Indiċi 
Testi adottati
Il-Ħamis, 24 ta' Novembru 2016 - StrasburguVerżjoni finali
Il-każ ta' Gui Minhai, pubblikatur inkarċerat fiċ-Ċina
 Is-sitwazzjoni tal-Guarani-Kaiowá fl-Istat Brażiljan ta' Mato Grosso Do Sul
 Il-każ ta' Ildar Dadin, priġunier minħabba twemmin fir-Russja
 Assistenza makrofinanzjarja lill-Ġordan ***I
 L-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali ***I
 Sitwazzjoni fis-Sirja
 Relazzjonijiet UE-Turkija
 L-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa
 L-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fl-2015
 Lejn sistema definittiva ta' VAT u l-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT
 Pjan ta' azzjoni tal-UE kontra t-traffikar ta' organiżmi selvaġġi
 Opportunitajiet ġodda għal impriżi żgħar tat-trasport
 Sitwazzjoni fil-Belarussja

Il-każ ta' Gui Minhai, pubblikatur inkarċerat fiċ-Ċina
PDF 273kWORD 52k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2016 dwar il-każ ta' Gui Minhai, pubblikatur inkarċerat fiċ-Ċina (2016/2990(RSP))
P8_TA(2016)0444RC-B8-1256/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fiċ-Ċina, b'mod partikolari dawk tal-4 ta' Frar 2016 dwar il-każ tal-pubblikaturi tal-kotba neqsin f'Hong Kong(1), tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar ir-relazzjonijiet UE-Ċina(2) u tat-13 ta' Marzu 2014 dwar il-prijoritajiet tal-UE għall-25 Sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-7 ta' Jannar 2016 tal-kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar l-għajbien ta' individwi assoċjati mad-dar ta' pubblikazzjoni Mighty Current f'Hong Kong,

–  wara li kkunsidra t-18-il Rapport Annwali tal-Kummissjoni Ewropea u tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali (RAS) ta' Hong Kong ta' April 2016,

–  wara li kkunsidra d-djalogu UE-Ċina rigward id-drittijiet tal-bniedem, imniedi fl-1995, u l-34 sessjoni li ġiet organizzata f'Beijing fit-30 ta' Novembru u l-1 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-16 ta' Frar 2016 tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u tas-SEAE lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titolu "Elements for a new EU strategy on China" (Elementi għal strateġija ġdida tal-UE dwar iċ-Ċina), tat-22 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra l-Liġi Bażika tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (minn hawn 'il quddiem "il-Liġi Bażika"), b'mod partikolari l-artikoli dwar il-libertajiet personali u l-libertà tal-istampa, kif ukoll l-Ordinanza dwar id-Dikjarazzjoni tad-Drittijiet ta' Hong Kong (Hong Kong Bill of Rights Ordinance),

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tas-16 ta' Diċembru 1966,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-adozzjoni tal-liġi ġdida dwar is-sigurtà nazzjonali mill-Kumitat Permanenti tal-Kungress Popolari Nazzjonali Ċiniż fl-1 ta' Lulju 2015, l-adozzjoni ta' liġi ġdida dwar il-ġestjoni tal-NGOs barranin mill-Kungress Popolari Nazzjonali fit-28 ta' April 2016 u l-adozzjoni tal-liġi ġdida dwar iċ-ċibersigurtà fis-7 ta' Novembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi Gui Minhai, pubblikatur tal-kotba u azzjonist tad-dar ta' pubblikazzjoni u ta' ħanut tal-kotba li jbigħ xogħlijiet letterarji li jikkritikaw lil Beijing, għeb f'Pattaya, it-Tajlandja, fis-17 ta' Ottubru 2015 mingħajr traċċa;

B.  billi bejn Ottubru u Diċembru 2015 erba' residenti oħra ta' Hong Kong (Lui Bo, Zhang Zhiping, Lam Wing-Kee u Lee Bo) li kienu jaħdmu fl-istess ħanut tal-kotba għebu wkoll;

C.  billi Gui Minhai huwa ċittadin Żvediż ta' oriġini Ċiniża u għalhekk ċittadin tal-UE;

D.  billi fis-17 ta' Jannar 2016 Gui Minhai deher f'xandira tat-televiżjoni Ċiniża u apparentement irrikonoxxa li kien irritorna volontarjament fiċ-Ċina kontinentali sabiex jiġi ġġudikat għal allegat reat li kien jinvolvi inċident bil-karozza fl-2003; billi hemm raġunijiet serji biex wieħed jemmen li l-apparizzjoni tiegħu fuq it-televiżjoni kienet orkestrata u li kien ingħata dokument li kellu jaqra minnu;

E.  billi Gui Minhai ilu taħt arrest għal aktar minn sena, f'iżolament, u billi mhux magħruf fejn jinsab; billi Gui Minhai huwa l-uniku bejjiegħ tal-kotba tal-grupp li għadu l-ħabs;

F.  billi l-awtoritajiet Żvediżi talbu l-appoġġ sħiħ tal-awtoritajiet Ċiniżi biex jitħarsu d-drittijiet taċ-ċittadin tagħhom, kif ukoll tal-individwi l-oħra li "għebu"; billi la l-familja ta' Gui Minhai u lanqas il-Gvern Żvediż ma ġew infurmati b'xi akkuża formali miġjuba kontrih, jew dwar il-post formali tad-detenzjoni tiegħu;

G.  billi Lui Bo u Zhang Zhiping tħallew jirritornaw Hong Kong, rispettivament fl-4 ta' Marzu u fit-8 ta' Marzu 2016, wara li kienu detenuti fiċ-Ċina kontinentali; billi huma talbu lill-pulizija jwaqqgħu l-kawżi rispettivi tagħhom u marru lura fiċ-Ċina kontinentali fl-istess jum li kienu waslu; billi Lee Bo mar lura Hong Kong fl-24 ta' Marzu 2016 u jiċħad li kien inħataf; billi Lam Wing-Kee rritorna Hong Kong fis-16 ta' Ġunju 2016;

H.  billi f'Ġunju 2016, Lam Wing-Kee, wieħed mill-pubblikaturi, mar lura Hong Kong biex jagħlaq l-inkjesta dwar l-għajbien tiegħu, iżda minflok ma rritorna lejn il-kontinent qal lill-midja li kien inħataf mis-servizzi ta' sigurtà Ċiniżi, inżamm iżolat u ġie mġiegħel jistqarr li wettaq reati li ma kienx ikkommetta quddiem il-kameras tat-televiżjoni;

I.  billi Hong Kong jiddefendi u jipproteġi l-libertajiet tal-kelma, ta' espressjoni u ta' pubblikazzjoni; billi l-pubblikazzjoni ta' kwalunkwe materjal li jikkritika lill-mexxejja Ċiniżi hija legali f'Hong Kong, għalkemm hija pprojbita fiċ-Ċina kontinentali; billi l-prinċipju ta' "pajjiż wieħed, żewġ sistemi" jiggarantixxi l-awtonomija ta' Hong Kong minn Beijing fir-rigward ta' tali libertajiet li huma minquxa fl-Artikolu 27 tal-Liġi Bażika;

J.  billi fir-Rapport Annwali tal-2015 dwar ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong, is-SEAE u l-Kummissjoni jqisu l-każ tal-ħames pubblikaturi tal-kotba bħala l-aktar sfida serja għal-Liġi Bażika ta' Hong Kong u, l-prinċipju ta' "pajjiż wieħed, żewġ sistemi" minn meta Hong Kong reġgħet ingħaqdet mar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (RPĊ) fl-1997; billi l-aġenziji tal-infurzar legali biss f'Hong Kong għandhom l-awtorità legali biex jinfurzaw il-liġi f'Hong Kong;

K.  billi l-Kumitat tan-NU kontra t-Tortura rrapporta t-tħassib serju tiegħu dwar rapporti konsistenti minn diversi sorsi dwar il-kontinwazzjoni ta' prattika ta' detenzjoni illegali f'postijiet ta' detenzjoni li la huma rikonoxxuti u lanqas huma uffiċjali, l-hekk imsejħa "ħabsijiet suwed"; billi huwa esprima wkoll it-tħassib serju tiegħu dwar rapporti konsistenti li jindikaw li l-prattika tat-tortura u tat-trattament ħażin għada integrata sew fis-sistema tal-ġustizzja kriminali, li hija dipendenti żżejjed fuq il-konfessjonijiet bħala bażi għall-kundanni;

L.  billi ċ-Ċina ffirmat iżda għadha ma rratifikatx il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), billi ċ-Ċina la ffirmat u lanqas ma rratifikat il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Sfurzat;

M.  billi s-17-il Summit UE-Ċina tad-29 ta' Ġunju 2015 tella' r-relazzjonijiet bilaterali fuq livell ġdid, u billi l-UE, fil-qafas strateġiku tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, wiegħdet li se tqiegħed id-drittijiet tal-bniedem fiċ-ċentru tar-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi terzi kollha, inklużi s-sħab strateġiċi tagħha; billi t-18-il Summit UE-Ċina tat-12-13 ta' Lulju 2016 ikkonkluda b'dikjarazzjoni li tgħid li se jkun hemm ċiklu ieħor ta' djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u ċ-Ċina qabel tmiem l-2016;

1.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar in-nuqqas ta' għarfien dwar fejn jinsab Gui Minhai; jappella għall-pubblikazzjoni immedjata ta' informazzjoni dettaljata dwar fejn jinsab Gui Minhai u jitlob li dan jinħeles minnufih b'mod sikur u li jingħata d-dritt li jikkomunika;

2.  Jinnota bi tħassib l-allegazzjonijiet li l-aġenziji tal-infurzar taċ-Ċina kontinentali qegħdin joperaw f'Hong Kong; ifakkar lill-awtoritajiet Ċiniżi li kwalunkwe operazzjoni tal-aġenziji tagħhom tal-infurzar tal-liġi f'Hong Kong tkun inkonsistenti mal-prinċipju ta' "pajjiż wieħed, żewġ sistemi";

3.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet rilevanti fit-Tajlandja, iċ-Ċina u Hong Kong biex jiċċaraw iċ-ċirkostanzi tal-għajbien f'konformità mal-istat tad-dritt;

4.  Jikkundanna bil-qawwa l-każijiet kollha ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari l-arresti arbitrarji, il-konsenji, il-konfessjonijiet sfurzati, id-detenzjoni sigrieta, id-detenzjoni f'iżolament u l-vjolazzjonijiet tal-libertà ta' pubblikazzjoni u ta' espressjoni; ifakkar li l-indipendenza tal-edituri tal-kotba, tal-ġurnalisti u tal-bloggers trid tiġi ssalvagwardata; jitlob it-tmiem immedjat tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-intimidazzjoni politika;

5.  Jikkundanna r-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' espressjoni u l-kriminalizzazzjoni tagħha, u jiddeplora r-restrizzjonijiet aktar stretti fuq il-libertà tal-espressjoni; jistieden lill-Gvern Ċiniż jieqaf joħnoq il-fluss liberu ta' informazzjoni, inkluż billi jirrestrinġi l-użu tal-internet;

6.  Jesprimi t-tħassib tiegħu rigward il-liġi ġdida dwar iċ-ċibersigurtà, adottata fis-7 ta' Novembru 2016, li tinforza u tistituzzjonalizza l-prattiki ta' ċensura u monitoraġġ taċ-ċiberspazju, u rigward il-liġi dwar is-sigurtà nazzjonali li ġiet adottata u l-abbozz ta' liġi dwar l-antiterroriżmu; jinnota l-biżgħat tal-avukati riformisti u d-difensuri tad-drittijiet ċivili Ċiniżi li dawn il-liġijiet se jkomplu jirrestrinġu l-libertà ta' espressjoni u li l-awtoċensura se tikber;

7.  Jistieden liċ-Ċina biex teħles lil dawk kollha li jikkritikaw il-gvern b'mod paċifiku, lill-attivisti li jimmilitaw kontra l-korruzzjoni, kif ukoll lill-avukati u lill-ġurnalisti, u biex twaqqa' l-akkużi kollha kontrihom;

8.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-dħul fis-seħħ imminenti tal-Liġi ġdida dwar il-Ġestjoni tal-NGOs Barranin fl-1 ta' Jannar 2017, meta jitqies li din se xxekkel drastikament l-attivitajiet tas-soċjetà ċivili Ċiniża u tirrestrinġi serjament il-libertajiet ta' assoċjazzjoni u ta' espressjoni fil-pajjiż, inkluż billi tipprojbixxi NGOs barranin li mhumiex reġistrati mal-Ministeru Ċiniż tas-Sigurtà Pubblika u billi timpedixxi li d-dipartimenti tas-sigurtà pubblika provinċjali jiffinanzjaw lil kwalunkwe individwu Ċiniż jew organizzazzjoni Ċiniża, u billi tipprojbixxi lil gruppi Ċiniżi milli jwettqu "attivitajiet" f'isem l-NGOs barranin li ma jkunux irreġistrati, inklużi dawk ibbażati f'Hong Kong u l-Macao, jew bl-awtorizzazzjoni ta' tali NGOs; jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi jipprovdu ambjent sikur u ġust u proċessi trasparenti li jippermettu lill-NGOs joperaw b'mod ħieles u effettiv fiċ-Ċina;

9.  Jissottolinja l-impenn tal-Unjoni Ewropea għat-tisħiħ tad-demokrazija, inkluż l-istat tad-dritt, l-indipendenza tal-ġudikatura, id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, it-trasparenza, u l-libertà ta' informazzjoni u ta' espressjoni f'Hong Kong;

10.  Jitlob liċ-Ċina tirratifika l-ICCPR u tiffirma u tirratifika l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Sfurzat mingħajr dewmien;

11.  Jenfasizza l-impenn tal-Unjoni Ewropea għat-tisħiħ tal-istat tad-dritt, l-indipendenza tal-ġudikatura, id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, b'mod partikolari t-trasparenza u l-libertà tal-kelma u ta' espressjoni, fil-pajjiżi kollha li magħhom għandha relazzjonijiet bilaterali; jemmen li jeħtieġ li jiġi stabbilit djalogu sinifikanti u miftuħ dwar id-drittijiet tal-bniedem, ibbażat fuq ir-rispett reċiproku; jemmen li relazzjonijiet b'saħħithom u kontinwi bejn l-UE u ċ-Ċina jridu jipprovdu pjattaforma effettiva għal djalogu matur, sinifikanti u miftuħ dwar id-drittijiet tal-bniedem abbażi tar-rispett reċiproku;

12.  Jinsisti li r-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi huma importanti biex tingħata spinta lill-benesseri rispettiv tagħna; ifakkar li tali relazzjonijiet jistgħu jevolvu biss bona fide u b'fiduċja reċiproka; jenfasizza li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u t-trasparenza huwa parti mill-ftehimiet kummerċjali moderni;

13.  Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet rilevanti tal-UE jaġixxu bil-ħeffa u jpoġġu l-każ ta' Gui Minhai fuq l-aġenda li jmiss tad-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem UE-Ċina;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u lill-Kap Eżekuttiv u lill-Assemblea tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong.

(1) Testi adottati, P8_TA(2016)0045.
(2) Testi adottati, P8_TA(2015)0458.
(3) Testi adottati, P7_TA(2014)0252.


Is-sitwazzjoni tal-Guarani-Kaiowá fl-Istat Brażiljan ta' Mato Grosso Do Sul
PDF 270kWORD 51k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2016 dwar is-sitwazzjoni tal-Guarani-Kaiowá fl-Istat Brażiljan ta' Mato Grosso do Sul (2016/2991(RSP))
P8_TA(2016)0445RC-B8-1260/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-ħtieġa li jitħarsu d-drittijiet tal-popli indiġeni tal-Brażil, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-ksur tad-drittijiet kostituzzjonali tal-popli indiġeni tal-Brażil tal-15 ta' Frar 1996(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Ottubru 1995 dwar is-sitwazzjoni tal-popli indiġeni tal-Brażil(2),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni adottata mill-Assemblea Ġenerali fit-13 ta' Settembru 2007,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Diċembru 1948,

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU ta' Settembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem u l-Patt Globali tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar il-Popli Indiġeni u Tribali (il-Konvenzjoni 169), kif adottata fis-27 ta' Ġunju 1989, u ffirmata mill-Brażil,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Popli Indiġeni tad-Dinja, tad-9 ta' Awwissu 2016,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1998, il-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR),

–  wara li kkunsidra r-rapport mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet ta' popli indiġeni, Victoria Tauli Corpuz, dwar il-missjoni tagħha fil-Brażil mis-7 sas-17 ta' Marzu 2016 (A/HRC/33/42/Add.1),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2016 tal-Kunsill Missjunarju Indiġenu (CIMI),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet magħmula mir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem matul id-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u l-Brażil,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Kostituzzjoni Brażiljana attwali tal-1988, li ġiet innegozjata mal-popli indiġeni, tagħraf id-drittijiet ta' tali popli li jżommu t-tradizzjonijiet kulturali tagħhom u tirrikonoxxi d-dritt oriġinali tagħhom għat-territorji tal-antenati tagħhom; billi huwa d-dmir tal-Istat li jirregola u jipproteġi dan id-dritt;

B.  billi, skont ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet ta' popli indiġeni, matul dawn l-aħħar tmien snin ġie rrappurtat nuqqas ta' progress preokkupanti fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tan-NU u tar-riżoluzzjoni ta' kwistjonijiet li ilhom għaddejjin u li huma ta' interess fundamentali għall-popli indiġeni fil-Brażil, bħall-omologazzjoni tat-territorji tagħhom, kif ukoll ir-rigressjoni inkwetanti fil-ħarsien tad-drittijiet tal-popli indiġeni;

C.  billi matul l-aħħar 14-il sena, skont id-data uffiċjali tas-Segretarjat Speċjali għas-Saħħa Indiġena (SESAI) u tad-distrett tas-saħħa indiġenu ta' Mato Grosso do Sul (DSEI-MS) dwar il-qtil ta' persuni indiġeni Guarani-Kaiowá fl-Istat ta' Mato Grosso do Sul, inqatlu mill-anqas 400 persuna indiġena u 14-il mexxej indiġenu, inkluż Simiao Vilharva u Clodiodi de Souza, fit-tentattivi tagħhom biex jieħdu lura l-artijiet tal-antenati tagħhom fi protesti paċifiċi;

D.  billi, skont l-Istħarriġ Nazzjonali dwar is-Saħħa u n-Nutrizzjoni tal-Popli Indiġeni fil-Brażil, li sar bejn l-2008 u l-2009, ir-rata ta' malnutrizzjoni kronika fost it-tfal indiġeni kienet ta' 26 %, meta mqabbla ma' medja ta' 5,9 % fost tfal mhux indiġeni; billi, skont riċerka reċenti mwettqa mill-FIAN tal-Brażil u mill-Kunsill Missjunarju Indiġenu (CIMI), 42 % tal-persuni fil-komunitajiet Guarani u Kaiowá jsofru minn malnutrizzjoni kronika;

E.  billi nuqqas ta' għoti ta' kura tas-saħħa, edukazzjoni u servizzi soċjali xierqa u n-nuqqas ta' demarkazzjoni tal-artijiet indiġeni kellhom impatt fuq is-suwiċidju fost iż-żgħażagħ u l-mortalità tat-trabi; billi matul l-aħħar 15-il sena mill-anqas 750 individwu, l-aktar żgħażagħ, ikkommettew suwiċidju u aktar minn 600 tifel u tifla taħt l-età ta' 5 snin mietu, li bosta minnhom mietu minn mard li seta' ġie evitat u trattat faċilment;

F.  billi 98,33 % tal-artijiet indiġeni fil-Brażil jinsabu fir-reġjun tal-Amażonja, fejn il-popolazzjonijiet indiġeni jgħinu fil-ħarsien tal-bijodiversità fir-reġjun u b'hekk għandhom rwol fil-prevenzjoni tat-tibdil fil-klima; billi, skont l-istudju "Toward a Global Baseline of Carbon Storage in Collective Lands: An Updated Analysis of Indigenous Peoples' and Local Communities' Contributions to Climate Change Mitigation" (Lejn linja bażi globali ta' ħażna tal-karbonju f'artijiet kollettivi: Analiżi aġġornata tal-kontribut ta' popli indiġeni u ta' komunitajiet lokali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima), mill-Inizjattiva tad-Drittijiet u r-Riżorsi, iċ-Ċentru ta' Riċerka Woods Hole u l-Istitut World Resources, ippubblikat fl-1 ta' Novembru 2016, l-espansjoni tad-drittijiet għall-art tal-indiġeni jista' jkollha rwol importanti fil-ħarsien tal-foresti, tal-bijodiversità u tal-ekosistemi;

G.  billi l-Ministeru Federali Pubbliku u l-Fondazzjoni Nazzjonali għall-Appoġġ tal-Popli Indiġenu (FUNAI) fl-2007 ffirmaw it-Termini ta' Aġġustament ta' Kondotta (TAC) bl-għan li jiġu identifikati u demarkati 36 territorju tal-komunità Guarani-Kaiowá f'Mato Grosso do Sul sal-2009;

H.  billi għadd ta' inizjattivi għar-riforma, l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Kostituzzjoni Federali Brażiljana għadhom għaddejjin, u billi dawn il-bidliet possibbli jistgħu jpoġġu f'riskju d-drittijiet tal-indiġeni rikonoxxuti mill-Kostituzzjoni;

1.  Jirrikonoxxi s-sħubija fit-tul bejn l-UE u l-Brażil, li hija mibnija fuq il-fiduċja reċiproka u r-rispett għall-prinċipji u l-valuri demokratiċi; ifaħħar lill-Gvern Brażiljan għall-progress li għamel f'materji bħar-rwol kostruttiv tal-FUNAI, is-serje ta' deċiżjonijiet tal-Qorti Suprema Federali li jipprevjenu l-iżgumbramenti, il-bosta sforzi biex jiġu implimentati servizzi differenzjati fl-oqsma tas-saħħa u tal-edukazzjoni, il-kisbiet sinifikanti fir-rigward tad-demarkazzjoni tal-art fir-reġjun tal-Amażonja, l-organizzazzjoni tal-ewwel Konferenza Nazzjonali dwar il-Politika dwar l-Indiġeni u l-istabbiliment tal-Kunsill Nazzjonali għall-Politika dwar l-Indiġeni;

2.  Jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza mwettqa kontra l-komunitajiet indiġeni tal-Brażil; jiddeplora s-sitwazzjoni tal-faqar u tad-drittijiet tal-bniedem tal-popolazzjoni Guarani-Kaiowá f'Mato Grosso do Sul;

3.  Jitlob lill-awtoritajiet Brażiljani jieħdu azzjoni immedjata biex iħarsu s-sigurtà tal-popli indiġeni u biex jiżguraw li jitwettqu investigazzjonijiet indipendenti dwar il-qtil u l-attakki fuq il-popli indiġeni fit-tentattivi tagħhom biex jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem u territorjali tagħhom, b'tali mod li l-awturi jkunu jistgħu jiġu arrestati u jitressqu l-qorti;

4.  Ifakkar lill-awtoritajiet Brażiljani dwar ir-responsabilitajiet tagħhom fir-rigward tal-ħarsien u l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni Brażiljana dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-individwu u dwar id-drittijiet tal-minoranzi u ta' gruppi etniċi vulnerabbli fir-rigward tal-popolazzjoni Guarani-Kaiowá;

5.  Ifakkar lill-awtoritajiet Brażiljani dwar l-obbligu tagħhom li jirrispettaw l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem dwar il-popli indiġeni, kif meħtieġ b'mod partikolari mill-Kostituzzjoni Federali Brażiljana u l-Liġi 6.001/73 dwar "L-Istatut Indjan";

6.  Jirrikonoxxi r-rwol tal-Qorti Suprema Federali Brażiljana biex tkompli tipproteġi d-drittijiet oriġinali u kostituzzjonali tal-popli indiġeni, u jistieden lill-Kunsill Nazzjonali biex jiżviluppa mekkaniżmi u azzjonijiet li jħarsu aħjar il-ħtiġijiet ta' popolazzjonijiet vulnerabbli;

7.  Jistieden lill-awtoritajiet Brażiljani jimplimentaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-popli indiġeni wara l-missjoni tagħha fil-Brażil f'Marzu 2016;

8.  Jitlob lill-awtoritajiet Brażiljani jiżviluppaw pjan ta' ħidma biex tingħata prijorità lit-tlestija tad-demarkazzjoni tat-territorji kollha mitluba mill-poplu ta' Guarani-Kaiowá u biex joħolqu kundizzjonijiet tekniċi u operattivi għal dan l-iskop, minħabba li ħafna mill-qtil huwa dovut għal rappreżalji fil-kuntest tal-okkupazzjoni mill-ġdid tal-artijiet tal-antenati;

9.  Jirrakkomanda li l-awtoritajiet Brażiljani jipprovdu baġit suffiċjenti għall-ħidma tal-FUNAI u jsaħħuha bir-riżorsi meħtieġa għall-għoti ta' servizzi bażiċi li fuqhom jiddependu l-popli indiġeni;

10.  Jesprimi tħassib dwar l-emenda kostituzzjonali proposta 215/2000 (PEC 215), li l-popli indiġeni Brażiljani qegħdin jopponu bil-qawwa, peress li jekk tiġi approvata hija se tippreġudika d-drittijiet fuq l-art ta' popli indiġeni, billi tagħmilha possibbli għall-interessi kontra l-Indjani relatati mal-industriji agrokummerċjali, tal-injam, tal-minjieri u tal-enerġija biex iwaqqfu milli jiġu rikonoxxuti t-territorji indiġeni ġodda; jemmen bil-qawwa li l-kumpaniji għandhom jinżammu responsabbli għal kwalunkwe ħsara ambjentali u għal kwalunkwe abbuż tad-drittijiet tal-bniedem li jkunu responsabbli għalihom, u li l-UE u l-Istati Membri għandhom jiddefendu dan bħala prinċipju bażiku billi jinkluduh bħala dispożizzjoni vinkolanti fil-politiki kummerċjali kollha;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-President u lill-Gvern tal-Brażil, lill-President tal-Kungress Nazzjonali Brażiljan, lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lill-Forum Permanenti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kwistjonijiet Indiġeni.

(1) ĠU C 65, 4.3.1996, p. 164.
(2) ĠU C 287, 30.10.1995, p. 202.


Il-każ ta' Ildar Dadin, priġunier minħabba twemmin fir-Russja
PDF 267kWORD 52k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2016 dwar il-każ ta' Ildar Dadin, priġunier minħabba twemmin fir-Russja (2016/2992(RSP))
P8_TA(2016)0446RC-B8-1261/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rapporti, r-rakkomandazzjonijiet u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja, b'mod partikolari r-rakkomandazzjoni lill-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2012 dwar l-istabbiliment ta’ restrizzjonijiet komuni rigward il-viżi għal uffiċjali Russi involuti fil-każ ta' Sergei Magnitsky(1); ir-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar l-istat tad-dritt fir-Russja(2), tat-13 ta' Marzu 2014 dwar ir-Russja: kundanna tad-dimostranti involuti fil-ġrajjiet tal-Pjazza Bolotnaya(3), ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill tat-2 ta' April 2014 dwar l-istabbiliment ta' restrizzjonijiet komuni rigward il-viża għal uffiċjali Russi involuti fil-każ ta' Sergei Magnitsky(4); u r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2014 dwar l-għeluq tal-NGO "Memorial" (rebbieħ tal-Premju Sakharov 2009) fir-Russja(5), tat-12 ta' Marzu 2015 dwar l-omiċidju tal-kap tal-oppożizzjoni Russu Boris Nemtsov u l-istat tad-demokrazija fir-Russja(6), tal-10 ta' Ġunju 2015 dwar l-istat tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja(7), u tal-10 ta' Settembru 2015 dwar ir-Russja, b'mod partikolari l-każijiet ta' Eston Kohver, Oleg Sentsov u Olexander Kolchenko(8),

–  wara li kkunsidra r-riżultati tas-Samit bejn l-UE u r-Russja tat-3 u l-4 ta' Ġunju 2013 u l-konsultazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem tad-19 ta' Mejju 2013,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni Russa, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tagħha, li jipproteġi l-libertà ta' espressjoni, u l-Artikolu 31, li jinkludi d-dritt għall-għaqda paċifika,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fil-bidu ta' Diċembru 2015 l-attivist Russu tal-oppożizzjoni Ildar Dadin ġie kkundannat għal tliet snin ħabs wara li organizza għadd ta' protesti u għaqdiet paċifiċi kontra l-gwerra, u dan għamlu bħala l-ewwel persuna fir-Russja li nstabet ħatja taħt liġi dwar l-għaqda pubblika iebsa adottata fl-2014;

B.  billi Ildar Dadin ġie kkundannat għal tliet snin ħabs, kundanna li tmur lilhinn mis-sentenza rakkomandata mill-prosekuzzjoni ta' sentejn ħabs; billi s-sentenza tnaqqset b'appell għal sentejn u nofs;

C.  billi matul il-priġunerija tiegħu li għadha għaddejja, is-Sur Dadin allegatament sofra tortura, swat, trattament inuman u theddid ta' qtil ripetuti min-naħa tal-awtoritajiet Russi, fil-kolonja penali numru 7 f'Karelia;

D.  billi l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) approvat it-talba tal-avukat tas-Sur Dadin u obbligat lill-Federazzjoni Russa tiżgura investigazzjoni effettiva, tressaq lis-Sur Dadin f'penitenzjarju differenti u tiżgura l-komunikazzjoni tiegħu mar-rappreżentant legali tiegħu;

E.  billi l-każ ta' Ildar Dadin mhuwiex iżolat, u rapporti kredibbli dwar id-drittijiet tal-bniedem jindikaw l-użu sistematiku tat-tortura, trattament ħażin u trattament inuman fis-sistema penali Russa; billi dawk li jwettqu u li huma responsabbli mit-tortura u l-abbuż ta' dawk fil-ħabs jew f'faċilitajiet penali u ta' detenzjoni ta' spiss igawdu minn impunità;

F.  billi fit-3 ta' Novembru 2016, Thorbjørn Jagland, is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, esprima t-tħassib tiegħu dwar l-allegazzjonijiet ta' trattament ħażin tas-Sur Dadin lil Alexander Konovalov, Ministru tal-Ġustizzja tal-Federazzjoni Russa;

G.  billi n-numru ta' priġunieri politiċi fir-Russja żdied b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar snin u, skont il-Memorial Human Rights Centre, issa huwa ta' 102 priġunier, fosthom Alexander Kostenko Fedorovic, Ivan Nepomnyaschih, Dmitry Buchenkov, Vladimir Ionov, Maxim Panfilov u oħrajn; billi fl-2015 ir-Russja nstabet li kisret il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem 109 darbiet, fi kliem ieħor aktar minn kwalunkwe pajjiż ieħor;

H.  billi kienu rreġistrati 197 mewta fil-kustodja tal-pulizija fl-2015, inklużi 109 dovuti għal "deterjorament f'daqqa tal-kundizzjonijiet tas-saħħa" u 62 suwiċidju, u dan jista' jindika abbuż, tortura u trattament ħażin mifruxa ta' priġunieri fis-sistema penitenzjarja tal-Federazzjoni Russa;

I.  billi fis-26 ta' Ottubru 2016 qorti f'Moska imponiet multa ta' 300 000 rubli liċ-Ċentru Analitiku Yuriy Levada (Ċentru Levada), waħda mit-tliet organizzazzjonijiet prinċipali li jistudjaw l-opinjoni pubblika fir-Russja, minħabba li dan kien naqas milli jirreġistra bħala "aġent barrani";

J.  billi l-President Putin dan l-aħħar iffirma digriet li bih ir-Russja minn issa 'l quddiem tirrifjuta li tipparteċipa fl-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI); billi f'dikjarazzjoni, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Russu iddeskriva x-xogħol tal-QKI bħala "ineffiċjenti u parzjali" u esprima tħassib dwar l-investigazzjoni tagħha rigward l-avvenimenti ta' Awwissu 2008 fl-Ossezja tan-Nofsinhar; billi l-prosekuturi tal-QKI ressqu rapport fuq il-websajt tal-qorti li jiddikjara li "l-okkupazzjoni Russa kienet akkumpanjata minn fastidju u intimidazzjoni tat-Tatari tal-Krimea";

K.  billi f'Ottubru 2016 il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti ddeċieda li ma jerġax jeleġġi lir-Russja bħala membru, wara li aktar minn 80 organizzazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-għajnuna internazzjonali ffirmaw ittra li tħeġġeġ lill-membri tan-NU jimblukkaw l-elezzjoni tar-Russja f’dan il-korp;

1.  Jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet ta' Ildar Dadin u ta' dawk kollha li ġew arrestati fuq akkużi foloz jew mhux sostanzjati jew għaliex użaw id-dritt tagħhom tal-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda;

2.  Huwa mħasseb profondament li l-Kodiċi Kriminali tal-Federazzjoni Russa ġie emendat permezz ta' artikolu li jqiegħed restrizzjonijiet ġodda fuq il-laqgħat pubbliċi u jipprovdi biex tali laqgħat jitqiesu bħala att kriminali;

3.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi jwettqu investigazzjoni dettaljata u trasparenti dwar l-allegazzjonijiet magħmula minn Ildar Dadin ta' tortura u trattament ħażin, bil-parteċipazzjoni ta' esperti indipendenti dwar id-drittijiet tal-bniedem; jitlob li ssir investigazzjoni indipendenti dwar l-allegazzjonijiet ta' tortura, abbuż u trattament degradanti u inuman min-naħa ta' uffiċjali tal-Istat Russu f'faċilitajiet ta' detenzjoni, kampijiet tax-xogħol u ħabsijiet;

4.  Jistieden lill-Federazzjoni Russa, f'dan ir-rigward, biex twettaq reviżjoni fil-fond tas-sistema penitenzjarja tagħha bl-għan li tinbeda riforma profonda tas-sistema, u li jiġu implimentati bis-sħiħ l-istandards maqbula skont il-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti;

5.  Jesprimi s-solidarjetà tiegħu ma' dawk li ġew arrestati fir-Russja u fit-territorji okkupati temporanjament tal-Ukrajna, inklużi t-Tatari tal-Krimea, abbażi ta' akkużi foloz u mhux sostanzjati, u jitlob il-ħelsien immedjat tagħhom;

6.  Ifakkar lir-Russja dwar l-importanza tal-konformità sħiħa mal-obbligi legali internazzjonali tagħha, bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, u mad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u mal-istat tad-dritt kif minquxa f'diversi trattati u ftehimiet internazzjonali li r-Russja iffirmat u hija firmatarja tagħhom; jenfasizza li l-Federazzjoni Russa tista' titqies bħala sieħeb affidabbli fil-qasam tal-kooperazzjoni internazzjonali unikament jekk timxi mal-obbligi tagħha skont id-dritt internazzjonali; f'dan ir-rigward, jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-digriet presidenzjali li jirtira lir-Russja mill-Istatut ta' Ruma tal-QKI;

7.  Jistieden lill-gvern tar-Russja biex jieħu passi konkreti u immedjati biex jikkonforma mas-sentenzi kollha tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kontra r-Russja; f'dan ir-rigward jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Federazzjoni Russa, b'leġiżlazzjoni ġdida adottata f'Diċembru 2015, tat is-setgħa lill-Qorti Kostituzzjonali tagħha li tbiddel is-sentenzi tal-QEDB;

8.  Iħeġġeġ lill-Kunsill jiżviluppa politika komuni fir-rigward tar-Russja li timpenja lit-28 Stat Membru tal-UE u lill-istituzzjonijiet tal-UE li jibagħtu messaġġ komuni qawwi dwar ir-rwol tad-drittijiet tal-bniedem fir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja u r-rispett tad-dritt internazzjonali; jistieden lill-VP/RGħ biex, flimkien mas-SEAE u l-Kummissjoni, tiżviluppa strateġija sostantiva u konkreta li tappoġġa lis-soċjetà ċivili u lill-organizzazzjonijiet Russi, bl-użu tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem;

9.  Jistieden lill-Kunsill jadotta sensiela ta' sanzjonijiet immirati biex jikkastigaw lil dawk responsabbli għal dan it-trattament ħażin ta' Ildar Dadin u ta' attivisti oħra tad-drittijiet tal-bniedem;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lis-SEAE, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, u lill-President, lill-Gvern u l-Parlament tal-Federazzjoni Russa.

(1) ĠU C 68 E, 7.3.2014, p. 13.
(2) ĠU C 65, 19.2.2016, p. 150.
(3) Testi adottati, P7_TA(2014)0253.
(4) Testi adottati, P7_TA(2014)0258.
(5) ĠU C 274, 27.7.2016, p. 21.
(6) ĠU C 316, 30.8.2016, p. 126.
(7) ĠU C 407, 4.11.2016, p. 35.
(8) Testi adottati P8_TA(2015)0314.


Assistenza makrofinanzjarja lill-Ġordan ***I
PDF 345kWORD 49k
Riżoluzzjoni
Test
Anness
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2016 dwar il-proposta għal deċizjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprevedi assistenza makrofinanzjarja lir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan (COM(2016)0431 – C8-0242/2016 – 2016/0197(COD))
P8_TA(2016)0447A8-0296/2016

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2016)0431),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 212 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema Artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0242/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill adottata flimkien mad-Deċiżjoni Nru 778/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Awwissu 2013 li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja ulterjuri lill-Ġeorġja(1),

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-ittra tal-Kumitat għall-Baġits,

–  wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-4 ta' Novembru 2016, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8-0296/2016),

1.  Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Japprova d-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-24 ta’ Novembru 2016 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprevedi assistenza makrofinanzjarja lir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel mal-att finali, d-Deċiżjoni (UE) 2016/2371.)

ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA

Dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni

Fid-dawl tal-isfidi fiskali u ċ-ċirkustanzi straordinarji li qiegħed jiffaċċja l-Ġordan minħabba li qiegħed jospita iktar minn 1,3 miljun Sirjan, il-Kummissjoni ser, fl-2017, jekk ikun xieraq, tippreżenta proposta ġdida sabiex testendi u żżid l-AMF lill-Ġordan, malli titlesta b'suċċess it-tieni AMF u dment li jkunu ssodisfati l-prekundizzjonijiet tas-soltu għal dan it-tip ta’ assistenza, inkluża valutazzjoni aġġornata mill-Kummissjoni tal-ħtiġijiet ta’ finanzjament estern tal-Ġordan. Din l-għajnuna kritika għall-Ġordan tgħin lill-pajjiż iżomm l-istabbiltà makroekonomika filwaqt li jżomm ukoll il-gwadanji fl-iżvilupp u jkompli bl-aġenda tar-riforma tal-pajjiż.

(1) ĠU L 218, 14.8.2013, p. 15.


L-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali ***I
PDF 341kWORD 60k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2016 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali (riformulazzjoni). (COM(2014)0167 – C7-0112/2014 – 2014/0091(COD))
P8_TA(2016)0448A8-0011/2016

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja - riformulazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0167),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikoli 53 u  62 u l-Artikolu 114(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0112/2014),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni motivata ppreżentata, fil-qafas tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u ta' proporzjonalità, mill-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Olanda, fejn jiddikjaraw li l-abozz ta' att leġiżlattiv ma jimxix mal-prinċipji ta' sussidjarjetà,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-10 ta’ Lulju 2014(1),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-28 ta' Novembru 2001 għal użu iktar strutturat tat-teknika tat-tfassil mill-ġdid tal-atti legali(2),

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-4 ta’ Settembru 2014 mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji skont l-Artikolu 104(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-30 ta' Ġunju 2016, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 104 u 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0011/2016),

A.  billi, fl-opinjoni tal-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv tas-Servizzi Legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, il-proposta tal-Kummissjoni ma tinkludi ebda tibdil sustanzjali ħlief dak identifikat bħala tali fil-proposta u billi, f’dak li jikkonċerna l-kodifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet mhux mibdula tal-atti preċedenti flimkien ma' dan it-tibdil, il-proposta tillimita ruħha għal kodifikazzjoni pura u sempliċi tal-atti eżistenti mingħajr tibdil sustanzjali;

1.  Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt, filwaqt li jikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv tas-Servizzi Legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-24 ta' Novembru 2016 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta' istituzzjonijiet għall-provvista ta' rtirar okkupazzjonali (IORPs) (riformulazzjoni)

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel mal-att leġislattiv finali, d-Direttiva (UE) 2016/2341.)

(1) ĠU C 451, 16.12.2014, p. 109.
(2) ĠU C 77, 28.3.2002, p. 1.


Sitwazzjoni fis-Sirja
PDF 284kWORD 57k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2016 dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja (2016/2933(RSP))
P8_TA(2016)0449RC-B8-1249/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja, inkluża dik tas-6 ta' Ottubru 2016(1),

–  wara li kkunsidra l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-protokoll addizzjonali tagħhom,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Da'esh u l-Front al-Nusra u dawk dwar il-kunflitt fir-Repubblika Għarbija Sirjana, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet 2118 (2013), 2139 (2014), 2165 (2014), 2191 (2014), 2199 (2015), 2254 (2015), 2258 (2015) u 2268 (2016),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Ottubru 2016 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-18 u d-19 ta' Frar 2016 u tal-20 u tal-21 ta' Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, u l-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili, Christos Stylianidis, tas-16 ta' Settembru 2016 dwar is-Sirja, tal-20 ta' Settembru 2016 dwar attakki mill-ajru kontra l-konvoj tal-għajnuna umanitarju tan-NU/tan-Nofs Qamar Aħmar tar-Repubblika Sirjana, tal-24 ta' Settembru 2016 dwar is-sitwazzjoni f'Aleppo, tat-2 ta' Ottubru 2016 dwar l-inizjattiva umanitarja ta' emerġenza f'Aleppo u tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar l-urġenza biex l-għajnuna umanitarja tilħaq Aleppo,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kummissjoni ta' Inkjesta Internazzjonali Indipendenti dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana, stabbilita mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana tas-27 ta' Settembru 2016 u tal-21 ta' Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-17 ta' Novembru 2016 tal-Viċi President/Rappreżentant Għoli Federica Mogherini dwar ir-Russja u l-Qorti Kriminali Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi sitt snin ta' kunflitt, vjolenza u brutalità estrema fis-Sirja wasslu għall-mewt ta' aktar minn 400 000 ruħ, filwaqt li aktar minn 13-il miljun ruħ jinsabu fi bżonn ta' għajnuna umanitarja; billi 8,7 miljun persuna huma mbassra li jkunu ġew spostati ġewwa s-Sirja fl-2016 u 4,8 miljun persuna ħarbu mill-pajjiż;

B.  billi l-battalji u l-bombardamenti għadhom għaddejin bl-istess intensità fis-Sirja u billi s-sitwazzjoni umanitarja kompliet tmur għall-agħar; billi Aleppo tibqa' l-epiċentru tal-kunflitt Sirjana, iżda jibqa' għaddej il-ġlied f'Hama, f'Idlib, fil-Majjistral tas-Sirja, fis-subborgi ta' Damascus u f'Dier ez-Zor; billi aktar minn erba' miljun ruħ qed jgħixu fi bliet assedjati u f'żoni li diffiċli jintlaħqu fejn l-infrastruttura essenzjali tal-elettriku u tal-ilma ġiet meqruda; billi minkejja l-pawżi umanitarji unilaterali ddikjarati mir-reġim ta' Assad u mir-Russja, il-popolazzjonijiet tal-Lvant ta' Aleppo u ta' bliet assedjati oħrajn qed isofru minn nuqqas kbir ta' ikel u provvisti mediċi bażiċi, fosthom il-belt ta' Zabadani li hija okkupata mir-ribelli, u l-irħula ta' Kefraya u Foua, li huma kkontrollati mill-gvern, fil-provinċja ta' Idlib; billi l-ebda assistenza umanitarja ma kienet kapaċi tilħaq il-partijiet tal-Lvant ta' Aleppo assedjati minn Lulju 2016;

C.  billi hemm kriżi ta' saħħa permanenti f'Aleppo u madwar is-Sirja; billi, skont l-UNICEF, aktar minn żewġ terzi ta' Sirjani fir-reġjun m'għandhomx aċċess regolari għall-ilma u kważi 6 miljun tifel u tifla jinsabu fi bżonn urġenti ta' għajnuna vitali;

D.  billi l-partijiet kollha fil-kunflitt wettqu vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali, iżda dawk l-aktar serji twettqu mir-reġim ta' Assad appoġġat mir-Russja u l-Iran, inkluż l-użu ta' armi mingħajr distinzjoni, bombi inċendjarji, bombi barmil u li jkissru l-bunkers, f'żoni ċivili, kif ukoll sustanzi mniżżla bħala armi kimiċi skont il-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni, il-Ħażna u l-Użu ta' Armi Kimiċi u dwar il-Qerda tagħhom; billi ma kien hemm l-ebda rispett tal-prinċipji ta' prekawzjoni u ta' proporzjonalità; billi kien hemm żoni ċivili, skejjel, sptarijiet, ħaddiema umanitarji u kampijiet tar-rifuġjati li sfaw intenzjonalment fil-mira; billi d-delitti tal-gwerra u d-delitti kontra l-umanità m'għandhomx jgħaddu mingħajr ma jiġu kkastigati;

E.  billi l-Kummissjoni ta' Inkjesta Internazzjonali Indipendenti dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana, b'mandat min-Nazzjonijiet Uniti, flimkien ma' gruppi tad-drittijiet tal-bniedem, ġabru provi li mill-inqas 200 000 persuna ġew arrestati mill-Gvern Sirjan f'kundizzjonijiet inumani ta' detenzjoni; billi eluf ta' Sirjani mietu fil-kustodja tal-Gvern Sirjan f'dawn l-aħħar snin dovut għat-tortura u l-mard; billi l-għajbien sfurzat u abbużi orribbli fuq il-ħabsin huma mifruxa; billi l-awtoritajiet Sirjani ppruvaw iżommu informazzjoni dwar il-faċilitajiet ta' detenzjoni sigrieti tagħhom, billi irrifjutaw l-aċċess għal osservaturi tad-detenzjoni rikonoxxuti b'mod internazzjonali; billi l-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar (KISA), sa mill-2011, tħalla biss iżur ftit ħabsijiet;

F.  billi d-dinja kienet ripetutament ixxukkjata bl-atroċitajiet imwettqa mid-Da'esh u minn gruppi ġiħadisti oħra, bl-użu ta' eżekuzzjonijiet brutali, kif ukoll b'vjolenza sesswali terribbli, ħtif, tortura, konverżjonijiet sfurzati u skjavitù tan-nisa u l-bniet; billi tfal ġew reklutati u użati f'attakki terroristiċi; billi d-Da'esh għadha qed tikkontrolla partijiet kbar tas-Sirja u tal-Iraq; billi d-Da'esh iwettaq il-ġenoċidju kontra minoranzi reliġjużi u etniċi, iwettaq atti ta' tortura estrema u jeqred il-wirt kulturali; billi hemm tħassib serju dwar il-benessri tal-popolazzjoni li bħalissa tinsab taħt il-kontroll tad-Da'esh u dwar l-użu possibbli tagħhom bħala tarki umani matul il-kampanja għall-ħelsien;

G.  billi l-Jabhat Fateh al-Sham, preċedentement magħruf bħala l-Front Al-Nusra, l-affiljat tal-al-Qaeda fis-Sirja, huwa organizzazzjoni terroristika li tirrifjuta tranżizzjoni politika negozjata u futur demokratiku u inklużiv għas-Sirja;

H.  billi s-Sirja ffirmat iżda ma rratifikatx l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI); billi s-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon, kemm-il darba ħeġġeġ lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jirreferi s-sitwazzjoni fis-Sirja lill-QKI; billi r-Russja u ċ-Ċina jimblokkaw kull progress dwar ir-responsabbiltà fis-Sirja billi jużaw il-veto tagħhom għal kull riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà li tagħti lill-Qorti l-mandat biex tinvestiga d-delitti atroċi mwettqa matul il-kunflitt fis-Sirja; billi fis-16 ta' Novembru 2016 ir-Russja ddeċidiet li tirtira l-firma tagħha mill-Istatut ta' Ruma; billi dan in-nuqqas ta' responsabbiltà jagħti lok għal aktar atroċitajiet u jkompli jżid it-tbatija tal-vittmi;

I.  billi l-pajjiżi u l-partijiet kollha involuti fil-kunflitt iridu jiġu mfakkra dwar l-obbligi tagħhom skont ir-Riżoluzzjoni 2254 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, b'mod partikolari l-obbligu li jwaqqfu kull attakk kontra ċivili u infrastruttura ċivili u l-obbligu li jiżguraw l-aċċess umanitarju madwar il-pajjiż; billi l-Unjoni Ewropea trid tuża l-istrumenti kollha tagħha, inkluż l-impożizzjoni ta' miżuri restrittivi, sabiex tiżgura konformità sħiħa mill-partijiet kollha ma' din ir-riżoluzzjoni;

J.  billi l-UE hija fost il-kontributuri ewlenin ta' għajnuna umanitarja għan-nies li qed jaħarbu l-vjolenza u l-qerda storiċi fis-Sirja; billi n-nuqqas ta' għaqda internazzjonali jagħmilha ferm aktar diffiċli li jintlaħaq tmiem innegozjat għall-gwerra fis-Sirja;

1.  Jesprimi għal darb' oħra t-tħassib mill-aktar serju tiegħu dwar il-ġlied u l-bombardamenti li qed ikomplu fis-Sirja u s-sitwazzjoni umanitarja li marret għall-agħar; jikkundanna bil-qawwa l-attakki kollha fuq iċ-ċivili u fuq l-infrastruttura ċivili, il-kontinwazzjoni tal-assedji kollha fis-Sirja u n-nuqqas ta' aċċess umanitarju għall-poplu Sirjan fil-bżonn; jistieden lill-partijiet kollha biex jippermettu aċċess umanitarju mingħajr xkiel u kontinwu u l-forniment ta' oġġetti ta' emerġenza, b'mod partikolari liż-żoni assedjati u li diffiċli jintlaħqu; jisħaq li l-ikkawżar intenzjonat tal-ġuħ fost il-popolazzjonijiet huwa pprojbit mid-dritt umanitarju internazzjonali u jħeġġeġ lill-partijiet kollha biex jippermettu l-evakwazzjonijiet mediċi immedjatament mil-Lvant ta' Aleppo u miż-żoni assedjati l-oħra kollha;

2.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-atroċitajiet u l-vjolazzjonijiet fuq skala kbira tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mwettqa mill-forzi ta' Assad bl-appoġġ tar-Russja u l-Iran, kif ukoll l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u l-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali minn gruppi terroristiċi armati mhux statali, b'mod partikolari d-Da'esh, Jabhat Fateh al-Sham/il-Front al-Nusra u gruppi ġiħadisti oħrajn;

3.  Jitlob għall-waqfien immedjat ta' bumbardamenti u ta' attakki indiskriminati kontra nies ċivili; jenfasizza l-ħtieġa li l-partijiet kollha juru l-akbar attenzjoni u jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex jipproteġu liċ-ċivili, irrispettivament mill-identità etnika jew mit-twemmin reliġjuż jew konfessjonali tagħhom; jikkundanna bil-qawwa l-isparar bla distinzjoni ta' għadd kbir ta' rokits minn gruppi armati ta' oppożizzjoni fuq subborgi ċivili fil-Punent ta' Aleppo; jenfasizza li ħafna ċivili, inklużi tfal, ġew irrappurtati feruti u maqtula; jitlob lill-partijiet kollha fil-kunflitt jieħdu l-passi xierqa kollha biex jipproteġu liċ-ċivili, b'konformità mad-dritt internazzjonali, inkluż billi jwaqqfu l-attakki diretti kontra faċilitajiet ċivili bħalma huma ċ-ċentri mediċi, l-iskejjel u l-istazzjonijiet tal-ilma, billi jiddemilitarizzaw immedjatament dawn il-faċilitajiet, billi jfittxu li jevitaw li jistabbilixxu pożizzjonijiet militari f'żoni b'densità għolja ta' popolazzjoni u billi jippermettu l-evakwazzjoni taċ-ċivili mweġġa' u ta' dawk kollha li jixtiequ jitilqu miż-żoni assedjati; jenfasizza li r-reġim Sirjan għandu r-responsabbiltà primarja li jipproteġi l-popolazzjoni Sirjana;

4.  Ifaħħar l-isforzi tal-ħaddiema tal-għajnuna umanitarja li jagħmlu ħilithom biex iwasslu l-għajnuna, l-ikel, l-ilma u l-mediċini tant meħtieġa lin-nies maqbuda fil-kunflitt, u jħeġġeġ lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt biex jiżguraw lill-aġenziji umanitarji aċċess bla xkiel għall-persuni ċivili affettwati mill-gwerra;

5.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jipprovdu l-appoġġ sħiħ lin-NU u lill-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW) biex ikomplu jinvestigaw l-użu u l-qerda tal-armi kimiċi min-naħat kollha fis-Sirja; jinsisti bil-qawwa li dawk responsabbli għall-użu tal-armi kimiċi jridu jinżammu responsabbli; jappoġġa l-estensjoni tal-mandat tal-Mekkaniżmu ta' Investigazzjoni Konġunt tal-OPCW, bil-ħsieb li tiġi stabbilita r-responsabbiltà għall-użu tal-armi kimiċi fis-Sirja;

6.  Jesprimi tħassib dwar id-detenzjoni illegali, it-tortura, it-trattament ħażin, l-għajbien sfurzat u l-qtil tad-detenuti fil-ħabsijiet ta' reġim u fiċ-ċentri ta' detenzjoni sigrieta mmexxija minn milizzji appoġġati minn barra l-pajjiż; jistieden lill-awtoritajiet Sirjani li jiġġestixxu dawn iċ-ċentri ta' detenzjoni biex iwaqqfu l-eżekuzzjonijiet kollha kif ukoll it-trattament inuman;

7.  Jappella għar-rilaxx immedjat ta' dawk miżmuma b'mod arbitrarju u għat-tmiem tal-użu tat-tortura u trattament ħażin ieħor kif ukoll il-prattika ta' għajbien sfurzat, b'konformità mar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 2139 tat-22 ta' Frar 2014; jappella għall-aċċess immedjat u bla xkiel għall-osservaturi tad-detenzjoni internazzjonali – bħall-KISA – biex jimmonitorjaw is-sitwazzjoni tad-detenuti kollha fis-Sirja u biex jipprovdu informazzjoni u jappoġġaw lill-familji tad-detenuti;

8.  Ifakkar il-kundanna qawwija tiegħu fil-konfront tal-atroċitajiet imwettqa mir-reġim ta' Assad, Da'esh, Jabhat Fateh al-Sham/Al-Nusra u organizzazzjonijiet terroristiċi oħra, li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala delitti serji tal-gwerra u delitti kontra l-umanità; jappoġġa s-sejħa min-nazzjonijiet Quint (l-Istati Uniti, Franza, il-Ġermanja, l-Italja u r-Renju Unit) u mill-VP/RGħ dwar il-gruppi armati kollha li qed jiġġieldu fis-Sirja biex iwaqqfu kwalunkwe kollaborazzjoni ma' Jabhat Fateh al-Sham; jenfasizza l-importanza li, b'mod effikaċi, jitnaqqas l-aċċess għall-iffinanzjar u l-finanzjament tal-attivitajiet ta' Da'esh, jiġu arrestati l-ġellieda barranin u jitwaqqaf il-fluss tal-armi lill-gruppi ġiħadisti; jistieden lill-oppożizzjoni Sirjana biex b'mod ċar titbiegħed minn dawn l-elementi u l-ideoloġiji estremisti; ifakkar li l-isforzi għandhom ikunu ffukati fuq ir-rebħa kontra Da'esh u gruppi oħra ddeżinjati bħala terroristiċi min-NU; jitlob li tittieħed azzjoni għall-prevenzjoni ta' appoġġ materjali u finanzjarju milli jilħaq lil individwi, gruppi, impriżi u entitajiet assoċjati ma' gruppi ddeżinjati bħala terroristiċi min-NU;

9.  Itenni t-talba tiegħu li dawk ħatja li wettqu delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità jbatu l-konsegwenzi u jinżammu responsabbli; jenfasizza li dawk li jwettqu delitti kontra gruppi reliġjużi, etniċi u oħrajn, filwaqt li minoranzi u gruppi oħrajn għandhom ukoll jitressqu quddiem il-ġustizzja; jibqa' konvint li la jista' jkun hemm riżoluzzjoni tal-kunflitti effikaċi u lanqas paċi sostenibbli fis-Sirja mingħajr ma tittieħed ir-responsabbiltà tad-delitti li jkunu twettqu; huwa tal-fehma li l-kwistjoni tar-responsabbiltà għad-delitti tal-gwerra u d-delitti kontra l-umanità m'għandhiex tiġi ppolitiċizzata: l-obbligu li jiġi rrispettat id-dritt umanitarju internazzjonali f'kull ċirkostanza jirreferi għall-partijiet kollha involuti fil-kunflitt u kull min iwettaq dawn id-delitti jrid ikun konxju li f'xi mument jew ieħor se jiffaċċja il-ġustizzja;

10.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jiżguraw li dawk kollha responsabbli għal vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali jiffaċjaw il-ġustizzja permezz ta' mekkaniżmi tal-ġustizzja internazzjonali jew qrati tal-ġustizzja li huma xierqa u imparzjali u permezz tal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-ġurisdizzjoni universali; itenni l-appoġġ tiegħu għar-riferiment tal-każ tas-Sirja lill-QKI iżda, fid-dawl tan-nuqqas ta' abilità tal-Kunsill tas-Sigurtà biex jiddelibera dwar din il-kwistjoni, itenni t-talba tiegħu biex l-UE u l-Istati Membri tagħha jkunu jistgħu jmexxu l-isforzi fi ħdan l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u biex jesploraw il-ħolqien ta' tribunal għad-delitti tal-gwerra fis-Sirja wara riferiment lill-QKI; ladarba l-kunflitt jintemm, u bil-għan li tiġi promossa r-rikonċiljazzjoni, jenfasizza l-importanza tas-sjieda Sirjana tal-proċess;

11.  Jilqa' u jissottolinja l-importanza kritika tal-ħidma tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali u internazzjonali fid-dokumentazzjoni tal-evidenza ta' delitti tal-gwerra, ta' delitti kontra l-umanità u vjolazzjonijiet oħra, inkluż il-qerda tal-wirt kulturali; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jipprovdu aktar għajnuna u għajnuna kompluta lil dawn il-parteċipanti;

12.  Jiddeplora d-deċiżjoni tal-President Russu Vladimir Putin li jirtira mill-QKI, filwaqt li jinnota li l-Federazzjoni Russa għadha qatt ma rratifikat l-Istatut ta' Ruma u li ż-żmien li fih ittieħdet id-deċiżjoni jimmina l-kredibbiltà tal-pajjiż u jwassal biex jitfasslu konklużjonijiet dwar l-impenn tiegħu favur il-ġustizzja internazzjonali;

13.  Jilqa' l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Sirja tas-17 ta' Ottubru 2016, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar is-Sirja tal-20 u l-21 ta' Ottubru 2016; jappoġġa s-sejħa tal-UE għat-tmiem tat-titjiriet militari kollha fuq il-belt ta' Aleppo; jieqfu b'mod immedjat l-ostilitajiet u li dan jiġi ssorveljat minn mekkaniżmu b'saħħtu u trasparenti; waqfien tal-assedji; kif ukoll aċċess umanitarju sħiħ, sostenibbli u mingħajr xkiel fil-pajjiż kollu, mogħti mill-partijiet kollha;

14.  Jilqa' r-rieżami tal-miżuri restrittivi tal-UE kontra s-Sirja u individwi li jaqsmu r-responsabbiltà għar-repressjoni tal-popolazzjoni ċivili fil-pajjiż; jenfasizza li l-UE għandha tikkunsidra l-għażliet disponibbli kollha, inkluża żona mingħajr titjir fuq il-belt ta' Aleppo, li jiġu stabbiliti konsegwenzi għall-vjolazzjonijiet u l-abbużi l-aktar brutali tad-drittijiet tal-bniedem mill-awturi kollha jekk l-atroċitajiet u n-nuqqas ta' rispett sfaċċat għad-dritt umanitarju jibqgħu għaddejja;

15.  Jeżiġi li kulħadd jirrispetta d-dritt tal-minoranzi etniċi u reliġjużi fis-Sirja, inklużi l-Insara, biex jibqgħu jgħixu fl-art storika u tradizzjonali fejn twieldu b'dinjità, ugwaljanza u sikurezza, u li jipprattikaw bis-sħiħ ir-reliġjon u t-twemmin tagħhom b'mod liberu mingħajr ma jkunu soġġetti għal ebda tip ta' ġegħil, vjolenza jew diskriminazzjoni; jappoġġa d-djalogu interreliġjuż sabiex jiġi promoss il-fehim reċiproku u jiġi miġġieled il-fundamentaliżmu;

16.  Iħeġġeġ lill-parteċipanti kollha fil-Grupp Internazzjonali ta' Appoġġ għas-Sirja (ISSG) biex jissuktaw in-negozjati b'tali mod li jiffaċilitaw l-istabbiliment ta' tregwa stabbli u jintensifikaw il-ħidma għas-sejbien ta' soluzzjoni politika dejjiema fis-Sirja; jenfasizza li l-atturi reġjonali, b'mod partikolari l-pajjiżi ġirien, għandhom responsabbiltà speċjali;

17.  Itenni t-talba tiegħu lill-VP/RGħ biex iġġedded l-isforzi lejn strateġija komuni tal-UE dwar is-Sirja; jilqa' u jappoġġa bis-sħiħ l-inizjattivi diplomatiċi reċenti tal-VP/RGħ Federica Mogherini, b'konformità mal-mandat tal-Kunsill Ewropew, bil-għan li jġibu lura fuq il-mejda tan-negozjati lill-partijiet involuti fil-kunflitt u biex jitnieda mill-ġdid il-proċess politiku f'Ġinevra; jinnota b'interess it-taħditiet reġjonali li kellha mal-Iran u l-Arabja Sawdija, u jqis l-attivitajiet tagħha bħala ta' valur miżjud u ta' kontribut siewi għall-isforzi tal-Mibgħut Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Staffan de Mistura; iħeġġeġ lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt sabiex ikomplu u jintensifikaw in-negozjati politiċi malajr kemm jista' jkun f'antiċipazzjoni li titwaqqaf tregwa ġdida u stabbli, li għandha tinkludi dispożizzjonijiet li jiżguraw il-ġustizzja tranżitorja wara l-kunflitti fis-Sirja; jenfasizza li dawn it-taħditiet ta' paċi għandhom iwasslu għal waqfien mill-ġlied u tranżizzjoni politika mmexxija mis-Sirjani u bi sjieda Sirjana; jenfasizza r-rwol li jista' jkollha l-UE fir-rikostruzzjoni u r-rikonċiljazzjoni ta' wara l-kunflitt;

18.  Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu favur l-inizjattiva umanitarja attwali tal-UE għal Aleppo, u jħeġġeġ lill-partijiet kollha jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tagħha;

19.  Jilqa' l-prijoritajiet tas-sħubija u l-patti mal-Ġordan għall-perjodu 2016-2018 u mal-Libanu għall-perjodu 2016-2020; jinnota li l-patti huma l-qafas li permezz tiegħu l-impenji reċiproċi li saru fil-Konferenza ta' Londra tal-4 ta' Frar 2016 dwar "l-Appoġġ għas-Sirja u r-Reġjun" huma msarrfa f'azzjonijiet; jinnota li l-ħtiġijiet finanzjarji dejjem ikbar u d-diskrepanza persistenti fil-finanzjament fir-rigward tal-għajnuna umanitarja pprovduta lill-pajjiżi ġirien tas-Sirja; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jżommu l-wegħdiet tagħhom u jipprovdu l-appoġġ tant meħtieġ lin-NU, lill-aġenziji speċjalizzati tagħha u atturi umanitarji oħra fil-provvista ta' għajnuna umanitarja lil miljuni ta' Sirjani spostati kemm internament kif ukoll f'pajjiżi u komunitajiet ospitanti;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lil-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lin-Nazzjonijiet Uniti, lill-membri tal-Grupp Internazzjonali ta' Appoġġ għas-Sirja, u lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt fis-Sirja.

(1) Testi adottati, P8_TA(2016)0382.


Relazzjonijiet UE-Turkija
PDF 257kWORD 50k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2016 dwar ir-relazzjonijiet UE-Turkija (2016/2993(RSP))
P8_TA(2016)0450RC-B8-1276/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dawk tas-27 ta' Ottubru 2016 dwar is-sitwazzjoni tal-ġurnalisti fit-Turkija(1) u tal-14 ta' April 2016 dwar ir-rapport 2015 dwar it-Turkija(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali 2016 dwar it-Turkija, ippubblikat mill-Kummissjoni fid-9 ta' Novembru 2016 (SWD(2016)0366),

–  wara li kkunsidra l-Qafas ta' Negozjar tal-UE għat-Turkija tat-3 ta' Ottubru 2005,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2016 dwar it-Turkija,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II)(3),

–  wara li kkunsidra d-dritt għal-libertà tal-espressjoni minqux fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u fil-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li tagħhom it-Turkija hija stat parti,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissarju tal-Kunsill tal-Ewropa għad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-26 ta' Lulju 2016 mill-Kummissarju tal-Kunsill tal-Ewropa għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar miżuri meħuda taħt l-istat ta' emerġenza fit-Turkija,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura,

A.  billi l-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew ikkundannaw bil-qawwa l-kolp ta' stat militari fallut fit-Turkija u rrikonoxxew ir-responsabbiltà leġittima tal-awtoritajiet Torok li jipprosegwixxu lil dawk responsabbli u involuti f'dan l-attentat;

B.  billi t-Turkija hija sieħba importanti u, bħala pajjiż kandidat, mistennija tirrispetta l-ogħla standards tad-demokrazija, inkluż ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tal-istat tad-dritt, tal-libertajiet fundamentali u tad-dritt universali għal proċess ġust; billi t-Turkija ilha membru tal-Kunsill tal-Ewropa mill-1950 u għaldaqstant hija marbuta bil-KEDB;

C.  billi l-miżuri repressivi tal-Gvern Tork taħt l-istat ta' emerġenza huma sproporzjonati u jmorru kontra d-drittijiet u l-libertajiet bażiċi protetti mill-Kostituzzjoni Torka, il-valuri demokratiċi li fuqhom tissejjes l-Unjoni Ewropea u l-ICCPR; billi, mill-attentat ta' kolp 'il hawn, l-awtoritajiet arrestaw 10 membri tal-Gran Assemblea Nazzjonali Torka li jappartjenu għall-partit tal-oppożizzjoni HDP u madwar 150 ġurnalist (l-akbar għadd ta' arresti ta' dan it-tip fid-dinja); billi 2 386 imħallef u prosekutur u 40 000 persuna oħra ġew detenuti, li minnhom aktar minn 31 000 għadhom arrestati; billi 129 000 impjegat pubbliku għadhom jew sospiżi (66 000) jew tkeċċew (63 000), skont ir-rapport 2016 tal-Kummissjoni dwar it-Turkija, u billi l-parti l-kbira ta' dawn sal-lum għadha ma saritilhom l-ebda akkuża formali;

D.  billi l-President Erdogan u membri tal-Gvern Tork ripetutament għamlu dikjarazzjonijiet dwar ir-reintroduzzjoni tal-piena tal-mewt; billi l-Kunsill, fil-konklużjonijiet tiegħu tat-18 ta' Lulju 2016 dwar it-Turkija, fakkar li r-rifjut inekwivoku tal-piena tal-mewt huwa element essenzjali tal-acquis tal-Unjoni;

E.  billi tqajjem tħassib serju dwar il-kundizzjonijiet tal-persuni detenuti u arrestati wara l-attentat ta' kolp ta' stat u dwar ir-restrizzjonijiet severi fuq il-libertà tal-espressjoni u fuq l-istampa u l-midja fit-Turkija;

F.  billi l-paragrafu 5 tal-Qafas ta' Negozjar jistipula li, fil-każ ta' ksur serju u persistenti fit-Turkija tal-prinċipji tal-libertà, id-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt li fuqhom l-Unjoni hija msejsa, il-Kummissjoni, fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq it-talba ta' terz mill-Istati Membri, għandha tirrakkomanda s-sospensjoni tan-negozjati u tipproponi l-kundizzjonijiet biex dawn eventwalment jissuktaw;

G.  billi waqfien temporanju tan-negozjati jkun ifisser li t-taħditiet kurrenti jiġu ffriżati, li ma jinfetaħ l-ebda kapitolu ġdid u li ma tittieħed l-ebda inizjattiva ġdida bi rbit mal-Qafas ta' Negozjar tal-UE għat-Turkija;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-miżuri repressivi sproporzjonati li ilhom jittieħdu fit-Turkija mill-falliment tal-kolp ta' stat f'Lulju 2016; għadu impenjat li jżomm lit-Turkija ankrata mal-UE; jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri, madankollu, jagħtu bidu għall-iffriżar temporanju tan-negozjati ta' adeżjoni li għaddejjin mat-Turkija;

2.  Jimpenja ruħu li jerġa' jeżamina l-pożizzjoni tiegħu meta l-miżuri sproporzjonati taħt l-istat ta' emerġenza fit-Turkija jitneħħew; se jibbaża l-analiżi tiegħu fuq jekk l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem jkunux reġgħu ġew stabbiliti fil-pajjiż kollu; iqis li żmien xieraq biex jagħti bidu għal tali rieżami jkun meta jitneħħa l-istat ta' emerġenza;

3.  Itenni li reintroduzzjoni tal-piena tal-mewt mill-Gvern Tork jkollha twassal għal sospensjoni formali tal-proċess ta' adeżjoni;

4.  Jinnota li, sal-lum, it-Turkija ma wettqitx sebgħa mit-72 punt ta' riferiment tal-pjan direzzjonali għal-liberalizzazzjoni tal-viża, li wħud minnhom huma ta' importanza partikolari;

5.  Jinnota li t-titjib tal-unjoni doganali huwa importanti għat-Turkija; jenfasizza li s-sospensjoni tal-ħidma fuq it-titjib tal-unjoni doganali jkollha konsegwenzi ekonomiċi serji għall-pajjiż;

6.  Jinsab imħasseb serjament dwar id-dikjarazzjonijiet li jikkontestaw it-Trattat ta' Lausanne, illi jiddefinixxi l-fruntieri tat-Turkija moderna u illi kkontribwixxa għas-salvagwardja tal-paċi u l-istabbiltà fir-reġjun għal kważi seklu;

7.  Jitlob li l-Kummissjoni tirrifletti fuq l-aħħar żviluppi fit-Turkija fir-rapport ta' rieżami ta' nofs it-terminu tal-IPA, li huwa previst għall-2017; jitlob li l-Kummissjoni teżamina l-possibbiltà li s-soċjetà ċivili Torka tingħata aktar appoġġ taħt l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem;

8.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-Kummissjoni ta' Venezja biex joffru assistenza ġudizzjarja addizzjonali lill-awtoritajiet Torok;

9.  Jissottolinja l-importanza strateġika tar-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija għaż-żewġ naħat; jirrikonoxxi li, filwaqt li t-Turkija hija sieħba importanti tal-UE, ir-rieda politika li jkun hemm kooperazzjoni trid tiġi miż-żewġ naħat tas-sħubija; jemmen li t-Turkija mhijiex turi din ir-rieda politika, peress li l-azzjonijiet tal-gvern qed ikomplu jiddevjaw lit-Turkija minn triqitha lejn l-Ewropa;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tat-Turkija.

(1) Testi adottati, P8_TA(2016)0423.
(2) Testi adottati, P8_TA(2016)0133.
(3) ĠU L 77, 15.3.2014, p. 11.


L-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa
PDF 287kWORD 54k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2016 dwar l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa (2016/2966(RSP))
P8_TA(2016)0451B8-1235/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(3), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 8, 19, 157 u 216 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 21, 23, 24 u 25 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Beijing u l-Pjattaforma ta' Azzjoni adottata mir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fil-15 ta' Settembru 1995, u d-dokumenti ta' eżitu sussegwenti adottati fis-sessjonijiet speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Beijing +5 (2000), Beijing +10 (2005), Beijing +15 (2010) u Beijing +20 (2015),

–  wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tal-istrumenti legali tan-NU fl-isfera tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw id-drittijiet tan-nisa, bħall-Karta tan-NU, id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patti Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, il-Konvenzjoni dwar is-Soppressjoni tat-Traffikar tal-Bnedmin u l-Isfruttament tal-Prostituzzjoni ta' Oħrajn, il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) u l-Protokoll Fakultattiv tagħha, il-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti, il-Konvenzjoni tal-1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati u l-prinċipju ta' non-refoulement, u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 11(1)(d) tal-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU bir-Riżoluzzjoni 34/180 tat-18 ta' Diċembru 1979,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2015 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel wara l-2015(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2009 dwar l-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa(2), ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' April 2011 dwar prijoritajiet u punti prinċipali ta' qafas politiku ġdid tal-UE rigward il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa(3), u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Frar 2013 dwar is-57 sessjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istatus tan-Nisa (CSW) tan-NU: l-eliminazzjoni u l-prevenzjoni tal-forom kollha ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2014 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-ġlieda kontra l-Vjolenza Fuq in-Nisa(5),

–  wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011-2020), adottat mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea f'Marzu 2011,

–  wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar il-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni kontrihom,

–  wara li kkunsidra l-Valutazzjoni tal-Valur Miżjud Ewropew(6),

–  wara li kkunsidra l-Programm "Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza" għall-perjodu 2014-2020,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-3 ta' Diċembru 2015 bit-titolu "Strategic engagement for gender equality 2016-2019" (SWD(2015)0278),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-Triju ta' Presidenzi tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi tas-7 ta' Diċembru 2015 min-Netherlands, is-Slovakkja u Malta,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali bit-titolu "Violence against women: an EU-wide survey", ippubblikat f'Marzu 2014,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità(7),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/99/UE dwar l-ordni Ewropea ta' protezzjoni(8) u r-Regolament (UE) Nru 606/2013 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' miżuri ta' protezzjoni f'materji ċivili(9),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu(10) u d-Direttiva 2011/92/UE dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI(11),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul),

–  wara li kkunsidra l-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni dwar il-possibbiltà ta' adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul, ippubblikat f'Ottubru 2015,

–  wara li kkunsidra l-proposti tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-konklużjoni, mill-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa (COM(2016)0111 u COM(2016)0109),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa (O-000121/2016 – B8-1805/2016 u O-000122/2016 – B8-1806/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-ugwaljanza bejn is-sessi hija valur fundamentali tal-UE – kif rikonoxxut fit-Trattati u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – li l-UE impenjat ruħha li tintegra fl-attivitajiet kollha tagħha, u billi l-ugwaljanza bejn is-sessi hija essenzjali, bħala objettiv strateġiku, biex jintlaħqu l-objettivi ġenerali ta' Ewropa 2020 ta' tkabbir, impjiegi u inklużjoni soċjali;

B.  billi d-dritt għal trattament ugwali u għan-nondiskriminazzjoni huwa dritt fundamentali determinanti li huwa rikonoxxut fit-Trattati tal-Unjoni Ewropea u li għandu għeruq profondi fis-soċjetà Ewropea, u billi dan id-dritt huwa essenzjali għall-iżvilupp ulterjuri tas-soċjetà u għandu japplika fil-leġiżlazzjoni, fil-prattika, fil-ġurisprudenza u fil-ħajja ta' kuljum;

C.  billi fid-Direttiva 2012/29/EU li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, il-vjolenza abbażi tal-ġeneru hija definita bħala vjolenza li hija diretta kontra persuna minħabba l-ġeneru, l-identità tal-ġeneru jew l-espressjoni tal-ġeneru ta' dik il-persuna jew li taffettwa lil persuni ta' ġeneru partikolari b'mod sproporzjonat; billi din tista' tirriżulta fi ħsara fiżika, sesswali, emozzjonali jew psikoloġika, jew f'telf ekonomiku, għall-vittmi, filwaqt li jkollha impatt fuq il-familji u l-qraba tagħhom, u fuq is-soċjetà inġenerali; billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru hija forma estrema ta' diskriminazzjoni u ksur tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali tal-vittma, li huma kemm il-kaġun u l-konsegwenza ta' inugwaljanzi bejn is-sessi; u billi l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet tinkludi l-vjolenza f'relazzjonijiet mill-qrib, il-vjolenza sesswali (inklużi l-istupru, l-attakk sesswali u l-fastidju sesswali), it-traffikar tal-bnedmin, l-iskjavitù, inklużi forom ġodda ta' abbuż kontra n-nisa u l-bniet fuq l-internet, u forom differenti ta' prattiki ta' ħsara, bħaż-żwiġijiet sfurzati, il-mutilazzjoni ġenitali femminili u l-hekk imsejħa "reati tal-unur";

D.  billi l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru għadhom fenomeni mifruxa fl-UE; billi l-istħarriġ tal-2014 tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali dwar il-vjolenza fuq in-nisa jistma, bi qbil ma' studji eżistenti oħra, li terz tan-nisa kollha fl-Ewropa esperjenzaw atti ta' vjolenza fiżika jew sesswali tal-anqas darba matul il-ħajja adulta tagħhom, 20 % tan-nisa żgħażagħ (bejn 18 u 29 sena) esperjenzaw fastidju sesswali online, waħda minn kull ħames nisa (18 %) kienu vittmi ta' stalking, waħda minn kull għoxrin nisa ġew stuprati u aktar minn waħda minn kull għaxra ġarrbu vjolenza sesswali li tinvolvi n-nuqqas ta' kunsens jew l-użu tal-forza; billi dan l-istħarriġ jispjega wkoll li l-biċċa l-kbira tal-każijiet ta' vjolenza ma jiġu rrappurtati lill-ebda awtorità, li juri li l-istħarriġ dwar il-vittimizzazzjoni huwa essenzjali flimkien ma' statistika amministrattiva sabiex tinkiseb stampa sħiħa tad-diversi forom ta' vjolenza fuq in-nisa; u billi jinħtieġu aktar miżuri biex in-nisa li jkunu vittmi tal-vjolenza jiġu mħeġġa jirrappurtaw l-esperjenzi tagħhom u jfittxu l-għajnuna, u biex ikun żgurat li l-fornituri tas-servizzi jistgħu jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-vittmi u jinfurmawhom dwar id-drittijiet tagħhom u l-forom eżistenti ta' appoġġ;

E.  billi, skont il-Valutazzjoni tal-Valur Miżjud Ewropew, l-ispiża annwali għall-UE tal-vjolenza fuq in-nisa u tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru ġiet stmata li tammonta għal EUR 228 biljun fl-2011 (i.e. 1.8 % tal-PDG tal-UE), li minnhom EUR 45 biljun kienu fil-forma ta' nfiq fuq servizzi pubbliċi u statali u EUR 24 biljun fi produzzjoni ekonomika mitlufa;

F.  billi l-Kummissjoni enfasizzat, fl-impenn strateġiku tagħha għall-ugwaljanza bejn is-sessi 2016-2019, li l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, li huma ta' ħsara għas-saħħa u l-benesseri tan-nisa, il-ħajja tax-xogħol tagħhom, l-indipendenza finanzjarja tagħhom u l-ekonomija, huma waħda mill-problemi ewlenin li għandhom jiġu indirizzati sabiex tinkiseb ugwaljanza reali bejn is-sessi;

G.  billi l-vjolenza fuq in-nisa spiss wisq titqies bħala kwistjoni privata u tiġi ttollerata wisq faċilment; billi fil-fatt tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet fundamentali u reat serju li jrid jiġi kkastigat bħal tali; billi l-impunità tal-awturi trid tintemm sabiex jinkiser iċ-ċirku vizzjuż tas-silenzju u s-solitudni għan-nisa u l-bniet li jkunu vittmi tal-vjolenza;

H.  billi l-ebda intervent uniku mhu se jelimina l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, iżda kombinazzjoni ta' azzjonijiet infrastrutturali, ġuridiċi, ġudizzjarji, ta' infurzar, kulturali, edukattivi, soċjali, tas-saħħa u azzjonijiet oħra relatati mas-servizzi jistgħu jqajmu kuxjenza u jnaqqsu l-vjolenza u l-konsegwenzi tagħha b'mod sinifikanti;

I.  billi, minħabba fatturi bħall-etniċità, ir-reliġjon jew it-twemmin, is-saħħa, l-istat ċivili, l-akkomodazzjoni, l-istatus ta' immigrant, l-età, id-diżabilità, il-klassi, l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru u l-espressjoni tal-ġeneru, in-nisa jista' jkollhom ħtiġijiet speċifiċi u jkunu aktar vulnerabbli għal diskriminazzjoni multipla, u dan ifisser li għandhom jingħataw protezzjoni speċjali;

J.  billi l-adozzjoni ta' linji gwida tal-UE dwar il-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u l-ġlieda kontra kull forma ta' diskriminazzjoni kontrihom, kif ukoll il-kapitolu speċifiku dwar il-protezzjoni tan-nisa mill-vjolenza abbażi tal-ġeneru fil-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, juru r-rieda politika ċara tal-UE li tittratta s-suġġett tad-drittijiet tan-nisa bħala prijorità u li tieħu azzjoni fit-tul f'dak il-qasam; billi l-koerenza bejn id-dimensjonijiet interni u esterni fil-politiki li jikkonċernaw id-drittijiet tal-bniedem xi kultant tista' tesponi distakk bejn ir-retorika u l-imġiba;

K.  billi ċ-ċittadini u r-residenti fl-Unjoni mhumiex protetti bl-istess mod mill-vjolenza abbażi tal-ġeneru, minħabba n-nuqqas ta' qafas koerenti u politiki u leġiżlazzjoni li jvarjaw bejn l-Istati Membri fir-rigward ta', inter alia, id-definizzjoni ta' reati u l-kamp ta' applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni, u għalhekk huma anqas protetti mill-vjolenza;

L.  billi fl-4 ta' Marzu 2016 il-Kummissjoni pproponiet l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul, l-ewwel strument legalment vinkolanti dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa f'livell internazzjonali;

M.  billi l-Istati Membri kollha tal-UE ffirmaw il-konvenzjoni, iżda erbatax minnhom biss irratifikawha;

N.  billi r-ratifika tal-Konvenzjoni mhijiex se tikseb riżultati sakemm ma jiġix żgurat infurzar xieraq u sakemm ma jiġux allokati riżorsi finanzjarji u umani xierqa għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u għall-protezzjoni tal-vittmi;

O.  billi l-Konvenzjoni ta' Istanbul issegwi approċċ olistiku, billi tindirizza l-kwistjoni tal-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru minn firxa wiegħa ta' perspettivi, bħall-prevenzjoni, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, miżuri tad-dritt penali biex tiġi miġġielda l-impunità, il-protezzjoni u l-appoġġ tal-vittmi, il-protezzjoni tat-tfal, il-protezzjoni tan-nisa li jfittxu l-asil u tar-rifuġjati nisa, jew il-ġbir aħjar tad-data; billi dan l-approċċ ifisser l-adozzjoni ta' politiki integrati, u l-kombinazzjoni ta' azzjonijiet f'diversi oqsma mmexxija minn bosta partijiet ikkonċernati (ġudizzjarji, tal-pulizija u tal-awtoritajiet soċjali, NGOs, assoċjazzjonijiet lokali u reġjonali, gvernijiet, eċċ.) fil-livelli kollha tal-governanza;

P.  billi l-Konvenzjoni ta' Istanbul hija ftehim imħallat li jippermetti l-adeżjoni tal-UE b'mod parallel mal-adeżjoni tal-Istati Membri, peress li l-UE hija kompetenti f'oqsma li jinkludu d-drittijiet tal-vittmi u l-ordnijiet ta' protezzjoni, l-asil u l-migrazzjoni, kif ukoll fil-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali;

1.  Ifakkar li l-Kummissjoni hija marbuta bl-Artikolu 2 TUE u bil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li tiggarantixxi, tippromvovi u tieħu azzjoni favur l-ugwaljanza bejn is-sessi;

2.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li tiġi ffirmata u konkluża l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul, iżda jiddeplora l-fatt li n-negozjati fil-Kunsill mhumiex mexjin bl-istess ħeffa;

3.  Jenfasizza li l-adeżjoni tal-UE tiggarantixxi qafas ġuridiku Ewropew koerenti biex tiġi evitata u miġġielda l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u biex jiġu protetti l-vittmi tal-vjolenza; jenfasizza li tipprovdi koerenza u effiċjenza akbar fil-politiki interni u esterni tal-UE, tiżgura monitoraġġ, interpretazzjoni u implimentazzjoni aħjar tal-liġijiet, il-programmi u l-fondi tal-UE rilevanti għall-Konvenzjoni, kif ukoll ġbir aktar adegwat u aħjar ta' data diżaggregata paragunabbli dwar il-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru f'livell tal-UE, u tirrinforza r-responsabbiltà tal-UE f'livell internazzjonali; jenfasizza wkoll li l-adeżjoni tal-UE tapplika pressjoni politika mġedda fuq l-Istati Membri biex jirratifikaw dan l-istrument;

4.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jħaffu n-negozjati dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta' Istanbul;

5.  Jappoġġja l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul fuq bażi wiesgħa u mingħajr riżervi;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżguraw li l-Parlament ikun involut bis-sħiħ fil-proċess ta' monitoraġġ tal-Konvenzjoni wara l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul, kif previst fl-Artikolu 218 TFUE;

7.  Ifakkar li l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul ma teżonerax lill-Istati Membri mir-ratifika nazzjonali tal-Konvenzjoni; għalhekk, jistieden lill-Istati Membri kollha li għadhom m'għamlux dan biex jirratifikaw il-Konvenzjoni ta' Istanbul malajr;

8.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw infurzar xieraq tal-Konvenzjoni u jallokaw riżorsi finanzjarji u umani xierqa għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u għall-protezzjoni tal-vittmi;

9.  Iqis li l-isforzi tal-UE biex tinqered il-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet iridu jkunu parti minn pjan komprensiv biex jiġu miġġielda l-forom kollha ta' inugwaljanzi bejn is-sessi; jitlob li titfassal strateġija tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru;

10.  Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni, magħmula fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2014, li tinkludi rakkomandazzjonijiet biex tiġi miġġielda l-vjolenza fuq in-nisa, biex tippreżenta att legali li jipprovdi sistema koerenti għall-ġbir ta' data statistika kif ukoll approċċ imsaħħaħ mill-Istati Membri għall-prevenzjoni u t-trażżin tal-forom kollha ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru, u sabiex l-aċċess iffaċilitat għall-ġustizzja jkun possibbli;

11.  Jitlob lill-Kunsill jattiva l-klawsola passerelle, billi jadotta deċiżjoni unanima li tidentifika l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet (u forom oħra ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru) bħala qasam ta' kriminalità elenkat fl-Artikolu 83(1) TFUE;

12.  Jirrikonoxxi l-ħidma importantissima mwettqa mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex tiġi evitata u miġġielda l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u biex jiġu protetti u assistiti l-vittmi tal-vjolenza;

13.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati biex, filwaqt li jaħdmu mal-Kummissjoni u l-NGOs tan-nisa u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, jgħinu fit-tixrid ta' informazzjoni dwar il-Konvenzjoni, il-programmi tal-UE u l-fondi disponibbli taħthom biex tiġi miġġielda l-vjolenza fuq in-nisa u biex il-vittmi jiġu protetti;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jikkooperaw mal-Parlament biex jidentifikaw il-progress li sar rigward l-ugwaljanza bejn is-sessi, u jitlob lit-Triju ta' Presidenzi jagħmlu sforzi sostanzjali biex jissodisfaw l-impenji tagħhom f'dan ir-rigward; jitlob li jsir Summit tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn il-sessi u d-drittijiet tan-nisa u tal-bniet biex jiġġeddew l-impenji;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.

(1) ĠU C 407, 4.11.2016, p. 2.
(2) ĠU C 285 E, 21.10.2010, p. 53.
(3) ĠU C 296 E, 2.10.2012, p. 26.
(4) ĠU C 24, 22.1.2016, p. 8.
(5) Testi adottati, P7_TA(2014)0126.
(6) PE 504.467.
(7) ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57.
(8) ĠU L 338, 21.12.2011, p. 2.
(9) ĠU L 181, 29.6.2013, p. 4.
(10) ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1.
(11) ĠU L 335, 17.12.2011, p. 1.


L-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fl-2015
PDF 290kWORD 53k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2016 dwar ir-rapport annwali li jikkonċerna l-attivitajiet tal-Ombudsman fis-sena 2015 (2016/2150(INI))
P8_TA(2016)0452A8-0331/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fl-2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 15 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 228 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 43 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 1994 rigward ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman(1),

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi Ewropew ta' Kondotta Amministrattiva Tajba kif adottat mill-Parlament Ewropew fis-6 ta' Settembru 2001(2),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar il-Kooperazzjoni li ġie konkluż bejn il-Parlament Ewropew u l-Ombudsman Ewropew fil-15 ta' Marzu 2006, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' April 2006,

–  wara li kkunsidra l-prinċipji ta' trasparenza u integrità fl-attivitajiet tal-illobbjar ippubblikati mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 220(2), it-tieni u t-tielet sentenzi, tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A8-0331/2016),

A.  billi r-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fis-sena 2015 tressaq formalment lill-President tal-Parlament fit-3 ta' Mejju 2016, u l-Ombudsman, Emily O'Reilly, ippreżentat ir-rapport lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fi Brussell fl-20 ta' Ġunju 2016;

B.  billi l-Artikolu 15 tat-TFUE jiddikjara li sabiex tiġi promossa t-tmexxija tajba u sabiex tiġi assigurata l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta' l-Unjoni għandhom iwettqu x-xogħol tagħhom b'mod kemm jista' jkun miftuħ;

C.  billi l-Artikolu 24 tat-TFUE jistabbilixxi l-prinċipju li kull ċittadin tal-Unjoni jista' jressaq rikors quddiem l-Ombudsman stabbilit skont l-Artikolu 228 tat-TFUE;

D.  billi l-Artikolu 228 tat-TFUE jagħti s-setgħa lill-Ombudsman Ewropew li tilqa' l-ilmenti li jinvolvu każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, korpi u organi tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha;

E.  billi l-Artikolu 258 tat-TFUE jistabbilixxi r-rwol tal-Kummissjoni bħala l-gwardjana tat-Trattati; billi n-nuqqas jew it-tħollija barra tal-eżerċizzju ta' din ir-responsabilità tista' titqies bħala każ ta' amministrazzjoni ħażina;

F.  billi, skont l-Artikolu 298 tat-TFUE "l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni għandu jkollhom l-appoġġ ta' amministrazzjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti", u billi l-istess artikolu jipprevedi l-adozzjoni, għal dak il-għan, ta' leġiżlazzjoni sekondarja speċifika fil-forma ta' regolamenti applikabbli għall-oqsma kollha tal-amministrazzjoni tal-UE;

G.  billi l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jiddikjara li "Kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b'mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni";

H.  billi l-Artikolu 43 tal-Karta jiddikjara li "Kull ċittadin ta' l-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru għandu d-dritt li jirrikorri għand l-Ombudsman Ewropew f'każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet ta' l-istituzzjonijiet, tal-korpi jew ta' l-aġenziji ta' l-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea meta tkun qed taġixxi fir-rwol ġudizzjarju tagħha";

I.  billi, fl-2015, l-Uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew, stabbilit bit-Trattat ta' Maastricht, iċċelebra l-20 anniversarju tiegħu wara li ttratta 48 840 ilment mill-2005 'l hawn;

J.  billi skont l-Ewrobarometru Flash dwar id-Drittijiet ta' Ċittadinanza tal-UE ta' Ottubru 2015, 83 % taċ-ċittadini Ewropej huma konxji li ċittadin tal-UE għandu d-dritt li jressaq ilment lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew jew lill-Ombudsman Ewropew;

K.  billi l-amministrazzjoni ħażina hija definita mill-Ombudsman Ewropew bħala amministrazzjoni li ma saritx kif suppost jew li saret b'mod mhux ġust, li sseħħ jekk istituzzjoni jew korp pubbliku jonqsu milli jaġixxu b'mod konformi mal-liġi jew ma' xi regola jew prinċipju vinkolanti għalihom, jonqsu milli jirrispettaw il-prinċipji ta' amminstrazzjoni tajba, jew jiksru d-drittijiet tal-bniedem;

L.  billi l-Kodiċi ta' Mġiba Amministrattiva Tajba hija mmirata biex tipprevjeni li sseħħ amministrazzjoni ħażina; billi l-utilità ta' din l-għodda hija limitata minħabba n-natura mhux vinkolanti tagħha;

M.  billi huwa kruċjali li jkun hemm trasparenza kbira sabiex jinkisbu l-leġittimità u l-fiduċja li d-deċiżjonijiet ikunu bbażati fuq l-interess pubbliku ġenerali;

N.  billi l-opaċità f'dak li jikkonċerna fajls li jimplikaw impatt kbir fuq il-mudell soċjoekonomiku tal-UE, li wkoll spiss għandhom implikazzjonijiet maġġuri fil-qasam tas-saħħa pubblika u l-ambjent, għandha t-tendenza li tiġġenera nuqqas ta' fiduċja fost iċ-ċittadini u fl-opinjoni pubblika b'mod ġenerali;

O.  billi l-informaturi jaqdu rwol kruċjali meta jiżvelaw każijiet ta' amministrazzjoni ħażina u anke ta' korruzzjoni politika f'xi każijiet; billi dawn il-każijiet jimminaw severament il-kwalità tad-demokrazija tagħna; billi l-informaturi spiss iħabbtu wiċċhom ma' inkwiet sever bħala konsegwenza u spiss wisq jiġu esposti għal konsegwenzi personali negattivi f'ħafna livelli, mhux biss professjonalment iżda anke kriminalment; billi fin-nuqqas ta' salvagwardji ulterjuri dawn l-esperjenzi magħrufa tal-passat jista' jkollhom it-tendenza li jiddiswadu lill-individwi milli fil-ġejjieni jsegwu t-triq etika tal-iżvelar ta' informazzjoni protetta;

P.  billi l-uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew kiseb rata ta' konformità ta' 90 % bid-deċiżjonijiet u/jew ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu fl-2014, rata li hija 10 punti perċentwali ogħla miċ-ċifra tal-2013;

Q.  billi, fir-rigward tal-inkjesti mibdija mill-Ombudsman fl-2015, jistgħu jiġu identifikati t-temi ewlenin li ġejjin: it-trasparenza fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE, kwistjonijiet etiċi, il-parteċipazzjoni pubblika fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonjiet tal-UE, ir-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni, u d-drittijiet fundamentali;

R.  billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet jikkostitwixxi membru attiv tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen; billi, bħala tali, il-Kumitat irċieva 42 ilment mill-Ombudsman Ewropew immarkati għal aktar trattament bħala petizzjonijiet;

1.  Japprova r-rapport annwali għall-2015 ippreżentat mill-Ombudsman Ewropew;

2.  Jifraħ lil Emily O'Reilly għall-ħidma eċċellenti tagħha u għall-isforzi kontinwi tagħha biex ittejjeb il-kwalità tas-servizz offrut liċ-ċittadini mill-amministrazzjonijiet Ewropej; jirrikonoxxi l-importanza tat-trasparenza bħala element fundamentali tal-ksib tal-fiduċja u tal-amministrazzjoni tajba, ħaġa li hija sottolinjata wkoll mill-perċentwal għoli ta' lmenti dwar it-trasparenza (22.4 %), u li tagħti lil dan is-suġġett l-ogħla klassifika minnhom kollha; jirrikonoxxi r-rwol tal-inkjesti strateġiċi fl-iżgurar ta' amministrazzjoni tajba u jappoġġja lil dawk li twettqu s'issa mill-Uffiċċju tal-Ombudsman f'dan il-qasam;

3.  Jilqa' l-isforzi kontinwi tal-Ombudsman Ewropew biex iżżid it-trasparenza fin-negozjati tat-TTIP permezz ta' proposti lill-Kummissjoni; ifaħħar il-pubblikazzjoni li rriżultat minnhom, min-naħa tal-Kummissjoni, ta' għadd ta' dokumenti tat-TTIP, li b'hekk tħeġġet it-trasparenza bħala wieħed mit-tliet pilastri tal-istrateġija kummerċjali l-ġdida tal-Kummissjoni; jenfasizza mill-ġdid il-ħtieġa ta' trasparenza msaħħa fi ftehimiet internazzjonali bħalma huma t-TTIP, is-CETA u oħrajn, kif mitlub minn ħafna ċittadini mħassba li indirizzaw lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet; jitlob li jsiru sforzi aktar b'saħħithom u aktar wiesgħa f'dan ir-rigward, bil-għan li tiġi salvagwardjata l-fiduċja taċ-ċittadini Ewropej;

4.  Jistieden lill-Ombudsman Ewropew tinvestiga sa liema punt l-istabbiliment tal-kmamar għall-qari sikuri huwa konformi mad-dritt tal-aċċess għad-dokumenti u mal-prinċipji tal-amministrazzjoni tajba;

5.  Ifakkar li r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni jibni fuq il-prinċipju ta' "l-akbar aċċess possibbli"; jenfasizza, għalhekk, li t-trasparenza u l-aċċess sħiħ għad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet tal-UE għandhom ikunu r-regola sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jeżerċitaw b'mod sħiħ id-drittijiet demokratiċi tagħhom; jenfasizza li, kif diġà ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-eċċezzjonijiet għal dik ir-regola għandhom jiġu interpretati kif jixraq, filwaqt li jitqies l-interess pubbliku prevalenti fl-iżvelar u fil-ħtiġijiet tad-demokrazija, l-involviment aktar mill-qrib taċ-ċittadini fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet, il-leġittimità tal-governanza, l-effiċjenza u l-obbligu ta' rendikont lejn iċ-ċittadini;

6.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu s-setgħa lill-Ombudsman Ewropew billi jagħtuha l-kapaċità li toħroġ dikjarazzjoni ta' nuqqas ta' konformità mar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni mid-diversi istituzzjonijiet tal-UE, bil-kundizzjoni li dawn id-dokumenti ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 4 u l-Artikolu 9(1) tar-Regolament; jappoġġja l-idea li l-Ombudsman għandu jkollha s-setgħa li tieħu deċiżjoni dwar ir-rilaxx tad-dokumenti rilevanti, wara investigazzjoni dwar in-nuqqas ta' konformità;

7.  Jiddispjaċih li r-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tinsab wieqfa; jemmen li għandu jsir progress mingħajr aktar dewmien, peress li r-Regolament m'għadux jirrifletti s-sitwazzjoni ġuridika jew il-prattiki istituzzjonali attwali;

8.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' trasparenza fit-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE, u jappoġġja l-investigazzjoni mill-Ombudsman Ewropew dwar negozjati informali bejn it-tliet istituzzjonijiet ewlenin tal-UE ("it-trilogi"), u l-varar ta' konsultazzjoni pubblika dwar il-kwistjoni; jappoġġja l-pubblikazzjoni tad-dokumenti tat-trilogu, b'kunsiderazzjoni dovuta għall-Artikoli 4 u 9 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

9.  Jiddispjaċih li l-Kumitat Parlamentari ta' Inkjesta dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku (EMIS) ġie fornut mill-Kummissjoni b'dokumentazzjoni parzjali biss, imfassla b'tali mod li ċerta informazzjoni meqjusa mill-Kummissjoni bħala irrelevanti kienet nieqsa; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-ogħla preċiżjoni fil-ħidma tagħha u trasparenza sħiħa fir-rigward tad-dokumentazzjoni fornuta, b'konformità sħiħa mal-prinċipju ta' kooperazzjoni sinċiera, sabiex tiggarantixxi li l-Kumitat EMIS ikun jista' jeżerċita s-setgħat ta' investigazzjoni tiegħu b'mod sħiħ u effettiv;

10.  Jappoġġja d-determinazzjoni tal-Ombudsman Ewropew li tagħmel il-ħidma tal-Bank Ċentrali Ewropew aktar trasparenti u konformi ma' standard għoli ta' governanza, speċjalment bħala membru tat-Trojka/Kwadriga li tissorvelja l-programmi ta' konsolidazzjoni fiskali fil-pajjiżi tal-UE; jilqa' d-deċiżjoni tal-BĊE li jippubblika listi tal-laqgħat tal-membri tal-Bord Eżekuttiv tiegħu; jappoġġja l-prinċipji ta' gwida ġodda għall-impenji ta' għoti ta' diskorsi u l-istabbiliment ta' "perijodu kalm" fir-rigward ta' informazzjoni sensittiva għas-suq qabel ma jsiru l-laqgħat tal-Kunsill Governattiv.

11.  Jinnota l-istatus tal-BĊE kemm bħala awtorità monetarja u kemm bħala membru konsultattiv tat-Trojka/Kwadriga, u jappella lill-Ombudsman Ewropew biex issalvagwardja l-interessi tal-amministrazzjoni tajba ta' waħda mill-awtoritajiet finanzjarji l-aktar importanti;

12.  Jappella għal trasparenza akbar fil-laqgħat tal-Grupp tal-Euro, lil hinn mill-passi li diġà ttieħdu mill-President tiegħu wara intervent mill-Ombudsman Ewropew;

13.  Japprova l-investigazzjoni tal-Ombudsman dwar l-għamla u t-trasparenza tal-ħidma tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni; jinnota l-isforzi tal-Kummissjoni biex tiftaħ dawn il-gruppi għall-pubbliku, u jenfasizza li hemm il-ħtieġa ta' aktar azzjonijiet biex tiġi żgurata trasparenza sħiħa; itenni l-istedina tiegħu lill-Kunsill, inklużi l-korpi preparatorji tiegħu, biex jissieħbu fir-Reġistru tar-Rappreżentanti ta' Gruppi ta' Interess malajr kemm jista' jkun u jtejbu t-trasparenza tal-ħidma tagħhom;

14.  Jagħti l-appoġġ tiegħu għall-isforzi li qed tagħmel l-Ombudsman biex trendi l-illobbjar aktar trasparenti; jiddispjaċih minħabba n-nuqqas ta' rieda min-naħa tal-Kummissjoni li tippubblika informazzjoni dettaljata dwar il-laqgħat mal-lobbisti tat-tabakk; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel l-operazzjonijiet tagħha kompletament trasparenti ħalli l-pubbliku jikseb fiduċja akbar fil-ħidma tagħha;

15.  jistieden lill-Kummissjoni tagħmel l-informazzjoni kollha dwar l-influwenza tal-lobbisti disponibbli mingħajr ħlas, u b'mod li l-pubbliku jkun jista' jifhimha għalkollox u jkollu aċċess faċli għaliha, permezz ta' bażi tad-data onlajn ċentralizzata unika;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq, sa tmiem is-sena 2017, proposta għal Reġistru tar-Rappreżentanti ta' Gruppi ta' Interess liema reġistru jkun mandatarju bis-sħiħ u ġuridikament vinkolanti mmirat biex jagħlaq il-lakuni kollha u jikseb reġistru mandatorju għalkollox tal-lobbisti kollha;

17.  Jappoġġja l-isforzi biex jiġu implimentati linji gwida dwar it-trasparenza tal-illobbjar li jkunu japplikaw mhux biss għall-istituzzjonijiet tal-UE iżda għall-amministrazzjonijiet nazzjonali wkoll;

18.  Jiġbed l-attenzjoni lejn it-tħassib taċ-ċittadini fir-rigward ta' kif il-Kummissjoni tittratta l-proċeduri ta' ksur quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u n-nuqqas ta' trasparenza fl-istadji rilevanti tal-proċess; jenfasizza li d-dritt għal amministrazzjoni tajba, kif imnaqqax fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jinkludi l-obbligu li jingħata raġunament suffiċjenti fil-każijiet fejn il-Kummissjoni tiddeċiedi li ma tiftaħx proċedura ta' ksur quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea; jilqa' l-inkjesta strateġika min-naħa tal-Ombudsman Ewropew dwar il-kwistjonijiet sistemiċi misjuba fl-EU Pilot;

19.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-ftuħ tal-inkjesta tal-Ombudsman (Kawża OI/5/2016/AB) dwar it-trattament min-naħa tal-Kummissjoni ta' lmenti ta' ksur taħt il-proċeduri tal-EU Pilot fir-rwol tagħha bħala l-gwardjana tat-Trattati; ifakkar fit-talbiet preċedenti li għamel il-Kumitat għall-Petizzjonijiet dwar li jiġi żgurat aċċess għad-dokumenti proċedurali tal-EU Pilot u għal dawk ta' ksur, peress li spiss il-petizzjonijiet iwasslu għall-ftuħ ta' proċeduri bħal dawn;

20.  Jilqa' t-tkomplija tal-investigazzjonijiet tal-Ombudsman Ewropew f'każijiet tat-tip "bibien iduru" fil-Kummissjoni; jirrikonoxxi l-fatt li b'riżultat ta' dawn l-investigazzjonijiet il-Kummissjoni tat informazzjoni aqwa rigward l-ismijiet tal-uffiċjali għolja li telqu minn magħha biex jaħdmu fis-settur privat; iħeġġeġ li l-ismijiet u data oħra ta' persuni bħal dawn jiġu ppubblikati aktar spiss; jesprimi t-tama tiegħu li istituzzjonijiet u aġenziji Ewropej oħra se jagħmlu l-istess; jilqa' r-rieda min-naħa tal-Kummissjoni li tippubblika informazzjoni dwar l-impjiegi ta' wara tmiem il-mandat ta' dawk li kienu Kummissarji; jesprimi tħassib kbir dwar il-fatt li l-ex-President tal-Kummissjoni Barroso inħatar bħala konsulent u President mhux eżekuttiv ta' Goldman Sachs International; jistieden lill-Ombudsman tagħti bidu għal inkjesta strateġika dwar il-mod kif il-Kummissjoni ttrattat il-każ "revolving door" ta' Barroso, inkluża l-formulazzjoni ta' rakkomandazzjonijiet dwar kif jista' jiġi rriformat il-kodiċi ta' kondotta f'konformità mal-prinċipji tal-amministrazzjoni tajba u r-rekwiżiti tat-Trattat li jinsabu fl-Artikolu 245 tat-TFUE;

21.  Ifakkar li l-kunflitt ta' interess għandu ambitu usa' mill-każijiet tat-tip 'bieb idur'; jenfasizza li l-indirizzar determinat u b'mod effettiv tal-għejun kollha ta' kunflitt ta' interess huwa kruċjali sabiex tinkiseb amministrazzjoni tajba u tiġi żgurata l-kredibilità tat-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi u tekniċi; iqis li għandha tingħata attenzjoni partikolari fil-livell tal-UE, abbażi ta' standards għolja u miżuri konkreti li ma jħallu l-ebda dubju rigward xi kunflitt ta' interess, fil-ħatra tal-kandidati għall-pożizzjonijiet fl-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi tal-Unjoni;

22.  Jilqa' l-fatt li fl-2015 l-istituzzjonijiet kollha tal-UE introduċew regoli interni għall-protezzjoni tal-informaturi, skont l-Artikolu 22(a) sa (c) tar-Regolamenti tal-Persunal, u b'hekk ħeġġew l-iżvelar ta' informazzjoni protetta ta' tip regolat; jinnota li l-protezzjoni tal-informaturi kontra r-ritaljazzjoni tista' tkun aktar effettiva; għal dan il-għan, iħeġġeġ l-adozzjoni ta' regoli komuni għall-inkoraġġiment tal-iżvelar ta' informazzjoni protetta u l-introduzzjoni ta' garanziji minimi u salvagwardji għall-informaturi.

23.  Jitlob li jkun hemm direttiva dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta liema direttiva tistabbilixxi kanali u proċeduri xierqa għad-denunzjar tal-forom kollha ta' għemil ħażin, kif ukoll garanziji minimi adegwati u salvagwardji ġuridiċi għall-informaturi kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fis-settur privat;

24.  Jilqa' l-introduzzjoni ta' mekkaniżmu ta' lmenti għall-ksur potenzjali tad-drittijiet fundamentali fil-Frontex, wara investigazzjoni mill-Ombudsman li għadha għaddejja dwar il-prattiki użati mill-Frontex u mill-Istati Membri fir-ritorni furzati konġunti ta' migranti irregolari; ifaħħar l-inklużjoni ta' tali mekkaniżmu fir-regolament il-ġdid tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta;

25.  Ifaħħar lill-Ombudsman Ewropew talli investigat jekk l-Istati Membri humiex jirrispettaw il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali meta jkunu qed jimplimentaw azzjonijiet iffinanzjati mill-fondi tal-UE, bħalma huma proġetti li jistituzzjonalizzaw lill-persuni b'diżabilità u mhux jintegrawhom fis-soċjetà; Iħeġġeġ lill-Ombudsman Ewropew tkompli b'tali investigazzjonijiet, bil-għan li tiżgura t-trasparenza u l-valur miżjud tal-proġetti;

26.  Jilqa' l-kooperazzjoni ta' bejn l-Ombudsman u l-Parlament Ewropew fil-Qafas tal-UE għall-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, b'mod partikulari billi talbet l-implimentazzjoni sħiħa tal-Konvenzjoni fil-livell tal-UE u li jiġu allokati għal dan riżorsi suffiċjenti; jafferma mill-ġdid l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromulgaw l-implimentazzjoni sħiħa tal-Konvenzjoni fil-livell tal-UE;

27.  Jappoġġja l-isforzi tal-Ombudsman fit-trattament tal-każijiet ta' diskriminazzjoni, id-drittijiet tal-gruppi ta' minoritarji, u d-drittijiet tal-anzjani fis-seminar tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen dwar "L-Ombudsmen kontra d-Diskriminazzjoni";

28.  Jappoġġja l-isforzi tal-Ombudsman biex tiżgura l-imparzjalità fit-teħid tad-deċiżjonijiet min-naħa tal-Kummissjoni dwar kwistjonijiet ta' kompetizzjoni;

29.  Jirrikonoxxi li d-dritt taċ-ċittadini li jkollhom vuċi fit-tfassil tal-politika tal-UE issa huwa aktar importanti minn qatt qabel; jilqa' l-linji gwida proposti mill-Ombudsman biex jittejjeb il-funzjonament tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, speċjalment fejn jidħol ir-raġunament solidu min-naħa tal-Kummissjoni fir-rifjut ta' inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej; jirrikonoxxi, madankollu, li hemm nuqqasijiet sinifikanti li jeħtieġ li jiġu indirizzati b'mod determinat u solvuti bil-għan li l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej ssir aktar effettiva; jafferma li l-inklużjoni akbar taċ-ċittadini fid-determinazzjoni tal-politiki tal-UE se żżid il-kredibilità tal-istituzzjonijiet Ewropej;

30.  Jinnota b'mod pożittiv id-djalogu kontinwu u r-relazzjonijiet mill-qrib li għandha l-Ombudsman ma' firxa wiesgħa ta' istituzzjonijiet tal-UE, inkluż il-Parlament Ewropew, kif ukoll korpi oħra, bil-għan li tiżgura kooperazzjoni u l-koeżjoni amministrattivi; ifaħħar ukoll l-isforzi tal-Ombudsman biex tiżgura l-komunikazzjoni kontinwa u miftuħa mal-Kumitat għall-Petizzjonijiet;

31.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa li l-aġenziji tal-UE jirrispettaw l-istess standards għoljin ta' trasparenza, responsabbiltà, u etika bħall-istituzzjonijiet l-oħra kollha; jinnota b'apprezzament il-ħidma importanti mwettqa mill-Ombudsman Ewropew f'diversi aġenziji madwar l-UE; jappoġġja l-proposta mressqa quddiem l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) li r-reġistranti għandhom juru li huma ppruvaw minn kollox biex jevitaw l-ittestjar tal-annimali u biex jipprovdu informazzjoni dwar kif jiġi evitat l-ittestjar tal-annimali;

32.  Jappoġġja r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman li jgħidu li l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għandha tirrevedi r-regoli u l-proċeduri tagħha dwar il-kunflitt ta' interess sabiex tiżgura konsultazzjoni u parteċipazzjoni pubblika xierqa;

33.  Ifakkar li l-Ombudsman għandha wkoll il-kapaċità, u għaldaqstant id-dmir, li tiskrutinja l-ħidma tal-Parlament bil-għan li taħdem lejn l-għan li tiżgura l-amministrazzjoni tajba għaċ-ċittadini tal-UE;

34.  Jitlob li l-Kodiċi ta' Mġiba Amministrattiva Tajba jiġi aġġornat b'mod effettiv billi matul dan il-mandat leġiżlattiv jiġi adottat regolament vinkolanti dwar il-kwistjoni;

35.  Jistieden lill-Ombudsman Ewropew biex mar-rapporti annwali futuri żżid kategorizzazzjoni ta' lmenti li jaqgħu barra l-mandat tal-uffiċċju tal-Ombudsman, peress li dan ikun jippermetti lill-Membri tal-Parlament Ewropew li jkollhom ħarsa ġenerali tal-problemi li jolqtu liċ-ċittadini tal-UE;

36.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Ombudsman Ewropew, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri kif ukoll lill-ombudsmen tal-Istati Membri jew lill-entitajiet kompetenti simili.

(1) ĠU L 113, 4.5.1994, p. 15.
(2) ĠU C 72 E, 21.3.2002, p. 331.


Lejn sistema definittiva ta' VAT u l-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT
PDF 332kWORD 64k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2016 dwar lejn sistema definittiva ta' VAT u l-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT (2016/2033(INI))
P8_TA(2016)0453A8-0307/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-pjan ta' azzjoni dwar il-VAT ippreżentat mill-Kummissjoni fis-7 ta' April 2016 (COM(2016)0148),

–  wara li kkunsidra r-rapport speċjali Nru 24/2015 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tat-3 ta' Marzu 2016 bit-titolu "L-indirizzar tal-frodi intra-Komunitarja tal-VAT: Tinħtieġ aktar azzjoni",

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ottubru 2011 dwar il-futur tal-VAT(1),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal direttiva dwar il-ġlieda kontra l-frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (COM(2012)0363),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (COM(2013)0534),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2014 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew(2),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal regolament dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) (COM(2013)0535),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' April 2015 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew(3),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0307/2016),

A.  billi s-Suq Uniku, stabbilit fl-1 ta' Jannar 1993, neħħa l-kontrolli mal-fruntieri għall-kummerċ intra-Komunitarju u billi, skont l-Artikoli 402 sa 404 tad-Direttiva tal-VAT attwali, l-arranġamenti tal-VAT tal-Unjoni Ewropea fis-seħħ mill-1993 huma biss ta' natura provviżorja u tranżizzjonali;

B.  billi, skont l-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Kunsill għandu, b'mod unanimu, jadotta direttivi għall-ikkompletar tas-sistema komuni tal-VAT u, b'mod partikolari, għat-tneħħija jew għar-revoka progressivi tal-eżenzjonijiet minn din is-sistema;

C.  billi l-Kummissjoni hija meħtieġa li kull erba' snin tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-funzjonament tas-sistema attwali tal-VAT u, b'mod partikolari, dwar l-arranġamenti tranżizzjonali;

D.  billi l-VAT, li d-dħul minnha għas-sena 2014 kien ta' kważi EUR triljun, hija sors ta' dħul ewlieni u li qiegħed jikber fl-Istati Membri u tikkontribwixxi għar-riżorsi proprji tal-UE, bid-dħul totali tal-UE mir-riżorsi proprji tal-VAT ikun ta' EUR 17 667 miljun u jammonta għal 12.27 % tad-dħul totali tal-UE fl-2014(4);

E.  billi s-sistema tal-VAT attwali, peress li hi applikata minn korporazzjonijiet kbar għal tranżazzjonijiet transfruntieri, hija vulnerabbli għall-frodi, għall-istrateġiji tal-evitar tat-taxxa, għall-VAT li ma tinġabarx minħabba insolvenzi, jew għall-kalkolu ħażin; billi d-"diskrepanza tal-VAT" stmata tammonta għal madwar EUR 170 biljun kull sena, u teknoloġiji diġitali aħjar qed isiru disponibbli biex jgħinu fit-tnaqqis ta' din id-diskrepanza;

F.  billi, skont studju tal-Kummissjoni(5), il-frodi MTIC (frodi Intra-Komunitarja b'Negozjant Nieqes, komunement imsejjaħ frodi karusell) waħdu huwa responsabbli għal telf fid-dħul tal-VAT ta' madwar EUR 45 biljun sa EUR 53 biljun kull sena;

G.  billi l-Istati Membri jvarjaw fl-effikaċja li biha huma kapaċi jindirizzaw il-frodi tal-VAT u l-evitar tal-VAT, peress li d-diskrepanza tal-VAT hija stmata li tvarja minn inqas minn 5 % sa aktar minn 40 % skont il-pajjiż ikkunsidrat;

H.  billi, skont l-istimi tal-Europol, bejn EUR 40 biljun u EUR 60 biljun tat-telf fid-dħul annwali mill-VAT tal-Istati Membri huwa kkawżat minn gruppi ta' kriminalità organizzata, u 2 % ta' dawk il-gruppi huma wara 80 % tal-frodi MTIC;

I.  billi l-kejl tat-telf fid-dħul li jirriżulta minn frodi tal-VAT transfruntiera hija sfida iebsa ħafna minħabba li żewġ Stati Membri biss, ir-Renju Unit u l-Belġju, jiġbru u jiddisseminaw statistika dwar din il-kwistjoni;

J.  billi bosta Stati Membri taħt il-koordinazzjoni tal-Eurojust u tal-Europol reċentement wettqu tliet Operazzjonijiet Vertigo konsekuttivi u ta' suċċess li kixfu skema ta' frodi karusell li tammonta għal EUR 320 miljun;

K.  billi l-ispejjeż amministrattivi kbar ikkawżati mis-sistemi tal-VAT preżenti, speċjalment fir-rigward ta' tranżazzjonijiet transfruntiera, jistgħu jitnaqqsu b'mod sinfikanti għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, anke permezz ta' mekkaniżmi ta' simplifikazzjoni bl-użu ta' għodod ta' rappurtar diġitali u databases komuni;

L.  billi hemm ħafna lok għal titjib fit-tnaqqis tal-ostakoli amministrattivi u fiskali li jolqtu, b'mod partikolari, il-proġetti ta' kooperazzjoni transfruntiera;

M.  billi l-VAT hija taxxa fuq il-konsum li hija bbażata fuq sistema ta' ħlasijiet frazzjonati li tippermetti awtoregolamentazzjoni mill-persuni responsabbli għall-ħlas, u billi trid titħallas biss mill-konsumatur finali sabiex tiġi żgurata n-newtralità għan-negozji; billi huwa f'idejn l-Istati Membri li jorganizzaw il-mod prattiku li bih jiċċarġjaw il-VAT sabiex jiżguraw li din titħallas mill-konsumatur finali;

N.  billi 23 sena wara l-introduzzjoni tad-Direttiva tal-VAT, l-hekk imsejħa "derogi ta' sospensjoni" ma għadhomx rilevanti, b'mod partikolari fir-rigward tal-ekonomija diġitali moderna;

O.  billi, fl-aħħar żewġ deċennji, il-Kummissjoni fetħet aktar minn 40 proċedura ta' ksur kontra aktar minn żewġ terzi tal-Istati Membri minħabba ksur tad-Direttiva;

P.  billi ma tistax tintlaħaq maġġoranza favur il-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini rigward sistema tal-VAT definittiva, peress li dan ikun jeħtieġ livell ogħla ta' armonizzazzjoni tar-rati tat-taxxa biex jiġu evitati distorsjonijiet massivi fil-kompetizzjoni;

Q.  billi l-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa hija waħda mill-isfidi ewlenin fil-qasam tat-taxxa li jħabbtu wiċċhom magħhom l-Istati Membri;

R.  billi l-frodi tal-VAT hija prattika li tagħmel ħafna ħsara peress li tiddevja ammonti sinifikanti tad-dħul tal-baġit tal-Istati Membri filwaqt li xxekkel l-isforzi tagħhom biex jikkonsolidaw il-finanzi pubbliċi;

S.  billi l-frodi tal-VAT f'livell transfruntier lill-Istati Membri u lill-kontribwenti Ewropej tagħna tiswielhom madwar EUR 50 biljun fis-sena;

T.  billi t-tipoloġiji ta' frodi tal-VAT huma multidimensjonali, kontinwament jevolvu u jirrigwardaw ħafna setturi ekonomiċi, u, għaldaqstant, jirrikjedu adattament rapidu tal-leġiżlazzjoni rilevanti bil-għan li tinqabad it-triq lejn sistema tal-VAT sempliċi u sostenibbli li tippermetti li jiġu evitati l-frodi u t-telf potenzjali tad-dħul mit-taxxa;

U.  billi ebda proġett pilota tar-reverse charge m'għandu joħloq jew iwassal għal dewmien fl-istabbiliment ta' sistema definittiva tal-VAT kif previst mill-pjan direzzjonali tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni;

V.  billi t-teknika ta' frodi tal-VAT l-iktar użata hija l-frodi "karusell"; billi dan it-tip ta' frodi, komuni ħafna fis-setturi tal-komponenti elettroniċi, tat-telefonija mobbli u tal-kummerċ tat-tessuti, il-merkanzija tgħaddi minn diversi kumpaniji fi Stati Membri differenti, fejn jittieħed vantaġġ mill-fatt li ma hemm ebda taxxa imposta fuq il-provvista ta' merkanzija fi ħdan l-UE;

W.  billi l-isforzi ta' kooperazzjoni msaħħa u kostanti bejn l-Istati Membri huma meħtieġa b'mod urġenti biex jitfasslu strateġiji komprensivi u integrati fil-ġlieda kontra l-frodi, partikolarment fid-dawl tar-restrizzjonijiet baġitarji attwali tal-UE, u ż-żieda tal-kummerċ elettroniku u tal-kummerċ fuq l-Internet, li dgħajfet il-kontroll territorjali fuq il-ġbir tal-VAT;

X.  billi l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri hija element fundamentali tal-aġenda politika tal-Unjoni sabiex tikkonsolida u ssaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini u tiggarantixxi li flushom qed jintużaw b'mod xieraq;

Y.  billi l-frodi tal-VAT tirriżulta f'telf ta' dħul għall-Istati Membri, u għalhekk għall-UE, toħloq distorsjoni fl-ambjent fiskali li tagħmel ħsara b'mod partikolari lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, u tintuża minn organizzazzjonijiet kriminali li jieħdu vantaġġ minn lakuni leġiżlattivi eżistenti bejn l-Istati Membri u l-awtoritajiet superviżorji kompetenti tagħhom;

Z.  billi l-Qorti Ewropea tal-Awdituri kkonkludiet fir-Rapport Speċjali tagħha Nru 24/2015 li l-frodi tal-VAT hija prinċipalment ikklassifikata bħala prattika kriminali li jeħtieġ li titwaqqaf;

AA.  billi fil-kawża "Taricco u Oħrajn" (C105/14), il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja stqarret li l-kunċett ta' "frodi" kif definit fl-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej ikopri d-dħul mill-VAT;

1.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi sistema tal-VAT definittiva sal-2017 li hija sempliċi, ġusta, robusta, effiċjenti u inqas suxxettibbli għall-frodi;

2.  Jenfasizza li hemm bżonn ta' sistema sempliċi għall-VAT li titlob inqas eżenzjonijiet, għall-funzjonament xieraq tas-suq uniku diġitali;

3.  Hu tal-fehma li l-parir espert li fuqu hija bbażata l-proposta tal-Kummissjoni għall-programm ta' azzjoni fih rakkomandazzjonijiet importanti; jenfasizza li l-lista ta' proposti tal-Kummissjoni mmirati lejn il-kisba ta' sistema tal-VAT robusta, sempliċi u reżistenti għall-frodi, mhijiex eżawrjenti;

4.  Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' April 2016 u l-miżuri addizzjonali mbassra ddisinjati biex jevitaw il-frodi u jgħinu jtejbu s-sistema tal-VAT eżistenti;

5.  Hu tal-fehma li t-titjib tas-sistema eżistenti huwa wkoll importanti, u jitlob riformi fundamentali bil-ħsieb li jneħħu jew għall-inqas inaqqsu b'mod sostanzjali l-problemi li jaffettwawha, u b'mod partikolari l-problema Ewropea tal-ġbir tal-VAT;

6.  Hu tal-fehma li l-Kummissjoni għandha teżamina l-għażliet kollha possibbli bl-istess mod mingħajr ma tippreġudika l-eżitu u għandha tinkludihom fil-proċess leġiżlattiv;

7.  Jirrikonoxxi li hemm bżonn ta' sforzi konġunti bejn l-Istati Membri biex ikun hemm qbil dwar sistema tal-VAT definittiva;

8.  Jirrikonoxxi li l-unanimità se tkun prekundizzjoni neċessarja biex jintlaħaq ftehim dwar sistema li tiffunzjona tajjeb għall-VAT, u għalhekk jitlob viżjoni ċara rigward is-sempliċità u inqas eċċezzjonijiet flimkien ma' approċċ prammatiku li jirrispetta l-interessi tal-ekonomija diġitali li qed tiżviluppa b'rata mgħaġġla;

9.  Jirrikonoxxi li huwa essenzjali għall-Istati Membri li jadottaw politika tat-tassazzjoni kkoordinata kif ukoll itejbu l-ħeffa u l-frekwenza tal-iskambju ta' informazzjoni tagħhom dwar il-kummerċ intra-Komunitarju sabiex jiġġieldu b'mod effikaċi l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa u biex finalment tingħalaq d-"diskrepanza tal-VAT";

10.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-aġenziji tal-gvern jesploraw u jittestjaw teknoloġiji ġodda, bħar-reġistru tat-teknoloġija distribwit u superviżjoni f'ħin reali, bħala parti minn aġenda RegTech bil-għan li titnaqqas b'mod sinifikanti u sostanzjali id-"diskrepanza tal-VAT'' eżistenti u sinifikanti fl-Unjoni;

11.  Jenfasizza li hija r-responsabbiltà tal-awtoritajiet tat-taxxa fl-Istati Membri individwali li jiżguraw li l-VAT titħallas b'mod sempliċi u faċli għall-SMEs, li jista' jiġi ffaċilitat permezz ta' aktar kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali;

12.  Hu tal-fehma li, fil-passat, il-kooperazzjoni u l-iskambji ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa individwali tal-Istati Membri ma kinux adegwati u l-attivitajiet tal-Eurofisc sa issa ma wasslux għal riżultati sodisfaċenti; huwa tal-opinjoni li l-informazzjoni skambjata permezz tal-Eurofisc għandha tkun immirata aħjar lejn il-frodi; jistenna bil-ħerqa l-proposta li jmiss tal-Kummissjoni biex ittejjeb il-funzjonament tal-Eurofisc;

13.  Jinnota li s-Sistema ta' Skambju ta' Informazzjoni dwar il-VAT (VIES) uriet li hija għodda utli fil-ġlieda kontra l-frodi billi tippermetti lill-awtoritajiet tat-taxxa jirrikonċiljaw id-data fuq negozjanti bejn il-pajjiżi, iżda li għad hemm nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tagħha, b'mod partikolari rigward il-puntwalità tal-informazzjoni pprovduta, il-ħeffa tat-tweġibiet għall-mistoqsijiet u l-veloċità tar-reazzjoni għall-iżbalji identifikati; jirrakkomanda għalhekk li l-Istati Membri jagħtu kunsiderazzjoni dovuta sabiex jiġu indirizzati dawn in-nuqqasijiet;

14.  Jinnota li d-data pprovduta lill-Eurofisc mill-awtoritajiet nazzjonali mhijiex iffiltrata b'mod li tittrasferixxi biss każijiet suspetti, u għalhekk ixxekkel il-funzjonament ottimali tal-grupp; jappoġġja l-inizjattiva minn diversi Stati Membri li jisħqu favur it-twaqqif ta' għodod nazzjonali ta' analiżi tar-riskju li jippermettu l-iffiltrar ta' data mingħajr ma jidħlu f'riskju li jeliminaw każijiet suspettużi fi kwalunkwe Stat Membru u jippermettu lill-Eurofisc jirreaġixxi b'ħeffa kontra l-frodi tal-VAT transfruntiera;

15.  Jenfasizza li hija r-responsabbiltà tal-awtoritajiet tat-taxxa fl-Istati Membri individwali li jiżguraw li l-VAT titħallas b'mod xieraq u sempliċi;

16.  Ifakkar li l-Istati Membri jiddependu l-aktar fuq informazzjoni li tasal minn Stati Membri oħra dwar il-kummerċ fi ħdan l-UE sabiex ikunu jistgħu jiġbru l-VAT fit-territorju tagħhom; jitlob lill-awtoritajiet responsabbli biex b'mod awtomatiku jiskambjaw informazzjoni partikolarment dwar il-VAT u d-dazji kif ukoll biex jużaw mezzi teknoloġiċi affidabbli u faċli għall-utent, bħal formoli standard elettroniċi, biex ikollhom rekord tal-konsenji ta' merkanzija u ta' servizzi lill-utenti finali; jemmen, f'dan ir-rigward, li l-użu ta' Numri ta' Lokazzjoni tal-VAT (VLNs), li skonthom il-konsumaturi ma jistgħux inaqqsu t-taxxa tal-input jekk il-VAT hija indikata fuq fattura mingħajr VLN validu, jista' jkun strument utli;

17.  Jemmen li n-nuqqas ta' data komparabbli u ta' indikaturi rilevanti adegwati biex ikejlu l-prestazzjoni tal-Istati Membri jaffettwa l-effikaċja tas-sistema tal-UE biex tindirizza l-frodi tal-VAT fi ħdan l-UE, u għalhekk jistieden lill-awtoritajiet tat-taxxa jistabbilixxu, f'koordinazzjoni mal-Kummissjoni, sistema komuni biex jiġi stmat id-daqs tal-frodi fi ħdan l-UE u mbagħad jistabbilixxu miri biex jitnaqqas, peress li dan jippermetti l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-Istati Membri fl-indirizzar ta' din il-kwistjoni;

18.  Jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw ukoll l-iskambju ta' informazzjoni mal-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi bħalma huma l-Europol u l-OLAF, kif rakkomandat mill-Qorti tal-Awdituri;

19.  Jinnota li l-Proċedura Doganali 42, li tipprevedi għal eżenzjoni mill-VAT fuq merkanzija impurtata fi Stat Membru wieħed meta sussegwentement dawn għandhom jintbagħtu lejn Stat Membru ieħor, uriet li hija vulnerabbli għal abbuż frawdolenti; jinnota li l-kontroverifiki effikaċi tad-data miżmuma mill-awtoritajiet tat-taxxa b'data miżmuma mill-awtoritajiet doganali huma kruċjali biex jidentifikaw u jeliminaw dan it-tip ta' frodi; jitlob għalhekk lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jaġixxu ħalli jiffaċilitaw il-fluss ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa u dawk doganali dwar l-importazzjonijiet taħt il-Proċedura Doganali 42, kif rakkomandat mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri;

20.  Jappoġġja l-għan tal-pjan ta' azzjoni li jistabbilixxi żona unika Ewropea tal-VAT, li għandha tkun pilastru għal suq intern aktar profond u aktar ekwu u biex tikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-ġustizzja fiskali, il-konsum sostenibbli, l-impjiegi, it-tkabbir, l-investiment u l-kompetittività, filwaqt li tillimita wkoll il-possibbiltà ta' frodi tal-VAT;

21.  Jitlob f'dan ir-rigward li s-servizzi jiġu inkorporati b'mod sħiħ fis-sistema l-ġdida malajr kemm jista' jkun, b'mod partikolari, li s-servizzi finanzjarji jkunu soġġetti għall-VAT;

22.  Jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li s-sistema definittiva tal-VAT għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju tat-tassazzjoni fil-pajjiż li hu d-destinazzjoni finali tal-merkanzija u s-servizzi, minħabba li l-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini ma setax jiġi implimentat;

23.  Huwa favur li l-prinċipju tal-pajjiż tad-destinazzjoni jiġi applikat bħala regola ġenerali fil-każ ta' bejgħ mill-bogħod lil individwi, u li jiġu introdotti miżuri armonizzati għan-negozji ż-żgħar;

24.  Jappella għal żviluppi teknoloġiċi fid-dinja diġitali li għandhom jiġu inkorporati fil-mudelli fiskali eżistenti meta s-sistema tal-VAT li ttieħdet deċiżjoni dwarha tiġi introdotta, sabiex is-sistema tkun adegwata għas-seklu 21;

25.  Jinnota li l-eċċess attwali fir-rati tal-VAT joħloq ħafna inċertezza għall-kumpaniji involuti f'kummerċ transfruntier, b'mod partikolari fis-settur tas-servizzi u għall-SMEs; jinnota li l-inċertezza hija kkawżata wkoll mill-kwistjoni dwar min hu responsabbli għall-ġbir tal-VAT, il-prova ta' provvista fi ħdan il-komunità, ir-riskju li tkun involut fil-frodi b'negozjant nieqes, kwistjonijiet ta' fluss tal-flus u r-rati tal-VAT differenti għal kategoriji ta' merkanzija differenti fi ħdan l-istess pajjiż; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tistudja l-impatt sa nofs l-2017 tal-frodi b'negozjant nieqes; jistieden lill-Istati Membri jaqblu fuq li jżidu l-konverġenza fir-rati tal-VAT;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt tan-nuqqas li tarmonizza r-rati tat-taxxa fil-livell tal-Unjoni, b'mod partikolari dwar attivitajiet transfruntiera, u biex tivvaluta l-possibbiltajiet biex jitneħħew dawn l-ostakoli;

27.  Jappoġġja l-għażla kif proposta mill-Kummissjoni ta' rieżami regolari tal-lista' ta' merkanzija u ta' servizzi eliġibbli għal rati mnaqqsa li għandu jintlaħaq qbil dwarha mill-Kunsill; jappella biex din il-lista tqis il-prijoritajiet politiċi bħall-aspetti soċjali, tas-sessi, tas-saħħa, ambjentali, nutrizzjonali u kulturali;

28.  Hu tal-fehma li t-tneħħija kompleta tar-rati tat-taxxa minimi bħala alternattiva, kif proposta mill-Kummissjoni, tista' tikkawża distorsjonijiet konsiderevoli għall-kompetizzjoni u problemi fis-suq uniku; hu tal-fehma li għandha titqies il-ħtieġa għal aktar armonizzazzjoni, li hija neċessarja għall-funzjonament xieraq tas-suq uniku;

29.  Jitlob eżami dwar jekk tistax tiġi adottata lista unika Ewropea ta' merkanzija u ta' servizzi mnaqqsa bil-għan li tinstab alternattiva għas-sistema attwali ta' rati tal-VAT imnaqqsa li tista' ttejjeb b'mod sinifikanti l-effiċjenza tas-sistema tal-VAT, u tippermetti għal sistema aktar strutturata milli hu l-każ bħalissa;

30.  Hu tal-fehma li inqas eżenzjonijiet huma importanti fil-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT u li l-aħjar u l-aktar mod effiċjenti biex tiġi indirizzata l-frodi hija sistema tal-VAT sempliċi b'rata kemm jista' jkun baxxa;

31.  Hu tal-fehma li s-sistema kkumplikata preżenti tista' tiġi ssimplifikata b'mod konsiderevoli jekk il-merkanzija u s-servizzi eliġibbli għal rati tat-taxxa mnaqqsa jitnaqqsu u wħud mill-merkanzija u s-servizzi eliġibbli għal rati tat-taxxa mnaqqsa jiġu determinati b'mod konġunt mill-Istati Membri fil-livell tal-UE, filwaqt li jiġi permess lill-Istati Membri jiddeċiedu dwar ir-rati tat-taxxa sakemm ikunu konformi mar-rati tat-taxxa minimi fid-Direttiva tal-VAT u sakemm dan ma joħloqx riskji ta' kompetizzjoni inġusta;

32.  Jitlob li l-merkanzija tkun soġġetta għall-prinċipju tal-pajjiż tad-destinazzjoni ta' tassazzjoni ekwa irrispettivament minn liema forma jieħdu jew fuq liema pjattaforma jinxtraw u jekk humiex fornuti b'mod diġitali jew b'mod fiżiku;

33.  Jinnota li llum, problema kbira għall-SMEs hija li l-Istati Membri għandhom interpretazzjonijiet differenti rigward x'jista' jiġi deskritt bħala merkanzija jew bħala servizz; jitlob għalhekk lill-Kummissjoni tkun aktar ċara u distinta fid-definizzjonijiet tagħha;

34.  Jistieden lill-Istati Membri japplikaw il-VAT b'mod ekwu ma' kumpaniji privati u pubbliċi f'oqsma li fihom jikkompetu ma' xulxin;

35.  Jirrimarka li s-sistema ta' pagamenti frazzjonata għall-VAT intgħażlet bħala r-referenza għat-tassazzjoni indiretta fil-proġett BEPS tal-OECD (Azzjoni 1) peress li tiżgura li l-ġbir tat-taxxi jkun effikaċi u, min-natura tagħha, tippermetti l-awtoregolamentazzjoni mill-operaturi;

36.  Jinnota li l-Artikoli 199 u 199a tad-Direttiva tal-VAT jipprovdu għal applikazzjoni temporanja u mmirata tal-mekkaniżmu tar-reverse charge għal tranżazzjonijiet transfruntiera u għal ċerti setturi domestiċi b'riskju għoli fl-Istati Membri;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina bir-reqqa l-konsegwenzi tal-mekkaniżmu tar-reverse charge u teżamina jekk din il-proċedura hix se tissimplifika s-sitwazzjoni għall-SMEs u tnaqqas il-frodi tal-VAT;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-effetti tal-proċedura tar-reverse charge, u mhux biss għas-setturi individwali li huma partikolarment suxxettibbli għall-frodi, f'termini ta' benefiċċji, spejjeż ta' konformità, frodi, effikaċja u problemi ta' implimentazzjoni, u vantaġġi u żvantaġġi fuq terminu twil permezz ta' proġetti pilota, kif mitlub minn uħud mill-Istati Membri u sadanittant ikkonfermat espliċitament mill-Kummissjoni, anke jekk dan ma kienx inkluż fil-pjan ta' azzjoni tagħha; jisħaq, madankollu, li ebda tali proġett pilota m'għandu bi kwalunkwe mod joħloq jew iwassal għal dewmien fit-tfassil u l-implimentazzjoni tar-reġim tal-VAT permanenti kif previst mill-pjan direzzjonali tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni;

39.  Hu tal-fehma li l-amministrazzjonijiet nazzjonali tat-taxxa jridu jieħdu aktar responsabbiltà biex jiżguraw konformità mar-regoli tat-taxxa u jnaqqsu l-opportunitajiet għall-evażjoni fl-implimentazzjoni ġenerali tal-prinċipju tal-pajjiż tad-destinazzjoni; jaqbel mal-Kummissjoni li għad hemm ħafna lok għal titjib fil-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT permezz ta' miżuri amministrattivi konvenzjonali u titjib fil-kapaċità u l-ħiliet tal-persunal tal-Istati Membri fil-ġbir u fl-ispezzjoni tat-taxxa; jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-ispezzjonijiet u s-sanzjonijiet tat-taxxa fuq l-akbar frodisti; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ finanzjarju u tekniku adegwat f'dan ir-rigward;

40.  Hu tal-fehma li l-Kummissjoni għandha timmonitorja mill-qrib il-prestazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa u ttejjeb il-koordinazzjoni bejniethom;

41.  Jilqa' t-tħabbira tal-Kummissjoni li se tespandi l-Punt Uniku ta' Servizz Żgħir f'punt uniku ta' servizz komplut; jinnota l-importanza kbira li dan ikun faċli għall-utent u ugwalment effiċjenti fit-28 Stat Membru kollha; jinnota li l-ħolqien ta' punt uniku ta' servizz itaffi l-piżijiet amministrattivi li ma jħallux lill-kumpaniji joperaw lil hinn mill-fruntieri u jnaqqas l-ispejjeż għall-SMEs (COM(2016)0148);

42.  Jinnota li "punt uniku ta' servizz" huwa essenzjali jekk il-prinċipju tal-pajjiż tad-destinazzjoni jiġi impost u biex isir inqas suxxettibbli għall-frodi; jappella għal titjib tal-punt uniku ta' servizz abbażi tal-esperjenza attwali tal-Punti Uniċi ta' Servizz Żgħar għal prodotti diġitali; jinnota li anke bil-Punt Uniku ta' Servizz Żgħir, in-negozji żgħar u mikro jistgħu jaffaċċjaw piż amministrattiv sinifikanti taħt il-prinċipju tad-destinazzjoni l-ġdid; jilqa', għalhekk, il-proposta fi ħdan il-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni dwar il-VAT li tintroduċi miżura komuni ta' simplifikazzjoni madwar l-UE (livell limitu tal-VAT); jappella għal definizzjoni ċara ta' liema Stat Membru huwa responsabbli għall-ispezzjoni tat-taxxa f'każ ta' tranżazzjonijiet transfruntiera; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tneħħi l-Ħelsien mit-Taxxa għal Kunsinni ta' Valur Baxx bħala parti mill-pjan ta' azzjoni tagħha dwar il-VAT;

43.  Jirrikonoxxi li reġimi differenti tal-VAT madwar l-Unjoni Ewropea jistgħu jiġu perċepiti wkoll bħala ostakolu nontariffarju fis-Suq Uniku, jissottolinja li l-Punt Uniku ta' Servizz Żgħir (VAT MOSS) huwa mod tajjeb li jgħin sabiex jingħeleb dan l-ostakolu u b'mod partikolari biex l-SMEs jiġu appoġġjati fl-attività transfruntiera tagħhom; jirrikonoxxi li għad hemm xi kwistjonijiet problematiċi żgħar bil-VAT MOSS; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiffaċilita l-ħlas tal-obbligi tal-VAT minn kumpaniji madwar l-UE;

44.  Jinnota s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-kawża C-97/09 (Ingrid Schmelz v Finanzamt Waldviertel); jieħu nota tat-28 livell limitu differenti għall-eżenzjoni mit-taxxa tal-VAT; jieħu nota tad-diffikultajiet finanzjarji sussegwenti li jaffaċċjaw l-SMEs u l-mikrointrapriżi li skont is-sistemi nazzjonali tagħhom ikunu eżentati; jistieden lill-Kummissjoni twettaq studji ulterjuri dwar l-iffissar ta' livell limitu għall-eżenzjoni mill-ħlas tal-VAT għall-mikrointrapriżi;

45.  Jitlob li jiġu eżaminati l-proposti kollha biex il-piż amministrattiv tat-taxxi fuq id-dħul minn negozju għall-MSMEs jiġi minimizzat; iħeġġeġ lill-Kummissjoni f'dan ir-rigward biex tinvestiga wkoll l-aħjar prattiki internazzjonali, bħalma huma l-iskemi tal-"gold card" applikabbli f'Singapore u l-Awstralja, filwaqt li tirrikonoxxi li r-riskju ta' frodi min-naħa ta' xi fornituri huwa baxx ħafna;

46.  Jilqa' n-notifika tal-Kummissjoni li fl-2017 se tissottometti pakkett għall-SMEs għall-VAT; jirrakkomanda, madankollu, li l-implimentazzjoni tal-qafas il-ġdid għandha tkun gradwali peress li se tiskatta spejjeż amministrattivi addizzjonali (bħal infrastruttura tal-IT jew proċessi tal-VAT);

47.  Jinnota s-sistema kumplessa ta' filing li timponi piż qawwi fuq l-SMEs u b'hekk tiskoraġġixxi l-kummerċ transfruntier; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fil-pakkett tagħha għall-SMEs proposta għal sistema unifikata ta' filing tal-VAT u rekwiżiti armonizzati ta' rappurtar u skadenzi;

48.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' ambjent tal-VAT armonizzat għal bejgħ mill-bogħod "minn negozju għal negozju" u "minn negozju għal konsumatur"; jinnota li l-livell limitu tal-VAT mhuwiex implimentat bl-istess suċċess fl-Istati Membri differenti minħabba nuqqas ta' koordinazzjoni;

49.  Jenfasizza li trid titfassal sistema ġdida ssimplifikata tal-VAT b'mod li l-SMEs ikunu jistgħu jsegwu r-regoli għall-kummerċ transfruntier faċilment u f'kull Stat Membru jkunu jistgħu jsibu appoġġ mhux biss dwar kif jadottawhom iżda wkoll il-ġestjoni tal-proċeduri tal-VAT;

50.  Jappella, fuq perjodu qasir, għal portal tal-internet komprensiv u pubblikament aċċessibbli għall-kumpaniji u għall-utenti finali biex isibu, b'mod ċar u faċli, informazzjoni dettaljata dwar ir-rati tal-VAT applikabbli għall-merkanzija u s-servizzi individwali fl-Istati Membri; jenfasizza li l-lingwaġġ u t-tfassil ta' dan il-portal għandhom ikunu faċli biex jinftiehmu u jintużaw; itenni l-konvinzjoni tiegħu li jekk il-kumpaniji jiġu megħjuna biex ikollhom fehim ċar tar-regoli applikabbli tal-VAT fl-Istati Membri dan ikompli jsaħħaħ il-miżuri kontra l-frodi tal-VAT; jinnota wkoll li softwer tat-taxxa ċertifikat jista' jgħin sabiex jiġi limitat ir-riskju ta' tipi speċifiċi ta' frodi u irregolaritajiet oħra u jista' jipprovdi ċertezza lil negozji onesti involuti fi tranżazzjonijiet domestiċi u transfruntiera; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tipprovdi linji gwida għall-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa dwar il-klassifikazzjoni tat-tranżazzjonijiet fir-rigward tar-rata tal-VAT applikata sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-konformità u l-kwistjonijiet ġuridiċi; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu sistemi ta' informazzjoni pubbliċi, bħal portal tal-internet dwar il-VAT, sabiex jagħmlu disponibbli informazzjoni affidabbli;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi lista b'informazzjoni aġġornata dwar ir-regoli tal-VAT f'kull wieħed mill-Istati Membri; jissottolinja, fl-istess ħin, li hija r-responsabilità tal-Istati Membri li jirrapportaw ir-regoli u r-rati tagħhom lill-Kummissjoni;

52.  Jieħu nota li, fir-rigward tal-bejgħ bil-kummerċ elettroniku, in-nuqqas ta' armonizzazzjoni fil-livell limitu tal-VAT iwassal għal spejjeż għoljin ta' tranżazzjoni għall-SMEs li joperaw f'attivitajiet ta' kummerċ elettroniku meta aċċidentalment jew involontarjament jaqbżu l-livell limitu;

53.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu b'mod urġenti lill-Kummissjoni b'informazzjoni dwar ir-rati tal-VAT, ir-rekwiżiti speċjali u l-eżenzjonijiet rispettivi tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tiġbor din l-informazzjoni u tagħmilha disponibbli lill-kumpaniji u lill-konsumaturi;

54.  Hu tal-fehma li l-pjanijiet ta' riforma tal-VAT imħabbra mill-Kummissjoni fil-programm ta' azzjoni jridu jkunu soġġetti għal valutazzjonijiet tal-impatt komprensivi u sodi b'input mix-xjenza, l-amministrazzjonijiet tat-taxxa tal-Istati Membru tal-UE, l-SMEs u l-kumpaniji fl-UE;

55.  Jenfasizza li l-leġiżlazzjoni fiskali hija kompetenza esklusiva tal-Istati Membri; jenfasizza li skont l-Artikolu 329(1) tat-TFUE, grupp ta' mill-inqas disa' Stati Membri jistgħu jidħlu f'kooperazzjoni mtejba; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja proposti għal kooperazzjoni mtejba bil-għan li tiġġieled il-frodi u tnaqqas il-piżijiet amministrattivi f'termini ta' VAT;

56.  Hu tal-fehma li soluzzjoni fi ħdan il-qafas tal-OECD hija iktar mixtieqa minn miżuri awtonomi li jeħtieġ li jiġu armonizzati mar-rakkomandazzjonijiet tal-OECD u mal-pjan ta' azzjoni dwar il-BEPS;

57.  Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Gvern elettroniku għall-2016-2020: Inħaffu t-trasformazzjoni diġitali tal-amministrazzjoni pubblika" (COM(2016)0179);

58.  Josserva li l-pjan ta' azzjoni l-ġdid jinkludi aktar passi 'l quddiem lejn reġim definittiv aktar effiċjenti u reżistenti għall-frodi li jkun aktar favorevoli għall-impriżi fl-era tal-ekonomija diġitali u tal-kummerċ elettroniku;

59.  Jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li skontha l-VAT fuq il-bejgħ transfruntier (ta' merkanzija jew ta' servizzi) tinġabar mill-awtorità tat-taxxa tal-pajjiżi tal-oriġini, f'rata applikabbli fil-pajjiż tal-użu, u tiġi ttrasferita fil-pajjiż fejn il-merkanzija u s-servizzi jiġu finalment ikkunsmati;

60.  Jissottolinja l-importanza tal-preżentazzjoni ta' proposta leġiżlattiva biex il-Mekkaniżmu Elettroniku Uniku (għar-reġistrazzjoni u għall-pagament tal-VAT għan-negozji transfruntiera) jiġi estiż biex jinkludi l-bejgħ online tal-konsumatur ta' merkanzija fiżika sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv, wieħed mill-ostakoli ewlenin li n-negozji jaffaċċjaw meta joperaw matul il-fruntieri;

61.  Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-problema tal-piż amministrattiv fuq in-negozji maħluq mir-reġim frammentat tal-VAT billi tippreżenta proposti leġiżlattivi għall-estensjoni tal-Punt Uniku ta' Kuntatt Żgħir attwali biex tinkludi oġġetti tanġibbli mibjugħin online, b'hekk l-impriżi jkunu jistgħu jagħmlu dikjarazzjonijiet uniċi u pagamenti tal-VAT fl-Istat Membru tagħhom stess;

62.  Jistieden lill-Istati Membri jissimplifikaw is-sistemi nazzjonali tat-taxxa tagħhom, u jagħmluhom aktar konsistenti u robusti, b'tali mod li jiffaċilitaw il-konformità, jevitaw, jiskoraġġixxu u jissanzjonaw il-frodi u l-evażjoni tat-taxxa, u jagħtu spinta lill-effiċjenza tal-ġbir tal-VAT;

63.  Huwa mħasseb bil-fatt li l-għan tas-simplifikazzjoni tas-sistema ta' akkontabilità għall-VAT bħala riżorsa proprja ma ntlaħaqx totalment; ifakkar fil-bżonn ta' aktar simplifikazzjoni tas-sistema ta' ġestjoni relatata mar-riżorsi proprji bil-għan li jonqsu l-possibbiltajiet ta' żbalji u frodi; jiddispjaċih li l-pjan ta' azzjoni l-ġdid ma jindirizzax l-impatt fuq ir-riżorsa proprja tal-VAT;

64.  Jirrimarka li d-diskrepanzi tal-VAT tal-Istati Membri, u t-telf stmat fil-ġbir tal-VAT fi ħdan l-Unjoni, ammontaw għal EUR 170 biljun fl-2015, skont l-istimi, u jissottolinja l-fatt li fi 13-il Stat Membru mis-26 eżaminati fl-2014, it-telf stmat medju tal-VAT qabeż il-15,2 %; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ mis-setgħat eżekuttivi tagħha sabiex kemm tikkontrolla kif ukoll tgħin lill-Istati Membri; jirrimarka li l-azzjoni effikaċi biex tonqos id-diskrepanza tal-VAT teħtieġ approċċ miftiehem u multidixxiplinari, peress li din id-diskrepanza hija r-riżultat mhux biss ta' frodi iżda ta' kombinament ta' fatturi, fosthom il-falliment u l-insolvenza, l-iżbalji statistiċi, il-pagament tardiv, l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex b'mod rapidu tippromwovi malajr leġiżlazzjoni dwar il-livell minimu ta' protezzjoni għall-informaturi fl-UE u, biex tinvestiga u tiskoraġġixxi b'mod aħjar il-frodi, tistabbilixxi appoġġ finanzjarju favur il-ġurnaliżmu investigattiv transfruntier, li wera biċ-ċar l-effikaċja tiegħu fl-iskandli "LuxLeaks", "Dieselgate" u "Panama Papers";

65.  Jiddispjaċih li l-frodi tal-VAT, u b'mod partikolari l-hekk imsejħa frodi "karusell" jew tan-"negozjant nieqes", tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni u ċċaħħad lill-baġits nazzjonali minn riżorsi sinifikanti, kif ukoll tkun ta' detriment għall-baġit tal-Unjoni; jinsab imħasseb li l-Kummissjoni ma għandha l-ebda data affidabbli dwar il-"frodi karusell" tal-VAT; jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni tagħti bidu għal sforz ikkoordinat min-naħa tal-Istati Membri biex tkun stabbilita sistema konġunta ta' ġbir tal-istatistika dwar il-"frodi karusell" tal-VAT; jirrimarka li tali sistema tista' tkun mibnija fuq prattiki diġà użati f'ċerti Stati Membri;

66.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti bidu għall-istabbiliment ta' sistema komuni li tippermetti stima aktar irfinata tal-kobor tal-frodi tal-VAT fi ħdan l-UE billi tiġi kumpilata l-istatistika rigward il-frodi tal-VAT fi ħdan l-UE, li tkun tippermetti lill-Istati Membri individwali jevalwaw il-prestazzjonijiet rispettivi tagħhom f'dan ir-rigward abbażi ta' indikaturi preċiżi u affidabbli dwar it-tnaqqis tal-VAT fi ħdan l-UE u taż-żieda fl-identifikazzjoni tal-frodi u l-irkupru tat-taxxa korrellativ; huwa tal-fehma li l-approċċi tal-awditjar il-ġodda, bħall-awditjar uniku jew l-awditjar konġunt, għandhom ikunu estiżi ulterjorment biex jinkludu operazzjonijiet transfruntieri;

67.  Jenfasizza l-importanza li jiġu implimentati strateġiji ġodda, u li jsir użu aktar effiċjenti mill-istrutturi eżistenti tal-UE, biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT; jissottolinja l-fatt li aktar trasparenza, li tippermetti skrutinju xieraq, u l-adozzjoni ta' approċċ aktar strutturat u msejjes fuq approċċ "ibbażat fuq ir-riskju", huma fundamentali għall-identifikazzjoni u l-prevenzjoni tal-iskemi tal-frodi u tal-korruzzjoni;

68.  Jiddispjaċih li l-kooperazzjoni amministrattiva fost l-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT għadha mhijiex effiċjenti meta tiġi biex tindirizza l-evażjoni u l-mekkaniżmi ta' frodi tal-VAT fi ħdan l-UE, jew biex tiġġestixxi t-tranżazzjonijiet jew il-kummerċ transfruntieri; jisħaq fuq il-bżonn ta' sistema tal-VAT li tkun simplifikata, effikaċi u aċċessibbli u li tħalli lill-Istati Membri kollha jnaqqsu l-piżijiet tal-VAT tagħhom u jiġġieldu l-frodi tal-VAT; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, twettaq aktar żjarat ta' monitoraġġ fl-Istati Membri, magħżulin fuq il-bażi tar-riskju, matul il-valutazzjoni tal-ftehimiet ta' kooperazzjoni amministrattiva; jitlob lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex tiffoka, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-arranġamenti amministrattivi, fuq it-tneħħija tal-ostakli ġuridiċi li jipprevjenu l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet amministrattivi, ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi fil-livell nazzjonali u tal-UE; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Istati Membri jintroduċu analiżi komuni tar-riskji li tinkludi l-użu ta' analiżi tan-netwerks soċjali tiżgura li l-informazzjoni skambjata permezz tal-Eurofisc tkun immirata kontra l-frodi; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu penali effikaċi, proporzjonati u dissważivi kif ukoll itejbu s-sistema ta' skambju tal-informazzjoni attwalment użata;

69.  Jenfasizza l-bżonn li Eurofisc jissaħħaħ sabiex jitħaffu l-iskambji ta' informazzjoni; jirrimarka li għad hemm problemi fir-rigward tal-eżattezza, tal-kompletezza u tal-puntwalità tal-informazzjoni; iqis li huwa meħtieġ li jkunu akkomunati l-azzjonijiet, u jkunu kkoordinati l-istrateġiji, tal-awtoritajiet tat-taxxa, ġudizzjarji u tal-pulizija tal-Istati Membri kif ukoll tal-korpi Ewropej – bħall-Europol, il-Eurojust u l-OLAF – fil-ġlieda kontra l-frodi, il-kriminalità organizzata u l-ħasil ta' flus; jinkoraġġixxi lill-partijiet interessati kollha jkomplu jqisu mudelli sempliċi u komprensibbli ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni f'ħin reali bil-għan li jippermettu reazzjonijiet rapidi jew miżuri ta' mitigazzjoni għall-ġlieda kontra skemi ta' frodi eżistenti jew emerġenti ġodda;

70.  Iqis bħala essenzjali għall-Istati Membri kollha li jipparteċipaw fil-Eurofisc f'kull qasam ta' attività tagħhom, bil-għan li jitħallew jittieħdu miżuri effikaċi għall-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT;

71.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti li jippermettu kontroverifiki effikaċi bejn data mill-awtoritajiet tat-taxxa u dawk doganali, u tiffoka l-monitoraġġ tagħha tal-Istati Membri fuq miżuri indikattivi tat-titjib tal-puntwalità tar-risposti tagħhom għat-talbiet għall-informazzjoni u dwar l-affidabbiltà tas-Sistema ta' Skambju ta' Informazzjoni dwar il-VAT (VIES);

72.  Jitlob lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan biex jattwaw sistema ta' n-numru ta' identifikazzjoni tal-VAT fuq żewġ livelli (jiġifieri numru allokati lin-negozjanti li jixtiequ jieħdu sehem fil-kummerċ intra-Komunitarju li huwa differenti min-numru ta' identifikazzjoni tal-VAT domestiku) u biex iwettqu l-verifiki stabbiliti fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 904/2010, filwaqt li joffru konsulenza bla ħlas lin-negozjanti;

73.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li s-sistemi elettroniċi ta' approvazzjoni doganali tal-Istati Membri huma kapaċi u jwettqu verifika awtomatika tan-numri ta' identifikazzjoni tal-VAT;

74.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi emenda għad-Direttiva tal-VAT bil-għan li tinkiseb aktar armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta' rappurtar dwar il-VAT tal-Istati Membri għall-forniment fi ħdan l-UE ta' merkanzija u ta' servizzi;

75.  Jiddispjaċih li l-proposta tal-Kummissjoni fir-rigward tal-obbligazzjoni in solidum f'każijiet ta' kummerċ transfruntier ma ġietx adottata mill-Kunsill; jirrimarka li dan inaqqas id-deterrenza kontra t-twettiq ta' negozji man-negozjanti frawdolenti; iqis li l-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-VAT, fir-rigward tal-perjodu ta' preżentazzjoni tad-dikjarazzjonijiet rikapitolattivi, mhijiex uniformi fost l-Istati Membri, u li dan il-fatt iżid il-piż amministrattiv fuq in-negozjanti li joperaw f'aktar minn Stat Membru wieħed; iħeġġeġ lill-Kunsill, għalhekk, japprova l-proposta tal-Kummissjoni dwar l-obbligazzjoni in solidum;

76.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkunu aktar attivi fil-livell internazzjonali, isaħħu l-kooperazzjoni mal-pajjiżi mhux tal-UE kif ukoll jinfurzaw il-ġbir effiċjenti tal-VAT, bil-għan li jiġu stabbiliti standards u strateġiji ta' kooperazzjoni bbażati prinċipalment fuq il-prinċipji ta' trasparenza, governanza tajba u skambju ta' informazzjoni; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jiskambjaw bejniethom l-informazzjoni li taslilhom mill-pajjiżi mhux tal-UE bil-għan li jkun faċilitat l-infurzar tal-ġbir tal-VAT, partikolarment fil-kummerċ elettroniku;

77.  Iħeġġeġ lill-Kunsill jinkludi l-VAT fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-frodi għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali ("id-Direttiva PIF") bil-għan li jinstab qbil dwar il-kwistjoni mill-aktar fis possibbli;

78.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tivvaluta d-dħul iġġenerat minn organizzazzjonijiet kriminali permezz tal-frodi tal-VAT, u biex tippreżenta strateġija komprensiva, komuni u multidixxiplinari fil-ġlieda kontra l-mudelli kummerċjali ta' organizzazzjonijiet kriminali bbażati fuq il-frodi tal-VAT, anke permezz ta' timijiet investigattivi konġunti fejn meħtieġ;

79.  Iqis kruċjali li jiġi żgurat l-istabbiliment ta' Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) uniku, b'saħħtu u indipendenti, li jkun kapaċi jinvestiga, iħarrek u jressaq il-qorti dawk li jwettqu reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, inkluż fir-rigward tal-frodi tal-VAT, kif definit fid-Direttiva PIF ta' hawn fuq, u jemmen li kwalunkwe soluzzjoni aktar dgħajfa tkun spiża għall-baġit tal-Unjoni; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li jkun żgurat li t-tqassim tal-kompetenza bejn l-UPPE u l-awtoritajiet investigattivi tal-Istati Membri ma jwassalx għal reati b'impatt sinifikanti fuq il-baġit tal-Unjoni li ma jaqax taħt il-kompetenza tal-UPPE;

80.  Jistieden lill-Istati Membri kollha biex jippubblikaw stimi dwar it-telf minħabba frodi tal-VAT fi ħdan l-UE, biex jindirizzaw id-dgħufijiet fil-Eurofisc, u biex jikkoordinaw aħjar il-politiki tagħhom dwar ir-reverse charging tal-VAT fuq merkanzija u servizzi;

81.  Iqis li huwa kruċjali li l-Istati Membri jużaw kontrolli multilaterali (MLCs) – kontroll ikkoordinat minn żewġ Stati Membri jew aktar tal-obbligi tat-taxxa ta' persuna taxxabbli relatata waħda jew aktar – bħala għodda utli biex tiġi miġġielda l-frodi tal-VAT;

82.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

(1) ĠU C 94 E, 3.4.2013, p. 5.
(2) Testi adottati, P7_TA(2014)0234.
(3) ĠU C 346, 21.9.2016, p. 27.
(4) Kummissjoni Ewropea, rapport finanzjarju 2014.
(5) http://ec.europa.eu/taxation_customs/sites/taxation/files/resources/documents/common/publications/studies/ey_study_destination_principle.pdf


Pjan ta' azzjoni tal-UE kontra t-traffikar ta' organiżmi selvaġġi
PDF 408kWORD 64k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2016 tadwar il-pjan ta' azzjoni tal-UE kontra t-traffikar ta' organiżmi selvaġġi (2016/2076(INI))
P8_TA(2016)0454A8-0303/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar ta' Organiżmi Selvaġġi" (COM(2016)0087),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2014 dwar il-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi(1),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES), implimentata fl-UE permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 dwar il-protezzjoni ta' speċi ta' fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom, u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 865/2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/451 tas-6 ta' Marzu 2015 dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES)(2),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni tal-2003,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2000 kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (KDB) u l-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ħajja Selvaġġa Ewropea u tal-Ħabitats Naturali (Bern Convention),

–  wara li kkunsidra r-Rapport dwar il-Kriminalità Dinjija marbuta mal-Organiżmi Selvaġġi tal-2016 tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 69/314 tat-30 ta' Lulju 2015 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar il-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu tal-organiżmi selvaġġi,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2/14 tal-Assemblea tan-NU għall-Ambjent dwar il-kummerċ illegali fl-organiżmi selvaġġi u fil-prodotti mill-organiżmi selvaġġi,

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti għall-2015-2030,

–  wara li kkunsidra l-Konsorzju Internazzjonali dwar il-ġlieda kontra l-Kriminalità marbuta mal-Organiżmi Selvaġġi (ICCWC), li jinkludi s-CITES, l-Interpol, l-UNODC, il-Bank Dinji u l-Organizzazzjoni Doganali Dinjija,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ffirmata fil-Konferenza ta' Londra tal-2014 dwar il-Kummerċ Illegali tal-Organiżmi Selvaġġi,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Palazz ta' Buckingham tal-2016 dwar il-prevenzjoni tat-traffikar ta' organiżmi selvaġġi fis-settur tat-trasport,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam(3), u r-rapport tal-2016 tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU)(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 605/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1185/2003 dwar it-tneħħija tax-xewka tal-klieb il-baħar abbord ta' bastimenti(5) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 206/2009 tal-5 ta' Marzu 2009(6) li jippermetti l-importazzjoni ta' 20 kg ta' prodotti tal-ħut għall-konsum personali,

–  wara li kkunsidra l-importanza tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd, stabbilita mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 768/2005, fil-ġlieda kontra l-qbid u l-bejgħ illegali ta' speċijiet akwatiċi,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali(7),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 1999/22/KE tad-29 ta' Marzu 1999 dwar iż-żamma ta' annimali selvaġġi fiż-żoos(8),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi(9),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa(10),

–  wara li kkunsidra l-istudju dwar il-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi ppubblikat mid-Dipartiment Tematiku għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel f'Marzu 2016,

–  wara li kkunsidra n-netwerk Natura 2000, li jinvolvi siti importanti ta' tnissil u ta' mistrieħ għal speċijiet rari jew mhedda, u xi tipi ta' ħabitats naturali rari li huma protetti fihom infushom,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-proġett ta' riċerka Azzjoni tal-UE għall-Ġlieda kontra r-Reati Ambjentali (EFFACE) tal-2014,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2016 dwar il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni tan-NU għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità u għall-Ġustizzja Kriminali tal-4 ta' Marzu 2003 intitolat "Illicit trafficking in protected species of wild flora and fauna and illicit access to genetic resources" (Traffikar illeċitu ta' speċijiet protetti ta' fawna u flora selvaġġa u aċċess illeċitu għar-riżorsi ġenetiċi),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2016, dwar il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar ta' Organiżmi Selvaġġi,

–  wara li kkunsidra l-valutazzjoni ta' rispons rapidu tal-2016 mill-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP) u l-Interpol intitolat "The Rise of Environmental Crime" (Iż-Żieda fir-Reati Ambjentali),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp, tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, tal-Kumitat għas-Sajd u tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0303/2016),

A.  billi t-traffikar illegali ta' organiżmi selvaġġi huwa reat tal-kriminalità internazzjonali organizzata, li huwa stmat li jiswa madwar EUR 20 biljun kull sena u li żdied madwar id-dinja f'dawn l-aħħar snin, u sar waħda mill-akbar u l-aktar forom ta' profitt tal-kriminalità organizzata transkonfinali; billi t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi jiffinanzja u huwa marbut mill-qrib ma' forom oħra ta' kriminalità serja u organizzata;

B.  billi t-telf tal-bijodiversità globali huwa ħaġa serja peress li jikkorrispondi mas-sitt mewġa ta' estinzjoni tal-massa tal-ispeċijiet;

C.  billi l-bijodiversità globali u s-servizzi tal-ekosistema huma mhedda minħabba l-bidliet fl-użu tal-art, l-użu mhux sostenibbli tar-riżorsi naturali, it-tniġġis u t-tibdil fil-klima; billi, b'mod partikolari, ħafna speċijiet mhedda qed jiffaċċjaw sfidi akbar minn qatt qabel minħabba l-urbanizzazzjoni mgħaġġla, it-telf tal-ħabitats u l-kummerċ illegali tal-organiżmi selvaġġi;

D.  billi t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi għandu impatti negattivi kbar fuq il-bijodiversità, l-ekosistemi eżistenti, il-wirt naturali tal-pajjiżi ta' oriġini, ir-riżorsi naturali u l-konservazzjoni tal-ispeċijiet;

E.  billi t-traffikar illegali ta' organiżmi selvaġġi huwa theddida serja u li qed tikber għas-sigurtà globali, għall-istabbiltà politika, l-iżvilupp ekonomiku, l-għajxien lokali u l-istat tad-dritt, u għalhekk jirrikjedi approċċ strateġiku u koordinat tal-UE li jinvolvi lill-atturi kollha kkonċernati;

F.  billi t-twaqqif tat-traffikar fi speċijiet mhedda u ta' flora u fawna u prodotti derivati minnhom huwa essenzjali sabiex jinkisbu l-miri ta' żvilupp sostenibbli tan-NU;

G.  billi s-CITES hija ftehim internazzjonali kbir li jkopri 35 000 speċi ta' annimali u pjanti, li ilu fis-seħħ mill-1975 u ġie ffirmat minn 183 parti (inklużi l-Istati Membri kollha tal-UE u, minn Lulju 2015, l-UE nnifisha);

H.  billi l-politiki tal-kummerċ u tal-iżvilupp għandhom, inter alia, iservu bħala mezz biex itejbu r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, tal-benessri tal-annimali u tal-ħarsien tal-ambjent;

I.  billi l-Iskambju ta' Informazzjoni dwar il-Kummerċ tal-Organiżmi Selvaġġi tal-UE (EU-TWIX) ilu jimmonitorja l-kummerċ illegali tal-organiżmi selvaġġi mill-2005 billi ħoloq bażi ta' data tal-konfiski u mezzi ta' komunikazzjoni bejn l-uffiċjali madwar il-pajjiżi Ewropej;

J.  billi n-nuqqas ta' għarfien u ta' impenn politiku huma ostakli kbar għall-effikaċja tal-ġlieda kontra t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi;

K.  billi l-Aġenda tal-UE dwar is-Sigurtà għall-2015-2020 tidentifika l-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi bħala forma ta' reat organizzat li għandu jiġi indirizzat fil-livell tal-UE billi jiġu kkunsidrati aktar sanzjonijiet kriminali fl-UE permezz ta' rieżami tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar ir-reati ambjentali;

L.  billi l-Operazzjoni COBRA III li saret f'Mejju 2015 kienet l-ikbar operazzjoni ta' infurzar tal-liġi internazzjonali li qatt ġiet ikkoordinata u kellha fil-mira tagħha l-kummerċ illegali fi speċijiet fil-periklu u rriżultat f'139 arrest u aktar minn 247 konfiska, li kienu jinkludu avorju tal-iljunfanti, pjanti mediċinali, qrejjen tar-rinoċeronti, pangolini, rosewood, fkieren u bosta eżemplari ta' pjanti u annimali oħra;

M.  billi d-domanda għal prodotti illegali ta' organiżmi selvaġġi fi swieq tad-destinazzjoni tippromwovi l-korruzzjoni fil-katina tal-provvista tat-traffikar ta' organiżmi selvaġġi;

N.  billi l-UE hija destinazzjoni sinifikanti tas-suq u rotta ta' tranżitu għall-kummerċ illegali tal-organiżmi selvaġġi iżda wkoll sors ta' traffikar ta' ċerti speċijiet ta' flora u fawna Ewropej fil-periklu;

O.  billi r-riżoluzzjoni tal-Kummissjoni tan-NU għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità u għall-Ġustizzja Kriminali ta' April 2013, approvata mill-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-NU fil-25 ta' Lulju 2013, tħeġġeġ "lill-Istati Membri tagħha biex iqisu t-traffikar illeċitu ta' speċijiet protetti ta' fawna u flora selvaġġi bħala reat serju meta jkunu involuti gruppi tal-kriminalità organizzata", u b'hekk ipoġġuh fuq l-istess livell bħat-traffikar tal-bnedmin u t-traffikar tad-droga;

Kummenti ġenerali

1.  Jilqa' l-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni kontra t-Traffikar ta' Organiżmi Selvaġġi, li jenfasizza l-ħtieġa ta' azzjonijiet koordinati sabiex jiġu indirizzati l-kawżi tat-traffikar tal-organiżmi selvaġġi, biex jiġu implimentati u infurzati b'mod effikaċi r-regoli eżistenti, u biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni globali bejn il-pajjiżi ta' oriġini, ta' tranżitu u ta' destinazzjoni;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-aġenziji tal-UE Europol u Eurojust jagħrfu li l-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi hija theddida serja u dejjem tikber u jindirizzawha bl-akbar urġenza politika; jenfasizza l-ħtieġa ta' approċċi komprensivi u koordinati fl-oqsma kollha ta' politika, inklużi l-kummerċ, l-iżvilupp, l-affarijiet barranin, it-trasport u t-turiżmu, il-ġustizzja u l-affarijiet interni;

3.  Jenfasizza li l-identifikazzjoni u l-allokazzjoni ta' riżorsi finanzjarji u umani adegwati huma essenzjali għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu pprovduti riżorsi finanzjarji adegwati fil-baġit tal-UE u fil-baġits nazzjonali sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva ta' dan il-pjan;

4.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-Pjan ta' Azzjoni, iżda jenfasizza n-nuqqasijiet tiegħu fir-rigward tal-inkorporazzjoni tal-ispeċijiet akkwatiċi;

5.  Jinsisti dwar l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha tal-elementi kollha tal-Pjan ta' Azzjoni sabiex tiġi riflessa l-ħtieġa urġenti li jitwaqqfu l-prattiki illegali u mhux sostenibbli u li jiġi evitat li jkun hemm aktar tnaqqis tal-ispeċijiet; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi ta' kull sena lill-Parlament u lill-Kunsill aġġornamenti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni u twaqqaf mekkaniżmu dettaljat u kontinwu ta' monitoraġġ u evalwazzjoni biex ikejjel il-progress, inklużi l-azzjonijiet meħuda mill-Istati Membri;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu u jtejbu l-protezzjoni tal-ħabitats ta' speċijiet fil-mira u jenfasizza li għandha tkun żgurata protezzjoni akbar għaż-żoni nominati bħala Ekosistemi Vulnerabbli tal-Baħar, Żoni tal-Baħar Ekoloġikament jew Bijoloġikament Sinifikanti u siti tan-netwerk Natura 2000;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi uffiċċju ddedikat għall-Koordinatur kontra t-Traffikar ta' Organiżmi Selvaġġi, li jirrifletti l-mudell użat fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, sabiex tiżgura li jkun hemm sforz konġunt bejn is-servizzi differenti tal-Kummissjoni u l-Istati Membri;

8.  Ifakkar lill-Kummissjoni li ħafna speċijiet akkwatiċi jinsabu wkoll fil-periklu li jiġu estinti, u dan se jaffettwa s-sostenibilità ta' ħafna ekosistemi;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu aktar studji xjentifiċi dwar l-adattamenti teknoloġiċi ta' rkapti tas-sajd sabiex tiġi evitata l-qabda aċċessorja, minħabba l-fatt li għadd ta' speċijiet, inklużi l-fkieren, huma mhedda kemm mill-qabda aċċessorja kif ukoll mit-traffikar tal-organiżmi selvaġġi;

Il-prevenzjoni tat-traffikar tal-organiżmi selvaġġi u l-indirizzar tal-kawżi prinċipali tiegħu

10.  Jappella għal serje mmirata u kkoordinata ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni mill-UE, pajjiżi terzi, partijiet interessati u s-soċjetà ċivili bil-għan li titnaqqas id-domanda marbuta mal-kummerċ illegali ta' prodotti tal-ħajja selvaġġa permezz ta' bidla fl-imġiba individwali u kollettiva reali u dejjiema; jagħraf ir-rwol li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jista' jkollhom fl-appoġġ tal-Pjan ta' Azzjoni;

11.  Jistieden lill-UE tappoġġja inizjattivi li jippromovu l-iżvilupp ta' għajxien sostenibbli u alternattiv għall-komunitajiet rurali qrib tal-organiżmi selvaġġi, li jżidu l-benefiċċji tal-miżuri ta' konservazzjoni fuq livell lokali, jimminimizzaw il-kunflitti bejn il-bniedem u l-ħajja selvaġġa u jippromwovu l-ħajja selvaġġa bħala dħul ta' valur għall-kommunità; jemmen li dawn l-inizjattivi, meta jittieħdu f'konsultazzjoni mal-komunitajiet ikkonċernati, se jżidu l-appoġġ għall-konservazzjoni u jikkontribwixxu għall-irkupru, il-konservazzjoni u l-ġestjoni sostenibbli tal-popolazzjonijiet tal-organiżmi selvaġġi u l-ħabitats tagħhom;

12.  Jenfasizza li l-protezzjoni tal-organiżmi selvaġġi għandha tkun element ewlieni tal-istrateġiji għat-tnaqqis tal-faqar globali tal-UE u jappella sabiex id-diversi ftehimiet ta' kooperazzjoni nnegozjati ma' pajjiżi terzi jipprevedu azzjonijiet li jippermettu lill-komunitajiet lokali jibbenefikaw direttament meta jimpenjaw ruħhom għall-protezzjoni tal-organiżmi selvaġġi;

13.  Ifakkar lill-Kummissjoni li t-traffikar illegali tal-ispeċijiet akkwatiċi jaffettwa wkoll lill-iżvilupp ekonomiku tal-komunitajiet kostali u l-adattabilità ambjentali tal-ilmijiet tagħna;

14.  Jistieden lill-UE tindirizza b'urġenza l-korruzzjoni u n-nuqqasijiet tal-miżuri ta' governanza internazzjonali tul il-katina tat-traffikar tal-organiżmi selvaġġi; jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha jimpenjaw ruħhom ma' pajjiżi sħab permezz tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni (UNCAC) u fora oħra biex jindirizzaw il-problema fil-pajjiżi ta' oriġini, ta' tranżitu u ta' destinazzjoni; jistieden lill-Istati Membri kollha jikkonformaw bis-sħiħ mad-dispożizzjonijiet tal-UNCAC u jimplimentawhom b'mod effikaċi; jilqa' l-impenn internazzjonali dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni skont l-Artikolu 10 tar-Riżoluzzjoni 69/314 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU ta' Lulju 2015;

15.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa li jingħataw assistenza, gwida u taħriġ lill-awtoritajiet fil-pajjiżi ta' oriġini, ta' tranżitu u tad-destinazzjoni dwar l-investigazzjoni, l-infurzar u l-proċeduri legali f'livell lokali, reġjonali u nazzjonali; jenfasizza l-ħtieġa li dawn l-isforzi jiġu kkoordinati b'mod effiċjenti fost l-aġenziji kollha involuti f'din il-ħidma; jistieden lill-UE tappoġġja l-iskambju tal-aħjar prattiki u tippermetti li jingħata tagħmir speċjalizzat u kompetenza fejn ikunu meħtieġa;

16.  Jieħu nota tal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar ta' Organiżmi Selvaġġi tal-20 ta' Ġunju 2016, filwaqt li jagħraf li l-k‏riminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi hija theddida serja u dejjem tikber għall-bijodiversità u l-ambjent iżda wkoll għas-sigurtà globali, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp sostenibbli; jiddispjaċih ħafna dwar in-nuqqas ta' impenji ċari min-naħa tal-Istati Membri; jenfasizza r-rwol deċiżiv tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni sħiħa u koerenti tal-Pjan ta' Azzjoni fil-livell nazzjonali u sabiex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fih;

17.  Iħeġġeġ lill-gvernijiet tal-pajjiżi fornituri biex: (i) itejbu l-istat tad-dritt u joħolqu deterrenti effikaċi permezz tat-tisħiħ tal-investigazzjonijiet kriminali, il-prosekuzzjonijiet u l-għoti tas-sentenzi; (ii) jippromulgaw liġijiet aktar b'saħħithom li jittrattaw it-traffikar illegali tal-organiżmi selvaġġi bħala "reat serju" li jistħoqqlu l-istess livell ta' attenzjoni u ta' gravità bħal forom oħra ta' kriminalità organizzata transnazzjonali; (iii) jallokaw aktar riżorsi għall-ġlieda kontra l-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi, b'mod partikolari għat-tisħiħ tal-infurzar tal-liġi dwar l-organiżmi selvaġġi, il-kontrolli tal-kummerċ, il-monitoraġġ, id-detezzjoni doganali u s-sekwestri; (iv) jimpenjaw ruħhom għal politika ta' tolleranza żero fir-rigward tal-korruzzjoni;

Implimentazzjoni u infurzar aktar effikaċi

18.  Jistieden lill-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ pjanijiet ta' azzjoni għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi li jistipulaw il-politiki ta' infurzar u sanzjonijiet, u jippubblikaw u jikkondividu l-informazzjoni dwar il-konfiski u l-arresti relatati mar-reati marbuta mal-organiżmi selvaġġi, sabiex jiġu żgurati l-konsistenza u approċċi armonizzati fost l-Istati Membri; jappoġġja t-twaqqif ta' mekkaniżmu li jipprovdi lill-Kummissjoni aġġornamenti regolari ta' data u informazzjoni dwar is-sekwestri u l-arresti fl-Istati Membri u li jippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattika;

19.  Jinsisti dwar l-importanza tal-implimentazzjoni sħiħa u l-infurzar tar-Regolamenti tal-UE dwar il-Kummerċ ta' Organiżmi Selvaġġi;

20.  Jipproponi li l-penali għat-traffikar tal-organiżmi selvaġġi, speċjalment f'żoni b'ekosistemi vulnerabbli tal-baħar jew li jaqgħu fin-netwerk Natura 2000, għandhom ikunu severi biżżejjed b'tali mod li jiskoraġġixxu lil trasgressuri potenzjali;

21.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, is-servizzi tal-prosekuzzjoni u l-ġudikaturi nazzjonali jkollhom ir-riżorsi finanzjarji u umani meħtieġa u l-għarfien espert xieraq sabiex jiġġieldu l-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex iħarrġu u jqajmu l-kuxjenza fost l-aġenziji u l-istituzzjonijiet rilevanti kollha;

22.  Jilqa' l-isforzi tan-Netwerk għall-Implimentazzjoni u l-Infurzar tal-Liġi Ambjentali tal-Unjoni Ewropea (IMPEL), in-Netwerk Ewropew tal-Prosekuturi għall-Ambjent (ENPE), il-Forum tal-Imħallfin għall-Ambjent tal-UE (EUFJE) u n-netwerk tal-uffiċjali tal-pulizija li jiffoka fuq l-indirizzar tar-reati ambjentali (EnviCrimeNet);

23.  Jinnota l-inklużjoni tal-kummerċ illegali tal-organiżmi selvaġġi fl-Aġenda għas-Sigurtà tal-UE 2015-2020 li tagħraf li l-kummerċ illegali tal-organiżmi selvaġġi jhedded il-bijodiversità fir-reġjuni ta' oriġini, l-iżvilupp sostenibbli u l-istabbiltà reġjonali;

24.  Jissuġġerixxi li l-Istati Membri jinvestu d-dħul li jagħmlu mill-multi imposti għat-traffikar fil-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-flora u l-fawna selvaġġa;

25.  Jitlob bidla radikali fil-ġbir tal-intelligence, fit-tfassil u l-infurzar tal-liġijiet, u fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fir-rigward tat-traffikar tal-organiżmi selvaġġi fl-Istati Membri u f'pajjiżi oħra ta' destinazzjoni u ta' tranżitu; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni mill-qrib lil dawn l-aspetti ta' ġestjoni u monitoraġġ tal-infurzar ta' standards internazzjonali fir-rigward tat-traffikar tal-organiżmi selvaġġi;

26.  Jenfasizza li sabiex tiġi evitata l-"migrazzjoni" ta' netwerks kriminali marbuta mal-organiżmi selvaġġi, l-armonizzazzjoni ta' linji politiċi u ta' oqfsa legali fir-rigward tal-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi hija partikolarment importanti;

27.  Jenfasizza l-ħtieġa għal kooperazzjoni aħjar bejn l-aġenziji u għall-kondiviżjoni ta' data funzjonali u f'waqtha bejn l-aġenziji ta' implimentazzjoni u ta' infurzar fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-UE; jappella għall-ħolqien ta' netwerks strateġiċi ta' infurzar kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri sabiex tali kooperazzjoni tiġi ffaċilitata u mtejba; jistieden lill-Istati Membri kollha jistabbilixxu unitajiet kontra l-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni fost id-diversi aġenziji;

28.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu lill-Europol intelligence u data kontinwi u rilevanti; iħeġġeġ lill-Europol jikkunsidra l-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi fil-Valutazzjoni tat-Theddid mill-Kriminalità Serja u Organizzata (SOCTA) tal-UE li jmiss; jappella għat-twaqqif ta' Unità speċjalizzata kontra l-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi fi ħdan l-Europol li jkollha setgħat u responsabbiltajiet transnazzjonali u riżorsi umani u finanzjarji suffiċjenti, li tippermetti li l-analiżi u l-informazzjoni jiġu ċentralizzati u li jiġu kkoordinati l-istrateġiji ta' infurzar u l-investigazzjonijiet;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi s-sistema EU-TWIX bħala għodda ppruvata u li tiffunzjona tajjeb għall-Istati Membri biex jikkondividu d-data u l-informazzjoni, filwaqt li tiżgura impenn finanzjarju fit-tul lejha; jemmen li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jista' jkollhom rwol importanti fil-monitoraġġ, fl-infurzar u fir-rappurtar tal-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi; jappella għal kooperazzjoni akbar mill-UE u l-Istati Membri biex jappoġġjaw dawn l-isforzi tal-NGOs;

30.  Jinnota r-rabtiet bejn il-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi u forom oħra ta' kriminalità organizzata, inkluż il-ħasil tal-flus, u l-finanzjament ta' milizzji u gruppi terroristiċi, u jqis il-kooperazzjoni internazzjonali għall-ġlieda kontra l-flussi finanzjarji illeċiti bħala prijorità; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jużaw l-istrumenti rilevanti kollha, inkluża l-kooperazzjoni mas-settur finanzjarju, u jissorveljaw u jwettqu riċerka dwar l-effetti tal-prodotti u prattiki finanzjarji emerġenti li huma involuti f'din l-attività;

31.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod sħiħ id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/99/KE dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali u jistabbilixxu livelli xierqa ta' sanzjonijiet għar-reati kontra l-organiżmi selvaġġi; huwa mħasseb li xi Stati Membri għadhom ma implimentawx b'mod sħiħ id-Direttiva u jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-implimentazzjoni f'kull Stat Membru, speċjalment f'termini ta' sanzjonijiet, u tipprovdi gwida; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel rieżami tad-Direttiva 2008/99/KE, b'mod partikolari rigward l-effikaċja tagħha fil-ġlieda kontra l-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi, fil-limiti ta' żmien stipulati fl-Aġenda tal-UE dwar is-Sigurtà, kif ukoll tressaq proposta biex tirrevediha kif xieraq; Jistieden lill-Kummissjoni tieħu passi lejn l-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta' regoli minimi komuni dwar id-definizzjoni tar-reati u s-sanzjonijiet kriminali relatati mat-traffikar ta' organiżmi selvaġġi, skont l-Artikolu 83(1) tat-TFUE fir-rigward ta' kriminalità partikolarment serja b'dimensjoni transkonfinali;

32.  Iqis li d-dimensjoni doganali tal-Pjan ta' Azzjoni għandha tiġi enfasizzata aktar, kemm fir-rigward tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi sħab kif ukoll għall-implimentazzjoni aħjar u aktar effikaċi fi ħdan l-Unjoni; jistenna bil-ħerqa, għalhekk, ir-rieżami tal-Kummissjoni tal-2016 dwar l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-qafas legali attwali tal-UE, u jitlob li dan ir-rieżami jinkludi valutazzjoni tal-proċeduri doganali;

33.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod effikaċi u jikkonformaw mal-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali (UNTOC) bħala bażi għal azzjoni internazzjonali u assistenza legali reċiproka u bħala pass importanti lejn approċċ komuni għall-ġlieda kontra l-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi; jiddeplora profondament, f'dan ir-rigward, il-fatt li ħdax-il Stat Membru għadhom ma implimentawx l-UNTOC; jistieden lill-Istati Membri inkwistjoni jimplimentaw il-Konvenzjoni mill-aktar fis possibbli;

34.  Iqis li l-azzjoni kontra l-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi tirrikjedi sanzjonijiet konsistenti, effikaċi u dissważivi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiddefinixxu t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi bħala reat serju skont l-Artikolu 2(b) tal-UNTOC;

35.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' gwida dwar il-prosekuzzjoni u l-kundanni għall-ġudikaturi u l-prosekuturi tal-Istat Membri u l-ħtieġa ta' taħriġ għall-uffiċjali tad-dwana u tal-infurzar fil-punti tad-dħul fl-UE; iqis il-"Programm Imħallfin Globali" tal-UNEP u s-sħubija "Inizjattiva Dwana Ekoloġika" bħala mudelli li għandhom jiġu segwiti;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-aġenziji rilevanti tal-UE u lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-iskala tat-traffikar tal-organiżmi selvaġġi online u jibnu l-kapaċità fl-unitajiet tar-reati ambjentali u tad-dwana, il-koordinazzjoni mal-unitajiet taċ-ċiberkriminalità, u l-involviment mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili sabiex jiżguraw l-eżistenza ta' mezzi biex tinkiseb l-għajnuna mingħand unitajiet transkonfinali speċjalizzati fiċ-ċiberkriminalità;

37.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jinvolvu ruħhom mal-operaturi ta' pjattaformi tal-midja soċjali, magni tat-tiftix u pjattaformi tal-kummerċ elettroniku dwar il-problema tal-kummerċ illegali fuq l-internet f'organiżmi selvaġġi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-miżuri ta' kontroll u jiżviluppaw politiki biex jindirizzaw l-attività potenzjalment illegali fuq l-internet; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa linji gwida dwar kif għandha tiġi indirizzata l-problema tal-kriminalità online marbuta mal-organiżmi selvaġġi fil-livell tal-UE;

38.  Jistieden lill-aġenziji ta' infurzar tal-UE u tal-Istati Membri jidentifikaw u jimmonitorjaw il-mudelli ta' forom oħra ta' reati serji u organizzati, bħat-traffikar tal-bnedmin, sabiex jgħinu lill-attivitajiet ta' prevenzjoni u l-investigazzjoni ta' irregolaritajiet fil-katina tal-provvista fil-każ tal-indirizzar tat-traffikar tal-organiżmi selvaġġi, pereżempju konsenji u tranżazzjonijiet finanzjarji suspettużi;

39.  Jilqa' l-fatt li l-UE ħadet sehem f'COP17 għall-ewwel darba bħala parti kontraenti għas-CITES u jilqa' l-fatt li l-UE u l-Istati Membri juru impenn qawwi u jipprovdu appoġġ finanzjarju sostanzjali lis-CITES;

40.  Jilqa' l-proċess ta' riżami espert tal-UNEP li qiegħed ifittex li joħloq definizzjoni rikonoxxuta b'mod universali tar-reati ambjentali; f'dan ir-rigward, jinnota li l-konfini legali bejn it-tipi differenti ta' reati ambjentali xi drabi mhumiex ċari u dan jista' jnaqqas l-opportunitajiet għal prosekuzzjoni u sanzjonijiet effikaċi;

It-tisħiħ tas-sħubija globali

41.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintensifikaw id-djalogu u l-kooperazzjoni mal-pajjiżi ta' oriġini, ta' tranżitu u ta' destinazzjoni fil-katina ta' provvista tat-traffikar tal-organiżmi selvaġġi u jipprovdulhom assistenza teknika u appoġġ diplomatiku; jemmen li l-UE jeħtieġ li taġixxi fil-livell internazzjonali biex tappoġġja pajjiżi terzi fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi u tikkontribwixxi għall-iżvilupp ulterjuri tal-oqfsa leġiżlattivi meħtieġa permezz ta' ftehimiet bilaterali u multilaterali;

42.  Jenfasizza li l-korruzzjoni mifruxa, id-dgħufijiet istituzzjonali, l-erożjoni tal-istat, il-ġestjoni ħażina u s-sanzjonijiet dgħajfa relatati mal-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi huma sfidi ewlenin li jridu jiġu indirizzati jekk it-traffikar transnazzjonali tal-organiżmi selvaġġi jrid jiġi miġġieled b'mod effikaċi; iħeġġeġ lill-UE tappoġġja lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-isforzi tagħhom biex jitnaqqsu l-inċentivi tal-kaċċa illegali billi jtejbu l-opportunitajiet ekonomiċi u jippromwovu l-governanza tajba u l-istat tad-dritt;

43.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE, lill-Istati Membri u lill-istati kollha kkonċernati jinvestigaw b'mod aktar sistematiku r-rabtiet bejn it-traffikar tal-organiżmi selvaġġi u l-kunflitti reġjonali u t-terroriżmu;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu fond fiduċjarju jew faċilità simili skont l-Artikolu 187 tar-Regolament Finanzjarju rivedut applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, bil-għan li jiġu salvagwardjati ż-żoni protetti u jiġu miġġielda t-traffikar u l-kaċċa tal-organiżmi selvaġġi, bħala parti mill-Pjan ta' Azzjoni kontra t-traffikar ta' organiżmi selvaġġi;

45.  Jistieden lill-UE ttejjeb l-appoġġ finanzjarju u tekniku, mogħti permezz tal-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (EDF), immirat biex jgħin lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jimplimentaw ir-regolamenti nazzjonali dwar l-annimali selvaġġi b'mod konformi mar-rakkomandazzjonijiet tas-CITES, b'mod partikolari għal dawk li m'għandhomx biżżejjed riżorsi biex tiġi infurzata l-leġiżlazzjoni u biex jittieħdu passi legali kontra l-kuntrabandisti;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra finanzjament fil-qafas tal-Istrument ta' Sħubija għal inizjattivi li għandhom l-għan li jnaqqsu d-domanda għal prodotti illegali ta' organiżmi selvaġġi fis-swieq ewlenin, f'konformità mal-Prijorità 1 tal-Pjan ta' Azzjoni; jenfasizza li l-involviment tas-soċjetà ċivili fl-istrutturi ta' monitoraġġ fil-kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli tal-ftehimiet kummerċjali tal-UE jista' jagħti kontribut sinifikanti f'dan ir-rigward;

47.  Jenfasizza l-importanza li tiġi indirizzata, fil-qafas tas-sħubija strateġika bejn l-UE u ċ-Ċina, il-kwistjoni delikata tad-domanda dejjem tikber għall-prodotti ta' organiżmi selvaġġi, bħall-avorju tal-iljunfanti, il-qarn tar-rinoċeronti u l-għadam tat-tigri, li tirrappreżenta theddida reali għall-konservazzjoni tal-ispeċijiet ikkonċernati u tal-bijodiversità b'mod ġenerali;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi kapitoli obbligatorji u infurzabbli dwar l-iżvilupp sostenibbli fil-ftehimiet u n-negozjati kummerċjali kollha tal-UE, b'referenza speċifika għat-twaqqif tal-kummerċ illegali fl-organiżmi selvaġġi fis-setturi ekonomiċi kollha, u jistieden lill-Kummissjoni tinkludi analiżijiet ta' dawn id-dispożizzjonijiet fir-rapporti ta' implimentazzjoni tagħha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tenfasizza l-implimentazzjoni tas-CITES u miżuri kontra l-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi fl-iskema kummerċjali GSP+;

49.  Jinnota li l-korruzzjoni hija wieħed mill-fatturi li jippermettu u jikkontribwixxu għall-kummerċ illegali tal-organiżmi selvaġġi u tal-prodotti tal-ħajja selvaġġa; jilqa' l-impenn li sar fl-istrateġija tal-Kummissjoni bit-titolu "Kummerċ għal kulħadd" li tinkludi dispożizzjonijiet ambizzjużi kontra l-korruzzjoni biex jindirizzaw l-effetti diretti u indiretti kemm tal-korruzzjoni kif ukoll tat-traffikar tal-organiżmi selvaġġi fil-ftehimiet ta' kummerċ kollha tal-ġejjieni; jitlob, għalhekk, li l-Kummissjoni tagħti l-akbar attenzjoni lill-aspetti tal-amministrazzjoni u l-monitoraġġ tal-infurzar ta' standards internazzjonali fir-rigward tat-traffikar tal-organiżmi selvaġġi;

50.  Jistieden lill-UE tesplora, fl-ambitu tal-qafas tad-WTO, il-mod kif ir-reġimi kummerċjali u ambjentali globali jistgħu jappoġġjaw aħjar lil xulxin, speċjalment fil-kuntest tal-ħidma li għaddejja dwar it-tisħiħ tal-koerenza bejn id-WTO u l-Ftehimiet Ambjentali Multilaterali, kif ukoll fid-dawl tal-Ftehim ta' Faċilitazzjoni tal-Kummerċ, li jiftaħ opportunitajiet ġodda għal kooperazzjoni bejn l-uffiċjali tad-dwana, tal-fawna selvaġġa u tal-kummerċ, speċjalment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; iqis li għandhom jiġu esplorati opportunitajiet ulterjuri għall-kooperazzjoni bejn id-WTO u s-CITES, partikolarment f'termini ta' għoti ta' għajnuna teknika u bini ta' kapaċitajiet dwar kwistjonijiet marbuta mal-kummerċ u l-ambjent lill-uffiċjali minn pajjiżi li qed jiżviluppaw;

51.  Jenfasizza r-rwol ewlieni ta' kooperazzjoni internazzjonali min-naħa tal-organizzazzjonijiet fil-katina ta' infurzar; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jkomplu jappoġġjaw il-Konsorzju Internazzjonali dwar il-Ġlieda kontra l-Kriminalità marbuta mal-Organiżmi Selvaġġi (ICCWC); jilqa' kull tisħiħ ta' dan l-appoġġ inkluż permezz tal-provvista ta' riżorsi finanzjarji u l-għarfien espert tal-ispeċjalisti, sabiex jiġi ffaċilitat il-bini ta' kapaċità, jiġi promoss l-iskambju ta' informazzjoni u ta' intelligence, u jiġu appoġġjati l-infurzar u l-konformità; jistieden lill-Kummissjoni tuża l-indikaturi tal-ICCWC biex tevalwa l-effettività tal-finanzjament mill-UE lil pajjiżi terzi b'appoġġ għall-azzjonijiet kontra t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi u sabiex tiġi ffaċilitata valutazzjoni uniformi u kredibbli tal-finanzjament għall-iżvilupp;

52.  Jilqa' l-operazzjonijiet ta' infurzar tal-liġi internazzjonali bħall-Operazzjoni COBRA III li jirriżultaw f'konfiski sinifikanti ta' prodotti illegali ta' organiżmi selvaġġi u l-arresti ta' traffikanti u li jipprovdu aktar viżibbiltà pubblika dwar it-traffikar tal-organiżmi selvaġġi bħala reat serju organizzat;

53.  Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-baġit tas-CITES sabiex l-organizzazzjoni tkun tista' tespandi l-attività ta' monitoraġġ u d-denominazzjoni tal-ispeċijiet tagħha; f'dan ir-rigward, jiddispjaċih li sitt Stati Membri għad għandhom ħlasijiet pendenti xi jsiru lis-CITES b'rabta mas-snin bejn l-1992 u l-2015;

54.  Jilqa' wkoll il-fatt li l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE jagħti kontribut kbir biex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli stabbiliti fil-kuntest tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli maqbula mill-kapijiet tal-istati waqt summit tan-NU li sar f'Settembru 2015;

L-UE bħala suq ta' destinazzjoni, u punt ta' oriġini u ta' tranżitu

55.  Jinnota li s-CITES, ir-Regolament tal-UE dwar l-Injam u l-qafas regolatorju IUU tal-UE huma għodod importanti għar-regolamentazzjoni tal-kummerċ internazzjonali tal-organiżmi selvaġġi; jinsab imħasseb, madankollu, dwar in-nuqqas ta' implimentazzjoni u infurzar xieraq u jistieden lill-Istati Membri jagħmlu sforzi konġunti u kkoordinati biex jiżguraw implimentazzjoni effikaċi; huwa mħasseb, barra minn hekk, dwar nuqqasijiet fil-qafas regolatorju attwali fir-rigward tal-ispeċijiet u tal-atturi; jistieden, għalhekk, lill-UE tirrevedi l-qafas leġiżlattiv eżistenti bil-għan li tissupplimentah bi projbizzjoni dwar it-tqegħid għad-dispożizzjoni u t-tqegħid fis-suq, it-trasport, l-akkwist u l-pussess ta' organiżmi selvaġġi li jkunu ġew akkwistati jew innegozjati b'mod illegali f'pajjiżi terzi; iqis li tali leġiżlazzjoni tista' tarmonizza l-qafas eżistenti tal-UE u li l-impatt transnazzjonali ta' tali leġiżlazzjoni jista' jkollu rwol kruċjali fit-tnaqqis globali tat-traffikar tal-organiżmi selvaġġi; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li tali leġiżlazzjoni jeħtieġ li tipprovdi trasparenza sħiħa rigward kull projbizzjoni kummerċjali ta' speċijiet ibbażati fuq l-istatus illegali tagħhom f'pajjiż terz sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali għal dawk involuti fil-kummerċ legali;

56.  Jenfasizza li l-kaċċa għat-trofej ikkontribwiet għal tnaqqis fuq skala kbira tal-ispeċijiet fil-periklu mniżżla fl-Appendiċi I u II tas-CITES u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu approċċ prekawzjonarju għall-importazzjoni tat-trofej tal-kaċċa ta' speċijiet protetti skont ir-Regolamenti tal-Kummerċ tal-Organiżmi Selvaġġi tal-UE, jappoġġjaw aktar tisħiħ tad-dispożizzjonijiet legali tal-UE li jirregolaw l-importazzjoni tat-trofej tal-kaċċa fl-Istati Membri tal-UE, u li jirrikjedu permessi għall-importazzjoni ta' trofej tal-ispeċijiet kollha mniżżla fl-Anness B tar-Regolament (KE) Nru 338/97;

57.  Jilqa' d-Dikjarazzjoni tal-Palazz ta' Buckingham tal-2016 li fiha l-firmatarji mil-linji tal-ajru, id-ditti ta' bastimenti, l-operaturi tal-port, l-aġenziji doganali, l-organizzazzjonijiet intergovernattivi u l-istituzzjonijiet ta' benefiċjenza ta' konservazzjoni jimpenjaw ruħhom li jgħollu l-istandards fis-settur tat-trasport b'fokus fuq il-kondiviżjoni tal-informazzjoni, it-taħriġ tal-persunal, it-titjib teknoloġiku u l-kondiviżjoni tar-riżorsi bejn il-kumpaniji u l-organizzazzjonijiet madwar id-dinja; jistieden lill-partijiet kollha jimplimentaw bis-sħiħ l-impenji tad-Dikjarazzjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu impenji volontarji simili għad-Dikjarazzjoni tal-Palazz ta' Buckingham f'oqsma oħra b'mod partikolari s-settur finanzjarju u s-settur tal-kummerċ elettroniku;

58.  Jappella għall-projbizzjoni sħiħa u immedjata fuq livell Ewropew tal-kummerċ, l-esportazzjoni u l-esportazzjoni mill-ġdid fl-UE u lejn destinazzjonijiet barra mill-UE tal-avorju, inkluż l-avorju ta' "qabel il-Konvenzjoni" u tal-qrejjen tar-rinoċeronti; jitlob l-istabbiliment ta' mekkaniżmu biex jiġi vvalutat il-bżonn ta' restrizzjonijiet simili fir-rigward ta' speċijiet oħrajn mhedda;

59.  Jinnota li r-Regolament tal-UE għall-prevenzjoni, l-iskoraġġiment u l-eliminazzjoni tas-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU) għamel impatt, iżda jinsisti li l-implimentazzjoni għandha tkun aktar robusta bil-għan li tiżgura li l-ħut maqbud illegalment ma jidħolx fis-suq Ewropew; jissuġġerixxi li l-Istati Membri tal-UE għandhom ikunu aktar konsistenti u effikaċi fil-kontrolli tad-dokumentazzjoni tal-qbid (iċ-ċertifikati tal-qbid) u fil-kontrolli tal-kunsinni (b'mod partikolari minn pajjiżi meqjusa li għandhom riskju għoli) bil-għan li jiżguraw li l-ħut ikun inqabad legalment;

60.  Jenfasizza l-importanza tal-parteċipazzjoni tas-settur privat fil-ġlieda kontra t-traffikar ta' organiżmi selvaġġi permezz tal-awtoregolamentazzjoni u permezz tar-responsabbiltà soċjali korporattiva; iqis essenzjali t-traċċabbiltà fil-katina tal-provvista għal kummerċ legali u sostenibbli, kemm jekk kummerċjali jew mhux kummerċjali; jenfasizza l-ħtieġa ta' kooperazzjoni u koordinazzjoni fuq livell internazzjonali kif ukoll bejn is-setturi pubbliċi u privati u jistieden lill-UE ssaħħaħ l-istrumenti ta' kontroll eżistenti, inkluż l-użu ta' mekkaniżmi ta' traċċabilità; iqis li s-settur tat-trasport għandu jkollu rwol ċentrali, pereżempju permezz tal-implimentazzjoni ta' sistema ta' individwazzjoni ta' twissija bikrija; jinnota r-rwol importanti li jista' jkollhom is-sħubiji pubbliċi-privati f'dan ir-rigward;

61.  Jistieden lill-Istati Membri, minbarra li jwettqu l-kontrolli fil-fruntieri kif meħtieġ mir-Regolament (KE) Nru 338/97, jintroduċu monitoraġġ tal-konformità fil-pajjiż permezz ta' kontrolli regolari fuq kummerċjanti u detenturi tal-permessi, bħall-ħwienet tal-pets, dawk li jrabbu jew ikabbru, iċ-ċentri ta' riċerka u n-nurseries, u inkluż monitoraġġ ta' snajja' bħall-moda, l-arti, il-mediċina u l-catering, li jistgħu jużaw partijiet illegali ta' pjanti u annimali;

62.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw il-konfiska immedjata ta' kwalunkwe eżemplar maqbud u l-kura u r-riallokazzjoni fl-ambjent tagħhom tal-eżemplari ħajjin maqbuda jew ikkonfiskati f'ċentri tas-salvataġġ tal-annimali li jkunu xierqa għall-ispeċijiet; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi gwida biex tiżgura li ċ-ċentri kollha ta' salvataġġ għall-annimali selvaġġi użati mill-Istati Membri jkunu ta' standard adegwat; jitlob, barra minn hekk, lill-UE u lill-Istati Membri jiżguraw finanzjament adegwat taċ-ċentri ta' salvataġġ tal-annimali;

63.  Jistieden lill-Istati Membri jadottaw pjanijiet nazzjonali għall-immaniġġjar tal-eżemplari ħajjin konfiskati f'konformità mal-Anness 3 tar-Riżoluzzjoni tal-Konferenza ta' CITES 10.7 (Rev. CoP15); jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jirrapportaw kull eżemplar ħaj maqbud lil-EU-TWIX u li għandhom jiġu ppubblikati rapporti ta' sommarju annwali, u li l-Istati Membri għandhom jassiguraw li t-taħriġ tal-uffiċjali tal-infurzar jinkludi kunsiderazzjonijiet ta' benessri u ta' sikurezza għat-trattament tal-annimali ħajjin; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jagħtu appoġġ finanzjarju adegwat liċ-ċentri ta' salvataġġ tal-annimali selvaġġi;

64.  Jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw sistema ta' "lista pożittiva" ta' speċijiet, fejn l-ispeċijiet eżotiċi jiġu vvalutati b'mod objettiv u skont kriterji xjentifiċi għas-sigurtà u l-adattabbiltà tagħhom għall-kummerċ u li jinżammu bħala annimali domestiċi;

o
o   o

65.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P7_TA(2014)0031.
(2) ĠU L 75, 19.3.2015, p. 1.
(3) ĠU L 295, 12.11.2010, p. 23.
(4) ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1.
(5) ĠU L 181, 29.6.2013, p. 1.
(6) ĠU L 77, 24.3.2009, p. 1.
(7) ĠU L 328, 6.12.2008, p. 28.
(8) ĠU L 94, 9.4.1999, p. 24.
(9) ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7.
(10) ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7.


Opportunitajiet ġodda għal impriżi żgħar tat-trasport
PDF 384kWORD 57k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2016 fuq opportunitajiet ġodda għal negozji żgħar ta' trasport, inkluż mudelli ta' negozju kollaborattivi (2015/2349(INI))
P8_TA(2016)0455A8-0304/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 5(3) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità,

–  wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni "Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti" (COM(2011)0144),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 dwar "L-Implimentazzjoni tal-White Paper dwar it-Trasport tal-2011: it-teħid tal-kont u t-triq 'il quddiem lejn mobbiltà sostenibbli"(1),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE dwar kriterji ta' definizzjoni ta' impriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali dwar l-SMEs Ewropej 2014/2015,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni intitolati ""Aħseb l-ewwel fiż-Żgħir" – "Att dwar in-Negozji ż-Żgħar" għall-Ewropa"" (COM(2008)0394) u "Reviżjoni tal-"Att dwar in-Negozji ż-Żgħar" għall-Ewropa" (COM(2011)0078),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Aġenda Ewropea għall-ekonomija kollaborattiva" (COM(2016)0356),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "Strateġija Ewropea għal mobbiltà b'emissjonijiet baxxi" (COM(2016)0501),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Frar 2013 dwar it-titjib tal-aċċess għall-finazi għall-SMEs(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Mejju 2015 dwar opportunitajiet ta' tkabbir ekoloġiku għall-SMEs(3),

–  wara li kkunsidra l-Istrument tal-SMEs ta' Orizzont 2020, u INNOSUP, COSME, l-Ewropa Tiegħek – Negozju, il-Pilota Rotta Rapida Lejn l-Innovazzjoni (FTI) pilota u l-opportunitajiet ta' netwerking,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku (2000/31/KE) u d-Direttiva dwar is-Servizzi (2006/123/KE),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem "Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa" (COM(2015)0192),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozji" (COM(2015)0550),

–  wara li kkunsidra l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013(4),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0304/2016),

A.  billi l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) jikkostitwixxu l-mutur ewlieni tal-ekonomija Ewropea u, skont iċ-ċifri tal-2014 jirrappreżentaw 99,8 % tal-intrapriżi kollha li mhumiex parti mis-settur finanzjarj u jimpjegaw tnejn minn kull tliet impjegati;

B.  billi l-SMEs li ġġeneraw l-impjiegi matul dawn l-aħħar snin ġew prinċipalment mis-settur terzjarju;

C.  billi l-kumpaniji ż-żgħar tat-trasport jaqdu rwol kruċjali fil-funzjonament xieraq tal-mobilità fl-Ewropa, iżda spiss jesperjenzaw diffikultajiet biex ikollhom aċċess għas-suq jew biex jibqgħu jżommu posthom fih, notevolment minħabba l-preżenza ta' monopolji f'dak is-suq;

D.  billi l-kumpaniji ż-żgħar iġibu valur miżjud b'mod partikolari fir-reġjuni ultraperiferiċi u f'żoni b'densità għolja ta' popolazzjoni permezz ta' għarfien eċċellenti tas-suq lokali, il-prossimità tagħhom għall-klijent u/jew l-aġilità u l-kapaċità tagħhom fl-innovazzjoni; billi, barra minn hekk, huma kapaċi jipprovdu servizzi speċjalizzati u huma strumenti għall-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali, għall-ħolqien tal-impjiegi, għall-iġġenerar ta' attività ekonomika, għat-titjib tal-ġestjoni tal-mobbiltà u biex jingħata kontribut għall-iżvilupp tat-turiżmu (fejn is-servizzi ta' mobbiltà huma marbuta direttament mad-domanda tal-viżitaturi għal prodotti u esperjenzi ġodda);

E.  billi għall-passiġġieri u l-merkanzija, kemm id-domanda għas-servizzi tat-trasport, kif ukoll il-kundizzjonijiet applikabbli għall-forniment tagħhom ivarjaw b'mod konsiderevoli, u billi t-tnaqqis tal-mobbiltà mhuwiex alternattiva;

F.  billi l-organizzazzjoni tat-trasport fi bliet kbar u fit-toroq li jwasslu għalihom tikkawża konġestjonijiet u traffiku, filwaqt li toħloq piż sinifikanti fuq l-ekonomija; billi l-SMEs fis-settur tat-trasport huma komplement importanti għan-netwerk tat-trasport pubbliku fin-nodi urbani, partikolarment f'ħinijiet tal-ġurnata meta t-trasport pubbliku ma jkun frekwenti xejn, kif ukoll f'żoni periferiċi mingħajr servizz tat-trasport suburban żviluppat tajjeb;

G.  billi studju riċenti tal-Kummissjoni juri li 17 % tal-konsumaturi Ewropej użaw servizzi pprovduti mill-ekonomija kollaborattiva, u 52 % huma konxji tas-servizzi offruti; billi l-aspettattivi tal-konsumaturi jfittxu aċċessibbiltà faċli u modi flessibbli għall-użu tas-servizzi tat-trasport filwaqt li l-prezzijiet jinżammu f'konformità mal-ispejjeż attwali ta' provvista kif ukoll aċċess faċli għal riżervazzjonijiet u pagament sikur għas-servizzi pprovduti;

H.  billi ekonomija kollaborattiva fis-settur tat-trasport tista' tippromwovi b'mod attiv l-iżvilupp ta' forom sostenibbli ta' mobilità; billi l-awtoregolamentazzjoni mhix dejjem is-soluzzjoni u hemm il-ħtieġa ta' qafas regolatorju adegwat;

I.  billi l-imperattiv ta' żvilupp sostenibbli u r-rivoluzzjoni fil-qasam tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni ħolqu opportunitajiet u sfidi bla preċedent għall-kumpaniji ta' kull daqs f'dak li hu r-rispons għad-domanda dejjem tikber għal mobilità sostenibbli fil-limiti ta' infrastruttura limitata;

J.  billi t-tkabbir b'mod esponenzjali fil-penetrazzjoni tal-apparati mobbli intelliġenti kif ukoll il-kopertura komprensiva ta' netwerk b'veloċità kbira u ta' medda wiesgħa ħolqu għodod ġodda diġitali kemm għall-fornituri kif ukoll għall-konsumaturi tas-servizzi tat-trasport, u b'hekk jitnaqqsu l-ispejjeż tat-tranżazzjoniijiet u titnaqqas ukoll l-importanza tal-pożizzjoni fiżika tal-fornituri tas-servizz, filwaqt li dan jippermettilhom ikunu konnessi b'mod mifrux sabiex jipprovdu servizzi, mhux biss fuq livell reġjonali iżda anki fuq livell globali, permezz ta' netwerks diġitali u wkoll minn żoni remoti;

K.  billi matul dawn l-aħħar snin, l-avvanzi teknoloġiċi, il-mudelli tan-negozju ġodda u d-diġitalizzazzjoni ttrasformaw is-settur tat-trasport b'mod sinifikanti, b'impatti kbar kemm fuq il-mudelli tan-negozju tradizzjonali kif ukoll fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-impjiegi fis-settur; billi filwaqt li minn naħa waħda s-settur tat-trasport infetaħ, min-naħa l-oħra l-kundizzjonijiet tax-xogħol f'ħafna każijiet marru għall-agħar, minħabba l-kriżi ekonomika u, f'xi każijiet, minħabba l-implimentazzjoni insuffiċjenti tar-regolamenti eżistenti;

L.  billi s-settur tat-trasport jinvolvi mhux biss il-fornituri diretti tas-servizz tat-trasport, iżda anki l-SMEs li joffru servizzi bħalma huma l-manutenzjoni tal-mezzi tat-trasport, il-bejgħ ta' spare parts, it-taħriġ tal-persunal, kif ukoll il-kiri ta' vetturi u tagħmir; billi hemm potenzjal enormi għall-ħolqien tal-impjiegi marbuta ma' dawn l-attivitajiet, inkluż impjiegi għal ħaddiema bi kwalifiki għolja; billi l-politiki għas-settur tat-trasport għandhom jikkunsidraw l-interessi tal-katina tal-valur kollha kemm hi;

M.  billi 1,7 % biss tal-impriżi tal-UE jagħmlu użu sħiħ mit-teknoloġiji diġitali avvanzati, filwaqt li 41 % ma jużawhom xejn; billi d-diġitalizzazzjoni tas-setturi kollha hija kruċjali sabiex il-kompetittività Ewropea tinżamm u tissaħħaħ;

N.  billi l-flessibilità u l-faċilità ta' dħul inerenti fl-ekonomija kollaborattiva jistgħu jipprovdu opportunitajiet ta' impjieg għal gruppi li tradizzjonalment ikunu esklużi mis-suq tax-xogħol, partikolarment in-nisa, iż-żgħażagħ u l-migranti;

O.  billi s-servizzi tat-trasport jistgħu jipprovdu mezz tajjeb biex wieħed jaħdem għal rasu u biex tiġi promossa kultura ta' intraprenditorija;

P.  billi l-pjattaformi online għas-servizzi tat-trasport jistgħu joffru l-possibbiltà ta' tqabbil rapidu bejn il-ħtiġijiet ta' servizzi tal-klijenti, minn naħa waħda, u l-provvista ta' manodopera minn kumpaniji rreġistrati jew minn ħaddiema, min-naħa l-oħra;

Q.  billi l-OECD tqis l-impjiegi ta' kwalità għolja bħala fattur ta' importanza essenzjali biex jiġu indirizzati b'mod determinat il-livelli għolja ta' inugwaljanza u tiġi promossa l-koeżjoni soċjali;

I. L-isfidi għall-impriżi ż-żgħar tat-trasport

1.  Huwa tal-fehma li l-impriżi tat-trasport jiffaċċjaw sfidi konsiderevoli sabiex jirrispondu għad-domanda dejjem tikber għall-mobilità fil-limiti ta' infrastruttura limitata u rekwiżiti ambjentali li kulma jmur qed jiżdiedu; jinnota li l-impriżi kollha tat-trasport jinsabu taħt pressjoni biex jipprovdu soluzzjonijiet sikuri, sostenibbli u kompetittivi ħafna li huma ambjentalment responsabbli taħt il-COP21, filwaqt li jillimitaw il-konġestjoni, iżda li huwa aktar diffiċli u aktar għali għall-impriżi ż-żgħar biex jilqgħu dawn l-isfidi;

2.  Jenfasizza li jekk l-istandards tal-emissjonijiet tal-vetturi jinbidlu wisq ta' spiss, dan jista' jkun partikolarment problematiku għall-impriżi tat-trasport ta' daqs iżgħar minħabba l-perjodi ta' deprezzament għall-flotot tal-vetturi;

3.  Jenfasizza n-natura kumplessa tas-settur tat-trasport, li huwa kkaratterizzat minn governanza f'diversi livelli (lokali, nazzjonali, Ewropew u globali) li għadha fil-biċċa l-kbira mqassma skont il-mod ta' trasport; jinnota li dan is-settur huwa soġġett għal regolamentazzjoni qawwija, b'mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għall-professjoni, l-attivitajiet ikkonċernati u l-iżvilupp, l-użu u l-kummerċjalizzazzjoni tas-servizzi tat-trasport (drittijiet esklussivi, l-iffissar ta' limitu fuq il-għadd ta' liċenzji), kif ukoll is-sussidjar; jenfasizza li s-sikurezza u s-sigurtà huma tal-akbar importanza għas-settur tat-trasport, iżda jiddeplora l-fatt li dawn, fost fatturi oħra, xi kultant jintużaw bħala skuża biex jiddaħħlu ostakoli artifiċjali;

4.  Jistieden lill-Istati Membri jwaqqfu r-regolamentazzjoni żejda, li ħafna drabi hija konnessa mal-istinti protezzjonisti u korporatisti li jwasslu għall-frammentazzjoni, il-kumplessità u r-riġidità fi ħdan is-suq uniku, u b'hekk iżidu l-inugwaljanza; jemmen li huwa utli li l-Istati Membri ma jersqux lejn il-legalità tal-pjattaformi online b'firxa kbira ta' modi, u għalhekk li jevitaw miżuri unilaterali restrittivi mhux meħtieġa; jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw, u jimplimentaw bis-sħiħ, id-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku (Direttiva 2000/31/KE) u d-Direttiva dwar is-Servizzi (Direttiva 2006/123/KE); isostni li l-moviment ħieles tal-fornituri ta' servizzi u l-libertà tal-istabbiliment, kif jiddisponu għalihom l-Artikoli 56 u 49 tat-TFUE rispettivament, huma essenzjali sabiex tiġi realizzata d-dimensjoni Ewropea tas-servizzi u għalhekk tas-suq intern;

5.  Jenfasizza li minħabba l-inċertezza tad-dritt attwali fir-rigward tad-definizzjoni ta' "fornituri ta' servizz" fis-settur tat-trasport, mhuwiex possibbli li tiġi stabbilita kompetizzjoni ġusta, u jiddispjaċih dwar id-diffikultajiet li jiffaċċjaw ħafna impriżi żgħar biex jidħlu fis-suq domestiku u internazzjonali u biex jiżviluppaw jew joffru servizzi ġodda; jenfasizza l-fatt li dak li jissemma hawn fuq ixekkel l-aċċess tal-SMEs għal dan is-settur;

6.  Huwa tal-fehma li r-Regolament (KE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jeħtieġ li jittejjeb sabiex jingħeleb it-tħarbit serju li seħħ fis-swieq tat-trasport nazzjonali f'diversi Stati Membri wara li r-Regolament ġie introdott;

7.  Jilqa' l-opportunitajiet il-ġodda offruti mill-impriżi ż-żgħar tat-trasport u mill-mudelli tan-negozju kollaborattiv ġodda, filwaqt li fl-istess ħin jiddeplora l-prattiki antikompetittivi li jirriżultaw mill-applikazzjoni inkonsistenti tar-regoli tal-UE madwar l-Istati Membri, b'mod partikulari fir-rigward tal-pagi u s-sistemi tas-sigurtà soċjali, li tista' twassal għal distorsjonijiet serji bħalma huma d-dumping soċjali, kif ukoll sfidi ta' sigurtà;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintensifikaw l-infurzar tal-liġi; Iqis li kwalunkwe tibdil li jsir fil-leġiżlazzjoni dwar il-kundizzjonijiet soċjali u tax-xogħol irid jirrispetta l-libertajiet fundamentali kollha tal-UE, ma jridx jirrestrinġi l-kompetizzjoni ġusta bbażata fuq vantaġġi kompetittivi oġġettivi, u m'għandux joħloq aktar piż amministrattiv jew spejjeż addizzjonali għall-impriżi ż-żgħar tat-trasport;

9.  Jinnota li l-impriżi ż-żgħar tat-trasport jeħtieġ li jinvestu, mhux biss biex jikkonformaw mal-liġi applikabbli, imma wkoll biex jibqgħu kompetittivi (eż. billi jiffukaw fuq teknoloġiji ġodda); jiddeplora l-fatt li, minn naħa waħda u b'kuntrast ma' dak li jiġri mal-kumpaniji l-kbar, l-aċċess ta' dawn l-impriżi għall-kreditu u għall-finanzjament fis-swieq tal-flus għadu limitati minkejja l-miżuri ta' tnaqqis kwantitattiv, filwaqt li, min-naħa l-oħra, l-għajnuniet finanzjarji pubbliċi, partikolarment dawk Ewropej, ftit ġew mobilizzati, minħabba proċeduri amministrattivi wisq kumplessi u li jieħdu fit-tul; Jenfasizza l-importanza li jiġu pprovduti t-tixrid tal-għarfien u l-assistenza għall-applikanti ta' impriżi żgħar fi ħdan il-qafas tal-Fond Ewropew tal-Investiment;

10.  Jinnota li, f'kuntest ta' urbanizzazzjoni dejjem tikber, il-ħtiġijiet tat-trasport iridu jiġu organizzati b'mod li kulma jmur isir aktar integrat, diġitalizzat u multimodali, u li n-nodi urbani għandhom rwol dejjem aktar ċentrali x'jaqdu fl-organizzazzjoni tal-mobilità sostenibbli; jenfasizza l-impatt dejjem jikber tal-applikazzjonijiet għall-ippjanar tal-ivvjaġġar multimodali u l-importanza li l-impriżi ż-żgħar ikunu inklużi fil-lista tal-applikazzjonijiet u l-portafolli disponibbli tas-servizzi tat-trasport; jenfasizza l-fatt li jekk l-aċċess għall-internet ikun universali, dan jinkoraġġixxi l-kondiviżjoni tat-trasport u l-ippjanar aħjar tal-vjaġġi;

11.  Jinnota li bħala reazzjoni għad-diffikultajiet ekonomiċi u n-nuqqas ta' riżorsi li permezz tagħhom jinżamm in-netwerk ta' trasport kapillari, bosta fergħat ta' linji qegħdin jagħlqu f'ħafna reġjuni, b'mod partikolari dawk l-aktar maqtugħa u b'densità l-aktar baxxa ta' popolazzjoni; huwa tal-fehma li l-introduzzjoni ta' mudelli tan-negozju kollaborattiv bl-ebda mod ma tiġġustifika l-abbandun tas-servizzi tat-trasport pubbliku f'dawn ir-reġjuni;

12.  Jenfasizza l-importanza li għandhom għall-mobilità urbana s-servizzi tal-kiri ta' vetturi ħfief bħalma huma r-roti jew l-iscooters; jinnota li l-maġġoranza l-kbira ta' tali operaturi huma SMEs; jitlob li l-potenzjal ta' dawn l-operaturi jitqies b'mod aktar spiss fil-proċess taż-żieda tal-livell tal-mobilità urbana u fil-proċess tal-iżvilupp ta' trasport urban effiċjenti fl-użu tal-enerġija u r-riżorsi;

13.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jikkunsidraw ir-raggruppament flimkien ta' kumpaniji żgħar tat-trasport, li jiffaċilità l-iżvilupp ta' sħubija bejn tali kumpaniji u jgħin lill-klijenti jsibu s-servizzi ta' kumpaniji żgħar tat-trasport li jixtiequ, skont il-bżonnijiet tagħhom;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni, biex meta tkun qed tistabbilixxi linji gwida f'dan il-qasam, tqis id-diffikultajiet li l-mudelli tan-negozju kollaborattiv il-ġodda jiffaċċjaw biex jippenetraw ambjenti rurali u dawk mhux urbani;

15.  Jinnota li l-iżvilupp ta' mudelli ta' negozju kollaborattiv jista' jottimizza l-użu tal-vetturi u tal-infrastruttura, u b'hekk jgħin biex tintlaħaq id-domanda għall-mobilità b'mod aktar sostenibbli; jinnota li ż-żieda fl-isfruttament tad-dejta ġġenerata mill-utenti tista' eventwalment tirriżulta filli jinħoloq valur miżjud fil-katina tat-trasport; jenfasizza, madankollu, li konċentrazzjoni ta' dejta f'idejn għadd żgħir ta' pjattaformi ta' intermedjazzjoni biss jista' jkollha effett negattiv kemm fuq it-tqassim ġust tad-dħul u kemm fuq il-parteċipazzjoni bbilanċjata fl-investiment fl-infrastruttura u fi spejjeż relevanti oħra, li kollha kemm huma għandhom impatt dirett fuq l-SMEs;

16.  Jilqa' l-fatt li l-pjattaformi intermedjarji kellhom il-konsegwenza tal--idea li jisfidaw lil xulxin, lill-operaturi eżistenti u lill-istrutturi korporatisti, u li jdgħajfu l-monopolji eżistenti u jostakolaw il-ħolqien ta' oħrajn ġodda; jissottolinja li dan qed jinkoraġġixxi suq li huwa wisq aktar iffukat fuq it-talba tal-konsumatur u qed iwassal lill-Istati Membri biex jeżaminaw mill-ġdid l-istruttura tas-suq; jinnota, madankollu, li jekk ma jkunx hemm qafas ġuridiku xieraq u ċar, il-pjattaformi ta' intermedjazzjoni, bl-etos tagħhom ta' "ir-rebbieħ ikaxkar kollox", ser joħolqu pożizzjonijiet dominanti fis-suq li jagħmlu ħsara lid-diversità tat-tessut ekonomiku;

17.  Jiġbed l-attenzjoni lejn l-opportunitajiet u l-isfidi (li jfisser li impriżi żgħar jistgħu jitfaċċaw ukoll f'dawn l-oqsma l-ġodda) li jirriżultaw mill-iżvilupp ta' vetturi konnessi u li jaħdmu waħedhom (karozzi, bastimenti, droni u l-platooning); iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għalhekk, biex toħroġ bi pjan direzzjonali dwar vetturi konnessi u awtomatizzati, u tanalizza l-effetti potenzjali li l-użu mifrux ta' din it-teknoloġija jista' jkollu fuq is-settur tat-trasport Ewropew, speċjalment fuq l-SMEs;

II. Rakkomandazzjonijiet: kif nistgħu nibdlu l-isfidi f'opportunitajiet

18.  Jitlob li jkomplu jsiru sforzi bil-għan li l-ispazju Ewropew uniku tat-trasport ikun lest għalkollox; hu tal-fehma li kwalunkwe leġiżlazzjoni li timponi rekwiżiti ġodda fuq l-impriżi ż-żgħar, partikolarment miżuri relatati mat-taxxa, miżuri soċjali u miżuri ambjentali, għandhom ikunu proporzjonati, sempliċi u ċari, ma jxekklux l-iżvilupp tagħhom u jirriflettu fejn meħtieġ il-karatteristiċi reġjonali u nazzjonali fl-Istati Membri differenti; huwa tal-fehma li tali leġiżlazzjoni għandha tkun akkumpanjata mill-inċentivi meħtieġa (regolatorji u/jew finanzjarji);

19.  Jikkunsidra li t-trawwim ta' sistema Ewropea ta' mobilità kkoordinata u integrata hija l-aħjar mod għall-integrazzjoni tajba tal-kumpaniji kollha li joffru l-modi kollha ta' trasport fi proċess dinamiku komuni fejn id-diġitizzazzjoni u l-promozzjoni tal-innovazzjoni fi ħdan is-settur tat-trasport huwa l-aktar metodu effettiv sabiex jiġi żgurat li l-klijenti jkollhom sistema koerenti waħda u li l-professjonisti jkunu jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex iżidu l-valur;

20.  Jinnota li s-servizzi pprovduti mill-SMEs fis-settur tat-trasport mhux dejjem huma mfassla b'mod suffiċjenti skont il-ħtiġijiet tal-persuni b'diżabilità u l-anzjani; jitlob li l-għodod u l-programmi kollha li għandhom l-għan li jappoġġjaw dawn l-operaturi jqisu l-ħtieġa li s-servizzi tat-trasport jiġu kemm jista' jkun adattati għall-ħtiġijiet tan-nies b'mobilità mnaqqsa;

21.  Jinnota li, minħabba n-nuqqas ta' investiment fl-infrastruttura, l-operaturi kollha li jibbenefikaw mill-użu ta' dik l-infrastruttura jeħtieġ li jikkontribwixxu, filwaqt li jqisu bis-sħiħ it-taxxi tat-trasport, l-imposti u l-impatti ambjentali u tas-saħħa negattivi kollha eżistenti; jenfasizza l-importanza li fil-każ tat-trasport bit-triq jiġu internalizzati l-esternalitajiet negattivi u jiġu allokati introjti għall-użu tal-infrastruttura tat-trasport, inkluża dik transfruntiera; jirrikonoxxi, madankollu, li dan jista' jkun li joħloq problemi speċifiċi għall-intrapriżi ż-żgħar, inklużi dawk li jinsabu fir-reġjuni ultraperiferiċi, li għandhom jitqiesu bħala prijorità;

22.  Ifakkar li l-FEIS ġie stabbilit sabiex jikkontribwixxi għal proġetti bbażati fuq is-suq li huma innovattivi ħafna, u għalhekk iqisu bħala strument essenzjali biex l-SMEs fis-settur tat-trasport ikunu jistgħu jiżviluppaw soluzzjonijiet ta' mobilità ġodda; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħaffu l-implimentazzjoni tiegħu u jżidu l-għajnuna li jagħtu lill-SMEs u lill-istart-ups meta jkunu qed jippreparaw proġetti bħal dawn;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni xierqa biex jiġġieldu lill-prattiki antikompetittivi min-naħa ta' gruppi integrati kbar bil-għan li jindirizzaw b'mod determinat id-diskriminazzjoni u r-restrizzjonijiet fuq l-aċċess għas-swieq, hu x'inhu d-daqs jew it-tip tal-intrapriża, speċjalment fir-rigward ta' mudelli ta' negozju ġodda ; iħeġġeġ li jsir djalogu u li r-relazzjonijiet jittejbu, speċjalment fis-swieq ġodda u f'dawk potenzjali, bejn it-trasportaturi u l-partijiet li jagħmlu l-ordnijiet, kif ukoll soluzzjoni għall-problema tal-persuni li taparsi jaħdmu għal rashom;

24.  Jitlob li l-SMEs jiġu inklużi fil-pjanijiet għall-ħruġ integrat Ewropew tal-biljetti; jinnota li l-effikaċja ta' tali sistema se tiddependi mill-inklużjoni ta' għadd kbir kemm jista' jkun ta' impriżi u operaturi tas-servizzi tat-trasport; jinnota li l-iskambju ta' informazzjoni u ta' esperjenza bejn operaturi kbar u SMEs jista' jipproduċi sinerġiji benefiċjarji għolja għat-tfassil ta' netwerk tat-trasport effettiv fl-Ewropa;

25.  Jitlob, bil-ħsieb li jkun hemm trasparenza akbar, li jsiru r-rieżami u l-armonizzazzjoni tar-regoli dwar l-aċċess għal impjiegi u attivitajiet regolati fl-Ewropa u tal-kontrolli fuq dawk l-impjiegi, sabiex l-operaturi u s-servizzi l-ġodda konnessi mal-pjattaformi diġitali u l-ekonomija kollaborattiva jkunu jistgħu jiżviluppaw f'ambjent li jkun favorevoli għan-negozju, inkluża trasparenza ikbar fir-rigward ta' bidliet leġiżlattivi, u sabiex ikunu jistgħu jeżistu spalla ma' spalla mal-operaturi li jkunu fil-kariga f'ambjent ta' kompetizzjoni b'saħħitha; jinnota l-effetti pożittivi ta' operaturi tal-ekonomija kollaborattiva f'dawk li huma l-ħolqien ta' impjiegi ġodda għaż-żgħażagħ li jkunu deħlin fis-suq tax-xogħol u l-ħaddiema li jaħdmu għal rashom;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika, mingħajr aktar dewmien, pjan direzzjonali sabiex tiġi rilaxxata dejta dwar it-trasport iffinanzjat minn fondi pubbliċi u biex jiġu introdotti standards armonizzati għall-interfaces tad-dejta u l-ipprogrammar dwar it-trasport, bil-għan li tingħata spinta lill-innovazzjonijiet intensivi mil-lat ta' dejta u lill-forniment ta' servizzi ta' trasport ġodda;

27.  Huwa tal-fehma, minħabba l-iżvilupp tal-ekonomija kollaborattiva, li s-soluzzjoni la hija regola speċifika għas-settur u lanqas ma hija regolament immirat biss għall-pjattaformi, u li fil-ġejjieni s-sistema tal-mobilità jeħtieġ li tiġi indirizzata bħala ħaġa waħda; jitlob li jiġi stabbilit qafas regolatorju multimodali modernizzat li jrawwem l-innovazzjoni u l-kompetittività kif ukoll il-protezzjoni tal-konsumaturi u d-dejta tagħhom, filwaqt li jissalvagwardja d-drittijiet tal-ħaddiema u jiżgura kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għal operaturi differenti; jiġbed l-attenzjoni, f'dan ir-rigward, lejn l-importanza tal-interoperabbiltà fis-settur tat-trasport, minħabba li joffri soluzzjonijiet uniċi lin-negozji ż-żgħar;

28.  Jistieden lill-Istati Membri jivvalutaw il-ħtieġa li jaġġornaw il-liġi tax-xogħol nazzjonali tagħhom mal-era diġitali, filwaqt li jqisu l-karatteristiċi tal-mudelli tal-ekonomija kollaborattiva u jqisu wkoll il-liġijiet tax-xogħol individwali ta' kull pajjiż;

29.  Iqis li objettiv bħal dan jitlob konverġenza tal-mudelli, ibbażata fuq definizzjoni ta' "intermedjarji" u ta' "fornituri ta' servizzi" li tkun ċara u konsistenti u li tkunx irduppjata ma' oħrajn; jitlob li ssir distinzjoni bejn dawk il-pjattaformi ta' intermedjazzjoni li ma jiġġeneraw l-ebda qligħ għall-utenti tagħhom u dawk li jqabbdu fornitur ta' servizzi (bi skop ta' qligħ) u klijent ma' xulxin, kemm b'relazzjoni ta' bejn min iħaddem u impjegat u kemm mingħajrha bejn il-fornitur ta' servizz u l-pjattaforma; jissuġġerixxi li, sabiex tiġi ffaċilitata l-konformità mill-partijiet kollha bl-obbligi tagħhom relatati mat-taxxa u mas-sigurtà soċjali, kif ukoll biex jiġi żgurat li l-fornituri tas-servizzi li jkunu qed jużaw il-pjattaformi jkunu kompetenti u kwalifikati kif xieraq (sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-konsumatur), l-awtoritajiet nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jitolbu l-informazzjoni li huma jqisu meħtieġa mill-pjattaformi ta' intermedjazzjoni; jenfasizza li sistemi diġà eżistenti ta' rispons u ta' klassifikazzjoni jgħinu wkoll lill-intermedjarji jibnu relazzjoni ta' fiduċja mal-konsumaturi, u li d-dejta ġġenerata għandha tiġi pproċessata f'konformità mad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;

30.  Jemmen li l-potenzjal ta' livell għoli ta' trasparenza tal-ekonomija kollaborattiva jippermetti traċċabilità tajba tal-operazzjonijiet tas-servizzi tat-trasport, b'konformità mal-għan li tiġi msaħħa l-leġiżlazzjoni eżistenti; jistieden lill-Kummissjoni tippubblika linji gwida dwar kif id-dritt tal-UE japplika għat-tipi differenti ta' mudelli tan-negozju kollaborattiv, sabiex jingħalqu, fejn meħtieġ, il-lakuni regolatorji fil-qasam tal-impjieg u tas-sigurtà soċjali b'tali mod li jirrispetta l-kompetenzi nazzjonali;

31.  Jenfasizza li l-impriżi tat-trasport jinkludu wkoll operaturi li ma jipprovdux direttament servizzi tat-trasport, bħalma huma l-fornituri tat-taħriġ, il-kumpaniji tal-kiri tal-vetturi, l-istabbilimenti tat-tiswija tal-vetturi u ċ-ċentri tal-manutenzjoni; jinnota li l-maġġoranza l-kbira ta' tali operaturi huma SMEs; jitlob li l-ħtiġijiet ta' dawn l-operaturi jitqiesu fit-tfassil ta' miżuri ġuridiċi u programmi ta' investiment immirati biex jappoġġjaw l-iżvilupp tal-SMEs;

32.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġja lill-SMEs fis-settur tat-trasport biex jiffurmaw raggruppamenti f'dan il-qasam, li jkunu jistgħu jingħaqdu magħhom kemm il-konsumaturi kif ukoll partijiet ikkonċernati oħra;

33.  Jinnota li l-maġġoranza tal-fornituri fl-ekonomija kollaborattiva jiġu minn barra l-UE; Iqis li l-UE jeħtieġ li tiżviluppa aktar start-ups innovattivi fis-settur tat-trasport, u jinkoraġġixxi li jingħata appoġġ akbar lil dawn il-kumpaniji, b'mod partikulari għat-taħriġ ta' imprendituri żgħażagħ f'dan il-qasam;

34.  Jiddispjaċih li r-risposta tal-Istati Membri għall-iżvilupp tal-ekonomija kollaborattiva s'issa kienet waħda frammentata ħafna u f'xi każijiet totalment inkonsistenti mal-potenzjal u l-benefiċċji tal-iżvilupp ta' dan is-settur, kif ukoll kuntrarju għall-aspettattivi tal-konsumatur, u jqis li hija mixtieqa azzjoni kkoordinata komprensiva fil-livell Ewropew, li tkopri l-kwistjonijiet għal mudell tan-negozju kollaborattiv sostenibbli; jinnota l-approċċ raġonevoli tal-Kummissjoni għal dan il-"mudell tan-negozju ġdid", kif stabbilit fil-komunikazzjoni reċenti tagħha li tenfasizza l-importanza tal-ekonomija kollaborattiva għat-tkabbir futur (COM(2016)0356);

35.  Jinnota l-potenzjal kbir ta' teknoloġiji ġodda għall-emerġenza ta' forom ġodda ta' għoti ta' servizzi fis-settur tat-trasport tal-oġġetti; jenfasizza, b'mod partikolari, l-opportunitajiet enormi offruti mid-droni, li huma diġà għodda ferm effettiva biex isir xogħol f'kundizzjonijiet diffiċli; jenfasizza li l-UE għandha tappoġġja l-potenzjal tal-SMEs involuti fid-disinn, il-produzzjoni u l-użu ta' droni;

36.  Jemmen li l-mudelli tan-negozju kollaborattiv jikkostitwixxu riżorsa mill-akbar għall-iżvilupp sostenibbli ta' konnessjonijiet f'reġjuni periferiċi, muntanjużi u rurali, u joffru wkoll benefiċċji indiretti għas-settur tat-turiżmu;

37.  Huwa tal-fehma li r-rekwiżiti leġiżlattivi għandhom ikunu proporzjonati man-natura tan-negozju u d-daqs tal-kumpanija; madankollu, jqajjem tħassib dwar jekk għadx hemm raġunijiet għall-eżenzjoni tal-vetturi kummerċjali ħfief (LCVs) mill-applikazzjoni ta' għadd ta' regoli Ewropej, minħabba l-użu dejjem akbar tal-LCVs fit-trasport internazzjonali tal-merkanzija, u jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta rapport dijanjostiku dwar l-impatt ekonomiku, ambjentali u ta' sikurezza konsegwenti;

38.  Jitlob li jiġu stabbiliti strutturi ta' kooperazzjoni bejn in-negozji tat-trasport iż-żgħar, l-istituti tar-riċerka xjentifika u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, bil-għan li tittejjeb l-organizzazzjoni tal-mobilità urbana u interurbana sostenibbli sabiex tingħata tweġiba effettiva lill-emerġenza ta' servizzi u prodotti ġodda, inklużi dawk offruti mill-SMEs (eż. l-ewwel u l-aħħar stadji ta' sevizz tat-trasport bieb bieb), filwaqt li jkun hemm allinjament aħjar tan-netwerks tat-trasport pubbliku eżistenti għall-ħtiġijiet u l-aspettattivi tal-passiġġieri; jitlob l-inklużjoni ta' informazzjoni dwar is-servizzi ta' mobilità pprovduti minn negozji żgħar fis-servizzi tal-informazzjoni u l-ippjanar fil-qasam tat-turiżmu;

39.  Jitlob l-istabbiliment ta' task forces tal-innovazzjoni, biex jingħata effett sħiħ lill-kunċett tal-"bliet li jistgħu jiġu kondiviżi" u biex tingħata għajnuna lill-istituzzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali biex ikunu jistgħu jwieġbu b'mod effettiv għall-introduzzjoni ta' servizzi u prodotti ġodda;

40.  Jenfasizza l-importanza ta' taħriġ iffukat (eż. dwar il-big data, servizzi integrati, eċċ.) sabiex il-kumpanniji tat-trasport jiġu megħjuna jiġġeneraw valur miżjud mill-isfera diġitali; jitlob, għalhekk, li l-mod li bih il-professjonisti jiġu mħarrġa jiġi adattat, skont il-ħiliet u l-kwalifiki meħtieġa mill-mudelli tan-negozju ġodda, b'mod partikolari sabiex jiġu sodisfatti l-iskarsezzi ta' persunal, speċjalment ta' sewwieqa;

41.  Jenfasizza li l-SMEs fis-settur tat-trasport spiss joqogħdu lura milli jespandu minħabba r-riskji ikbar li huma involuti fin-negozju transfruntier bis-saħħa tad-diverġenza bejn l-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati (Membri) differenti; jistieden lill-Kummissjoni biex, b'kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali fl-Istati Membri, tiżviluppa pjattaformi ta' kooperazzjoni u komunikazzjoni sabiex jingħataw pariri u taħriġ lill-SMEs fir-rigward ta' skemi ta' finanzjament differenti, għotjiet u internazzjonalizzazzjoni; jitlob lill-Kummissjoni biex ulterjorment tisfrutta l-programmi eżistenti ta' appoġġ għall-SMEs u tagħtihom aktar viżibilità fost l-atturi tas-settur tat-trasport, fil-kuntest tas-sinerġiji bejn il-fondi differenti tal-UE;

42.  Jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet lokali jieħdu impenn attiv fir-rigward tal-prinċipji ta' dekarbonizzazzjoni tat-trasport urban stabbiliti fil-White Paper dwar it-trasport, u jħeġġeġ lill-atturi tas-suq biex joperaw fi ħdan il-qafas il-ġdid tal-kompetizzjoni u tal-attività b'tali mod li jibbenefikaw mill-vantaġġi kompetittivi li joffru s-servizzi b'żero emissjonijiet u d-diġitalizzazzjoni progressiva tal-istrutturi tal-immaniġġjar, l-operazzjonijiet u l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali jippromwovu innovazzjonijiet fl-ekonomija kollaborattiva, li min-naħa tagħhom se jiġu ffaċilitati mill-emerġenza ta' mudelli tan-negozju kollaborattiv, pereżempju l-kondiviżjoni tal-użu tal-karozza u tar-roti, il-kondiviżjoni tat-trasport tal-merkanzija, il-kondiviżjoni tal-użu tat-taxis, il-kondivizjoni tal-użu tal-karozzi, u xarabanks fuq talba, u l-interkonnessjoni ta' dawn il-modi ta' trasport mat-trasport pubbliku;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, permezz ta' kooperazzjoni msaħħa fost id-Direttorati Ġenerali tagħha, issegwi mill-qrib l-iżvilupp tal-ekonomija diġitali u l-impatt tal-inizjattivi leġiżlattivi tal-"Aġenda Diġitali" dwar is-settur tat-trasport;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, f'kooperazzjoni mas-sħab soċjali, jivvalutaw fuq bażi regolari l-impatt tad-diġitalizzazzjoni fuq l-għadd u t-tipi ta' impjiegi fis-settur tat-trasport, u jiżguraw li l-politiki soċjali u dwar l-impjieg iżommu l-pass mad-diġitalizzazzjoni tas-suq tax-xogħol tat-trasport;

46.  Jirrakkomanda li kemm in-negozji tal-ekonomija kollaborattiva, kif ukoll il-persuni li jaħdmu fis-settur tat-trasport, isibu mudelli sabiex jaħdmu flimkien fl-insegwiment tal-interessi komuni, bħal fil-qasam tal-assigurazzjoni;

47.  Jilqa' l-mudelli dwar ħinijiet tax-xogħol flessibbli nnegozjati mis-sħab soċjali fis-settur tat-trasport li jippermettu li l-ħaddiema jirrikonċiljaw aħjar il-ħajja tax-xogħol u dik privata; jenfasizza, madankollu, l-importanza tal-monitoraġġ tal-konformità mar-regoli obbligatorji dwar il-ħinijiet tax-xogħol, u tal-ħinijiet tas-sewqan u tal-mistrieħ, li għandu jsir aktar faċli b'riżultat tad-diġitalizzazzjoni tas-settur tat-trasport;

o
o   o

48.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P8_TA(2015)0310.
(2) ĠU C 24, 22.1.2016, p. 2.
(3) ĠU C 353, 27.9.2016, p. 27.
(4) ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129.


Sitwazzjoni fil-Belarussja
PDF 284kWORD 55k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja (2016/2934(RSP))
P8_TA(2016)0456RC-B8-1232/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Belarussja,

–  wara li kkunsidra l-elezzjonijiet parlamentari li saru fil-11 ta' Settembru 2016 u l-elezzjonijiet presidenzjali li saru fil-11 ta' Ottubru 2015,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-President tad-Delegazzjoni tiegħu għar-relazzjonijiet mal-Belarussja tat-13 ta' Settembru 2016 dwar l-elezzjonijiet parlamentari reċenti fil-Belarussja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna tat-12 ta' Settembru 2016 dwar l-elezzjonijiet parlamentari fil-Belarussja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni preliminari tal-OSKE/ODIHR, tal-Assemblea Parlamentari tal-OSKE u tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (APKE) tat-12 ta' Settembru 2016 dwar l-elezzjonijiet parlamentari fil-Belarussja,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Belarussja, b'mod partikolari dawk tas-16 ta' Frar 2016, li neħħew il-miżuri restrittivi kontra 170 individwu u tliet kumpaniji Belarussi,

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-OSKE tat-28 ta' Jannar 2016 dwar l-elezzjonijiet presidenzjali fil-Belarussja fil-11 ta' Ottubru 2015,

–  wara li kkunsidra l-bosta dikjarazzjonijiet mill-awtoritajiet Belarussi li xi rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODIHR b'segwitu għall-elezzjonijiet presidenzjali tal-2015 kienu se jiġu implimentati qabel l-elezzjonijiet parlamentari tal-2016,

–  wara li kkunsidra l-ħelsien ta' sitt priġunieri politiċi mill-awtoritajiet Belarussi fit-22 ta' Awwissu 2015, u d-dikjarazzjoni sussegwenti tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, u tal-Kummissarju għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir, Johannes Hahn, dwar il-ħelsien ta' priġunieri politiċi fil-Belarussja fit-22 ta' Awwissu 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, fir-rapport finali tiegħu dwar l-elezzjonijiet presidenzjali tal-2015 fil-Belarussja, l-OSKE/ODIHR, flimkien mal-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa, ħejjew sett ta' rakkomandazzjonijiet biex jiġu implimentati mill-Belarussja qabel l-elezzjonijiet parlamentari tal-2016;

B.  billi, sabiex jibnu relazzjonijiet aħjar mal-Punent, l-awtoritajiet Belarussi, b'riluttanza, ħadu passi li jippermettu li l-partiti demokratiċi tal-oppożizzjoni jirreġistraw b'aktar faċilità milli f'elezzjonijiet preċedenti, u li bihom l-osservaturi barranin ingħataw aċċess akbar għall-għadd tal-voti;

C.  billi fis-6 ta' Ġunju 2016 il-President tal-Belarussja sejjaħ elezzjonijiet għall-Kamra tad-Deputati; billi dawn l-elezzjonijiet saru fil-11 ta' Settembru 2016; billi aktar minn 827 osservatur internazzjonali u 32 100 osservatur ċittadin kienu akkreditati għall-elezzjonijiet; billi, kif iddikjarat fil-konklużjonijiet tal-OSKE/ODIHR, il-biċċa l-kbira tal-osservaturi ċittadini rrappreżentaw assoċjazzjonijiet sussidjati mill-Istat li kienu wkoll impenjaw ruħhom f'kampanja għall-kandidati favur il-gvern; billi ntbagħtet missjoni ta' osservazzjoni elettorali tal-OSKE/ODIHR biex tosserva l-elezzjonijiet wara stedina mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Belarussja;

D.  billi, skont il-valutazzjoni tal-OSKE/ODIHR, l-elezzjonijiet parlamentari tal-2016 kienu organizzati b'mod effiċjenti, iżda għad fadal għadd ta' nuqqasijiet sistemiċi li ilhom jeżistu żmien, inklużi restrizzjonijiet għad-drittijiet politiċi u l-libertajiet fundamentali fil-qafas ġuridiku; billi l-għadd u t-tabulazzjoni raw għadd sinifikanti ta' irregolaritajiet proċedurali u kienu nieqsa mit-trasparenza;

E.  billi, għall-ewwel darba f'20 sena, se tiġi rrappreżentata oppożizzjoni demokratika fil-Parlament Belarussu; billi, skont ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja, is-sistemi ġuridiċi u amministrattivi sottostanti għar-restrizzjonijiet fuq id-drittijiet tal-bniedem għadhom mhux mibdula; billi żewġ membri indipendenti tal-parlament huma mistennija jservu bħala oppożizzjoni reali;

F.  billi, sa mill-1994, fil-Belarussja ma saret ebda elezzjoni ħielsa u ġusta skont leġiżlazzjoni elettorali f'konformità mal-istandards rikonoxxuti internazzjonalment tal-OSKE/ODIHR;

G.  billi l-UE neħħiet il-biċċa l-kbira tal-miżuri restrittivi tagħha kontra uffiċjali u entitajiet legali Belarussi fi Frar 2016 bħala ġest ta' rieda tajba biex tħeġġeġ lill-Belarussja ttejjeb is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fit-territorju tagħha; billi l-Kunsill, fil-konklużjonijiet tiegħu dwar il-Belarussja tal-15 ta' Frar 2016, saħaq fuq il-ħtieġa li l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Belarussja tissaħħaħ f'għadd ta' oqsma ekonomiċi u ta' oqsma relatati mal-assistenza u mal-kummerċ, ħaġa li fetħet il-possibilità biex il-Belarussja tapplika għall-finanzjament mingħand il-BEI u l-BERŻ; billi ġew innutati għadd ta' sforzi biex jiġu indirizzati ċerti kwistjonijiet li ilhom għaddejjin minn qabel l-elezzjonijiet tal-2016, filwaqt li fl-istess ħin għad baqa' ħafna kwistjonijiet fir-rigward tal-qafas elettorali ġuridiku u proċedurali;

H.  billi Human Rights Defenders for Free Elections (HRD) u Right to Choose-2016 (R2C), iż-żewġ gruppi ta' osservazzjoni elettorali Belarussi, ikkundannaw l-aħħar elezzjonijiet talli ma ssodisfawx għadd ta' standards internazzjonali ewlenin u talli ma rriflettewx b'mod kredibbli r-rieda taċ-ċittadini Belarussi;

I.  billi l-gruppi ta' osservaturi Belarussi ġabru evidenza konkreta ta' sforzi massivi madwar il-pajjiż kollu biex ikabbru l-għadd totali ta' eletturi li ħarġu jivvutaw matul il-perjodu ta' ħamest ijiem ta' votazzjoni bikrija (6-10 ta' Settembru 2016) u fil-ġurnata tal-elezzjoni (il-11 ta' Settembru 2016), u billi l-uniku istitut ta' stħarriġ tal-opinjoni indipendenti fil-Belarussja (NISEPI) ssospenda l-attivitajiet tiegħu wara pressjoni min-naħa tal-gvern, ħaġa li tagħmilha aktar diffiċli biex wieħed jivvaluta x'inhuma eżattament il-preferenzi politiċi tal-Belarussi;

J.  billi, fit-18 ta' Novembru 2015, parti mill-forzi tal-oppożizzjoni Belarussa għall-ewwel darba ppreżentat ftehim ta' kooperazzjoni konġunt biex tibqa' magħquda matul l-elezzjonijiet parlamentari tal-2016;

K.  billi l-ewwel żjara uffiċjali mill-2002 'l hawn tad-Delegazzjoni tal-Parlament għar-relazzjonijiet mal-Belarussja saret f'Minsk fit-18 u d-19 ta' Ġunju 2015; billi l-Parlament Ewropew bħalissa m'għandu ebda relazzjoni uffiċjali mal-Parlament Belarussu;

L.  billi l-Belarussja kellha rwol kostruttiv fil-faċilitazzjoni ta' ftehim dwar il-waqfien mill-ġlied fl-Ukrajna;

M.  billi l-aggressjoni kontra l-Ukrajna u l-annessjoni illegali tal-Krimea min-naħa tar-Russja komplew iżidu l-biża' tas-soċjetà Belarussa li s-sitwazzjoni interna tiġi destabilizzata bħala konsegwenza ta' bidla fil-poter; billi, madankollu, il-poplu Belarussu ma abbandunax it-tamiet tiegħu għal riformi sostanzjali u għal trasformazzjoni paċifika ta' pajjiżu;

N.  billi l-ekonomija tal-Belarussja esperjenzat aktar minn għoxrin sena ta' staġnar, u billi setturi ewlenin għadhom taħt is-sjieda tal-istat u taħt sistema ta' kmand u kontroll amministrattiv; billi d-dipendenza ekonomika tal-Belarussja mill-għajnuna ekonomika tar-Russja qed tiżdied b'mod kontinwu, u billi l-prestazzjoni ekonomika tal-Belarussja hija fost l-aktar baxxa fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ekonomika Ewrasjatika – pereżempju, il-PDG tagħha naqas b'aktar minn USD 30 biljun fl-2015-2016;

O.  billi l-Belarussja hija l-uniku pajjiż fl-Ewropa li għadu japplika l-piena kapitali; billi, fl-4 ta' Ottubru 2016, il-Qorti Suprema Belarussa kkonfermat is-sentenza tal-mewt kontra Siarhei Vostrykau, li kienet ir-raba' konferma mill-Qorti Suprema Belarussa ta' sentenza tal-mewt fl-2016;

P.  billi l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem ġibdu l-attenzjoni għal metodi ġodda ta' intimidazzjoni fuq l-oppożizzjoni; billi l-awtoritajiet Belarussi ma abbandunawx il-prattiki repressivi kontra l-avversarji politiċi tagħhom: id-dimostranti paċifiċi għadhom soġġetti għal responsabilità amministrattiva, drittijiet ċivili u politiċi oħra għadhom ristretti u l-pajjiż għandu priġunieri politiċi ġodda; billi l-awtoritajiet Belarussi ma ħadu ebda miżura mmirata lejn tibdil sistemiku u kwalitattiv fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, speċjalment fil-livell leġiżlattiv;

Q.  billi titjib sinifikanti fil-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-midja, ir-rispett għad-drittijiet politiċi kemm taċ-ċittadini ordinarji kif ukoll tal-attivisti tal-oppożizzjoni u r-rispett għall-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali huma kollha prerekwiżiti għal relazzjonijiet aħjar bejn l-UE u l-Belarussja; billi l-Unjoni Ewropea għadha impenjata bil-qawwa li tkompli tiddefendi d-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja, inkluża l-libertà tal-espressjoni u tal-midja;

R.  billi, fil-25 ta' Ottubru 2016, il-Belarussja adottat l-ewwel Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem tagħha, li ġie approvat minn riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Ministri; billi skont l-awtoritajiet Belarussi dan il-pjan jiddefinixxi l-linji ta' azzjoni prinċipali għall-implimentazzjoni tal-impenji tal-pajjiż fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

S.  billi wieħed mill-objettivi tal-parteċipazzjoni tal-Belarussja fis-Sħubija tal-Lvant u l-fergħa parlamentari tagħha, l-Euronest, huwa li tintensifika l-kooperazzjoni bejn il-pajjiż u l-UE; billi l-Parlament Belarussu ma għandu ebda status uffiċjali fl-Assemblea Parlamentari Euronest;

T.  billi l-Belarussja bħalissa qiegħda tibni l-ewwel impjant tal-enerġija nukleari tagħha f'Ostrovets, mal-fruntiera tal-UE; billi kwalunkwe pajjiż li jiżviluppa l-enerġija nukleari jeħtieġlu jaderixxi b'mod rigoruż mar-rekwiżiti u standards internazzjonali dwar is-sikurezza nukleari u ambjentali; billi l-Gvern tal-Belarussja, li għandu r-responsabilità esklussiva għas-sikurezza u s-sigurtà tal-faċilitajiet nukleari fit-territorju tiegħu, jeħtieġlu jissodisfa l-obbligi tiegħu lejn iċ-ċittadini tiegħu stess kif ukoll lejn il-pajjiżi ġirien; billi l-prinċipji tal-aċċess miftuħ u tat-trasparenza jridu jkunu l-pedament prinċipali li fuqu għandha tiġi żviluppata, imħaddma u dekummissjonata kwalunkwe faċilità nukleari;

U.  billi l-Belarussja hija parti mill-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar is-Sigurtà Kollettiva (CSTO) u tipparteċipa fil-manuvri militari konġunti mar-Russja "Zapad" li jkopru xenarji li jinvolvu attakki fuq il-ġirien tal-punent tagħha li jinkludu s-simulazzjoni tal-użu ta' armi nukleari kontra l-Polonja; billi s-sena d-dieħla l-Belarussja se tipparteċipa fiż-"Zapad-2017" b'xenarji possibbli ulterjorment aggressivi;

1.  Jibqa' serjament imħasseb dwar in-nuqqasijiet osservati mill-osservaturi internazzjonali indipendenti matul l-elezzjonijiet presidenzjali tal-2015 u l-elezzjonijiet parlamentari tal-2016; jirrikonoxxi l-isforzi biex isir progress, li għadu mhuwiex biżżejjed; jinnota li fil-parlament li għadu kemm ġie elett se jkun hemm rappreżentant wieħed tal-oppożizzjoni u rappreżentant wieħed tas-settur mhux governattiv; iqis, madankollu, li dawn huma aktar ħatriet politiċi milli konsegwenza tar-riżultat elettorali; jinnota li l-analiżi tal-proposti leġiżlattivi futuri ppreżentati minn dawn iż-żewġ membri parlamentari se sservi ta' test deċiżiv dwar l-intenzjonijiet politiċi tal-awtoritajiet wara l-ħatriet tagħhom;

2.  Jistieden lill-awtoritajiet Belarussi jerġgħu jibdew mingħajr dewmien il-ħidma fuq riforma elettorali komprensiva bħala parti minn proċess ta' demokratizzazzjoni usa' u f'kooperazzjoni mas-sħab internazzjonali; jisħaq fuq il-ħtieġa li r-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODIHR jiġu introdotti fi żmien debitu qabel l-elezzjonijiet muniċipali ta' Marzu 2018 u li dawn jiġu osservati minn osservaturi nazzjonali u internazzjonali; jenfasizza li dan huwa ta' importanza ewlenija biex jinkiseb il-progress mixtieq fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Belarussja;

3.  Itenni l-appell tiegħu lill-awtoritajiet Belarussi sabiex jiżguraw, fiċ-ċirkostanzi kollha, ir-rispett għall-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, skont id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-istrumenti internazzjonali u reġjonali tad-drittijiet tal-bniedem irratifikati mill-Belarussja;

4.  Jistieden lill-Gvern Belarussu jirriabilita l-priġunieri politiċi li ġew meħlusa u jroddilhom għalkollox id-drittijiet ċivili u politiċi kollha tagħhom;

5.  Jesprimi t-tħassib tiegħu li mis-sena 2000 'l hawn ma ġie rreġistrat l-ebda partit politiku ġdid fil-Belarussja; jappella sabiex jiġu abbandunati r-retrizzjonjiet kollha f'dan ir-rigward; jisħaq fuq il-fatt li l-partiti politiċi kollha għandhom jitħallew iwettqu attivitajiet politiċi mingħajr restrizzjonijiet, speċjalment matul il-perjodu tal-kampanja elettorali;

6.  Jistenna li l-awtoritajiet itemmu l-intimidazzjoni fuq il-midja indipendenti għal raġunijiet politiċi; iħeġġiġhom iwaqqfu l-prattika ta' prosekuzzjoni amministrattiva u l-użu arbitrarju tal-Artikolu 22(9) tal-Kodiċi Amministrattiv kontra l-ġurnalisti indipendenti li jaħdmu mal-midja barranija mingħajr akkreditazzjoni, li jirrestrinġu d-dritt għal-libertà tal-espressjoni u għat-tixrid tal-informazzjoni;

7.  Jistieden lill-Gvern Belarussu biex iħassar mingħajr dewmien l-Artikolu 193(1) tal-Kodiċi Kriminali, li jippenalizza l-organizzazzjoni ta' attivitajiet ta' assoċjazzjonijiet u organizzazzjonijiet pubbliċi mhux reġistrati u l-parteċipazzjoni f'tali attivitajiet, u biex jippermetti l-funzjonament legali sħiħ, liberu u mingħajr xkiel tal-assoċjazzjonijiet u organizzazzjonijiet pubbliċi; jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni, b'mod partikolari, għall-fatt li bħalissa, bħala riżultat tal-applikazzjoni tal-Artikolu 193(1) u ta' miżuri restrittivi oħra, aktar minn 150 NGO Belarussa huma rreġistrati fil-Litwanja, fil-Polonja, fir-Repubblika Ċeka u fi bnadi oħra;

8.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Belarussi jirrieżaminaw il-politika li minħabba fiha l-assistenza finanzjarja internazzjonali lis-settur mhux governattiv fil-Belarussja għadha soġġetta għal piż kbir tat-taxxa;

9.  Jikkundanna bil-qawwa l-politika tal-Gvern Belarussu għall-użu tal-forzi speċjali sabiex jinterferixxi fl-affarijiet interni ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi dawk li jirrappreżentaw minoranzi nazzjonali bħall-NGO indipendenti "Unjoni tal-Pollakki fil-Belarussja";

10.  Iħeġġeġ lill-Belarussja, bħala l-uniku pajjiż fl-Ewropa li għadu japplika l-piena kapitali, u li reċentement reġa' beda bl-eżekuzzjonijiet, biex tingħaqad mal-moratorju globali dwar l-eżekuzzjoni tal-piena tal-mewt bħala l-ewwel pass lejn l-abolizzjoni permanenti tagħha; ifakkar li l-piena kapitali tikkostitwixxi trattament inuman u degradanti, ma għandha l-ebda effett deterrenti ppruvat u tagħmel l-iżbalji ġudizzjarji irriversibbli; jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Kummissjoni jipprijoritizzaw bis-saħħa t-tħassib imsemmi hawn fuq fid-Djalogu li għaddej dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u l-Belarussja; jilqa', f'dan il-kuntest, il-fatt li l-Kunsill tal-Ministri tal-Belarussja adotta l-Pjan ta' Azzjoni għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Grupp ta' Ħidma għall-Eżami Perjodiku Universali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u jistenna li dan il-Pjan ta' Azzjoni jitwettaq bis-sħiħ;

11.  Jistieden lill-UE żżomm il-momentum għal normalizzazzjoni ulterjuri tar-relazzjonijiet mal-Belarussja; itenni l-fehma tiegħu li d-differenzi eżistenti jistgħu jiġu indirizzati l-aħjar permezz ta' kanali ta' komunikazzjoni mtejba u li involviment ulterjuri tal-UE, u b'mod partikolari tal-Parlament Ewropew, fi djalogu mal-Belarussja, u b'mod partikolari ċ-ċittadini u s-soċjetà ċivili tagħha, kif ukoll mal-parlament u d-diversi partiti politiċi, jista’ jġib riżultati tanġibbli u jikkontribwixxi għall-indipendenza, is-sovranità u l-prosperità tal-pajjiż;

12.  Jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jkomplu jagħtu u jsaħħu l-appoġġ tagħhom lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-Belarussja u barra mill-pajjiż; jisħaq, f'dan il-kuntest, fuq il-ħtieġa li jingħata appoġġ lis-sorsi ta' informazzjoni indipendenti kollha għas-soċjetà Belarussa, inkluża l-midja li xxandar il-programmi bl-ilsien Belarussu, u minn barra l-pajjiż;

13.  Jinnota li f'Jannar 2014 ingħata bidu għan-negozjati dwar il-faċilitazzjoni tal-viżi bl-għan li jittejbu l-kuntatti bejn il-persuni u li tiġi mħeġġa l-emerġenza tas-soċjetà ċivili; jenfasizza li l-Kummissjoni u s-SEAE għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jitħaffef il-progress f'dan ir-rigward;

14.  Jappoġġa lill-UE fil-politika tagħha ta' "impenn kritiku" mal-awtoritajiet Belarussi, u jiddikjara ruħu lest ukoll li jikkontribwixxi għal din il-politika permezz tad-Delegazzjoni tiegħu għar-relazzjonijiet mal-Belarussja; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja l-inizjattivi leġiżlattivi mill-qrib u tiskrutinizza l-implimentazzjoni tagħhom; ifakkar li l-UE jeħtiġilha tiżgura li r-riżorsi tagħha ma jintużawx għar-repressjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-ġurnalisti indipendenti u tal-mexxejja tal-oppożizzjoni;

15.  Jinsab imħasseb dwar il-problemi ta' sikurezza li tqajmu mill-bini tal-impjant tal-enerġija nukleari Belarussu f'Ostrovets, inqas minn 50 kilometru 'l bogħod minn Vilnius, il-belt kapitali tal-Litwanja, u qrib il-fruntiera Pollakka; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' sorveljanza internazzjonali komprensiva tal-implimentazzjoni ta' dan il-proġett sabiex ikun żgurat li huwa konformi mar-rekwiżiti u l-istandards internazzjonali fil-qasam tas-sikurezza nukleari u ambjentali, inklużi l-Konvenzjonijiet Espoo u Arhus tan-NU; jistieden lill-Kummissjoni biex, fid-djalogu tagħha mal-Belarussja u mar-Russja, tinkludi l-kwistjoni tas-sikurezza u t-trasparenza ta' dan l-impjant ta' enerġija nukleari li qiegħed jinbena, fid-dawl tal-fatt li dan huwa ffinanzjat mir-Russja u huwa bbażat fuq it-teknoloġija Rosatom, u biex tipprovdi rapporti regolari lill-Parlament u lill-Istati Membri, b'mod partikolari dawk ġirien tal-Belarussja; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jużaw il-lievi tagħhom, inkluż li jagħmlu kwalunkwe għajnuna makrofinanzjarja mill-UE kundizzjonali, sabiex jiġi żgurat li l-Belarussja tkun konformi mal-istandards internazzjonali tas-sikurezza fir-rigward tal-Impjant Nukleari f'Ostrovets, b'mod partikolari fir-rigward tat-twettiq ta' eżerċizzju ta' simulazzjoni kif miftiehem mal-Kummissjoni fit-23 ta' Ġunju 2011;

16.  Jagħti importanza kbira u jistenna bil-ħerqa l-adeżjoni tal-Belarussja fl-Assemblea Parlamentari Euronest, skont l-Att Kostitwenti, mill-aktar fis wara li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet politiċi, peress li din l-adeżjoni tkun estensjoni naturali tal-parteċipazzjoni tal-Belarussja fil-qafas ta' kooperazzjoni multilaterali tas-Sħubija tal-Lvant;

17.  Itenni l-impenn tiegħu li jaħdem għall-benefiċċju tal-poplu tal-Belarussja, li jappoġġa l-aspirazzjonijiet u l-inizjattivi prodemokratiċi tiegħu u li jikkontribwixxi għal futur stabbli, demokratiku u prosperu għall-pajjiż;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-OSKE/ODIHR, lill-Kunsill tal-Ewropa, u lill-awtoritajiet tal-Belarussja.

Avviż legali - Politika tal-privatezza