Riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Frar 2017 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Qafas ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Mongolja, min-naħa l-oħra (08919/2016 – C8-0218/2016 – 2015/0114(NLE) – 2016/2231(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (08919/2016),
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' Ftehim Qafas dwar Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Mongolja, min-naħa l-oħra (07902/1/2011),
– wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikoli 207 u 209 u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0218/2016),
– wara li kkunsidra l-iffirmar tal-Ftehim Qafas dwar Sħubija u Kooperazzjoni (jew "Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni" - FSK) fit-30 ta' April 2013 f'Ulan Bator, fil-preżenza tal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Catherine Ashton,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kummerċ u Kooperazzjoni Ekonomika bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Mongolja, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 1993,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-15 ta' Novembru 2005 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar emenda għall-Ftehim li jistabbilixxi l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ), li tippermetti li l-Bank jiffinanzja operazzjonijiet fil-Mongolja(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' April 2016 dwar implimentazzjoni u rieżami tal-Istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar ir-relazzjonijiet UE-Ċina(3) u dik tal-14 ta' Marzu 2013 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina(4), u b'mod partikolari il-premessa Y tal-aħħar riżoluzzjoni,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ġunju 2015 dwar l-istat tar-relazzjonijiet UE-Russja(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2012 dwar il-pożizzjoni tal-Parlament fuq id-19-il Sessjoni tal-Kunsill tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem(6), u b'mod partikolari l-paragrafu 30 tagħha,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2013 dwar ir-rakkomandazzjonijiet tal-Konferenza għar-Reviżjoni tat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni rigward l-istabbiliment ta' Lvant Nofsani ħieles mill-armi ta' qerda massiva(7), u b'mod partikolari l-premessa F tagħha,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Ottubru 2016 dwar is-sigurtà nukleari u n-nonproliferazzjoni(8),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-15 ta' Frar 2017 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni(9),
– wara li kkunsidra l-inklużjoni tal-Mongolja fl-Arranġament ta' Inċentiv Speċjali għal Żvilupp Sostenibbli u Governanza Tajba tal-Iskema ta' Preferenzi tariffarji Ġeneralizzati (SPĠ+) tal-UE,
– wara li kkunsidra r-relazzjonijiet fit-tul bejn id-delegazzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Khural il-Kbir tal-Istat (il-parlament tal-Mongolja), u b'mod partikolari d-dikjarazzjoni konġunta tal-10 Laqgħa Interparlamentari li saret fis-17 ta' Frar 2015 f'Ulan Bator,
– wara li kkunsidra l-fatt li l-Mongolja ppresediet u ospitat il-ħdax-il Summit Asja-Ewropa (ASEM) li sar f'Ulan Bator fil-15 u s-16 ta' Lulju 2016 u d-Disa' laqgħa tas-Sħubija Parlamentari Asja-Ewropa (ASEP), li saret f'Ulan Bator fil-21 u t-22 ta' April 2016, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet rispettivi li ġew adottati minn dawn iż-żewġ laqgħat,
– wara li kkunsidra r-rwol attiv tal-Mongolja fl-Assemblea Parlamentari tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), inkluż il-fatt li hija ospitat il-Laqgħa tal-Ħarifa tal-OSKE bejn il-15 u t-18 ta' Settembru 2015 f'Ulan Bator,
– wara li kkunsidra l-elezzjoni tal-Mongolja għall-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU għall-perjodu 2016-2018, u l-fatt li hija ddikjarat l-aspirazzjoni tagħha li ssir membru tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fl-2022,
– wara li kkunsidra l-presidenza tal-Mongolja tal-Komunità tad-Demokraziji fl-2012-2013, u tal-koalizzjoni "Libertà Online" fl-2015,
– wara li kkunsidra r-riżultati u l-konklużjonijiet preliminari tal-missjoni internazzjonali ta' osservazzjoni elettorali dwar l-elezzjonijiet parlamentari li saru fid-29 ta' Ġunju 2016 fil-Mongolja, li involviet lill-Uffiċċju tal-OSKE għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (OSKE/ODIHR) u lill-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-diskors tal-President tal-Mongolja, Tsakhiagiin Elbegdorj meta indirizza lill-plenarja tal-Parlament Ewropew fid-9 ta' Ġunju 2015,
– wara li kkunsidra d-diversi laqgħat u żjarat reċiproċi ta' livell għoli, inkluża dik ta' Novembru 2013 mill-President tal-Kummissjoni Ewropea, José Barroso, fil-Mongolja,
– wara li kkunsidra il-politika barranija tal-Mongolja dwar "ġirien terzi", li tirrigwarda relazzjonijiet mal-UE, mal-Istati Uniti, mal-Ġappun, mar-Repubblika tal-Korea, mal-Indja, mal-Iran, mal-pajjiżi tal-Asja Ċentrali u oħrajn,
– wara li kkunsidra s-sħubijiet strateġiċi tal-Mongolja mar-Russja u maċ-Ċina,
– wara li kkunsidra l-istatus ta' osservatur tal-Mongolja fl-Organizzazzjoni ta' Kooperazzjoni ta' Shanghai (SCO),
– wara li kkunsidra l-laqgħat trilaterali ta' livell għoli li jsiru fuq bażi regolari bejn il-Mongolja, ir-Russja u ċ-Ċina, u bejn il-Mongolja, il-Ġappun u l-Istati Uniti,
– wara li kkunsidra l-inizjattivi biex jiġu integrati diversi proġetti ekonomiċi fir-reġjun, inklużi ż-Żona Ekonomika tat-Triq tal-Ħarir taċ-Ċina, l-Iżvilupp ta' Żona Trans-Ewrasjatika tar-Russja, u t-Triq tal-Isteppa tal-Mongolja,
– wara li kkunsidra l-Programm Individwali ta' Sħubija u Kooperazzjoni tal-Mongolja man-NATO, li ġie maqbul fl-2012,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Mongolja ta' Settembru 2015 dwar l-intenzjoni tagħha li tħaddan status permanenti ta' newtralità,
– wara li kkunsidra l-istatus awtoproklamat tal-Mongolja li hija pajjiż ħieles minn armi nukleari, li ġie rikonoxxut min-NU f'Settembru 2012,
– wara li kkunsidra l-Fond Internazzjonali ta' Kooperazzjoni tal-Mongolja, li għandu l-għan li jaqsam l-esperjenzi ma' pajjiżi li għaddejjin minn trasformazzjoni demokratika, bħall-Myanmar, il-Kirgiżistan u l-Afganistan,
– wara li kkunsidra l-isforzi ta' bini ta' fiduċja, inkluż id-Djalogu ta' Ulan Bator dwar is-Sigurtà tal-Asja tal-Grigal, li jinvolvi lill-Korea ta' Fuq, kif ukoll il-Forum tal-Asja,
– wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet konklużivi tal-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Tortura dwar it-tieni rapport perjodiku tal-Mongolja adottat f'Awwissu 2016,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 99(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0383/2016),
A. billi l-Mongolja tista' sservi bħala mudell demokratiku mhux biss għad-demokraziji emerġenti l-oħra tar-reġjun iżda wkoll għar-reġimi b'tendenzi awtoritarji;
B. billi l-Komunitajiet Ewropej stabbilixxew relazzjonijiet diplomatiċi mal-Mongolja fl-1 ta' Awwissu 1989;
C. billi l-UE u l-Mongolja jgawdu minn relazzjonijiet ta' ħbiberija bbażati fuq rabtiet politiċi, soċjetali, ekonomiċi, kulturali u storiċi;
D. billi l-UE u l-Mongolja għandhom ħafna pożizzjonijiet konverġenti fir-rigward tal-maġġor parti tal-isfidi internazzjonali l-kbar u l-Mongolja tiżvolġi rwol kostruttiv fir-relazzjonijiet internazzjonali, b'mod partikolari fl-ambitu tal-organizzazzjonijiet multilaterali;
E. billi r-relazzjonijiet tal-UE mal-Mongolja jikkonċentraw l-aktar fuq il-proġetti ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp immirati biex jippermettu lill-pajjiż jidderieġi t-trasformazzjoni rapida li għaddejja bħalissa lejn l-iżvilupp soċjalment inklużiv u ekonomikament sostenibbli tas-soċjetà tiegħu;
F. billi l-Mongolja hija interessata fi żvilupp ulterjuri tar-relazzjonijiet mal-UE u f'espansjoni tal-kooperazzjoni eżistenti lil hinn mill-kooperazzjoni għall-iżvilupp; billi l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni jissottolinja ż-żieda fl-importanza tar-relazzjonijiet UE-Mongolja fuq il-bażi ta' prinċipji kondiviżi bħall-ugwaljanza, il-vantaġġi reċiproċi, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, u joffri formalment liż-żewġ naħat il-possibbiltà li jiżviluppaw ambiti ta' kooperazzjoni ġodda f'oqsma bħan-negozju, il-kummerċ, l-iżvilupp, l-agrikoltura, l-ambjent, l-enerġija, il-modernizzazzjoni tal-Istat kif ukoll l-edukazzjoni, il-kultura u t-turiżmu;
G. billi l-iżvilupp tar-relazzjonijiet tal-UE mal-Mongolja għadu fi ħdan ir-responsabbiltà tad-Delegazzjoni tal-UE f'Beijing; billi attwalment il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, r-Renju Unit u l-Italja fetħu l-ambaxxati tagħhom f'Ulan Bator;
Dispożizzjonijiet ġenerali
1. Japprezza r-relazzjonijiet kostruttivi u ta' ħbiberija bejn l-UE u l-Mongolja;
2. Jirrikonoxxi l-pożizzjoni ġeografika speċifika tal-Mongolja bejn iċ-Ċina, ir-Russja u l-pajjiżi tal-Asja Ċentrali u tal-Asja tal-Grigal, bil-potenzjal kbir tagħhom għall-ekonomija globali, l-importanza tagħha għall-istabbiltà fir-reġjun, il-kredenzjali demokratiċi u reġjonali stabbiliti tagħha, li huma pjuttost eċċezzjonali, u r-rwol kostruttiv li tiżvolġi billi tassisti u tiffaċilita soluzzjonijiet paċifiċi għall-kunflitti u l-konfrontazzjoni fir-reġjun u billi tippromwovi l-integrazzjoni ekonomika reġjonali;
3. Jirrikonoxxi li t-trasformazzjoni demokratika li bdiet fis-snin disgħin għadha għaddejja b'mod konsistenti; jirrikonoxxi l-progress tanġibbli li sar f'termini ta' riformi soċjoekonomiċi; jieħu nota, madankollu, tal-isfidi li jeżistu fl-oqsma tal-iżvilupp sostenibbli u tal-ekonomija, tal-finanzi, tal-governanza tajba, tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, tas-sigurtà soċjali u tal-protezzjoni ambjentali u tal-polarizzazzjoni politika, li huma aggravati b'kuntest ambjentali internazzjonali li huwa dejjem aktar esiġenti;
Qafas istituzzjonali u rappreżentanza diplomatika
4. Jilqa' b'sodisfazzjon l-approfondiment u l-espansjoni tar-relazzjoni bejn l-UE u l-Mongolja, kif evidenzjati fil-Ftehim Qafas ta' Sħubija u Kooperazzjoni, li jinkludi oqsma fosthom id-djalogu politiku u d-drittijiet tal-bniedem, il-kummerċ u l-assistenza għall-iżvilupp, kif ukoll il-kooperazzjoni fl-oqsma tal-agrikoltura u tal-iżvilupp rurali, tal-enerġija, tat-tibdil fil-klima, tar-riċerka u tal-innovazzjoni u tal-edukazzjoni u tal-kultura, li huma ta' importanza kbira għad-diversifikazzjoni ekonomika u għar-riżoluzzjoni tal-problemi ekonomiċi attwali, kif ukoll għat-trasformazzjoni fit-tul ta' soċjetà li orġinarjament hija nomada;
5. Jilqa' pożittivament l-istabbiliment tal-Kumitat Konġunt li jakkumpanja, skont l-Artikolu 56 tal-ftehim l-implimentazzjoni tal-FSK, u jħeġġu jirrapporta b'mod regolari kemm lill-Parlament Ewropew kif ukoll lill-Parlament tal-Mongolja;
6. Iħeġġeġ lit-tliet Stati Membri li għadhom ma ffinalizzawx il-proċessi ta' ratifika nazzjonali tagħhom biex jagħmlu dan b'mod rapidu sabiex jippermettu l-konklużjoni u d-dħul fis-seħħ tal-FSK, li ilhom żmien twil mistennija;
7. Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ aktar id-dimensjoni parlamentari tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Mongolja; jiddispjaċih tal-assenza ta' artikoli mit-test tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni li jipprevedu l-istabbiliment ta' Kumitat ta' Kooperazzjoni Parlamentari fil-qafas tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni, li jwettaq skrutinju demokratiku tal-implimentazzjoni tal-ftehim u jsaħħaħ id-djalogu politiku bejn iż-żewġ parlamenti; jinkoraġġixxi, għaldaqstant, in-negozjati għal protokoll ġdid biex jirmedja s-sitwazzjoni ħalli ssir mill-aktar fis possibbli, skont l-Artikolu 57 tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni dwar il-kooperazzjoni futura, kif preċedentement ħeġġew il-Parlament Ewropew u tal-Mongolja fid-Dikjarazzjoni Konġunta tal-10 Laqgħa Interparlamentari;
8. Jinsab imħasseb dwar il-fatt li r-relazzjonijiet diplomatiċi mal-Mongolja bħalissa qegħdin jitmexxew mid-Delegazzjoni tal-UE għaċ-Ċina; iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-VP/RGħ jittrasformaw l-Uffiċċju ta' Kollegament tal-UE f'Ulan Bator f'Delegazzjoni tal-UE vera u proprja, miżura din li hija ta' importanza fundamentali bl-għan li jiġu ffaċilitati d-djalogu politiku u l-kooperazzjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija, tingħata spinta lill-kapaċità li jiġu implimentati u sorveljati l-proġetti ta' assistenza tal-UE, u li jiġi promoss il-kummerċ ta' prodotti u servizzi, kif ukoll l-iskambji ta' persuni u kulturali;
Demokrazija, stat tad-dritt, governanza tajba u drittijiet tal-bniedem
9. Jilqa' pożittivament l-isforzi tal-Mongolja għall-konsolidament tal-progress demokratiku u tal-istat tad-dritt, inkluż elezzjonijiet multipartitiċi, aktar indipendenza tal-mezzi tal-komunikazzjoni u soċjetà ċivili dinamika; jilqa' favorevolment, minn din il-prospettiva, il-parteċipazzjoni tal-Mongolja fil-Komunità tad-Demokraziji;
10. Jissottolinja li r-rispett tal-libertà tal-mezzi tal-komunikazzjoni u tal-libertà ta' espressjoni huma essenzjali għall-konsolidament ulterjuri tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem fil-Mongolja; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet tal-Mongolja jittrattaw il-kwistjonijiet relatati mar-rapporti ta' ndħil fix-xogħol tal-mezzi tal-komunikazzjoni b'finijiet politiċi u ma jippenalizzawx jew jillimitaw il-mezzi ta' komunikazzjoni kritiċi tal-gvern online u offline; jinkoraġġixxi lill-Parlament tal-Mongolja jikkodifika tali drittijiet fundamentali b'mod espliċitu u jimplimentahom taħt skrutinju rigoruż;
11. Huwa konvint li t-trasformazzjoni demokratika tal-Mongolja tista' tqanqal effett ta' propagazzjoni pożittiv f'reġjun li qiegħed jgħaddi minn proċessi kumplessi ta' trasformazzjoni, u li l-Mongolja tista' f'dan is-sens tikkontribwixxi b'mod kostruttiv għall-istabbiltà u għall-benessri komuni tar-reġjun; jistieden lill-UE tqis dan l-aspett hija u tipprogramma l-kooperazzjoni reġjonali, speċjalment mal-pajjiżi tar-reġjun tal-Asja Ċentrali, kif ukoll tar-reġjun tal-madwar;
12. Japprezza l-fatt li r-rispett ġenerali tar-regoli elettorali ntwera fl-okkażjoni tal-elezzjonijiet li saru dan l-aħħar; jistieden lill-awtoritajiet tal-Mongolja jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-OSKE/ODIHR, b'segwitu għall-elezzjonijiet parlamentari tad-29 ta' Ġunju 2016, inkluż l-istabbilizzazzjoni tal-liġi elettorali, ir-restrizzjonijiet fuq il-kampanji elettorali, l-indipendenza tal-mezzi tal-komunikazzjoni u l-imparzjalità u l-komprensività tal-informazzjoni disponibbli għall-votanti;
13. Jesprimi interess biex jibgħat missjoni ta' osservazzjoni tal-Parlament Ewropew għall-elezzjonijiet presidenzjali pprogrammati għan-nofs l-2017;
15. Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi leġiżlattivi li m'ilux li bdew biex tissaħħaħ il-bażi ġuridika għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni mifruxa, li magħha ġġib ir-riskju reali u kbir li tkun kompromessa l-koeżjoni soċjali tal-pajjiż, kif ukoll l-isforzi biex jittrattaw id-drittijiet tal-bniedem u l-kunflitti soċjali; jinkoraġġixxi lill-Mongolja tadotta riformi sostanzjali u timplimentahom fi żmien propizju; jagħmel riferiment, f'dan il-kuntest, lill-esperjenza tiegħu stess meta l-persuni kkundannati fuq korruzzjoni jinżammu konsistentement responsabbli; jirrakkomanda li l-pajjiż isaħħaħ l-kooperazzjoni tiegħu mal-UE, mal-OSKE u man-NU dwar il-mod kif jieħu ħsieb il-korruzzjoni; huwa konvint li l-involviment attiv fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet internazzjonali dwar ir-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji fis-settur tal-produzzjoni ekonomika u fil-ħajja pubblika u amministrattiva tal-Mongolja jista' jiżvolġi rwol pożittiv u sostanzjali f'dawn l-impriżi;
16. Jirrikonoxxi l-impenji u l-qafas ġuridiku tal-pajjiż bil-għan li jinqered it-traffikar tal-bnedmin, iżda jibqa' mħasseb dwar is-sitwazzjoni konkreta, u jħeġġeġ lill-Mongolja timplimenta bis-sħiħ il-liġi tal-2012 kontra t-traffikar kif ukoll il-pjanijiet nazzjonali relatati;
17. Jinsab kuntent li, bejn l-UE u l-Mongolja, fil-prinċipju ntlaħaq qbil u li x-xogħol preparatorju huwa għaddej biex jitnieda djalogu regolari dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u l-Mongolja fl-2017;
18. Jilqa' pożittivament il-fatt li, wara li rratifika l-Protokoll Fakultattiv tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Parlament tal-Mongolja, f'Diċembru 2015, adotta Kodiċi Kriminali rivedut, li, fost riformi ġuridiċi importanti oħrajn bħall-projbizzjoni tat-tortura, jinkludi l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt għad-delitti kollha; josserva li l-Parlament li għadu kemm ġie elett ippospona l-implimentazzjoni tal-Kodiċi Kriminali rivedut, u jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet tal-tal-Mongolja jimplimentaw din ir-riforma importanti mingħajr aktar dewmien;
19. Josserva l-progress li għamlet il-Mongolja biex ittejjeb il-qafas ġuridiku tagħha konformement mal-obbligi internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, mar-riforma istituzzjonali, inkluża l-Kummissjoni Nazzjonali Indipendenti għad-Drittijiet tal-Bniedem tagħha, u l-isforzi mmirati biex jibnu l-kapaċitajiet u jissensibilizzaw dwar it-tema tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll l-impenn kontinwu biex jiġu indirizzati l-isfidi li fadal marbutin mal-protezzjoni u mal-promozzjoni tal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, bħal dawk enfasizzati fl-2015 fit-tieni Eżami Perjodiku Universali tan-NU (EPU-NU), inklużi l-prevenzjoni u l-investigazzjoni tal-allegazzjonijiet kollha ta' tortura, il-ħarsien tad-drittijiet tan-nisa u tat-tfal kif ukoll dawk tal-ħabsin;
20. Jesprimi tħassib dwar ir-rapporti ta' każijiet ta' arrest mingħajr mandat u ta' tortura u impunità fil-ħabsijiet tal-Mongolja; jingħaqad mal-appell tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHRC) għal miżuri effikaċi biex ikun garantit li d-detenuti kollha jingħataw fil-prattika s-salvagwardji ġuridiċi fundamentali kollha skont l-istandards internazzjonali; jistieden lill-Mongolja tagħti segwitu lill-impenji tagħha biex tistabbilixxi mekkaniżmu indipendenti bil-għan li tinvestiga l-allegazzjonijiet ta' tortura u maltrattament fil-pront u b'mod effikaċi;
21. Ifaħħar il-proġett li l-UE tappoġġa favur id-drittijiet tal-persuni LGBTI fil-Mongolja; huwa madankollu inkwetat bid-diskriminazzjoni u l-vessazzjonijiet li jitwettqu kontinwament kontra l-komunità LGBTI;
22. Jirrakkomanda lill-Mongolja, bi qbil mal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal li diġà rratifikat, tipprojbixxi bil-liġi l-piena korporali mhux biss fl-istituti edukattivi iżda fi kwalunkwe kuntest, u taffronta b'miżuri mmirati u speċifiċi r-rati, li mhuma qegħdin juru l-ebda sinjal li se jonqsu, tal-vjolenzi kontra t-tfal, tal-isfruttament ekonomiku tat-tfal u tal-inċidenti li jikkawżaw il-mewt jew ferimenti gravi ta' tfal; jistieden lill-istituzzjonijiet kollha rilevanti tal-UE jagħtu assistenza rigward din il-kwistjoni;
23. Jirrakkomanda li tissaħħaħ il-qagħda fil-qasam tas-saħħa u s-sikurezza billi tkun implimentata l-Konvenzjoni C176 tal-ILO, kif ukoll il-konvenzjonijiet l-oħra tal-ILO fil-qasam tas-saħħa u s-sikurezza li għadhom ma ġewx ratifikati;
24. Isostni l-isforzi kontinwi u onesti tal-Mongolja biex teqred progressivament il-forom kollha ta' tħaddim tat-tfal u tiggarantixxi drittijiethom;
25. Jilqa' favorevolment il-qafas ġuridiku tal-Mongolja intiż li jirrealizza drittijiet indaqs tan-nisa u tal-irġiel adottat fl-2011 u l-eliminazzjoni progressiva tad-diskriminazzjoni kontra n-nisa;
Żvilupp sostenibbli
26. Jilqa' pożittivament il-progress sostanzjali li sar mill-Mongolja sa mis-snin disgħin fl-iżvilupp ekonomiku u fit-tnaqqis tal-faqar konformement mal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs); jappoġġa lill-Mongolja fil-kisba tagħha tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU (SDGs), f'konformità mal-prinċipji dwar l-effikaċja tal-għajnuna u t-trasparenza;
27. Jirrikonoxxi li integrazzjoni ekonomika reġjonali aktar fil-fond se tiftaħ opportunitajiet għall-Mongolja f'termini ta' futur aktar prosperu u suċċess ekonomiku; jieħu nota tal-fatt li l-Mongolja kontemporanjament qiegħda tfittex alleanzi u sħab ekonomiċi li jippermettulha tisfrutta bis-sħiħ il-potenzjal ta' kooperazzjoni tagħha billi, fl-istess ħin, jirrispettaw l-interessi politiċi u ekonomiċi nazzjonali leġittimi tagħha, l-impenn fit-tul għal diplomazija multidirezzjonali, l-identità u stil ta' ħajja tradizzjonali jew il-pedamenti demokratiċi tas-soċjetà tal-Mongolja;
28. Huwa mħasseb, madankollu, bil-fatt li f'xi nħawi l-faqar qiegħed irabbi l-għeruq u li l-boom ekonomiku rrapportat fl-2010-2012 ma kkontribwixxiex biżżejjed biex jitnaqqas il-faqar fil-pajjiż;
29. Iħeġġeġ lill-Mongolja fl-isforzi tagħha biex tikseb tkabbir ekonomiku sostenibbli; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar it-tnaqqis f'daqqa fir-ritmu tat-tkabbir tal-PDG, li fl-2011 laħaq livelli rekord (17,3 %) iżda fl-2015 kien biss ta' 2,3 %, waqt li kien imbassar li ċ-ċifra għall-2016 kienet se tkun ta' 1,3 %; huwa mħasseb bil-fatt li d-defiċit fil-baġit, li tela' għal 20 % tal-PDG, jista' jħalli riperkussjonijiet negattivi fuq t-taffija tal-faqar, kif ukoll fuq l-inklużjoni soċjali u l-koeżjoni tas-sistema tal-protezzjoni soċjali;
30. Jilqa' favorevolment il-fatt li l-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE għall-pajjiż għall-2014-2020, li tammonta għal EUR 65 miljun, hija aktar mid-doppju meta mqabbla maċ-ċifra ta' EUR 30 miljun għall-perjodu 2007-2013, b'enfasi fuq titjib tal-governanza ekonomika u tat-taħriġ vokazzjonali għal opportunitajiet aħjar ta' impjieg; iħeġġeġ il-parteċipazzjoni tal-Mongolja fil-programmi reġjonali ffinanzjati mill-UE; jinnota l-implimentazzjoni relattivament tajba tal-proġetti u l-programmi tal-UE li jgħinu l-iżvilupp u l-modernizzazzjoni tal-Mongolja;
31. Jenfasizza l-importanza ta' riforma amministrattiva kontinwa li tikkonċentra prinċipalment fuq il-konsolidament ta' amministrazzjoni professjonali ħafna kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak lokali; jinkoraġġixxi lill-istituzzjonijiet tal-UE jgħinu lill-Mongolja fl-iżvilupp tar-riżorsi u tal-kompetenzi neċessarji, fl-interess li l-pajjiż ikun mgħammar aħjar biex jilqa' l-isfidi tal-proċessi kumplessi ta' trasformazzjoni ekonomika u soċjetali, u jżidu l-kapaċità ta' assorbiment tal-fondi tal-UE fil-pajjiż;
32. Jistieden għal żieda fl-iskambju ta' opportunitajiet għall-istudenti u għad-dinja akkademika fl-ambitu tal-programmi Erasmus+ u Marie Skłodowska-Curie kif ukoll għat-twessigħ tal-kuntatti interpersonali, anki għall-artisti, bejn l-UE u l-Mongolja; jistieden lill-UE tinkludi r-riċerka u l-innovazzjoni fl-oqsma tagħha ta' kooperazzjoni mal-Mongolja;
33. Jilqa' pożittivament d-depożitu puntwali mill-Mongolja fil-21 ta' Settembru 2016 tal-istrument ta' ratifika tal-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima; huwa mħasseb bil-fatt li l-effetti kombinati tat-tibdil fil-klima, iż-żieda estensiva tat-trobbija tal-bhejjem, żieda drammatika tal-migrazzjoni mill-kampanja għall-belt kapitali kif ukoll l-użu massiċċ u l-isfruttament rapidu tar-riżorsi naturali bħall-ilma u l-ħamrija għall-estrazzjoni uffiċjali u mhux uffiċjali mill-minjieri tar-ram, tal-faħam u ta' materji primi oħra, wasslu għal deterjorament drastiku tal-qagħda ambjentali tal-Mongolja, riskju akbar ta' kunflitti għall-ilma mal-ġirien tagħha u okkorrenza dejjem akbar ta' fenomeni klimatiċi bħad-"dzud", li huwa kkaratterizzati minn ċikli ta' nixfa fit-tul u xtiewi kefrin u dan jirriżulta f'telf massiċċ ta' bhejjem, fawna u bijodiversità inġenerali; jistieden lill-Gvern tal-Mongolja jintensifika l-isforzi għad-diversifikazzjoni tal-ekonomija tal-pajjiż, u jappella lill-UE tforni assistenza għal dan il-proċess permezz ta' attivitajiet iddedikati u miżuri preventivi u ta' xort'oħra, pereżempju fil-kuntest ta' koordinament aktar strett tal-politiki ambjentali taż-żewġ naħat; jistieden lill-awtoritajiet u lill-parlament tal-Mongolja, kif ukoll lill-Istati Membri tal-UE, jikkooperaw u jikkontribwixxu għal tisħiħ sostanzjali tar-reġim klimatiku internazzjonali fl-ambitu tal-wegħdiet li ttieħdu fil-COP 22 ta' Marrakexx;
34. Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Mongolja rratifikat il-konvenzjonijiet SPĠ+ rilevanti kollha dwar il-ħarsien tal-ambjent u t-tibdil fil-klima u li hija konformi magħhom; iħeġġeġ lill-Mongolja, madankollu, tikkonforma mal-obbligi tagħha ta' rapportar fl-ambitu tal-Konvenzjonijiet dwar il-Ħarsien tal-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima (Konvenzjonijiet CITES, Basel u Stokkolma) u ssaħħaħ il-qafas ġuridiku tal-pajjiż fil-qasam ambjentali;
35. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, fl-2014, l-industriji estrattivi fil-Mongolja rrappreżentaw 17 % tal-PDG u 89 % tal-esportazzjonijiet totali tal-pajjiż; jilqa' pożittivament, f'dan il-kuntest, il-parteċipazzjoni attiva tal-Mongolja fl-Inizjattiva għat-trasparenza tal-industriji estrattivi (EITI), li għanda l-għan li tagħmel lil dan is-settur aktar responsabbli u trasparenti;
36. Jissottolinja li l-minjiera tar-ram u tad-deheb Oyu Tolgoi hija l-akbar proġett tal-minjieri individwali, li mill-2020 mistennija tirrappreżenta terz tal-PDG tal-Mongolja u Tavan Tolgoi hija l-akbar minjiera tal-faħam tad-dinja li mhijiex żviluppata; japprezza d-dibattiti pubbliċi dwar l-impatt ambjentali tal-minijieri kif ukoll il-parteċipazzjoni pubblika fil-ġestjoni tar-riżorsi fil-livelli lokali;
37. Jinkoraġġixxi lill-Mongolja tiżviluppa, għall-ġid taċ-ċittadini tagħha, l-isfruttament tar-riżorsi naturali tagħha, partikolarment tal-minerali rari, inkwantu għandhom valur dejjem akbar fl-industrija diġitali; jiġbed l-attenzjoni lejn ir-rwol ta' sostenn li l-UE tista' tiżvolġi hija u tagħti għajnuna teknoloġika u finanzjarja favur tali estrazzjoni tal-minerali indipendenti;
38. Huwa tal-fehma li l-investimenti fit-teknoloġiji u fid-diġitalizzazzjoni futuri jafu jgħinu jnaqqsu d-distakk li hemm fil-qasam tal-iżvilupp bejn id-diversi reġjuni tal-Mongolja kif ukoll jiddiversifika l-ekonomija; jinkoraġġixxi lill-UE u lill-Istati Membri jintensifikaw il-kooperazzjoni fil-qasam tad-diġitalizzazzjoni u tat-teknoloġiji l-ġodda;
39. Jirrikonoxxi l-isfidi konsiderevoli tal-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga; jirrakkomanda li l-UE tassisti fit-tisħiħ tal-istituzzjonijiet u tar-riżorsi pubbliċi biex tali kwistjonijiet jiġu affrontati;
Relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi
40. Jinnota li l-UE saret it-tielet l-akbar sieħeb kummerċjali tal-Mongolja, u li l-prodotti tal-Mongolja diġà bdew jidħlu fis-suq tal-UE prattikament eżenti mid-dazji skont is-Sistema ta' Preferenzi Ġeneralizzata attwali;
42. Josserva li l-investiment Ewropew fil-Mongolja s'issa għadu limitat, minħabba l-insigurtà tal-ambjent tan-negozju u n-nuqqas ta' informazzjoni;
43. Jinkoraġġixxi lill-UE u lill-Mongolja jintensifikaw r-relazzjonijiet kummerċjali u ta' investiment tagħhom, li jinkludu l-promozzjoni permezz ta' informazzjoni u sensibilizzazzjoni, f'konformità mad-dispożizzjonijiet ġuridiċi tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni; jisħaq fuq il-fatt li tali intensifikazzjoni jenħtieġ li tkun konformi mal-obbligi li jirriżultaw mill-konvenzjonijiet internazzjonali dwar l-istandards tax-xogħol, il-governanza tajba, id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards ambjentali, u tirrispettahom kompletament;
44. Iħeġġeġ, f'dan il-kuntest, aktar żvilupp tal-attivitajiet tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) fil-Mongolja;
45. Jenfasizza l-importanza ta' ambjent ġuridiku u ta' negozju stabbli għal żieda fl-investimenti mill-UE;
46. Jieħu nota tat-tnaqqis tal-investiment dirett barrani (IDB), relatat mas-settur tal-minjieri li jiddomina l-ekonomija, li għadu fattur kontroversjali kruċjali;
47. Iħeġġeġ lill-Mongolja, bl-għajnuna ta' investiment barrani u ambjent ġuridiku aktar trasparenti, tiddiversifika l-ekonomija tagħha b'mod li tgħinha tevita l-vulnerabbiltà għas-swieq tal-minerali volatili; jilqa' pożittivament, f'dan il-kuntest, il-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar l-IDB;
48. Jinkoraġġixxi l-integrazzjoni ulterjuri tal-Mongolja fl-ekonomija globali u reġjonali, fi ħdan oqfsa bħal dawk tat-triq tal-isteppa, tat-triq tal-ħarir/l-inizjattiva "Zona Waħda, Triq Waħda" jew iż-Żona Trans-Ewrasjatika, skont l-interessi u l-prijoritajiet strateġiċi tal-pajjiż; jitlob lill-UE tikkunsidra li tipparteċipa fi programmi infrastrutturali u ta' investiment, inkluż fis-settur tal-minjieri, fir-reġjun;
Sfidi u kooperazzjoni reġjonali u globali
49. Jirrikonoxxi r-rwol ċentrali li l-Mongolja tista' tiżvolġi bejn l-ekonomiji dinamiċi taċ-Ċina, tar-Russja, tal-Korea t'Isfel u tal-Ġappun u l-pajjiżi tal-Asja Ċentrali, u fl-istess ħin bħala intermedjarju bejn l-Ewropa u r-reġjun tal-Asja tal-Lvant;
50. Jirrileva l-kunċett tal-politika barranija tal-Mongolja dwar "ġar terz", li jinkludi r-relazzjonijiet mal-UE, ibbilanċjati ma' relazzjonijiet kostruttivi u intensi mas-sħab strateġiċi u influwenti u l-ġirien diretti tagħha, ir-Russja u ċ-Ċina;
51. Jieħu nota tar-relazzjonijiet ta' ħbiberija, kif ukoll kompetittivi f'termini ekonomiċi, tal-Mongolja mal-pajjiżi l-oħra fir-reġjun;
52. Josserva li l-Mongolja qiegħda tevalwa bis-serjetà l-impatt ta' sħubija potenzjali fl-Unjoni Ekonomika Ewrasjatika (EAEU); jinsab imħasseb li dan il-pass jaf ifixkel ir-relazzjonijiet politiċi u kummerċjali ulterjuri mal-UE;
53. Jifraħ lill-Mongolja għar-rwol pożittiv tagħha hija u tippresiedi l-laqgħat ASEM u ASEP tal-2016 f'Ulan Bator, għas-solidifikazzjoni tad-dimensjoni parlamentari u għat-tisħiħ tas-sħubija bejn iż-żewġ reġjuni fuq il-bażi tal-prinċipji universalment rikonoxxuti tal-ugwaljanza, tar-rispett reċiproku kif ukoll tal-promozzjoni u tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali; jilqa' favorevolment il-proposta tal-Mongolja biex jitwaqqaf Ċentru ASEM li jkun iħaddan fih faċilità virtwali/online;
54. Jilqa' b'mod pożittiv il-fatt li l-Mongolja ddikjarat lilha nnifisha bħala żona mingħajr armi nukleari, kif rikonoxxut uffiċjalment min-NU; japprezza, partikolarment, ir-rwol kostruttiv u attiv li tiżvolġi fil-fora multilaterali fil-promozzjoni tal-kooperazzjoni favur diżarm nukleari globali, kif ukoll il-fatt li ffirmat il-"Humanitarian Pledge" (Wegħda Umanitarja)(10);
55. Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn reċiproku għall-promozzjoni tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali, u f'dan il-kuntest, jilqa' pożittivament ir-rwol attiv tal-Mongolja fil-mekkaniżmi multilaterali internazzjonali bħan-NU u l-OSKE, u l-kontribut tagħha għall-inizjattivi li jappoġġaw il-paċi u l-istabbiltà fl-Asja tal-Grigal u lil hinn, bħad-Djalogu ta' Ulan Bator għas-Sigurtà tal-Asja tal-Grigal;
56. Josserva l-kontribut tal-Mongolja favur l-operazzjonijiet għaż-żamma tal-paċi tan-NU fid-dinja kif ukoll il-forniment ta' faċilitajiet ta' taħriġ għal tali missjonijiet, flimkien mal-fatt li tipprova dejjem iżjed issaħħaħ, parallelament, l-opportunitajiet politiċi u diplomatiċi u r-responsabbiltà tan-NU għall-prevenzjoni u għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti;
57. Jilqa' pożittivament l-allinjament mill-qrib tal-Mongolja mal-UE fin-negozjati u fil-pożizzjonijiet tal-vot tagħha fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti u fora multilaterali oħrajn; jissottolinja, f'dan il-kuntest, l-importanza tal-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni dwar il-kooperazzjoni internazzjonali;
58. Jirrikonoxxi r-rwol tal-Mongolja fil-promozzjoni tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem bħala membru ġdid tal-UNHRC fil-perjodu 2016-2018 u jappella għal kooperazzjoni stretta bejn l-UE u l-Mongolja fit-tħejjija u fl-implimentazzjoni tal-ħidma tal-UNHRC;
59. Jilqa' favorevolment ir-ratifika min-naħa tal-Mongolja tal-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) u jinkoraġġixxi lill-Mongolja tirratifika l-Emendi ta' Kampala, li fornew, b'mod puntwali, definizzjoni u proċedura għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti fuq id-delitt ta' aggressjoni;
60. Ifaħħar lill-isforzi li għamlet il-Mongolja biex tippromwovi d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi fil-viċinat tal-Mongolja li jaspiraw għall-bidla demokratika; jistieden lill-UE tinvolvi wkoll lill-Mongolja u ssib sinerġiji fuq bażi ad hoc fil-programmi reġjonali fi ħdan l-Asja Ċentrali b'enfasi fuq tali żviluppi;
61. Ifaħħar lir-rwol tal-Mongolja biex tlaqqa' lill-esponenti akkademiċi miż-żewġ Korej, miċ-Ċina u mir-Russja, kif ukoll talli ospitat riunifikazzjonijiet ta' familji li nfirdu minħabba d-diviżjoni tal-peniżola Koreana;
62. Isostni l-aspirazzjoni dikjarata tal-Mongolja li ssir membru tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fl-2022;
o o o
63. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-VP/RGħ, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, kif ukoll lill-Gvern u lill-Khural il-Kbir tal-Istat (Parlament) tal-Mongolja.