Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2508(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0075/2017

Dibattiti :

PV 19/01/2017 - 4.3
CRE 19/01/2017 - 4.3

Votazzjonijiet :

PV 19/01/2017 - 7.3

Testi adottati :

P8_TA(2017)0004

Testi adottati
PDF 278kWORD 53k
Il-Ħamis, 19 ta' Jannar 2017 - Strasburgu
Sitwazzjoni fil-Burundi
P8_TA(2017)0004RC-B8-0075/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2017 dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi (2017/2508(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Burundi, b'mod partikolari l-aħħar żewġ riżoluzzjonijiet tiegħu, adottati fid-9 ta' Lulju 2015(1) u fis-17 ta' Diċembru 2015(2),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou rivedut, b'mod partikolari l-Artikolu 96 tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/394 tal-14 ta' Marzu 2016 dwar il-konklużjoni tal-proċedura ta' konsultazzjoni mar-Repubblika tal-Burundi skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' sħubija bejn il-membri tal-gruppi tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Ottubru 2016 dwar il-futur tar-relazzjonijiet AKP-UE wara l-2020(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE tad-9 ta' Diċembru 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Arusha għall-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni fil-Burundi tat-28 ta' Awissu 2000,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Burundi, b'mod partikolari l-Artikolu 96 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana tad-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-21 ta' Ottubru 2016 mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) f'isem l-Unjoni Ewropea dwar l-Afrika t'Isfel u l-Burundi u l-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1755 tal-1 ta' Ottubru 2015 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Burundi(5), kif ukoll it-tiġdid ta' tali miżuri tad-29 ta' Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-4 ta' Novembru 2016 tal-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika tal-Burundi,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-20 ta' Settembru 2016 tal-Investigazzjoni Indipendenti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Burundi (UNIIB) stabbilit f'konformità mar-riżoluzzjoni S-24/1 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-17 ta' Ġunju 2016 tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni adottata mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti fit-30 ta' Settembru 2016 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-17 ta' Mejju 2016 tad-Delegazzjoni tal-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli dwar il-missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni fil-Burundi li seħħet mis-7 sat-13 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-6 ta' Jannar 2017 mill-kelliem tas-SEAE dwar il-projbizzjoni ta' Ligue Iteka fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Burundi ilu għaddej minn kriżi drammatika ta' natura politika, soċjali u ekonomika minn mindu l-president tiegħu, Pierre Nkurunziza, iddeċieda, bi ksur tal-Ftehim ta' Arusha u tal-kostituzzjoni tal-pajjiż, li jikkontesta għat-tielet mandat presidenzjali f'April 2015; billi l-President Nkurunziza reċentement għamel dikjarazzjonijiet li fihom ma eskludiex il-possibbiltà li jirrevedi l-Kostituzzjoni tal-Burundi bil-ħsieb li, eventwalment, din tippermettilu jikkontesta għar-raba' mandat mill-2020 'il quddiem;

B.  billi l-Burundi nnotifika lill-QKI illi rtira mill-Istatut ta' Ruma u mill-QKI fid-19 ta' Ottubru 2016 wara d-deċiżjoni tal-QKI li tagħti bidu għal investigazzjoni preliminari dwar il-vjolenza u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż;

C.  billi fil-15 ta' Novembru 2016 Ligue Iteka ppubblikat rapport imfassal flimkien mal-Federazzjoni Internazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem (FIDH) bit-titolu "Ir-repressjoni u d-dinamika ta' ġenoċidju fil-Burundi", wara investigazzjoni ta' sentejn fil-pajjiż, li pprovda aġġornament dwar ir-repressjoni u l-ksur massiv tad-drittijiet tal-bniedem min-naħa tal-gvern; billi, ftit ġimgħat wara, Ligue Iteka ppubblikat ukoll diversi rapporti investigattivi dwar l-aktar delitti serji mwettqa mill-forzi tal-gvern fil-Burundi: qtil, ħtif, għajbien furzat, tortura, stupru u detenzjonijiet fuq skala kbira; billi dawn id-delitti ssuktaw b'impunità assoluta; billi sa Ottubru 2016 ħames organizzazzjonijiet oħra li joperaw fil-qasam tal-drittijiet tal-bniedem kienu diġà ġew ipprojbiti: il-Forum pour le renforcement de la société civile (FORSC), il-Forum pour la conscience et le développement (FOCODE), l-Action chrétienne pour l'abolition de la torture (ACAT), l-Association burundaise pour la protection des droits humains et des personnes détenues (APRODH) u r-Réseau des citoyens probes (RCP);

D.  billi f'Novembru 2016 l-FIDH irrappurtat aktar minn 1 000 każ ta' mewt, 8 000 każ ta' persuni arrestati għal raġunijiet politiċi, minn 300 sa 800 każ ta' persuni neqsin, mijiet ta' każijiet ta' tortura, mijiet ta' nisa li sfaw vittmi tal-vjolenza sesswali, eluf ta' arresti arbitrarji, aktar minn 310 000 ruħ li spiċċaw rifuġjati f'pajjiżi ġirien u 61 000 każ ta' persuni spustjati internament; billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-Burundi toħloq riskji għall-istabbiltà tar-reġjun kollu kemm hu;

E.  billi l-gvern kompla jżid ir-repressjoni kontra l-midja u l-gazzetti indipendenti, filwaqt li l-ġurnalisti qed iħabbtu wiċċhom ma' għajbien furzat, theddid u attakki fiżiċi, jew fastidju ġudizzjarju; billi l-istazzjonijiet tar-radju indipendenti kollha ġew sospiżi; billi Reporters sans frontières tikklassifika l-Burundi fil-156 post minn 180 fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tagħha tal-2016;

F.  billi f'Marzu 2016 l-UE għalqet il-konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou u ssospendiet l-appoġġ finanzjarju dirett lill-amministrazzjoni Burundjana, wara li waslet għall-konklużjoni li l-impenji proposti mill-gvern rigward id-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt ma kinux sodisfaċenti;

G.  billi s-sistema ġudizzjarja fil-Burundi hija profondament korrotta u, minkejja li mijiet ta' nies sfaw maqtula u ttorturati minn mindu bdiet il-kriżi, ħafna minnhom min-naħa tal-pulizija u s-servizzi tal-intelligence, ftit li xejn tressqu quddiem il-ġustizzja;

H.  billi hemm biżgħat ta' "etniċizzazzjoni" tal-kriżi min-naħa tal-gvern, u billi t-tendenza li l-uffiċjali tal-Istat jużaw retorika li tifred qed issir komuni, kif semmew ukoll l-uffiċjali tan-NU;

I.  billi, skont ċerti rapporti, membri żgħażagħ tal-partit fil-gvern, l-Imbonerakure, qed jarrestaw lir-residenti, isawtuhom u jisirqulhom ġidhom, u qed jużaw ukoll l-istupru bħala arma; billi qed jiffokaw l-attakki tagħhom fuq il-membri tal-oppożizzjoni, speċjalment il-membri tal-Forzi Nazzjonali għall-Liberazzjoni (FNL); billi għexieren ta' membri tal-oppożizzjoni u ta' persuni meqjusa bħala avversarji sfaw maqtula, arrestati, imsawta u ttorturati f'dawn l-aħħar xhur;

J.  billi fid-29 ta' Settembru 2016, il-Kunsill ġedded il-miżuri restrittivi tal-UE kontra l-Burundi u estendiehom sal-31 ta' Ottubru 2017; billi dawn il-miżuri jikkonsistu fi projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi fil-konfront ta' individwi partikolari li l-attivitajiet tagħhom tqiesu li qed idgħajfu d-demokrazija jew ifixklu l-ħidma favur soluzzjoni politika għall-kriżi fil-Burundi;

K.  billi l-isforzi ta' medjazzjoni għadhom għaddejjin, bl-appoġġ sħiħ tal-Unjoni Afrikana, il-Komunità tal-Afrika tal-Lvant, l-UE u n-NU, bil-għan li jippromwovu d-djalogu inter-Burundjan ħalli tinstab soluzzjoni kunsenswali u paċifika għall-kriżi fil-Burundi;

1.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-fatt li s-sitwazzjoni politika u tas-sigurtà fil-Burundi sejra għall-agħar; jikkundanna l-vjolenza li ilha sseħħ fil-Burundi sa mill-2015, li wasslet għall-mewt, it-tortura, il-vjolenza mmirata kontra n-nisa, inkluż l-istupru kollettiv, il-fastidju u l-priġunerija ta' eluf ta' persuni, iċ-ċaqliq furzat ta' mijiet ta' eluf ta' Burundjani, l-arresti arbitrarji u d-detenzjonijiet illegali, u l-vjolazzjonijiet tal-libertà tal-istampa u tal-espressjoni, kif ukoll l-impunità mifruxa għal tali atti; jappella biex issir inkjesta bir-reqqa u indipendenti rigward il-qtil u l-abbużi u biex il-persuni li wettqu dawn ir-reati jitressqu quddiem il-ġustizzja;

2.  Ifakkar lill-awtoritajiet tal-Burundi fl-obbligi tagħhom biex jiggarantixxu, jipproteġu u jippromwovu d-drittijiet fundamentali, inklużi d-drittijiet ċivili u politiċi taċ-ċittadini tiegħu bħalma huma l-libertà ta' espressjoni u l-libertà ta' għaqda, kif previst fil-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, u fi strumenti internazzjonali u reġjonali oħra tad-drittijiet tal-bniedem; ifakkar lill-Gvern tal-Burundi fl-obbligi internazzjonali tiegħu skont il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, b'mod partikolari rigward ir-rispett tal-libertajiet fundamentali u tal-istat tad-dritt u t-trattament tal-kawżi ġudizzjarji, partikolarment id-dritt għal proċess ġust u imparzjali;

3.  Jinsab imħasseb serjament dwar l-adozzjoni mill-Assemblea Nazzjonali fil-Burundi fit-23 u t-28 ta' Diċembru 2016 ta' żewġ abbozzi ta' liġijiet li jistabbilixxu kontrolli aktar stretti fuq l-azzjonijiet ta' NGOs nazzjonali u internazzjonali; jenfasizza li fit-3 ta' Jannar 2017 dawn il-liġijiet wasslu biex Ligue Iteka tiġi pprojbita milli topera fil-pajjiż; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Burundjani jerġgħu jikkunsidraw din id-deċiżjoni; jafferma mill-ġdid ir-rwol essenzjali tas-soċjetà ċivili u tal-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem f'soċjetà demokratika; jistieden lill-awtoritajiet lokali jippermettulhom joperaw b'mod ħieles u sikur;

4.  Jappella għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-priġunieri miżmuma l-ħabs minħabba t-twemmin tagħhom; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jirduppjaw l-isforzi tagħhom fl-appoġġ u l-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-organizzazzjonijiet li jinsabu f'riskju fil-pajjiż;

5.  Jistieden lill-awtoritajiet Burundjani jiftħu l-midja mingħajr dewmien u jippermettu lill-mexxejja tal-oppożizzjoni fl-eżilju jirritornaw lejn il-pajjiż;

6.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Burundi biex jerġa' jibda jikkoopera mal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem u mal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u biex jagħti aċċess lill-persunal tal-OHCHR għall-postijiet ta' detenzjoni; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Burundi jirrispetta u jiggarantixxi d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali għal kulħadd, skont l-obbligi internazzjonali tiegħu;

7.  Jappoġġja bis-sħiħ il-prinċipji u l-valuri demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt bħala elementi essenzjali tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE u l-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim ta' Arusha; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jistabbilixxu l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-bini mill-ġdid tal-fiduċja u t-trawwim tal-unità nazzjonali permezz ta' djalogu nazzjonali inklużiv u trasparenti, li jinkludi l-gvern, il-partiti tal-oppożizzjoni u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili bi qbil mal-Ftehim ta' Arusha u l-Kostituzzjoni tal-Burundi;

8.  Jinnota bi tħassib kbir li l-Burundi fformalizza l-irtirar tiegħu mill-Istatut ta' Ruma; ifakkar li l-QKI hija istituzzjoni ewlenija li tgħin liċ-ċittadini jiksbu ġustizzja meta jiġu kkonfrontati bl-aktar delitti serji, f'każijiet fejn dan ma jkunx possibbli fil-livell nazzjonali;

9.  Jistieden lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u lill-QKI biex jibdew malajr investigazzjoni sħiħa dwar l-allegat ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Burundi, inkluż il-periklu ta' ġenoċidju fi ħdan il-ġurisdizzjoni tiegħu, li twettaq matul il-kriżi reċenti fil-pajjiż;

10.  Jikkundanna l-adozzjoni ta' liġi ġdida dwar il-ħolqien ta' korp ta' volontiera nazzjonali li tillegalizza l-attivitajiet vjolenti tal-milizzja taż-żgħażagħ "Imbonerakure", li ġiet akkużata diversi drabi minn organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u min-NU b'abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem u li topera fi klima ta' impunità; jappella għad-diżarm immedjat tal-milizzja;

11.  Jappoġġja d-deċiżjoni tal-Kunsill, wara l-falliment tad-diskussjonijiet mibdija skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou, li tissospendi l-appoġġ finanzjarju dirett lill-amministrazzjoni Burundjana, inkluż l-appoġġ baġitarju, filwaqt li żżomm appoġġ finanzjarju sħiħ għall-popolazzjoni u għall-għajnuna umanitarja permezz ta' mezzi diretti;

12.  Jilqa' s-sanzjonijiet immirati adottati mill-UE fl-1 ta' Ottubru 2015, f'konformità mad-deċiżjoni meħuda mill-Unjoni Afrikana li timponi sanzjonijiet immirati, inklużi restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi kontra Burundjani responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u kontra dawk li jfixklu l-isforzi biex tinkiseb soluzzjoni politika għall-kriżi; jistieden lill-UE testendi tali sanzjonijiet għall-persuni kollha li l-azzjonijiet tagħhom jirrappreżentaw theddida għall-paċi u l-istabbiltà fir-reġjun, filwaqt li jinċitaw il-mibegħda u jiksru l-Ftehim ta' Arusha;

13.  Jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-kriżijiet politiċi jistgħu jwasslu għal kunflitt etniku; jikkundanna l-elenkar ta' persuni fl-amministrazzjoni u fl-armata Burundjana skont l-appartenenza etnika tagħhom; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jirrispettaw il-Ftehim ta' Arusha;

14.  Jilqa' l-Kummissjoni ta' Inkjesta tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fil-Burundi, stabbilita f'Novembru 2016 biex tinvestiga l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-abbużi fil-Burundi minn April 2015 'il quddiem; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Burundi jikkooperaw bis-sħiħ mal-membri tal-Kummissjoni ta' Inkjesta;

15.  Jappoġġja r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU ta' Lulju 2016 li tawtorizza l-iskjerament ta' forza tal-pulizija tan-NU fil-Burundi bil-għan li tnaqqas il-vjolenza u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż; iħeġġeġ lill-Kunsill tal-Paċi u tas-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana biex b'mod urġenti jibgħat delegazzjoni lejn Bujumbra ħalli tiltaqa' mal-President Nkurunziza u tagħmel pressjoni fuqu biex iwaqqaf l-abbużi mwettqa mill-forzi tas-sigurtà;

16.  Jistieden lill-Unjoni Afrikana, lin-NU u lill-UE jqisu serjament id-dimensjoni reġjonali u jevitaw kwalunkwe destabbilizzazzjoni ulterjuri tar-reġjun; iħeġġeġ lill-VP/RGħ tinvolvi ruħha mal-awtoritajiet tal-Burundi u mal-partijiet interessati rilevanti l-oħra kollha u tappoġġja, iġġedded u ssaħħaħ il-kredibbiltà tal-isforzi ta' medjazzjoni reġjonali mill-Komunità tal-Afrika tal-Lvant biex tinstab soluzzjoni dejjiema għall-kriżi li tirrispetta l-kostituzzjoni, il-Ftehim ta' Arusha u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem permezz ta' djalogu miftuħ u inklużiv;

17.  Jinsab imħasseb serjament dwar il-fluss dejjem jikber ta' rifuġjati lejn il-pajjiżi ġirien u s-sitwazzjoni umanitarja allarmanti fil-Burundi; itenni l-appoġġ u s-solidarjetà tiegħu lejn l-organizzazzjonijiet umanitarji kollha li joperaw fuq il-post, kif ukoll mal-pajjiżi ospitanti ġirien; jistieden ukoll lill-UE żżid l-assistenza tagħha fir-reġjun;

18.  Jesprimi tħassib serju dwar id-dikjarazzjoni tal-President Nkurunziza tat-30 ta' Diċembru 2016 li għandu mnejn jerġa' jikkontesta għar-raba' mandat presidenzjali fl-2020;

19.  Jinsab partikolarment imħasseb dwar il-livelli drammatiċi ta' diskriminazzjoni kontra l-persuni LGBTI fil-Burundi, kif ukoll il-kriminalizzazzjoni tagħhom; jistieden, għalhekk, lill-Assemblea Nazzjonali u lill-Gvern tal-Burundi jħassru l-artikoli tal-kodiċi penali li jiddiskriminaw kontra l-persuni LGBTI;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u lill-Parlament tal-Burundi, lill-Kunsill AKP-UE, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Komunità tal-Afrika tal-Lvant u lill-gvernijiet tal-istati membri tagħha, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet.

(1) Testi adottati, P8_TA(2015)0275.
(2) Testi adottati, P8_TA(2015)0474.
(3) ĠU L 73, 18.3.2016, p. 90.
(4) Testi adottati, P8_TA(2016)0371.
(5) ĠU L 257, 2.10.2015, p. 1.

Avviż legali - Politika tal-privatezza