Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2647(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0253/2017

Dibattiti :

PV 06/04/2017 - 4.2
CRE 06/04/2017 - 4.2

Votazzjonijiet :

PV 06/04/2017 - 7.2

Testi adottati :

P8_TA(2017)0126

Testi adottati
PDF 281kWORD 55k
Il-Ħamis, 6 ta' April 2017 - Strasburgu
Il-Belarussja
P8_TA(2017)0126RC-B8-0253/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' April 2017 dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja (2017/2647(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Belarussja, inkluż dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-President tad-Delegazzjoni tiegħu għar-relazzjonijiet mal-Belarussja tas-27 ta' Marzu 2017, tal-kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tas-17 ta' Marzu 2017, tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja tal-14 u t-28 ta' Marzu 2017, tal-Assemblea Parlamentari tal-OSKE tal-24 ta' Marzu 2017, tad-Direttur tal-OSKE/ODIHR tas-17 u s-26 ta' Marzu 2017, tal-Kumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Assemblea Parlamentari tal-OSKE tas-27 ta' Marzu 2017, u tal-Osservatorju għall-Protezzjoni tad-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem (FIDH-OMCT) tad-29 ta' Marzu 2017 dwar l-arresti reċenti ta' dimostranti paċifiċi u detenzjonijiet illegali fil-Belarussja,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Belarussja, b'mod partikolari dawk tal-15 ta' Frar 2016 li neħħew il-miżuri restrittivi kontra 170 individwu u tliet kumpaniji Belarussi,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/350 tas-27 ta' Frar 2017(1) li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra l-Belarussja sat-28 ta' Frar 2018, li jinkludu embargo fuq l-armi u ffriżar tal-assi u projbizzjoni tal-ivvjaġġar kontra erba' persuni elenkati b'konnessjoni mal-għajbien mhux solvut ta' żewġ politiċi tal-oppożizzjoni, negozjant u ġurnalist fl-1999 u l-2000,

–  wara li kkunsidra l-elezzjonijiet parlamentari li saru fil-11 ta' Settembru 2016 u l-elezzjoni presidenzjali li saret fil-11 ta' Ottubru 2015, wara li kkunsidra l-bosta dikjarazzjonijiet tal-awtoritajiet Belarussi li wħud mir-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODIHR wara l-elezzjoni presidenzjali tal-2015 kienu se jiġu implimentati qabel l-elezzjonijiet parlamentari tal-2016 u wara li kkunsidra r-rapport finali tal-OSKE/ODIHR tat-28 ta' Jannar 2016 dwar l-elezzjoni presidenzjali fil-Belarussja tal-11 ta' Ottubru 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-FIDH u taċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem "Viasna" dwar ix-Xogħol Furzat u l-Ksur Ġeneralizzat tad-Drittijiet tal-Ħaddiema fil-Belarussja,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali tan-NU dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Gvern tal-Belarussja introduċa d-Digriet Presidenzjali Nru 3 "Dwar il-Prevenzjoni tad-Dipendenza Soċjali", magħruf bħala "taxxa fuq il-parassiti soċjali", li ġie ffirmat mill-President Alexander Lukashenko fl-2015 u li beda jiġi implimentat sa minn Frar 2017 – dan id-digriet jissanzjona l-qgħad permezz tal-applikazzjoni ta' imposta speċjali maħsuba għall-finanzjament tal-infiq tal-gvern, li tvarja minn taxxa ta' madwar EUR 240, ammont li jirrappreżenta bejn wieħed u ieħor żewġ terzi tal-paga medja fix-xahar fil-Belarussja, sa xogħol furzat għaċ-ċittadini li jkunu ħadmu anqas minn 183 jum fis-sena; billi d-digriet intlaqa' bi kritika estensiva min-naħa taċ-ċittadini, l-attivisti u l-ġurnalisti;

B.  billi wara s-17 ta' Frar u matul ix-xahar ta' Marzu 2017, minkejja l-pressjoni min-naħa tal-midja tal-Istat u l-forzi tas-sigurtà, inkluża l-preżenza ta' uffiċjali armati biex jisfrattaw id-dimostrazzjonijiet, f'għexieren ta' bliet madwar il-Belarussja eluf ta' ċittadini qed jieħdu sehem fi protesti paċifiċi tal-massa bħala reazzjoni kontra l-adozzjoni tad-Digriet Presidenzjali Nru 3 u kontra l-bini ta' ċentru kummerċjali ħdejn Kurapaty, sit li jfakkar il-vittmi ta' Stalin;

C.  billi l-awtoritajiet irrispondew għal dawn il-protesti bil-vjolenza, b'mod partikolari fil-25 u s-26 ta' Marzu 2017; billi dimostranti paċifiċi ppruvaw jimmarċjaw fil-vjal ewlieni ta' Minsk f'Jum il-Ħelsien fil-25 ta' Marzu, iżda ġew imblukkati minn kurdun ta' pulizija ta' kontra l-irvellijiet; billi l-forzi tas-sigurtà attakkaw lid-dimostranti u sawtu lin-nisa, lill-minorenni u lill-anzjani; billi mijiet ta' dimostranti ġew arrestati, inklużi ġurnalisti nazzjonali u barranin li kienu qed jirrappurtaw dwar l-avvenimenti; billi mill-anqas 700 persuna ġew detenuti f'Minsk, fosthom uħud li kienu spettaturi involontarji;

D.  billi grupp kbir ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ġew detenuti filwaqt li kienu qed jattendu d-dimostrazzjonijiet paċifiċi; billi skont iċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem "Viasna", sa tmiem il-ġurnata tas-27 ta' Marzu 2017, total ta' 177 persuna, talli pparteċipaw fil-protesti tal-25 ta' Marzu, kienu sfaw soġġetti għal sanzjonijiet mill-awtoritajiet ġudizzjarji għal reati amministrattivi, fosthom 74 li kienu soġġetti għal detenzjoni amministrattiva u 93 għal multi; billi aktar minn 100 membru tal-oppożizzjoni ġew arrestati b'mod preventiv qabel il-protesti;

E.  billi 27 persuna, fosthom Zmitser Dashkevich, ex priġunier politiku u mexxej tal-moviment "Front taż-Żgħażagħ", ġew arrestati fuq allegazzjonijiet li kienu qed jikkonfoffaw rewwixta minn gruppi mħarrġa fl-Ukrajna, il-Polonja u l-Litwanja; billi qed jiffaċċjaw akkuża ta' reat li għalih jistgħu jirċievu piena ta' perjodu massimu ta' tliet snin priġunerija; billi l-Kumitat għas-Sigurtà tal-Istat (KGB) qed jirrifjuta li jiżvela l-għadd ta' persuni arrestati b'konnessjoni mal-hekk imsejjaħ "każ tar-rewwixta tal-massa";

F.  billi Mikalay Statkevich, persunaġġ prominenti tal-oppożizzjoni u ex kandidat għall-kariga ta' president, li kien mistenni jmexxi d-dimostrazzjoni f'Minsk, ġie arrestat u nżamm f'ċentru ta' detenzjoni tal-KGB għal tlett ijiem, mingħajr ma ngħatat ebda informazzjoni dwar il-post fejn kien qed jinżamm; billi Sergei Kulinich u Sergei Kuntsevich ġew arrestati wkoll; billi Uladzimir Nyaklyayev, poeta Belarussu magħruf u kandidat għall-elezzjoni presidenzjali fl-2010, ġie detenut ukoll b'mod illegali qabel id-dimostrazzjoni tal-25 ta' Marzu 2017 u, b'konsegwenza ta' dan, kellu jittieħed l-isptar minħabba li saħħtu qalbet għall-agħar; billi Pavel Seviarynets, Vitali Rymashevski, Anatol Liabedzka u Yuri Hubarevich, flimkien ma' għadd ta' attivisti ċiviċi, ġew arrestati matul ix-xahar ta' Marzu 2017; billi fit-23 ta' Marzu Ales Lahvinets, deputat president tal-Moviment għall-Ħelsien, ġie arrestat f'Minsk; billi madwar 60 osservatur tad-drittijiet tal-bniedem ġew detenuti b'mod preventiv;

G.  billi fil-25 ta' Marzu 2017 il-pulizija pperkwiżizzjonaw l-uffiċċju taċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem "Viasna" fil-belt kapitali Belarussa, u arrestaw b'mod preventiv lil mill-anqas 57 persuna li kienu involuti fil-monitoraġġ tal-protesti paċifiċi li kienu qed isiru; billi, qabel dan, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem oħrajn, bħal Oleg Volchek, kap taċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem "Assistenza Legali għall-Poplu", u Anatoli Poplavni, membru tal-fergħa Gomel taċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem "Viasna", ġew detenuti u kkundannati għal perjodi qosra ta' priġunerija; billi Leonid Sudalenka, membru ta' "Viasna", safa huwa wkoll detenut u kkundannat talli ressaq 'il fuq minn 200 ilment taċ-ċittadini kontra d-dispożizzjonijiet tad-Digriet Presidenzjali Nru 3 msemmi hawn fuq;

H.  billi, skont l-Assoċjazzjoni tal-Ġurnalisti tal-Belarussja (BAJ), ġew irreġistrati 120 inċident ta' ksur tad-drittijiet tal-ġurnalisti; billi l-internet ingħalaq madwar il-pajjiż u l-ġurnalisti ġew sanzjonati talli koprew l-avvenimenti jew ingħataw sentenza ta' priġunerija fuq l-akkuża li kkaġunaw diżordni pubbliku jew li ma obdewx l-ordnijiet tal-pulizija; billi wħud minnhom għadhom qed jistennew proċess; billi aktar minn 20 każ ta' fastidju fil-konfront ta' ġurnalisti ta' Belsat TV ġew irreġistrati mit-12 ta' Marzu 2017 'l hawn, u billi fil-31 ta' Marzu 2017 l-uffiċċji ta' Belsat TV ġew ipperkwiżizzjonati mill-pulizija u xi tagħmir ġie ssekwestrat;

I.  billi dawn huma l-aktar l-avvenimenti serji li ġraw sa mir-repressjoni ħarxa fuq id-dimostrazzjonijiet fl-2010, u jistgħu jitqiesu bħala rigress deplorevoli; billi din il-mewġa ġdida ta' repressjoni qed isseħħ eżattament sena wara d-deċiżjoni tal-UE li tidħol fl-hekk imsejħa politika ta' involviment mill-ġdid għar-relazzjonijiet mal-Belarussja;

J.  billi l-Belarussja hija Stat parteċipanti tal-OSKE u qablet li tirrispetta d-drittijiet ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni; billi l-arresti tal-massa msemmijin hawn fuq, l-użu eċċessiv tal-forza kontra d-dimostranti u l-perkwiżizzjonijiet irrappurtati fil-konfront tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jikkostitwixxu ksur ċar ta' dawn l-impenji;

K.  billi l-Belarussja hija l-uniku pajjiż fl-Ewropa li għadu japplika l-piena kapitali; billi l-ewwel sentenza tal-piena tal-mewt fl-2017 ingħatat fis-17 ta' Marzu 2017;

L.  billi l-UE neħħiet il-biċċa l-kbira tal-miżuri restrittivi fir-rigward ta' uffiċjali u entitajiet legali Belarussi fi Frar 2016 bħala ġest ta' rieda tajba biex tħeġġeġ lill-Belarussja ttejjeb is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fit-territorju tagħha; billi l-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu tal-15 ta' Frar 2016 dwar il-Belarussja saħaq fuq il-ħtieġa li l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Belarussja tissaħħaħ f'għadd ta' oqsma relatati mal-ekonomija, il-kummerċ u l-assistenza, u dan jiftaħ il-possibbiltà li l-Belarussja tapplika għall-finanzjament mingħand il-BEI u l-BERŻ;

M.  billi s-sitwazzjoni ekonomika diffiċli fil-Belarussja qed tħabbat wiċċha ma' prospetti li tkompli tiddeterjora, b'setturi kbar li għadhom jappartjenu lill-Istat u li għadhom taħt sistema ta' kmand u kontroll amministrattiv; billi d-dipendenza tal-Belarussja mill-għajnuna ekonomika mingħand ir-Russja qed tiżdied kontinwament;

N.  billi wieħed mill-objettivi tal-parteċipazzjoni tal-Belarussja fis-Sħubija tal-Lvant u l-fergħa parlamentari tagħha, l-Euronest, huwa li l-kooperazzjoni bejn il-pajjiż u l-UE ssir aktar intensiva; billi l-Parlament Belarussu m'għandu l-ebda status uffiċjali fl-Assemblea Parlamentari Euronest;

O.  billi l-Belarussja tagħmel parti mill-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar is-Sigurtà Kollettiva (CSTO) u tieħu sehem fil-manuvri militari konġunti "Zapad 2017" mar-Russja, li jkopru xenarji li jinvolvu attakki fuq il-ġirien tagħha tal-Punent li jinkludu simulazzjoni tal-użu ta' armi nukleari u li għandhom negattiv potenzjali fuq is-sigurtà u s-sovranità nazzjonali tar-Repubblika tal-Belarussja u r-reġjun;

P.  billi l-UE hija impenjata lejn futur stabbli, demokratiku u prosperu għall-Belarussja, għall-benefiċċju tal-poplu tagħha; billi titjib sinifikanti fil-libertà ta' espressjoni u l-libertà tal-midja, ir-rispett għad-drittijiet politiċi kemm taċ-ċittadini ordinarji kif ukoll tal-attivisti tal-oppożizzjoni u r-rispett għall-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali huma kollha prerekwiżiti għal relazzjonijiet aħjar bejn l-UE u l-Belarussja;

1.  Jikkundanna r-repressjoni tad-dimostranti paċifiċi u l-atti ta' repressjoni li seħħu qabel u matul id-dimostrazzjonijiet tal-25 ta' Marzu 2017; jisħaq fuq il-fatt li minkejja l-appelli għar-rażan li għamlet il-komunità internazzjonali, ir-rispons min-naħa tas-servizzi tas-sigurtà kien indiskriminat u mhux xieraq; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-aħħar żviluppi fil-Belarussja u jenfasizza l-ħtieġa ċara ta' proċess ta' demokratizzazzjoni usa' fil-pajjiż;

2.  Jikkundanna r-restrizzjonijiet eċċessivi fuq id-dritt ta' għaqda paċifika, il-libertà ta' espressjoni u l-libertà ta' assoċjazzjoni, fosthom fuq persuni li jesprimu opinjonijiet dwar kwistjonijiet soċjali u kwistjonijiet pubbliċi oħra, u, partikolarment, il-fastidju u d-detenzjoni ta' ġurnalisti indipendenti, membri tal-oppożizzjoni, attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u dimostranti oħra;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Belarussja biex b'mod immedjat u inkundizzjonat jeħilsu u jwaqqgħu l-akkużi ġudizzjarji kollha kontra d-dimostranti paċifiċi, il-ġurnalisti, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-attivisti tas-soċjetà ċivili u l-membri tal-oppożizzjoni kollha li ġew detenuti b'konnessjoni mal-mewġa ta' dimostrazzjonijiet attwali; iqis li l-prattika ta' arresti preventivi hija totalment inaċċettabbli; iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex b'mod immedjat jiżvelaw informazzjoni dwar dawk kollha li ġew arrestati lil qrabathom u lill-pubbliku ġenerali;

4.  Itenni li l-użu tal-forza kontra xi ħadd li jeżerċita d-dritt tiegħu li jieħu sehem fi protesti paċifiċi ma jista jiġi ġġustifikat taħt l-ebda ċirkostanza, u li r-repressjonijiet li jiksru d-dritt tal-libertà ta' espressjoni u l-libertà ta' għaqda jmorru kontra l-obbligi internazzjonali tal-Belarussja u kontra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Belarussja; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Belarussja jinvolvu ruħu fi djalogu miftuħ maċ-ċittadini, l-organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili u l-midja indipendenti tiegħu;

5.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Belarussi jwettqu minnufih investigazzjonijiet bir-reqqa u imparzjali dwar l-allegazzjonijiet kollha ta' detenzjoni arbitrarja u ksur ieħor tad-drittijiet tad-dimostranti b'konnessjoni mad-dimostrazzjonijiet reċenti; iwissi li fil-każ li tali investigazzjonijiet ma jsirux, l-UE jaf tapplika miżuri restrittivi ġodda fil-konfront tal-ogħla uffiċjali Belarussi li huma responsabbli għar-repressjonijiet reċenti;

6.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet itemmu l-fastidju fil-konfront tal-midja indipendenti għal raġunijiet politiċi u jwaqqfu l-prattika ta' prosekuzzjoni amministrattiva u l-użu arbitrarju tal-Artikolu 22.9(2) tal-Kodiċi Amministrattiv kontra ġurnalisti indipendenti talli jaħdmu mal-midja barranija mingħajr akkreditazzjoni, peress li dan jirrestrinġi d-dritt għal-libertà ta' espressjoni u t-tixrid ta' informazzjoni;

7.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Belarussi biex iwaqqfu l-fastidju fil-konfront tas-soċjetà ċivili fil-pajjiż, biex jippermettu l-funzjonament legali sħiħ u liberu tal-organizzazzjonijiet pubbliċi, biex jirrevokaw mingħajr dewmien l-Artikolu 193/1 tal-Kodiċi Kriminali, li jippenalizza l-organizzazzjoni tal-attivitajiet tal-assoċjazzjonijiet u organizzazzjonijiet pubbliċi mhux reġistrati u l-parteċipazzjoni f'tali attivitajiet, u biex jippermettu l-funzjonament legali sħiħ, liberu u mingħajr xkiel tal-assoċjazzjonijiet u organizzazzjonijiet pubbliċi, inklużi dawk tal-minoranzi nazzjonali u l-organizzazzjonijiet indipendenti tagħhom;

8.  Iħeġġeġ lill-Assemblea Parlamentari tal-OSKE, li għandha l-ħsieb li torganizza s-26 Sessjoni Annwali tagħha f'Minsk f'Lulju 2017, biex tqis l-avvenimenti reċenti fil-Belarussja u bħala minimu tiżgura l-involviment tal-partiti politiċi tal-oppożizzjoni demokratika, il-midja indipendenti u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

9.  Jistieden lill-Gvern Belarussu biex jimpenja ruħu fi djalogu kostruttiv mal-oppożizzjoni u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kif ukoll biex jikkopera bis-sħiħ mar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja, billi jwettaq riformi li misshom ilhom li saru għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u t-tisħiħ tad-demokrazija; jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jkomplu jagħtu u jsaħħu l-appoġġ tagħhom lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-Belarussja u barra mill-pajjiż; jisħaq, f'dan il-kuntest, fuq il-ħtieġa li jingħata appoġġ lis-sorsi ta' informazzjoni indipendenti kollha għas-soċjetà Belarussa, inkluża l-midja li xxandar bl-ilsien Belarussu u minn barra l-pajjiż; jistieden, barra minn hekk, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem biex jeżamina modi u mezzi kif tiġi promossa l-protezzjoni sħiħa u effikaċi tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja;

10.  Jirrakkomanda t-tħassir tad-Digriet Presidenzjali Nru 3 bħala miżura arbitrarja, ħarxa u moralment dubjuża, li tikser id-drittijiet tal-bniedem internazzjonali, u li hu stmat li tolqot aktar minn 470 000 Belarussu;

11.  Jitlob li jiġġedded il-mandat tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja; jistieden lill-Gvern Belarussu jirrikonoxxi l-mandat tar-Rapporteur Speċjali u jikkoopera għalkollox miegħu; jistieden lis-SEAE jikkoordina aħjar il-politika tal-UE lejn il-Belarussja mar-Rapporteur Speċjali tan-NU; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jippromwovu u jappoġġaw l-estensjoni tal-mandat tar-Rapporteur Speċjali tan-NU biex ikompli jwettaq monitoraġġ tas-sitwazzjoni fil-pajjiż;

12.  Jistieden lill-awtoritajiet Belarussi jerġgħu jibdew mingħajr dewmien il-ħidma fuq riforma elettorali komprensiva bħala parti minn proċess ta' demokratizzazzjoni usa' u f'kooperazzjoni ma' sħab internazzjonali; jisħaq fuq il-ħtieġa li r-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-OSKE/ODIHR jiġu introdotti minn kmieni biżżejjed qabel l-elezzjonijiet lokali li għandhom isiru f'Marzu 2018;

13.  Iħeġġeġ lill-gvern jingħaqad ma' moratorju globali fuq l-użu tal-piena ta' mewt bħala l-ewwel pass lejn l-abolizzjoni permanenti tagħha;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa ulterjorment programmi edukattivi li jippermettu liż-żgħażagħ Belarussi jistudjaw fl-UE billi tħaffef il-proċess tal-applikazzjonijiet għall-viżi u għall-boroż ta' studju;

15.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Frar 2017 li ttawwal il-miżuri restrittivi fuq erba' individwi u l-embargo fuq l-armi kontra l-Belarussja sat-28 ta' Frar 2018; jistieden lis-SEAE jkompli jsegwi u jissorvelja mill-qrib is-sitwazzjoni fil-pajjiż bl-għan li jivvaluta l-effikaċja tal-politika ta' involviment mill-ġdid kostruttiv tal-UE; jemmen li għandhom jiġu stabbiliti parametri referenzjarji ċari mill-UE, li għandhom japplikaw kundizzjonalitajiet konsistenti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem sabiex jiġu żgurati riformi li jipproteġu l-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tivvaluta jekk l-ogħla standards ta' sikurezza nukleari humiex iggarantiti għall-impjant nukleari ta' Ostrovets li qed jinbena bħalissa u jekk garanzija tal-UE għall-BEI tintużax eventwalment għall-finanzjament ta' dan is-sit nukleari fil-Belarussja, u biex tivvaluta jekk tali garanzija tkunx konformi mas-sanzjonijiet tal-UE imposti fuq il-Federazzjoni Russa;

17.  Itenni l-impenn tiegħu li jaħdem għall-benefiċċju tal-poplu tal-Belarussja, li jappoġġa l-aspirazzjonijiet u l-inizjattivi prodemokratiċi tiegħu u li jikkontribwixxi għal futur stabbli, demokratiku u prosperu tal-Belarussja; itenni li r-rispett għal-libertajiet ċivili, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem se jkun kruċjali għat-tiswir ta' relazzjonijiet ulterjuri bejn l-UE u l-Belarussja;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Istati Membri, lill-OSKE/ODIHR, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-awtoritajiet Belarussi u lill-Assemblea Parlamentari tal-OSKE.

(1) ĠU L 50, 28.2.2017, p. 81.

Avviż legali - Politika tal-privatezza