Indiċi 
Testi adottati
Il-Ħamis, 15 ta' Diċembru 2016 - StrasburguVerżjoni finali
Il-każijiet tal-Akkademja Buddista Tibetana Larung Gar u ta' Ilham Tohti
 Is-sitwazzjoni tal-minoranza Rohingya fil-Myanmar
 Oqbra tal-massa fl-Iraq
 Pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma soġġetti għal jew huma eżentati mill-ħtieġa ta’ viża: reviżjoni tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni ***I
 Miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità
 Appoġġ għall-vittmi tat-thalidomide
 Mediċini pedjatriċi
 Attivitajiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet 2015
 Ftehimiet dwar l-avjazzjoni internazzjonali

Il-każijiet tal-Akkademja Buddista Tibetana Larung Gar u ta' Ilham Tohti
PDF 277kWORD 54k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2016 dwar il-każijiet tal-Akkademja Buddista Tibetana ta' Larung Gar u Ilham Tohti (2016/3026(RSP))
P8_TA(2016)0505RC-B8-1346/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Tibet, b'mod partikolari dik tal-25 ta' Novembru 2010 dwar it-Tibet: pjanijiet biex iċ-Ċiniż isir il-lingwa uffiċjali tat-tagħlim(1), dik tas-27 ta' Ottubru 2011 dwar it-Tibet, b'mod partikolari r-reliġjużi nisa u rġiel li jaħarqu lilhom infushom(2) u dik tal-14 ta' Ġunju 2012 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-Tibet(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu tas-26 ta' Novembru 2009 dwar iċ-Ċina: drittijiet tal-minoranzi u l-applikazzjoni tal-piena tal-mewt(4) u tal-10 ta' Marzu 2011 dwar is-sitwazzjoni u l-wirt kulturali f'Kashgar (ir-Reġjun Awtonomu Xinjiang Uyghur, iċ-Ċina)(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar ir-relazzjonijiet UE-Ċina(6),

–  wara li kkunsidra d-disa' ċikli ta' taħditiet li saru bejn l-2002 u l-2010 bejn rappreżentanti ta' livell għoli tal-gvern Ċiniż u d-Dalai Lama; wara li kkunsidra l-White Paper taċ-Ċina dwar it-Tibet, bit-titolu "Tibet's Path of Development Is Driven by an Irresistible Historical Tide" (Il-Passaġġ tat-Tibet lejn l-Iżvilupp hu Xprunat minn Marea Storika Irreżistibbli), li ġiet ippubblikata mill-Uffiċċju ta' Informazzjoni tal-Kunsill tal-Istat Ċiniż nhar il-15 ta' April 2015; wara li kkunsidra l-Memorandum tal-2008 u n-Nota dwar Awtonomija Ġenwina tal-2009, it-tnejn li huma ppreżentati mir-Rappreżentanti tal-14-il Dalai Lama;

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 36 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, li jiggarantixxi liċ-ċittadini kollha d-dritt għal-libertà tat-twemmin reliġjuż, u l-Artikolu 4 li jiddefendi d-drittijiet tan-"nazzjonalitajiet ta' minoranza",

–  wara li kkunsidra r-rimarki ta' Donald Tusk, President tal-Kunsill Ewropew, nhar id-29 ta' Ġunju 2015 fil-konferenza konġunta għall-istampa mal-Prim Ministru Ċiniż Li Keqiang b'segwitu għas-17-il Summit bejn l-UE u ċ-Ċina, fejn esprima t-tħassib tal-UE dwar il-libertà ta' espressjoni u ta' assoċjazzjoni fiċ-Ċina, inkluża s-sitwazzjoni tal-persuni li jappartjenu għal minoranzi bħat-Tibetani u l-Uighur, u ħeġġeġ liċ-Ċina terġa' tniedi djalogu sinifikanti mar-rappreżentanti tad-Dalai Lama,

–  wara li kkunsidra s-Sitt Forum ta' Ħidma dwar it-Tibet organizzat mill-Kumitat Ċentrali tal-Partit Komunista Ċiniż f'Awwissu 2015,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-23 ta' Settembru 2014 mill-kelliem tas-SEAE li tikkundanna s-sentenza ta' għomor ħabs mogħtija lill-professur tal-ekonomija Uighur Ilham Tohti u tappella għall-ħelsien immedjat u inkondizzjonat tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina rigward id-drittijiet tal-bniedem, imniedi fl-1995, u l-34 sessjoni li ġiet organizzata f'Beijing fit-30 ta' Novembru u l-1 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-fatt li fil-11 ta' Ottubru 2016 Ilham Tohti ngħata l-Premju Martin Ennals talli ddefenda d-drittijiet tal-bniedem, u f'Settembru 2016 ġie nnominat għall-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb,

–  wara li kkunsidra s-Sħubija Strateġika bejn l-UE u ċ-Ċina mnedija fl-2003 u l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u s-SEAE lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 2016, intitolata "Elementi għal strateġija ġdida tal-UE dwar iċ-Ċina",

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tas-16 ta' Diċembru 1966,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-promozzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt għandhom jibqgħu fiċ-ċentru tas-sħubija li ilha għaddejja bejn l-UE u ċ-Ċina, f'konformità mal-impenn tal-UE li tiddefendi dawn il-valuri fl-azzjoni esterna tagħha u l-interess li wriet iċ-Ċina li tikkonforma ma' dawn l-istess valuri fl-iżvilupp u l-kooperazzjoni internazzjonali tagħha;

B.  billi, skont l-objettivi ta' żvilupp tiegħu, il-Gvern Ċiniż indika li qed ifittex rwol akbar fl-indirizzar ta' sfidi globali, bħalma huma l-paċi u s-sigurtà internazzjonali u t-tibdil fil-klima, u influwenza akbar fuq il-governanza globali kemm politika kif ukoll ekonomika, u impenja ruħu li jsaħħaħ l-istat tad-dritt;

C.  billi s-17-il Summit bejn l-UE u ċ-Ċina tad-29 ta' Ġunju 2015 tella' r-relazzjonijiet bilaterali fuq livell ġdid, u billi l-UE, fil-qafas strateġiku tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, wiegħdet li se tqiegħed id-drittijiet tal-bniedem fiċ-ċentru tar-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi terzi kollha, inklużi s-sħab strateġiċi tagħha; billi t-18-il Summit bejn l-UE u ċ-Ċina tat-12-13 ta' Lulju 2016 ikkonkluda li kien se jsir ċiklu ieħor ta' djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u ċ-Ċina qabel tmiem l-2016;

D.  billi ċ-Ċina għamlet progress matul l-aħħar deċennji fit-twettiq tad-drittijiet ekonomiċi u soċjali, li jirrifletti l-prijoritajiet iddikjarati tagħha dwar id-drittijiet tal-poplu għas-sussistenza u l-żvilupp, iżda l-kisbiet tagħha fil-qasam tad-drittijiet politiċi u ċivili, flimkien mal-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, huma limitati;

E.  billi, matul l-34 Djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina dwar id-Drittijiet tal-Bniedem li sar f'Beijing fit-2 ta' Diċembru 2015, l-UE leħħnet it-tħassib tagħha rigward ir-rispett għad-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, speċjalment fit-Tibet u f'Xinjiang, u rigward ir-rispett għal-libertà tar-reliġjon jew twemmin; billi l-każ ta' Ilham Tohti ġie diskuss matul l-34 Djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

F.  billi l-Istitut ta' Larung Gar, imwaqqaf fl-1980, hu l-akbar ċentru Buddist Tibetan fid-dinja u attwalment qed iħabbat wiċċu ma' demolizzjoni estensiva min-naħa tal-Gvern Ċiniż bl-għan li l-akkademja tiċċekken b'ħamsin fil-mija, l-iżgumbrar ta' madwar 4 600 resident bil-forza u l-qerda ta' madwar 1 500 abitazzjoni; billi skont l-awtoritajiet Ċiniżi din id-demolizzjoni hija meħtieġa sabiex jitwettqu "korrezzjoni u rettifika";

G.  billi l-persuni żgumbrati qed jiġu reġistrati b'mod furzat f'eżerċizzji magħrufa bħala "edukazzjoni patrijottika"; billi tliet reliġjużi nisa fl-akkademja għamlu suwiċidju bi protesta kontra d-demolizzjonijiet fuq skala kbira li għaddejjin f'Larung Gar;

H.  billi ġie rappurtat li mill-2009 għadd enormi ta' Tibetani, fil-parti l-kbira reliġjużi nisa u rġiel, taw in-nar lilhom infushom bħala protesta kontra l-politiki restrittivi taċ-Ċina fit-Tibet, u b'appoġġ għar-ritorn tad-Dalai Lama u d-dritt għal-libertà reliġjuża fil-prefettura tal-kontea ta' Aba/Ngaba fil-Provinċja ta' Sichuan u f'partijiet oħra tal-plateau tat-Tibet;

I.  billi l-emissarji tal-Qdusija Tiegħu d-Dalai Lama kkuntattjaw lill-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina biex tinstab soluzzjoni paċifika u reċiprokament benefika għall-kwistjoni tat-Tibet; billi ma sar l-ebda progress għar-riżoluzzjoni tal-kriżi Tibetana f'dawn l-aħħar ftit snin, peress li l-aħħar ċiklu ta' taħdidiet sar fl-2010 u n-negozjati bħalissa huma ffriżati;

J.  billi l-professur tal-ekonomija Uighur Ilham Tohti ġie kkundannat għal għomru l-ħabs fit-23 ta' Settembru 2014 fuq akkuża ta' separatiżmu allegat wara li ġie arrestat f'Jannar tal-istess sena; billi seba' studenti preċedenti tiegħu wkoll ġew arrestati u ngħataw sentenzi ta' ħabs ta' bejn tliet snin u tmien snin għal allegata kollaborazzjoni mas-Sur Tohti;

K.  billi hemm allegazzjonijiet li l-proċess dovut tal-liġi ma ġiex rispettat, b'mod partikolari fir-rigward tad-dritt għal difiża xierqa;

L.  billi r-reġjun ta' Xinjiang, fejn hija bbażata l-parti l-kbira tal-minoranza etnika Musulmana Uighur, esperjenzat episodji ripetuti ta' kunflitti u vjolenza etniċi; billi Ilham Tohti dejjem ċaħad is-separatiżmu u l-vjolenza u fittex ir-rikonċiljazzjoni bbażata fuq ir-rispett tal-kultura Uighur;

1.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi jwaqqfu d-demolizzjoni ta' Larung Gar u l-iżgumbrament tar-residenti tiegħu u, b'dan il-mod, jirrispettaw il-libertà tar-reliġjon f'konformità mal-impenji internazzjonali taċ-Ċina fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

2.  Jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi biex jibdew djalogu u jinvolvu ruħhom b'mod kostruttiv fir-rigward tal-iżviluppi f'Larung Gar mal-komunità lokali u l-mexxejja reliġjużi tagħha, u biex jindirizzaw it-tħassib dwar istituti reliġjużi ffullati billi jippermettu lit-Tibetani jistabbilixxu aktar istituti u jibnu aktar faċilitajiet; jitlob kumpens adegwat u akkomodazzjoni mill-ġdid għat-Tibetani li ġew żgumbrati matul id-demolizzjonijiet f'Larung Gar fil-post tal-għażla tagħhom biex ikomplu għaddejjin bl-attivitajiet reliġjużi tagħhom;

3.  Jiddeplora l-kundanna ta' għaxar Tibetani mill-Qorti Intermedja tal-Poplu f'Barkham għal sentenzi ta' bejn 5 u 14-il sena ħabs talli ħadu sehem f'ċelebrazzjoni ta' għeluq it-80 sena tal-Qdusija Tiegħu d-Dalai Lama fil-Kontea ta' Ngaba;

4.  Jinsab imħasseb profondament dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-Tibet, li wassal għal żieda fl-għadd ta' każijiet ta' persuni li jaħarqu lilhom infushom; jikkritika ż-żieda fil-wirjiet militari fil-plateau tat-Tibet, li se twassal biss għal żieda fit-tensjoni f'dan ir-reġjun; jikkundanna ż-żieda fl-użu tas-sistemi ta' sorveljanza fid-djar privati Tibetani;

5.  Jinsab imħasseb dwar ir-reġim dejjem aktar ripressiv li qed iħabbtu wiċċhom miegħu l-minoranzi differenti, b'mod partikolari t-Tibetani u l-Uighur, hekk kif jiżdiedu r-restrizzjonijiet fuq il-garanziji kostituzzjonali tad-dritt tagħhom għal-libertà ta' espressjoni kulturali u ta' twemmin reliġjuż, u tal-libertà tal-kelma u ta' espressjoni, ta' għaqda paċifika u assoċjazzjoni, filwaqt li jqumu dubji dwar l-impenn iddikjarat taċ-Ċina favur l-istat tad-dritt u r-rispett lejn obbligi internazzjonali; jitlob li l-awtoritajiet jirrispettaw dawn il-libertajiet fundamentali;

6.  Jinsab imħasseb dwar l-adozzjoni tal-pakkett ta' liġijiet dwar is-sigurtà u l-impatt tiegħu fuq il-minoranzi fiċ-Ċina, b'mod partikolari l-liġi tal-ġlieda kontra t-terroriżmu li taf twassal għall-penalizzazzjoni tal-espressjoni paċifika tal-kultura u r-reliġjon Tibetani u l-liġi dwar il-ġestjoni tal-NGOs internazzjonali li se tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2017 u se tpoġġi lill-gruppi tad-drittijiet tal-bniedem taħt il-kontroll strett tal-gvern, peress li dan jikkostitwixxi approċċ purament minn fuq għal isfel minflok ma jinkoraġġixxi s-sħubija bejn il-gvern lokali u ċentrali u s-soċjetà ċivili;

7.  Iħeġġeġ lill-Gvern Ċiniż jemenda d-dispożizzjonijiet tal-pakkett ta' liġijiet dwar is-sigurtà li jċekknu l-ispazju għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u jżidu l-kontroll tal-gvern fuq il-prattiki reliġjużi; jistieden lill-Gvern Ċiniż biex jipprovdi u jiggarantixxi ambjent ġust u sikur għall-NGOs u għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ħalli dawn ikunu jistgħu joperaw liberament fil-pajjiż, u dan għandu mnejn jikkomplementa bil-kbir it-twettiq mill-istat ta' servizzi soċjali b'approċċ minn isfel għal fuq u jikkontribwixxi għall-progress tad-drittijiet soċjali u ekonomiċi, politiċi u ċivili;

8.  Jistieden lill-Gvern Ċiniż biex jerġa' jibda d-djalogu mar-rappreżentanti Tibetani, li ntemm miċ-Ċina fl-2010, bl-għan li tinstab soluzzjoni politika inklużiva għall-kriżi fit-Tibet; jitlob ir-rispett lejn il-libertajiet ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' reliġjon tal-poplu Tibetan, kif minqux fil-Kostituzzjoni; jemmen li r-rispett għad-drittijiet tal-minoranzi huwa element kruċjali tad-demokrazija u l-istat tad-dritt li hu indispensabbli għall-istabbiltà politika;

9.  Jikkundanna bil-qawwa l-priġunerija ta' Ilham Tohti li qed jiskonta sentenza ta' għomru l-ħabs fuq allegati akkużi ta' separatiżmu; jiddeplora l-fatt li l-proċess dovut tal-liġi ma ġiex rispettat u li Ilham Tohti ma bbenefikax mid-dritt għal difiża xierqa; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi jirrispettaw in-norma li jippermettu żjara fix-xahar għall-membri tal-familja;

10.  Jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet ta' Ilham Tohti u tal-partitarji tiegħu miżmuma b'rabta mal-każ tiegħu; jitlob, barra minn hekk, li Ilham Tohti jingħata lura l-permess tat-tagħlim tiegħuu li l-moviment ħieles tiegħu jiġi garantit fi ħdan iċ-Ċina u barra minnha;

11.  Ifakkar kemm hu importanti li l-UE tqajjem il-kwistjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina, b'mod partikolari l-każ tal-minoranzi fit-Tibet u f'Xinjiang, f'kull djalogu politiku u tad-drittijiet tal-bniedem mal-awtoritajiet Ċiniżi, f'konformità mal-impenn tal-UE li tipproġetta leħen sod, ċar u unifikat fl-approċċ tagħha lejn il-pajjiż, inklużi d-Djalogi annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; jirrimarka wkoll li, bħala parti mill-proċess ta' riforma kontinwa tagħha u ż-żieda fl-impenn globali tagħha, iċ-Ċina għażlet li tieħu sehem fil-qafas internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem billi ffirmat firxa wiesgħa ta' trattati internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, u għalhekk jitlob li jibqa' jkun hemm djalogu maċ-Ċina biex dawn l-impenji jitwettqu;

12.  Jiddeplora l-fatt li l-35 ċiklu tad-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u ċ-Ċina probabbilment mhux se jsir qabel tmiem l-2016, kif kien miftiehem; iħeġġeġ lill-Gvern Ċiniż biex jaqbel li jsir djalogu ta' livell għoli fl-ewwel ġimgħat tal-2017;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

(1) ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 118.
(2) ĠU C 131 E, 8.5.2013, p. 121.
(3) ĠU C 332 E, 15.11.2013, p. 69.
(4) ĠU C 285 E, 21.10.2010, p. 80.
(5) ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 185.
(6) Testi adottati, P8_TA(2015)0458.


Is-sitwazzjoni tal-minoranza Rohingya fil-Myanmar
PDF 286kWORD 55k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2016 dwar is-sitwazzjoni tal-minoranza Rohingya fil-Myanmar (2016/3027(RSP))
P8_TA(2016)0506RC-B8-1345/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Myanmar u dwar is-sitwazzjoni tal-Musulmani Rohingya, b'mod partikolari dik tas-7 ta’ Lulju 2016(1),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Istrateġija tal-UE fir-rigward tal-Myanmar/Burma tal-20 ta’ Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta mill-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titolu “Elementi għal Strateġija tal-UE fil-konfront tal-Mjanmar/Burma: sħubija speċjali għad-demokrazija, il-paċi u l-prosperità”,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, dwar l-assunzjoni tal-kariga tal-Gvern il-ġdid tal-Unjoni tal-Myanmar,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni mill-Kelliem tal-VP/RGħ dwar iż-żieda reċenti tal-vjolenza fil-Myanmar tat-2 ta’ Diċembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija konġunta għall-istampa dwar it-tielet Djalogu bejn l-UE u l-Myanmar dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-25 ta’ Novembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-apolidija tal-4 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra t-tgħarrif reċenti tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) u r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar, rispettivament tad-29 u tat-18 ta’ Novembru 2016, dwar is-sitwazzjoni deterjoranti tad-drittijiet tal-bniedem fit-Tramuntana tal-Istat ta’ Rakhine,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem bit-titolu “Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-Musulmani Rohingya u minoranzi oħrajn fil-Myanmar/Burma” tal-20 ta’ Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni adottata mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti fl-24 ta’ Marzu 2016 (31/24), bit-titolu “Is-Sitwazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Myanmar”,

–  wara li kkunsidra r-rapport tat-18 ta’ Marzu 2016 tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati u l-Protokoll tal-1967 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Istatus ta' Persuni Apolidi tal-1954 u l-Konvenzjoni dwar it-Tnaqqis tal-Apolidija tal-1961,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta’ Azzjoni Globali 2014-1924 tal-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Refuġjati (UNHCR) biex Tintemm l-Apolidija,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 18 sa 21 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966 u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Karta tal-ASEAN,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Parlamentari għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN) ta' April 2015 bit-titolu "Il-kriżi tar-Rohingya u r-riskju ta' atroċitajiet fil-Myanmar/Burma: sfida għall-ASEAN u appell għal azzjoni”,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra'ad Al Hussein, fir-rapport tiegħu tal-20 ta' Ġunju 2016, iddeskriva l-ksur serju u kontinwu tad-drittijiet kontra r-Rohingya, inklużi l-privazzjoni arbitrarja tan-nazzjonalità, li tagħmilhom mingħajr Stat, restrizzjonijiet severi tal-libertà ta' moviment, theddid għall-ħajja u s-sigurtà, iċ-ċaħda tad-drittijiet għas-saħħa u l-edukazzjoni, ix-xogħol furzat, il-vjolenza sesswali u limitazzjonijiet fuq id-drittijiet politiċi tagħhom, "li jistgħu jitqiesu bħala delitti kontra l-umanità"; billi s-Sur Al Hussein indika li r-Rohingya huma esklużi minn bosta professjonijiet u jeħtieġu dokumenti speċjali biex ikollhom aċċess għall-isptarijiet, u dan wassal għal dewmien u għall-imwiet ta' trabi u ta' ommijiethom waqt il-ħlas; billi John McKissick, il-Kap tal-Uffiċċju tal-Aġenzija tar-Rifuġjati tan-NU fil-belt tal-Bangladesh bl-isem ta’ Cox’s Bazar, reċentement stqarr li l-Myanmar qed jipprova jwettaq tindif etniku tal-minoranza ta’ Musulmani Rohingya mit-territorju tiegħu; billi l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem kontra l-minoranza Rohingya jammonta għal kastig kollettiv;

B.  billi fid-9 ta’ Ottubru 2016 irġiel armati attakkaw tliet stakkamenti tal-pulizija qrib il-fruntiera tal-Bangladesh, u qatlu disa’ uffiċjali tal-pulizija filwaqt li serqu ħafna armi; billi l-Gvern tal-Myanmar qal li l-irġiel armati kienu membri tal-milizzja Rohingya u, wara dan, iddikjarat id-distrett ta’ Maungdaw bħala “żona ta’ operazzjoni” b’restrizzjonijiet fil-ħin u restrizzjonijiet severi oħra, inkluż għall-ġurnalisti u l-osservaturi minn barra, li mhumiex jitħallew jaċċedu għaż-żona;

C.  billi skont l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, is-sorsi lokali jirrappurtaw abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem mill-forzi tal-gvern fl-hekk imsejħa żona ta’ operazzjoni; billi l-Gvern tal-Myanmar irrapporta l-mewt ta’ 69 persuna li kienu allegatament attivisti militanti u 17-il membru tal-forzi tas-sigurtà, dikjarazzjoni li ma tistax tiġi verifikata b’mod indipendenti minħabba restrizzjonijiet ta’ aċċess;

D.  billi fit-3 ta’ Novembru 2016, it-tieni attakk fuq postazzjoni tal-gwardja tal-fruntiera rriżulta fil-mewt ta’ uffiċjal tal-pulizija;

E.  billi l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment il-Human Rights Watch, bl-użu ta’ ritratti mis-satelliti, irrappurtaw qerda fuq skala kbira ta’ djar u tipi oħra ta’ bini f’partijiet tat-Tramuntana tal-Istat ta’ Rakhine, li attwalment huma inaċċessibbli għall-NGOs u l-osservaturi indipendenti;

F.  billi l-Gvern tal-Myanmar wettaq żjara sorveljata ta’ xi siti milquta f’Maungdaw fit-2 u fit-3 ta’ Novembru 2016 ma’ delegazzjoni ta’ disa’ membri fost ambaxxaturi barranin, inkluż il-Koordinatur Residenti tan-NU, li kkonfermaw li raw strutturi maħruqa f’diversi bliet;

G.  billi f’dawn l-aħħar ġimgħat mill-inqas 25 000 persuna Rohingya ħarbu lejn il-pajjiż ġar tal-Bangladesh ġar, u huwa stmat li madwar 30 000 resident tal-Istat ta’ Rakhine ġew spostati minħabba l-vjolenza; billi aktar minn 56 000 persuna Rohingya bħalissa huma rreġistrati mal-UNHCR fil-Malasja;

H.  billi mill-2011 il-Myanmar ħa passi biex jirriforma l-ekonomija u s-sistema politika tiegħu; billi, madankollu, l-armata għad għandha setgħa sproporzjonata fil-pajjiż; billi f’Novembru 2015 ġie elett parlament nazzjonali ġdid, u f’Marzu 2016 tela' fil-poter Gvern nazzjonali elett demokratikament;

I.  billi, bħala risposta, l-UE u atturi globali oħra neħħew is-sanzjonijiet u ppermettew lill-Myanmar jerġa’ jintegra ruħu fl-istrutturi politiċi u ekonomiċi globali; billi l-UE u l-Istati Membri tagħha kellhom rwol sinifikanti fil-proċess ta’ riforma u liberalizzazzjoni u kkontribwew, fost affarijiet oħra, b’għajnuna għall-iżvilupp, taħriġ u kooperazzjoni teknika sinifikanti, promozzjoni ta’ waqfien inklużiv mill-ġlied fil-pajjiż kollu u kummerċ taħt il-faċilità Kollox Ħlief Armi (EBA); billi l-UE u l-Myanmar jorganizzaw djalogi annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

J.  billi, madankollu, għad hemm ħafna problemi, inkluż fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u b’mod partikolari fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-minoranza Musulmana Rohingya; billi aktar minn miljun Musulman Rohingya għexu fil-Myanmar għal ġenerazzjonijiet sħaħ, iżda bħalissa huma fost l-aktar minoranzi ppersegwitati fid-dinja; billi dawn saru uffiċjalment apolidi sa mid-dħul fis-seħħ tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza Burmiża tal-1982; billi l-persuni Rohingya mhumiex aċċettati mill-awtoritajiet tal-Myanmar u mill-pajjiżi ġirien, għalkemm xi wħud minn dawn tal-aħħar jospitaw popolazzjonijiet kbar ta' rifuġjati; billi l-qafas ġuridiku tal-Myanmar jistituzzjonalizza d-diskriminazzjoni kontra l-minoranzi u b’mod partikolari jagħmel lill-persuni Rohingya apolidi, peress li l-karti tal-identità temporanji tagħhom (karti bojod) ġew iddikjarati li skadew f’Marzu 2015 u ilhom mill-2012 ma jistgħu jiksbu ċertifikati tat-twelid għal uliedhom;

K.  billi l-awtoritajiet tal-Myanmar qed jibqgħu jċaħħdu lill-persuni Rohingya mill-aktar drittijiet bażiċi tagħhom; billi, skont rapport ta’ April 2015 mill-Parlamentari tal-ASEAN għad-Drittijiet tal-Bniedem, waqt li kien qed jinkiteb ir-rapport, madwar 120 000 persuna Rohingya kienu għadhom f’aktar minn 80 kamp ta spostament intern fl-Istat ta’ Rakhine, b’aċċess limitat għal għajnuna umanitarja, filwaqt li aktar minn 100 000 persuna kienu ħarbu bil-baħar jew bl-art, spiss f’idejn traffikanti tal-bnedmin, lejn pajjiżi oħra f’dawn l-aħħar snin u ħafna minnhom imutu matul dawn il-vjaġġi perikolużi;

L.  billi huwa allegat li l-istupru jintuża ta' spiss fil-Myanmar mill-forzi armati bħala arma tal-gwerra biex jintimidaw lill-minoranzi etniċi, b’konsegwenzi devastanti għall-vittmi; billi r-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-Vjolenza Sesswali fil-Kunflitti, Zainab Hawa Bangura, esprimiet it-tħassib profond tagħha f’dan ir-rigward; billi l-Qorti Kriminali Internazzjonali tinkludi l-istupru u forom oħra ta’ vjolenza sesswali fil-lista tagħha ta’ delitti tal-gwerra u atti li jikkostitwixxu delitti kontra l-umanità; billi għandu jiġi enfasizzat b’mod partikolari li n-nisa Rohingya huma vittmi ta’ diversi forom ta’ diskriminazzjoni, inkluż abbuż sesswali u sterilizzazzjoni furzata;

M.  billi jeżisti tħassib serju dwar is-sitwazzjoni tal-komunità LGBTI fil-Myanmar, fosthom persuni Rohingya, li għadhom qed jiġu pproċessati u kriminalizzati bil-pretest ta' dispożizzjoni minn żmien l-era kolonjali – it-Taqsima 377 tal-Kodiċi Penali – u li għadhom qed jiffaċċjaw arrest u detenzjoni arbitrarji, intimidazzjoni, attakki fiżiċi u sesswali u ċ-ċaħda ta' servizzi tas-saħħa;

N.  billi Aung San Suu Kyi, f'laqgħa ma' Yanghee Lee, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar, ħabbret li l-kelma Rohingya mhix se tintuża mill-Gvern (b’kontinwazzjoni għall-politika mħaddna taħt id-dittatorjat militari), għaliex hija meqjusa bħala ultraġġuża, bħalma huwa l-każ għall-kelma "Bengali", u minflok qed jiġi ssuġġerit it-terminu l-ġdid: "komunità Musulmana fl-Istat ta' Rakhine";

O.  billi l-Myanmar għamel xi sforzi biex isir progress fil-proċess ta’ paċi, minbarra l-preparazzjonijiet tiegħu għal konferenza nazzjonali ta’ paċi; billi huwa essenzjali li jinżamm il-waqfien mill-ġlied nazzjonali u li jiġu inklużi l-gruppi armati etniċi kollha bil-għan li jiġu żgurati l-paċi, il-prosperità u l-għaqda fil-pajjiż;

1.  Jinsab imħasseb ħafna dwar ir-rapporti ta’ kunflitti vjolenti fit-Tramuntana tal-Istat ta’ Rakhine, u jiddeplora t-telf ta’ ħajjiet, ta’ għajxien u ta’ kenn u r-rapporti ta' użu sproporzjonat tal-forza mill-forzi armati tal-Myanmar; jikkonferma li l-awtoritajiet tal-Myanmar għandhom id-dmir li jinvestigaw l-attakki tad-9 ta’ Ottubru 2016 u jressqu quddiem il-ġustizzja lil dawk responsabbli, iżda li dan għandu jsir skont l-istandards u l-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem;

2.  Iħeġġeġ lill-forzi militari u tas-sigurtà biex iwaqqfu immedjatament il-qtil, l-intimidazzjoni u l-istupru tal-persuni Rohingya, u l-ħruq ta’ djarhom;

3.  Jilqa’ t-tħabbir mill-Gvern tal-Myanmar b’rabta mat-twaqqif ta’ Kummissjoni ta’ Inkjesta dwar il-vjolenza reċenti fl-Istat ta’ Rakhine; jitlob lill-Gvern tal-Myanmar biex jippermetti lin-NU u osservaturi oħrajn minn barra jgħinu fl-investigazzjoni ta’ avvenimenti reċenti fid-Distrett ta’ Maungdaw fl-Istat ta’ Rakhine, inklużi l-attakki tad-9 ta’ Ottubru 2016 u l-azzjonijiet tal-gvern wara dawn l-attakki; jissottolinja l-ħtieġa li wieħed jipproċedi kif xieraq kontra dawk responsabbli, u li jiġi pprovdut rimedju adegwat għall-vittmi ta’ ksur;

4.  Jinsisti li dan ikun biss l-ewwel pass f’impenn usa’ sabiex tintemm l-impunità għal delitti kontra l-minoranza Rohingya; huwa partikolarment iddiżgustat bir-rapporti ta’ vjolenza sesswali bħala mezz ta’ intimidazzjoni u arma tal-gwerra fit-trażżin tal-minoranza Rohingya, u jitlob il-prosekuzzjoni ta’ dawk li jwettqu dawn id-delitti;

5.  Jitlob, barra minn hekk, li l-Gvern tal-Myanmar jippermetti b’mod immedjat lill-għajnuna umanitarja tilħaq iż-żoni kollha ta’ kunflitt u lill-persuni spostati kollha;

6.  Jitlob lill-gvern u l-awtoritajiet ċivili tal-Myanmar biex immedjatament itemmu d-diskriminazzjoni u s-segregazzjoni terribbli tal-minoranza Rohingya;

7.  Jitlob, għalhekk, lill-Gvern tal-Myanmar biex jirriforma l-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza tal-1982 u biex terġa’ tingħata ċ-ċittadinanza lill-minoranza Rohingya; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Myanmar u lill-awtoritajiet tal-Istat ta' Rakhine biex jibdew minnufih jirreġistraw it-tfal mat-twelid;

8.  Jistieden lill-Gvern tal-Myanmar ineħħi r-restrizzjonijiet diskriminatorji u sproporzjonati kollha fl-Istat ta’ Rakhine;

9.  Jistieden lill-Gvern tal-Myanmar jiġġieled it-traffikar tal-persuni u l-kriminalità organizzata transnazzjonali;

10.  Jistieden lill-Gvern tal-Myanmar itejjeb il-kooperazzjoni tiegħu man-NU, inklużi l-UNHCR u d-detenturi tal-Mandat tal-Proċeduri Speċjali; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Myanmar jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tar-Riżoluzzjoni 31/24 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar; jitlob lill-Gvern tal-Myanmar jistieden lill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem biex jiftaħ uffiċċju fil-pajjiż, b’mandat sħiħ u persunal adegwat;

11.  Jistieden lill-Gvern tal-Myanmar jikkundanna b’mod ċar kull inċitament għall-mibegħda razzjali jew reliġjuża, jieħu passi biex itemm id-diskors ta’ mibegħda, inkluż minn gruppi Buddisti radikali, u jikkumbatti d-diskriminazzjoni u l-ostilità kontra l-minoranza Rohingya; jistieden, barra minn hekk, lill-Gvern tal-Myanmar jirrispetta d-dritt universali għal-libertà ta’ reliġjon jew ta’ twemmin;

12.  Jistieden lir-rebbieħa tal-Premju Sakharov, Aung San Suu Kyi, tuża l-pożizzjoni importanti tagħha fil-Gvern tal-Myanmar biex ittejjeb is-sitwazzjoni tal-minoranza Rohingya; ifakkar fid-dikjarazzjoni tat-18 ta' Mejju 2015 mill-kelliem tal-partit ta' Aung San Suu Kyi li l-Gvern tal-Myanmar għandu jagħti ċ-ċittadinanza lill-minoranza Rohingya;

13.  Jirrakkomanda li l-gvernijiet tal-pajjiżi li jaffrontaw l-influss ta’ rifuġjati Rohingya jikkooperaw mill-qrib mal-UNHCR, li għandu l-kompetenza teknika biex jiskrinja għall-istatus ta’ rifuġjat u l-mandat li jipproteġi lir-rifuġjati u l-persuni apolidi; iħeġġeġ lil dawk il-pajjiżi jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-refoulement u ma jimponux it-tluq lura tar-rifuġjati Rohingya, għall-inqas sakemm ma tinstabx soluzzjoni sodisfaċenti u dinjituża għas-sitwazzjoni tagħhom; jistieden b’mod partikulari lill-Bangladesh jippermetti d-dħul ta’ rifuġjati Rohingya, filwaqt li jirrikonoxxi l-isforzi li diġà saru mill-Bangladesh biex jospita diversi mijiet ta’ eluf ta’ rifuġjati;

14.  Jilqa' l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2016 dwar strateġija tal-UE fil-konfront tal-Myanmar; jemmen li l-UE tassew għandha interess strateġiku fit-tisħiħ tar-relazzjoni tagħha mal-Myanmar; jemmen li l-Gvern il-ġdid għandu opportunità storika kif ukoll dover li jikkonsolida d-demokrazija u jikseb il-paċi, ir-rikonċiljazzjoni nazzjonali u l-prosperità; huwa tal-fehma li l-approfondiment ulterjuri tar-relazzjoni bejn l-UE u l-Myanmar għandu jkun kondizzjonali fuq titjib reali tad-drittijiet tal-bniedem f’dak il-pajjiż;

15.  Itenni, barra minn hekk, l-appelli fil-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-bini ta’ istituzzjonijiet demokratiċi effettivi u soċjetà ċivili b’saħħitha, ir-rispett tad-drittijiet u l-libertajiet bażiċi, u l-promozzjoni ta’ governanza tajba;

16.  Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex ikompli d-djalogu bilaterali regolari dwar id-drittijiet tal-bniedem u biex jiddiskuti s-sitwazzjoni fir-rigward tal-leġiżlazzjoni problematika u d-diskriminazzjoni tal-minoranzi, b’mod partikolari l-minoranza Rohingya, fid-dettall u biex jirrapporta lura lill-Parlament Ewropew dwar ir-riżultat ta’ dawn id-diskussjonijiet;

17.  Jitlob lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex ikomplu bl-appoġġ tagħhom għall-istrutturi demokratiċi ġodda tal-Myanmar u jiffokaw b’mod partikolari fuq il-kooperazzjoni teknika biex jgħinu fit-titjib ta’ diversi funzjonijiet tal-istat;

18.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu jwettqu skrutinju tal-Myanmar fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU taħt punt 4 tal-aġenda;

19.  Jistieden lill-UE tappoġġja lill-UNHRC fl-isforzi tiegħu biex jgħin lir-rifuġjati Rohingya fin-Nofsinhar u x-Xlokk tal-Asja;

20.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw il-Pjan ta' Azzjoni Globali 2014-24 tal-UNHRC biex Tintemm l-Apolidija;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u lill-Parlament tal-Myanmar, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lis-Segretarju Ġenerali tal-ASEAN, lill-Kummissjoni Intergovernattiva dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-ASEAN, lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU.

(1) Testi adottati, P8_TA(2016)0316.


Oqbra tal-massa fl-Iraq
PDF 273kWORD 52k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2016 dwar l-oqbra tal-massa fl-Iraq (2016/3028(RSP))
P8_TA(2016)0507RC-B8-1344/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-27 ta' Ottubru 2016 dwar is-sitwazzjoni fit-Tramuntana tal-Iraq/Mosul(1), tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq(2), tat-18 ta' Settembru 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq u fis-Sirja, u l-offensiva tal-IS, inkluża l-persekuzzjoni tal-minoranzi(3), tat-12 ta' Frar 2015 dwar il-kriżi umanitarja fl-Iraq u s-Sirja, b'mod partikolari fil-kuntest tal-IS(4), tat-12 ta' Marzu 2015 dwar l-attakki u ħtif reċenti minn ISIS/Da'esh fil-Lvant Nofsani, b'mod partikolari tal-Assirjani(5), u tal-4 ta' Frar 2016 dwar il-qtil tal-massa sistematiku ta' minoranzi reliġjużi mill-hekk imsejħa 'ISIS/Da'esh'(6),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta' Mejju 2016 dwar l-Istrateġija Reġjonali tal-UE għas-Sirja u l-Iraq kif ukoll għat-theddida tad-Da'esh, tal-14 ta' Diċembru 2015 dwar l-Iraq, tas-16 ta' Marzu 2015 dwar l-Istrateġija Reġjonali tal-UE għas-Sirja u l-Iraq kif ukoll għat-theddida tal-ISIS/Da'esh, tal-20 ta' Ottubru 2014 dwar il-kriżi tal-ISIS/Da'esh fis-Sirja u fl-Iraq, tal-14 ta' April 2014 u tat-12 ta' Ottubru 2015 dwar is-Sirja, u tal-15 ta' Awwissu 2014 dwar l-Iraq, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-30 ta' Awwissu 2014 dwar l-Iraq u s-Sirja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar l-Iraq u s-Sirja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Uffiċċju tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Missjoni ta' Assistenza tan-NU għall-Iraq (UNAMI) bit-titolu "A Call for Accountability and Protection: Yezidi Survivors of Atrocities Committed by ISIL" (Talba għal Responsabbiltà u Protezzjoni: Superstiti Yazidi ta' Atroċitajiet Imwettqa mill-ISIL) ta' Awwissu 2016,

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali tal-1998 u d-dispożizzjonijiet tiegħu dwar il-ġurisdizzjoni fir-rigward tad-delitt ta' ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità, id-delitti tal-gwerra u d-delitt ta' aggressjoni,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Iraq,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2253 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu li jagħti l-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb 2016 lill-attivisti Yazidi Iraqin u li kienu miżmuma priġunieri mill-ISIS/Da'esh, Nadia Murad u Lamiya Aji Bashar,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi f'Awwissu 2014 l-ISIS/Da'esh attakka lil komunitajiet Yazidi madwar il-belt ta' Sinjar fil-provinċja ta' Nineveh fl-Iraq, fejn kien irrappurtat li nqatlu eluf ta' nies; billi nstabu diversi oqbra tal-massa wara li forzi Kurdi ħadu lura żoni fit-Tramuntana tal-Muntanja Sinjar f'Diċembru 2014; billi, meta l-forzi Kurdi ħadu lura l-belt ta' Sinjar f'nofs Novembru 2015, instabu aktar siti ta' qtil u oqbra tal-massa evidenti;

B.  billi l-atroċitajiet imwettqa mill-ISIS/Da'esh b'mod sistematiku u mifrux kellhom fil-mira, u ppruvaw jeqirdu, lill-poplu Yazidi; billi, skont id-dritt internazzjonali, b'mod partikolari b'konformità mal-Artikolu II tal-Konvenzjoni tan-NU tal-1948 dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju, tali atroċitajiet jikkostitwixxu ġenoċidju;

C.  billi mal-Parlament, li fl-4 ta' Frar 2016 irrikonoxxa li l-ISIS/Da'esh qed iwettaq ġenoċidju kontra l-Insara u l-Yazidi u persuni oħra li jappartjenu għal minoranzi reliġjużi u etniċi, issieħbu l-Kunsill tal-Ewropa, id-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti, il-Kungress tal-Istati Uniti, il-Parlament tar-Renju Unit, il-Parlament Awstraljan u istituzzjonijiet nazzjonali u internazzjonali oħra fir-rikonoxximent li l-atroċitajiet imwettqa mill-ISIS/Da'esh kontra minoranzi reliġjużi u etniċi fl-Iraq jinkludu delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidju;

D.  billi l-Pjanura ta' Nineveh, Tal Afar u Sinjar, kif ukoll ir-reġjun usa', ilhom art twelid l-antenati ta' gruppi Nsara (Kaldej/Sirjaki/Assirjani), Yazidi, Għarab Sunniti u Xiiti, Kurdi, Shabak, Turkmeni, Kaka'i, Sabejani-Mandjani u oħrajn, fejn huma għexu għal sekli sħaħ fi spirtu ta' pluraliżmu ġenerali, stabilità u kooperazzjoni komunali, minkejja perjodi ta' vjolenza u persekuzzjoni esterni, sal-bidu ta' dan is-seklu u l-okkupazzjoni ta' parti kbira tar-reġjun mill-ISIS/Da'esh fl-2014;

E.  billi mis-27 ta' Ottubru 2016 l-ISIS/Da'esh beda jieħu lin-nisa maħtufa, inklużi in-nisa Yazidi, lejn il-bliet ta' Mosul u Tel Afar; billi ġie rrappurtat li wħud minn dawn in-nisa kienu "mqassma" lil ġellieda tal-ISIS/Da'esh, filwaqt li oħrajn ġew infurmati li se jintużaw biex jakkumpanjaw il-konvojs tal-ISIS/Da'esh;

F.  billi l-protezzjoni, il-preservazzjoni u l-analiżi tal-oqbra kollha tal-massa fl-Iraq, kif ukoll fis-Sirja, huma essenzjali għall-preservazzjoni u l-ġbir ta' evidenza ta' delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidju mwettqa mill-ISIS/Da'esh u sabiex l-awturi tad-delitti jwieġbu għal għemilhom; billi jenħtieġ li l-qraba tal-vittmi jingħataw appoġġ psikoloġiku u loġistiku;

G.  billi diversi organizzazzjonijiet lokali qed jiddokumentaw id-delitti tal-ISIS/Da'esh kontra l-komunità Yazidi, iżda għandhom biss kapaċità limitata; billi, skont organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem bħal Human Rights Watch, l-ebda espert forensiku internazzjonali ma wettaq ħidma fiż-żona, minkejja l-appoġġ politiku għal tali missjoni minn għadd ta' pajjiżi, inklużi l-Istati Uniti u l-Ġermanja;

H.  billi l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem iddikjara, fil-11 ta' Novembru 2016 li, "Billi s-sitwazzjoni fl-Iraq tinġieb quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali; billi l-qrati Iraqin jingħataw ġurisdizzjoni fuq id-delitti internazzjonali; billi tiġi riformata s-sistema tal-ġustizzja kriminali u billi tissaħħaħ il-kapaċità tal-uffiċjali ġudizzjarji li jiddokumentaw, jinvestigaw u jipproċedu kontra ksur, il-Gvern tal-Iraq jista' jiżgura l-ġustizzja u jassigura l-pedamenti għal paċi dejjiema għall-pajjiż. In-nuqqas li dan isir jista' jipperikola serjament il-paċi u s-sigurtà fit-tul li ħaqqu l-poplu tal-Iraq";

I.  billi l-armata Iraqija, bl-appoġġ tal-koalizzjoni dinjija kontra l-ISIS/Da'esh u l-forzi Peshmerga tal-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan (KRG), tat bidu għal operazzjoni biex tillibera lil Mosul, it-tieni l-akbar belt tal-Iraq, u lill-bqija tat-territorju Iraqi li għadu taħt l-okkupazzjoni tal-ISIS/Da'esh;

1.  Jikkundanna mingħajr riżerva l-atroċitajiet u l-ksur flagranti kontinwi tad-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-ISIS/Da'esh; jinnota b'dispjaċir kbir ħafna l-iskoperti kontinwi ta' oqbra tal-massa ġodda fl-Iraq u s-Sirja, li huma evidenza tal-atti ta' terrur imwettqa mill-ISIS/Da'esh; jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lil dawk kollha fl-Iraq li tilfu lil qrabathom b'riżultat tad-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra mwettqa mill-ISIS/Da'esh u l-affiljati tiegħu;

2.  Jappella b'mod qawwi lill-komunità internazzjonali, b'mod partikolari lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, biex tikkunsidra l-oqbra tal-massa rrappurtati fl-Iraq bħala evidenza ulterjuri ta' ġenoċidju u biex tibda proċedimenti kontra l-ISIS/Da'esh quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI);

3.  Jistieden lill-awtoritajiet Iraqin, inkluż il-KRG, jieħdu passi urġenti biex jipproteġu l-oqbra madwar il-Muntanja Sinjar li saru aċċessibbli wara li ż-żona reġgħet ittieħdet mill-ISIS/Da'esh, u jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jippreservaw l-evidenza ta' delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità mwettqa mill-ISIS/Da'esh, sabiex tiġi żgurata r-responsabbiltà;

4.  Jistieden lill-awtoritajiet Iraqin jistiednu lil esperti forensiċi internazzjonali, fosthom dawk b'esperjenza ta' ħidma quddiem tribunali kriminali, jimmappjaw l-oqbra tal-massa kollha u jgħinu fil-preservazzjoni u l-analiżi tal-evidenza misjuba f'oqbra tal-massa li saru aċċessibbli, peress li l-eżumazzjonijiet mingħajr esperti forensi jistgħu jeqirdu evidenza kritika u jikkomplikaw bil-kbir l-identifikazzjoni tal-iġsma;

5.  Jitlob lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lil donaturi internazzjonali potenzjali oħra jiffaċilitaw u jagħtu l-appoġġ sħiħ tagħhom lill-Gvern tal-Iraq biex jistabbilixxi r-riżorsi umani u l-infrastruttura meħtieġa għall-preservazzjoni u l-analiżi ta' evidenza li tista' tkun vitali għal proċessi ta' responsabbiltà nazzjonali u internazzjonali fil-futur bl-għan li jindirizzaw delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidju;

6.  Huwa partikolarment allarmat dwar is-sitwazzjoni tan-nisa u tat-tfal fil-kunflitt, b'mod partikolari tan-nisa u t-tfal Yazidi li huma vittmi ta' persekuzzjoni, eżekuzzjonijiet, tortura, sfruttament sesswali u atroċitajiet oħra; jinsisti li għandha ssir disponibbli firxa sħiħa ta' servizzi mediċi, b'mod partikolari għall-vittmi ta' stupru; jitlob, bħala kwistjoni ta' urġenza, li l-UE u l-Istati Membri tagħha jaħdmu mill-qrib mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u jappoġġjawha għal dan l-għan; jitlob li jinħelsu minnufih in-nisa u t-tfal kollha li għadhom qed jinżammu priġunieri mill-ISIS/Da'esh;

7.  Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu lill-armata Iraqija, lill-armati tal-koalizzjoni dinjija kontra l-ISIS/Da'esh, lill-forzi Peshmerga tal-KRG u lill-alleati tagħhom fl-isforzi tagħhom biex jilliberaw lil Mosul u lil partijiet oħra tal-pajjiż mill-preżenza tal-ISIS/Da'esh, u jtenni wkoll l-appoġġ tiegħu għall-indipendenza, l-integrità territorjali u s-sovranità tal-Iraq;

8.  Ifakkar li l-awtoritajiet Iraqin iridu jieħdu passi konkreti sabiex jipproteġu l-popolazzjoni ċivili matul il-kampanja, anke billi jieħdu l-prekawzjonijiet fattibbli kollha biex jiġi evitat li jkun hemm vittmi ċivili u ksur tad-drittijiet tal-bniedem matul l-attakk; jenfasizza li l-forzi fil-post iridu josservaw id-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem matul l-operazzjonijiet tagħhom;

9.  Jesprimi l-appoġġ tiegħu lir-Repubblika tal-Iraq u lill-poplu ta' dan il-pajjiż fir-rikonoxximent ta' provinċja politikament, soċjalment u ekonomikament vijabbli u sostenibbli fir-reġjuni tal-Pjanura ta' Nineveh, Tal Afar u Sinjar, bi qbil mal-espressjonijiet legali ta' awtonomija reġjonali, kif iggarantita mill-kostituzzjoni tal-Iraq;

10.  Jenfasizza li d-dritt tal-popli indiġeni spostati tal-Pjanura ta' Nineveh, Tal Afar u Sinjar – li ħafna minnhom huma spostati fl-Iraq – li jmorru lura lejn art l-antenati tagħhom għandu jkun prijorità politika tal-Gvern tal-Iraq, appoġġat mill-UE, inklużi l-Istati Membri tagħha, u l-komunità internazzjonali; jenfasizza li, bl-appoġġ tal-Gvern tal-Iraq u tal-KRG, dawn il-popli għandu jkollhom id-drittijiet tal-bniedem tagħhom, inkluża l-ugwaljanza politika, iggarantiti bis-sħiħ, kif ukoll id-drittijiet ta' proprjetà tagħhom, li għandhom jieħdu prijorità fuq kwalunkwe pretensjoni ta' drittijiet għall-proprjetà minn oħrajn;

11.  Iħeġġeġ lill-Iraq isir membru tal-QKI sabiex ikun possibbli li jinbdew proċedimenti kontra l-ISIS/Da'esh għal delitti tal-gwerra, ġenoċidju u delitti kontra l-umanità;

12.  Jistieden lill-komunità internazzjonali, inklużi l-Istati Membri tal-UE, biex jibdew proċedimenti kontra membri tal-ISIS/Da'esh fil-ġurisdizzjoni tagħhom, anke billi japplikaw il-prinċipju ta' ġurisdizzjoni universali;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Kunsill tar-Rappreżentanti tal-Iraq u lill-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan.

(1) Testi adottati, P8_TA(2016)0422.
(2) Testi adottati, P7_TA(2014)0171.
(3) ĠU C 234, 28.6.2016, p. 25.
(4) ĠU C 310, 25.8.2016, p. 35.
(5) ĠU C 316, 30.8.2016, p. 113.
(6) Testi adottati, P8_TA(2016)0051.


Pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma soġġetti għal jew huma eżentati mill-ħtieġa ta’ viża: reviżjoni tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni ***I
PDF 337kWORD 50k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2016 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa (reviżjoni tal-mekkaniżmu ta' sospensjoni) (COM(2016)0290 – C8-0176/2016 – 2016/0142(COD))
P8_TA(2016)0508A8-0235/2016

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2016)0290),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 77(2)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0176/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill permezz tal-ittra tas-7 ta’ Diċembru 2016 li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0235/2016)

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-15 ta' Diċembru 2016 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2017/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa (reviżjoni tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni)

P8_TC1-COD(2016)0142


(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, Regolament (UE) 2017/371.)


Miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità
PDF 378kWORD 56k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2016 dwar l-abbozz ta' direttiva ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li temenda l-Annessi I sa V tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (D047308/01 – 2016/3010(RSP))
P8_TA(2016)0509B8-1334/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' direttiva ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li temenda l-Annessi I sa V tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (D047308/01),

–  wara li kkunsidra id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta' Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-prodotti tal-pjanti, u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità(1), u b'mod partikolari l-punti (c) u (d) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 14 u l-Artikolu 18(2) tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti(3),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/715 tal-11 ta' Mejju 2016 li tistabbilixxi miżuri fir-rigward ta' ċertu frott f'xi pajjiżi terzi biex jipprevjenu l-introduzzjoni fl-Unjoni u t-tixrid tal-organiżmu ta' ħsara Phyllosticta citricarpa (McAlpine) Van der Aa(4);

–  wara li kkunsidra l-opinjoni xjentifika tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel tat-30 ta' Jannar 2014(5),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-abbozz ta' direttiva ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni għandha l-għan li temenda l-Annessi I sa V tad-Direttiva 2000/29/KE; billi d-Direttiva 2000/29/KE se titħassar u tiġi sostitwita bir-Regolament (UE) 2016/2031 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti hekk kif ir-regolament isir applikabbli;

B.  billi l-abbozz ta' direttiva ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni tmur kontra l-objettivi tar-Regolament (UE) Nru 2016/2031, peress li timmina r-rekwiżiti għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta' ċertu frott suxxettibbli għall-pesti, b'mod partikolari fir-rigward tat-tikek suwed fuq iċ-ċitru u l-kankru taċ-ċitru (Xanthomonas citri);

1.  Iqis li l-abbozz ta' direttiva ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni mhuwiex konsistenti mad-Dritt tal-Unjoni, fis-sens li mhuwiex kompatibbli mal-objettiv tar-Regolament (UE) Nru 2016/2031, li huwa li jiġu determinati r-riskji fitosanitarji maħluqa minn kwalunkwe speċi, varjant jew bijotip ta' aġenti patoġeniċi, annimali jew pjanti parassiti noċivi għall-pjanti jew għall-prodotti mill-pjanti ("pesti") u miżuri li jnaqqsu dawn ir-riskji għal livell aċċettabbli; ifakkar, f'dan ir-rigward, li r-Regolament (UE) Nru 2016/2031, hekk kif isir applikabbli (jiġifieri fl-14 ta' Diċembru 2019), se jħassar u jissostitwixxi d-Direttiva 2000/29/KE;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni temenda l-abbozz ta' direttiva ta' implimentazzjoni tagħha(6) kif ġej:

Abbozz ta' direttiva ta' implimentazzjoni   Modifika
Modifika 1
Abbozz ta' direttiva ta' implimentazzjoni
Anness – paragrafu 4(a)(i) – punt 6 – punt 16.2. – punt (e)
or
imħassar
(e)  in the case of fruits destined for processing, official inspections prior to export have shown that the fruits are free from symptoms of Xanthomonas citri pv. citri and Xanthomonas citri pv. aurantifolii,
and
transport and processing takes place under conditions, approved in accordance with the procedure referred to in Article 18(2).
Modifika 2
Abbozz ta' direttiva ta' implimentazzjoni
Anness – paragrafu 4(a)(i) – punt 7 – punt 16.4. – punt (d) – punt 4a (ġdid)
L-introduzzjoni fl-Unjoni ta' frott speċifikat li joriġina f'pajjiżi terzi
Frott speċifikat li joriġina f'pajjiżi terzi għandu jkun akkumpanjat minn ċertifikat fitosanitarju, kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-punt (ii) tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2000/29/KE, bl-inklużjoni tal-elementi li ġejjin taħt l-intestatura "Dikjarazzjoni addizzjonali":
(i)  dikjarazzjoni li l-frott joriġina f'erja ta' produzzjoni li kienet ġiet soġġetta għal trattamenti xierqa kontra l-Phyllosticta citricarpa u metodi ta' kultivazzjoni mwettqa fi żmien debitu mill-bidu tal-aħħar ċiklu ta' veġetazzjoni, li għandha tiġi adottata skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 18(2);
(ii)  dikjarazzjoni li tkun saret ispezzjoni uffiċjali adegwata fl-erja ta' produzzjoni waqt l-istaġun tat-tkabbir, u li ma jkun instab l-ebda sintomu ta' Phyllosticta citricarpa fil-frott speċifikat mill-bidu tal-aħħar ċiklu ta' veġetazzjoni;
(iii)  dikjarazzjoni li jkun ittieħed kampjun tul iż-żmien bejn il-wasla u l-ippakkjar fil-faċilitajiet ta' ppakkjar ta' mill-inqas 600 frotta ta' kull speċi għal kull 30 tunnellata, jew parti minnha, magħżula kemm jista' jkun abbażi ta' kwalunkwe sintomu possibbli ta' Phyllosticta citricarpa, u l-frott kollu li jkun ittieħed kampjun tiegħu u li juri sintomi jkun ġie eżaminat u misjub ħieles minn dak l-organiżmu ta' ħsara;
(iv)  fil-każ ta' Citrus sinensis (L.) Osbeck 'Valencia', flimkien mad-dikjarazzjonijiet imsemmija f'(a), (b) u (c): dikjarazzjoni li kampjun għal kull 30 tunnellata, jew parti minnu, ikun ġie ttestjat għal infezzjoni moħbija u misjub ħieles minn Phyllosticta citricarpa.
Rekwiżiti li jikkonċernaw l-ispezzjoni ta' frott speċifikat li joriġina f'pajjiżi terzi fi ħdan l-Unjoni
Frott speċifikat li joriġina f'pajjiżi terzi għandu jiġi spezzjonat viżwalment fil-punt tad-dħul jew fil-post ta' destinazzjoni stabbilit f'konformità mad-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/103/KE. Dawn l-ispezzjonijiet għandhom isiru fuq kampjuni ta' 200 frotta ta' kull speċi ta' frott speċifikat, f'lottijiet ta' 30 tunnellata, jew parti minnhom, magħżula abbażi ta' kwalunkwe sintomu possibbli ta' Phyllosticta citricarpa. Jekk sintomi ta' Phyllosticta citricarpa jiġu identifikati waqt l-ispezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1, il-preżenza ta' dak l-organiżmu ta' ħsara għandha tiġi kkonfermata jew imwarrba permezz tal-ittestjar tal-frott li juri sintomi. Jekk il-preżenza ta' Phyllosticta citricarpa tkun konfermata, il-lott li jkun ittieħed minnu l-kampjun għandu jkun soġġett għal rifjut ta' dħul fl-Unjoni.
Rekwiżiti ta' traċċabbiltà
Għal finijiet ta' traċċabbiltà, il-frott speċifikat għandu jiġi introdott fl-Unjoni biss jekk jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:
(i)  l-erja ta' produzzjoni, il-faċilitajiet tal-ippakkjar, l-esportaturi u kwalunkwe operatur ieħor involut fit-trattament tal-frott speċifikat ikunu ġew irreġistrati uffiċjalment għal dak il-għan;
(ii)  matul il-passaġġ tiegħu mill-erja ta' produzzjoni sal-punt tad-dħul fl-Unjoni, il-frott speċifikat ikun ġie akkumpanjat b'dokumenti maħruġin taħt is-sorveljanza tal-Organizzazzjoni nazzjonali tal-Protezzjoni tal-Pjanti;
(iii)  fil-każ tal-frott speċifikat li joriġina f'pajjiżi terzi, minbarra l-punti (a) u (b), tkun inżammet informazzjoni dettaljata dwar it-trattamenti ta' qabel u ta' wara l-ħsad
Modifika 3
Abbozz ta' direttiva ta' implimentazzjoni
Anness – paragrafu 4(a)(i) – punt 7 – punt 16.4. – punt (e)
or
imħassar
(e)  in the case of fruits destined for processing, official visual inspections prior to export have shown that the fruits are free from symptoms of Phyllosticta citricarpa (McAlpine) Van der Aa,
and
a statement that the specified fruits originate in a field of production subjected to appropriate treatments against Phyllosticta citricarpa carried out at the appropriate time is included in the certificates referred to in Article 13(1)(ii) under the rubric “Additional declaration”,
and
transport and processing takes place under conditions, approved in accordance with the procedure referred to in Article 18(2).
Modifika 4
Abbozz ta' direttiva ta' implimentazzjoni
Anness – paragrafu 4(a)(i) – punt 8 – punt 16.4. – punt (d)
(d)  have been subjected to an effective treatment to ensure freedom from Thaumatotibia leucotreta (Meyrick). The treatment data to be indicated on the certificates referred to in Article 13(1) (ii).
(d)  ġew soġġetti għal trattament effettiv biex jassiguraw il-ħelsien minn Thaumatotibia leucotreta (Meyrick). Fil-każ ta' frott ta' Citrus L., għajr Citrus limon (L.) Osbeck. u Citrus aurantifolia (Christm.) Swingle, dikjarazzjoni uffiċjali li l-frott ikun ġie suġġett għal trattament bil-kesħa (24 jum f'0.55°C bi 3 ijiem ta' tkessiħ minn qabel) jew għal trattament alternattiv, sostenibbli u effettiv li għandu l-istess effett, u li jkun ġie vvalidat skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 18(2), abbazi ta’ valutazzjoni tal-EFSA, biex tiġi żgurata l-assenza ta' Thaumatotibia leucotreta (Meyrick). Id-dejta dwar it-trattament li għandha tiġi indikata fiċ-ċertifikati msemmija fl-Artikolu 13(1)(ii).

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.
(2) ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.
(3)3 ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4.
(4) ĠU L 125, 13.05.2016, p. 16.
(5) Scientific opinion, on request from the European Commission (Question No EFSA-Q-2013-00334), on the risk of Phyllosticta citricarpa (Guignardia citricarpa) for the EU territory with identification and evaluation of risk reduction options. EFSA Journal 2014; 12(2): 3557.
(6) Il-Kummissjoni ttrażmettiet biss il-verżjoni Ingliża tal-abbozz ta' direttiva ta' implimentazzjoni tagħha lill-Parlament, peress li l-abbozz ma kienx ġie tradott fil-lingwi uffiċjali l-oħra.


Appoġġ għall-vittmi tat-thalidomide
PDF 351kWORD 53k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2016 dwar l-appoġġ għas-superstiti tat-thalidomide (2016/3029(RSP))
P8_TA(2016)0510B8-1341/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-emendar mistenni tal-Att dwar il-Fondazzjoni tat-Thalidomide, li jista' jintuża mill-Gvern Ġermaniż biex jippermetti lil dawk is-superstiti tat-thalidomide li ġew akkreditati bħala tali minn skemi fiduċjarji maħtura mill-qrati, jew inkella huma benefiċjarji ta' skemi ta' gvernijiet nazzjonali, ikollhom aċċess kollettiv għall-Fond Speċjali tas-Saħħa tal-Conterganstiftung (Fondazzjoni tat-Thalidomide) tal-Ġermanja,

–  wara li kkunsidra d-Digriet Irjali Spanjol 1006/2010 tal-5 ta' Awwissu 2010, li jirregola l-proċedura għall-għoti ta' għajnuna lil persuni affettwati mit-thalidomide fi Spanja matul il-perjodu 1960-1965,

–  wara li kkunsidra l-għadd approssimattiv ta' superstiti tat-thalidomide fl-UE (madwar 2 700 ruħ fil-Ġermanja (sors: il-Gvern Ġermaniż), madwar 500 ruħ fl-Italja (sors: VITA – Associazione Vittime Italiane Thalidomide), 500 ruħ fir-Renju Unit, 100 ruħ fl-Iżvezja (sors: studju ta' DLA Piper), u 200 ruħ fi Spanja (sors: Avite Spain)),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Università ta' Heidelberg bit-titolu ‘Wiederholt durchzuführende Befragungen zu Problemen, speziellen Bedarfen und Versorgungsdefiziten von contergangeschädigten Menschen (2010-2013)’ (Stħarriġ li għandu jsir ripetutament dwar il-problemi, il-ħtiġijiet speċjali u n-nuqqasijiet ta' kura esperjenzati mill-vittmi tat-thalidomide), li jagħti tagħrif dettaljat dwar il-problemi jikbru tas-saħħa, il-ħtiġijiet speċifiċi u n-nuqqasijiet fl-appoġġ għas-superstiti tat-thalidomide,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Firefly ta' Jannar 2015 li rrileva d-deterjorament fis-saħħa fiżika u emozzjonali tas-superstiti tat-thalidomide u l-ħtiġijiet futuri tagħhom(1),

–  wara li kkunsidra r-rapport ikkummissjonat mid-Dipartiment tas-Saħħa tal-Istat Ġermaniż ta' Nordrhein-Westfalen f'Mejju 2015, li jinvestiga l-kwalita tal-ħajja ta' superstiti tat-thalidomide u jipprevedi l-ħtiġijiet tagħhom fil-ġejjieni (Rapport tal-Università ta’ Cologne)(2),

–  wara li kkunsidra l-Ittri Miftuħa mill-Presidenti tal-gruppi politiċi tal-Parlament Ewropew, li jenfasizzaw li s-superstiti tat-thalidomide jgħixu b'uġigħ kroniku debilitanti u jbatu minn ħtiġijiet mhux moqdija,

–  wara li kkunsidra l-konferenza stampa li saret fis-27 ta' Mejju 2015 fil-Parlament Ewropew fi Brussell, li matulha Membri tal-PE mill-gruppi politiċi kollha saħqu fuq il-ħtieġa li s-superstiti tat-thalidomide jingħataw appoġġ għall-ħtiġijiet tas-saħħa tagħhom(3),

–  wara li kkunsidra ċ-ċelebrazzjonijiet kommemorattivi tal-UE f'Settembru 2015, fl-okkażjoni tal-50 sena mill-adozzjoni tal-ewwel regolamenti farmaċewtiċi fl-Ewropa bl-għan li jipproteġu ċ-ċittadini tal-UE, li huwa rikonoxximent ulterjuri li leġiżlazzjoni farmaċewtika effikaċi hija legat dejjiemi għall-eluf ta' mwiet ta' trabi tat-twelid u għad-difetti gravi fit-twelid li rriżultaw mill-konsum tat-thalidomide matul it-tqala,

–  wara li kkunsidra l-Mistoqija lill-Kummissjoni (O-000035/2016 – B8-0120/2016) u lid-dibattitu fil-plenarja dwar it-thalidomide fid-9 ta’ Marzu 2016,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-5 ta' Marzu 2015 mill-uffiċċju tal-avukati internazzjonali Ince and Co., li tiddeskrivi kif in-nuqqas ta' sorveljanza farmaċewtika u t-tneħħija ta' evidenza dwar l-effetti tat-thalidomide kellhom impatt fuq is-saħħa tal-vittmi tal-mediċina(4),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' Ġunju 2016 tal-Gvern Federali Ġermaniż dwar il-ħtieġa li tittieħed responsabbiltà għas-superstiti tat-thalidomide u li dawn jingħataw appoġġ mhux burokratiku(5),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-mediċina thalidomide kienet ikkummerċjalizzata minn Chemie Grünenthal GmbH fi tmiem il-ħamsinijiet u fil-bidu tas-sittinijiet bħala mediċina sikura għat-trattament tad-dardir ta' filgħodu, l-uġigħ ta' ras, is-sogħla, l-insomnja u l-irjiħat; billi rriżultat fil-mewt u l-malformazzjoni ta' eluf ta' trabi meta ttieħdet minn nisa tqal f'ħafna pajjiżi Ewropej;

B.  billi dokumenti minn żmien l-iskandlu tat-thalidomide, li ġew ivverifikati b'mod indipendenti mill-uffiċċju tal-avukati internazzjonali Ince and Co., juru li kien hemm nuqqas kbir ta' sorveljanza farmaċewtika effikaċi fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, bil-kontra ta' pajjiżi oħra bħall-Istati Uniti tal-Amerika, Franza, il-Portugall u t-Turkija;

C.  billi riċerka vverifikata b'mod indipendenti(6) twassal għal inferenza ineżorabbli li fl-1970, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja interferiet fil-proċedimenti kriminali kontra Chemie Grünenthal GmbH, il-manifattur Ġermaniż tat-thalidomide, u, b'konsegwenza, ma setgħetx tiġi stabbilita sew il-ħtija tal-manifattur; billi, barra minn hekk, ittieħdu passi biex jiġu evitati proċedimenti ċivili kontra din il-kumpanija, li probabbilment ma ppermettewx li ssir ġustizzja mal-vittmi jew li dawn jingħataw appoġġ finanzjarju xieraq għall-problemi tas-saħħa kurrenti u futuri tagħhom;

D.  billi rapporti indipendenti ppubblikati reċentement fil-Ġermanja (Rapport tal-Università ta' Heidelberg u Rapport tal-Università ta' Cologne) u fir-Renju Unit (Rapport Firefly) jikkonkludu li s-superstiti tat-thalidomide jeħtieġu aktar appoġġ għall-ħtiġijiet tas-saħħa mhux moqdija tagħhom, għall-mobilità u għal għajxien indipendenti, peress li ġisimhom qed jiddeterjora rapidament minħabba n-natura tad-diżabilitajiet tagħhom u n-nuqqas ta' appoġġ matul is-snin sa minn twelidhom;

E.  filwaqt li jirrikonoxxi li, waqt li l-Ġermanja ġġorr responsabblità partikolari, gvernijiet nazzjonali oħra huma responsabbli wkoll biex jiżguraw it-trattament ġust tas-superstiti tat-thalidomide tagħhom stess;

F.  filwaqt li jirrikonoxxi li l-Presidenti tal-gruppi politiċi tal-Parlament Ewropew, f'Ittri Miftuħa, appoġġaw l-isforzi intiżi biex jgħinu lis-superstiti tat-thalidomide fir-rigward tal-ħtiġijiet tas-saħħa tagħhom;

G.  filwaqt li jfakkar fil-konferenza stampa li saret f'Mejju 2015 fi Brussell, appoġġata mill-gruppi politiċi kollha tal-Parlament Ewropew, li enfasizzat il-ħtiġijiet tas-saħħa li baqgħu ma nqdewx tas-superstiti tat-thalidomide;

H.  filwaqt li jfakkar illi fi Brussell, f'Settembru 2015, il-Kummissjoni ċċelebrat il-50 anniversarju mill-adozzjoni tal-ewwel biċċa leġiżlazzjoni farmaċewtika tal-UE, li fil-biċċa l-kbira nħolqot b'riżultat tal-iskandlu tat-thalidomide; filwaqt li jenfasizza li waqt li l-istrutturi regolatorji li ġew żviluppati sussegwentement kienu strumentali fil-protezzjoni ta' miljuni ta' ċittadini tal-UE minn diżastri simili matul l-aħħar 50 sena, is-superstiti tat-thalidomide ilhom jgħixu bil-konsegwenzi debilitanti u li jikkawżaw l-uġigħ tal-mediċina;

I.  filwaqt li jfakkar li matul id-dibattitu fil-plenarja fi Strasburgu f'Marzu 2016, Membri tal-PE mill-gruppi politiċi kollha enfasizzaw l-urġenza li jiġu appoġġati l-ħtiġijiet mhux moqdija tas-superstiti tat-thalidomide, u l-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari, Vytenis Andriukaitis, qal li jirrikonoxxi r-rieda li tinstab soluzzjoni xierqa għas-superstiti kollha tat-thalidomide li ttejjeb il-kwalità ta' ħajjithom;

J.  filwaqt li jinnota li issa hemm kemm l-opportunità kif ukoll ir-rieda fil-Parlament Ewropew u fil-Kummissjoni, skont standards etiċi u umanitarji, li jinstab rimedju għall-ħsara li saret minħabba n-nuqqas ta' kontroll farmaċewtiku u t-tneħħija sussegwenti tal-evidenza, li wasslu għat-traġedja tat-thalidomide;

K.  filwaqt li jtenni d-dikjarazzjoni li saret f'Ġunju 2016 mill-Gvern Federali Ġermaniż(7) li jrid jerfa' r-responsabbiltà u jipprovdi appoġġ finanzjarju, mingħajr proċeduri amministrattivi burokratiċi u testijiet individwali li jdumu ħafna;

L.  filwaqt li jinnota li l-Gvern Federali Ġermaniż irrikonoxxa wkoll, f'Ġunju 2016, li bidla fl-Att dwar il-Fondazzjoni tat-Thalidomide fil-Ġermanja kienet meħtieġa u fattibbli qabel Jannar 2017;

M.  filwaqt li jinnota li ħafna superstiti madwar l-UE spiss ma jkunux jistgħu japplikaw għal finanzjament biex ikopru l-ispejjeż tas-servizzi soċjali, li bħalissa huma l-akbar tħassib għas-superstiti tat-thalidomide li, illum li għandhom etajiet li jvarjaw bejn il-ħamsin u s-sebgħin sena, se jiġu bżonn dawn is-servizzi ħafna aktar spiss fis-snin li ġejjin, billi dawk li jieħdu ħsiebhom, li ħafna drabi jkunu s-sħab jew il-qraba tagħhom, jistgħu jimirdu jew imutu huma stess;

1.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jikkoordinaw azzjonijiet u miżuri intiżi biex is-superstiti tat-thalidomide jiġu rikonoxxuti formalment u jingħataw kumpens;

2.  Iħeġġeġ lill-Gvern Federali Ġermaniż juża l-opportunità ippreżentata mill-emendar mistenni tal-Att dwar il-Fondazzjoni tat-Thalidomide biex jippermetti lis-superstiti tat-thalidomide, li ġew akkreditati bħala tali minn skemi fiduċjarji maħtura mill-qrati, jew inkella huma benefiċjarji ta' skemi ta' gvernijiet nazzjonali, ikollhom aċċess għall-Fond Speċjali tas-Saħħa tal-Conterganstiftung für behinderte Menschen (Fondazzjoni tat-Thalidomide għal Persuni b'Diżabilitajiet) tal-Ġermanja;

3.  Jitlob li s-superstiti tat-thalidomide mir-Renju Unit, Spanja, l-Italja, l-Iżvezja u Stati Membri oħra jitħallew jużaw l-iskema fuq bażi ta' grupp meta l-istatus tagħhom bħala individwi affettwati mit-thalidomide ikun ġie aċċettat bħala bona fide f'pajjiżhom stess;

4.  Jitlob lill-awtoritajiet Spanjoli jirrieżaminaw il-proċess mibdi mill-gvern fl-2010, u jiffaċilitaw l-identifikazzjoni u l-kumpens xierqa tas-superstiti Spanjoli tat-thalidomide fl-iskema nazzjonali tagħhom, kif iddikjarat fil-Proposta Mhux Leġiżlattiva dwar il-Protezzjoni ta' Persuni Affettwati mit-Thalidomide (161/000331), approvata b'mod unanimu mill-Kungress Spanjol fl-24 ta' Novembru 2016;

5.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni toħloq protokoll qafas fil-livell Ewropew, li permezz tiegħu ċ-ċittadini Ewropej kollha affettwati mit-thalidomide jirċievu ammonti simili ta' kumpens, irrispettivament minn liema Stat Membru jkunu ġejjin, u tfassal programm tal-UE ta' assistenza u appoġġ (inklużi dispożizzjonijiet kemm finanzjarji kif ukoll ta' welfare) għall-vittmi tat-thalidomide u l-familji tagħhom;

6.  Jitlob lill-kumpanija Grünenthal terfa' r-responsabbiltajiet tagħha billi tipprovdi kumpens u kura xierqa lil dawk il-vittmi li għad iridu jiġu rikonoxxuti, tirrevedi l-proċess għar-rikonoxximent tal-istatus ta' vittma, u tibda djalogu mal-vittmi sabiex tissewwa l-ħsara kkawżata;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri.

(1) http://www.thalidomidetrust.org/wp-content/uploads/2014/01/Firefly-report-March-2015.pdf
(2) http://www.thalidomidetrust.org/wp-content/uploads/2016/04/The-Cologne-Report.pdf
(3) http://www.fiftyyearfight.org/latest/europe-speaks-loudly-with-one-voice:-press-conference
(4) http://www.fiftyyearfight.org/images/Appendix_1._Ince_letter.pdf
(5) http://www.bmfsfj.de/BMFSFJ/kinder-und-jugend,did=225796.html
(6) http://www.fiftyyearfight.org/images/Appendix_1._Ince_letter.pdf
(7) https://www.bmfsfj.de/bmfsfj/aktuelles/alle-meldungen/leistungen-sollen-gerechter-verteilt-werden/90418?view=DEFAULT


Mediċini pedjatriċi
PDF 268kWORD 52k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2016 dwar ir-Regolament dwar il-Mediċini Pedjatriċi (2016/2902(RSP))
P8_TA(2016)0511B8-1340/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1902/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1901/2006 dwar prodotti mediċinali għall-użu pedjatriku(1) ("ir-Regolament dwar il-Mediċini Pedjatriċi"),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titolu "Mediċini Aħjar għat-Tfal – Mill-Kunċett għar-Realtà – Rapport Ġenerali dwar l-esperjenza miksuba b'riżultat tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1901/2006 dwar prodotti mediċinali għal użu pedjatriku" (COM(2013)0443),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2016 dwar "It-tisħiħ tal-bilanċ fis-sistemi farmaċewtiċi fl-UE u l-Istati Membri tagħha",

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Panel ta' Livell Għoli tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Aċċess għall-Mediċini bit-titolu "Promoting innovation and access to health technologies" (Il-promozzjoni tal-innovazzjoni u l-aċċess għat-teknoloġiji tas-saħħa), ippubblikat f'Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar ir-rieżami tar-Regolament dwar il-Mediċini Pedjatriċi (O-000135/2016 – B8-1818/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-Regolament dwar il-Mediċini Pedjatriċi kellu impatt sostanzjali fuq l-iżvilupp tal-mediċini pedjatriċi, peress li l-biċċa l-kbira tal-kumpaniji farmaċewtiċi jikkunsidraw l-iżvilupp pedjatriku bħala parti integrali mill-iżvilupp ġenerali ta' prodott; billi l-għadd ta' proġetti ta' riċerka pedjatrika żdied konsiderevolment u billi issa hemm aktar informazzjoni ta' kwalità għolja disponibbli rigward l-użu pedjatriku ta' mediċini approvati; billi l-għadd relattiv ta' provi kliniċi pedjatriċi żdied ukoll;

B.  billi r-Regolament dwar il-Mediċini Pedjatriċi għen biex is-sitwazzjoni ġenerali titjieb u wassal għal benefiċċji tanġibbli fir-rigward ta' sensiela ta' mard tat-tfal; billi, madankollu, f'għadd ta' oqsma, b'mod partikolari fl-onkoloġija pedjatrika u n-neonatoloġija, ma sarx biżżejjed progress;

C.  billi l-kanċer fit-tfulija għadu l-akbar kawża ta' mewt mill-mard fit-tfal minn sena 'l fuq, u billi 6 000 żagħżugħ u żagħżugħa jmutu bil-kanċer kull sena fl-Ewropa; billi żewġ terzi ta' dawk li jibqgħu ħajjin ibatu minn effetti kollaterali relatati mat-trattament minħabba t-trattamenti eżistenti (li hu rappurtat li huma severi għal sa 50 % tas-superstiti) u billi hemm bżonn li l-kwalità tal-ħajja tas-superstiti tal-kanċer fit-tfulija tittejjeb kontinwament;

D.  billi r-Regolament dwar il-Mediċini Pedjatriċi ħeġġeġ aktar djalogu u kooperazzjoni bejn id-diversi partijiet ikkonċernati rigward l-iżvilupp tal-mediċini pedjatriċi;

E.  billi anqas minn 10 % tat-tfal b'rikaduta inkurabbli u ta' theddida għall-ħajja għandhom aċċess għal mediċini sperimentali ġodda fi provi kliniċi li jistgħu jibbenefikaw minnhom;

F.  billi żieda sinifikanti fl-aċċess għal terapiji innovattivi tista' ssalva l-ħajja ta' tfal u adolexxenti b'mard li hu ta' theddida għall-ħajja bħall-kanċer, u billi għaldaqstant jeħtieġ li dawn it-terapiji jiġu investigati mingħajr dewmien żejjed permezz ta' studji xierqa fuq it-tfal;

G.  billi l-użu mhux skont it-tikketta tal-mediċini fuq it-tfal għadu mifrux fl-UE f'diversi oqsma terapewtiċi; billi, għalkemm l-istudji dwar il-firxa tal-użu mhux skont it-tikketta fil-popolazzjoni pedjatrika jvarjaw fir-rigward tal-ambitu u l-popolazzjoni tal-pazjenti, ma kienx hemm tnaqqis fil-preskrizzjoni mhux skont it-tikketta minn meta ġie introdott ir-Regolament dwar il-Mediċini Pedjatriċi; billi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) diġà saritilha talba biex tiżviluppa linji gwida dwar l-użu mhux skont it-tikketta/l-użu mhux liċenzjat ta' mediċini abbażi tal-ħtieġa medika, kif ukoll biex toħloq lista ta' mediċini li jintużaw mhux skont it-tikketta minkejja l-alternattivi liċenzjati;

H.  billi r-Regolament dwar il-Mediċini Pedjatriċi jistabbilixxi regoli li jikkonċernaw l-iżvilupp ta' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet terapewtiċi speċifiċi tal-popolazzjoni pedjatrika;

I.  billi, minn mindu daħal fis-seħħ ir-Regolament dwar il-Mediċini Pedjatriċi, huma biss tnejn il-mediċini mmirati u innovattivi kontra l-kanċer li ġew awtorizzati għal tumur malinn pedjatriku abbażi ta' pjan ta' investigazzjoni pedjatrika (PIP) miftiehem;

J.  billi skont il-qafas regolatorju attwali, ir-rekwiżit ġuridiku għall-iżvilupp ta' mediċini pedjatriċi jitneħħa meta jiġu żviluppati mediċini għal kundizzjonijiet fl-adulti li ma jokkorrux fit-tfal; billi dan l-approċċ regolatorju mhuwiex sodisfaċenti fil-każ ta' mard speċifiku li jokkorri biss fit-tfal; billi, barra minn hekk, l-għadd ta' rapporti annwali dwar miżuri diferiti ppreżentati lill-EMA skont l-Artikolu 34(4) tar-Regolament dwar il-Mediċini Pedjatriċi qed jiżdied kull sena;

K.  billi ħafna tipi ta' kanċer tat-tfulija ma jokkorrux fl-adulti; billi, madankollu, il-mekkaniżmu ta' azzjoni ta' mediċina li hija effettiva biex tikkura tip ta' kanċer li jokkorri fl-adulti jaf ikun rilevanti għal xi tip ta' kanċer li jokkorri fit-tfal;

L.  billi għal dak il-mard li jokkorri biss fit-tfal, bħall-kanċers pedjatriċi, is-suq jipprovdi inċentivi finanzjarji limitati għall-iżvilupp ta' mediċini pedjatriċi speċifiċi;

M.  billi t-tielet Programm tal-UE dwar is-Saħħa (2014-2020) jinkludi impenn biex jittejbu r-riżorsi u l-għarfien espert għal pazjenti milquta minn mard rari;

N.  billi jeżisti dewmien kbir biex jinbdew provi kliniċi pedjatriċi għal mediċini onkoloġiċi, minħabba li l-iżviluppaturi jistennew sakemm il-mediċina turi li hija promettenti f'pazjenti tal-kanċer adulti;

O.  billi m'hemm xejn li jwaqqaf lill-investigatur milli jtemm prova pedjatrika promettenti qabel il-waqt jekk mediċina tonqos milli tagħti riżultati pożittivi fil-popolazzjoni adulta fil-mira;

P.  billi l-premjijiet u l-inċentivi finanzjarji għall-iżvilupp ta' mediċini fil-popolazzjoni pedjatrika, bħall-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni għall-użu pedjatriku (PUMA), jaslu tard u għandhom effett limitat; billi, filwaqt li jeħtieġ jiġi żgurat li l-premjijiet u l-inċentivi ma jiġux użati ħażin jew abbużati mill-kumpaniji farmaċewtiċi, is-sistema eżistenti ta' premjijiet trid tiġi vvalutata biex jiġi determinat kif tista' tittejjeb sabiex jiġu stimulati aħjar ir-riċerka u l-iżvilupp ta' mediċini pedjatriċi, speċjalment fil-qasam tal-onkoloġija pedjatrika;

Q.  billi d-detenturi tal-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni għandhom l-obbligu jaġġornaw l-informazzjoni dwar il-prodott biex iqisu l-aktar għarfien xjentifiku reċenti;

R.  billi l-PIPs jiġu approvati wara negozjati kumplessi bejn l-awtoritajiet regolatorji u l-kumpaniji farmaċewtiċi u spiss iżżejjed ma jkunux fattibbli u/jew ikunu nbdew tard wisq minħabba l-użu ħażin tagħhom permezz ta' enfasi fuq l-okkorrenza rari ta' kanċer tal-adulti fit-tfal, aktar milli fuq l-użu potenzjalment usa' tal-mediċina l-ġdida f'kanċers rilevanti oħra tat-tfal; billi mhux il-PIPs kollha approvati jitlestew, minħabba li r-riċerka dwar sustanza attiva ta' spiss tiġi abbandunata fi stadju aktar tard jekk it-tamiet inizjali fir-rigward tas-sikurezza u l-effikaċja tal-prodott mediċinali ma jiġux ikkonfermati; billi sal-lum tlestew biss 12 % tal-PIPs approvati;

S.  billi r-Regolament (UE) Nru 536/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-provi kliniċi fuq prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem jipprevedi l-istabbiliment ta' portal ta' applikazzjoni unika li jippermetti lill-isponsors jippreżentaw applikazzjoni unika għal provi mwettqa f'aktar minn Stat Membru wieħed; billi dawn il-provi transfruntiera huma partikolarment importanti għal mard rari, bħall-kanċers pedjatriċi, minħabba l-possibbiltà li ma jkunx hemm biżżejjed pazjenti f'pajjiż wieħed biex prova tkun vijabbli;

T.  billi jsir għadd kbir ta' modifiki fil-PIPs; billi, madankollu, jekk il-modifiki f'PIP jkunu estensivi, dawn jiġu diskussi mal-Kumitat Pedjatriku, filwaqt li meta il-modifiki jkollhom inqas impatt, il-kwistjoni mhix definita b'mod daqstant ċar;

U.  billi, skont l-Artikolu 39(2) tar-Regolament dwar il-Mediċini Pedjatriċi, l-Istati Membri jeħtiġilhom jipprovdu lill-Kummissjoni prova dettaljata ta' impenn konkret favur l-appoġġ għar-riċerka dwar prodotti mediċinali għal użu pedjatriku kif ukoll għall-iżvilupp u d-disponibbiltà ta' tali prodotti;

V.  billi, skont l-Artikolu 40(1) tar-Regolament dwar il-Mediċini Pedjatriċi, il-fondi għar-riċerka dwar prodotti mediċinali għall-popolazzjoni pedjatrika għandhom jiġu previsti fil-baġit tal-Komunità, sabiex jiġu appoġġjati studji relatati ma' prodotti mediċinali jew sustanzi attivi mhux koperti minn privattiva jew ċertifikat supplimentari ta' protezzjoni;

W.  billi, skont l-Artikolu 50 tar-Regolament dwar il-Mediċini Pedjatriċi, l-Kummissjoni għandha l-obbligu tippreżenta, sas-26 ta' Jannar 2017, rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-esperjenza miksuba b'riżultat tal-applikazzjoni tal-Artikoli 36, 37 u 38, inkluża analiżi tal-impatt ekonomiku u tal-premjijiet u l-inċentivi, flimkien ma' analiżi tal-impatt stmat ta' dan ir-Regolament fuq is-saħħa pubblika, bil-ħsieb li tiġi proposta kwalunkwe emenda meħtieġa;

1.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta r-rapport previst fl-Artikolu 50 tar-Regolament dwar il-Mediċini Pedjatriċi fi żmien debitu; jenfasizza l-ħtieġa li dan ir-rapport jipprovdi identifikazzjoni komprensiva u analiżi profonda tal-ostakoli li attwalment qed ifixklu l-innovazzjoni fil-prodotti mediċinali mmirati lejn il-popolazzjoni pedjatrika; jenfasizza l-importanza ta' bażi ta' evidenza soda ta' dan it-tip għal tfassil ta' politika effettiv;

2.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, abbażi ta' dawn is-sejbiet, tikkunsidra li tagħmel bidliet, anke permezz ta' reviżjoni leġiżlattiva tar-Regolament dwar il-Mediċini Pedjatriċi, li jagħtu l-kunsiderazzjoni dovuta għal (a) pjanijiet ta' żvilupp pedjatriku abbażi tal-mekkaniżmu ta' azzjoni u mhux biss abbażi tat-tip ta' mard, (b) mudelli ta' prijoritizzazzjoni tal-mard u tal-mediċini li jqisu l-ħtiġijiet mediċi pedjatriċi mhux moqdija u l-fattibilità, (c) PIPs aktar bikrija u aktar fattibbli, (d) inċentivi li jistimolaw aħjar ir-riċerka u jaqdu b'mod aktar effettiv il-ħtiġijiet tal-popolazzjoni pedjatrika, filwaqt li jiżguraw evalwazzjoni tal-infiq tar-riċerka u tal-iżvilupp u trasparenza sħiħa tar-riżultati kliniċi, u (e) strateġiji biex jiġi evitat l-użu pedjatriku mhux skont it-tikketta fejn jeżistu mediċini pedjatriċi awtorizzati;

3.  Jenfasizza l-benefiċċji li jsalvaw il-ħajja, fl-onkoloġija pedjatrika, ta' żvilupp pedjatriku obbligatorju bbażat fuq il-mekkaniżmu ta' azzjoni ta' mediċina mfassla speċifikament skont il-bijoloġija ta' tumur aktar milli fuq indikazzjoni li tillimita l-użu tal-mediċina għal tip speċifiku ta' kanċer;

4.  Jenfasizza li l-ħtiġijiet u l-mediċini pedjatriċi minn kumpaniji differenti għandhom jiġu prijoritizzati, abbażi ta' data xjentifika, sabiex l-aħjar terapiji disponibbli jitqabblu mal-bżonnijiet terapewtiċi tat-tfal, speċjalment dawk milquta minn xi tip ta' kanċer, u jingħata lok li r-riżorsi użati għar-riċerka jiġu ottimizzati;

5.  Jenfasizza l-importanza ta' provi transfruntiera għar-riċerka għal ħafna mard pedjatriku u rari; jilqa', għalhekk, ir-Regolament (UE) Nru 536/2014, li se jagħmilha aktar faċli li jsiru dawn it-tipi ta' provi, u jistieden lill-EMA tiżgura li l-infrastruttura meħtieġa għall-implimentazzjoni tiegħu titfassal kemm jista' jkun malajr;

6.  Jenfasizza li t-twettiq ta' PIPs bikrija, u d-djalogu u l-interazzjoni xjentifiċi u regolatorji bikrin mal-EMA, jippermettu li l-kumpaniji jottimizzaw l-iżvilupp pedjatriku globali, u b'mod partikolari li jiżviluppaw PIPs aktar fattibbli;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li temenda r-Regolament dwar il-Mediċini Pedjatriċi sabiex provi promettenti fil-popolazzjoni pedjatrika ma jkunux jistgħu jiġu terminati qabel il-waqt minħabba riżultati diżappuntanti fil-popolazzjoni adulta fil-mira;

8.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġi vvalutat kif tipi differenti ta' finanzjament u premjijiet – inklużi d-diversi strumenti bbażati fuq mekkaniżmi ta' separazzjoni – jistgħu jintużaw bl-aħjar mod biex jixprunaw u jaċċelleraw l-iżvilupp ta' mediċini pedjatriċi f'oqsma fejn jeżisti l-bżonn, b'mod partikolari l-mediċini għan-neonatoloġija u għall-kanċers fit-tfulija, speċjalment dawk il-kanċers li jokkorru biss fit-tfal; jemmen li l-premjijiet għandhom jixprunaw l-iżvilupp pedjatriku ta' dawn il-mediċini mill-aktar fis possibbli hekk kif ikunu disponibbli biżżejjed evidenza xjentifika għall-użu f'popolazzjoni pedjatrika u data dwar is-sikurezza fl-adulti, u m'għandhomx jiddependu minn valur terapewtiku ppruvat b'indikazzjoni fl-adulti;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni taħdem bħala kwistjoni ta' urġenza fuq kwalunkwe bidla regolatorja possibbli li tista' tgħin biex sadanittant tittejjeb is-sitwazzjoni;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, fl-ambitu ta' Orizzont 2020, iġġedded id-dispożizzjonijiet ta' finanzjament żviluppati bħala appoġġ għar-riċerka klinika pedjatrika ta' kwalità għolja, wara rieżami kritiku tal-proġetti ffinanzjati attwalment;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ ir-rwol tan-netwerking Ewropew għar-riċerka klinika pedjatrika u tiżgura li l-Istati Membri jieħdu miżuri biex jappoġġaw ir-riċerkadwar prodotti mediċinali għal użu pedjatriku kif ukoll l-iżvilupp u d-disponibilità ta' tali prodotti;

12.  Jagħti istruzzjonjijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 378, 27.12.2006, p. 20.


Attivitajiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet 2015
PDF 400kWORD 66k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2016 dwar l-attivitajiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet fl-2015 (2016/2146(INI))
P8_TA(2016)0512A8-0366/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-riżultat tad-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 10 u 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità,

–  wara li kkunsidra l-importanza tad-dritt ta' petizzjoni u l-utilità li l-Parlament ikun immedjatament infurmat bit-tħassib speċifiku taċ-ċittadini u r-residenti tal-Unjoni Ewropea, kif previst fl-Artikoli 24 u 227 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 228 tat-TFUE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 44 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea dwar id-dritt ta' petizzjoni lill-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tat-TFUE fir-rigward tal-proċedura ta' ksur, partikolarment l-Artikoli 258 u 260 tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 52 u l-l-Artikolu 216(8) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A8-0366/2016),

A.  billi r-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet għandu l-għan li jippreżenta analiżi tal-petizzjonijiet li waslu fl-2015, ir-relazzjonijiet mal-istituzzjonijiet l-oħra u li jippreżenta stampa vera tal-objettivi milħuqa matul is-sena 2015;

B.  billi fl-2015 tressqu 1 431 petizzjoni, li jirrappreżentaw tnaqqis ta' madwar 47 % fir-rigward tal-2014, li fiha l-Parlament irċieva 2 714-il petizzjoni; billi 943 petizzjoni ġew ikkunsidrati ammissibbli; li minnhom 424 petizzjoni kellhom eżami rapidu u ngħalqu wara li l-petizzjonant ġie informat kif xieraq dwar il-kwistjoni li kienet tikkonċernah, u billi 519-il petizzjoni għadhom miftuħa sabiex jiġu diskussi fil-Kumitat għall-Petizzjonijiet; billi 483 petizzjoni ġew iddikjarati inammissibbli;

C.  billi l-għadd ta' petizzjonijiet irċevuti huwa modest meta mqabbel mal-popolazzjoni totali tal-UE, u dan jindika li l-maġġoranza taċ-ċittadini u r-residenti tal-UE sfortunatament għadhom ma jafux dwar l-eżistenza tad-dritt ta' petizzjoni u dwar l-utilità possibbli tiegħu bħala mezz biex tinġibed l-attenzjoni tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri dwar il-kwistjonijiet li jolqtuhom u jħassbuhom, u li jaqgħu fil-qasam ta' attività tal-Unjoni;

D.  billi fl-2015, 483 petizzjoni ġew iddikjarati inammissibbli u billi għad hemm konfużjoni kbira dwar il-qasam tal-attivitajiet tal-UE, kif muri mill-għadd għoli ta' petizzjonijiet inammissibbli li tressqu (33,8 %); billi sabiex dan jiġi rrimedjat jeħtieġ li titħeġġeġ u titjieb il-komunikazzjoni maċ-ċittadini u li jiġu spjegati l-oqsma differenti ta' kompetenza – dak Ewropew, dak nazzjonali u dak lokali;

E.  billi kull petizzjoni tiġi kkunsidrata u eżaminata bir-reqqa, b'mod effiċjenti u trasparenti;

F.  billi l-petizzjonanti għandhom it-tendenza li jkunu ċittadini li jimpenjaw ruħhom favur is-salvagwardja tad-drittijiet fundamentali u t-titjib u l-benesseri tal-ġejjieni tas-soċjetajiet tagħna; billi l-esperjenza ta' dawn iċ-ċittadini fir-rigward ta' kif jiġu pproċessati l-petizzjonijiet tagħhom hija influwenti ħafna fid-determinazzjoni tal-perċezzjoni tagħhom dwar l-istituzzjonijiet tal-UE u r-rispett għad-dritt ta' petizzjoni stabbilit fid-dritt tal-UE;

G.  billi l-Parlament Ewropew huwa l-unika istituzzjoni tal-UE li hija eletta direttament miċ-ċittadini, u billi d-dritt ta' petizzjoni joffrilhom il-mezzi biex jiġbdu l-attenzjoni tar-rappreżentanti eletti tagħhom dwar kwistjonijiet li jikkonċernawhom;

H.  billi, skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, sabiex tiġi promossa l-governanza tajba u tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni għandhom iwettqu l-ħidma tagħhom bl-aktar mod miftuħ possibbli;

I.  billi d-dritt ta' petizzjoni għandu jkun element kruċjali għal demokrazija parteċipattiva li fiha d-dritt ta' kull ċittadin li jkollu parteċipazzjoni diretta fil-ħajja demokratika tal-Unjoni jiġi protett b'mod effettiv; billi governanza demokratika u parteċipattiva ġenwina għandha tiżgura trasparenza sħiħa, protezzjoni effettiva tad-drittijiet fundamentali u involviment prattiku tal-pubbliku fil-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet; billi permezz tal-petizzjonijiet il-Parlament Ewropew jista' jisma', jagħti informazzjoni u jgħin biex jiġu indirizzati l-problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom iċ-ċittadini tiegħu, filwaqt li jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE u lill-istituzzjonijiet fl-Istati Membri biex jagħmlu ħilithom kollha f'dan ir-rigward fl-isferi ta' kompetenza rispettivi tagħhom; billi għandu jiġi evalwat l-impatt tal-leġiżlazzjoni tal-UE fuq il-ħajja ta' kuljum ta' dawk li jgħixu fl-UE permezz tal-petizzjonijiet imsemmija hawn fuq;

J.  billi l-fiduċja fis-sistema u fil-proġett Ewropew kollu kemm hu qed tiġi affettwata b’mod negattiv mill-kriżi umanitarja tar-rifuġjati, l-impatt soċjali u ekonomiku serju ħafna tal-kriżi finanzjarja u ż-żieda fil-ksenofobija u r-razziżmu fl-Ewropa kollha,; billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet għandu r-responsabilità u l-isfida kbira li jżomm u jsaħħaħ id-djalogu kostruttiv maċ-ċittadini Ewropej fuq kwistjonijiet Ewropej;

K.  billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet huwa fl-aħjar pożizzjoni biex juri liċ-ċittadini dak li l-UE qed tagħmel għalihom u liema soluzzjonijiet jistgħu jiġu pprovduti fil-livell Ewropew, nazzjonali jew lokali; billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet jista' jagħmel ħidma sinifikanti biex jispjega u possibilment juri bil-provi l-kisbiet u l-benefiċċji tal-proġett Ewropew;

L.  billi d-dritt ta' petizzjoni għandu jsaħħaħ il-kapaċità tal-Parlament Ewropew biex jirreaġixxi għall-problemi relatati primarjament mal-applikazzjoni u t-traspożizzjoni tal-liġi tal-UE u biex jgħin biex dawn jissolvew; billi l-petizzjonijiet jirrappreżentaw sors siewi ta' informazzjoni diretta bbażat fuq l-esperjenzi taċ-ċittadini stess li jgħinu biex jiġu identifikati ksur u nuqqasijiet potenzjali dwar kif il-leġiżlazzjoni tal-UE hija implimentata fil-livell nazzjonali u, fl-aħħar mill-aħħar, immonitorjata mill-Kummissjoni fir-rwol tagħha ta' gwardjana tat-Trattati; billi l-petizzjonijiet li huma bbażati fuq l-oqsma ta' attività tal-UE u li jissodisfaw il-kriterji ta' ammissibilità huma għodda bażika fl-iskoperta bikrija ta' dewmien fit-traspożizzjoni u fl-infurzar veru tad-dritt tal-UE mill-Istati Membri; billi, permezz tal-petizzjonijiet, iċ-ċittadini tal-UE jistgħu jilmentaw dwar każijiet ta' nuqqas ta' implimentazzjoni tad-dritt tal-UE u jgħinu biex jiġi identifikat ksur tad-dritt tal-UE;

M.  billi, għaldaqstant, il-petizzjonijiet għandhom importanza kbira fil-proċess leġiżlattiv peress li jipprovdu lil kumitati oħra tal-Parlament b'informazzjoni utli u diretta għall-ħidma leġiżlattiva tagħhom fl-oqsma rispettivi tagħhom; billi l-petizzjonijiet mhumiex biss ir-responsabilità tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, iżda għandhom ikunu impenn kondiviż mill-kumitati kollha tal-Parlament Ewropew;

N.  billi, permezz tal-użu ta' petizzjonijiet, iċ-ċittadini u r-residenti tal-UE jistgħu jirrapportaw applikazzjoni ħażina tad-dritt tal-UE; billi wkoll b'dan il-mod iċ-ċittadini huma sors siewi ta' informazzjoni biex ikun identifikat il-ksur tad-dritt tal-UE;

O.  billi minbarra li jipprovdu feedback rilevanti dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti, il-petizzjonijiet jistgħu wkoll jgħinu biex jiġu identifikati lakuni fid-dritt tal-UE u biex jiġu vvalutati l-impatti tan-nuqqas ta' regolamentazzjoni f'ċerti oqsma, u b'hekk isiru impetu għal aktar sforzi leġiżlattivi;

P.  billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet għamel użu akbar mill-istrumenti speċifiċi disponibbli għalih bħala kumitat, bħall-mistoqsijiet b'talba għal tweġiba orali u r-riżoluzzjonijiet qosra, sabiex jagħti viżibilità lill-kwistjonijiet differenti ta' tħassib għaċ-ċittadini, jew billi jibgħat mistoqsijiet u riżoluzzjonijiet lis-sessjoni plenarja tal-Parlament, bħal pereżempju r-riżoluzzjonijiet dwar il-leġiżlazzjoni ipotekarja u l-istrumenti finanzjarji riskjużi fi Spanja jew dwar l-aħjar interessi tat-tfal fl-Ewropa;

Q.  billi fl-2015 il-petizzjonijiet sottomessi miċ-ċittadini ġew ipproċessati aktar malajr u b'mod aktar effiċjenti billi l-ħin għall-korrispondenza mal-petizzjonanti tqassar; billi s-segretarjat għamel sforz notevoli sabiex jikseb dan it-titjib;

R.  billi l-petizzjonanti jikkontribwixxu b'mod attiv għall-ħidma tal-kumitat billi jipprovdu informazzjoni diretta supplementari lill-Membri tal-Kumitat u lill-Kummissjoni u lir-rappreżentanti tal-Istati Membri li huma preżenti; billi, bil-fatt li jieħdu sehem f'diskussjonijiet u jippreżentaw il-petizzjonijiet tagħhom flimkien ma' informazzjoni aktar dettaljata, huma jikkontribwixxu biex jiġi stabbilit djalogu mexxej u kostruttiv mal-Membri tal-Parlament Ewropew u mal-Kummissjoni Ewropea; billi fl-2015, 191 petizzjonant attendew id-deliberazzjonijiet tal-kumitat u pparteċipaw fihom; billi, għalkemm dan in-numru jidher li huwa relattivament baxx, wieħed m'għandux jinsa li l-laqgħat tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet jiġu trażmessi u jippermettu lill-petizzjonanti jsegwu d-dibattiti live kemm f'ħin reali kif ukoll wara b'ripetizzjonijiet permezz ta' streaming tal-internet;

S.  billi ġie adottat metodu speċifiku ta' pproċessar tal-petizzjonijiet li jikkonċernaw il-benesseri tat-tfal, u nħoloq grupp speċjali ta' ħidma dwar dan is-suġġett, li ġie konstitwit fis-17 ta' Settembru 2015 u b'Eleonora Evi bħala l-President tiegħu; jenfasizza li kwalunkwe grupp ta’ ħidma għandu jkollu mandat ċar biex jinkisbu riżultati tanġibbli u jiġi evitat kwalunkwe dewmien mhux ġustifikat fit-trattament tal-petizzjonijiet;

T.  billi s-sottomissjoni ta' petizzjoni spiss issir fl-istess ħin mal-preżentazzjoni ta' lment lill-Kummissjoni Ewropea li tista' twassal għal proċedimenti ta' ksur; billi fl-2015 il-Parlament Ewropew wissa, permezz ta' petizzjonijiet u mistoqsijiet, lill-Kummissjoni dwar in-nuqqasijiet fil-mod li bih xi Stati Membri kien qed japplikaw u jimplimentaw ċerti liġijiet tal-UE;

U.  billi dawn il-petizzjonijiet wasslu għal ilmenti fil-qasam tal-ambjent; billi l-Kummissjoni bagħtet ittra ta' avviż formali lill-Finlandja għat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-aċċess pubbliku għal informazzjoni dwar l-ambjent; billi f'ħames każijiet oħra fi kwistjonijiet ambjentali l-Kummissjoni bdiet djalogi bilaterali mal-Istati Membri kkonċernati; billi l-każijiet kienu relatati mal-gass tax-shale, il-ġestjoni tal-popolazzjoni tal-lupu, l-applikazzjoni żbaljata tad-Direttiva dwar il-valutazzjoni strateġika ambjentali u l-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mar-rekwiżiti tad-Direttiva dwar l-aċċess pubbliku għal informazzjoni ambjentali;

V.  billi l-petizzjonijiet sottomessi miċ-ċittadini jittrattaw ukoll kwistjonijiet ta' ġustizzja u kooperazzjoni ġudizzjarja peress li, bħala riżultat ta' petizzjoni, il-Kummissjoni bdiet djalogu bilaterali ma' Stat Membru dwar ir-restrizzjonijiet tiegħu dwar il-bidla fl-isem wara ż-żwieġ;

W.  billi l-Kummissjoni bdiet ukoll taħdidiet bilaterali fuq il-bażi ta' diversi petizzjonijiet ma' bosta Stati Membri dwar it-taxxi fuq il-proprjetà immobbli u dwar it-taxxa lokali ta' residenza mħallsa mill-istudenti;

X.  billi l-Kummissjoni bi ħsiebha ssaħħaħ l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE fuq il-bażi tat-traspożizzjoni u ta' kontrolli sistematiċi dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali; billi l-Kummissjoni ddikjarat li se tieħu miżuri xierqa, inkluża t-tnedija ta' każijiet ġodda tal-EU Pilot u proċedimenti ta' ksur meta tiskopri ksur possibbli tal-leġiżlazzjoni tal-UE;

Y.  billi l-involviment tal-Parlament f'dawn il-proċedimenti jippermetti skrutinju akbar fuq il-ħidma investigattiva tal-istituzzjonijiet kompetenti tal-UE; billi l-ebda petizzjoni m'għandha tingħalaq meta tkun għadha qed tiġi investigata mill-Kummissjoni;

Z.  billi l-Kummissjoni fir-rapport annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea tippubblika l-azzjonijiet relatati mal-ksur tad-dritt tal-UE u tiżvela informazzjoni dwar il-proċedimenti ta' ksur f'forma ta' stqarrijiet għall-istampa; billi dawn id-deċiżjonijiet dwar il-proċedimenti ta' ksur jistgħu jiġu kkonsultati fil-bażi tad-data tal-Kummissjoni disponibbli fuq is-sit web Europa; billi informazzjoni aktar min-naħa tal-Kummissjoni fl-interventi tagħha fil-Kumitat għall-Petizzjonijiet f'każijiet relatati ma' petizzjonijiet tikkontribwixxi għal aktar trasparenza u kooperazzjoni b'anqas xkiel bejn iż-żewġ istituzzjonijiet;

AA.  billi l-kwistjonijiet ewlenin imqajma fil-petizzjonijiet ikopru firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet, bħall-protezzjoni tal-ambjent (b'mod partikolari t-trattament tal-ilma tad-drenaġġ, il-ġestjoni tal-iskart, l-immaniġġjar tal-baċini tax-xmajjar, l-esplorazzjoni u l-estrazzjoni tal-gass u taż-żejt), każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-konsumatur, l-applikazzjoni tal-ġustizzja (b'mod partikolari id-drittijiet ta' kustodja fir-rigward tal-minuri) id-drittijiet fundamentali (b'mod partikolari d-drittijiet tat-tfal, tal-persuni b'diżabilità u tal-minoranzi), il-moviment liberu tal-persuni, id-diskriminazzjoni, l-immigrazzjoni, l-impjiegi u l-benesseri tal-annimali;

AB.  billi l-portal tal-internet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, li beda jopera lejn l-aħħar tal-2014, huwa operattiv iżda mhux finalizzat; billi l-portal għandu l-għan li jipprovdi liċ-ċittadini u lir-residenti tal-UE b'għodda elettronika biex ikunu jistgħu jressqu petizzjonijiet u jsegwu kontinwament l-ipproċessar tagħhom, kif ukoll jiffirmaw elettronikament il-petizzjonijiet tagħhom stess u jżidu l-appoġġ tagħhom f'dawk ta' petizzjonanti oħra li s-suġġett tagħhom jinteressahom; billi n-nuqqasijiet f'ċerti funzjonalitajiet bażiċi, bħall-magna tat-tiftix, ippersistew matul l-2015 u sa ftit ilu xekklu r-rwol tal-portal bħala spazju interattiv ta' skambju bejn iċ-ċittadini; billi din il-problema finalment ġiet solvuta;

AC.  billi l-portal tfassal biex tiżdied t-trasparenza u l-interattività tal-proċedura ta' petizzjoni, u billi dan jagħmel l-amministrazzjoni aktar effettiva fl-interess tal-petizzjonanti, tal-Membri u tal-pubbliku ġenerali; billi t-tieni fażi tal-proġett hija maħsuba primarjament sabiex issaħħaħ l-ipproċessar amministrattiv tal-petizzjonijiet;

AD.  billi d-dewmien suċċessiv fil-fażijiet sussegwenti tal-proġett iġġenera volumi addizzjonali ta' xogħol fis-segretarjat tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, minħabba l-bżonn li l-fajls rilevanti jittellgħu manwalment fil-bażijiet tad-data differenti; billi għad hemm petizzjonijiet pendenti x'jittellgħu, peress li s'issa l-petizzjonijiet miftuħa kollha rċevuti fl-2013, l-2014 u l-2015 biss iddaħħlu fil-portal, u billi attwalment qed issir ħidma biex jittellgħu l-petizzjonijiet li waslu fl-2016;

AE.  billi ċerti nuqqasijiet ġew rettifikati, b'mod konkret fir-rigward tal-funzjoni ta' tiftix u tal-kunfidenzjalità tal-petizzjonant, u billi saret ħidma kif skedata mit-tieni nofs tal-2016 biex jitjiebu l-utilità u l-viżibilità tas-servizz għaċ-ċittadini;

AF.  billi l-ammissibilità tal-petizzjonijiet hija bbażata fuq il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 227 tat-TFUE; billi l-kunċett tal-qasam ta' attività tal-Unjoni jmur ferm lil hinn mil-lista twila ta' kompetenzi; billi dikjarazzjoni ta' inammissibilità tista' tkun soġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju jekk ma tkunx iġġustifikata kif xieraq bi qbil ma' dawn il-kriterji;

AG.  billi l-qrati nazzjonali huma primarjament responsabbli biex jiżguraw li l-leġiżlazzjoni tal-UE tiġi implimentata korrettament fl-Istati Membri; billi, f'dan il-kuntest, sentenza preliminari mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja hija għodda siewja disponibbli għas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali; billi f'xi Stati Membri din il-proċedura ftit li xejn intużat, jekk mhux qatt; billi din ir-responsabbiltà inizjali bl-ebda mod m'għandha tipprekludi rwol aktar proattiv mill-Kummissjoni fir-rigward tal-iżgurar ta’ konformità mad-dritt tal-UE, fil-kapaċità tagħha ta’ gwardjan tat-Trattati; billi l-petizzjonijiet jipprovdu possibilità alternattiva u indipendenti biex isiru inkjesti u kontrolli fuq il-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE, u billi dawn iż-żewġ proċeduri alternattivi għalhekk m'għandhomx jeskludu lil xulxin;

AH.  billi l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej għandha tkun għodda importanti li tippermetti li ċ-ċittadini jipparteċipaw direttament fl-iżvilupp tal-politiki tal-UE, u billi l-potenzjal tagħha għandu jiġi sfruttat bis-sħiħ, filwaqt li jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkunu informati bis-sħiħ dwar kwistjonijiet li huma ta' kompetenza tal-UE u ta' kompetenza nazzjonali; billi d-differenzi ewlenin bejn l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej u d-dritt ta' petizzjoni għandhom jiġu kkomunikati aħjar liċ-ċittadini; billi l-Parlament għandu responsabilità speċifika li jagħmel dan l-istrument suċċess reali; billi, kif intwera fid-dikjarazzjonijiet tas-smigħ pubbliku tat-22 ta' Frar 2015, hemm sentiment ġenerali fost l-organizzazzjonijiet li jirreġistraw inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej li l-ostakoli amministrattivi jridu jitneħħew jekk iridu nikisbu l-aħjar riżultati possibbli f'termini ta' parteċipazzjoni taċ-ċittadini;

AI.  billi, tliet snin wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 211/2011, aktar minn tliet snin wara d-data tal-applikazzjoni fl-1 ta' April 2012, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet huwa tal-fehma li għandha tiġi vvalutata l-implimentazzjoni tiegħu sabiex jinstabu n-nuqqasijiet u jiġu proposti soluzzjonijiet konkreti vijabbli għar-reviżjoni rapida tiegħu sabiex jitjieb il-funzjonament tiegħu;

AJ.  billi fl-2015, minħabba l-piż tax-xogħol tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, saret biss żjara waħda ta' ġbir ta' informazzjoni fir-rigward tal-petizzjonijiet li ġew investigati fl-2015; billi l-investigazzjoni mwettqa fir-Renju Unit fil-5 u s-6 ta' Novembru 2015 dwar il-kwistjoni tal-adozzjoni mingħajr il-kunsens tal-ġenituri għamlitha possibbli li l-membri tad-delegazzjoni jifhmu s-sitwazzjoni aħjar, peress li setgħu jiddiskutu l-kwistjoni mar-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet differenti fir-Renju Unit involuti fil-kwistjoni;

AK.  billi żjarat bħal dawn huma prerogattiva speċifika tal-Kumitat u parti fundamentali mill-ħidma tiegħu, li tinkludi l-interazzjoni mal-petizzjonanti u mal-awtoritajiet tal-Istati Membri kkonċernati; billi l-membri ta' dawn id-delegazzjonijiet jieħdu sehem b'importanza indaqs fl-attivitajiet kollha, inkluż fl-abbozzar tar-rapport finali;

AL.  billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet jassumi r-responsabilitajiet fir-rigward tal-Ombudsman Ewropew, li hu responsabbli mill-investigazzjoni ta' lmenti minn ċittadini u residenti tal-UE dwar il-possibilità ta' amministrazzjoni ħażina min-naħa tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE, u li dwarhom joħroġ ukoll rapport annwali, ibbażat fuq ir-Rapport Annwali proprju tal-Ombudsman Ewropew;

AM.  billi fis-26 ta' Mejju 2015 Emily O'Reilly, l-Ombudsman Ewropew, ippreżentat ir-rapport tagħha annwali għall-2014 lil Martin Schulz, President tal-Parlament Ewropew; u billi fit-23 ta' Ġunju 2015 l-Ombudsman ippreżentat ir-rapport tagħha fil-laqgħa tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, bħala l-kumitat responsabbli mir-relazzjonijiet mal-istituzzjoni tagħha;

AN.  billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet huwa membru tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen, li jinkludi l-ombudsmen nazzjonali u reġjonali, il-kumitati għall-petizzjonijiet u korpi simili tal-Istati Membri tal-UE, il-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni fl-UE, u pajjiżi oħra taż-Żona Ekonomika Ewropea u/jew taż-żona Schengen. billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew huwa membru sħiħ ta' dan in-netwerk, li bħalissa għandha 94 uffiċċju f'36 pajjiż;

AO.  billi kull petizzjoni tiġi eżaminata u indirizzata b'attenzjoni u kull petizzjonant irid jirċievi tweġiba f'perjodu raġonevoli ta' żmien; billi kull petizzjonant għandu jiġi infurmat bir-raġunijiet għal għeluq ta’ petizzjoni;

AP.  billi l-petizzjonanti kollha għandu jkollhom il-possibilità li jippreżentaw direttament il-każijiet tagħhom lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet;

1.  Jenfasizza li d-dritt ta' petizzjoni jrid isaħħaħ il-kapaċità ta' reazzjoni tal-Parlament Ewropew biex jgħinu jsolvi l-problemi relatati primarjament mat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE, peress li l-petizzjonijiet, li huma bbażati fuq l-oqsam ta' attività tal-UE u jissodisfaw il-kriterji ta' ammissibilità, jirrappreżentaw sors siewi ta' informazzjoni biex jinstab il-ksur potenzjali fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu akbar mis-setgħat tagħha f'dak li għandu x'jaqsam mal-iżgurar ta' implimentazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni tal-UE, pereżempju billi tfittex tagħmel użu aktar effiċjenti mill-proċedura ta' ksur skont l-Artikoli 258 u 260 tat-TFUE;

2.  Jenfasizza r-rwol tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet li jisma' u jgħin biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet li jħabbtu wiċċhom magħhom iċ-ċittadini; jemmen li l-petizzjonijiet jistgħu jgħinu biex jiġi vvalutat aħjar l-impatt li l-leġiżlazzjoni tal-UE għandha fuq il-ħajja ta' kuljum tan-nies billi jaġixxu bħala pont bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet;

3.  Jenfasizza l-fatt li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet għandu l-opportunità u l-isfida kbira li jidħol fi djalogu affidabbli u siewi maċ-ċittadini, flimkien mal-possibilità li jqarreb lill-istituzzjonijiet tal-UE lejn iċ-ċittadini tagħha; jinnota li dan għandu jgħin biex tiġi promossa d-demokrazija parteċipattiva; iqis li sabiex jintlaħaq dan l-għan huwa kruċjali li jkun hemm reazzjoni adegwata għall-petizzjonijiet, kemm f'termini ta' żmien kif ukoll ta' kwalità tat-tweġiba;

4.  Ifakkar li r-rappreżentanza ndaqs u proporzjonata tan-nazzjonalitajiet tal-petizzjonanti fid-dibattiti pubbliċi tal-kumitat għandha tiġi rrispettata; sabiex tissaħħaħ id-dimensjoni Ewropea tal-kumitat, għandha titħeġġeġ rappreżentazzjoni xierqa u ġusta tal-Istati Membri kollha fid-dibattiti pubbliċi tiegħu; jenfasizza li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet għandu jittratta l-petizzjonijiet ammissibbli kollha b’importanza u oġġettività ugwali; jenfasizza li l-petizzjonijiet li huma relatati ma’ kampanja elettorali fi Stat Membru m’għandhomx ikunu ttrattati skont il-proċedura urġenti;

5.  Jenfasizza li l-petizzjonijiet huma wkoll ta' importanza fil-proċess leġiżlattiv, billi jidentifikaw lakuni u nuqqasijiet eżistenti fit-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja u billi jipprovdu lil kumitati oħra tal-Parlament b'informazzjoni utli u diretta għall-ħidma leġiżlattiva tagħhom fl-oqsma rispettivi tagħhom; jilqa' l-interazzjoni akbar tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet mal-kumitati parlamentari l-oħra, kif ukoll il-preżenza aktar frekwenti ta' kwistjonijiet relatati mal-petizzjonijiet fil-plenarja; iqis li l-petizzjonijiet mhumiex biss ir-responsabilità tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, iżda għandhom ikunu sforz komuni min-naħa tal-kumitati kollha tal-Parlament; jilqa' l-intenzjoni li jitwaqqaf netwerk informali ta' petizzjonijiet fil-Parlament, bil-parteċipazzjoni ta' rappreżentanti minn kull kumitat parlamentari, sabiex tkun garantita koordinazzjoni bla xkiel u effettiva tal-ħidma relatata mal-petizzjonijiet; jemmen li n-netwerk irid jippermetti li jinkiseb fehim aħjar tar-rwol tal-petizzjonijiet fil-ħidma parlamentari, u jrid isaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-kumitati fi kwistjonijiet imqajma mill-petizzjonanti; jistieden lill-kumitati parlamentari kkonċernati kollha biex jagħtu l-attenzjoni dovuta lill-petizzjonijiet mibgħuta lilhom u biex jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa għall-ipproċessar korrett tal-petizzjonijiet;

6.  Jirrikonoxxi li l-Parlament għandu wkoll rwol politiku kruċjali x'jaqdi fir-rigward tal-azzjonijiet ta' infurzar tal-Kummissjoni, billi jwettaq skrutinju tar-rapporti annwali dwar il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE u jadotta riżoluzzjonijiet parlamentari rilevanti; jistieden lill-Kummissjoni tqis ir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament imressqa mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet, li jidentifikaw diskrepanzi speċifiċi fl-applikazzjoni u fl-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE fuq il-bażi ta' petizzjonijiet u jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni xierqa u tirrapporta lura lill-Parlament dwar is-segwitu tagħha; jistieden, barra minn hekk, lill-Kunsill u lill-Parlament jieħdu azzjoni speċifika fl-adozzjoni tar-Regolament (UE) .../.... [proċedura 2013/0140(COD)] dwar l-eżenzjoni ta' Drosophila melanogaster minn kontrolli veterinarji fil-fruntieri esterni, kif issuġġerit mir-rebbieħa tal-Premju Nobel (professuri tal-bijokimika) fil-Petizzjoni 1358/2011;

7.  Jilqa' l-fatt li fl-2015 iż-żmien għall-ipproċessar tal-petizzjonijiet naqas, iżda jsostni madankollu li s-segretarjat tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet għandu bżonn immedjat ta' aktar riżorsi tekniċi u aktar persunal sabiex jiggarantixxi l-eżami diliġenti u tnaqqis ulterjuri fil-ħin tal-ipproċessar tal-petizzjonijiet, filwaqt li jiżgura l-kwalità tat-trattament tagħhom; jitlob għad-diġitalizzazzjoni tal-ipproċessar ta’ petizzjonijiet, notevolment bl-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda ta’ informazzjoni u komunikazzjoni biex jiġi ggarantit it-trattament effiċjenti u f’waqtu u l-aħjar użu tar-riżorsi umani eżistenti, filwaqt li jinżamm id-dritt taċ-ċittadini li jressqu petizzjoni permezz tal-posta tradizzjonali;

8.  Ikompli jqis li huwa obbligu partikolari li jiġi żgurat li l-inammissibilità jew l-għeluq ta' petizzjonijiet minħabba li jkunu infondati trid tkun ġustifikata bir-reqqa fir-rigward tal-petizzjonant;

9.  Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni hija involuta u timpenja ruħha fil-proċess ta' petizzjoni u li hi tirreaġixxi mill-aktar fis possibbli għall-petizzjonijiet il-ġodda lilha mibgħuta mill-Parlament; jinnota li t-tweġibiet tal-Kummissjoni sikwit ikunu ddettaljati u jittrattaw il-petizzjonijiet li huma fil-kompetenza tagħha; jinnota, madankollu, li f'bosta każijiet il-Kummissjoni ma tipprovdix elementi ġodda fit-tweġibiet tagħha għall-petizzjonijiet li dwarhom jintalab rieżami sabiex jinbidel l-istat u l-kuntest tagħhom; jiddispjaċih mill-okkażjonijiet meta l-Kummissjoni tiffoka essenzjalment fuq aspetti proċedurali u ma tidħolx fis-sustanza tal-kwistjoni; ifakkar lill-Kummissjoni li l-petizzjonijiet li jqajmu ksur potenzjali tad-dritt tal-UE jistgħu jingħalqu biss wara li tintemm l-analiżi xierqa tagħhom; jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tibgħat uffiċjali ġeneralment kompetenti għal-laqgħat tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, peress li l-kwalità tat-trattament globali tal-petizzjonijiet tiżdied meta l-uffiċjali tal-ogħla gradi disponibbli jirrappreżentaw lill-Kummissjoni fid-dibattiti; jiddispjaċih li matul il-laqgħat tal-kumitat it-tweġibiet tal-Kummissjoni ġeneralment ikunu limitati għall-kontenut tat-tweġiba uffiċjali mibgħuta lill-Kumitat u ma jagħtu l-ebda informazzjoni ġdida jew rilevanti li tkun tista' tagħmilha possibli li jissolvew il-kwistjonijiet imqajma; jinnota li t-tweġibiet bil-miktub jiġu kkunsidrati serjament, kif ukoll l-ispjegazzjonijiet mogħtija matul id-dibattiti orali li jsiru mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet;

10.  Iqis li fir-rwol tagħha bħala gwardjana tat-trattati, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam ma' kwistjonijiet ambjentali, il-Kummissjoni għandha tmur lil hinn minn sempliċi eżami tal-konformità proċedurali, u tiffoka aktar fuq il-kontenut propju tal-kwistjoni ewlenija; ifakkar li l-prinċipju ta' prekawzjoni u l-ispirtu finali tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE ta' prevenzjoni ta' ħsara irrimedjabbli fuq żoni ekoloġikament sensittivi, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tadotta approċċ li jippermettilha tagħmel użu mis-setgħat u mill-prerogattivi tagħha fuq bażi ex ante;

11.  Ma’ jaqbilx mal-interpretazzjoni dejjem iktar rikorrenti mill-Kummissjoni dwar is-sebgħa u għoxrin rapport annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea (2009), fejn hija jkollha d-dritt li tagħlaq fajls fuq liema ma jkun għadu ttieħed l-ebda pass formali fir-rigward tal-proċedimenti ta’ ksur, jew li tissuspendi proċedimenti ta' ksur attivi f’każijiet pendenti quddiem qorti nazzjonali; jafferma mill-ġdid l-ispirtu oriġinali tal-imsemmi rapport fejn talab li l-Kummissjoni ssaħħaħ l-isforzi tagħha biex tiżgura implimentazzjoni konsistenti tal-leġiżlazzjoni tal-UE, fi ħdan il-kapaċitajiet tagħha, bl-użu ta’ mekkaniżmi ta’ ksur indipendentement mill-eżistenza ta’ proċedimenti ġudizzjarji fil-livell nazzjonali;

12.  Se jieħu aktar ħsieb fil-futur biex jiżgura li l-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament b'mod regolari dwar il-progress tal-proċeduri ta' ksur imressqa kontra Stati Membri individwali, sabiex tiġi ffaċilitata kooperazzjoni aħjar u sabiex il-petizzjonanti kkonċernati jkunu jistgħu jiġu infurmati dwar il-progress fi stadju bikri;

13.  Iqis li, għal raġunijiet ta' trasparenza, fi spirtu ta' kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet differenti tal-UE u skont il-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea, il-Kummissjoni, fuq talba u meta jkun meħtieġ, għandha tagħti lill-Parlament sommarju tal-każijiet individwali relatati mal-proċedimenti tal-EU Pilot; ifakkar fit-talbiet preċedenti li għamel il-Kumitat għall-Petizzjonijiet sabiex jiġi żgurat aċċess għad-dokumenti proċedurali ta' ksur u tal-EU Pilot, peress li spiss il-petizzjonijiet iwasslu għall-ftuħ ta' proċeduri bħal dawn; jerġa' jħeġġeġ lill-Kummissjoni tinforma lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet dwar l-iżviluppi fil-proċeduri ta' ksur li huma marbuta direttament mal-petizzjonijiet; jagħraf il-ħtieġa li tiġi żgurata trasparenza massima fid-divulgazzjoni ta' informazzjoni dwar il-proċedimenti tal-EU Pilot u l-proċeduri ta' ksur li diġà ntemmew;

14.  Iqis li l-informazzjoni neċessarja dwar il-proċeduri ta' ksur miftuħa minħabba inkjesti relatati mal-petizzjonijiet għandha tiġi pprovduta lill-Parlament fil-ħin dovut, u b'mod partikolari fuq talba mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet;

15.  Iqis li huwa essenzjali li titjieb il-kooperazzjoni mal-parlamenti nazzjonali u mal-kumitati rilevanti tagħhom, kif ukoll mal-gvernijiet tal-Istati Membri, b'mod partikolari sabiex din tgħin ħalli jiġi żgurat li l-petizzjoni tiġi indirizzata mill-awtoritajiet rilevanti u kompetenti; itenni l-istedina tiegħu għat-tnedija ta' djalogu strutturat mal-Istati Membri fil-forma ta' laqgħat regolari mal-kumitati parlamentari nazzjonali rilevanti; jilqa' l-fatt li delegazzjoni tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Bundestag Ġermaniż kienet preżenti waqt il-laqgħa tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-4 ta' Mejju 2015; jittama li tali djalogu jista’ jikkontribwixxi għal kooperazzjoni leali fis-sejba ta’ soluzzjonijiet siewja għal każijiet rikorrenti riċevuti, bħalma huma l-petizzjonijiet dwar il-Jugendamt; iħeġġeġ lir-rappreżentanti tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet lokali u/jew reġjonali kkonċernati jattendu l-laqgħat tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet; itenni l-importanza tal-parteċipazzjoni ta' rappreżentanti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni waqt il-laqgħat u s-seduti ta' smigħ tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet;

16.  Jirrikonoxxi l-impatt tal-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-UE fuq it-tisħiħ tal-kredibilità tal-istituzzjonijiet tal-UE; ifakkar li d-dritt ta' petizzjoni, minqux fit-Trattat ta' Lisbona, huwa element importanti taċ-ċittadinanza Ewropea u barometru reali għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE u għall-identifikazzjoni tal-lakuni possibbli; jistieden lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet jorganizza laqgħa regolari mal-kumitati nazzjonali dwar il-petizzjonijiet sabiex iżid l-għarfien dwar it-tħassib taċ-ċittadini Ewropej fl-UE u fl-Istati Membri u sabiex isaħħaħ aktar id-drittijiet tagħhom permezz ta' tfassil u implimentazzjoni aħjar tal-liġijiet Ewropej;

17.  Itenni t-talba li saret fir-riżoluzzjoni tal-11 ta’ Marzu 2014 dwar l-attivitajiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-2013(1) biex jinbeda djalogu strutturat imtejjeb mal-Istati Membri, pereżemjpu billi jsiru laqgħat regolari ma' membri tal-kumitati nazzjonali għall-petizzjonijiet jew ma' awtoritajiet kompetenti oħra; jistieden lill-Istati Membri jieħdu nota tar-rakkomandazzjonijiet li jsiru fir-rapporti tal-missjonijiet ta' ġbir ta' informazzjoni u matul id-djalogi;

18.  Jilqa' l-fatt li fl-2015, 191 ċittadin ressqu l-petizzjonijiet tagħhom direttament lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet; ifakkar u jappoġġja r-rikors għall-vidjokonferenzi jew għal kwalunkwe mezz ieħor li jippermetti lill-petizzjonanti jipparteċipaw b'mod attiv fil-ħidma tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet jekk dawn ma jkunux jistgħu jkunu preżenti fiżikament;

19.  Jinnota l-interpretazzjoni restrittiva u dejqa tal-Kummissjoni fir-rigward tal-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li tistabbilixxi, fost oħrajn, li l-Karta hija indirizzata lill-Istati Membri "meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi tal-Unjoni biss"; jinnota li l-Artikolu 51(2) tal-Karta jiddisponi li l-Karta "ma testendix il-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi tal-Unjoni"; ifakkar li l-aspettattivi taċ-ċittadini tal-UE spiss imorru lil hinn mill-Karta, u jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra approċċ ġdid li huwa aktar konsistenti ma’ dawk l-aspettattivi; iħeġġeġ interpretazzjoni usa' tal-kamp ta' applikazzjoni tal-Karta, u li finalment terġa' tiġi vvalutata l-pertinenza ta' dan l-artikolu f'reviżjonijiet futuri tal-Karta u tat-trattati; jenfasizza li xejn ma jżomm lill-Istati Membri milli japplikaw bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tal-Karta fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tagħhom lil hinn mill-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u jfakkarhom li huma marbuta wkoll b'obbligi internazzjonali oħrajn;

20.  Jiddispjaċih li l-petizzjonanti ma għadhomx informati biżżejjed dwar x'inhuma r-raġunijiet biex petizzjoni tiġi ddikjarata inammissibbli;

21.  Jiddeplora l-interpretazzjoni stretta u restrittiva tal-Kummissjoni Ewropea tal-Artikolu 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jipprevedi li ‘d-dispożizzjonijiet [tal]-Karta huma intiżi għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji tal-Unjoni fir-rispett tal-prinċipju ta' sussidjarjetà u għall-Istati Membri wkoll biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta' l-Unjoni’; ifakkar li, minħabba l-eżistenza tal-Artikolu 51 tal-Karta, l-aspettattivi taċ-ċittadini sikwit imorru lil hinn minn dak li huwa strettament permess mid-dispożizzjonijiet ġuridiċi tal-Karta u li dawn spiss ma jiġux issodisfati, preċiżament minħabba din l-interpretazzjoni stretta u restrittiva; jistieden lill-Kummissjoni tadotta approċċ ġdid aktar adattat għal dawn l-aspettattivi;

22.  Jiddispjaċih li ċ-ċittadini tal-Polonja u tar-Renju Unit għadhom mhumiex protetti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

23.  Jenfasizza li f'Jannar 2015, inħatru żewġ Membri bħala membri rappreżentattivi tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet fl-istrutturi tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CPRD) u li fis-27 u t-28 ta' Awwissu 2015 dawn ħadu sehem fl-analiżi tar-rapport preliminari tal-Unjoni Ewropea u l-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità f'Ġinevra, l-Iżvizzera; jenfasizza l-ħidma importanti mwettqa b'mod kontinwu mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità; jieħu debitament nota tal-fatt li l-2015 kienet sena sinifikanti ħafna, peress li għall-ewwel darba aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti rrieżaminat il-konformità mal-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem fl-UE; jilqa' l-fatt li kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti kellu l-opportunità li jisma' d-dettalji kollha dwar il-funzjoni ta' protezzjoni tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet; jenfasizza li l-Kummissjoni bdiet tinkorpora l-Osservazzjonijiet Finali tal-Kumitat dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità tan-NU fil-proċess tal-ipproċessar tal-petizzjonijiet(2); jilqa' l-fatt li s-seduta pubblika bl-isem "Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni b'diżabilità mill-perspettiva tal-petizzjonjijiet mibgħuta", organizzata mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fil-15 ta' Ottubru 2015, kellha livell għoli ta' aċċessibilità; jiġbed l-attenzjoni dwar l-importanza tal-konklużjonijiet tal-istudju mwettaq mid-Dipartiment Tematiku Ċ bl-isem "Ir-rwol ta' protezzjoni tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità"; iqis li huwa importanti li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet ikompli jorganizza avvenimenti li jiffokaw fuq il-petizzjonijiet fil-qasam ta' diżabilità; jitlob li tissaħħaħ il-kapaċità tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet u tas-segretarjat tiegħu sabiex dan ikun jista' jaqdi b'mod xieraq ir-rwol tiegħu ta' protezzjoni; jitlob li jinħatar uffiċjal responsabbli mill-ipproċessar tal-problemi relatati mad-diżabilità; jieħu nota tal-pjan ta' azzjoni sinifikanti ta' segwitu magħmul mill-kumitat fl-2015 fir-rigward tad-diżabilità f'suġġetti aktar speċifiċi, bħalma, pereżempju, ir-ratifikazzjoni tat-Trattat ta' Marrakexx, l-iżblukkar tad-Direttiva kontra d-Diskriminazzjoni, l-eżenzjoni mid-dazji doganali għal ċerti oġġetti maħsuba għat-titjib kulturali, edukattiv jew xjentifiku tal-persuni b'diżabilità jew l-indukraturi tal-familja;

24.  Iħeġġeġ ratifika minnufih fil-livell tal-UE tat-Trattat ta' Marrakexx sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal xogħlijiet ippubblikati għal persuni li huma għomja, li għandhom vista batuta, jew persuni b'diffikultà biex jaqraw materjal stampat, ikun xi jkun il-kunflitt fuq il-kompetenzi quddiem il-QtĠ-UE; li fl-Osservazzjonijiet Finali tiegħu f'Settembru 2015, il-Kumitat tas-CPRD semma' ċerti nuqqasijiet fl-UE fir-rigward tal-konformità sħiħa mal-Konvenzjoni; jinnota li l-UE hija meħtieġa tadotta minnufih Att Ewropew emendat dwar l-Aċċessibilità li jkun jinkludi mekkaniżmi effettivi u aċċessibbli ta' infurzar u ta' lment; jinnota r-rekwiżit li jiġu diżakkoppjati r-rwoli tal-Kummissjoni billi titneħħa mill-qafas ta' monitoraġġ indipendenti, sabiex jiġi żgurat li l-qafas ikollu riżorsi adegwati għat-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu;

25.  Jenfasizza d-diversità tas-suġġetti li jitqajmu fil-petizzjonijiet imressqa miċ-ċittadini, bħad-drittijiet fundamentali, il-benesseri tat-tfal, id-drittijiet tal-persuni b'diżabilità, id-drittijiet ta' persuni li jappartjenu għal minoranzi, id-drittijiet tat-tfal, is-suq intern, il-leġiżlazzjoni dwar l-ambjent, ir-relazzjonijiet industrijali, il-politiki dwar il-migrazzjoni, il-ftehimiet kummerċjali, il-kwistjonijiet dwar is-saħħa pubblika, it-trasport, id-drittijiet tal-annimali u d-diskriminazzjoni;

26.   Jiddispjaċih għall-approċċ restrittiv ħafna meħud mill-Kummissjoni fit-tweġibiet tagħha għall-petizzjonijiet relatati ma' aspetti differenti tat-trattament xieraq tal-annimali, f'dak li għandu x'jaqsam mal-interpretazzjoni tar-responsabbiltajiet tagħha skont l-Artikolu 13 tat-TFUE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni terġa' tikkunsidra l-approċċ attwali tgħagħha u tkompli tanalizza l-bażi ġuridika tiegħu sabiex jaqdi rwol fl-iżgurar tal-protezzjoni aħjar tad-drittijiet tal-annimali madwar l-UE;

27.  Jenfasizza l-karattru sensittiv tal-petizzjonijiet relatati mad-drittijiet tat-tfal, peress li f'każijiet bħal dawn hemm bżonn ta' tweġiba urġenti u adegwata għat-tħassib tal-petizzjonanti filwaqt li jinżammu l-aħjar interessi tat-tfal, fil-kuntest taż-żjarat ta' ġbir ta' informazzjoni li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet jista' jorganizza meta jkun qed jinvestiga petizzjonijiet;

28.  Iqis li l-organizzazzjoni ta' seduti pubbliċi tikkostitwixxi mod importanti kif jiġu eżaminati f'aktar dettall il-problemi mqajma mill-petizzjonanti li jaqgħu taħt l-oqsma ta' attività tal-UE, kif ukoll l-aspetti ġenerali tal-funzjonament tal-UE u n-nuqqasijiet sottostanti fihom; jiġbed l-attenzjoni għas-seduti pubbliċi organizzati fis-26 ta' Frar 2015 flimkien mal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej, fit-23 ta' Ġunju 2015 dwar id-dritt ta' petizzjoni, fil-15 ta' Ottubru 2015 dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni b'diżabilità, tal-11 ta' Mejju 2015 ma' tliet kumitati oħrajn dwar l-ECI "Inwaqqfu l-Vivisezzjoni", u jqis ukoll bħala utli s-sessjoni ta' ħidma li saret fl-1 ta' Diċembru 2015 flimkien mal-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar l-adozzjonijiet transfruntiera;

29.  Iqis li l-ECI hija dritt politiku ġdid għaċ-ċittadini kif ukoll għodda rilevanti biex tiġi definita l-aġenda politika fil-qasam ta' demokrazija parteċipattiva fl-Unjoni Ewropea, li tippermetti liċ-ċittadini jkunu involuti direttament u b'mod attiv fil-proġetti u l-proċessi li jaffettwawhom, u li l-potenzjal tagħha għandu bla dubju jiġi sfruttat bis-sħiħ u għandu jitjieb b'mod sinifikanti sabiex jinkisbu l-aħjar riżultati possibbli u sabiex l-akbar numru possibbli ta' ċittadini tal-Unjoni jitħeġġu jipparteċipaw fl-iżvilupp ulterjuri tal-proċess ta' integrazzjoni Ewropea; iqis bl-istess mod li t-tisħiħ tal-ħarsien tad-drittijiet fundamentali, tal-leġittimità demokratika u tat-trasparenza tal-istituzzjonijiet għandu jkun fost l-objettivi prijoritarji tal-UE; ifakkar lill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li tagħti segwitu għar-rakkomandazzjonijiet li saru mir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Ottubru 2015 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej(3) sabiex jiġi żgurat li d-dritt ta' sottomissjoni tal-ECI jiġi implimentat kif suppost; itenni l-impenn tiegħu li jipparteċipa b'mod proattiv fl-organizzazzjoni ta' seduti pubbliċi dwar inizjattivi ta' suċċess; jintrabat li jagħti prijorità fil-livell istituzzjonali lill-effettività ta' dan il-proċess ta' parteċipazzjoni u li jiggarantixxi segwitu leġiżlattiv xieraq;

30.  Jiddispjaċih li l-Kummissjoni tqis li huwa kmieni wisq biex tirrevedi r-Regolament (UE) Nru 211/2011 li sar applikabbli aktar minn tliet snin ilu tal-1 ta' April 2012; iqis li jeħtieġ li l-implimentazzjoni tiegħu tiġi evalwata bir-reqqa sabiex jiġu solvuti n-nuqqasijiet possibbli identifikati u jiġu proposti soluzzjonijiet vijabbli sabiex dan jiġi rivedut immedjatament, filwaqt li jiġi żgurat li l-proċeduri u l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej ikunu ġenwinament ċari, sempliċi, proporzjonati u jkunu faċilment applikabbli; jilqa' r-rapport tal-Kummissjoni tal-31 ta' Marzu 2015 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej u d-Deċiżjoni OI/9/2013/TN tal-Ombudsman Ewropew, u jitlob lill-Kummissjoni biex fir-reviżjoni ta' dan l-istrument tiżgura li l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej tipprovdi kontribut effettiv lill-Unjoni f'konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u li jiġu adottati l-miżuri legali kollha rilevanti sabiex jingħata segwitu xieraq meta jitqies li inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej tkun ġiet ikkompletata b'suċċess; jitlob lill-Kummissjoni biex, fid-dawl tal-bosta nuqqasijiet li tqajmu, tressaq malajr kemm jista' jkun proposta għal riforma tar-Regolament (UE) Nru 211/2011;

31.  Jiġbed l-attenzjoni għar-Riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar il-leġiżlazzjoni ipotekarja u l-istrumenti finanzjarji riskjużi fi Spanja(4) fid-dawl tal-petizzjonijiet li waslu, fejn il-Parlament għamel għadd ta' rakkomandazzjonijiet għall-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-dritt ipotekarju u l-ġlieda kontra l-abbużi bankarji; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni fl-Istati Membri kollha tad-Direttiva 2014/17/UE dwar kuntratti ta' kreditu ipotekarju u tad-Direttiva 93/13/KEE dwar klawsoli inġusti f'kuntratti mal-konsumatur, u biex tikkondividi l-aħjar prattika biex titjieb il-protezzjoni taċ-ċittadini f'diffikultà finanzjarja,

32.  Huwa mħasseb dwar l-evidenza ta' nuqqasijiet dwar l-aċċess xieraq għall-ġustizzja f'ċerti Stati Membri li nstabu bħala riżultat tal-ipproċessar tal-petizzjonijiet; iqis li din hija kwistjoni essenzjali li għandha tiġi indirizzata minnufih sabiex jiġi garantit funzjonament demokratiku xieraq tal-Unjoni u l-eżerċitar tad-drittijiet fundamentali miċ-ċittadini u mir-residenti tagħha; iqis li l-Unjoni għandha tagħti eżempju billi tintroduċi l-pilastru tal-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar l-aċċess għall-ġustizzja dwar kwistjonijiet ambjentali;

33.  Jiġbed l-attenzjoni għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2016 dwar l-attivitajiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet matul is-sena 2014(5), kif ukoll għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2016 dwar ir-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fl-2014(6);

34.  Jilqa' l-issoktar ta' livell aktar normali ta' attività fil-qasam taż-żjarat ta' ġbir ta' informazzjoni, u jistenna li l-potenzjal sħiħ ta' din il-prerogattiva speċifika tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet jiġi sfruttat fis-snin li ġejjin sal-aħħar nett tal-perjodu leġiżlattiv; jisħaq fuq l-importanza tad-Dokumenti ta' Ħidma prodotti wara kull żjara, inklużi rakkomandazzjonijiet speċifiċi, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet differenti kkonċernati sabiex iqisuhom; iqis li l-grad ta' konformità ma' dawn ir-rakkomandazzjonijiet għandu jiġi vvalutat perjodikament;

35.  Jenfasizza l-ħidma mwettqa fl-2015 mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet biex jagħmel disponibbli għall-petizzjonanti portal tal-internet li permezz tiegħu jkollhom l-opportunità li jirreġistraw ruħhom, iressqu petizzjoni, iniżżlu d-dokumenti ta' akkumpanjament u jinkitbu fil-petizzjonijiet li diġà ġew iddikjarati ammissibbli; jenfasizza l-aġġornament ta' dan il-portal, fejn diġà ttellgħu il-petizzjonijiet irreġistrati fl-2013, l-2014 u l-2015; jilqa' l-fatt li l-funzjonalitajiet il-ġodda ta' tiftix, ta' adeżjoni ma' petizzjoni eżistenti u tal-kunfidenzjalità tal-petizzjonant iġġeddu u tjiebu;

36.  Ifakkar fil-passi li għadhom meħtieġa biex jiġu konklużi l-fażijiet pendenti tal-proġett tal-portal tal-petizzjonijiet, fejn il-petizzjonanti se jkunu jistgħu jirċievu informazzjoni f'ħin reali dwar l-istatus tal-petizzjoni tagħhom u se jiġu notifikati awtomatikament dwar bidliet fil-proċess ta' pproċessar bħad-dikjarazzjoni ta' ammissibilità, ir-riċevuta ta' tweġiba mingħand il-Kummissjoni jew l-inklużjoni tal-petizzjoni tagħhom fl-aġenda ta' laqgħa tal-kumitat u l-link għax-xandir fuq il-web, u għaldaqstant jingħataw informazzjoni ċara u diretta mis-segretarjat tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet; jisħaq li l-portal fuq il-web huwa sors ta' informazzjoni kruċjali għaċ-ċittadini tal-UE, u li għalhekk għandha tiġi provduta informazzjoni dwar iċ-ċiklu tal-ħajja tal-petizzjoni;

37.  Jiġbed l-attenzjoni lejn l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern; jisħaq li d-dokumenti ppreżentati u ffirmati b'firma elettronika minn kull wieħed mit-28 Stat Membru għandhom jiġu aċċettati mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet, kif ukoll mill-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni Ewropea;

38.  Jenfasizza r-rwol importanti tan-netwerk SOLVIT, li huwa netwerk għal soluzzjoni tal-problemi bejn l-Istati Membri, u li għandu jiġi żviluppat sew biex jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu f'kollaborazzjoni ma' dawn l-Istati Membri u maċ-ċentri nazzjonali SOLVIT tagħhom li jirrapportaw lill-amministrazzjonijiet nazzjonali, u jitlob li dan jiġi mogħni b'riżorsi miżjuda u li ssir analiżi aktar sistematika tal-problemi identifikati permezz tas-SOLVIT, peress li dan in-netwerk jikkontribwixxi biex tingħata stampa reali tal-funzjonament ħażin tas-suq uniku;

39.  Jistieden lir-Renju Unit jieħu nota tar-rakkomandazzjonijiet magħmula fir-rapport dwar iż-żjara ta' ġbir ta' informazzjoni f'Londra fil-5 u s-6 ta' Novembru 2015 li ġie adottat minn dan il-Kumitat fid-19 ta' April 2016;

40.  Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni mal-Ombudsman Ewropew kif ukoll il-parteċipazzjoni tal-Parlament fin-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen; ifaħħar ir-relazzjonijiet tajba miżmuma fl-ambitu interistituzzjonali bejn l-Ombudsman u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet; ifaħħar il-ħidma tal-Ombudsman biex ittejjeb l-amministrazzjoni tajba fl-UE, u apprezza b'mod partikolari l-kontribut regolari tagħha għall-ħidma tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet matul is-sena kollha;

41.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Ombudsman Ewropew, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-kumitati għall-petizzjonijiet tagħhom u lill-ombudsmen nazzjonali tagħhom jew lil korpi simili kompetenti.

(1) Testi adottati, P7_TA(2014)0204.
(2) Adottati mill-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti fl-erbatax-il sessjoni tiegħu (mis-17 ta' Awwissu sal-4 ta' Settembru 2015); ara: http://tbinternet.ohchr.org/_layouts/treatybodyexternal/Download.aspx?symbolno=CRPD%2fC%2fEU%2fCO%2f1&Lang=en
(3) Testi adottati, P8_TA(2015)0382.
(4) Testi adottati, P8_TA(2015)0347.
(5) Testi adottati, P8_TA(2016)0021.
(6) Testi adottati, P8_TA(2016)0062.


Ftehimiet dwar l-avjazzjoni internazzjonali
PDF 259kWORD 49k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2016 dwar ftehimiet dwar l-avjazzjoni internazzjonali (2016/2961(RSP))
P8_TA(2016)0513B8-1337/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Marzu 2016 li jawtorizzaw lill-Kummissjoni tibda negozjati dwar ftehimiet ta' sikurezza tal-avjazzjoni mal-Ġappun u ċ-Ċina,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta' Ġunju 2016 li jawtorizzaw lill-Kummissjoni tibda negozjati dwar il-ftehimiet ta' servizzi bl-ajru fil-livell tal-UE mal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN), it-Turkija, il-Qatar u l-Emirati Għarab Magħquda,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-27 ta' Settembru 2012 bit-titolu "Il-Politika Esterna tal-UE dwar l-Avjazzjoni – Nindirizzaw l-Isfidi tal-Futur" (COM(2012)0556),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-7 ta' Diċembru 2015 bit-titolu "Strateġija tal-Avjazzjoni għall-Ewropa" (COM(2015)0598),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Novembru 2015 dwar l-avjazzjoni(1),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea(2) ("il-Ftehim Qafas") u b'mod partikolari l-punti 23 sa 29, l-Anness II u l-Anness III tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b'mod partikolari s-sentenzi tal-24 ta' Ġunju 2014 fil-każ tal-Mauritius (C-658/11) u tal-14 ta' Ġunju 2016 fil-każ tat-Tanzanija (C-263/14),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-12 ta' Marzu 2014 bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar it-trasmissjoni lil u t-trattament mill-Parlament Ewropew ta' informazzjoni klassifikata miżmuma mill-Kunsill dwar kwistjonijiet apparti dawk fil-qasam tal-politika estera u ta' sigurtà komuni(3),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' April 2013 rigward ir-regoli li jindirizzaw it-trattament ta' informazzjoni kunfidenzjali mill-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-arranġamenti prattiċi għall-għoti ta' informazzjoni dwar negozjati dwar l-avjazzjoni internazzjonali, inkluż l-aċċess għal informazzjoni kunfidenzjali, kif maqbul bejn il-President tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-Kummissarju għat-Trasport fil-forma ta' skambju ta' ittri fid-19 ta' Jannar 2016 u fit-18 ta' Marzu 2016,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikolu 218 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-ftehimiet dwar l-avjazzjoni internazzjonali (O-000128/2016 – B8-1807/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Kummissjoni pproponiet Strateġija tal-Avjazzjoni għall-Ewropa biex tiftaħ negozjati dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili mal-Ġappun u ċ-Ċina, u ta' servizzi bl-ajru fil-livell tal-UE maċ-Ċina, it-Turkija, il-Messiku, sitt membri tal-istati tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, l-Armenja u l-ASEAN;

B.  billi l-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tibda negozjati għal ftehimiet dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni mal-Ġappun u maċ-Ċina u ta' ftehimiet ta' servizzi bl-ajru fil-livell tal-UE mal-ASEAN, it-Turkija, il-Qatar u l-Emirati Għarab Magħquda;

C.  billi l-approvazzjoni tal-Parlament hi meħtieġa għall-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali li jkopru l-oqsma li tapplika għalihom il-proċedura leġiżlattiva ordinarja;

D.  billi, meta l-Kummissjoni tkun qed tinnegozja ftehimiet bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali, il-Parlament għandu "jinżamm informat immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura" (l-Artikolu 218(10) tat-TFUE);

E.  billi l-Ftehim Qafas għandu jiżgura li s-setgħat u l-prerogattivi tal-istituzzjonijiet jiġu eżerċitati b'mod kemm jista' jkun effikaċi u trasparenti;

F.  billi f'dak il-Ftehim Qafas il-Kummissjoni ntrabtet li tirrispetta l-prinċipju ta' trattament ugwali tal-Parlament u tal-Kunsill rigward kwistjonijiet leġiżlattivi u baġitarji, speċjalment rigward l-aċċess għal laqgħat u t-trażmissjoni ta' kontribuzzjonijiet jew informazzjoni oħra;

1.  Jisħaq fuq il-fatt li, sabiex il-Parlament ikun jista' jieħu deċiżjoni dwar jekk jagħtix l-approvazzjoni tiegħu jew le fl-aħħar tan-negozjati, hemm bżonn li hu jsegwi l-proċess mill-bidu; jikkunsidra li hu wkoll fl-interess tal-istituzzjonijiet l-oħra li kwalunkwe tħassib ta' ċerta importanza li jqajjem dubji dwar ir-rieda tal-Parlament li jagħti l-approvazzjoni tiegħu jeħtieġ jiġi identifikat u indirizzat fi stadju bikri;

2.  Ifakkar li l-Ftehim Qafas rivedut jiddikjara, b'mod partikolari, li l-Parlament mill-bidu għandu jirċievi, b'mod regolari u, fejn meħtieġ, fuq bażi kunfidenzjali, id-dettalji sħaħ dwar il-proċedura li tkun għaddejja fl-istadji kollha tan-negozjati;

3.  Jistenna li l-Kummissjoni tipprovdi lill-kumitat kompetenti tal-Parlament informazzjoni dwar l-intenzjoni tagħha li tipproponi negozjati bil-ħsieb li jiġu konklużi u emendati ftehimiet internazzjonali dwar l-ajru; jistenna li l-Kummissjoni tilħaq ftehimiet mal-Kunsill u mas-sħab fin-negozjati sabiex il-Membri tal-Parlament Ewropew jingħataw aċċess għad-dokumenti rilevanti kollha, inklużi d-direttivi ta' negozjati u t-testi kkonsolidati, b'mod parallel u fuq bażi ugwali mal-Kunsill;

4.  Jinnota li, skont l-Artikolu 24 tal-Ftehim Qafas, l-informazzjoni msemmija hawn fuq trid tiġi trażmessa lill-Parlament, b'mod li, fejn ikun meħtieġ, hu jkun jista' jesprimi l-pożizzjoni tiegħu; jitlob espressament lill-Kummissjoni biex tirrapporta lill-Parlament dwar kif ġew ikkunsidrati l-opinjonijiet tal-Parlament;

5.  Ifakkar li, skont l-Artikolu 218(10) tat-TFUE, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom l-obbligu li jinfurmaw lill-Parlament immedjatament u bis-sħiħ fl-istadji kollha tal-proċedura;

6.  Jirrikonoxxi li meta l-Parlament jirċievi informazzjoni sensittiva dwar negozjati li jkunu għaddejjin, hu għandu l-obbligu li jiżgura li tinżamm il-kunfidenzjalità sħiħa;

7.  Jinnota li r-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament jippermettu li l-Parlament ‘fuq il-bażi ta' rapport mill-kumitat responsabbli, [...] jadotta rakkomandazzjonijiet u jitlob li dawn jitqiesu qabel jiġi konkluż [il-ftehim internazzjonali ikkonċernat]’ (l-Artikolu 108(4));

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P8_TA(2015)0394.
(2) ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47.
(3) ĠU C 95, 1.4.2014, p. 1.

Avviż legali - Politika tal-privatezza