Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2033(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0157/2017

Testi mressqa :

A8-0157/2017

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 05/04/2017 - 9.14

Testi adottati :

P8_TA(2017)0116

Testi adottati
PDF 429kWORD 52k
L-Erbgħa, 5 ta' April 2017 - Strasburgu
Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: EGF/2017/000 TA 2017 - Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni
P8_TA(2017)0116A8-0157/2017
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' April 2017 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF/2017/000 TA 2017 - Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni) (COM(2017)0101 – C8-0097/2017 – 2017/2033(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2017)0101 – C8-0097/2017),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (ir-Regolament dwar il-FEG),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' April 2016 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF/2016/000 TA 2016 – Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni)(4),

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0157/2017),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tagħti appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qegħdin ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tgħinhom jerġgħu jintegraw ruħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-għajnuna tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja jenħtieġ li tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-FII tat-2 ta' Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (il-FEG);

C.  billi l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill li jerġa' jiġi introdott il-kriterju tal-mobilizzazzjoni f'każ ta' kriżi, li l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni tiżdied għal 60 % tal-kost totali stmat tal-miżuri proposti, li tiżdied l-effiċjenza għat-trattament tal-applikazzjonijiet lill-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u għall-approvazzjoni, li l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eliġibbli jiġu estiżi għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għaż-żgħażagħ, u li jiġu ffinanzjati inċentivi għat-twaqqif ta' impriżi proprji;

D.  billi l-baġit annwali massimu disponibbli għall-FEG huwa ta' EUR 150 miljun (fi prezzijiet tal-2011) u billi l-Artikolu 11(1) tar-Regolament dwar il-FEG jiddikjara li 0,5 % ta' dan l-ammont (jiġifieri EUR 844 620 fl-2017) jista' jsir disponibbli għal għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, sabiex jiffinanzja l-preparazzjoni, il-monitoraġġ, il-ġbir tat-tagħrif u l-ħolqien ta' bażi ta' għarfien, l-appoġġ amministrattiv u tekniku, attivitajiet ta' tagħrif u komunikazzjoni, kif ukoll l-attivitajiet ta' awditjar, kontroll u valutazzjoni meħtieġa biex jiġi implimentat ir-Regolament dwar il-FEG;

E.  billi l-Parlament Ewropew enfasizza b'mod ripetut il-ħtieġa li jittejbu l-valur miżjud, l-effiċjenza u l-impjegabilità tal-benefiċjarji tal-FEG bħala strument ta' appoġġ min-naħa tal-Unjoni lil ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja;

F.  billi l-ammont propost ta' EUR 310 000 jikkorrispondi għal madwar 0,18 % tal-baġit annwali massimu disponibbli għall-FEG fl-2017, li huwa EUR 70 000 anqas minn dak fl-2016;

1.  Jaqbel li l-miżuri proposti mill-Kummissjoni għandhom jiġu ffinanzjati bħala għajnuna teknika skont l-Artikolu 11(1) u (4) kif ukoll skont l-Artikolu 12(2), (3) u (4) tar-Regolament dwar il-FEG;

2.  Jilqa' t-tnaqqis fit-talba ta' finanzjament għal għajnuna teknika mill-FEG fl-2017 meta mqabbla ma' dik tal-2016; jikkunsidra li huwa importanti li tali talbiet jiġu vvalutati bħala perċentwal tal-ammonti annwali li ntużaw għall-FEG fis-snin preċedenti, u mhux biss jiġu kkonfrontati mal-massimu li jista' jintefaq dik is-sena;

3.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-monitoraġġ u l-ġbir ta' data; ifakkar fl-importanza ta' serjiet statistiċi robusti miġbura fil-forma xierqa biex ikunu faċilment aċċessibbli u komprensibbli; jilqa' l-ħruġ futur tar-Rapporti Biennali tal-2017 u jitlob li dawk ir-rapporti jiġu distribwiti pubblikament u b'mod wiesa' fl-Unjoni kollha kemm hi;

4.  Ifakkar fl-importanza ta' sit web apposta dwar il-FEG li jkun aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni; jenfasizza l-importanza tal-multilingwiżmu fil-komunikazzjoni wiesgħa mal-pubbliku; jitlob li l-ambjent tal-internet isir aktar faċli għall-utent, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni ttejjeb il-valur tal-kontenut tal-pubblikazzjonijiet u tal-attivitajiet awdjoviżivi tagħha kif previst fl-Artikolu 11(4) tar-Regolament dwar il-FEG;

5.  Jilqa' l-ħidma kontinwa fuq il-proċeduri standardizzati għall-applikazzjonijiet u l-ġestjoni tal-FEG li jużaw il-funzjonalitajiet tas-sistema ta' skambju elettroniku tad-data (SFC 2014), li tippermetti s-semplifikazzjoni u l-ipproċessar aktar mgħaġġel tal-applikazzjonijiet, kif ukoll rappurtar aħjar; jinnota li l-Kummissjoni ffaċilitat l-operazzjonijiet finanzjarji tal-FEG permezz tal-ħolqien ta' interfaċċja bejn l-SFC u s-sistema tal-kontabilità u tal-informazzjoni finanzjarja ABAC; jinnota li jeħtieġ biss titjib minuri ulterjuri u aġġustamenti għall-bidliet potenzjali, li jillimita l-kontribuzzjoni de facto tal-FEG għal dak it-tip ta' nfiq;

6.  Jinnota li l-proċedura biex il-FEG jiġi integrat fl-SFC2014 ilha għaddejja diversi snin u li l-kosti rilevanti għall-baġit tal-FEG kienu relattivament għoljin; jilqa' t-tnaqqis fil-kosti meta mqabbla ma' dawk tas-snin preċedenti, tnaqqis li jirrifletti l-fatt li l-proġett issa laħaq l-istadju li jirrikjedi biss irfinar u aġġustamenti ulterjuri;

7.  Ifakkar fl-importanza tan-networking u tal-iskambju ta' informazzjoni dwar il-FEG, b'mod li jinfirxu l-aħjar prattiki; jappoġġja, għalhekk, il-finanzjament ta' żewġ laqgħat tal-Grupp ta' Esperti tal-Persuni ta' Kuntatt tal-FEG u żewġ seminars għal networking rigward l-implimentazzjoni tal-FEG; jistenna li dan l-iskambju ta' informazzjoni se jikkontribwixxi wkoll għal rappurtar aħjar u aktar dettaljat rigward ir-rata ta' suċċess tal-applikazzjonijiet fl-Istati Membri, b'mod partikolari rigward b'liema rata l-benefiċjarji jsibu impjieg ġdid;

8.  Jieħu nota li l-Kummissjoni biħsiebha tinvesti EUR 70 000 mill-baġit disponibbli fl-ambitu tal-assistenza teknika billi torganizza żewġ laqgħat tal-Grupp ta' Esperti tal-Persuni ta' Kuntatt tal-FEG; jieħu nota wkoll tal-intenzjoni tal-Kummissjoni li tinvesti EUR 120 000 sabiex tippromwovi n-networking permezz ta' seminars bejn l-Istati Membri, il-korpi ta' implimentazzjoni tal-FEG u s-sħab soċjali; jilqa' d-disponibbiltà tal-Kummissjoni biex tistieden lill-Membri tal-Grupp ta' Ħidma tagħha dwar il-FEG jieħdu sehem fis-Seminar ta' Networking rigward il-FEG li sar f'Mons; jappella lill-Kummissjoni biex tkompli tistieden lill-Parlament għal tali laqgħat u s-seminars skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea(5);

9.  Jissottolinja l-ħtieġa li jkomplu jissaħħu l-kuntatti bejn dawk kollha involuti fl-applikazzjonijiet tal-FEG, inklużi, b'mod partikolari, is-sħab soċjali u l-partijiet ikkonċernati fil-livell reġjonali u lokali, sabiex jinħoloq l-akbar għadd ta' sinerġiji possibbli; jisħaq fuq il-fatt li l-interazzjoni bejn il-Persuna ta' Kuntatt Nazzjonali u s-sħab responsabbli mill-ġestjoni tal-każijiet fil-livell reġjonali jew lokali għandha tissaħħaħ u li l-arranġamenti ta' komunikazzjoni u ta' appoġġ kif ukoll il-flussi ta' informazzjoni (id-diviżjonijiet, il-kompiti u r-responsabilitajiet interni) għandhom ikunu espliċiti u maqbula bejn is-sħab kollha kkonċernati;

10.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(4) Testi adottati, P8_TA(2016)0112.
(5) ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47.


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF/2017/000 TA 2017 - Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni)

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2017/742.)

Avviż legali - Politika tal-privatezza