks ewlenin u jiżguraw il-kontinwità u l-integrazzjoni territorjali;

4.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu eliminati l-punti ta' konġestjoni fil-konnessjonijiet bejn is-sistema ta' passaġġi tal-ilma interni fl-Ewropa tal-Punent u s-sistema eżistenti fl-Ewropa tal-Lvant, li ġarrbet degradazzjoni konsiderevoli u, f'xi nħawi, degradazzjoni totali;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika sinteżi annwali tal-proġetti tad-WPT kofinanzjati mill-UE fil-qafas tal-fondi ta' koeżjoni, strutturali, reġjonali, Interreg, Orizzont 2020, CEF u TEN-T u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika rapport ta' sinteżi dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġiji tal-UE fil-qasam tad-WPT;

7.  Jenfasizza r-rilevanza ewlenija tad-data statistika Ewropea għat-tfassil ta' pjanijiet u politiki għas-settur tat-trasport fuq l-ilma, b'mod partikolari fir-rigward tal-għadd ta' servizzi marittimi transkonfinali u tal-passaġġi fuq l-ilma interni pprovduti mil-laneċ kif ukoll mill-vapuri tal-kruċieri, fid-dawl tal-fatt li jeżistu żoni fejn it-trasport bejn lokalitajiet differenti jista' jsir biss fuq l-ilma; jitlob lill-Eurostat biex fid-data statistika tagħhom dwar il-passiġġieri tal-kruċieri marittimi jinkludu "ż-żjarat tal-passiġġieri fil-port ta' waqfa", b'mod partikolari l-għadd ta' passiġġieri li jimbarkaw u jiżbarkaw f'kull port ta' tranżitu, u mhux biss il-passiġġieri tal-kruċiera li jimbarkaw għal btala kull sena ("turnover"); l-inklużjoni ta' dawn in-numri jagħtu stampa aktar realistika tal-valur miżjud fis-settur tal-kruċieri u tad-WPT b'mod ġenerali;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa sistema ta' ġbir ta' statistika armonizzata dwar l-aċċidenti u l-inċidenti għall-bastimenti li jgħaddu minn passaġġi fuq l-ilma interni, inkluż it-traffiku transkonfinali;

9.  Jemmen li l-integrazzjoni tad-WPT fin-netwerks tat-trasport pubbliku urban u reġjonali tista' ttejjeb b'mod konsiderevoli l-effiċjenza fil-mobbiltà, il-prestazzjoni ambjentali, il-kwalità tal-ħajja, l-affordabbiltà, it-taffija mill-konġestjoni tan-netwerks tat-trasport fuq l-art, u l-kumdità fl-ibliet; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja b'mod sħiħ l-investiment f'infrastruttura interna ta' kwalità, li tista' tikkontribwixxi fit-tnaqqis tal-konġestjoni tat-traffiku lokali u tiżgura li n-nies lokali ma jiġux affettwati b'mod negattiv; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi listi ta' eżempji tal-aħjar prattika f'dan il-qasam;

10.  Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu u jappoġġjaw inizjattivi lokali mmirati biex jattivaw it-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni bħala mezz biex jitwasslu l-fornimenti għall-agglomerazzjonijiet, fosthom billi jiġu żviluppati ċentri ta' distribuzzjoni f'portijiet tax-xmajjar u billi jiġi żviluppat trasport għall-passiġġieri, primarjament biex iż-żoni kkonċernati jiġbdu aktar lit-turisti;

11.  Jenfasizza li d-WPT għandu jkun integrat b'mod aħjar fis-sistemi ta' informazzjoni, tal-ibbukkjar u tal-biljetti sabiex itejjeb il-kwalità tas-servizzi pubbliċi u jkompli jiżviluppa s-settur tat-turiżmu, b'mod partikolari f'żoni remoti u iżolati; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-operaturi tad-WPT jitqiesu fil-ħidma fuq is-sistema integrata Ewropea ta' bejgħ tal-biljetti;

12.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiffinanzja proġetti organizzati aħjar u aktar effiċjenti għal servizzi ta' trasport integrati, li jwasslu għal: tnaqqis progressiv fil-konsum tal-enerġija; riorganizzazzjoni tal-iskedi ta' diversi operaturi pubbliċi u privati ta' trasport bl-ajru, bil-baħar u fuq l-art bil-għan li jkun hemm ġestjoni intermodali u effiċjenti tat-trasport tal-passiġġieri; konsolidazzjoni tal-biljetti maħruġa minn operaturi pubbliċi u privati disponibbli permezz ta' applikazzjoni diġitali;

13.  Jinnota li, fejn possibbli, il-prattiki li permezz tagħhom il-bastimenti għall-ġarr joffru wkoll servizzi lill-passiġġieri u viċi versa, pereżempju fil-każ tal-laneċ, għandhom jiġu promossi, peress li joffru potenzjal għall-vapuri biex jiksbu rati ta' okkupanza aħjar u effiċjenza finanzjarja ikbar, u barra minn hekk għandha titnaqqas il-konġestjoni fit-toroq;

14.  Jilqa' l-isforzi tas-settur tad-WPT biex jaqleb għal vapuri aktar nodfa, aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija b'emissjonijiet aktar baxxi, żviluppati bħala parti minn qafas Ewropew bil-għan li t-trasport fuq l-ilma jsir aktar ekoloġiku; jemmen li dan se jwassal għal soluzzjonijiet irħas li huma sostenibbli, aktar attraenti u b'hekk ekonomikament aktar kompetittivi, li jagħmlu s-settur "irħis, aktar nadif, u aktar ekoloġiku" b'mod ġenerali;

15.  Jinnota li l-isfidi differenti taż-żoni kostali ewlenin fl-UE jeħtieġu azzjonijiet differenti (aktar servizzi tal-laneċ fil-Baħar tat-Tramuntana, it-titjib u l-użu tekniku tal-laneċ fil-Mediterran, eċċ.);

16.  Huwa konvint li l-industrija tal-bini tal-bastimenti għall-passiġġieri tal-UE għandha tibqa' attur kompetittiv ewlieni, li jeħtieġ tiġi mħeġġa b'mod aktar attiv filwaqt li titnaqqas il-marka ambjentali tagħha billi tingħata spinta lill-attività ta' riċerka u innovazzjoni fi ħdan l-industrija;

Sostenibbiltà ambjentali

17.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tintegra d-WPT fl-istrateġija tagħha u biex tieħu passi sabiex tnaqqas l-emissjonijiet CO2 f'konformità mal-ftehimiet COP 21 u b'hekk tnaqqas l-ispejjeż esterni;

18.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex itejbu l-istandards ambjentali bil-għan li jitnaqqas it-tniġġis tal-arja, skont l-istandards tal-Baħar Baltiku għal-limiti tal-emissjonijiet tal-kubrit, il-kwalità tal-fjuwil u magni li jaħdmu bil-fjuwil aktar effiċjenti;

19.  Jenfasizza li d-dekarbonizzazzjoni tat-trasport qed teħtieġ sforzi u progress sinifikanti fejn jidħlu r-riċerka u l-innovazzjoni; jappoġġja lill-Kummissjoni fil-promozzjoni tagħha ta' sistemi LNG, ibridi, elettriċi u ta' fjuwils alternattivi mhux fossili bbażati fuq sorsi rinnovabbli, u l-enerġija solari u mir-riħ għall-bastimenti marittimi, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tadatta r-riċerka u l-innovazzjoni b'fokus partikolari fuq il-prattikabbiltà għas-settur tad-WPT;

20.  Ifakkar li, minbarra d-Direttiva 2014/94/UE dwar l-installazzjoni ta' infrastruttura tal-karburanti alternattivi, jeħtieġ li l-portijiet marittimi tan-netwerk ewlieni TEN-T jipprovdu faċilitajiet ta' riforniment tal-LNG għal bastimenti u vapuri li jbaħħru qabel l-2025 u għall-portijiet interni jeħtieġ li jagħmlu dan qabel l-2030;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-awtosuffiċjenza tal-enerġija bl-użu ta' pannelli solari fuq il-bini tat-terminals tal-portijiet u permezz tal-ħażna tal-enerġija prodotta matul il-jum biex tintuża aktar tard billejl;

22.  Jissottolinja li s-settur tal-laneċ huwa komponent importanti għas-suq tat-trasport marittimu fuq distanzi qosra (SSS) u għaldaqstant huwa kruċjali li jinżamm id-dinamiżmu u l-kompetittività tiegħu, u fl-istess ħin tittejjeb il-prestazzjoni ambjentali u l-effiċjenza tiegħu fl-użu tal-enerġija;

23.  Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni REFIT għall-faċilitajiet tal-akkoljenza tal-portijiet bħala opportunità biex id-direttiva attwali tiġi allinjata mal-iżviluppi internazzjonali, u l-għajnuniet internazzjonali, u jħeġġeġ il-pjanijiet tagħha għal leġiżlazzjoni ġdida skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja; jindika li dan m'għandux iżomm lill-Istati Membri milli jagħtu bidu għal inizjattivi aktar sostenibbli, inklużi sistema ta' informazzjoni u monitoraġġ tajba dwar l-iskart, kemm fuq il-vapuri kif ukoll fil-portijiet;

Sikurezza u sigurtà

24.  Jenfasizza li l-prevenzjoni tat-tniġġis u l-aċċidenti hija kruċjali għar-rwol tal-Aġenzija tas-Sikurezza Marittima Ewropea fit-titjib tas-sikurezza tal-laneċ u l-kruċieri marittimi transkonfinali, kif ukoll fl-iżgurar tal-protezzjoni tal-konsumatur;

25.  Ifakkar li l-persunal tal-laneċ u l-bastimenti tal-kruċieri jeħtieġ li jkun imħarreġ sabiex jassisti lill-passiġġieri b'mod effikaċi f'każ ta' emerġenza;

26.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali fin-navigazzjoni interna li tistabbilixxi standards armonizzati għall-kwalifiki tal-membri tal-ekwipaġġ u l-kaptani sabiex tittejjeb il-mobbiltà tal-ħaddiema fin-navigazzjoni interna;

27.  Jenfasizza li, fir-rigward tal-iżvilupp ulterjuri ta' sistemi ta' informazzjoni bħal radar konvenzjonali, SafeSeaNet, Galielo u s-Servizzi ta' Informazzjoni dwar ix-Xmajjar (RIS), il-fokus għandu jkun fuq it-titjib tas-sikurezza, is-sigurtà u l-interoperabbiltà, u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex l-użu mis-Servizz ta' Informazzjoni dwar ix-Xmajjar ikun obbligatorju;

28.  Jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jipproponu qafas ċar li jalloka r-responsabbiltajiet u l-ispejjeż, bil-ħsieb li tittejjeb is-sigurtà, u li jiġu indirizzati iktar taħriġ, istruzzjoni u gwida għall-persunal, speċjalment il-kwistjoni tal-aċċettazzjoni ta' taħriġ li juża simulaturi approvati bħala parti mill-programm ta' taħriġ fil-qafas tar-regoli tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) u tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO); iqis li l-kwalità u s-sikurezza tas-servizzi jistgħu jittejbu bl-aqwa mod b'persunal kwalifikat;

29.  Jilqa' l-proposti leġiżlattivi l-ġodda tal-Kummissjoni biex jiġu ssimplifikati u mtejba r-regoli komuni dwar is-sikurezza tal-bastimenti li jġorru passiġġieri fl-ilmijiet tal-UE, bil-ħsieb li jittejbu s-sikurezza u l-kompetizzjoni, billi r-regoli jsiru aktar ċari, u sempliċi u jiġu konformi mal-iżviluppi legali u teknoloġiċi;

30.  Jirrikonoxxi li peress li s-sigurtà hija raġuni ta' tħassib li dejjem qiegħda tiżdied, jista' jkun hemm bżonn ta' miżuri addizzjonali, li jikkunsidraw il-karatteristiċi speċifiċi tat-traffiku tal-bastimenti u l-operazzjonijiet fil-port sabiex jiġi żgurat l-operat bla xkiel tal-konnessjonijiet bil-laneċ li jsiru ta' kuljum;

31.  Jinnota li numru sinifikanti ta' xmajjar jikkostitwixxu fruntieri u jħeġġeġ lill-awtoritajiet responsabbli biex jiżguraw kooperazzjoni u sikurezza integrata sew u effiċjenti, sistemi ta' sigurtà u ta' emerġenza li joperaw miż-żewġ naħat tal-fruntiera;

32.  Jirrimarka li hemm numru ta' ibħra magħluqa, pereżempju l-Baltiku u l-Atlantiku, li huma mdawra minn diversi Stati Membri kif ukoll minn pajjiżi li mhumiex parti mill-UE, u għaldaqstant jitlob lill-awtoritajiet responsabbli biex jipprevedu sistema effikaċi ta' sikurezza, sigurtà u, b'mod partikolari, sistema ta' emerġenza;

33.  Jenfasizza li, meta l-laneċ marittimi internazzjonali jkunu qegħdin joperaw fl-ilmijiet territorjali tal-UE għandha tapplika l-leġiżlazzjoni tal-UE u tal-Istati Membri;

Il-kwalità u l-aċċessibbiltà tas-servizz

34.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintegra l-prinċipji tar-Regolament (UE) Nru 1177/2010 fil-proposta tagħha dwar id-drittijiet tal-passiġġieri intermodali, inklużi l-aspetti tal-aċċessibbiltà mingħajr ostakli għal nies b'diżabilità jew b'mobbiltà mnaqqsa, u jħeġġiġha wkoll biex fil-proposta tagħha tqis ukoll il-ħtiġijiet speċjali tal-anzjani u l-familji li jivvjaġġaw bit-tfal; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta data statistika annwali dwar l-evoluzzjoni tal-għadd ta' passiġġieri b'diżabbiltajiet jew b'mobbiltà mnaqqsa;

35.  Jenfasizza l-importanza tas-settur tad-WPT fl-iżvilupp ta' turiżmu sostenibbli u biex tingħeleb l-istaġonalità, b'mod partikolari fir-reġjuni remoti u periferiċi tal-Unjoni bħar-reġjuni kostali, il-ġżejjer, ix-xmajjar u r-reġjuni rurali; iqis, barra minn hekk, li l-SMEs għandhom ikunu l-punt fokali għall-promozzjoni tas-servizzi tat-turiżmu; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jagħmlu użu sħiħ mill-opportunitajiet ta' finanzjament tal-UE għall-SMEs, inklużi sussidji għall-komunitaijet lokali fir-reġjuni mbiegħda msemmija qabel;

36.  Jinnota l-potenzjal kbir li jeżisti fil-ħolqien ta' konnessjonijiet konvenjenti bejn il-passaġġi fuq l-ilma interni u n-netwerk Ewropew tar-rotot ċiklistiċi biex tiżdied l-attraenza ta' bosta reġjuni tal-UE għat-turisti; jisħaq fuq il-ħtieġa li jittieħed kont tal-ħtiġijiet tal-persuni li jivvjaġġaw bir-roti u li jużaw it-trasport tal-passiġġieri fuq l-ilma;

37.  Iqis li t-turiżmu fir-reġjuni kostali u l-gżejjer mhuwiex żviluppat biżżejjed minħabba n-nuqqas ta' interkonnettività; iqis li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra li f'dawn iż-żoni teżisti domanda akbar għal servizzi ta' trasport ta' kwalità;

38.  Hu tal-fehma li s-settur tad-WPT huwa importanti anki f'żoni fejn attwalment dan mhuwiex ekonomikament vijabbli, bħal gżejjer remoti fejn il-popolazzjoni hija aktar skarsa;

39.  Ifakkar li xi konnessjonijiet bil-laneċ huma għajnuna kruċjali għall-koeżjoni territorjali, soċjali u ekonomika fil-veru sens tal-kelma li tikkollega r-reġjuni ultraperiferiċi mal-kontinent u żoni ta' tkabbir ekonomiku u industrijali, u b'hekk jikkontribwixxu għall-koeżjoni u l-integrazzjoni Ewropea;

40.  Jissottolinja li l-qafas għall-provvista tal-konnessjonijiet mal-gżejjer, ir-reġjuni tal-gżejjer u ż-żoni remoti għandu jiġi promoss, b'miżuri li jiffaċilitaw laneċ ta' kwalità aħjar u terminals adegwati;

41.  Jenfasizza l-potenzjal u x-xewqa li d-WPT jiġi integrat f'qafas ta' mobbiltà multimodali, filwaqt li jitqies it-trasport pubbliku f'agglomerazzjonijiet kbar, kemm għall-vjaġġaturi kif ukoll għat-turisti; iqis f'dan il-kuntest li hemm bżonn ta' aktar titjib sabiex tiġi żviluppata skema ta' mobilità bħala servizz billi jiġu faċilitati sistemi ta' biljetti integrati sabiex titjieb l-affidabbiltà, il-kumdità, il-puntwalità u l-frekwenza, biex tittaffa l-pressjoni minn fuq il-ktajjen tal-loġistika u sabiex jinkisbu ħinijiet tat-tlugħ abbord aktar mgħaġġlin sabiex jiġu attirati l-passiġġieri;

42.  Jenfasizza li, sabiex jinżamm livell għoli tal-kwalità tas-servizzi, kif ukoll fl-interess tas-sikurezza marittima, huwa essenzjali li jiġu żviluppati l-għarfien u l-kapaċità fis-settur marittimu fl-UE;

o
o   o

43.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1.
(2) ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129.
(3) ĠU C 81 E, 15.3.2011, p. 10.
(4) Testi adottati, P8_TA(2015)0310.
(5) ĠU L 334, 17.12.2010, p. 1.
(6) ĠU L 389, 30.12.2006, p. 1.
(7) ĠU L 163, 25.6.2009, p. 1.
(8) ĠU L 325, 9.12.2010, p. 1.
(9) ĠU L 188, 2.7.1998, p. 35.
(10) ĠU L 320, 30.12.1995, p. 14.
(11) ĠU L 327, 27.11.2012, p. 1.


It-titjib tal-effikaċja tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp
PDF 331kWORD 61k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Novembru 2016 dwar it-titjib tal-effikaċja tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp (2016/2139(INI))
P8_TA(2016)0437A8-0322/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra s-Summit tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli u d-dokument ta' eżitu adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fil-25 ta' Settembru 2015, bit-titolu "Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli", u b'mod partikolari l-Għan nru 17 tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (minn hawn 'il quddiem, l-"SDGs") stabbiliti fih, li jimpenja lill-istati membri tan-NU favur it-tisħiħ tal-mezzi ta' implimentazzjoni tal-aġenda u l-għoti ta' ħajja ġdida lis-sħubija globali għall-iżvilupp sostenibbli(1),

–  wara li kkunsidra l-Aġenda ta' Azzjoni ta' Addis Ababa, kif ukoll id-dokument ta' eżitu adottat waqt it-Tielet Konferenza Internazzjonali dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp (Addis Ababa, l-Etjopja, 13-16 ta' Lulju 2015) u approvat mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fir-riżoluzzjoni 69/313 tagħha tas-27 ta' Lulju 2015(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar "It-tendenzi u l-progress fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp internazzjonali", imressaq fis-Sessjoni tal-2016 tal-Forum ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (E/2016/65)(3),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna li ġiet adottata waqt it-Tieni Forum ta' Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna fl-2005, l-Aġenda ta' Azzjoni ta' Akkra li ġiet adottata waqt it-Tielet Forum ta' Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna li sar fl-2008 f'Akkra (il-Ghana)(4), u l-eżitu tar-Raba' Forum ta' Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna li sar f'Busan (ir-Repubblika tal-Korea) f'Diċembru 2011 li nieda s-Sħubija Globali dwar Kooperazzjoni Effettiva għall-Iżvilupp (minn hawn 'il quddiem, is-"Sħubija Globali")(5),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Dili tal-10 ta' April 2010, li tikkonċerna l-bini tal-paċi u l-bini tal-istati, kif ukoll "Il-Patt il-Ġdid favur l-Involviment fi Stati Fraġli" li tnieda nhar it-30 ta' Novembru 2011 waqt ir-Raba' Forum ta' Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna,

–  wara li kkunsidra l-Komunikat tal-Ewwel Laqgħa ta' Livell Għoli tas-Sħubija Globali, li ġiet organizzata fil-Belt tal-Messiku f'April 2014(6),

–  wara li kkunsidra t-Tieni Laqgħa ta' Livell Għoli tas-Sħubija Globali li se ssir f'Nairobi mit-28 ta' Novembru sal-1 ta' Diċembru 2016(7),

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' progress tal-2014 tal-OECD/UNDP "Lejn Kooperazzjoni għall-Iżvilupp Aktar Effikaċi"(8),

–  wara li kkunsidra l-Kunsens tal-OSĊ li ntlaħaq f'Siem Reap rigward il-qafas internazzjonali għall-effikaċja tal-kontribuzzjoni tal-OSĊ għall-iżvilupp tal-2011,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-TFUE, li jiddefinixxi t-tnaqqis u l-qerda tal-faqar bħala l-objettiv prinċipali tal-politika tal-UE dwar l-iżvilupp u jirrikjedi li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jonoraw l-impenji li jkunu qablu magħhom fil-kuntest tan-Nazzjonijiet Uniti u ta' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra kompetenti, kif ukoll iqisu l-objettivi tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp fil-politiki li jimplimentaw li x'aktarx jolqtu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

–  wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp tal-2005(9) u l-pjanijiet biex jintlaħaq qbil dwar Kunsens ġdid fl-2017,

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Kondotta tal-Unjoni Ewropea dwar il-Komplementarjetà u t-Tqassim tax-Xogħol fil-Politika dwar l-Iżvilupp(10),

–  wara li kkunsidra t-test konsolidat tal-Qafas Operattiv dwar l-Effettività tal-Għajnuna(11), li huwa bbażat fuq il-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2009 dwar Qafas Operattiv dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna, il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2010 dwar id-Diviżjoni tax-Xogħol fost diversi pajjiżi u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-9 ta' Diċembru 2010 dwar Responsabilità u Trasparenza Reċiproċi,

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tas-26 ta' Marzu 2015 dwar it-‘Tnedija tal-Qafas tar-Riżultati tal-UE fl-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni Internazzjonali (SWD(2015)0080), u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 2015 dwar il-qafas tar-riżultati(12),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Marzu 2014 dwar il-pożizzjoni komuni tal-UE għall-Ewwel Laqgħa ta' Livell Għoli tas-Sħubija Globali dwar Kooperazzjoni Effettiva għall-Iżvilupp(13),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 2015 dwar Sħubija Globali Ġdida għall-Qerda tal-Faqar u l-Iżvilupp Sostenibbli wara l-2015(14),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2016 dwar it-Tisħiħ tal-Ipprogrammar Konġunt(15),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2016 dwar ir-Rapport Annwali tal-2016 għall-Kunsill Ewropew dwar il-Miri tal-UE ta' Għajnuna għall-Iżvilupp(16),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tat-23 ta' Ġunju 2015 bir-rapport tal-2015 dwar ir-responsabbiltà tal-UE rigward il-finanzjament għall-iżvilupp - eżami tal-progress mill-UE u l-Istati Membri tagħha (SWD(2015)0128),

–  wara li kkunsidra l-"Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea - Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni: Ewropa aktar b'saħħitha" li ġiet ippreżentata f'Ġunju 2016 mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà(17),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Mejju 2008 dwar is-segwitu tad-Dikjarazzjoni ta' Pariġi tal-2005 dwar l-Effettività tal-Għajnuna(18),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2011 dwar il-futur tal-appoġġ baġitarju tal-UE lil pajjiżi li qed jiżviluppaw(19),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar ir-4 Forum ta' Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna(20),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2013 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-koordinazzjoni tad-donaturi tal-UE dwar l-għajnuna għall-iżvilupp(21),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Mejju 2015 dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp(22),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' April 2016 dwar is-settur privat u l-iżvilupp(23),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2016 dwar is-segwitu u r-rieżami tal-Aġenda 2030(24),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar ir-Rapport 2015 tal-UE dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp(25),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A8-0322/2016),

A.  billi l-prinċipji stabbiliti mid-Dikjarazzjoni ta' Pariġi u l-Aġenda ta' Azzjoni ta' Akkra jibqgħu kompletament validi u wrew il-valur tagħhom fit-tisħiħ tal-kwalità tal-għajnuna għall-iżvilupp, kif ukoll l-appoġġ pubbliku għaliha fil-pajjiżi donaturi;

B.  billi l-impenji politiċi ta' livell għoli tal-Kunsens ta' Monterrey (2002), id-Dikjarazzjoni ta' Ruma (2003), id-Dikjarazzjoni ta' Pariġi (2005), l-Aġenda ta' Azzjoni ta' Akkra u r-Raba' Forum dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna f'Busan (2011) kollha huma intenzjonati biex jinkiseb l-istess għan li tittejjeb il-kwalità tal-implimentazzjoni, tal-ġestjoni u tal-użu tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp b'mod li l-impatt tagħha jiġi mmassimizzat;

C.  billi l-prinċipji tal-effikaċja tal-għajnuna kkontribwixxew b'mod ċar għall-progress lejn l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju f'ħafna pajjiżi, iżda l-progress għadu mhux uniformi u mhux il-prinċipji kollha ġew implimentati kompletament fil-pajjiżi kollha u mill-atturi kollha fil-qasam tal-iżvilupp f'kull ħin;

D.  billi s-Sħubija Globali tista' tiżvolġi rwol kruċjali fl-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u fil-ksib tal-SDGs, billi l-konċentrazzjoni ma tibqax iffokata fuq il-kunċett tal-"effikaċja tal-għajnuna", b'riferiment għall-għajnuna pubblika għall-iżvilupp tradizzjonali, imma minflok tiġi ffokata fuq dak tal-"effikaċja tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp";

E.  billi l-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (minn hawn 'il quddiem, l-"ODA") tista' tiżvolġi rwol kruċjali biex l-Aġenda 2030 trendi riżultati, b'mod partikolari fil-pajjiżi b'introjtu baxx u fil-ġlieda kontra l-faqar estrem u l-inugwaljanzi, jekk tiġi mmirata aħjar u jekk tosserva l-prinċipji ta' kooperazzjoni effikaċi għall-iżvilupp, speċifikament is-sjieda demokratika min-naħa tal-pajjiżi, l-allinjament, it-tisħiħ tal-kapaċità lokali, it-trasparenza u r-responsabilità demokratika, konċentrazzjoni fuq ir-riżultati u l-inklużività; jisħaq li l-kundizzjonalitajiet tal-għajnuna għandhom jirrispettaw il-prinċipji ta' sjieda demokratika;

F.  billi, apparti l-għajnuna u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp, hemm bżonn ta' għodda oħra fil-qasam tal-politika dwar l-iżvilupp biex b'mod effikaċi jinqered il-faqar u jiġu promossi l-SDGs;

G.  billi l-appoġġ baġitarju għandu ħafna vantaġġi, bħar-responsabilità tal-istat, analiżi aktar preċiża tal-eżiti, aktar koerenza politika, tbassir aktar effikaċi fil-qasam tal-għajnuna, u użu ottimali tal-fondi disponibbli direttament għall-benefiċċju tal-popolazzjoni;

H.  billi s-settur privat, flimkien mal-organizzazzjonijiet governattivi u mhux governattivi tradizzjonali l-oħrajn fil-qasam tal-iżvilupp, qed isir sieħeb reali fl-istrateġiji tagħna dwar l-iżvilupp, f'dak li għandu x'jaqsam mal-ksib ta' żvilupp inklużiv u sostenibbli;

I.  billi huwa essenzjali għall-effikaċja tal-għajnuna li l-pajjiżi benefiċjarji japplikaw b'mod parallel politiki ekonomiċi li jippromwovu t-tkabbir bl-introduzzjoni ta' mekkaniżmi tal-ekonomija tas-suq, il-mobilizzazzjoni tal-kapital privat u r-riformi agrarji, kif ukoll il-ftuħ progressiv tas-swieq tagħhom għall-kompetizzjoni globali;

J.  billi, skont studju tal-Kummissjoni, il-frammentazzjoni tal-għajnuna mogħtija tfisser spiża addizzjonali ta' bejn EUR 2 u 3 biljun fis-sena għall-UE;

K.  billi s-Sħubija Globali dwar Kooperazzjoni Effettiva għall-Iżvilupp (minn hawn 'il quddiem, is-"Sħubija Globali") tipprovdi forum inklużiv li jiġbor flimkien lill-gvernijiet, l-organizzazzjonijiet bilaterali u multilaterali, is-soċjetà ċivili, il-parlamenti, it-trade unions u s-settur privat bl-istess mod minn kull pajjiż;

L.  billi s-Sħubija Globali tiffoka fuq l-imġiba tal-atturi fil-qasam tal-iżvilupp u r-relazzjoni bejniethom, fuq l-implimentazzjoni effikaċi tal-politiki u l-programmi fil-qasam tal-iżvilupp, u fuq il-monitoraġġ tal-progress fl-osservazzjoni tal-prinċipji kruċjali ddefiniti f'dan l-aħħar deċennju, b'mod li tittejjeb l-effikaċja tal-isforzi tal-atturi kollha favur l-iżvilupp; billi jkun tajjeb li tiġi ċċarata l-artikolazzjoni tagħha mal-arkitettura tal-iżvilupp globali li tissorvelja l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030;

M.  billi pajjiżi bħaċ-Ċina, il-Brażil, it-Turkija, ir-Russja u l-Indja qed jiżvolġu rwol dejjem iktar importanti bħala donaturi emerġenti u għat-trasferiment tal-għarfien espert u t-teknoloġija fil-qasam tal-iżvilupp, grazzi wkoll għall-esperjenza ta' żvilupp riċenti u attwali tagħhom stess; billi l-involviment tagħhom mad-donaturi aktar tradizzjonali fil-promozzjoni tal-beni pubbliċi globali u l-parteċipazzjoni tagħhom fis-Sħubija Globali jistgħu jitqawwew;

N.  billi l-Kummissjoni tiżvolġi rwol attiv fi ħdan il-Kumitat ta' Tmexxija tas-Sħubija Globali, u wieħed mill-kopresidenti tagħha oriġina minn Stat Membru tal-UE, in-Netherlands; billi l-Ġermanja issa qed tassumi dan ir-rwol ta' kopresidenza;

O.  billi s-sjieda min-naħa tal-pajjiżi fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tirrikjedi allinjament tad-donaturi mal-pjanijiet ta' żvilupp nazzjonali u l-SDGs u l-objettivi li ntlaħaq qbil dwarhom fil-livell internazzjonali, kif ukoll parteċipazzjoni interna fir-rigward tad-disinn u r-responsabilità fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet u l-programmi ta' żvilupp;

P.  billi l-għajnuna trendi qligħ doppju meta ma tkunx qed tiffinanzja biss proġetti fil-qasam tal-iżvilupp imma tkun qed tintefaq ukoll fil-livell lokali, fuq prodotti u servizzi lokali; billi, għaldaqstant, it-tisħiħ tas-sistemi tal-pajjiżi u s-sistemi ta' akkwist nazzjonali huwa element essenzjali għall-effikaċja tal-għajnuna bi qbil mad-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna u għat-tqawwija tal-governanza tajba u r-responsabilità demokratika fil-pajjiżi sħab;

Q.  billi, jekk l-aġendi fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp jiġu xprunati mill-fornitur u l-għajnuna tintrabat, inkluż fil-qasam tal-akkwist, dawn jistgħu jkunu espressjoni ta' interessi politiċi varjati li ġieli jidħlu f'kunflitt mal-politiki dwar l-iżvilupp u jista' jkun hemm ir-riskju li jdgħajfu s-sjieda u s-sostenibilità tal-assistenza għall-iżvilupp u l-progress li jkun sar fl-imgħoddi fir-rigward tal-allinjament, b'mod li jwassal għal ineffikaċja u żieda fid-dipendenza; billi s-sjieda lokali għandha rwol importanti x'tiżvolġi biex tiżgura żvilupp effikaċi għaċ-ċittadini;

R.  billi issa l-oqfsa tar-riżultati qed jintużaw dejjem iżjed biex jitkejlu l-kisbiet tal-programmi ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp, iżda s-sjieda u l-użu sħaħ ta' dawk l-oqfsa mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jibqgħu sfida persistenti;

S.  billi s-sessjoni ta' monitoraġġ tas-Sħubija Globali tal-2016 uriet li l-progress fl-użu tas-sistemi tal-pajjiżi għadu baxx u li ma nkisibx progress ulterjuri biex jinħall l-irbit mal-għajnuna, li għadu fil-livell massimu ta' 80 % li laħaq fl-2010;

T.  billi d-deputati parlamentari mill-pajjiżi sħab, l-awtoritajiet lokali u s-soċjetà ċivili għadhom qed jesprimu nuqqas ta' sodisfazzjon bil-grad ta' kemm huma involuti fil-programmazzjoni u l-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u ta' kemm huma informati dwarhom;

U.  billi l-effikaċja tal-iżvilupp, li hija mifhuma bħala l-użu effikaċi tal-mezzi u r-riżorsi kollha orjentati lejn l-iżvilupp, inkluż it-tnaqqis tal-faqar, tiddependi kemm mill-pajjiżi li jipprovdu l-għajnuna u l-pajjiżi benefiċjarji, kif ukoll mill-eżistenza ta' istituzzjonijiet effikaċi u reattivi, politiki tajba, l-involviment tal-partijiet interessati u s-soċjetà ċivili lokali, l-istat tad-dritt, governanza demokratika inklużiva, il-preżenza ta' mekkaniżmi ta' segwitu effikaċi u trasparenti, u salvagwardji kontra l-korruzzjoni fi ħdan il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-flussi finanzjarji illeċiti fil-livell internazzjonali; billi jkun tajjeb li s-Sħubija Globali tiżvolġi rwol akbar fil-faċilitazzjoni u l-promozzjoni tal-progress rigward l-elementi ta' hawn fuq li huma determinanti għall-iżvilupp;

V.  billi l-frammentazzjoni tal-għajnuna tibqa' sfida persistenti li tirriżulta mill-proliferazzjoni tad-donaturi u l-aġenziji ta' għajnuna u min-nuqqas ta' koordinament tal-attivitajiet u l-proġetti tagħhom;

W.  billi l-kooperazzjoni Nofsinhar-Nofsinhar kompliet tikber, minkejja tnaqqis fil-veloċità tal-ekonomiji emerġenti u waqgħa fil-prezzijiet tal-prodotti bażiċi;

X.  billi l-panorama fil-qasam tal-iżvilupp qed isir dejjem iżjed eteroġenju, b'aktar foqra jgħixu fil-pajjiżi b'introjtu medju milli f'dawk b'introjtu baxx; billi, fl-istess ħin, inbidlet in-natura nnifisha tal-isfidi fil-qasam tal-iżvilupp, bil-feġġa ta' sfidi globali ġodda bħall-migrazzjoni, is-sigurtà alimentari, il-paċi u l-istabilità, u t-tibdil fil-klima;

1.  Jappella lill-atturi kollha fil-qasam tal-iżvilupp biex jikkonsolidaw l-impenji li ħadu minn Pariġi sa Busan, kif ukoll iġeddu u jqawwu l-isforzi tagħhom biex il-kooperazzjoni għall-iżvilupp jagħmluha kemm jista' jkun effikaċi bl-intenzjoni li jilħqu l-għanijiet u l-objettivi ambizzjużi stabbiliti fl-Aġenda 2030 u li jisfruttaw bl-aħjar mod possibbli r-riżorsi pubbliċi u privati għall-iżvilupp;

2.  Jappella biex tintuża l-għodda kollha fil-qasam tal-politika dwar l-iżvilupp sabiex jinqered il-faqar u jiġu promossi l-SDGs; huwa tal-opinjoni li l-effikaċja tal-finanzjament għall-iżvilupp għandha tiġi vvalutata abbażi ta' riżultati konkreti u l-kontribut tagħha għall-politika dwar l-iżvilupp kollha kemm hi;

3.  Jisħaq fuq ir-rwol kruċjali li tiżvolġi l-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (minn hawn 'il quddiem, l-"ODA") fit-twettiq tal-aġenda dwar l-effikaċja tal-iżvilupp, kif ukoll għall-qerda tal-faqar, it-tnaqqis tal-inugwaljanzi, il-forniment ta' servizzi pubbliċi essenzjali u l-appoġġ għal governanza tajba; jissottolinja l-fatt li l-ODA hija aktar flessibbli, prevedibbli u responsabbli mill-flussi l-oħra li potenzjalment jikkontribwixxu għall-iżvilupp;

4.  Ifakkar li l-finanzjament suffiċjenti huwa prerekwiżit għal kooperazzjoni għall-iżvilupp effikaċi; jinnota li l-biċċa l-kbira tal-fornituri ta' ODA ma rrispettawx l-impenn tagħhom li jallokaw 0,7 % tal-ING għall-assistenza għall-iżvilupp sal-2015 u, b'riżultat ta' dan, aktar minn USD 2 triljun ma tqegħdux għad-dispożizzjoni tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jiksbu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju;

5.  Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha jirrispettaw l-impenn li ilhom li ħadu li jiddedikaw 0,7 % tal-ING għall-għajnuna, li jintensifikaw l-assistenza għall-iżvilupp tagħhom, anke permezz tal-baġit tal-UE u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, u li jadottaw pjan direzzjonali effikaċi sabiex jilħqu l-objettiv tal-impenn li ħadu b'mod trasparenti, prevedibbli u responsabbli; iwissi li l-kriterji għall-ODA m'għandhomx jiġu dilwiti bil-għan li jiġu koperti spejjeż apparti dawk marbuta direttament mal-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

6.  Jinnota bi tħassib li, sa nofs l-2015, kienu biss ħamsa l-Istati Membri tal-UE li ppubblikaw pjanijiet ta' implimentazzjoni skont kif stabbilit f'Busan; iħeġġeġ lill-Istati Membri jippubblikaw il-pjanijiet ta' implimentazzjoni u jirrapportaw rigward l-isforzi tagħhom qabel it-Tieni Laqgħa ta' Livell Għoli tas-Sħubija Globali li se ssir f'Nairobi bejn it-28 ta' Novembru u l-1 ta' Diċembru 2016;

7.  Jappella biex id-dokument ta' eżitu ta' din it-Tieni Laqgħa ta' Livell Għoli jindirizza ċarament u jassenja r-rwoli u r-responsabilitajiet differenzjati tal-atturi u l-istituzzjonijiet fil-qasam tal-iżvilupp għall-implimentazzjoni tal-aġenda u l-applikazzjoni tal-prinċipji, sabiex jissaħħaħ il-progress u tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni fil-ġejjieni;

8.  Jinnota l-proposta Messikana għall-inklużjoni tal-ħames prinċipju tal-effikaċja tal-iżvilupp, speċifikament li "Ħadd ma jitħalla l-art"; jirrikonoxxi l-importanza li jkun hemm konċentrazzjoni qawwija fuq il-gruppi foqra, vulnerabbli u emarġinati, waqt li jitqiesu kif dovut l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u s-sitwazzjonijiet ta' fraġilità u ta' kunflitt, fil-kuntest tal-aġenda rigward l-effikaċja tal-iżvilupp; huwa tal-fehma li, waqt li dan il-prinċipju kieku jikkorrispondi għall-filosofija ġenerali u l-impenn predominanti tal-Aġenda 2030, ikun tajjeb li l-inklużjoni possibbli tiegħu tiġi akkumpanjata b'diskussjoni u riflessjoni serji dwar il-mod kif se jopera, b'mod partikolari fir-rigward tal-kwistjonijiet ta' integrazzjoni u l-indikaturi;

9.  Jirrileva l-ħtieġa li s-Sħubija Globali titqiegħed f'qagħda ta' saħħa fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 u l-Aġenda ta' Azzjoni ta' Addis Ababa; jikkunsidra li s-Sħubija Globali tista' tipprovdi valur miżjud jekk ħidmietha tinqasam f'fażijiet u titfassal strateġikament fil-prospettiva tal-ħidma u l-kalendarju tal-Forum dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp tal-Kunsill ECOSOC tan-NU, il-Forum dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp u l-Forum Politiku ta' Livell Għoli;

10.  Jisħaq li jkun tajjeb li s-Sħubija Globali tiżvolġi rwol qawwi fl-aspetti bbażati fuq l-evidenza tal-monitoraġġ u r-responsabilità fir-rigward tal-prinċipji tal-effikaċja biex jinkisbu l-SDGs u fl-appoġġ għal implimentazzjoni aktar sħiħa tagħhom mill-atturi kollha fil-livell nazzjonali; jissottolinja l-ħtieġa li s-Sħubija Globali tipprovdi kanali għall-kooperazzjoni ddefiniti b'mod ċar għal atturi speċifiċi fil-qasam tal-iżvilupp apparti d-donaturi OECD, inklużi d-donaturi emerġenti, il-gvernijiet lokali u reġjonali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, filantropi privati, istituzzjonijiet finanzjarji, kumpaniji mis-settur privat u t-trade unions; jemmen li jkun tajjeb li l-arranġamenti għall-presidenza tas-Sħubija Globali jirriflettu d-diversità tal-partijiet interessati;

11.  Ifakkar li t-tkabbir ta' 1 % fl-Afrika jirrappreżenta aktar mid-doppju tal-ammont ta' ODA;

12.  Jemmen li s-Sħubija Globali jmissha tiżvolġi rwol ta' tmexxija fl-iżgurar ta' progress biex jinkiseb l-SDG 17, speċifikament rigward il-monitoraġġ u r-responsabilità, żieda fl-effikaċja tal-għajnuna, l-aspetti ta' kwalità u kapaċità tal-finanzjament għall-iżvilupp, is-sostenibilità tat-taxxa u tad-dejn, il-mobilizzazzjoni tas-settur privat u r-responsabilità tiegħu għall-iżvilupp sostenibbli, it-trasparenza, il-koerenza politika, is-sħubijiet b'diversi partijiet interessati, kif ukoll il-kooperazzjoni Nofsinhar-Nofsinhar u dik trijangolari;

13.  Jissottolinja r-rwol important li s-Sħubija Globali għandha x'tiżvolġi fir-rigward tal-indikatur 17.16.1 tal-SDGs, b'mod partikolari biex jinkisbu sħubijiet b'diversi partijiet interessati aktar effikaċi u inklużivi għall-appoġġ u s-sostenn tal-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030, billi tkejjel il-kwalità tal-isforzi tagħhom fil-qasam tal-iżvilupp; jilqa' s-Sessjoni ta' Monitoraġġ tal-2016, filwaqt li jinnota li n-numru ta' sħab fil-qasam tal-iżvilupp involuti f'dan l-eżerċizzju żdied, u jistenna bil-ħerqa l-pubblikazzjoni tar-Rapport ta' Progress;

14.  Jinkoraġġixxi lill-partijiet għas-Sħubija Globali jikkunsidraw il-ħolqien ta' segretarjat permanenti għaliha li jkun aktar indipendenti u mogħni b'riżorsi aktar adegwati, li jkun jibni fuq il-ħidma tat-Tim ta' Appoġġ Konġunt, u jħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi sħab jaħtru punti fokali nazzjonali;

15.  Jindika li jkun tajjeb li l-Parlament Ewropew jitħalla jiżvolġi kompletament ir-rwol vitali tiegħu ta' skrutinju demokratiku għall-politiki kollha tal-UE, inklużi l-politiki dwar l-iżvilupp, u jeżiġi li jiġi informat b'mod regolari u puntwali rigward il-pożizzjonijiet li tieħu l-Kummissjoni fil-Kumitat ta' Tmexxija tas-Sħubija Globali;

16.  Jilqa' l-progress li sar, u jirrakkomanda li l-Kummissjoni tagħmel sforzi ulterjuri biex tiżgura li l-atturi kollha kkonċernati jkollhom aċċess għal informazzjoni dwar it-trasparenza tal-programmazzjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, il-mekkaniżmi ta' finanzjament, il-proġetti u l-flussi tal-għajnuna, b'mod partikolari fil-kuntest tal-Inizjattiva Internazzjonali għat-Trasparenza tal-Għajnuna u l-ħolqien tas-sit "EU Aid Explorer" fuq l-internet; jindika madankollu li għad fadal passi importanti x'jittieħdu f'dan ir-rigward, u jeżiġi li jsiru b'mod urġenti sforzi sinifikanti ulterjuri mid-donaturi kollha sabiex l-informazzjoni u d-data jagħmluhom aktar aċċessibbli, puntwali u paragunabbli; jappella lil dawk l-Istati Membri li għadhom mhux qed jikkontribwixxu għall-Inizjattiva Internazzjonali għat-Trasparenza tal-Għajnuna biex dan jibdew jagħmluh; jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jisfruttaw id-data disponibbli, u anke biex jappoġġaw lill-pajjiżi sħab billi jippromwovu l-iskambju ta' informazzjoni u tal-aħjar prattiki f'dan ir-rigward;

17.  Jikkunsidra li l-monitoraġġ, ir-rieżami u l-kondiviżjoni tal-għarfien dwar il-progress fl-iżvilupp għandhom importanza fundamentali fit-tisħiħ tar-responsabilità u l-impatt tal-kooperazzjoni, b'mod partikolari fil-livell tal-pajjiżi; iħeġġeġ għalhekk lill-Kummissjoni tressaq rapporti, tal-anqas kull 24 xahar, dwar l-isforzi u l-pjanijiet ta' azzjoni kemm tal-UE kif ukoll tal-Istati Membri bil-ħsieb li l-prinċipji ta' Busan jiġu implimentati b'mod komprensiv; jappella lill-UE tagħti appoġġ ulterjuri lill-pajjiżi sħab fit-titjib tal-kapaċità amministrattiva u loġistika tagħhom, u b'mod partikolari tas-sistemi statistiċi tagħhom;

18.  Jilqa' l-inizjattivi tal-OECD li potenzjalment jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-flussi finanzjarji illeċiti, u jappella lill-komunità internazzjonali biex issaħħaħ il-kooperazzjoni b'mod li tiżdied it-trasparenza tar-reġimi fiskali u tal-flussi finanzjarji b'mod aktar ġenerali; jinsisti fuq ir-rwol kruċjali u r-responsabilitajiet tal-kumpaniji multinazzjonali u l-istituzzjonijiet finanzjarji f'dan ir-rigward;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni, lid-delegazzjonijiet tal-UE u lill-aġenziji tal-Istati Membri jinformaw lill-parlamenti nazzjonali u, sal-livell li jkun possibbli, lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif ukoll lill-partijiet interessati privati u s-soċjetà ċivili, dwar l-impenji ta' programmazzjoni u finanzjarji relatati mal-assistenza għall-iżvilupp, billi jippubblikaw analiżijiet tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp għal kull pajjiż speċifiku, li huwa mistenni li jipprovdu ħarsa ġenerali lejn id-dokumenti strateġiċi, il-koordinament tad-donaturi, il-Pjanijiet ta' Azzjoni Annwali u l-programmi attwali u dawk ippjanati, kif ukoll is-sejħiet għal proġetti u akkwisti jew il-mekkaniżmi ta' finanzjament oħra li jintużaw;

20.  Jinkoraġġixxi lill-parlamenti tal-pajjiżi benefiċjarji jadottaw politiki nazzjonali dwar l-għajnuna għall-iżvilupp sabiex itejbu r-responsabilità tad-donaturi u tal-gvernijiet benefiċjarji, inkluża dik tal-awtoritajiet lokali, isaħħu l-ġestjoni finanzjarja pubblika u l-kapaċità ta' assorbiment, jeqirdu l-korruzzjoni u kull forma ta' ħela ta' għajnuna, iġibu s-sistemi fiskali effikaċi, u jtejbu l-kundizzjonijiet biex jirċievu appoġġ baġitarju, kif ukoll, fuq żmien twil, inaqqsu d-dipendenza mill-għajnuna;

21.  Jikkunsidra li huwa importanti li l-parteċipazzjoni min-naħa tal-Istati Membri kollha fl-Inizjattiva Fiskali ta' Addis Ababa tiġi promossa, b'mod li l-assistenza teknika tirdoppja sal-2020 u tissaħħaħ il-kapaċità fiskali tal-pajjiżi sħab;

22.  Jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinvolvu ruħhom mal-parlamenti nazzjonali tal-pajjiżi sħab bil-ħsieb li jagħtu appoġġ kostruttiv għall-iżvilupp ta' tali politiki, waqt li jikkomplementawhom b'arranġamenti ta' responsabilità reċiproka; jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex ittejjeb r-responsabilità interna fil-kuntest tal-appoġġ baġitarju billi ssaħħaħ il-kapaċitajiet istituzzjonali tal-parlamenti nazzjonali u l-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar;

23.  Jissottolinja r-rwol li għandhom iċ-ċittadini, il-komunitajiet lokali, ir-rappreżentanti eletti, l-organizzazzjonijiet reliġjużi, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (minn hawn 'il quddiem, l-"OSĊ"), is-settur akkademiku, it-trade unions u s-settur privat fl-iżvilupp, u jisħaq li hemm bżonn li dawk l-atturi kollha jiġu involuti fl-approfondiment u l-implimentazzjoni tal-aġenda dwar l-effikaċja f'diversi livelli; jemmen li l-kontribut effikaċi tagħhom jirrikjedi minnhom involviment parteċipattiv fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni, responsabilità reċiproka u trasparenza, monitoraġġ u evalwazzjoni, u li d-donaturi għandhom itejbu l-prevedibilità u l-ħeffa meta jkun qed jaħdmu ma' dawn l-atturi bħala sħab implimentattivi u sħab għall-forniment ta' servizzi bażiċi, b'mod li ġenwinament jilħqu lill-aktar setturi vulnerabbli tal-popolazzjoni;

24.  Jisħaq li l-assistenza tista' tiġi sostnuta biss meta l-benefiċjarji jkunu impenjaw ruħhom b'mod qawwi u jkunu ngħataw ir-responsabilità għaliha; jinsisti fuq l-importanza li r-responsabilità għar-riżultati fil-qasam tal-iżvilupp tiġi kondiviża, inkluż għall-implimentazzjoni tal-Prinċipji ta' Istanbul, u jfakkar li s-sjieda demokratika tirrikjedi istituzzjonijiet b'saħħithom li jkunu jistgħu jiżguraw il-parteċipazzjoni sħiħa min-naħa tal-atturi lokali fl-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-programmi ta' żvilupp;

25.  Jissottolinja kemm huwa importanti li l-OSĊ jitħallew jeżerċitaw ir-rwol tagħhom bħala atturi indipendenti fil-qasam tal-iżvilupp, waqt li tingħata attenzjoni partikolari biex jinħoloq ambjent favorevoli li jkun konsistenti mad-drittijiet li jkunu ntlaħaq qbil dwarhom fil-livell internazzjonali u li jimmassimizza l-kontribuzzjonijiet tal-OSĊ għall-iżvilupp; jesprimi t-tħassib tiegħu rigward l-ispazju dejjem jiċkien għall-OSĊ f'ħafna mill-pajjiżi sħab; jappella lill-Kummissjoni biex ittejjeb l-aċċessibilità tal-finanzjament għall-OSĊ;

26.  Jilqa' l-progress li kisbet l-UE fir-rigward tal-Ipprogrammar Konġunt u l-impenn li ħadet favurih; jinnota li l-Ipprogrammar Konġunt għandu jnaqqas il-frammentazzjoni tal-għajnuna u l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet, iżid il-komplementarjetà permezz ta' tqassim aħjar tax-xogħol, u jsaħħaħ ir-responsabilità interna u reċiproka, kif ukoll il-prevedibilità tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, biex b'hekk joffri vantaġġi ċari kemm għall-UE u kemm għall-pajjiżi sħab; josserva li l-Ipprogrammar Konġunt ġie esplorat f'59 pajjiż minn 110 pajjiżi sħab li jirċievu assistenza għall-iżvilupp mill-UE; jappella lill-Istati Membri u lill-pajjiżi sħab biex jintensifikaw l-involviment tagħhom fl-Ipprogrammar Konġunt b'mod li jisfruttaw kompletament il-vantaġġi tiegħu fil-pajjiżi kollha possibbli;

27.  Ifakkar fit-talba tiegħu(26) għall-kodifikazzjoni u t-tisħiħ tal-mekkaniżmi u l-prattiki biex jiġu żgurati komplementarjetà aħjar u koordinament effikaċi tal-għajnuna għall-iżvilupp fost l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE, waqt li jiġu pprovduti regoli ċari u inforzabbli għall-iżgurar ta' sjieda interna demokratika, armonizzazzjoni, allinjament mal-istrateġiji u s-sistemi tal-pajjiżi speċifiċi, prevedibilità tal-fondi, trasparenza u responsabilità reċiproka; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni dwar in-nuqqas ta' segwitu għal din it-talba u tiddikjara liema miżuri alternattivi tkun ħadet jew tkun bi ħsiebha tieħu f'dan ir-rigward;

28.  Ifakkar li l-UE u l-Istati Membri tagħha impenjaw ruħhom biex iħollu l-irbit mal-għajnuna tagħhom, u jirrikonoxxi l-progress li sar f'dan il-qasam; jappella biex isiru sforzi ulterjuri biex l-irbit tal-għajnuna jinħall iktar malajr fil-livell globali mill-fornituri kollha tal-għajnuna għall-iżvilupp, inklużi l-ekonomiji emerġenti; jappella lill-fornituri tal-għajnuna biex, qabel jipprovaw alternattivi oħra, jużaw is-sistemi ta' akkwist tal-pajjiżi sħab;

29.  Jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw inizjattivi ġodda biex jissaħħu l-proġetti emblematiċi ta' kooperazzjoni Nofsinhar-Nofsinhar u ta' kooperazzjoni trijangolari, bl-involviment ta' donaturi emerġenti ġodda u pajjiżi oħra b'introjtu medju, u abbażi tal-indirizzar tal-isfidi globali ta' interess reċiproku, mingħajr ma jitilfu l-prospettiva tal-qerda tal-faqar; jirrileva l-ħtieġa li jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-kooperazzjoni deċentralizzata b'mod li tiġi approfondita l-aġenda dwar l-effikaċja tal-iżvilupp, filwaqt li jiġu rispettati s-salvagwardji kollha fir-rigward tat-trasparenza, l-effikaċja u l-koerenza, u tiġi evitata frammentazzjoni ulterjuri tal-arkitettura tal-għajnuna internazzjonali;

30.  Jisħaq li l-assistenza għall-iżvilupp tista' tiżvolġi rwol importanti fil-ġlieda kontra l-faqar u kontra l-inugwaljanzi, u fil-promozzjoni tal-iżvilupp, b'mod partikolari dak tal-pajjiżi l-anqas żviluppati, kif ukoll fit-tisħiħ tal-aċċess għal servizzi pubbliċi ta' kwalità għall-gruppi l-aktar fil-bżonn u vulnerabbli, u fil-katalizzazzjoni ta' fatturi sistemiċi kritiċi oħra li jiffaċilitaw l-iżvilupp, bħall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri (hekk kif inhi artikolata fis-Sħubija ta' Busan), l-edukazzjoni, u t-tisħiħ tas-sistemi tas-saħħa, inkluża l-ġlieda kontra l-mard relatat mal-faqar, jekk jintużaw f'kuntest ta' governanza inklużiva leġittima abbażi tal-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem;

31.  Jissottolinja s-sinifikat tal-SDG 16 għall-effikaċja tal-iżvilupp kumplessiva, u jwissi li l-għajnuna għall-iżvilupp ma tistax tissodisfa l-iskop tagħha b'mod effikaċi fin-nuqqas ta' paċi, ta' rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, ta' sistema ġudizzjarja imparzjali, effiċjenti u indipendenti, ta' standards u salvagwardji lavorattivi u ambjentali rikonoxxuti fuq livell internazzjonali għall-integrità tal-istituzzjonijiet pubbliċi u ta' dawk li jokkupaw kariga uffiċjali, ta' proċess deċiżjonali inklużiv, parteċipattiv u rappreżentattiv fil-livelli kollha, u ta' trasparenza u responsabilità;

32.  Ifakkar li l-korruzzjoni fil-pajjiżi benefiċjarji, kemm jekk tkun marbuta direttament mal-assistenza għall-iżvilupp jew le, tikkostitwixxi ksur serju tal-leġittimità demokratika u tagħmel ħsara lill-appoġġ pubbliku għall-assistenza għall-iżvilupp fil-pajjiżi donaturi; jilqa' għalhekk il-miżuri kollha li ttieħdu għall-promozzjoni ta' ġestjoni finanzjarja tajba u għall-qerda tal-korruzzjoni darba għal dejjem, waqt li jinnota li, f'ħafna pajjiżi sħab, is-sitwazzjoni minnha nnifisha timplika ċertu grad ta' riskju;

33.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lid-donaturi l-oħra jamplifikaw l-isforzi u r-riżorsi umani tagħhom għal kunċettwalizzazzjoni aħjar tal-effikaċja u l-analiżi fil-fond fil-kuntesti ta' fraġilità, ta' wara kunflitt u ta' prevenzjoni tal-kunflitti, fejn l-eżiti mixtieqa mhux dejjem jistgħu jiġu interpretati fil-forma ta' data u fi ħdan l-oqfsa tar-riżultati;

34.  Jemmen bis-sħiħ li s-settur privat huwa sieħeb importanti fil-ksib tal-SDGs u fil-mobilizzazzjoni ta' riżorsi ulterjuri għall-iżvilupp; jisħaq li, minħabba r-rwol dejjem jikber tagħhom fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, jeħtieġ li l-atturi fis-settur privat jallinjaw rwieħhom mal-prinċipji tal-effikaċja tal-iżvilupp u jikkonformaw mal-prinċipji tar-responsabilità korporattiva tul iċ-ċiklu sħiħ ta' ħajjet il-proġetti; jirrikonoxxi l-isforzi ta' xi atturi mis-settur privat biex jassumu impenji favur id-drittijiet tal-bniedem, l-inklużjoni soċjali u s-sostenibilità bħala element ċentrali tal-mudelli kummerċjali tagħhom, u jappella biex dan l-approċċ jiġi ġġeneralizzat; jindika l-ħtieġa li s-settur privat jirrispetta l-prinċipji tad-dritt internazzjonali u l-istandards soċjali u ambjentali, kif ukoll il-Patt Globali tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, l-istandards fundamentali tal-ILO fil-qasam tax-xogħol u l-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni; jappella lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-kumpaniji li joperaw minn rifuġji fiskali ma jiħdux sehem fil-proġetti ffinanzjati bl-ODA; jissottolinja b'mod parallel il-ħtieġa li l-pajjiżi sħab irawmu ambjenti favorevoli għall-impriżi, inklużi sistemi ġuridiċi u regolatorji trasparenti;

35.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-SEAE, lill-Parlament u l-Gvern tal-Kenja li se jospitaw it-Tieni Laqgħa ta' Livell Għoli tas-Sħubija Globali, lill-Kopresidenti tas-Sħubija Globali, lill-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-OECD u lill-Unjoni Interparlamentari.

(1) http://www.un.org/ga/search/view_doc.asp?symbol=A/RES/70/1&Lang=E
(2) http://www.un.org/esa/ffd/wp-content/uploads/2015/08/AAAA_Outcome.pdf
(3) https://documents-dds-ny.un.org/doc/UNDOC/GEN/N16/132/05/PDF/N1613205.pdf?OpenElement
(4) http://www.oecd.org/dac/effectiveness/34428351.pdf
(5) http://www.oecd.org/dac/effectiveness/49650173.pdf
(6) http://effectivecooperation.org/2014/03/draft-communique-for-the-first-high-level-meeting-of-the-global-partnership/
(7) http://effectivecooperation.org/events/2016-high-level-meeting/
(8) http://effectivecooperation.org/wp-content/uploads/2016/05/4314021e.pdf
(9) ĠU C 46, 24.2.2006, p. 1.
(10) Konklużjonijiet tal-Kunsill 9558/07, 15.5.2007.
(11) Dokument tal-Kunsill 18239/10.
(12) http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-9145-2015-INIT/mt/pdf
(13) http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-7805-2014-INIT/mt/pdf
(14) http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-9241-2015-INIT/mt/pdf
(15) http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-8831-2016-INIT/mt/pdf
(16) http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-8822-2016-INIT/mt/pdf
(17) Dokument tal-Kunsill 10715/16
(18) ĠU C 279E, 19.11.2009, p. 100.
(19) ĠU C 33 E, 5.2.2013, p. 38.
(20) ĠU C 131 E, 8.5.2013, p. 80.
(21) Testi adottati, P7_TA(2013)0558.
(22) ĠU C 353, 27.9.2016, p. 2.
(23) Testi adottati, P8_TA(2016)0137.
(24) Testi adottati, P8_TA(2016)0224.
(25) Testi adottati, P8_TA(2016)0246.
(26) Testi adottati tal-11 ta’ Diċembru 2013, P7_TA(2013)0558.

Avviż legali - Politika tal-privatezza