Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2017 dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (2017/2507(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika Ċentru-Afrikana (CAR), b'mod partikolari dik tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar l-Operazzjonijiet ta' Appoġġ għall-Paċi – l-involviment tal-UE man-NU u l-Unjoni Afrikana(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2301 (2016) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li ġġedded il-mandat tal-Missjoni Multidimensjonali Integrata tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Istabbilizzazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (MINUSCA) sal-15 ta' Novembru 2017, adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà fis-7747 laqgħa tiegħu fis-26 ta' Lulju 2016,
– wara li kkunsidra r-rapport tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-14 ta' Diċembru 2016 u d-dikjarazzjoni mill-kelliem għas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna tas-6 ta’ Jannar 2017 dwar l-attakki fuq il-MINUSCA,
– wara li kkunsidra l-kopresidenza tal-Konferenza ta’ Brussell għar-Repubblika Ċentru-Afrikana fis-17 ta’ Novembru 2016 mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, u l-President tar-Repubblika Ċentru-Afrikana, Faustin-Archange Touadéra,
– wara li kkunsidra t-tgħarrif tal-UE dwar ir-Repubblika Ċentru-Afrikana tal-21 ta' Ottubru 2016 mogħti mill-Eċċellenza Tagħha s-Sinjura Joanne Adamson, Deputat Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għan-Nazzjonijiet Uniti, fid-Dipartiment tal-Operazzjonijiet għaż-Żamma tal-Paċi tan-Nazzjonijiet Uniti,
– wara li kkunsidra r-rapport tat-22 ta’ Lulju 2016 mill-esperta indipendenti tan-NU maħtura mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem sabiex timmonitorja, tirrapporta u tagħti pariri dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, kif ukoll id-dikjarazzjoni tagħha tas-16 ta' Novembru 2016 qabel il-laqgħa tad-donaturi fi Brussell,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-Repubblika Ċentru-Afrikana tad-9 ta’ Frar 2015, tal-20 ta’ Lulju 2015 u tal-14 ta’ Marzu 2016 u tad-19 ta’ April 2016 dwar l-organizzazzjoni paċifika tal-elezzjonijiet fir-Repubblika Ċentru-Afrikana,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-8 ta’ Lulju 2016 mill-President tal-Konfigurazzjoni tar-Repubblika Ċentru-Afrikana tal-Kummissjoni għall-Konsolidazzjoni tal-Paċi (PBC) waqt is-sessjoni ta' tgħarrif tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar ir-Repubblika Ċentru-Afrikana,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou rivedut,
– wara li kkunsidra l-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) tal-1998, ratifikat mir-Repubblika Ċentru-Afrikana fl-2001,
– wara li kkunsidra l-Protokoll Fakultattiv dwar l-Involviment tat-Tfal fil-Kunflitti Armati mehmuż mal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li ġie ffirmat mir-Repubblika Ċentru-Afrikana,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Amnesty International tal-11 ta' Jannar 2017 intitolat "The long wait for justice: accountability in Central African Republic" ("L-istennija twila għall-ġustizzja: l-obbligu ta' rendikont fir-Repubblika Ċentru-Afrikana",
– wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi, kif għadha ħierġa mill-kunflitt vjolenti bejn il-koalizzjoni tar-ribelli tas-Séléka u l-milizzji anti-Balaka, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana għamlet progress impressjonanti mill-2013 'il hawn, bl-appoġġ tal-komunità internazzjonali, biex tikseb ordni kostituzzjonali stabbilita mill-ġdid bl-organizzazzjoni paċifika u b’suċċess tal-elezzjonijiet u biex tikkompleta t-transizzjoni politika;
B. billi, minkejja l-progress politiku, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana baqgħet maħkuma mill-instabilità u d-diżordni ċivili sporadiku, li ġew intensifikati bi ġlidiet vjolenti f'għadd ta’ postijiet li wasslu għal spostamenti multipli tal-popolazzjoni fil-punent, fit-tramuntana u fil-lvant tal-pajjiż; billi n-nuqqas tal-libertajiet ċivili, l-inugwaljanza bejn is-sessi, ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin u t-tensjonijiet interkomunali għadhom ukoll għajn ta' tħassib serju dwar id-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Ċentru-Afrikana;
C. billi l-missjoni tan-NU għandha sa 10 750 membru tal-forzi taż-żamma tal-paċi fuq il-post fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, iżda xi persuni ċivili jilmentaw li hija ma tagħmilx biżżejjed biex tipproteġihom kontra l-għexieren ta’ gruppi armati; billi r-rapport tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-14 ta’ Diċembru 2016 dwar il-qtil arbitrarju ikkwota l-vjolenza sesswali fir-Repubblika Ċentru-Afrikana;
D. billi f’Diċembru 2016 il-missjoni tal-MINUSCA appoġġat djalogu ġdid bejn 11 mill-14-il grupp armat u l-gvern, bħala parti minn sforz kontinwu għad-diżarm tal-fazzjonijiet fir-Repubblika Ċentru-Afrikana; billi fl-4 ta' Jannar 2017, skont il-MINUSCA, il-membri tal-forzi taż-żamma tal-paċi tagħha li kienu fuq għassa kienu qed jerġgħu lura mill-belt ta’ Koui meta ġew attakkati minn madwar 50 aggressur daqs 60 km (37 mil) fil-punent ta’ Obo, u żewġ membri tal-forzi taż-żamma tal-paċi nqatlu minn ribelli mhux magħrufa, filwaqt li sar attakk simili wkoll fis-7 ta’ Jannar 2017 fil-majjistral ta' Bokayi, li fih inqatel membru tal-forzi taż-żamma tal-paċi;
E. billi r-rikostruzzjoni tas-settur tal-ġustizzja għadha fil-bidu tagħha u l-kapaċità tal-pulizija għadha estremament limitata, u dan, flimkien man-nuqqas totali ta’ sistema ġudizzjarja li tiffunzjona, ifisser li ftit ittieħdet azzjoni biex jitwaqqfu jew jiġu indirizzat l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u biex l-awturi ta' dawn ir-reati jitressqu quddiem il-ġustizzja;
F. billi, skont l-Amnesty International, in-nuqqas ta’ ġustizzja fir-Repubblika Ċentru-Afrikana huwa tant gravi li xi vittmi huma mġiegħla jgħixu l-ħajja tagħhom ta’ kuljum spalla ma' spalla mal-aggressuri tagħhom, peress li mijiet ħarbu f'evażjonijiet mill-ħabs fuq skala kbira waqt li ħafna minn dawk li huma akkużati bl-agħar delitti qatt ma ġew arrestati; billi minn 35 ħabs 8 biss qed jiffunzjonaw, u huma ftit biss il-qrati li joperaw barra mill-belt kapitali, Bangui;
G. billi minn Awwissu 2016 'il hawn kien hemm żieda allarmanti fl-għadd ta’ każijiet ta’ abbuż tad-drittijiet tal-bniedem u ta' ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali mwettqa minn fazzjonijiet differenti tal-ex-Séléka, l-anti-Balaka u l-affiljati tagħhom li ġiet irreġistrata fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, u r-riżultati huma mill-inqas 100 każ ta' qtil, spostament furzat tal-popolazzjoni ċivili u l-qerda ta’ proprjetà; billi l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet irrappurtaw ġlied serju fir-Repubblika Ċentru-Afrikana lejn tmiem Novembru 2016 bejn żewġ gruppi tas-Séléka, li ħalla mill-inqas 14-il persuna ċivili mejta u 76 midruba;
H. billi, skont Vladimir Monteiro, il-kelliem tal-MINUSCA f’Bangui, attakki bħal dawn ma jitwettqux biss fuq il-membri tal-forzi taż-żamma tal-paċi tan-NU, iżda jimmiraw ukoll għall-atturi umanitarji u għall-popolazzjoni ċivili;
I. billi bejn t-28 u t-30 ta’ Novembru 2016 mietu mill-inqas 115-il ruħ bħala riżultat ta’ ġlidiet li faqqgħu bejn żewġ gruppi (it-tnejn li huma fazzjonijiet tas-Séléka – il-Front Popolari għar-Rinaxximent tar-Repubblika Ċentru-Afrikana (Front Populaire pour la Renaissance de Centrafrique, FPRC), u l-Unjoni għall-Paċi fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (l’Union pour la Paix en Centrafrique (UPC)) fuq il-kontroll tat-toroq li jwasslu għall-minjieri tad-djamanti madwar Kalaga, belt li tinsab 45 km bogħod minn Bria, fejn iż-żewġ fazzjonijiet jiġbru "taxxi għall-użu tat-toroq", speċjalment fiż-żoni tal-minjieri u fuq ir-rotot ta’ migrazzjoni għar-rgħajja Peuhl (Fulani);
J. billi f’Mejju 2016 il-Ħames Kumitat tan-NU adotta riżoluzzjoni trasversali dwar iż-żamma tal-paċi li laqgħet id-determinazzjoni tas-Segretarju Ġenerali li tiġi implimentata bis-sħiħ il-politika ta’ tolleranza żero, affermat mill-ġdid il-ħtieġa ta' koordinazzjoni msaħħa għall-appoġġ lill-vittmi, u espandiet il-politika tan-NU ta’ trasparenza fir-rigward ta' allegazzjonijiet ta’ sfruttament u abbuż sesswali (SAS);
K. billi fis-17 ta’ Novembru 2016, il-VP/RGħ, Federica Mogherini, u l-President tar-Repubblika Ċentru-Afrikana, Faustin-Archange Touadéra, immobilizzaw lill-komunità internazzjonali bil-għan li jiġġeneraw appoġġ politiku u impenji konkreti ħalli jappoġġjaw l-aġenda ambizzjuża tal-awtoritajiet tar-Repubblika Ċentru-Afrikana biex jiksbu l-paċi, is-sigurtà u r-rikonċiljazzjoni fil-pajjiż kollu, kif ukoll biex jippromwovu l-iżvilupp u l-irkupru ekonomiku;
L. billi, skont in-NU, kważi nofs il-popolazzjoni tar-Repubblika Ċentru-Afrikana qed tiffaċċja nuqqas ta' sigurtà alimentari u teħtieġ għajnuna umanitarja; billi 40 % tat-tfal ta' taħt it-tliet snin huma nieqsa mill-ikel sustanzjuż b’mod kroniku u wieħed/waħda minn kull ħamest itfal imutu qabel jagħlqu l-ħames snin;
M. billi huwa stmat li din is-sena 2,2 miljun ruħ se jkunu jeħtieġu għajnuna umanitarja, inklużi 1,1 miljun tifel u tifla; billi fi tmiem l-2016, huwa stmat li madwar 420 000 persuna ġew spostati internament u 453 000 oħra fittxew rifuġju fil-pajjiżi ġirien;
N. billi f’dawn l-aħħar tliet snin l-Unjoni Ewropea kienet l-akbar donatur ta’ assistenza lir-Repubblika Ċentru-Afrikana, billi impenjat aktar minn EUR 500 miljun għal dan il-pajjiż; billi f’dak li għandu x’jaqsam ma’ għajnuna umanitarja, il-Kummissjoni weħidha pprovdiet EUR 124 miljun (minbarra EUR 30 miljun għar-rifuġjati Ċentru-Afrikani fil-pajjiżi ġirien) minn Diċembru 2013 'il hawn; billi fil-konferenza tad-donaturi fi Brussell fis-17 ta’ Novembru 2016, l-UE ħabbret EUR 409 miljun addizzjonali f’finanzjament biex tindirizza l-ħtiġijiet ta’ rikostruzzjoni, ta' konsolidazzjoni tal-paċi u umanitarji fir-Repubblika Ċentru-Afrikana;
O. billi l-Lord’s Resistance Army (LRA) żiedet l-attività tagħha madwar ir-Repubblika Ċentru-Afrikana tal-Lvant, fejn qed tixtered lil hinn mill-minjieri, b’attakki li involvew s-sakkeġġ, id-deprivazzjoni arbitrarja tal-libertà, il-qerda u l-konfiska ta’ proprjetà li jolqtu lill-persuni ċivili, u l-ħtif ta’ persuni; billi skont dawk li qed isegwu l-kriżi tal-LRA, minn Jannar 2016 'il hawn, jingħad li 344 ruħ, inklużi aktar minn 60 tifel u tifla, ġew maħtufa mil-LRA, filwaqt li eluf ta' ċivili wkoll ġew spostati fiż-żoni fejn qed topera;
P. billi, fil-15 ta’ Lulju 2014, l-UE stabbilixxiet l-ewwel Fond Fiduċjarju multidonatur tal-UE, imsejjaħ Bêkou u ddedikat lir-Repubblika Ċentru-Afrikana, ħaġa li tikkontribwixxi għall-istabbilizzazzjoni u r-rikostruzzjoni tal-pajjiż;
Q. billi s-sitwazzjoni ġenerali tas-sigurtà tjiebet mill-2013 'l hawn, b'mod partikolari f'Bangui, iżda għadha fraġli, u matul dawn l-aħħar xhur reġa' żdied l-għadd ta' episodji fejn faqqgħet il-vjolenza; billi delitti bħall-qtil, it-tortura, il-vjolenza sesswali, is-serq, il-ħtif, il-qerda tal-proprjetà kif ukoll il-kummerċ u l-pussess illegali tal-armi għadhom qed jitwettqu fil-pajjiż kollu;
R. billi minħabba restrizzjonijiet tal-finanzjament, il-Programm Dinji tal-Ikel ħabbar li kien se jeħtieġlu jagħmel tnaqqis addizzjonali fl-ammont ta' ikel li jista' jipprovdi, u li sa Frar 2017, id-distribuzzjoni tal-ikel jaf tiġi sospiża għalkollox;
S. billi l-kummerċ u l-estrazzjoni illeċiti tad-djamanti u tal-injam qed ikebbsu l-kunflitt billi jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-gruppi armati;
T. billi l-OIF (l-organizzazzjoni nazzjonali tal-Frankofonija ilha taħdem kontinwament mill-2003 biex issaħħaħ id-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-paċi fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, u qed tkompli taħdem fil-kuntest attwali ta' rikostruzzjoni ta' wara l-kriżi; billi l-ħidma tal-OIF hija kruċjali fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-istituzzjonijiet Ċentru-Afrikani, billi tipprovdi appoġġ tekniku għall-implimentazzjoni tal-Qorti Kriminali Speċjali, tappoġġa l-istabbiliment ta' Kummissjoni Nazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, tappoġġa t-tisħiħ tal-qafas amministrattiv u legali għall-elezzjonijiet, tipprovdi appoġġ tekniku għall-implimentazzjoni tal-programmi tad-diżarm, id-demobilizzazzjoni u r-riintegrazzjoni u r-riforma tas-settur tas-sigurtà (DDR-SSR), u tipprovdi appoġġ tekniku għal-Qorti Kriminali Speċjali permezz tal-mobilizzazzjoni ta' maġistrati Frankofoni;
1. Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi li saru mill-President Touadéra u l-gvern tiegħu favur il-promozzjoni tal-paċi u r-rikonċiljazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, fl-isfond ta' għexieren ta' snin ta' sottożvilupp u fraġilità u diversi snin ta' kunflitt armat; jistieden lill-Gvern tar-Repubblika Ċentru-Afrikana biex ikompli jintensifika aktar dawn l-isforzi, b'mod partikolari rigward id-djalogu mal-gruppi armati, SSR u DDR, u l-istabbiliment mill-ġdid tas-sistemi ("ktajjen") ġudizzjarji u penali sabiex tiġi miġġielda l-impunità;
2. Jikkundanna bil-qawwa t-telf tal-għajxien u tal-proprjetà u l-ksur u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali, li jinkludu l-qtil arbitrarju, il-vjolenza sesswali, it-trattament inuman u l-forom kollha ta' attakki, kif ukoll l-aggressjonijiet u l-provokazzjonijiet kontra l-popolazzjoni ċivili u l-forzi taż-żamma tal-paċi; ifakkar li tali attakki mmirati jaf jikkostitwixxu delitt tal-gwerra skont id-dritt umanitarju internazzjonali; jesprimi l-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-gvernijiet tal-Marokk u tal-Bangladesh, lill-familji tal-vittmi u lill-MINUSCA; jenfasizza li attakki mmirati kontra l-forzi taż-żamma tal-paċi huma inaċċettabbli u jmorru kontra kull norma internazzjonali;
3. Iqis li l-organizzazzjoni paċifika tal-elezzjonijiet raggruppati fl-14 ta' Frar 2016 fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, fejn perċentwal sinifikanti ta' votanti ħarġu jivvutaw, kienet tabilħaqq suċċess għall-proċess tat-transizzjoni politika; ifaħħar lill-awtoritajiet għall-isforzi tagħhom, li saħħew il-kredibilità u t-trasparenza tal-elezzjonijiet; jilqa' l-impenn tal-MINUSCA u l-appoġġ mogħti mill-operazzjoni Sangaris, li kkontribwew b'mod sostanzjali biex ġiet żgurata l-kalma waqt il-proċess elettorali;
4. Jappoġġja bis-sħiħ l-awtorità tas-Segretarju Ġenerali tan-NU li jimplimenta l-politika ta' trasparenza (tolleranza żero) tan-NU fir-rigward tal-allegazzjonijiet ta' sfruttament u abbuż sesswali, u jilqa' l-inizjattivi li implimenta s'issa fir-Repubblika Ċentru-Afrikana; jistieden lill-istati membri tan-NU jiżguraw li t-timijiet tal-Imġiba u tad-Dixxiplina u tas-Sorveljanza Interna tal-MINUSCA jirċievu r-riżorsi meħtieġa biex iwieġbu b'mod effettiv għall-każijiet ta' sfruttament u abbuż sesswali u delitti oħra;
5. Jenfasizza l-importanza kruċjali tas-sigurtà; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa ta' riformi biex il-forzi armati tar-Repubblika Ċentru-Afrikana jiġu ttrasformati f'armata professjonali, ikkontrollata b'mod demokratiku u etnikament rappreżentattiva; jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tad-19 ta' April 2016 li jistabbilixxi Missjoni ta' Taħriġ Militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUTM RCA) biex tikkontribwixxi għar-riforma tas-settur tad-difiża tal-pajjiż; jistenna li din se tgħin biex il-Forzi Armati Ċentru-Afrikani (FACA) jiġu modernizzati u jittejbu l-effikaċja u l-inklussività tagħhom billi toffri konsulenza strateġika lill-Ministeru tad-Difiża tar-Repubblika Ċentru-Afrikana u lill-persunal ġenerali, kif ukoll edukazzjoni u taħriġ;
6. Jistieden lill-Gvern tar-Repubblika Ċentru-Afrikana jibda investigazzjonijiet minnufih u imparzjali tal-allegazzjonijiet kollha ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju, jipproċessa kif xieraq lill-persuni responsabbli – il-kriminali u l-qattiela jridu jitressqu quddiem il-ġustizzja irrispettivament mill-grupp li jappartjenu għalih – u jipprovdi rimedju adegwat għall-vittmi tal-ksur; jappoġġa bil-qawwa l-istabbiliment rapidu ta' Qorti Kriminali Speċjali (li hu mistenni li se titlesta sa nofs l-2017), li jeħtieġ li tkun finanzjat b'mod sostenibbli sabiex ikun żgurat l-obbligu ta' rendikont u tintemm l-impunità mifruxa ħafna li teżisti bħalissa; jilqa' l-varar min-NU f'Diċembru 2016 tal-proċess ta' reklutaġġ ta' tmien imħallfin internazzjonali;
7. Jiddeplora l-fatt li s-sistema ġudizzjarja tar-Repubblika Ċentru-Afrikana, li kienet diġà dgħajfa qabel il-gwerra ċivili, iddgħajfet ħafna aktar minħabba l-ġlied kontinwu, li wassal għall-qerda ta' ħafna reġistri tal-qorti u għall-eżilju furzat ta' persunal ġudizzjarju; jistieden lill-Gvern tar-Repubblika Ċentru-Afrikana, bl-appoġġ tal-komunità internazzjonali, jinvesti b'mod sinifikanti fis-sistema ġudizzjarja tiegħu, inkluża r-rikostruzzjoni tal-qrati , il-forza tal-pulizija u l-ħabsijiet tiegħu; ifakkar fl-istess ħin li hija biss l-aderenza mal-prinċipji ta' governanza demokratika u ekonomika tajba, wara approċċ kostruttiv lejn id-djalogu fl-ispirtu tal-Forum ta' Bangui, li tiggarantixxi suċċess;
8. Jenfasizza b'mod partikolari l-importanza ta' koordinazzjoni mill-qrib mas-sħab involuti, b'mod partikolari l-awtoritajiet Ċentru-Afrikani, l-Unjoni Ewropea, il-Bank Dinji u n-NU, sabiex jiġu żgurati l-kooperazzjoni u l-komplementarjetà tajba fl-isforzi li qed isiru sabiex jerġa' jkun hemm l-istabilità fir-Repubblika Ċentru-Afrikana; iħeġġeġ li tittieħed azzjoni immedjata biex tiġi miġġielda l-impunità fir-rigward tad-delitti tal-gwerra u delitti oħra u biex jiġi megħjun il-bini mill-ġdid tas-sistema ġudizzjarja, peress li n-nuqqas ta' ġustizzja ikkontribwixxa għal żieda fil-ġlied vjolenti f'dawn l-aħħar xhur;
9. Jiddeplora l-fatt li, minħabba n-nuqqas ta' fondi, il-Programm Dinji tal-Ikel tan-Nazzjonijiet Uniti (WFP) qed jissogra li fil-futur qrib ikollu jwaqqaf l-għajnuna li jagħti lil 150 000 persuna spostati minħabba l-vjolenza fir-Repubblika Ċentru-Afrikana mifnija bil-kriżi; jinnota li l-ikel li jitqassam mill-Programm Dinji tal-Ikel jirrappreżenta għajnuna vitali għal dawn il-persuni spostati, li tilfu kulma kellhom, u li s-sospensjoni tal-għajnuna se jkollha impatt drammatiku fuq ħajjithom; iħeġġeġ lid-donaturi, f'dan il-kuntest, biex jirrispettaw l-impenji magħmula lill-Programm Dinji tal-Ikel, u biex ma jippermettux li tkompli teħżien is-sitwazzjoni tal-forniment tal-għajnuna umanitarja;
10. Jilqa' ż-żieda fl-impenn umanitarju tal-UE u tal-Istati Membri lir-Repubblika Ċentru-Afrikana fid-dawl tal-ħtiġijiet li qed jevolvu; jappella lid-donaturi internazzjonali kollha biex jappoġġaw il-finanzjament umanitarju tal-UE, inkluż il-Programm Dinji tal-Ikel, u biex jgħinu lil dawk milquta mill-kriżi fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, kemm lil dawk li jinsabu fil-pajjiż kif ukoll lil dawk rifuġjati fil-pajjiżi ġirien;
11. Jistieden lir-Repubblika Ċentru-Afrikana tiżviluppa politiki nazzjonali u oqfsa leġislattivi li jipproteġu adegwatament id-drittijiet tal-bniedem tal-persuni spostati, inkluża l-libertà tal-moviment; jistedinha wkoll tadotta soluzzjonijiet dejjiema għall-persuni spostati u r-rifuġjati, inklużi r-ritorn volontarji, durabbli, sikur u dinjituż lejn djarhom, u integrazzjoni lokali jew risistemazzjoni;
12. Jemmen li d-djalogu jibqa' l-uniku mod kif tista' tkun żgurata l-paċi dejjiema fir-reġjuni tar-Repubblika Ċentru-Afrikana milquta mill-konflitt, u jħeġġeġ lill-gvern iwieġeb b'mod konkret għat-tħassib tal-komunità internazzjonali fir-rigward tar-riżoluzzjoni tal-kriżi permezz tal-adozzjoni ta' approċċ proattiv biex tiġi stabbilita s-sigurtà għall-popolazzjoni lokali;
13. Jistieden lill-Gvern tar-Repubblika Ċentru-Afrikana, biex bl-appoġġ tas-sħab internazzjonali tiegħu, jimplimenta b'mod urġenti l-Pjan Nazzjonali għall-Irkupru u l-Konsolidazzjoni tal-Paċi tiegħu, b'mod partikolari permezz tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-forzi tas-sigurtà nazzjonali, permezz tad-diżarm, id-demobilizzazzjoni u r-riintegrazzjoni tal-gruppi armati, u permezz tal-ġlieda kontra l-impunità;
14. Jistieden lill-awtoritajiet tar-Repubblika Ċentru-Afrikana jiżviluppaw strateġija b'appartenenza nazzjonali biex jindirizzaw b'mod determinat il-fenomeni tal-isfruttament illeċitu u n-netwerks ta' traffikar tar-riżorsi naturali;
15. Jissuġġerixxi li n-NU toħloq unità fi ħdan il-MINUSCA biex tiġġieled lit-traffikar tad-djamanti, l-injam, id-deheb u l-avorju u l-kaċċa illegali militarizzata;
16. Jistieden lill-kumpaniji internazzjonali tad-djamanti biex ma jkomplux ikebbsu l-kunflitt u l-abbużi kontra d-drittijiet tal-bniedem billi jixtru djamanti estratti u mibjugħa illeċitament mir-Repubblika Ċentru-Afrikana;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u lill-awtoritajiet tar-Repubblika Ċentru-Afrikana, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lill-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika Ċentrali, lill-Assemblea Parlamentari AKP-UE u lill-Istati Membri tal-UE.