Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2309(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0050/2017

Testi mressqa :

A8-0050/2017

Dibattiti :

PV 15/03/2017 - 18
CRE 15/03/2017 - 18

Votazzjonijiet :

PV 16/03/2017 - 6.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0094

Testi adottati
PDF 311kWORD 60k
Il-Ħamis, 16 ta' Marzu 2017 - Strasburgu
Rapport 2016 dwar il-Montenegro
P8_TA(2017)0094A8-0050/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Marzu 2017 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni 2016 dwar il-Montenegro (2016/2309(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 u l-anness tagħhom bit-titolu "L-Aġenda ta' Tessalonika għall-Balkani tal-Punent: lejn integrazzjoni Ewropea",

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Montenegro, min-naħa l-oħra, tad-29 ta' Marzu 2010(1),

–  wara li kkunsidra l-eżitu tal-laqgħat tal-Konferenza dwar l-Adeżjoni UE-Montenegro fil-livell ta' deputati tat-30 ta' Ġunju 2016 u fil-livell ministerjali tat-13 ta' Diċembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2012 li ddeċieda li jiftaħ in-negozjati ta' adeżjoni mal-Montenegro fid-29 ta' Ġunju 2012, u l-konklużjonijiet tat-13 ta' Diċembru 2016 fejn il-Montenegro kiseb l-appoġġ tal-maġġoranza assoluta tad-delegazzjonijiet,

–  wara li kkunsidra s-seba' laqgħa tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni bejn il-Montenegro u l-UE, fl-20 ta' Ġunju 2016 fi Brussell,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Novembru 2016 bit-titolu ''Komunikazzjoni dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE 2016'' (COM(2016)0715), akkumpanjata mid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar ir-Rapport 2016 dwar il-Montenegro (SWD(2016)0360),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Finali tal-President tas-Summit ta' Pariġi dwar il-Balkani tal-Punent, tal-4 ta' Lulju 2016, u r-Rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili għas-Summit ta' Pariġi 2016,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Istati Membri tan-NATO tat-2 ta' Diċembru 2015, u l-firma tal-Montenegro, tal-Protokoll ta' Adeżjoni man-NATO fid-19 ta' Mejju 2016,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Finali tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali OSKE/ODIHR dwar l-elezzjonijiet parlamentari tas-16 ta' Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tat-8 laqgħa tal-Kumitat Konsultattiv Konġunt (JCC) tas-Soċjetà Ċivili UE-Montenegro, tat-8 ta' Novembru 2016, f'Budva,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u r-Rakkomandazzjonijiet tat-12-il Laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE-Montenegro (SAPC) bejn id-19 u l-20 ta' Mejju 2016, f'Podgorica,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Montenegro,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0050/2017),

A.  billi l-integrazzjoni Ewro-Atlantika hi prijorità ewlenija tal-politika barranija tal-Montenegro;

B.  billi tkompla l-progress fin-negozjati ta' adeżjoni; billi l-Montenegro bħalissa hu kkunsidrat l-aktar pajjiż avvanzat fil-proċess ta' adeżjoni; billi l-qafas ġuridiku fil-qasam tal-istat tad-dritt jinsab kważi lest u l-istruttura istituzzjonali diġà ddaħħlet fis-seħħ;

C.  billi għad hemm tħassib dwar il-klima domestika ppolarizzata, u wkoll dwar il-bojkott mill-oppożizzjoni fil-Parlament; billi hu essenzjali li l-koalizzjoni fit-tmexxija u l-oppożizzjoni jipparteċipaw fi djalogu sostenibbli kif ukoll f'kooperazzjoni kostruttiva, sabiex jinżamm il-progress fil-proċess ta' adeżjoni;

D.  billi l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata għadhom kwistjonijiet ta' tħassib serju;

E.  billi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) jistgħu jipparteċipaw fi gruppi ta' ħidma, inkluż fin-negozjati ta' adeżjoni, iżda esprimew nuqqas ta' sodisfazzjon fil-grad ta' parteċipazzjoni tagħhom fit-tfassil ta' politika u fil-kapaċità tagħhom li jaċċedu għall-informazzjoni; billi għadu preokkupanti ħafna li xi attivisti tas-soċjetà ċivili sfaw il-mira ta' attakki personali mill-midja permezz ta' kampanji ta' malafama;

F.  billi l-progress tal-Montenegro skont il-kapitoli 23 u 24 dwar l-istat tad-dritt jibqa' essenzjali fit-tkomplija ġenerali tal-proċess ta' negozjati;

G.  billi l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-midja huma valuri ewlenin tal-UE u huma wkoll elementi fundamentali ta' kull demokrazija; billi l-komunità tal-midja tal-Montenegro hi politiċizzata ħafna, billi għadhom jippersistu ċ-ċensura u l-awtoċensura, kif ukoll il-pressjoni ekonomika u politika fuq il-ġurnalisti;

1.  Jilqa' l-progress kontinwu fl-integrazzjoni mal-UE tal-Montenegro; jilqa' l-fatt li l-Montenegro kiseb progress kostanti fin-negozjati ta' adeżjoni, u jinnota li s'issa nfetħu 26 kapitolu għal negozjati u 2 kapitoli ngħalqu provviżorjament; jistieden lill-Kunsill iħaffef in-negozjati mal-Montenegro; iħeġġeġ li fl-2017, jinfetħu u jingħalqu aktar kapitoli fin-negozjati dwar l-adeżjoni; ifaħħar l-adozzjoni mill-Gvern tal-Montenegro tal-Programm ta' Adeżjoni mal-UE tal-Montenegro 2017-2018; iħeġġeġ lill-Montenegro jħaffef il-pass tar-riformi, iżid l-isforzi tiegħu biex jintlaħqu l-punti ta' riferiment kollha, u jkompli jiffoka fuq l-aspetti fundamentali tal-proċess ta' adeżjoni; ifakkar li hu essenzjali li jinkisbu riżultati konkreti b'rekord ta' implimentazzjoni qawwi u sostenibbli, speċjalment fl-oqsma tal-istat tad-dritt, il-ġustizzja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata;

2.  Ifaħħar lill-awtoritajiet kompetenti għaż-żamma b'mod ordnat tal-elezzjonijiet parlamentari fis-16 ta' Ottubru 2016, li matulhom il-libertajiet fundamentali, kienu ġeneralment rispettati; iħeġġeġ li jkun hemm allinjament akbar mal-istandards internazzjonali; jilqa' l-fatt li n-numru ta' nies li ħarġu jivvutaw kien l-ogħla wieħed sa mill-2002; jilqa' l-qafas ġuridiku rivedut li fih seħħew l-elezzjonijiet, iżda jinnota li xi nuqqasijiet amministrattivi għadhom jippersistu, inklużi dawk min-naħa tal-Kummissjoni Elettorali Statali (SEC), kif ukoll li għad hemm tħassib dwar il-politiċizzazzjoni u l-preċiżjoni tar-reġistru elettorali;

3.  Jiddispjaċih li, f'jum l-elezzjoni, kien hemm bżonn li l-pjattaformi ta' komunikazzjoni bl-internet jingħalqu b'mod temporanju, kif ukoll għall-hacking tas-sit web taċ-Ċentru għat-Tranżizzjoni Demokratika (CDT), li seħħ ftit jiem qabel l-elezzjonijiet, u li xekkel il-ħidma ta' monitoraġġ tal-elezzjonijiet mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ); jappella lill-awtoritajiet kompetenti jindirizzaw in-nuqqasijiet u jinvestigaw l-allegazzjonijiet dwar l-irregolaritajiet proċedurali, inklużi l-allegazzjonijiet ta' abbuż ta' fondi statali u l-abbużi mill-kariga, u kwalunkwe nuqqas ieħor irrappurtat, u li dawn jiġu investigati minnufih u b'mod trasparenti, u skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODIHR; jistenna li l-indipendenza tas-SEC tkompla tingħata appoġġ; hu tal-fehma li hemm bżonn li l-proċess elettorali jitjieb sabiex tinbena fiduċja sħiħa fil-proċess elettorali; jinnota b'dispjaċir li l-oppożizzjoni ma rrikonoxxietx ir-riżultati tal-elezzjonijiet; jirrikonoxxi l-isforzi mwettqa minn atturi esterni biex jiskreditaw il-proċess elettorali u d-diffikultajiet li dan ħoloq; jistenna li l-Gvern il-ġdid iżomm l-impenn politiku tiegħu fir-rigward tal-proċess ta' riforma u jistieden lill-partiti politiċi kollha jerġgħu jipparteċipaw fi djalogu kostruttiv;

4.  Jikkonstata l-iffurmar ta' Gvern ta' Fiduċja Elettorali bi tħejjija għal dawn l-elezzjonijiet; jilqa' l-fatt li dan kien proċess immexxi min-nies tal-Montenegro u li kien wieħed li kiseb il-fiduċja tal-partiti;

5.  Jikkonstata bi tħassib l-allegazzjonijiet ta' sforzi mir-Russja li tinfluwenza l-iżviluppi fil-Montenegro, peress li din ix-xejra ta' imġiba fir-reġjun tista' timplika destabilizzazzjoni akbar tal-Balkani tal-Punent; jinsab imħasseb dwar l-inċidenti serji, li seħħew fis-16 ta' Ottubru 2016, inkluż l-allegazzjoni ta' kolp ta' stat, u jitlob lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (Vp/RGħ), u lill-Kummissjoni biex isegwu mill-qrib l-investigazzjonijiet li għaddejjin bħalissa mill-awtoritajiet kompetenti; ifaħħar ir-rieda tas-Serbja li tikkoopera f'dawn l-investigazzjonijiet; iqis li hu importanti li s-servizzi rilevanti tal-Istati Membri, jikkondividu bejniethom u flimkien mal-VP/RGħ u l-Kummissjoni, kull informazzjoni rigward dawn l-inċidenti;

6.  Jibqa' imħasseb ħafna dwar il-polarizzazzjoni tal-klima nazzjonali u dwar il-bojkott ta' attivitajiet parlamentari mill-membri tal-oppożizzjoni; jistieden lill-oppożizzjoni tilqa' l-offerta tal-Prim Ministru tal-Montenegro biex tipparteċipa fit-tmexxija bħala kontropartita għat-tmiem tal-bojkott; itenni l-bżonn li l-forzi politiċi kollha jipparteċipaw mill-ġdid fi djalogu u f'kooperazzjoni kostruttivi fi ħdan il-parlament tal-Montenegro; jitlob li jkompli jissaħħaħ l-iskrutinju parlamentari dwar il-proċess ta' adeżjoni u dwar il-kapaċità ta' sorveljanza tal-baġit; ifaħħar lill-parlament talli kompla juri livell ta' trasparenza għoli; jesprimi tħassib dwar l-użu ta' forza sproporzjonata matul il-protesti kontra l-gvern; jibqa' jinsisti dwar il-bżonn li jingħata segwitu għall-iskandlu tar-reġistrazzjoni tas-smigħ; jappella li jitjieb l-iskrutinju parlamentari tal-implimentazzjoni tal-miżuri fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni;

7.  Jistieden lill-Gvern itejjeb l-aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni, speċjalment fir-rigward ta' proġetti infrastrutturali kbar, bħall-kostruzzjoni ta' awtostradi, il-privatizzazzjoni, l-akkwist pubbliku u l-operazzjonijiet ġudizzjarji;

8.  Jilqa' l-istrateġija l-ġdida għar-riforma tal-amministazzjoni pubblika (PAR) 2016-2020, kif ukoll il-programm ta' riforma tal-ġestjoni finanzjarja pubblika, id-dħul fis-seħħ ta' liġi ġdida dwar is-salarji u s-semplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi; jitlob li jkun hemm miżuri ta' allokazzjoni tar-riżorsi baġitarji adegwati għall-implimentazzjoni tal-PAR, kif ukoll li jkun hemm rieda politika konsistenti għar-razzjonalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika, anke fid-dawl tat-tħejjijiet għall-adeżjoni; jikkonstata l-progress limitat li twettaq fit-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva; iħeġġeġ id-depolitiċizzazzjoni totali tal-amministrazzjoni pubblika; iqis li hu essenzjali li jiġu rispettati l-prinċipji ta' mertu, professjonaliżmu, responsabilità, trasparenza u ta' valutazzjoni tal-impatt regolatorju f'waqtha, u li jiġu salvagwardjati d-drittijiet taċ-ċittadini għal amministrazzjoni tajba u ħielsa mill-korruzzjoni, u d-dritt għall-informazzjoni;

9.  Jinnota l-progress imwettaq fir-riforma ġudizzjarja, inkluż it-titjib tal-kapaċitajiet istituzzjonali; jibqa' mħasseb dwar l-influwenza eċċessiva fuq l-indipendenza tal-ġudikatura, partikolarment fir-rigward tal-ħatra tal-imħallfin; jenfasizza l-bżonn li tissaħħaħ ir-responsabilità tal-ġudikatura bl-iżvilupp ta' rekord ta' kisbiet tal-implimentazzjoni tal-kodiċi tal-etika u ta' sistemi dixxiplinari ġodda għall-imħallfin u għall-prosekuturi; jisħaq dwar il-bżonn li n-netwerk ġudizzjarju jiġi razzjonalizzat, u li jkun hemm aktar titjib tal-kapaċitajiet ta' monitoraġġ tax-xogħol pendenti fil-qrati u biex in-numru ta' każijiet pendenti jkompli jitnaqqas; jappella għal responsabilità istituzzjonali u individwali aktar effettiva fir-rigward tal-ipproċessar ta' akkużi ta' korruzzjoni, ħasil tal-flus u kriminalità organizzata; jenfasizza l-bżonn ta' implimentazzjoni b'effikaċja tad-deċiżjonijiet tal-qorti fir-rigward tal-aċċess għall-informazzjoni, u biex tiġi miġġielda l-prattika predominanti li biha dokumenti jiġu dikjarati kunfidenzjali sabiex jiġi limitat l-aċċess għalihom; jisħaq dwar l-importanza ta' sensibilizzazzjoni akbar tal-pubbliku dwar il-mekkaniżmi ta' lment eżistenti;

10.  Filwaqt li jinnota li twettaq xi progress fis-segwitu tad-delitti tal-gwerra, jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jinvestigaw, iħarrku, jipproċessaw u jikkundannaw id-delitti tal-gwerra kif ukoll jiġġieldu l-impunità, b'konformità mal-istandards internazzjonali, partikolarment fir-rigward ta' uffiċjali responsabbli li jinsabu fil-quċċata tal-katina tal-kmand; jilqa' l-adozzjoni ta' strateġija ta' prosekuzzjoni bil-għan li jinfetħu każijiet ġodda u li jwasslu għal riżultati konkreti; jisħaq dwar il-bżonn li jkun żgurat aċċess mingħajr xkiel għall-ġustizzja u li jingħata kumpens ġust għall-vittmi tad-delitti tal-gwerra, kif ukoll biex tingħata protezzjoni lix-xhieda matul il-proċessi dwar delitti tal-gwerra;

11.  Jikkonstata bi tħassib il-prevalenza tal-korruzzjoni f'bosta oqsma, iżda jilqa' t-tkomplija tat-tisħiħ tal-qafas kontra l-korruzzjoni, fost l-oħrajn billi l-Aġenzija Kontra l-Korruzzjoni (ACA) issa saret operattiva bis-sħiħ, u bil-ħatra ta' prosekuturi speċjali kontra l-korruzzjoni, kif ukoll billi qed jiġi indirizzat il-bżonn ta' taħriġ speċjalizzat fuq perjodu twil ta' żmien; iqis li hu essenzjali li tkun żgurata l-indipendenza tagħhom fl-investigazzjonijiet; jenfasizza l-importanza ta' attivitajiet tal-ACA li jkunu politikament imparzjali, professjonali u trasparenti, speċjalment fir-rigward tal-każijiet ta' korruzzjoni f'każijiet ta' livell għoli u ta' finanzjament tal-partiti politiċi; jenfasizza b'mod ripetut il-bżonn li jiġi stabbilit track rekord dwar l-investigazzjonijiet u l-kundanni b'suċċess, partikolarment f'każijiet ta' korruzzjoni ta' livell għoli, u dwar miżuri għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni, inkluża l-applikazzjoni aktar effettiva ta' sanzjonijiet legali; jistieden lill-gvern il-ġdid jpoġġi l-ġlieda kontra l-korruzzjoni bħala waħda mill-prijoritajiet tiegħu billi jalloka biżżejjed riżorsi umani u baġitarji għal dan il-kompitu;

12.  Jappella li ssir implimentazzjoni effikaċi tal-pjanijiet ta' azzjoni settorjali għall-oqsma li huma partikolarment vulnerabbli għall-korruzzjoni, bħall-akkwist pubbliku, il-privatizzazzjoni, l-ippjanar urban, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, il-gvern lokali u l-pulizija; jappella għal investigazzjoni effettiva ta' każijiet potenzjali ta' kxif ta' informazzjoni u li tingħatalhom il-protezzjoni adegwata; jappella li r-reat kriminali ta' arrikkiment illeċitu jiġi inkorporat fil-kodiċi kriminali tal-Montenegro; jappella li ssir implimentazzjoni effikaċi tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn il-Eurojust u l-Montenegro sabiex titjieb il-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-ġlieda kontra reati gravi; jappella għal miżuri li jtejbu l-protezzjoni ta' min jikxef l-informazzjoni;

13.  Jikkonstata l-adozzjoni ta' pjan ta' azzjoni għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, kif ukoll l-iffirmar ta' Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu; jenfasizza l-bżonn li jkompli jiġi żviluppat it-track rekord f'każijiet kontra l-kriminalità organizzata, speċjalment rigward it-traffikar tal-bnedmin, drogi u l-ħasil tal-flus, biex tkun żgurata kooperazzjoni aktar b'saħħitha bejn l-aġenziji u tkun intensifikata aktar il-kooperazzjoni reġjonali u internazzjonali fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata; jenfasizza l-bżonn ta' konsulenti ta' kontabilità forensika speċjalizzati li jassistu fl-investigazzjonijiet regolari;

14.  Jilqa' t-titjib imwettaq fil-qafas legali tal-ġlieda kontra t-traffikar ta' bnedmin; jisħaq, madankollu, li tinħtieġ identifikazzjoni aħjar tal-vittmi tat-traffikar u li jitjieb l-aċċess tagħhom għal assistenza, kumpens u protezzjoni;

15.  Jilqa' l-istrateġija l-ġdida għall-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti fl-2016-2018, li tikkumplimenta l-istrateġija nazzjonali għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu; jikkonstata l-ħolqien ta' unità ta' intelligence ġdida li għandha l-kompitu li tidentifika u timmonitorja membri potenzjali ta' gruppi ta' vjolenza estrema; iqis li hu essenzjali li l-persuni jiġu identifikati fl-istadji bikrija ta' radikalizzazzjoni sabiex dawn ma jitħallewx jiġu reklutati minn gruppi estremisti vjolenti, u biex dawn jiġu integrati mill-ġdid b'suċċess fis-soċjetà; iqis li hu importanti li l-miżuri meħuda f'dan ir-rigward jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali bi qbil mal-obbligi internazzjonali; jenfasizza l-importanza li tiżdied is-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini fir-rigward tal-monitoraġġ tal-possibilità ta' theddid terroristiku;

16.  Jitlob lill-awtoritajiet kompetenti, filwaqt li jirrikonoxxi l-parteċipazzjoni tas-OSĊ fit-tħejjijiet għall-adeżjoni, sabiex itejbu aktar l-aċċess tal-OSĊ għall-informazzjoni relatata mal-UE, u biex jiżguraw li l-konsultazzjonijiet mal-OSĊ, fejn possibbli, jinżammu b'mod li jagħmel sens; jappella lill-awtoritajiet kompetenti jiżviluppaw approċċ aktar ta' appoġġ u inklużiv li jiffaċilita l-attivitiajiet fil-livell lokali mill-OSĊ u li jħeġġeġ il-parteċipazzjoni attiva tagħhom fl-iskrutinju tal-proċess elettorali kollu; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti jiżviluppaw finanzjament pubbliku għall-OSĊ, kemm fil-livell nazzjonali u lokali, b'mod aktar sostenibbli, trasparenti u effikaċi; jappella lill-awtoritajiet rilevanti kollha joħolqu kondizzjonijiet li jwasslu għal ħidma volontarja u għal grad ogħla ta' parteċipazzjoni ċivika; jinsab imħasseb serjament li tkomplew il-kampanji ta' malafama u l-isforzi ta' intimidazzjoni kontra ċerti attivisti tal-OSĊ; jappella lill-awtoritajiet kompetenti jinvestigaw u jiċċaraw il-kawżi ta' dawn l-attentati u jsaħħu l-isforzi tagħhom sabiex jipproteġu lill-attivisti tal-OSĊ;

17.  Jikkonstata li twettaq xi progress fit-titjib tas-sitwazzjoni tal-minoranzi, inkluża t-tlestija ta' bosta riformi leġiżlattivi li jiżguraw allinjament akbar mal-UE u mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; jilqa' l-adozzjoni tal-istrateġija u l-pjan ta' azzjoni 2016-2020 dwar l-inklużjoni soċjali tar-Rom u tal-komunitajiet Eġizzjani; jitlob li jiġi allokat baġit adegwat sabiex il-pjan ta' azzjoni jkun jista' jiġi implimentat b'mod xieraq; jesprimi tħassib dwar id-diskriminazzjoni doppja li jiffaċċjaw in-nisa u t-tfajliet fil-komunità tar-Rom u dwar l-aċċess għall-kura tas-saħħa, djar u impjiegi mill-komunità tar-Rom, tal-minoranzi Eġizzjani u tal-poplu Ashkali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti biex ikomplu jsaħħu l-isforzi għas-salvagwardja tad-drittijiet tal-persuni LGBTI; jappella lill-awtoritajiet kompetenti jwettqu sforzi akbar biex iżidu l-għarfien kontra d-diskriminazzjoni fost il-pubbliku inġenerali; jibqa' mħasseb li bosta binjiet pubbliċi, inklużi ċentri mediċi u fakultajiet tal-università, għadhom mhumiex aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità, u wkoll li n-numru ta' impjiegi ta' persuni b'diżabilità għadu limitat ħafna; jappella għal aktar miżuri ta' protezzjoni tal-identità multietnika tar-reġjun Boka Kotorska;

18.  Jappella li jkomplu jissaħħu l-istituzzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż l-Ombudsperson u l-Ministeru għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Minoranzi, u hu tal-fehma li għandu jiżdied l-għarfien tagħhom tal-liġi u l-istandards tad-Drittijiet tal-Bniedem internazzjonali u Ewropej; jesprimi tħassib dwar in-nuqqas ta' approċċ uniformi u dwar il-livelli baxxi ta' pieni għal ksur ta' drittijiet tal-bniedem;

19.  Jibqa' mħasseb dwar il-vjolenza domestika kontinwa abbażi tal-ġeneru, u l-vjolenza sesswali, in-nuqqas ta' prosekuzzjonijiet u ta' għoti ta' sentenzi adegwati għal dawk li jwettqu r-reat bi qbil mal-istandards internazzjonali, u l-appoġġ ineffiċjenti lill-vittmi u l-protezzjoni tagħhom; jitlob għall-miżuri li jistabbilixxu servizzi ta' protezzjoni adegwati, isaħħu l-koordinament interistituzzjonali rilevanti, jagħmlu użu effiċjenti ta' databażi unifikata ta' każijiet ta' vjolenza domestika, u li jimplimentaw l-istrateġija 2016-2020 dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza domestika; jissottolinja l-importanza li l-impjegati fl-istituzzjonijiet statali jiġu edukati u mħarrġa dwar kif għandhom jaħdmu mal-vittmi; jappella lill-awtoritajiet kompetenti jiżguraw protezzjoni xierqa, akkomodazzjoni fuq perjodu twil ta' żmien, appoġġ finanzjarju u programmi edukattivi għall-vittmi ta' żwiġijiet sfurzati, kif ukoll li jiżguraw il-prosekuzzjoni effiċjenti u l-ħruġ ta' sentenzi ta' kundanna għal dawk li jwettqu r-reat; jenfasizza l-importanza li tiġi mħeġġa r-rappreżentanza tan-nisa fil-politika, inkluż f'karigi ewlenin ta' teħid ta' deċiżjonijiet, kif ukoll biex jitjieb l-aċċess tagħhom għal rappreżentanza aħjar fis-suq tax-xogħol; jappella li tiġi żviluppata politika pubblika li tgħin biex tibbilanċja r-rabtiet bejn ix-xogħol u l-familja; jinnota t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni 2013-2017 dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti jagħmlu allokazzjonijiet baġitarji suffiċjenti għall-implimentazzjoni tagħha; jikkonstata li hemm sfidi fil-koordinament ta' politiki rigward it-tfal u li l-vjolenza kontra t-tfal għadha kwistjoni ta' tħassib;

20.  Jappella lill-awtoritajiet tal-Montenegro jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu l-vjolenza kontra t-tfal, it-traffikar tal-bnedmin u ż-żwiġijiet tat-tfal furzati li għadhom qed jiġu rrappurtati mill-NGOs;

21.  Jenfasizza l-bżonn li ssir ħidma kostanti u serja dwar l-armonizzazzjoni tas-sistema ġuridika tal-Montenegro mal-istandards ġuridiċi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet tal-persuni b'diżabilità, sabiex jiġi żgurat li jiġu rispettati l-prinċipji tal-istat tad-dritt, tal-kostituzzjonalità u tal-legalità;

22.  Jibqa' mħasseb dwar l-istat tal-libertà tal-espressjoni u tal-libertà tal-midja fil-Montenegro u n-nuqqas ta' investigazzjonijiet effikaċi mill-gvern fir-rigward tal-attakki fuq il-ġurnalisti; iħeġġeġ għal darb'oħra lill-awtoritajiet kompetenti jsibu soluzzjoni għal każijiet ta' vjolenza kontra, l-intimidazzjoni ta' u t-theddid magħmul lill-ġurnalisti, li ilhom pendenti għal ħafna żmien, u biex jinħoloq ambjent sigur għal ġurnaliżmu ħieles u investigattiv; jesprimi tħassib dwar l-attakki mwettqa mill-forzi tal-pulizija u dwar il-każijiet reċenti ta' pressjoni u intimidazzjoni kontra l-ġurnalisti, inklużi kampanji ta' malafama, attakki fiżiċi u theddid, kif ukoll każijiet ta' interferenza fil-midja matul il-protesti kontra l-gvern, inklużi arresti arbitrarji u l-ħtif tat-tagħmir; jesprimi tħassib li għad hemm nuqqas ta' investigazzjonijiet adegwati f'dawn l-attakki u wkoll nuqqas ta' każijiet simili riżolti; jinnota li n-numru ta' każijiet ta' malafama għadu għoli ħafna; jinsisti fuq reklamar trasparenti mill-istat fil-midja privata, dwar l-emenda tal-kodiċi kriminali tal-Montenegro u dwar l-introduzzjoni ta' reati kriminali ġodda li għandhom l-għan li jipprevjenu u jippenalizzaw l-attakki fuq il-ġurnalisti fit-twettiq tad-doveri professjonali tagħhom; jirrikonoxxi l-miżuri legali meħuda biex ikun hemm indipendenza finanzjarja u sostenibilità akbar tax-xandar tas-servizz pubbliku l-RTCG, u jitlob li jitwettqu aktar passi biex tkun żgurata l-indipendenza tiegħu, inkluża l-indipendenza editorjali; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu sostnuti u msaħħa l-mekkaniżi awtoregolatorji; jisħaq li l-Kodiċi ta' Etika għall-Ġurnalisti rivedut għandu jiġi applikat b'effikaċja u b'mod uniformi fost il-komunità tal-midja; jappella, fejn xieraq, biex l-osservaturi tad-Delegazzjoni tal-UE u l-ambaxxati tal-Istat Membru jattendu b'aktar regolarità għall-proċessi kontra l-ġurnalisti u l-professjonisti tal-midja;

23.  Jikkonstata li s-SEC illimitat l-aċċess għall-midja matul l-elezzjonijiet tal-2016; jappella għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rigward il-midja ppreżentati fir-Rapport Finali tal-OSKE/ODIHR dwar il-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali dwar l-Elezzjonijiet Parlamentari 2016;

24.  Iħeġġeġ lill-gvern il-ġdid, filwaqt li jinnota l-iżviluppi ekonomiċi favorevoli, biex iwettaq il-miżuri li jiżguraw s-sostenibilità fiskali filwaqt li jissaħħu d-drittijiet soċjali u l-protezzjoni tal-konsumaturi, jitnedew aktar riformi strutturali bil-għan li titjieb il-klima kummerċjali u ta' investiment għall-ħolqien ta' impjiegi u tkabbir, u biex tinbena ekonomija aktar varjata, inkluż permezz ta' miżuri mfassla biex jiskalaw lura s-settur informali, u jinsisti dwar il-bżonn ta' ġlieda effettiva kontra l-evażjoni fiskali; jilqa' l-ftuħ tal-Kapitolu 19 u jemmen bil-qawwa li dan hu l-aqwa inċentiv biex il-gvern jaċċelera l-ħidma tiegħu dwar l-inklużjoni soċjali, u t-tnaqqis tal-faqar u dwar l-iskalar lura tas-settur informali; jitlob ir-razzjonalizzazzjoni tal-infiq pubbliku, kif ukoll li jiġu intensifikati l-isforzi għat-tisħiħ tal-istat tad-dritt u tal-infurzar tal-kuntratti; jappella li jinħtieġ li jiġu trattati l-iżbilanċi esterni għoljin u li tiġi evalwata mill-ġdid l-infrastruttura pubblika ta' proġetti ta' investiment li jisfidaw is-sostenibilità fiskali; jappella li aktar miżuri ta' natura finanzjarja u mhux finanzjarja jkunu disponibbli bħala appoġġ tal-SMEs u li jitwettqu aktar investimenti fi proġetti ta' innovazzjoni u sostenibilità sabiex tiġi stimolata l-ekonomija; jappella għal titjib fid-djalogu soċjali;

25.  Jikkonstata li filwaqt li twettaq xi progress fl-iżvilupp tal-infrastruttura tat-trasport, inkluż permezz tal-Osservatorju tat-Trasport tax-Xlokk tal-Ewropa, in-nuqqas ta' toroq transkonfinali qed ixekklu l-kummerċ u t-turiżmu; jilqa' l-isforzi li twettqu bil-għan li jiġi liberalizzat is-settur ferrovjarju tal-Montenegro; jisħaq dwar il-bżonn ta' koordinament mal-pajjiżi ġirien dwar kwistjonijiet ta' konnettività u biex dawn jitħallew jiffurmaw parti minn proċess ta' ppjanar għal proġetti infrastrutturali;

26.  Jenfasizza l-importanza li jissaħħaħ is-settur tal-SMEs u li jingħata appoġġ permezz ta' leġiżlazzjoni aħjar, il-finanzjament u l-implimentazzjoni tal-politika industrijali, u wkoll bit-tnaqqis tal-ekonomija informali, u billi titħaffef ir-reġistrazzjoni elettronika tal-kumpaniji fuq livell nazzjonali;

27.  Jinnota li l-ekonomija moħbija tal-Montenegro għadha tirriżulta f'sehem kbir tal-PDG kollu; ifakkar li l-ekonomija informali kbira tikkostitwixxi ostakolu ewlieni għall-intraprenditorija u għat-tkabbir ekonomiku u jħeġġeġ lill-Montenegro jwettaq il-passi meħtieġa biex jitnaqqas id-daqs tal-ekonomija moħbija;

28.  Jikkonstata bi tħassib li xi riżultati tal-bini ta' kapaċità ffinanzjati mill-IPA ma ntużawx bis-sħiħ jew ma ġewx segwiti mill-awtoritajiet; jenfasizza li, biex jinkisbu eżiti pożittivi, l-awtoritajiet jeħtieġu li jiżguraw id-disponibilità adegwata tal-persunal biex ir-riżultati jitħallew jintużaw u biex tingħata l-indipendenza meħtieġa lil istituzzjonijiet maħluqa ġodda;

29.  Jinnota t-tnaqqis ċkejken fil-qgħad; jilqa' l-istrateġija nazzjonali 2016-2020 il-ġdida għall-impjiegi u għall-iżvilupp tar-riżorsi umani u l-pjan ta' azzjoni għall-2016 li jakkumpanjaha; jibqa' jesprimi tħassib dwar il-qgħad għoli fost iż-żgħażagħ u n-nuqqas ta' mobilità tax-xogħol; jappella għal miżuri tas-suq proattivi biex tiżdied il-kwalità tal-impjiegi u biex jingħata appoġġ lin-nisa, lill-persuni vulnerabbli, persuni b'diżabilità u ż-żgħażagħ permezz tal-edukazzjoni, il-gwida tal-karriera, it-taħriġ u d-drittijiet tax-xogħol; itenni l-importanza ta' parteċipazzjoni attiva f'inizjattivi reġjonali għaż-żgħażagħ, bħall-Uffiċċju Reġjonali għall-Kooperazzjoni taż-Żgħażagħ tal-Balkani tal-Punent, inkluż billi jittieħed vantaġġ tal-programmi eżistenti sabiex tingħata spinta lill-konnettività fir-reġjun u biex jiġi ttrattat il-qgħad taż-żgħażagħ;

30.  Jikkonstata li l-infiq pubbliku għall-edukazzjoni għadu ferm anqas mill-medja tal-UE; jenfasizza l-bżonn li jiġu introdotti l-miżuri meħtieġa, partikolarment fir-rigward tal-kura bikrija tat-tfal u qabel l-iskola, fejn ir-reġistrazzjoni għadha baxxa ħafna u tinsab ferm anqas mill-mira tal-UE ta' 95 % sal-2020; hu tal-fehma li għandha tingħata attenzjoni speċjali lin-nuqqas ta' aċċess f'bosta universitajiet pubbliċi għall-persuni b'diżabilità;

31.  Jilqa' l-liġi ambjentali l-ġdida, kif ukoll l-istrateġija nazzjonali għat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-acquis tal-UE dwar l-ambjent u t-tibdil fil-klima u l-pjan ta' azzjoni tagħha 2016-2020; jenfasizza l-bżonn li jissaħħu l-isforzi ta' implimentazzjoni, partikolarment fil-ġestjoni tal-kwalità tal-ilma, il-protezzjoni tan-natura u l-ġestjoni tal-iskart, kif ukoll tal-kapaċitajiet amministrattivi fil-livelli kollha; jinsab imħasseb dwar id-dewmien sinifikanti fl-istabbiliment tal-protezzjoni għas-sit potenzjali Natura 2000 ta' Ulcinj Salina; jappella li jitwettqu sforzi akbar għall-ippreservar tal-bijodiversità tas-Salina u għall-iżvilupp sostenibbli tal-kosta;

32.  Jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jwettqu l-miżuri ta' protezzjoni u ta' konservazzjoni meħtieġa fir-rigward tal-Lag Skadar sabiex jinżammu l-karatteristiċi ekoloġiċi inkluża l-integrità ekoloġika tiegħu; jistieden lill-gvern jiżgura li t-trasformazzjoni tal-parks nazzjonali f'kumpanija pubblika b'responsabilità limitata mhux se jkollha effetti negattivi fuq il-protezzjoni tagħhom; jirrikonoxxi, f'dan il-kuntest, it-tħassib espress fil-qafas tal-Konvenzjonijiet ta' Ramsar u Bern rigward il-pjan spazjali għal skopijiet speċjali għall-Park Nazzjonali tal-Lag Skadar, inkluż il-Proġett Porto tal-Lag Skadar; jesprimi tħassib dwar id-dewmien sinifikanti biex tiġi stabbilita l-protezzjoni ta' żoni identifikati bħala żoni potenzjali tan-netwerk Natura 2000, bħall-Park Nazzjonali tal-Lag Skadar; ifakkar fil-bżonn ta' valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali sodi u strateġiċi, f'konformità mal-acquis tal-UE u mal-istandards internazzjonali;

33.  Jisħaq dwar il-bżonn li jiġu implimentati l-impenji internazzjonali fil-qasam tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima; jinsab imħasseb serjament dwar il-pjan ta' żvilupp tal-Gvern tal-impjant ta' produzzjoni tal-enerġija bil-faħam Pljevlja II, li mhuwiex kompatibbli mal-impenji meħuda skont il-Ftehim ta' Pariġi;

34.  Jirrikonoxxi l-progress tajjeb imwettaq fil-qasam tal-enerġija, inkluż fil-qasam tal-interkonnessjonijiet mal-pajjiżi sħab; jistieden lill-Montenegro jintroduċi leġiżlazzjoni li timplimenta t-Tielet Pakkett tal-Enerġija, partikolarment id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli; ikompli jesprimi tħassib dwar l-iżvilupp ta' impjanti idroelettriċi mhux sostenibbli u li ħafna minnhom qegħdin jiġu ppjanati mingħajr valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali reali, partikolarment fir-rigward tal-protezzjoni tal-bijodiversità u l-impatt tagħhom fuq żoni protetti kif mitlub mil-leġiżlazzjoni tal-UE; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jżommu sorveljanza viġilanti tal-esplorazzjoni taż-żejt u tal-gass lil hinn mill-kosta u jimplimentaw il-miżuri proattivi kollha bi qbil mal-leġiżlazzjoni, ir-regolamenti adottati u mal-acquis tal-UE;

35.  Jappella lill-awtoritajiet tal-Montenegro, fid-dawl tat-tħejjijiet għas-summit dwar il-Balkani tal-Punent li se jsir fl-Italja fl-2017, ikabbru l-isforzi ta' implimentazzjoni ta' miżuri ġuridiċi u regolatorji fil-qasam tat-trasport u fis-settur tal-enerġija (miżuri mhux vinkolanti), sabiex iwettqu l-Aġenda ta' Konnettività tal-Unjoni Ewropea;

36.  Jilqa' l-parteċipazzjoni proattiva tal-Montenegro u r-rwol kostruttiv kontinwu tiegħu fil-kooperazzjoni għal viċinat tajjeb, f'dik reġjonali u internazzjonali; iħeġġeġ aktar kooperazzjoni f'dan ir-rigward; ifaħħar bil-qawwa lill-Montenegro talli kompla jallinja bis-sħiħ il-politika barranija tiegħu mal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni tal-UE, inkluża d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/1671, li tenniet il-miżuri restrittivi tal-UE kontra r-Russja; jilqa' l-parteċipazzjoni tal-Montenegro fil-missjonijiet tal-PSDK mmexxija mill-UE; iħeġġeġ lill-Montenegro, biex fi spirtu kostruttiv u ta' viċinat, ikompli jindirizza kwistjonijiet bilaterali pendenti mal-ġirien tiegħu, inklużi l-kwistjonijiet mhux riżolti dwar id-demarkazzjoni tal-fruntiera mas-Serbja u mal-Kroazja, malajr kemm jista' jkun fil-proċess ta' adeżjoni; itenni t-talba tiegħu lill-awtoritajiet biex jgħinu ħalli tinstab soluzzjoni għal kwistjonijiet ta' suċċessjoni marbuta mal-patrimonju ta' dik li kienet ir-Repubblika Soċjalista Federali tal-Jugoslavja (SFRY); jilqa' l-ftehim ta' demarkazzjoni tal-fruntieri mal-Bożnija-Ħerzegovina, u r-ratifikazzjoni tal-ftehim ta' demarkazzjoni tal-fruntieri mal-Kosovo; jissottolinja l-bżonn li jitkomplew in-negozjati dwar l-aġġustament tal-ftehimiet dwar il-qsim tal-fruntiera u dwar it-traffiku fil-fruntiera; ifaħħar il-kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien skont il-Proċess tad-Dikjarazzjoni ta' Sarajevo; iħeġġeġ lill-Montenegro jikkonforma mal-pożizzjonijiet komuni tal-UE dwar l-integrità tal-Istatut ta' Ruma u mal-prinċipji gwida tal-UE relatati mal-ftehimiet ta' immunità bilaterali;

37.  Jikkonstata li filwaqt li l-Montenegro mhuwiex fuq ir-"Rotta tal-Balkani tal-Punent", jibqa' pajjiż tranżitorju għar-rifuġjati u l-migranti, li l-maġġoranza tagħhom ġejjin mis-Sirja; jistieden lill-awtoritajiet tal-Montenegro jiżguraw li l-migranti u r-rifuġjati li japplikaw għal asil fil-Montenegro jew li jkunu qegħdin jivvjaġġaw f'territorju Montenegrin, jiġu trattati b'konformità mad-dritt internazzjonali u tal-UE, inkluż skont il-Konvenzjoni tar-Rifuġjati tal-1951 u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; jilqa' l-adozzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Schengen u tal-Istrateġija 2017-2020 għall-Ġestjoni Integrata tal-Migrazzjoni;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli l-ħidma dwar kwistjonijiet relatati mal-migrazzjoni flimkien mal-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent b'tali mod li tiżgura l-konformità man-normi u mal-istandards internazzjonali u dawk tal-UE; jilqa' l-ħidma magħmula s'issa f'dan ir-rigward;

39.  Jilqa' l-parteċipazzjoni attiva tal-Montenegro fis-Summit ta' Pariġi dwar il-Balkani tal-Punent tal-2016, partikolarment dwar l-aġenda ta' konnettività; jappella lill-awtoritajiet jimplimentaw il-Ftehim dwar il-Qsim tal-Fruntiera mal-Albanija li għadu kif ġie ffirmat, u biex jimplimentaw ir-Regolament dwar in-Netwerk trans-Ewropew dwar il-liċenzjar u l-permess ta' aċċess miftuħ għas-suq ferrovjarju; jinnota madankollu li għalkemm is-suq ferrovjarju fil-Montenegro kien miftuħ għall-kompetizzjoni sa mill-2014, s'issa l-ebda operatur privat ma wera interess biex jipparteċipa f'dan is-suq; jappella lill-gvern il-ġdid jipprovdi suq ferrovjarju miftuħ, b'tariffa trasparenti ta' aċċess għall-binarji u b'kapaċità ta' allokazzjoni li jkunu allinjati bis-sħiħ mal-acquis;

40.  Jilqa' l-fatt li l-Protokoll ta' Adeżjoni tal-Montenegro man-NATO, u li attwalment qiegħed jiġi ratifikat mill-membri tan-NATO, kien iffirmat f'Mejju 2016, b'rikonoxximent tal-isforzi tal-Montenegro fl-implimentazzjoni tar-riformi, u dan billi n-NATO hu fattur importanti li jiżgura l-istabilità u l-paċi fil-Balkani tal-Punent; iħeġġeġ lill-membri tan-NATO fi ħdan l-UE jipprijoritizzaw il-proċess ta' ratifikazzjoni u jirrikonoxxu li s-sħubija fin-NATO tal-Montenegro hi parti simbolika u strateġika importanti fil-proċess ta' integrazzjoni Ewro-Atlantika tal-pajjiż; ifakkar li n-negozjati dwar l-adeżjoni mal-UE huma indipendenti mill-proċess ta' adeżjoni man-NATO;

41.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Montenegro.

(1) ĠU L 108, 29.4.2010, p. 1.

Avviż legali - Politika tal-privatezza