Riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' April 2017 li fih mozzjoni għal riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva dwar l-abbozz ta' regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (14942/2016 – C8-0103/2017 – 2016/0283(APP) – 2017/2051(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (COM(2016)0604),
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (14942/2016) u r-rettifika tal-Kunsill (14942/2016 COR2),
– wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill b'konformità mal-Artikolu 312 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mal-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (C8-0103/2017),
– wara li kkunsidra l-ftehim fil-prinċipju tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2017 dwar ir-reviżjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2016 dwar it-tħejjija tar-reviżjoni postelettorali tal-QFP 2014-2020: L-input tal-Parlament qabel il-proposta tal-Kummissjoni(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2016 dwar ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP 2014-2020(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tiegħu tal-5 ta' April 2017 dwar l-abbozz ta' regolament(4),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 99(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0117/2017),
1. Japprova d-dikjarazzjonijiet konġunti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill mehmuża ma' din ir-riżoluzzjoni;
2. Japprova d-dikjarazzjoni tiegħu annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
3. Jieħu nota tad-dikjarazzjonijiet unilaterali tal-Kunsill u tal-Kummissjoni;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.
Dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rinforzi ("top-ups") għall-bqija tal-perjodu tal-QFP
Fil-kuntest tal-analiżi/reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ftehmu dwar it-"top-ups" kif proposti mill-Kummissjoni għall-ammonti indikati fit-tabella ta' hawn taħt, li għandhom jiġu implimentati fis-snin 2017 sa 2020(1) fil-qafas tal-proċedura baġitarja annwali, mingħajr preġudizzju għall-prerogattivi tal-awtorità baġitarja:
Approprjazzjonijiet ta' impenn (f'miljuni ta' EUR)
Intestatura 1a
Orizzont 2020
200
Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa - Trasport
300
Erasmus+
100
COSME
100
Wifi4EU*
25
FEIS*
150
Total Intestatura 1a
875
Intestatura 1b (Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ)
1200**
Intestatura 3
2549
Intestatura 4*
1385
Total Intestaturi 1a, 1b, 3, 4
6009
* Dan ma jippreġudikax l-eżitu tad-diskussjonijiet li għaddejjin dwar l-abbozz ta' proposti leġiżlattivi fl-Intestatura 1a u l-Intestatura 4.
** Mifruxa fuq erba' snin (2017-2020).
Fil-proċedura baġitarja annwali ser jiġu identifikati riallokazzjonijiet ta' ammont totali ta' EUR 945 miljun, li minnhom EUR 875 miljun fl-Intestatura 1a u EUR 70 miljun fl-Intestatura 4.
Dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-evitar tal-akkumulu ta' ammont eċċessiv ta' kontijiet mhux imħallsa
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jappellaw lill-Kummissjoni tkompli bi skrutinju mill-qrib tal-implimentazzjoni tal-programmi tal-2014-2020 sabiex tiġi żgurata progressjoni ordnata tal-approprjazzjonijiet ta' pagament konsistenti mal-approprjazzjonijiet ta' impenn awtorizzati. Għal dak l-għan, jistiednu lill-Kummissjoni biex fil-mument opportun tippreżenta, matul il-bqija tal-perjodu tal-QFP attwali, ċifri aġġornati fir-rigward tal-istat attwali u stimi rigward l-approprjazzjonijiet ta' pagament. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ser jieħdu kwalunkwe deċiżjoni meħtieġa fi żmien debitu għal ħtiġijiet ġustifikati kif mistħoqq li tipprevjeni l-akkumulu ta' ammont eċċessiv ta' kontijiet mhux imħallsa u li tiżgura li t-talbiet għall-ħlas jiġu rimborżati kif mistħoqq.
Dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-pagamenti għal Strumenti speċjali
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qablu li jadattaw il-proposta għall-emenda tad-Deċiżjoni (UE) 2015/435 b'mod li ma jippreġudika bl-ebda mod in-natura tal-pagamenti għal strumenti speċjali oħra b'mod ġenerali.
Dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar evalwazzjoni indipendenti tar-riżultati tal-objettiv ta' tnaqqis progressiv tal-persunal b'5 % bejn l-2013 u l-2017
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jipproponu li titwettaq evalwazzjoni indipendenti tar-riżultati tal-objettiv ta' tnaqqis progressiv tal-persunal b'5 % bejn l-2013 u l-2017, li tkopri l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji kollha kif miftiehem fil-FII tal-2013 dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba. Abbażi tal-konklużjoni tal-evalwazzjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistiednu lill-Kummissjoni tippreżenta proposta ta' segwitu adatta.
Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-dikjarazzjonijiet konġunti marbuta mar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP
Il-Parlament Ewropew ifakkar li l-erba' dikjarazzjonijiet konġunti li jakkumpanjaw ir-regolament rivedut tal-QFP huma ta' natura politika mingħajr ebda implikazzjoni legali.
Fir-rigward tad-dikjarazzjoni konġunta dwar ir-rinforzi ("top-ups") u riallokazzjonijiet għal programmi tal-Unjoni, huwa mfakkar li t-Trattati jipprovdu l-possibilità li l-awtorità baġitarja tiddetermina l-livell u l-kontenut tal-baġit tal-Unjoni permezz tal-proċedura baġitarja annwali. Il-Parlament Ewropew jenfasizza li, bħala fergħa ugwali tal-awtorità baġitarja, se jeżerċita bis-sħiħ il-prerogattivi tiegħu, li ma huma se jiġu kompromessi minn ebda dikjarazzjoni politika. Il-bżonn li jiġu rrispettati l-prerogattivi tal-awtorità baġitarja huwa rifless ukoll b'mod ċar fit-test tad-dikjarazzjoni konġunta.
Il-Parlament Ewropew jifhem, għalhekk, li l-ammonti indikati f'din id-dikjarazzjoni konġunta jirrappreżentaw ammonti ta' referenza li għandhom jiġu eżaminati fil-kuntest tal-proċedura baġitarja annwali, b'kont meħud taċ-ċirkostanzi konkreti ta' kull baġit annwali. Rigward, b'mod partikolari, ir-riallokazzjonijiet proposti fl-Intestaturi 1a u 4, il-Parlament Ewropew biħsiebu jeżamina kwalunkwe proposta tal-Kummissjoni fuq bażi ta' każ b'każ, sabiex jiżgura li ma jkun hemm ebda tnaqqis minn programmi ewlenin tal-Unjoni, speċjalment jekk iwasslu għat-tkabbir u l-impjiegi jew jirreaġixxu għal bżonnijiet attwali urġenti u juru rata għolja ta' implimentazzjoni.
Huwa evidenti li kwalunkwe ammonti indikati fid-dikjarazzjoni konġunta li jirrigwardaw proposti leġiżlattivi li għadhom ma ġewx adottati, ma jippreġudikaw bl-ebda mod l-eżitu ta' dawn in-negozjati leġiżlattivi.
Dikjarazzjoni tal-Kunsill dwar il-pagamenti għal Strumenti Speċjali
Il-Kunsill jipproponi li jinżamm l-istatus quo u li, fil-kuntest ta' din l-analiżi/reviżjoni, ma tiġix stabbilita regola ġenerali u globali fir-rigward tat-trattament tal-pagamenti għal strumenti speċjali oħra. Skont l-opinjoni tas-Servizz Legali tal-Kunsill, ser tibqa' l-prerogattiva tal-Awtorità tal-Baġit li tiddeċiedi skont il-każ, fir-rigward ta' mobilizzazzjoni speċifika inkwistjoni, jekk il-pagamenti korrispondenti kollha, jew uħud minnhom, għandhomx jingħaddu lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP jew le.
Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tisħiħ tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ u miżuri addizzjonali biex jgħinu biex jiġu indirizzati l-kriżi tal-migrazzjoni u kwistjonijiet ta' sigurtà
Jekk ix-xejra ta' tnaqqis fil-qgħad fost iż-żgħażagħ osservata mill-2013 terġa' tmur għall-agħar, għandha tiġi kkunsidrata żieda fil-finanzjament għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ lil hinn mill-ammont ta' EUR 1,2 biljun miftiehem fil-qafas tal-analiżi/reviżjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) għall-2014-2020 billi jintużaw il-marġni disponibbli skont il-Marġni Globali għall-Impenji f'konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament dwar il-QFP. Għal dak l-iskop, il-Kummissjoni ser tirrapporta regolarment dwar ix-xejriet statistiċi osservati u tippreżenta Abbozz ta' Baġit Emendatorju jekk ikun xieraq.
Mingħajr preġudizzju għal dan ta' hawn fuq, għandhom jiġu kkunsidrati marġni oħrajn disponibbli, bħala kwistjoni ta' prijorità, għal investiment fiż-żgħażagħ madwar l-Ewropa u għal miżuri biex jgħinu biex jiġu indirizzati d-dimensjoni interna u dik esterna tal-kriżi tal-migrazzjoni u kwistjonijiet ta' sigurtà jekk ikun hemm ħtiġijiet ġodda li mhumiex koperti mill-finanzjament eżistenti jew miftiehem. Il-Kummissjoni ser tagħmel proposti għal dak l-għan jekk ikun xieraq filwaqt li tqis il-ħtieġa li jinżammu biżżejjed marġni għal avvenimenti mhux mistennija u l-implimentazzjoni bla xkiel ta' programmi diġà maqbula.
Parti mit-"top-ups" ġenerali diġà ġew miftiehma fil-kuntest tal-proċedura baġitarja tal-2017. B'hekk, il-baġit tal-2017 jinkludi EUR 200 miljun fl-Intestatura 1a u EUR 725 miljun fl-Intestatura 4. Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qablu li jipprovdu EUR 500 miljun fl-Intestatura 1b għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ fl-2017 li għandha tiġi ffinanzjata mill-Marġni globali għall-impenji u li ser tiġi implimentata permezz ta' baġit emendatorju fl-2017. Fl-aħħar nett, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill stiednu wkoll lill-Kummissjoni titlob l-approprjazzjonijiet meħtieġa f'baġit emendatorju fl-2017 sabiex jiġi pprovdut il-finanzjament tal-EFSD mill-baġit tal-UE malli tiġi adottata l-bażi ġuridika.