Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2055(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0004/2017

Testi mressqa :

A8-0004/2017

Dibattiti :

PV 13/02/2017 - 18
CRE 13/02/2017 - 18

Votazzjonijiet :

PV 14/02/2017 - 8.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0022

Testi adottati
PDF 290kWORD 58k
It-Tlieta, 14 ta' Frar 2017 - Strasburgu
Ir-rwol tal-informaturi fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE
P8_TA(2017)0022A8-0004/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Frar 2017 dwar ir-rwol tal-informaturi fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE (2016/2055(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 325 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 22a, 22b u 22c tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-UE,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus: rakkomandazzjonijiet dwar azzjonijiet u inizjattivi li għandhom jittieħdu(1),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew li tagħlaq l-inkjesta fuq inizjattiva proprja OI/1/2014/PMC dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni ta' konoxxenza u ta' informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni tal-Liġi Ċivili dwar il-Korruzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 22(a) tal-Konvenzjoni tal-Liġi Ċivili dwar il-Korruzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni CM/Rec(2014)7 tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-protezzjoni tal-informaturi,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8,13 u 33 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Prinċipju nru 4 tar-Rakkomandazzjoni dwar it-Titjib tal-Kondotta Etika fis-Servizz Pubbliku tal-OECD,

–  wara li kkunsidra l-inkjesta tal-Uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew tat-2 ta' Marzu 2015 u l-appell tiegħu lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jadottaw ir-regoli meħtieġa dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta,

–  wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-OECD bit-titolu "Committing to effective whistle-blower protection" (Impenn għal protezzjoni effikaċi tal-informaturi),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-każ Guja vs Il-Moldova tat-12 ta' Frar 2008, Rikors nru 14277/04,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A8-0004/2017),

A.  billi fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, il-Parlament jeħtieġ kemm jista' jkun informazzjoni dwar tali irregolaritajiet; billi f'każijiet li jikkonċernaw irregolaritajiet interni fl-istituzzjonijiet, il-Parlament għandu jkollu d-dritt għal aċċess sħiħ għal informazzjoni sabiex ikun jista' jwettaq il-proċedura ta' kwittanza b'għarfien sħiħ tal-fatti;

B.  billi l-Qorti Ewropea tal-Awdituri tipprovdi lill-Parlament b'bażi eċċellenti biex tagħmel l-eżamijiet tagħha, iżda ma tistax tkopri hi stess in-nefqiet individwali;

C.  billi l-Kummissjoni u l-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE, bl-istess mod, jipprovdu lill-Parlament b'rapporti informattivi dwar l-infiq tagħhom, iżda wkoll jibbażaw fuq mekkaniżmi ta' rappurtar uffiċjali;

D.  billi l-bosta fondi tal-Unjoni huma soġġetti għal ġestjoni kondiviża mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri, li tagħmilha diffiċli għall-Kummissjoni biex tirrapporta dwar l-irregolaritajiet li jikkonċernaw proġetti individwali;

E.  billi l-Parlament jirċievi regolarment informazzjoni minn ċittadini individwali jew organizzazzjonijiet mhux governattivi dwar irregolaritajiet li jikkonċernaw proġetti individwali ffinanzjati totalment jew parzjalment mill-baġit tal-Unjoni;

F.  billi l-informaturi għandhom rwol importanti fil-prevenzjoni, il-kxif u l-irrappurtar ta' irregolaritajiet fir-rigward tal-ispejjeż relatati mal-baġit tal-UE, kif ukoll fl-identifikazzjoni u l-pubbliċità ta' każijiet ta' korruzzjoni; billi hemm bżonn li tkun stabbilita u promossa kultura ta' fiduċja li trawwem il-ġid pubbliku Ewropew li, permezz tagħha, l-uffiċjali u l-impjegati l-oħra tal-UE, kif ukoll il-pubbliku ġenerali, iħossuhom protetti tramite prattiki ta' ġestjoni tajba, u li jintwera li l-istituzzjonijiet tal-UE jappoġġaw, jipproteġu u jinkoraġġixxu l-informaturi potenzjali ta' prattiki ħżiena;

G.  billi huwa essenzjali għal qafas ġuridiku orizzontali li għandu jiġi stabbilit bħala kwistjoni ta' urġenza, li, huwa u jistabbilixxi drittijiet u obbligi, jipproteġi l-informaturi fl-UE kollha, kif ukoll fl-Istituzzjonijiet tal-UE (il-protezzjoni ta' anonimat, tal-għoti ta' assistenza legali, psikoloġika u, fejn ikun meħtieġ, finanzjarja, l-aċċess għal diversi kanali ta' informazzjoni, skemi ta' rispons rapidu, eċċ.);

H.  billi l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE rratifikaw il-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni, li tagħmilha obbligatorja li protezzjoni xierqa u effikaċi tiġi pprovduta lill-informaturi;

I.  billi l-iżvelar ta' informazzjoni protetta hija sors essenzjali ta' informazzjoni fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u fl-investigazzjoni ta' korruzzjoni fis-settur pubbliku;

J.  billi l-informaturi għandhom rwol partikolarment importanti f'dak li għandu x'jaqsam mal-kxif u l-irrappurtar ta' korruzzjoni u frodi, minħabba li l-partijiet direttament involuti f'dawn il-prattiki kriminali se jippruvaw jaħbuhom b'mod attiv minn mekkaniżmi ta' rapportar uffiċjali;

K.  billi l-iżvelar ta' informazzjoni protetta, ibbażata fuq il-prinċipji tat-trasparenza u tal-integrità, hija essenzjali; il-protezzjoni tal-informaturi għandha għalhekk tiġi garantita bil-liġi u msaħħa fl-UE kollha, iżda biss jekk l-iskop ta' tali azzjoni jkun li dak li jipproteġi l-interess pubbliku billi dak li jkun jaġixxi in bona fede f'konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

L.  billi l-awtoritajiet m'għandhomx jillimitaw jew inaqqsu l-kapaċità ta' informaturi u ta' ġurnalisti li jiddokumentaw u jiżvelaw il-prattiki illegali, kontra l-liġi jew ta' ħsara, meta l-iżvelar ta' din l-informazzjoni tkun in bona fede u l-interess pubbliku huwa prijorità;

M.  billi mill-1 ta' Jannar 2014, l-istituzzjonijiet kollha tal-UE ġew obbligati li jintroduċu regoli interni għall-protezzjoni tal-informaturi li jkunu uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-UE, skont l-Artikoli 22a, 22b u 22c tar-Regolamenti tal-Persunal, u l-grupp ta' ħidma tal-Kumitat Preparatorju interistituzzjonali għall-Kwistjonijiet relatati mar-Regolamenti tal-Persunal, li jittratta l-protezzjoni tal-informaturi, għadu ma kkonkludiex il-ħidma tiegħu; billi parti mix-xogħol imwettaq minn dan il-grupp ta' ħidma għandu jkun biex tiġi vvalutata s-sitwazzjoni tal-informaturi li jkunu sofrew konsegwenzi negattivi fl-istituzzjonijiet, sabiex jistabbilixxu l-aħjar prattiki bbażati fuq esperjenzi tal-passat; billi dawk ir-regoli interni għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-istruttura ta' ġestjoni u tal-karatteristiċi speċifiċi tad-diversi kategoriji skont ir-Regolamenti tal-Persunal;

N.  billi l-protezzjoni tal-informaturi fil-livell tal-Istati Membri ma ġietx implimentata fl-Istati Membri kollha, u lanqas ġiet armonizzata, li jfisser li anki meta l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea huma kkonċernati, jista' jkun riskjuż għall-informaturi li jipprovdu informazzjoni dwar irregolaritajiet lill-Parlament; billi huwa preċiżament minħabba li n-nies jibżgħu minn x'jista' jiġrilhom minħabba n-nuqqas ta' protezzjoni, u għax jemmnu li l-ebda azzjoni mhi se tittieħed, li l-irregolaritajiet ma jiġux irrappurtati, u, bħala riżultat ta' dan, l-interessi finanzjarji tal-UE huma mminati;

O.  billi jeħtieġ li jiġi żgurat li kwalunkwe tip ta' ritaljazzjoni kontra l-informaturi tiġi kkastigata b'mod xieraq;

P.  billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013, il-Parlament talab lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva sa tmiem l-2013 li tistabbilixxi programm Ewropew effettiv u komprensiv dwar il-protezzjoni tal-informaturi fis-setturi pubbliċi u privati, għall-protezzjoni ta' dawk li jidentifikaw ġestjoni ineffiċjenti u irregolaritajiet u jirrapportaw każijiet ta' korruzzjoni nazzjonali u transkonfinali relatati mal-interessi finanzjarji tal-UE; billi, barra minn hekk, huwa stieden lill-Istati Membri jistabbilixxu protezzjoni xierqa u effikaċi tal-informaturi;

Q.  billi l-leġiżlatur tal-UE diġà ppreveda l-protezzjoni tal-informaturi fi strumenti settorjali, inkluża d-Direttiva 2013/30/UE dwar l-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore, ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 dwar l-abbuż tas-suq, id-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u r-Regolament (UE) Nru 376/2014 dwar ir-rappurtar tal-okkorrenzi;

R.  billi l-protezzjoni tal-informaturi fl-Unjoni saret saħansitra aktar urġenti, peress li d-Direttiva dwar is-sigriet kummerċjali tillimita d-drittijiet tal-informaturi u li jista', b'hekk, ikollha l-effett mhux intenzjonat li jiskoraġġixxi lil dawk li jixtiequ jirrapportaw irregolaritajiet fil-kuntest tal-finanzjamenti tal-Unjoni li minnhom ibbenefikaw il-kumpaniji individwali;

S.  billi diġà twettqet ħidma importanti minn organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) u l-Kunsill tal-Ewropa, li żviluppaw rakkomandazzjonijiet fir-rigward tal-protezzjoni tal-informaturi ta' prattiki ħżiena;

T.  billi skont l-OECD aktar minn terz tal-organizzazzjonijiet b'mekkaniżmu ta' rappurtar ma kellhomx politika bil-miktub dwar il-protezzjoni tal-informaturi mir-ritaljazzjoni, jew ma kinux jafu biha;

U.  billi l-organizzazzjonijiet mhux governattivi bħalma huma Transparency International, Whistleblowing International Network u oħrajn żviluppaw, bl-istess mod, prinċipji internazzjonali għal-leġiżlazzjoni tal-informaturi li għandhom iservu bħala sors ta' ispirazzjoni għal inizjattivi tal-UE f'dan ir-rigward;

V.  billi, l-Uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew għandu kompetenza ċara f'dak li għandu x'jaqsam mal-investigazzjoni ta' lmenti ta' ċittadini tal-UE dwar amministrazzjoni ħażina fl-istituzzjonijiet tal-UE, iżda m'għandu ebda rwol x'jaqdi fil-protezzjoni tal-informaturi fi ħdan l-Istati Membri;

W.  billi fl-aħħar verżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea, li daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2014, introduċew diversi dispożizzjonijiet dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta;

X.  billi l-protezzjoni tal-informaturi hija essenzjali għall-ġid pubbliku u għas-salvagwardja tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u biex tiġi promossa kultura ta' responsabbiltà pubblika u l-integrità fl-istituzzjonijiet pubbliċi kif ukoll privati;

Y.  billi f'ħafna ġurisdizzjonijiet, u b'mod partikolari fis-settur privat, l-impjegati huma soġġetti għad-dmirijiet ta' kunfidenzjalità fir-rigward ta' ċerta informazzjoni, li jfisser li l-informaturi jistgħu jħabbtu wiċċhom ma' azzjonijiet dixxiplinari għar-rappurtar barra l-organizzazzjoni tagħhom;

1.  Jiddeplora l-fatt li s'issa l-Kummissjoni naqset milli tressaq proposta leġiżlattiva mmirata lejn l-istabbiliment ta' livell minimu ta' protezzjoni Ewropew għall-informaturi;

2.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva li tistabbilixxi programm Ewropew effikaċi u komprensiv dwar il-protezzjoni tal-informaturi li jinkludi mekkaniżmi għall-kumpaniji, għall-korpi pubbliċi u għall-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' lukru u, b'mod partikolari, jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva qabel tmiem din is-sena dwar il-protezzjoni tal-informaturi bħala parti mill-miżuri meħtieġa fl-oqsma tal-prevenzjoni tal-frodi u tal-ġlieda kontrihom li tolqot l-interessi finanzjarji tal-Unjoni bl-għan li tiġi offruta protezzjoni effettiva u ekwivalenti fl-Istati Membri u fl-Unjoni kollha għall-istituzzjonijiet, għall-korpi, għall-uffiċċji u għall-aġenziji;

3.  Iqis li l-informaturi jiżvolġu rwol essenzjali biex jgħinu lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet u lill-korpi tal-UE jevitaw u jindirizzaw każijiet ta' ksur tal-prinċipju ta' integrità u ta' abbuż ta' poter li jheddu jew jiksru s-saħħa pubblika u s-sikurezza, l-integrità finanzjarja, l-ekonomija, id-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent jew l-istat tad-dritt fil-livell Ewropew u dak nazzjonali, jew li jżidu l-qgħad, jirrestrinġu jew ifixklu l-kompetizzjoni ġusta u jimminaw il-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet u l-proċessi demokratiċi; jenfasizza li, f'dan ir-rigward, l-informaturi jikkontribwixxu ferm biex tiżdied il-kwalità demokratika tal-istituzzjonijiet pubbliċi kif ukoll il-fiduċja fihom għax b'hekk l-istituzzjonijiet iridu jagħtu rendikont direttament liċ-ċittadini u jkunu aktar trasparenti;

4.  Jinnota li kemm l-informaturi kif ukoll il-korp jew l-istituzzjoni pubbliċi involuti għandhom jiżguraw il-protezzjoni legali tad-drittijiet garantiti lilhom mill-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali u minn dispożizzjonijiet ġuridiċi nazzjonali;

5.  Ifakkar li l-Istati Membri, bħala l-ewwel destinatarji tal-fondi tal-UE, għandhom l-obbligu li jeżaminaw il-legalità ta' kif jintefqu;

6.  Jinnota li kienu biss ftit l-Istati Membri li introduċew sistemi avvanzati biżżejjed ta' protezzjoni tal-informaturi; jistieden lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma adottawx prinċipji sabiex jiġu protetti l-informaturi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, jagħmlu dan mill-aktar fis possibbli;

7.  Jistieden lill-Istati Membri jinfurzaw regoli effikaċi kontra l-korruzzjoni u, fl-istess ħin, jimplimentaw kif xieraq l-istandards u l-linji gwida Ewropej u internazzjonali dwar il-protezzjoni tal-informaturi fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tagħhom;

8.  Jiddispjaċih li ħafna Stati Membri għad iridu jqiegħdu fis-seħħ regoli ddedikati għall-protezzjoni tal-informaturi, minkejja l-ħtieġa essenzjali ta' protezzjoni tal-informatur fil-prevenzjoni tal-korruzzjoni u l-ġlieda kontriha, u minkejja l-fatt li l-protezzjoni tal-informaturi hi rakkomandata fl-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni tan-NU kontra l-korruzzjoni;

9.  Jenfasizza li l-iżvelar ta' informazzjoni dwar l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jfisser l-iżvelar jew ir-rappurtar ta' għemil ħażin, inklużi, iżda mhux limitat għal, korruzzjoni, frodi, kunflitti ta' interess, evażjoni u evitar tat-taxxa, ħasil tal-flus, infiltrazzjoni tal-kriminalità organizzata u atti maħsubin biex jgħattu xi waħda minn dawn;

10.  Iqis li huwa meħtieġ li tiġi promossa kultura etika li tgħin biex tiżgura li l-informaturi ma jsofrux minn ritaljazzjoni jew jiffaċċjaw kunflitti interni;

11.  Itenni l-fatt li informatur huwa meħtieġ jagħti informazzjoni dwar irregolaritajiet li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE, kif ukoll il-fatt li l-informaturi għandhom dejjem jikkooperaw billi jiskambjaw informazzjoni ma' awtoritajiet kompetenti tal-UE;

12.  Itenni l-fatt li l-informaturi, meta mqabblin mal-persuni esterni, ħafna drabi jkollhom aċċess aħjar għal informazzjoni sensittiva, u b'hekk jista' jkun iktar probabbli li jesperjenzaw il-konsegwenzi negattivi fuq il-karriera professjonali tagħhom jew li s-sikurezza personali tagħhom tkun f'riskju, li hija protetta skont l-Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE;

13.  Jenfasizza li d-definizzjoni ta' żvelar ta' informazzjoni tinkludi l-protezzjoni ta' dawk li jikxfu informazzjoni biċ-ċertezza raġonevoli li l-informazzjoni kienet veritiera fiż-żmien li ġiet żvelata, inklużi dawk li jagħmlu żvelar mhux preċiż bi żball ġenwin;

14.  Jisħaq fuq ir-rwol tal-ġurnaliżmu investigattiv u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-proposta tagħha toffri l-istess protezzjoni lill-ġurnalisti investigattivi hekk kif toffri lill-informaturi;

15.  Jesprimi l-bżonn li jiġi stabbilit korp indipendenti tal-UE għall-ġbir ta' tagħrif, għall-konsulenza u għall-konsultazzjoni, b'uffiċċji fi Stati Membri li jkunu f'pożizzjoni li jirċievu rapporti ta' irregolaritajiet, b'riżorsi baġitarji suffiċjenti, b'kompetenzi adegwati u bi speċjalisti xierqa, sabiex jgħinu l-informaturi interni u dawk esterni jużaw il-mezzi adatti biex jiżvelaw informazzjoni dwar il-possibbiltà ta' irregolaritajiet li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, filwaqt li titħares il-kunfidenzjalità tagħhom u jiġu offruti l-appoġġ u l-pariri meħtieġa; fl-ewwel fażi, il-ħidma tkun primarjament ibbażata fuq verifika affidabbli tal-informazzjoni riċevuta;

16.  Jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti kollha, jintroduċu u jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex iħarsu l-kunfidenzjalità tas-sorsi ta' informazzjoni sabiex tiġi evitata kwalunkwe azzjoni diskriminatorja jew theddid;

17.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni meħuda mill-Ombudsman Ewropew fl-2014 biex iniedi investigazzjoni fuq inizjattiva proprja, li tindirizza l-istituzzjonijiet tal-UE, fil-qasam tal-protezzjoni tal-informaturi, u japprezza r-riżultati pożittivi ħafna li kellha; jitlob lill-istituzzjonijiet u lill-korpi l-oħra tal-UE li għadhom m'għamlux dan, biex, mingħajr dewmien, japplikaw il-linji gwida li tfasslu wara l-konklużjoni tal-investigazzjoni;

18.  Jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE jagħtu kas tat-tħassib serju tal-informaturi indifiżi; iħeġġeġ, għaldaqstant, lill-Kummissjoni tipprovdi pjan ta' azzjoni komprensiv dwar din il-kwistjoni;

19.  Jitlob il-ħolqien ta' unità speċjali b'linja ta' rapportar fi ħdan il-Parlament, kif ukoll ta' faċilitajiet iddedikati (pereżempju hotlines, siti web, punti ta' kuntatt) biex jirċievu informazzjoni relatata mal-interessi finanzjarji tal-Unjoni mingħand informaturi, li se tipprovdihom ukoll b'pariri u għajnuna biex jipproteġihom kontra kull possibbiltà ta' miżuri ta' tpattija, sa meta tiġi stabbilita istituzzjoni indipendenti tal-UE kif imsemmi fil-paragrafu 4;

20.  Jitlob li jitnieda sit web fejn jistgħu jitressqu lmenti; jenfasizza li s-sit web għandu jkun aċċessibbli għall-pubbliku u għandu jaħżen id-data tagħhom b'mod anonimu;

21.  Jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi qafas ġuridiku ċar li jiggarantixxi li dawk li jikxfu attivitajiet illegali jew mhux etiċi jkunu protetti minn ritaljazzjoni jew prosekuzzjoni;

22.  Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta proposti konkreti għal protezzjoni sħiħa ta' dawk li jikxfu l-illegalitajiet u l-irregolaritajiet, u tipprovdi pjan komprensiv biex tiskoraġġixxi t-trasferiment ta' assi lejn pajjiżi barra l-UE li jservu bħala protetturi tal-anonimat għall-persuni korrotti;

23.  Jesprimi l-ħtieġa li jiġi żgurat li mekkaniżmi ta' rappurtar huma aċċessibbli u sikuri, u li l-affermazzjonijiet tal-informaturi jiġu investigati b'mod professjonali;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, sakemm ikun fil-mandat tiegħu, u meta dan jiġi stabbilit, jistabbilixxu kanali ta' komunikazzjoni effiċjenti bejn il-partijiet ikkonċernati, u fl-istess ħin, jistabbilixxu proċeduri biex jirċievu u jipproteġu l-informaturi li jipprovdu informazzjoni dwar l-irregolaritajiet li jirrigwardaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, u biex jinħoloq protokoll ta' ħidma uniku għall-informaturi;

25.  Jistieden lill-istituzzjonijiet u lill-korpi kollha tal-UE jieħdu l-azzjoni meħtieġa biex jiġi żgurat rikonoxximent u kunsiderazzjoni u rispett tal-informaturi fil-każijiet kollha li jolqtuhom jew li laqtuhom, u li ġew rikonoxxuti bħala tali, mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u jindika li dan għandu japplika b'mod retroattiv; jistedinhom, barra minn hekk, jirrapportaw , pubblikament u b'mod sostanzjali, dwar id-deċiżjonijiet kkonċernati lill-istituzzjoni kollha kemm hi;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu lill-Parlament bi kwalunkwe informazzjoni li tasal mingħand informaturi li tolqot l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u jinkludu kapitolu dwar l-allerti tagħhom u fuq is-segwitu ta' dawn fir-rapporti ta' attività annwali; jitlob li tittieħed azzjoni mill-PE biex tiġi stabbilita l-preċiżjoni tal-informazzjoni sabiex jittieħdu miżuri xierqa;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq konsultazzjoni pubblika biex tislet l-opinjonijiet tal-partijiet interessati dwar il-mekkaniżmi ta' rappurtar u dwar in-nuqqasijiet potenzjali tal-proċeduri fil-livell nazzjonali; ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika se jirrappreżentaw kontribut siewi għall-Kummissjoni fit-tħejjija tal-proposta futura tagħha dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta;

28.  Jistieden lill-korp indipendenti tal-UE, u sakemm dan jitwaqqaf, lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jiktbu u jippubblikaw rapport annwali dwar l-evalwazzjoni ta' protezzjoni għall-informaturi fl-Unjoni Ewropea;

29.  Jistieden, barra minn hekk, lill-Qorti tal-Awdituri tinkludi taqsima speċifika dwar ir-rwol tal-informaturi fir-rigward tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni fir-rapporti annwali tagħha;

30.  Jistieden lill-aġenziji tal-UE jipprovdu politika bil-miktub dwar il-protezzjoni ta' dawk li jirrapportaw minn ritaljazzjoni;

31.  Jilqa' l-fatt li l-Parlament, il-Kummissjoni, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni, l-Ombudsman Ewropew u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data implimentaw regoli interni li jipproteġu lill-informaturi, f'konformità mal-Artikoli 22a, 22b u 22c tar-Regolamenti tal-Persunal; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet kollha jiżguraw li r-regoli interni rispettivi tagħhom dwar il-protezzjoni tal-informaturi li jkunu adottaw ikunu robusti u komprensivi;

32.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jiżviluppaw data, parametri ta' riferiment u indikaturi dwar il-politiki tal-informaturi kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f'dak privat;

33.  Ifakkar li d-Direttiva tal-Kummissjoni 2015/2392 (UE) tistabbilixxi l-proċeduri għar-rappurtar, iż-żamma ta' rekords u miżuri ta' protezzjoni għall-informaturi; jenfasizza l-importanza li jkun żgurat li l-informaturi jistgħu jirrapportaw ksur b'mod kunfidenzjali u li l-anonimat tagħhom jitħares kif suppost u bis-sħiħ, anke fl-ambjent diġitali, imma jiddispjaċih li dan hu wieħed mill-ftit atti leġiżlattivi settorjali li jinkludi dispożizzjonijiet għall-informaturi;

34.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tistudja l-aħjar prattiki dwar l-informaturi minn programmi li diġà huma fis-seħħ f'pajjiżi oħra fid-dinja; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li xi skemi eżistenti jipprovdu premijiet finanzjarji għall-informaturi (bħal perċentwal tas-sanzjonijiet ordnati); iqis li għalkemm dan jeħtieġ li jiġi ġestit bir-reqqa biex jiġi evitat l-abbuż li jista' jkun hemm, tali premijiet jistgħu joffru introjtu importanti lil persuni li jkunu tilfu l-impjieg tagħhom minħabba żvelar ta' informazzjoni;

35.  Jistieden lill-Istati Membri jieqfu milli jikkriminalizzaw l-azzjonijiet tal-informaturi meta jiżvelaw informazzjoni dwar attivitajiet illegali jew irregolaritajiet li jagħmlu ħsara lill-interessi finanzjarji tal-UE;

36.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 208, 10.6.2016, p. 89.
(2) ĠU L 157, 15.6.2016, p. 1.

Avviż legali - Politika tal-privatezza