Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Frar 2017 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 19/2013 li jimplimenta l-klawsola ta' salvagwardja bilaterali u l-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 20/2013 li jimplimenta l-klawsola ta' salvagwardja bilaterali u l-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana tal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Amerika Ċentrali, min-naħa l-oħra (COM(2015)0220 – C8-0131/2015 – 2015/0112(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2015)0220),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 207(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0131/2015),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-20 ta' Diċembru 2016, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8-0277/2016),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Japprova d-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni mehmuża ma' din ir-riżoluzzjoni;
3. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-2 ta’ Frar 2017 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2017/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 19/2013 li jimplimenta l-klawsola ta' salvagwardja bilaterali u l-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq naħa, u l-Kolombja u l-Perù fuq in-naħa l-oħra, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 20/2013 li jimplimenta l-klawsola ta' salvagwardja bilaterali u l-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana tal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Amerika Ċentrali, min-naħa l-oħra
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, ir-Regolament (UE) 2017/540.)
ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA
DIKJARAZZJONI KONĠUNTA
tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu dwar l-importanza tal-kooperazzjoni mill-qrib fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra(1) kif emendat mill-Protokoll ta' Adeżjoni għall-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra, biex tittieħed inkonsiderazzjoni l-adeżjoni tal-Ekwador(2), ir-Regolament (UE) Nru 19/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2013 li jimplimenta l-klawsola ta' salvagwardja bilaterali u l-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, fuq in-naħa l-oħra(3) u r-Regolament (UE) Nru 20/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2013 li jimplimenta l-klawsola ta' salvagwardja bilaterali u l-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana tal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Amerika Ċentrali, min-naħa l-oħra(4). Għaldaqstant jaqblu dwar dan li ġej:
— Fuq talba mill-kumitat responsabbli tal-Parlament Ewropew, jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrapportalu kwalunkwe tħassib speċifiku relatat mal-implimentazzjoni, mill-Kolombja, mill-Ekwador jew mill-Perú, tal-impenji tagħhom fil-qasam tal-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli.
— Jekk il-Parlament Ewropew jadotta rakkomandazzjoni biex tinbeda investigazzjoni ta' salvagwardja, il-Kummissjoni għandha teżamina bir-reqqa jekk humiex sodisfati l-kondizzjonijiet taħt ir-Regolament (UE) Nru 19/2013 jew taħt ir-Regolament (UE) Nru 20/2013 għal inizjazzjoni ex officio. Jekk il-Kummissjoni tqis li l-kondizzjonijiet ma ġewx sodisfati, hi ser tippreżenta rapport lill-kumitat responsabbli tal-Parlament Ewropew li jkun jinkludi spjegazzjoni tal-fatturi kollha rilevanti għall-inizjazzjoni ta' tali investigazzjoni.
— Il-Kummissjoni, sal-1 ta' Jannar 2019, ser tivvaluta s-sitwazzjoni tal-produtturi tal-banana tal-Unjoni. Jekk jinstab li jkun seħħ deterjorament serju fl-istat tas-suq jew fis-sitwazzjoni tal-produtturi tal-banana tal-Unjoni, tista' tiġi kkunsidrata estensjoni fil-perjodu ta' validità tal-mekkaniżmu, bil-qbil tal-partijiet ta' dan il-Ftehim.
Il-Kummissjoni ser tkompli twettaq analiżijiet regolari tal-istat tas-suq u tas-sitwazzjoni tal-produtturi tal-banana tal-Unjoni wara l-iskadenza tal-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni. Jekk jinstab li jkun seħħ deterjorament serju fl-istat tas-suq jew fis-sitwazzjoni tal-produtturi tal-banana tal-Unjoni, minħabba l-importanza tas-settur tal-banana għar-reġjuni ultraperifiċi, il-Kummissjoni ser teżamina s-sitwazzjoni, flimkien mal-Istati Membri u l-persuni interessati, u tiddeċiedi għandhomx jiġu kkunsidrati miżuri xierqa. Il-Kummissjoni tista' wkoll issejjaħ laqgħat regolari ta' monitoraġġ mal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati.
Il-Kummissjoni żviluppat għodod ta' statistika li jippermettu l-monitoraġġ u l-valutazzjoni tat-tendenzi fl-importazzjonijiet tal-banana u tas-sitwazzjoni tas-suq tal-banana tal-Unjoni. Il-Kummissjoni ser tagħti attenzjoni speċjali lir-rieżami tal-format tad-data tas-sorveljanza tal-importazzjoni sabiex tagħmel informazzjoni aġġornata regolarment disponibbli b'mod li jkun aktar faċli għall-utent.
Ir-Regolament (UE) Nru 19/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2013 li jimplimenta l-klawsola ta' salvagwardja bilaterali u l-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù fuq in-naħa l-oħra (ĠU L 17, 19.1.2013, p. 1).
Ir-Regolament (UE) Nru 20/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2013 li jimplimenta l-klawsola ta' salvagwardja bilaterali u l-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana tal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Amerika Ċentrali, min-naħa l-oħra (ĠU L 17, 19.1.2013, p. 13).