Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/3018(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0235/2017

Testi mressqa :

B8-0235/2017

Dibattiti :

PV 05/04/2017 - 19
CRE 05/04/2017 - 19

Votazzjonijiet :

PV 06/04/2017 - 7.7
CRE 06/04/2017 - 7.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0131

Testi adottati
PDF 301kWORD 55k
Il-Ħamis, 6 ta' April 2017 - Strasburgu
L-adegwatezza tal-protezzjoni mogħtija mit-Tarka tal-Privatezza UE-US
P8_TA(2017)0131B8-0235/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' April 2017 dwar l-adegwatezza tal-protezzjoni mogħtija mit-Tarka tal-Privatezza UE-US (2016/3018(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Artikoli 6, 7, 8, 11, 16, 47 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data(1) ("id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data"),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas-27 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta' data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data)(3), kif ukoll id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI(4),

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Ottubru 2015 fil-Kawża C-362/14 Maximillian Schrems vs Data Protection Commissioner,(5)

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tas-6 ta' Novembru 2015 dwar it-trasferiment ta' dejta personali mill-UE lejn l-Istati Uniti tal-Amerka skont id-Direttiva 95/46/KE wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-362/14 (Schrems) (COM(2015)0566),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-10 ta' Jannar 2017 dwar l-Iskambju u l-Protezzjoni tad-Dejta Personali f'Dinja Globalizzata (COM(2017)0007),

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Diċembru 2016 fil-Kawżi C-203/15 Tele2 Sverige AB v Post- och telestyrelsen u C-698/15 Secretary of State for the Home Department vs Tom Watson and Others,(6)

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1250 tat-12 ta' Lulju 2016 skont id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-adegwatezza tal-protezzjoni pprovduta mill-Ħarsien tal-Privatezza UE-U.S.(7),

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni 4/2016 tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) dwar l-abbozz ta' deċiżjoni dwar l-adegwatezza tat-Tarka tal-Privatezza UE-US(8),

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 tat-13 ta' April 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni dwar l-adegwatezza tat-Tarka tal-Privatezza UE-US(9) u l-Artikolu 29 tad-Dikjarazzjoni tal-Grupp ta’ Ħidma tas-26 ta' Lulju 2016(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Mejju 2016 dwar il-flussi ta' data transatlantiċi(11),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE) fis-sentenza tagħha tas-6 ta' Ottubru 2015 fil-Kawża C-362/14 Maximillian Schrems vs Data Protection Commissioner invalidat id-deċiżjoni dwar is-sfera ta' sikurezza (Safe Harbour) u ċċarat li livell adegwat ta' protezzjoni f'pajjiż terz irid jinftiehem li jkun "sostanzjalment ekwivalenti" għal dak iggarantit fi ħdan l-Unjoni Ewropea abbażi tad-Direttiva 95/46/KE, moqrija fid-dawl tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem "il-Karta tal-UE"), u dan joħloq il-bżonn li jiġu konklużi negozjati dwar arranġament ġdid sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali dwar kif id-data personali għandha tiġi ttrasferita mill-UE lejn l-Istati Uniti;

B.  billi, meta tanalizza l-livell ta' protezzjoni mogħtija minn pajjiż terz, il-Kummissjoni hija obbligata tivvaluta l-kontenut tar-regoli applikabbli f'dak il-pajjiż li jirriżultaw mil-liġi domestika jew mill-impenji internazzjonali tiegħu, kif ukoll il-prattika mfassla sabiex tiżgura konformità ma' dawk ir-regoli, peress li, skont l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 95/46/KE, jeħtiġilha tqis iċ-ċirkostanzi kollha ta' trasferiment ta' data personali lejn pajjiż terz; billi din il-valutazzjoni trid tirreferi mhux biss għal-leġiżlazzjoni u għall-prattiki relatati mal-protezzjoni tad-data personali għal skopijiet kummerċjali u privati, iżda trid tkopri wkoll l-aspetti kollha tal-qafas applikabbli għal dak il-pajjiż jew settur, b'mod partikolari, iżda mhux limitat, għall-infurzar tal-liġijiet, is-sigurtà nazzjonali u r-rispett tad-drittijiet fundamentali;

C.  billi t-trasferimenti ta' data ta' natura personali bejn organizzazzjonijiet kummerċjali tal-UE u tal-Istati Uniti huma element importanti tar-relazzjonijiet transatlantiċi; billi dawn it-trasferimenti għandhom isiru fir-rispett sħiħ tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali u d-dritt għall-privatezza; billi wieħed mill-objettivi fundamentali tal-UE huwa l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, kif minqux fil-Karta tal-UE;

D.  billi, fl-Opinjoni 4/2016 tiegħu, il-KEPD qajjem ħafna tħassib dwar l-abbozz tat-Tarka tal-Privatezza; billi fl-istess opinjoni, il-KEPD jilqa' l-isforzi li saru mill-partijiet kollha biex tinstab soluzzjoni għat-trasferimenti tad-data personali mill-UE lejn l-Istati Uniti għal skopijiet kummerċjali skont sistema ta' awtoċertifikazzjoni;

E.  billi fl-Opinjoni 01/2016 tiegħu dwar l-abbozz ta' deċiżjoni dwar l-adegwatezza tat-Tarka tal-Privatezza UE-US, il-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 laqa' b'sodisfazzjon it-titjib sinifikanti li ġabet magħha t-Tarka tal-Privatezza meta mqabbla mad-Deċiżjoni dwar l-Isfera ta' Sikurezza, filwaqt li qajjem ukoll tħassib serju dwar l-aspetti kummerċjali kif ukoll dwar l-aċċess min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi għad-data trasferita taħt it-Tarka tal-Privatezza;

F.  billi, fit-12 ta' Lulju 2016, wara diskussjonijiet ulterjuri tal-amministrazzjoni tal-Istati Uniti, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/1250 tagħha, li tiddikjara l-livell adegwat ta' protezzjoni tad-data personali ttrasferita mill-Unjoni lejn organizzazzjonijiet fl-Istati Uniti taħt it-Tarka tal-Privatezza UE-US;

G.  billi l-qafas tat-Tarka tal-Privatezza UE-US huwa akkumpanjat minn diversi ittri u dikjarazzjonijiet mill-amministrazzjoni tal-Istati Uniti li jispjegaw, fost l-oħrajn, il-prinċipji tal-protezzjoni tad-data, il-funzjonament tas-sorveljanza, l-infurzar u r-rimedju u l-protezzjonijiet u s-salvagwardji li taħthom l-aġenziji tas-sigurtà jistgħu jaċċessaw u jipproċessaw id-data personali;

H.  billi, fid-dikjarazzjoni tiegħu tas-26 ta' Lulju 2016, il-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 laqa' b'sodisfazzjon it-titjib li ġab miegħu il-mekkaniżmu tat-Tarka tal-Privatezza UE-US meta mqabbla mal-Isfera ta' Sikurezza, u faħħar lill-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Istati Uniti talli kkunsidraw it-tħassib tiegħu; billi l-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 jindika, madankollu, li għad baqa' għadd ta' elementi ta' tħassib, rigward l-aspetti kummerċjali u rigward l-aċċess mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Uniti għal data trasferita mill-UE, bħan-nuqqas ta' regoli speċifiċi dwar deċiżjonijiet awtomatizzati u n-nuqqas ta' dritt ġenerali ta' oġġezzjoni, il-ħtieġa ta' garanziji aktar stretti dwar l-indipendenza u s-setgħat tal-mekkaniżmu tal-Ombudsman, jew in-nuqqas ta' garanziji konkreti li ma jsirx ġbir tal-massa u indiskriminat ta' data personali (ġbir tal-massa);

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi li saru mill-Kummissjoni kif ukoll mill-amministrazzjoni tal-Istati Uniti sabiex jiġi indirizzat it-tħassib imqajjem mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri, il-Parlament Ewropew, l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data (DPAs) u l-partijiet interessati, sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tadotta d-deċiżjoni ta' implimentazzjoni li tiddikjara l-adegwatezza tat-Tarka tal-Privatezza UE-US;

2.  Jirrikonoxxi li t-Tarka tal-Privatezza UE-US tinkludi fiha titjib sinifikanti fir-rigward taċ-ċarezza tal-istandards b'paragun mal-Isfera ta' Sikurezza UE-US ta' qabel u li l-organizzazzjonijiet tal-Istati Uniti li jiċċertifikaw infushom li jaderixxu mat-Tarka tal-Privatezza UE-US se jkollhom jikkonformaw ma' standards aktar ċari ta' protezzjoni tad-data mill-istandards ta' protezzjoni tad-data fl-ambitu tal-Isfera ta' Sikurezza;

3.  Jieħu nota tal-fatt li sat-23 ta' Marzu 2017, 1 893 organizzazzjoni mill-Istati Uniti ssieħbu fit-Tarka tal-Privatezza UE-US; jiddispjaċih li t-Tarka tal-Privatezza hija bbażata fuq awtoċertifikazzjoni volontarja u għalhekk tapplika biss għall-organizzazzjonijiet tal-Istati Uniti li b'mod volontarju daħlu fiha, li jfisser li ħafna kumpaniji mhumiex koperti mill-iskema;

4.  Jirrikonoxxi li t-Tarka tal-Privatezza UE-US tiffaċilita t-trasferimenti tad-data mingħand SMEs u negozji fl-Unjoni lejn l-Istati Uniti;

5.  Jinnota li, f'konformità mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-kawża Schrems, is-setgħat tal-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data Ewropej jibqgħu mhux milquta mid-deċiżjoni dwar l-adegwatezza, u għalhekk huma jistgħu jeżerċitawhom, fosthom sospensjoni jew projbizzjoni ta' trasferimenti ta' data lil organizzazzjoni reġistrata mat-Tarka tal-Privatezza UE-US; jilqa' f'dan ir-rigward ir-rwol prominenti mogħti lid-DPAs tal-Istati Membri mill-Qafas tat-Tarka tal-Privatezza biex jistudjaw u jinvestigaw ilmenti marbuta mal-protezzjoni tad-drittijiet għall-privatezza u l-ħajja tal-familja skont il-Karta tal-UE u jissospendu t-trasferimenti tad-data, kif ukoll l-obbligu impost fuq id-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti li jirriżolvi dawn l-ilmenti;

6.  Jinnota li skont il-Qafas tat-Tarka tal-Privatezza, is-suġġetti tad-data tal-UE għandhom diversi modi disponibbli għalihom biex ifittxu rimedji legali fl-Istati Uniti: l-ewwel nett, l-ilmenti jistgħu jsiru jew direttament lill-kumpanija jew inkella permezz tad-Dipartiment tal-Kummerċ wara li tkun intbagħtet talba minn DPA, jew lil korp indipendenti għas-soluzzjoni tat-tilwim. It-tieni nett, fir-rigward ta' interferenzi mad-drittijiet fundamentali għall-fini ta' sigurtà nazzjonali, tista' titressaq kawża ċivili quddiem il-qorti tal-Istati Uniti u ilmenti simili jistgħu jiġu indirizzati wkoll permezz tal-Ombudsman indipendenti li għadu kif inħoloq. Finalment, l-ilmenti dwar interferenzi mad-drittijiet fundamentali għall-finijiet tal-infurzar tal-liġijiet u l-interess pubbliku jistgħu jiġu ttrattati permezz ta' mozzjonijiet li jikkontestaw it-taħrikiet; jinkoraġġixxi li tingħata aktar gwida min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea u d-DPAs biex dawn ir-rimedji legali kollha jsiru aċċessibbli u disponibbli aktar faċilment;

7.  Jirrikonoxxi l-impenn ċar tad-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti li jissorvelja mill-qrib il-konformità min-naħa tal-organizzazzjonijiet tal-Istati Uniti mal-prinċipji tat-Tarka tal-Privatezza UE-US u l-intenzjoni tagħhom li jieħdu azzjonijiet ta' infurzar kontra entitajiet li ma jikkonformawx;

8.  Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tfittex kjarifika dwar l-istatus ġuridiku tal-"assigurazzjonijiet bil-miktub" ipprovduti mill-Istati Uniti u biex tiżgura li kull impenn jew arranġament previst skont it-Tarka tal-Privatezza jinżamm wara t-teħid ta' mandat minn amministrazzjoni ġdida fl-Istati Uniti;

9.  Iqis li minkejja l-impenji u l-assigurazzjonijiet ipprovduti mill-gvern tal-Istati Uniti permezz tal-ittri mehmuża mal-arranġament tat-Tarka tal-Privatezza, jippersistu mistoqsijiet importanti rigward ċerti aspetti kummerċjali, is-sigurtà nazzjonali u l-infurzar tal-liġijiet;

10.  Jinnota b'mod speċifiku d-differenza sinifikanti bejn il-protezzjoni pprovduta mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 95/46/KE u l-prinċipju ta' "notifika u għażla" tal-arranġament tat-Tarka tal-Privatezza, kif ukoll id-differenzi konsiderevoli bejn l-Artikolu 6 tad-Direttiva 95/46/KE u l-prinċipju tal-integrità tad-data u l-limitazzjoni tal-fini tal-arranġament tat-Tarka tal-Privatezza; jirrimarka li minflok il-ħtieġa għal bażi ġuridika (bħal kunsens jew kuntratt) li tapplika għall-operazzjonijiet legali kollha, id-drittijiet tas-suġġetti tad-data skont il-Prinċipji tat-Tarka tal-Privatezza japplikaw biss għal żewġ operazzjonijiet ta' pproċessar ristretti (divulgazzjoni u bidla tal-iskop) u jipprevedu biss dritt ta' oġġezzjoni ("nonparteċipazzjoni");

11.  Huwa tal-fehma li dan it-tħassib kollu jista' jwassal biex fil-futur id-deċiżjoni dwar l-adegwatezza tal-protezzjoni terġa' tiġi kkontestata fil-qrati; jenfasizza l-konsegwenzi dannużi kemm fir-rigward tar-rispett għad-drittijiet fundamentali kif ukoll iċ-ċertezza tad-dritt neċessarja għall-partijiet interessati;

12.  Jinnota, fost l-oħrajn, in-nuqqas ta' regoli speċifiċi dwar it-teħid awtomatizzat tad-deċiżjonijiet, dwar dritt ġenerali ta' oġġezzjoni, u n-nuqqas ta' prinċipji ċari dwar kif il-Prinċipji tat-Tarka tal-Privatezza japplikaw għall-proċessuri (aġenti);

13.  Jinnota li, filwaqt li l-individwi għandhom il-possibbiltà li joġġezzjonaw fil-konfront tal-kontrollur tal-UE għal kwalunkwe trasferiment tad-data personali tagħhom lejn l-Istati Uniti, u għall-ipproċessar ulterjuri ta' dik id-data fl-Istati Uniti fejn il-kumpanija tat-Tarka tal-Privatezza taġixxi bħala proċessur f'isem il-kontrollur UE, it-Tarka tal-Privatezza m'għandhiex regoli speċifiċi dwar dritt ġenerali ta' oġġezzjoni fil-konfront tal-kumpanija awtoċertifikata tal-Istati Uniti;

14.  Jinnota li frazzjoni biss mill-organizzazzjonijiet tal-Istati Uniti li ssieħbu fit-Tarka tal-Privatezza għażlu li jużaw awtorità tal-protezzjoni tad-data tal-UE għall-mekkaniżmu ta' soluzzjoni għat-tilwim; jinsab imħasseb dwar il-fatt li dan jikkostitwixxi żvantaġġ għaċ-ċittadini tal-UE meta jippruvaw jinfurzaw id-drittijiet tagħhom;

15.  Jinnota n-nuqqas ta' prinċipji espliċiti dwar kif il-Prinċipji tat-Tarka tal-Privatezza japplikaw għall-proċessuri (aġenti), filwaqt li jirrikonoxxi li l-prinċipji kollha japplikaw għall-ipproċessar tad-data personali minn kwalunkwe kumpanija awtoċertifikata tal-Istati Uniti "sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor" u li t-trasferiment għall-iskopijiet tal-ipproċessar jirrikjedi dejjem kuntratt mal-kontrollur tal-UE li se jiddetermina l-iskopijiet u l-mezzi tal-ipproċessar, inkluż jekk il-proċessur huwiex awtorizzat biex iwettaq trasferimenti ulterjuri (eż. għas-sottoproċessar);

16.  Jenfasizza li, rigward is-sigurtà nazzjonali u s-sorveljanza, minkejja l-kjarifiki mressqa mill-Uffiċċju tad-Direttur tal-Intelligence Nazzjonali (ODNI) fl-ittri mehmuża mal-qafas tat-Tarka tal-Privatezza, "sorveljanza fuq skala kbira", minkejja t-terminoloġija differenti użata mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti, għadha possibbli; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' definizzjoni uniformi tal-kunċett ta' sorveljanza fuq skala kbira u l-adozzjoni tat-terminoloġija Amerikana, u għalhekk jitlob li jkun hemm definizzjoni uniformi ta' sorveljanza fuq skala kbira marbuta mat-tifsira Ewropew tat-terminu, fejn l-evalwazzjoni tkun indipendenti mill-għażla; jenfasizza li kwalunkwe tip ta' sorveljanza tal-massa jikkostitwixxi ksur tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

17.  Ifakkar li l-Anness VI (ittra mingħand Robert S. Litt, (ODNI)) jikkjarifika li, skont id-Direttiva tal-Politika Presidenzjali 28 (minn hawn 'il quddiem "PPD-28"), il-ġbir fuq skala kbira ta' data u komunikazzjonijiet personali ta' persuni li mhumiex ċittadini tal-Istati Uniti għadu permess f'sitt każijiet; jirrimarka li tali ġbir fuq skala kbira irid biss ikun "imfassal apposta kemm jista' jkun" u "raġonevoli", rekwiżit li ma jissodisfax il-kriterji aktar rigorużi ta' neċessità u proporzjonalità kif stabbiliti fil-Karta tal-UE;

18.  Jinnota bi tħassib kbir li l-Bord għas-Sorveljanza tal-Privatezza u l-Libertajiet Ċivili (PCLOB) imsemmi fl-Anness VI (ittra mingħand Robert S. Litt, ODNI) bħala korp indipendenti stabbilit statutorjament, inkarigat mill-analiżi u r-rieżami ta' programmi u politiki għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, inkluż l-użu ta' intelligence ta' sinjali, biex jiżgura li dawn jipproteġu b'mod adegwat il-privatezza u l-libertajiet ċivili, fis-7 ta' Jannar 2017 tilef il-kworum u se jkun fi status ta' sub-quorum sakemm il-Membri l-ġodda tal-Bord jiġu nnominati mill-President tal-Istati Uniti u kkonfermati mis-Senat; jenfasizza li fi status ta' sub-quorum il-PCLOB huwa aktar limitat fis-setgħat tiegħu u ma jistax iwettaq ċerti azzjonijiet li jeħtieġu l-approvazzjoni tal-Bord, pereżempju jniedi proġetti ta' sorveljanza jew jagħmel rakkomandazzjonijiet f'dak li għandu x'jaqsam mas-sorveljanza, u dan idgħajjef serjament il-garanziji u l-assigurazzjonijiet ta' konformità u sorveljanza magħmula mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti f'dan il-qasam;

19.  Jiddeplora l-fatt li t-Tarka tal-Privatezza UE-US ma tipprojbixxix il-ġbir tad-data fuq skala kbira għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi;

20.  Jenfasizza li fis-sentenza tagħha tal-21 ta' Diċembru 2016, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ċċarat li l-Karta tal-UE għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi "leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità, żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-data kollha dwar it-traffiku u tad-data kollha dwar il-lokalizzazzjoni tal-abbonati u tal-utenti rreġistrati kollha fir-rigward tal-mezzi kollha ta' komunikazzjoni elettronika"; jirrimarka li s-sorveljanza fuq skala kbira fl-Istati Uniti għaldaqstant ma tipprovdix livell essenzjalment ekwivalenti ta' protezzjoni tad-data personali u l-komunikazzjonijiet;

21.  Jinsab allarmat minħabba r-rivelazzjonijiet riċenti dwar attivitajiet ta' sorveljanza mwettqa minn fornitur ta' servizzi tal-komunikazzjoni elettronika tal-Istati Uniti fuq l-emails kollha li jaslu fis-servers tiegħu, fuq talba tan-National Security Agency (NSA) u tal-FBI, saħansitra fl-2015, jiġifieri sena wara l-adozzjoni tad-Direttiva tal-Politika Presidenzjali 28 u waqt in-negozjati dwar it-Tarka tal-Privatezza UE-US; jinsisti li l-Kummissjoni titlob kjarifika sħiħa mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti u tqiegħed it-tweġibiet mogħtija għad-dispożizzjoni tal-Kunsill, il-Parlament u d-DPAs nazzjonali; jara dan bħala raġuni li toħloq dubji qawwija dwar l-assigurazzjonijiet ippreżentat mill-ODNI; jinsab konxju li t-Tarka tal-Privatezza UE-US tiddependi fuq id-Direttiva tal-Politika Presidenzjali 28, li nħarġet mill-President u tista' wkoll tiġi revokata minn kwalunkwe President ġejjieni mingħajr il-kunsens tal-Kungress;

22.  Jinnota bi tħassib li fit-23 u fit-28 ta' Marzu 2017 rispettivament, kemm is-Senat kif ukoll il-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Istati Uniti vvotaw favur ir-rifjut tar-regola mressqa mill-Kummissjoni Federali tal-Komunikazzjonijiet rigward il-ħarsien tal-privatezza ta' klijenti tal-Broadband u servizzi oħra tat-telekomunikazzjoni, li fil-prattika telimina r-regoli tal-privatezza tal-broadband li kienu jirrikjedu lill-fornituri tas-servizz tal-internet (Internet Service Providers - ISPs) jiksbu l-kunsens espliċitu tal-konsumaturi qabel ma jbigħu jew jikkondividu data tal-ibbrawżjar tal-web u informazzjoni privata oħra ma' kumpaniji tar-reklamar u kumpaniji oħra; iqis li din hija theddida oħra għas-salvagwardji tal-privatezza fl-Istati Uniti;

23.  Jesprimi tħassib kbir fir-rigward tal-ħruġ tal-"Procedures for the Availability or Dissemination of Raw Signals Intelligence Information by the National Security Agency under Section 2.3 of Executive Order 12333" (Proċeduri għad-Disponibbiltà jew it-Tixrid ta' Informazzjoni Mhux Ipproċessata dwar l-Intelligence ta' Sinjali mill-Aġenzija tas-Sigurtà Nazzjonali skont it-Taqsima 2.3 tal-Ordni Eżekuttiv 12333), approvati mill-Avukat Ġenerali fit-3 ta' Jannar 2017, li jippermettu lill-NSA taqsam ammonti kbar ta' data privata miġbura mingħajr mandati, ordnijiet tal-qorti jew awtorizzazzjoni tal-kungress ma' 16-il aġenzija oħra, fosthom l-FBI, id-Drug Enforcement Agency u d-Department of Homeland Security; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta b'mod immedjat il-kompatibbiltà ta' dawn ir-regoli l-ġodda mal-impenji meħuda mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti skont it-Tarka tal-Privatezza, kif ukoll l-impatt tagħhom fuq il-livell ta' protezzjoni tad-data personali fl-Istati Uniti;

24.  Ifakkar li filwaqt li l-individwi, inklużi s-suġġetti tad-data tal-UE, għandhom għadd ta' possibbiltajiet ta' rimedju meta jkunu ġew soġġetti għal sorveljanza (elettronika) illegali għal skopijiet ta' sigurtà nazzjonali fl-Istati Uniti, huwa daqstant ieħor ċar li tal-inqas xi wħud mill-bażijiet ġuridiċi li l-awtoritajiet tal-intelligence tal-Istati Uniti jistgħu jużaw (eż. l-Ordni Eżekuttiva 12333) mhumiex koperti; jenfasizza, barra minn hekk, li anke meta fil-prinċipju jkunu jeżistu possibbiltajiet ta' rimedju ġudizzjarju għal persuni li mhumiex ċittadini tal-Istati Uniti, bħal fil-każ ta' sorveljanza skont il-FISA, il-kawżi ta' azzjoni disponibbli huma limitati u l-ilmenti magħmula mill-individwi (inklużi ċittadini tal-Istati Uniti) jiġu ddikjarati inammissibbli jekk dawn ma jkunux jistgħu juru "leġittimità", li jillimita l-aċċess għall-qrati ordinarji;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt tal-Ordni Eżekuttiva tal-25 ta' Jannar 2017 dwar it-tisħiħ tas-sigurtà pubblika fl-Istati Uniti, u b'mod partikolari t-Taqsima 14 tagħha dwar l-esklużjoni ta' ċittadini barranin mill-protezzjoni mogħtija mill-Att dwar il-Privatezza fir-rigward ta' informazzjoni identifikabbli personalment, li tikkontradixxi l-assigurazzjonijiet bil-miktub dwar l-eżistenza ta' mekkaniżmi ta' rimedju ġudizzjarju għall-individwi f'każ ta' aċċess għad-data min-naħa tal-awtoritajiet Amerikani; jitlob lill-Kummissjoni tikkomunika analiżi legali dettaljata tal-konsegwenzi tal-miżuri tal-Ordni Eżekuttiva fuq il-possibbiltajiet ta' rimedju u d-dritt ta' rimedju ġudizzjarju għall-Ewropej fl-Istati Uniti;

26.  Jiddeplora l-fatt li la l-prinċipji tat-Tarka tal-Privatezza u lanqas l-ittri tal-amministrazzjoni tal-Istati Uniti li jipprovdu kjarifiki u assigurazzjonijiet ma juru l-eżistenza ta' drittijiet ta' rimedju ġudizzjarju effettiv għal individwi tal-UE li d-data personali tagħhom tiġi trasferita lil xi organizzazzjoni tal-Istati Uniti taħt il-Prinċipji tat-Tarka tal-Privatezza u aċċessati u pproċessati ulterjorment mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Uniti għal finijiet ta' infurzar tal-liġi u ta' interess pubbliku, li ġew enfasizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fis-sentenza tagħha tas-6 ta' Ottubru 2015 bħala l-essenza tad-dritt fundamentali fl-Artikolu 47 tal-Karta tal-UE;

27.  Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Mejju 2016 li l-mekkaniżmu tal-Ombudsman stabbilit mid-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti mhux indipendenti biżżejjed u m'għandux setgħat effettivi biżżejjed biex iwettaq dmirijietu u jipprovdi rimedju effettiv għall-individwi tal-UE;jirrimarka li, sal-lum, l-amministrazzjoni l-ġdida tal-Istati Uniti għadha ma ħatritx Ombudsman ġdid wara tmiem il-kariga tas-Sottosegretarju għat-Tkabbir Ekonomiku, l-Enerġija u l-Ambjent li nħatar f'dan ir-rwol f'Lulju 2016; iqis li fin-nuqqas ta' ħatra ta' Ombudsman indipendenti u b'setgħat suffiċjenti, l-assigurazzjonijiet tal-Istati Uniti fir-rigward tal-għoti ta' rimedju effettiv għall-individwi tal-UE jkunu nulli u bla effett; jinsab ġeneralment imħasseb li individwu milqut minn ksur tar-regoli jista' japplika biss biex l-informazzjoni u d-data jitħassru u/jew biex jitwaqqaf aktar ipproċessar, iżda m'għandu l-ebda dritt għal kumpens;

28.  Jinnota bi tħassib li mit-30 ta' Marzu 2017, il-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ (FTC), li tinforza t-Tarka tal-Privatezza, għandha tlieta mill-ħames siġġijiet tagħha battala;

29.  Jiddispjaċih li l-proċedura ta' adozzjoni ta' deċiżjoni dwar l-adegwatezza ma tipprevedix konsultazzjoni formali mal-partijiet interessati rilevanti, bħalma huma l-kumpaniji u b'mod partikolari mal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-SMEs;

30.  Jiddispjaċih li l-Kummissjoni segwiet il-proċedura għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni b'mod prattiku li de facto ma ppermettiex lill-Parlament jeżerċita d-dritt tiegħu ta' skrutinju fuq l-abbozz tal-att ta' implimentazzjoni b'mod effettiv;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tiżgura li t-Tarka tal-Privatezza tikkonforma għalkollox mar-Regolament (UE) 2016/679, li se jiġi applikat mis-16 ta' Mejju 2018, u mal-Karta tal-UE;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura, b'mod partikolari, li d-data personali li tkun ġiet trasferita lejn l-Istati Uniti skont it-Tarka tal-Privatezza tiġi trasferita biss lejn pajjiż terz ieħor jekk dak it-trasferiment huwa kompatibbli mal-iskop li għalih id-data nġabret oriġinarjament u jekk japplikaw l-istess regoli tal-aċċess speċifiku u mmirat għall-infurzar tal-liġi fil-pajjiż terz;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja jekk data personali li ma tkunx għadha meħtieġa għall-fini li għalih kienet inġabret oriġinarjament tiġix imħassra, fosthom mill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib jekk it-Tarka tal-Privatezza tippermettix lid-DPAs jeżerċitaw bis-sħiħ is-setgħat kollha tagħhom u jekk le, tidentifika d-dispożizzjonijiet li jirriżultaw fi tfixkil għall-eżerċizzju tas-setgħat tad-DPAs;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni biex matul l-ewwel rieżami annwali konġunt twettaq analiżi bir-reqqa u profonda tan-nuqqasijiet u d-dgħufijiet kollha msemmija f'din ir-riżoluzzjoni u fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Mejju 2016 dwar il-flussi ta' data translatlantiċi, u dawk identifikati mill-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29, il-KEPD u l-partijiet interessati, u biex turi kif ġew indirizzati sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-Karta tal-UE u mad-dritt tal-Unjoni, u tevalwa bir-reqqa jekk il-mekkaniżmi u s-salvagwarji indikati fl-assigurazzjonijiet u l-kjarifiki magħmula mill-amministrazzjoni tal-Istati Uniti humiex effettivi u fattibbli;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li meta jwettqu r-rieżami annwali konġunt, il-membri kollha tal-grupp ikollhom aċċess sħiħ u mingħajr restrizzjonijiet għad-dokumenti u l-binjiet kollha meħtieġa biex iwettqu l-kompiti tagħhom, inklużi elementi li jippermettu evalwazzjoni xierqa tal-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-ġbir u l-aċċess għad-data trasferita mill-awtoritajiet pubbliċi, jew għall-infurzar tal-liġi tal-iskopijiet ta' sigurtà nazzjonali;

37.  Jenfasizza li l-membri kollha tat-tim tar-rieżami konġunt jridu jkollhom assigurazzjoni tal-indipendenza tiegħu fil-prestazzjoni tal-kompiti tagħhom u jridu jkunu intitolati jesprimi l-opinjonijiet kuntrarji tagħhom fir-rapport finali tar-rieżami konġunt, li se jkun disponibbli pubblikament u anness mar-rapport konġunt;

38.  Jistieden lid-DPAs tal-Unjoni jimmonitorjaw il-funzjonament tat-Tarka tal-Privatezza UE-US u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom, inkluża s-sospensjoni jew projbizzjoni definittiva tat-trasferimenti tad-data personali lil organizzazzjoni fit-Tarka tal-Privatezza UE-US jekk iqisu li d-drittijiet fundamentali għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali tas-suġġetti tad-data tal-Unjoni mhumiex żgurati;

39.  Jenfasizza li l-Parlament Ewropew għandu jkollu aċċess sħiħ għal kwalunkwe dokument relatat mar-rieżami annwali konġunt;

40.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-gvernijiet u l-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri u lill-Gvern u l-Kungress tal-Istati Uniti.

(1) ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.
(2) ĠU L 350, 30.12.2008, p. 60.
(3) ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.
(4) ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89.
(5) ECLI:UE:C:2015:650.
(6) ECLI:UE:C:2016:970.
(7) ĠU L 207, 1.8.2016, p. 1.
(8) ĠU C 257, 15.7.2016, p. 8.
(9) http://ec.europa.eu/justice/data-protection/article-29/documentation/opinion-recommendation/files/2016/wp238_en.pdf
(10) http://ec.europa.eu/justice/data-protection/article-29/press-material/press-release/art29_press_material/2016/20160726_wp29_wp_statement_eu_us_privacy_shield_en.pdf
(11) Testi adottati, P8_TA(2016)0233.

Avviż legali - Politika tal-privatezza