Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2225(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0044/2017

Testi mressqa :

A8-0044/2017

Dibattiti :

PV 13/03/2017 - 15
CRE 13/03/2017 - 15

Votazzjonijiet :

PV 14/03/2017 - 6.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0076

Testi adottati
PDF 393kWORD 63k
It-Tlieta, 14 ta' Marzu 2017 - Strasburgu
L-implikazzjonijiet tal-Big Data fuq id-drittijiet fundamentali
P8_TA(2017)0076A8-0044/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2017 dwar l-implikazzjonijiet tal-Big Data fuq id-drittijiet fundamentali: il-privatezza, il-protezzjoni tad-data, in-nondiskriminazzjoni, is-sigurtà u l-infurzar tal-liġi (2016/2225(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 1, 7, 8, 11, 14, 21, 47 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-linji gwida għar-regolamentazzjoni ta' fajls tad-data personali kompjuterizzati tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fir-Riżoluzzjoni tagħha Nru 45/95 tal-14 ta' Diċembru 1990,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data)(1) (RĠPD), kif ukoll id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI(2),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tas-6 ta' Mejju 2015, bit-titolu "Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa" (COM(2015)0192),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar awtomatiku ta' data personali tat-28 ta' Jannar 1981 (ETS Nru 108) u l-Protokoll addizzjonali tagħha tat-8 ta' Novembru 2001 (ETS Nru 181)(3),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2010)13 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa lill-Istati Membri dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar awtomatiku tad-data personali fil-kuntest tat-tfassil ta' profili tat-23 ta' Novembru 2010(4),

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni 7/2015 tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data tad-19 ta' Novembru 2015: Nindirizzaw l-isfidi tal-Big Data; Sejħa għal trasparenza, kontroll tal-utent, il-protezzjoni tad-data bid-disinn u l-obbligu ta' rendikont(5),

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni 8/2016 tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data tat-23 ta' Settembru 2016: Opinjoni tal-KEPD dwar l-infurzar koerenti tad-drittijiet fundamentali fl-era tal-Big Data(6),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Artikolu 29 tal-Grupp ta' Ħidma għall-Protezzjoni tad-Data dwar l-impatt tal-iżvilupp tal-Big Data fuq il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom fl-UE tas-16 ta' Settembru 2014(7),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0044/2017),

A.  billi t-terminu Big Data jirreferi għall-ġbir, l-analiżi u l-akkumulazzjoni rikorrenti ta' ammonti kbar ta' data, inkluża data personali, minn varjetà ta' sorsi, li hija suġġetta għal ipproċessar awtomatiku b'algoritmi tal-kompjuter u tekniki avvanzati tal-ipproċessar tad-data, bl-użu kemm ta' data maħżuna kif ukoll ta' data streamjata, sabiex jiġu ġġenerati ċerti korrelazzjonijiet, tendenzi u xejriet (analitika tal-Big Data);

B.  billi ċerti każijiet ta' użu tal-Big Data jinvolvu t-taħriġ ta' apparat ta' intelliġenza artifiċjali bħal netwerks newronali u mudelli statistiċi sabiex jitbassru ċerti avvenimenti u mġiba; billi d-data ta' taħriġ ta' spiss hija ta' kwalità dubjuża u mhux newtrali;

C.  billi l-progress tat-teknoloġiji tal-komunikazzjoni u l-użu kullimkien ta' apparat elettroniku, gadgets ta' monitoraġġ, il-midja soċjali, l-interazzjonijiet u n-netwerks tal-internet, inkluż apparat li jikkomunika informazzjoni mingħajr interferenza umana, wasslu għall-iżvilupp ta' settijiet enormi ta' data, li kulma jmur qegħdin jikbru, u li permezz ta' tekniki ta' pproċessar u analitika avvanzati, jipprovdu informazzjoni mingħajr preċedent dwar l-imġiba tal-bniedem, il-ħajja privata u s-soċjetajiet tagħna;

D.  billi s-servizzi tal-intelligence ta' pajjiżi terzi u l-Istati Membri qed isiru dejjem aktar dipendenti fuq l-ipproċessar u l-analitika ta' dawn is-settijiet ta' data, li mhumiex koperti minn xi qafas ġuridiku, jew l-aktar reċenti, kienu s-suġġett ta' leġiżlazzjoni li l-kompatibbiltà tagħha mal-liġi primarja u sekondarja tal-Unjoni tqajjem tħassib u li għadha trid tiġi aċċertata;

E.  billi ż-żieda fil-bullying, il-vjolenza kontra n-nisa u l-vulnerabbiltà tat-tfal qed iseħħ anke fuq l-internet; billi l-Kummissjoni u l-Istati Membri jenħtieġ li jadottaw il-miżuri legali meħtieġa kollha għall-ġlieda kontra dawn il-fenomeni;

F.  billi għadd dejjem akbar ta' korporazzjonijiet, negozji, korpi u aġenziji, organizzazzjonijiet governattivi u mhux governattivi (kif ukoll is-setturi pubbliċi u privati b'mod ġenerali), mexxejja politiċi, is-soċjetà ċivili, l-akkademja, il-komunità xjentifika u ċ-ċittadini b'mod ġenerali siltu vantaġġ minn dawn is-settijiet tad-data u l-analitika tal-Big Data biex isaħħu l-kompetittività, l-innovazzjoni, it-tbassir tas-suq, il-kampanji politiċi, ir-reklamar immirat, ir-riċerka xjentifika u tfassil tal-politika fil-qasam tat-trasport, it-tassazzjoni, is-servizzi finanzjarji, bliet intelliġenti, l-infurzar tal-liġi, it-trasparenza, is-saħħa pubblika u r-reazzjoni għad-diżastri, u biex jinfluwenzaw ir-riżultati elettorali u politiċi permezz, pereżempju, ta' komunikazzjonijiet immirati;

G.  billi s-suq tal-Big Data qed jikber peress li t-teknoloġija u l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet immexxi mid-data qed jiġu aċċettati dejjem aktar bħala soluzzjoni; billi għad m'hemmx metodoloġija biex issir valutazzjoni abbażi ta' evidenza tal-impatt totali tal-Big Data, iżda hemm evidenza li tissuġġerixxi li l-analitika tal-Big Data jista' jkollha impatt orizzontali sinifikanti fis-setturi pubbliċi u privati; billi l-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa tal-Kummissjoni tirrikonoxxi l-potenzjal tat-teknoloġiji mmexxija mid-data, is-servizzi u l-Big Data biex jaġixxu ta' katalist għat-tkabbir ekonomiku, l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni fl-UE;

H.  billi l-analitika tal-Big Data tiġġenera valur miżjud f'varjetà ta' modi, b'għadd kbir ta' eżempji pożittivi, li jġib miegħu opportunitajiet sinifikanti għaċ-ċittadini, pereżempju fl-oqsma tal-kura tas-saħħa, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, it-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija, it-titjib fis-sigurtà tat-trasport u l-kapaċità ta' bliet intelliġenti, biex b'hekk dan itejjeb l-ottimizzazzjoni u l-effiċjenza tan-negozji u jikkontribwixxi għat-titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u biex tinstab u tiġi miġġielda l-frodi; billi l-Big Data tista' tipprovdi vantaġġ kompetittiv lill-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-kumpaniji Ewropej, filwaqt li s-settur pubbliku jista' jibbenefika minn effiċjenza akbar bis-saħħa ta' aktar għarfien dwar il-livelli differenti ta' żviluppi soċjoekonomiċi;

I.  billi l-Big Data għandha l-potenzjal msemmi aktar 'il fuq għaċ-ċittadini, l-akkademja, il-komunità xjentifika u s-settur pubbliku u dak privat, iżda tinvolvi wkoll riskji sinifikanti, jiġifieri fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, bħad-dritt għall-privatezza, il-protezzjoni tad-data u s-sigurtà tad-data, iżda wkoll il-libertà ta' espressjoni u n-nondiskriminazzjoni, kif iggarantit mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u l-liġi tal-Unjoni; billi l-psewdonimizzazzjoni u t-tekniki ta' kriptaġġ jistgħu jtaffu riskji relatati mal-analitika tal-Big Data u għalhekk għandhom rwol importanti fis-salvagwardja tal-privatezza tas-suġġett tad-data, filwaqt li jrawmu l-innovazzjoni u t-tkabbir ekonomiku; billi dawn l-elementi għandhom jiġu kkunsidrati bħala parti mir-reviżjoni attwali tad-Direttiva dwar il-privatezza elettronika;

J.  billi l-prevalenza tas-sensuri, il-produzzjoni ta' data estensiva fuq bażi regolari u l-attivitajiet kontemporanji tal-ipproċessar tad-data mhux dejjem huma trasparenti biżżejjed, jirrappreżentaw sfidi lill-kapaċità tal-individwi u l-awtoritajiet biex jivvalutaw il-proċessi u l-iskop tal-ġbir, il-kompilazzjoni, l-analiżi u l-użu ta' data personali; billi bl-użu tal-analitika tal-Big Data jista' jkun hemm nuqqas ta' distinzjoni bejn id-data personali u dik mhux personali, u dan jista' jwassal sabiex tinħoloq data personali ġdida;

K.  billi s-settur tal-Big Data qed jikber b'40 % fis-sena, rata seba' darbiet aktar mgħaġġla mis-suq tal-IT; billi l-konċentrazzjoni ta' settijiet ta' data kbar prodotti minn teknoloġiji ġodda toffri informazzjoni kruċjali għall-korporazzjonijiet il-kbar, li tiskatta bidliet mingħajr preċedent fil-bilanċ tas-setgħa bejn iċ-ċittadini, il-gvernijiet u l-atturi privati; billi tali konċentrazzjoni ta' setgħa f'idejn il-korporazzjonijiet tista' tikkonsolida l-monopolji u l-prattiki abbużivi, u jista' jkollha effett detrimentali fuq id-drittijiet tal-konsumaturi u fuq il-kompetizzjoni ta' suq ġust; billi l-interess tal-individwu, kif ukoll il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, jenħtieġ li jitpoġġew aktar taħt skrutinju fil-kuntest tal-fużjonijiet tal-Big Data;

L.  billi l-Big Data għandha potenzjal enormi mhux realizzat bħala xprun tal-produttività u bħala mod li joffri prodotti u servizzi aħjar liċ-ċittadini; jenfasizza, madankollu, li l-użu ġeneralizzat ta' apparat intelliġenti, netwerks u applikazzjonijiet tal-internet miċ-ċittadini, in-negozji u l-organizzazzjonijiet mhux bilfors jindika sodisfazzjon bil-prodotti offruti, iżda pjuttost fehim usa' li dawn is-servizzi saru indispensabbli għall-ħajja, il-komunikazzjoni u x-xogħol, minkejja n-nuqqas ta' għarfien dwar ir-riskji li dawn jistgħu joħolqu għall-benessri, is-sigurtà u d-drittijiet tagħna;

M.  billi għandha ssir distinzjoni bejn il-kwantità tad-data u l-kwalità tad-data sabiex jiġi ffaċilitat l-użu effettiv tal-Big Data (algoritmi u għodod analitiċi oħrajn); billi data ta' kwalità baxxa u/jew proċeduri ta' kwalità baxxa li jirfdu proċessi ta' teħid tad-deċiżjonijiet u għodod analitiċi jistgħu jirriżultaw f'algoritmi preġudikati, korrelazzjonijiet foloz, żbalji, sottovalutazzjoni tal-implikazzjonijiet legali, soċjali u etiċi, ir-riskju li d-data tintuża għal għanijiet diskriminatorji jew frawdolenti u l-marġinalizzazzjoni tar-rwol tal-bnedmin f'dawn il-proċessi, li jwasslu għal proċeduri għat-teħid ta' deċiżjonijiet difettużi li jkollhom impatt negattiv fuq il-ħajja u l-opportunitajiet taċ-ċittadini, b'mod partikolari gruppi emarġinati, kif ukoll iwasslu għal impatt negattiv fuq is-soċjetajiet u n-negozji;

N.  billi r-responsabbiltà u t-trasparenza algoritmiċi jenħtieġ li jfissru l-implimentazzjoni ta' miżuri tekniċi u operazzjonali li jiżguraw it-trasparenza, in-nondiskriminazzjoni ta' teħid awtomatizzat ta' deċiżjonijiet u l-kalkolu ta' probabbiltajiet ta' mġiba individwali; billi t-trasparenza jenħtieġ li tagħti lill-individwi informazzjoni sinifikanti dwar il-loġika involuta, is-sinifikat u l-konsegwenzi previsti; billi dan jenħtieġ li jinkludi informazzjoni dwar id-data użata għat-taħriġ tal-analitika tal-Big Data u jippermetti lill-individwi jifhmu u jimmonitorjaw id-deċiżjonijiet li jaffettwawhom;

O.  billi l-analiżi tad-data u l-algoritmi għandhom impatt dejjem akbar fuq l-informazzjoni li tkun saret aċċessibbli għaċ-ċittadini; billi dawn it-tekniki, jekk użati ħażin, jistgħu jipperikolaw id-drittijiet fundamentali għall-informazzjoni kif ukoll il-libertà u l-pluraliżmu tal-midja; billi s-sistema tax-xandir pubbliku fl-Istati Membri hija direttament relatata mal-ħtiġijiet demokratiċi, soċjali u kulturali ta' kull soċjetà u mal-ħtieġa li jiġi ppreservat il-pluraliżmu tal-midja, kif iddikjarat fil-Protokoll dwar is-sistema tax-xandir pubbliku fl-Istati Membri għat-Trattat ta' Amsterdam (11997D/PRO/09);

P.  billi l-proliferazzjoni tal-ipproċessar tad-data u l-analitika, l-għadd kbir ta' atturi involuti fil-ġbir, iż-żamma, l-ipproċessar, il-ħżin u l-kondiviżjoni tad-data u l-kombinazzjoni ta' settijiet kbar ta' data li fihom data personali u mhux personali minn varjetà ta' sorsi, filwaqt li ġabu magħhom opportunitajiet sinifikanti, ħolqu inċertezza kbira għaċ-ċittadini u għas-settur pubbliku u privat dwar ir-rekwiżiti speċifiċi għall-konformità mal-liġi attwali tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data;

Q.  billi hemm għadd kbir ta' sistemi ta' legat mhux strutturati li fihom volumi kbar ta' data miġbura minn kumpaniji tul ħafna snin, b'sistemi ta' governanza tad-data mhux ċari li jenħtieġ li jinġiebu konformi b'mod sistematiku;

R.  billi għandha titħeġġeġ kooperazzjoni aktar mill-qrib u koerenza bejn regolaturi u awtoritajiet ta' superviżjoni tal-kompetizzjoni, tal-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-protezzjoni tad-data differenti fil-livell nazzjonali u tal-UE, sabiex jiġi żgurat approċċ konsistenti u fehim tal-implikazzjonijiet tal-Big Data għad-drittijiet fundamentali; billi l-istabbiliment u l-iżvilupp ulterjuri tal-kamra ta' kklerjar diġitali(8) bħala netwerk volontarju ta' korpi tal-infurzar jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib ta' ħidmiethom u l-attivitajiet ta' infurzar rispettivi tagħhom u jistgħu jgħinu biex japprofondixxu s-sinerġiji u jissalvagwardjaw id-drittijiet u l-interessi ta' individwi;

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

1.  Jenfasizza li l-prospetti u l-opportunitajiet tal-Big Data jistgħu jiġu sfruttati bis-sħiħ miċ-ċittadini, is-settur pubbliku u dak privat, l-akkademja u l-komunità xjentifika biss meta l-fiduċja tal-pubbliku f'dawn it-teknoloġiji tiġi żgurata permezz ta' infurzar qawwi tad-drittijiet fundamentali u konformità mal-liġi attwali dwar il-protezzjoni tad-data tal-UE u ċ-ċertezza legali għall-atturi kollha involuti; jenfasizza li l-ipproċessar ta' data personali jista' jsir biss skont kwalunkwe bażi ġuridika stabbilita fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2016/679; iqis li huwa kruċjali li t-trasparenza u l-għoti ta' informazzjoni xierqa udjenzi kkonċernati jkunu l-elementi fundamentali għall-bini tal-fiduċja min-naħa tal-pubbliku u għall-protezzjoni tad-drittijiet individwali;

2.  Jenfasizza li l-konformità mal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-protezzjoni tad-data, flimkien ma' standards xjentifiċi u etiċi b'saħħithom, huma kruċjali biex tiġi stabbilita l-fiduċja u l-affidabbiltà tas-soluzzjonijiet rigward il-Big Data; jenfasizza wkoll li l-informazzjoni żvelata mill-analiżi tal-Big Data ma toffrix stampa imparzjali ta' kwalunkwe suġġett u hija ta' min jorbot fuqha biss skont kemm tippermetti d-data sottostanti; jenfasizza li l-analiżi tat-tbassir abbażi tal-Big Data tista' toffri biss probabbiltà statistika u għalhekk mhux dejjem tista' tbassar b'mod preċiż l-imġiba individwali; jenfasizza, għalhekk, li standards xjentifiċi u etiċi b'saħħithom huma ta' importanza vitali għall-immaniġġjar tal-ġbir tad-data u biex jiġu ġġudikati r-riżultati ta' din l-analiżi;

3.  Jirrimarka li minn data mhux sensittiva jista' jkun hemm inferenza għal informazzjoni sensittiva dwar persuni, u b'hekk il-linja bejn data sensittiva u data mhux sensittiva ma tibqax ċara;

4.  Jenfasizza li nuqqas ta' għarfien u fehim tal-individwi dwar in-natura tal-Big Data tippermetti li l-informazzjoni personali tintuża b'modi mhux intenzjonati; jinnota li l-edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet fundamentali hija ta' importanza ewlenija fl-UE; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jinvestu fil-litteriżmu diġitali u s-sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet diġitali, il-privatezza u l-protezzjoni tad-data fost iċ-ċittadini, inklużi t-tfal; jenfasizza li tali edukazzjoni jenħtieġ li tindirizza l-fehim tal-prinċipji/loġika ta' kif jaħdmu l-algoritmi u l-proċessi ta' teħid awtomatizzat ta' deċiżjonijiet u kif għandhom jiġu interpretati b'mod li jagħmel sens; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jitrawwem l-għarfien dwar fejn u kif jinġabru l-flussi tad-data (jiġifieri l-web scraping, il-kombinament tad-data tal-istreamjar ma' data minn netwerks soċjali u apparat konness u l-aggregazzjoni ta' dik l-informazzjoni fi fluss ta' data ġdid);

Big Data għal finijiet kummerċjali kif ukoll fis-settur pubbliku

Il-privatezza u l-protezzjoni tad-data

5.  Jindika li l-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-privatezza u tad-data personali, id-dritt għall-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, kif ukoll id-dritt ta' individwi li jirċievu informazzjoni dwar il-loġika involuta f'teħid ta' deċiżjonijiet u tfassil ta' profili b'mod awtomatizzat u d-dritt li wieħed ifittex rimedju ġudizzjarju huma applikabbli għall-ipproċessar tad-data meta l-ipproċessar ikun preċedut minn tekniki ta' psewdonimizzazzjoni jew, fi kwalunkwe każ, meta l-użu ta' data mhux personali jista' jkollu impatt fuq il-ħajja privata tal-individwi jew drittijiet u libertajiet oħra, u b'ghekk iwassal għall-istigmatizzazzjoni ta' gruppi sħaħ tal-popolazzjoni;

6.  Jissottolinja li s-Suq Uniku Diġitali jrid jinbena fuq netwerks u servizzi affidabbli, ta' veloċità għolja u li wieħed jista' jserraħ fuqhom li jissalvagwardjaw id-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data għall-protezzjoni u l-privatezza, filwaqt li jħeġġeġ ukoll l-innovazzjoni u l-analitika tal-Big Data sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet t-tajbin u kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni sabiex tingħata spinta lill-ekonomija diġitali Ewropea;

7.  Jenfasizza wkoll il-possibbiltà li jerġgħu jiġu identifikati mill-ġdid individwi billi jiġu kkorelati tipi differenti ta' data anonimizzata; jenfasizza li l-liġi tal-Unjoni għall-protezzjoni tal-privatezza u tad-data personali tapplika għall-ipproċessar ta' tali data kkorrelata biss meta individwu jista' tabilħaqq jiġi identifikat mill-ġdid;

8.  Jenfasizza li l-prinċipji msemmija hawn fuq għandhom iservu bħala qafas għall-proċeduri ta' teħid ta' deċiżjonijiet fis-setturi pubbliċi u privati u ta' atturi oħra li jużaw data; jenfasizza l-ħtieġa għal aktar responsabbiltà u trasparenza algoritmika fir-rigward tal-ipproċessar u l-analitika tad-data min-naħa tas-setturi privati u pubbliċi u atturi oħra li jużaw analitika tad-data, bħala għodda essenzjali biex jiġi garantit li l-individwu jkun infurmat kif xieraq dwar l-ipproċessar tad-data personali tagħhom;

9.  Jenfasizza r-rwol fundamentali li jenħtieġ li jkollhom fil-futur il-Kummissjoni, il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, l-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-data u awtoritajiet superviżorji indipendenti oħra biex jippromwovu trasparenza u proċess xieraq, ċertezza legali b'mod ġenerali u, b'mod aktar speċifiku, standards konkreti li jipproteġu d-drittijiet fundamentali u l-garanziji assoċjati mal-użu tal-ipproċessar tad-data u l-analitika mis-settur privat u s-settur pubbliku; jappella għal kollaborazzjoni aktar mill-qrib bejn regolaturi tal-imġiba fl-ambjent diġitali, sabiex jissaħħu s-sinerġiji bejn l-oqfsa regolatorji għall-konsumaturi u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u tal-protezzjoni tad-data; jitlob, barra minn hekk, li jkun hemm finanzjament u numru ta' persunal xieraq għal tali awtoritajiet; jirrikonoxxi, barra minn hekk, il-ħtieġa li titwaqqaf kamra ta' kklerjar diġitali;

10.  Jissottolinja li l-għan intrinsiku tal-Big Data jenħtieġ li jkun li jinkisbu korrelazzjonijiet komparabbli bl-iċken ammont ta' data personali possibbli; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li x-xjenza, in-negozju u l-komunitajiet pubbliċi jenħtieġ li jiffukaw fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tal-anonimizzazzjoni;

11.  Jirrikonoxxi li l-applikazzjoni ta' psewdonimizzazzjoni, anonimizzazzjoni jew kriptaġġ ta' data personali tista' tnaqqas ir-riskji għas-suġġetti tad-data kkonċernati meta d-data personali tintuża f'applikazzjonijiet tal-Big Data; jenfasizza barra minn hekk il-vantaġġi ta' psewdonimizzazzjoni previsti mir-RĠPD bħala salvagwardja xierqa; ifakkar li l-anonimizzazzjoni hija proċess irriversibbli li bih id-data personali ma tistax tintuża aktar waħedha biex tidentifika jew tiddistingwi persuna fiżika; huwa tal-fehma li l-obbligi kuntrattwali jenħtieġ li jiżguraw li d-data anonimizzata mhux se terġa' tiġi identifikata mill-ġdid bl-użu ta' korrelazzjonijiet addizzjonali billi jingħaqdu flimkien sorsi tad-data differenti; jistieden lis-settur pubbliku u privat u atturi oħra involuti fl-analiżi tal-Big Data jirrevedu regolarment tali riskji fid-dawl ta' teknoloġiji ġodda u jiddokumentaw l-adegwatezza tal-miżuri adottati; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u awtoritajiet superviżorji indipendenti oħra jħejji linji gwida dwar il-mod kif għandha tiġi anonimizzata bix-xieraq id-data sabiex jiġi evitat milli jkun hemm abbuż ta' dawn il-miżuri fil-futur, u biex jiġu mmonitorjati l-prattiki;

12.  Iħeġġeġ lis-setturi pubbliċi u privati u lil kontrolluri oħra tad-data jagħmlu użu mill-istrumenti previsti mir-RĠPD, bħal kodiċijiet ta' kondotta u skemi ta' ċertifikazzjoni, sabiex ifittxu aktar ċertezza dwar l-obbligi speċifiċi tagħhom taħt il-liġi tal-Unjoni u jġibu l-prattiki u l-attivitajiet tagħhom f'konformità ma' standards u salvagwardji legali xierqa tal-UE;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw li t-teknoloġiji mmexxija mid-data ma jillimitawx jew ma jiddiskriminawx l-aċċess għal ambjent tal-midja pluralistika iżda pjuttost irawmu l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja; jenfasizza li l-kooperazzjoni bejn il-gvernijiet, l-istituzzjonijiet edukattivi u l-organizzazzjonijiet tal-midja se jkollha rwol kruċjali biex jiġi żgurat li l-litteriżmu tal-midja diġitali jkun appoġġjat biex tingħata s-setgħa liċ-ċittadini u jiġu protetti d-drittijiet tagħhom għall-informazzjoni u għal-libertà ta' espressjoni;

14.  Huwa tal-fehma li l-pubblikazzjoni tad-data personali mill-awtoritajiet pubbliċi għal raġunijiet ta' interess pubbliku, bħall-prevenzjoni tal-korruzzjoni, il-kunflitti ta' interess, l-evażjoni tat-taxxa u l-ħasil tal-flus, tista' tkun ammissibbli f'soċjetà demokratika, dment li d-data tiġi żvelata skont kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi, ikunu fis-seħħ is-salvagwardji adegwati u li tali pubblikazzjoni tkun meħtieġa għall-għan mixtieq u proporzjonata miegħu;

Is-sigurtà

15.  Jirrikonoxxi l-valur miżjud tal-iżvilupp teknoloġiku li se jikkontribwixxi biex titjieb is-sigurtà; jirrikonoxxi li fost ir-riskji l-aktar urġenti assoċjati mal-attivitajiet tal-ipproċessar tad-data, bħal pereżempju t-tekniki tal-Big Data (speċjalment fil-kuntest tal-Internet tal-Oġġetti), li huma kwistjoni ta' tħassib għall-individwi, hemm il-ksur ta' sigurtà, l-aċċess mhux awtorizzat għad-data u użu ta' sorveljanza illegali; jemmen li l-indirizzar ta' tali theddid, mingħajr ma jiġu kompromessi d-drittijiet fundamentali, jitlob kooperazzjoni ġenwina u miftiehma bejn is-settur privat u dak pubbliku, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-awtoritajiet superviżorji indipendenti; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li jenħtieġ li tingħata attenzjoni speċifika lis-sigurtà tas-sistemi tal-gvern elettroniku, kif ukoll miżuri legali addizzjonali bħar-responsabbiltà tas-softwer;

16.  Huwa tal-fehma li l-użu ta' kriptaġġ minn punt għal ieħor (end-to-end encryption) jenħtieġ li jitħeġġeġ ukoll u, fejn neċessarju, jingħata mandat skont il-prinċipju tal-protezzjoni tad-data mid-disinn; jirrakkomanda li kull qafas leġiżlattiv futur għal dan il-għan jipprojbixxi speċifikament lill-fornituri ta' kriptaġġ, lill-fornituri tas-servizzi tal-komunikazzjoni u lill-organizzazzjonijiet l-oħra kollha (fil-livelli kollha tal-katina tal-provvista) milli jippermettu jew jiffaċilitaw "backdoors";

17.  Jenfasizza li hekk kif tiżdied il-ġenerazzjoni tad-data u tal-flussi tad-data, ikun hemm aktar vulnerabbiltajiet u sfidi ġodda għas-sigurtà tal-informazzjoni; jitlob, f'dan il-kuntest, l-użu ta' privatezza mid-disinn u privatezza prestabbilita, tekniki ta' anonimizzazzjoni, fejn ikun xieraq, tekniki ta' kriptaġġ, u valutazzjonijiet tal-impatt dwar il-privatezza mandatorji; jenfasizza li miżuri bħal dawn għandhom jiġu applikati minn dawk kollha involuti fl-analtika tal-Big Data fis-setturi privati u pubbliċi u atturi oħra li jittrattaw data sensittiva, bħal avukati, ġurnalisti u persuni li jaħdmu fis-settur tas-saħħa sabiex jiġi żgurat li l-Big Data ma żżidx l-esponiment għal riskji tas-sigurtà tal-informazzjoni;

18.  Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/31/KE, l-Istati Membri la għandhom jimponu obbligu ġenerali fuq il-fornituri tas-servizzi ta' trażmissjoni, ta' ħżin u dawk ta' hosting biex jimmonitorjaw l-informazzjoni li huma jittrażmettu jew jaħżnu, u lanqas obbligu ġenerali biex b'mod attiv ifittxu fatti jew ċirkostanzi li jindikaw attività illegali; itenni, b'mod partikolari, li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fil-każijiet C-360/10 u C-70/10, irrifjutat miżuri għall-"monitoraġġ attiv" ta' kważi l-utenti kollha tas-servizzi kkonċernati (f'kawża minnhom il-fornituri tal-aċċess għall-internet, u fil-kawża l-oħra netwerk soċjali) u speċifikat li għandha tiġi eskluża kull ordni li tirrikjedi lil fornitur tas-servizzi ta' hosting iwettaq monitoraġġ ġenerali;

In-nondiskriminazzjoni

19.  Jenfasizza li, minħabba s-settijiet ta' data u s-sistemi algoritmiċi użati meta jsiru valutazzjonijiet u tbassir fl-istadji differenti tal-ipproċessar tad-data, il-Big Data tista' tirriżulta mhux biss f'każijiet ta' ksur tad-drittijiet fundamentali ta' individwi, iżda wkoll fi trattament differenzjati u diskriminazzjoni indiretta kontra gruppi ta' persuni b'karatteristiċi simili, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-ġustizzja u l-ugwaljanza fl-opportunitajiet għall-aċċess għall-edukazzjoni u l-impjiegi, fir-reklutaġġ jew il-valutazzjoni ta' individwi jew meta jiġu determinati d-drawwiet ġodda tal-konsumaturi ta' utenti tal-midja soċjali;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data jidentifikaw u jieħdu kwalunkwe miżura possibbli biex jimminimizzaw id-diskriminazzjoni u l-preġudizzju algoritmiċi u jiżviluppaw qafas etiku b'saħħtu u komuni għall-ipproċessar trasparenti ta' data personali u t-teħid awtomatizzat ta' deċiżjonijiet li jista' jiggwida l-użu tad-data u l-infurzar kontinwu tal-liġi tal-Unjoni;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data jevalwaw b'mod speċifiku mhux biss il-ħtieġa għal trasparenza algoritmika, iżda wkoll għal trasparenza dwar preġudizzji possibbli fid-data ta' taħriġ użata biex isiru inferenzi abbażi tal-Big Data;

22.  Jirrakkomanda li n-negozji jwettqu valutazzjonijiet regolari dwar ir-rappreżentattività ta' settijiet ta' data, jeżaminaw jekk is-settijiet ta' data humiex affettwati minn elementi preġudikati, u jiżviluppaw strateġiji biex jingħelbu dawn il-preġudizzji; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu riveduti l-eżattezza u s-sinifikat ta' tbassir ta' analitika tad-data, fuq il-bażi tal-korrettezza u t-tħassib etiku;

Big Data għal għanijiet xjentifiċi

23.  Jenfasizza li l-analitika tal-Big Data tista' tkun ta' benefiċċju għall-iżvilupp u r-riċerka fil-qasam xjentifiku; jemmen li l-iżvilupp u l-użu tal-analitika tal-Big Data għal skopijiet xjentifiċi jenħtieġ li jitwettqu bil-kunsiderazzjoni dovuta tal-valuri fundamentali minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u f'konformità mal-leġiżlazzjoni attwali tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data;

24.  Ifakkar li skont ir-RĠPD, l-ipproċessar ulterjuri tad-data personali għal skopijiet ta' statistika jista' jirriżulta biss f'data aggregata li ma tistax terġa' tiġi applikata għall-individwi;

Big Data għall-finijiet ta' infurzar tal-liġi

Il-privatezza u l-protezzjoni tad-data

25.  Ifakkar lill-atturi kollha tal-infurzar tal-liġi li jużaw l-ipproċessar tad-data u l-analitika li d-Direttiva (UE) 2016/680: tirregola l-ipproċessar tad-data personali mill-Istati Membri għal skopijiet ta' infurzar tal-liġi; titlob li l-ġbir u l-ipproċessar ta' data personali għal finijiet ta' infurzar tal-liġi jridu dejjem ikunu adegwati, rilevanti u mhux eċċessivi meta mqabbla mal-iskopijiet speċifikati, espliċiti u leġittimi li għalihom tkun qed tiġi pproċessata; tiddikjara li l-iskop għall-ġbir ta' din id-data u l-ħtieġa għal dan il-ġbir għandu jkun ippruvat b'mod ċar; tiddikjara li kull deċiżjoni bbażata biss fuq ipproċessar awtomatizzat, inkluż it-tfassil ta' profili, li toħloq effett legali negattiv fuq is-suġġett tad-data jew tolqtu b'mod sinifikanti, hi pprojbita, sakemm ma tkunx awtorizzata mil-liġi tal-Unjoni jew mil-liġi tal-Istat Membru li jkun suġġett għaliha l-kontrollur u tipprovdi salvagwardji adatti għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data, tal-anqas id-dritt li jkun hemm intervent uman min-naħa tal-kontrolluri; tistieden lill-Kummissjoni, lill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u lil awtoritajiet superviżorji indipendenti oħra joħorġu linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki sabiex jispeċifikaw aktar il-kriterji u l-kundizzjonijiet għal deċiżjonijiet ibbażati fuq it-tfassil ta' profili u l-użu ta' Big Data għal skopijiet ta' infurzar tal-liġi;

26.  Jenfasizza l-importanza tal-konformità mad-Direttiva (UE) 2016/680 għal dak li jirrigwarda t-twettiq minn qabel ta' valutazzjonijiet tal-impatt u awditi li jqisu l-preokkupazzjonijiet etiċi sabiex jiġu vvalutati l-inklużività, il-preċiżjoni u l-kwalità tad-data, u li jkun żgurat li l-individwi fil-mira tad-deċiżjonijiet u/jew l-atturi involuti fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet ikollhom il-possibbiltà jifhmu u jikkontestaw il-ġbir jew l-analiżi, ix-xejriet u l-korrelazzjonijiet u jiġi evitat kwalunkwe effett ta' ħsara fuq ċerti gruppi ta' individwi;

27.  Jisħaq li l-fiduċja taċ-ċittadini fis-servizzi diġitali tista' tiġi pperikolata serjament minn attivitajiet ta' sorveljanza fuq skala kbira min-naħa tal-gvern u minn aċċess inġustifikat għad-data kummerċjali u data personali oħra minn awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi;

28.  Ifakkar li leġiżlazzjoni li tippermetti lill-awtoritajiet pubbliċi jkollhom aċċess għall-kontenut ta' komunikazzjonijiet elettroniċi fuq bażi ġeneralizzata trid titqies li tikkomprometti l-essenza tad-dritt fundamentali tar-rispett tal-ħajja privata, kif iggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta;

29.  Jenfasizza l-ħtieġa li linji gwida u sistemi jiġu inkorporati fis-sejħiet pubbliċi għal offerti għal mudelli tal-ipproċessar tad-data, għodod u programmi bbażati fuq Big Data għal skopijiet ta' infurzar tal-liġi sabiex ikun żgurat li l-kodiċi sottostanti jkun jista' jiġi ċċekkjat u effettivament jiġi ċċekkjat mill-awtorità tal-infurzar tal-liġi qabel ix-xiri finali u jista' jiġi vverifikat għal kemm hu adattat, korrett u sigur, b'kunsiderazzjoni tal-fatt li t-trasparenza u r-responsabbiltà huma limitati minn softwer proprjetarju; jindika li ċerti mudelli ta' regolamentazzjoni prevedibbli huma aktar favur il-privatezza minn oħrajn, pereżempju fejn isir tbassir probabilistiku dwar postijiet jew avvenimenti u mhux dwar persuni individwali;

Is-sigurtà

30.  Jissottolinja l-bżonn assolut li l-bażijiet tad-data tal-infurzar tal-liġi jitħarsu minn ksur tas-sigurtà u l-aċċess illegali, peress li din hija kwistjoni ta' tħassib għall-individwi; jemmen, għalhekk, li biex jiġu indirizzati dawn ir-riskji hemm bżonn ta' politika koordinata u effettiva bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, is-settur privat, il-gvernijiet u l-awtoritajiet superviżorji indipendenti tal-protezzjoni tad-data; jinsisti, f'dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata sigurtà xierqa għad-data personali, skont ir-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttiva (UE) 2016/680, kif ukoll biex ikunu minimizzati l-vulnerabbiltajiet permezz ta' arkitetturi tal-bażi tad-data siguri u deċentralizzati;

In-nondiskriminazzjoni

31.  Iwissi li, minħabba l-intrużività tad-deċiżjonijiet u l-miżuri meħuda mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi – inkluż permezz tal-ipproċessar tad-data u l-analitika tad-data – fil-ħajja u d-drittijiet taċ-ċittadini, hemm bżonn tal-akbar kawtela sabiex tiġi evitata diskriminazzjoni illegali u li jiġu mmirati ċerti individwi jew gruppi ta' persuni definiti permezz ta' referenza għar-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, is-sess, l-identità jew l-espressjoni tas-sessi, l-orjentazzjoni sesswali, l-istatus ta' residenza, is-saħħa jew l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, li ħafna drabi hija s-suġġett ta' tfassil ta' profili etniċi jew aktar regolazzjoni intensiva fl-infurzar tal-liġi, kif ukoll individwi li jinzertaw li jkunu definiti minn karatteristiċi partikolari; jitlob taħriġ xieraq għall-kolletturi prinċipali tad-data u l-utenti tal-intelligence derivati mil-livell tal-analiżi tad-data;

32.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri li jagħmlu użu minn analitika tad-data biex iżommu l-ogħla standards ta' etika fl-analiżi tad-data u jiżguraw intervent uman u responsabbiltà tul l-istadji differenti ta' teħid ta' deċiżjonijiet, mhux biss biex jivvalutaw ir-rappreżentanza, il-preċiżjoni u l-kwalità tad-data, iżda anke biex jivvalutaw l-adegwatezza ta' kull deċiżjoni li tittieħed fuq il-bażi ta' dik l-informazzjoni;

o
o   o

33.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.
(2) ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89.
(3) http://www.coe.int/en/web/conventions/full-list/-/conventions/treaty/108
(4) https://search.coe.int/cm/Pages/result_details.aspx?ObjectID=09000016805cdd00
(5) https://secure.edps.europa.eu/EDPSWEB/webdav/site/mySite/shared/Documents/Consultation/Opinions/2015/15-11-19_Big_Data_EN.pdf
(6) https://secure.edps.europa.eu/EDPSWEB/webdav/site/mySite/shared/Documents/Consultation/Opinions/2016/16-09-23_BigData_opinion_EN.pdf
(7) http://ec.europa.eu/justice/data-protection/article-29/documentation/opinion-recommendation/files/2014/wp221_en.pdf
(8) Opinjoni 8/2016 tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data tat-23 ta' Settembru 2016, p.15.

Avviż legali - Politika tal-privatezza