Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2017 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' António Marinho e Pinto (2016/2294(IMM))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' António Marinho e Pinto, mibgħuta fit-23 ta' Settembru 2016 minn Miguel Pereira da Rosa, imħallef fil-Qorti tad-Distrett ta' Lisbona tal-Punent (Oeiras) (ref. 4759/15.2TDLSB), fil-kuntest ta' kawża ta' proċeduri kriminali mibdija kontrih, u mħabbra fis-seduta plenarja fl-24 ta' Ottubru 2016,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Prosekutur Pubbliku kompetenti bid-data tat-12 ta' Diċembru 2016 li tinkludi t-traskrizzjoni tar-rimarki ta' António Marinho e Pinto,
– wara li sema' lil António Marinho e Pinto fit-22 ta' Marzu 2017 skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett tal-20 ta' Settembru 1976,
– wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta' Mejju 1964, fl-10 ta' Lulju 1986, fil-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011 u fis-17 ta' Jannar 2013(1),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 11, paragrafi 1, 2, 3 u 5 tal-Liġi 7/93 tal-1 ta' Marzu 1993 li tirregola l-istatus tal-Membri Portugiżi u ċ-ċirkolari tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Nru 3/2011 tal-10 ta' Ottubru 2011,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 5(2), l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0163/2017),
A. billi l-Imħallef tal-Qorti tad-Distrett ta' Lisbona tal-Punent (Oeiras) talab li titneħħa l-immunità parlamentari ta' António Marinho e Pinto, Membru tal-Parlament Ewropew, fil-kuntest ta' kawża dwar reat allegat;
B. billi t-tneħħija tal-immunità ta' António Marinho e Pinto tirrigwarda reat allegat ta' diffamazzjoni aggravata, kif previst fl-Artikolu 180(1), u fl-Artikolu 183(2), tal-Kodiċi Penali Portugiż, li huwa punibbli bi priġunerija għal żmien massimu ta' sentejn, kif ukoll reat ta' offiża lil organizzazzjoni, servizz jew persuna ġuridika, kif previst fl-Artikolu 187(1) u (2)(a) tal-Kodiċi Penali Portugiż, punibbli bi priġunerija għal żmien massimu ta' sentejn;
C. billi l-assoċjazzjoni karitattiva Santa Casa de Misericórdia de Lisboa ressqet ilment kontra António Marinho e Pinto;
D. billi l-ilment jirreferi għal dikjarazzjonijiet magħmula minn António Marinho e Pinto fit-30 ta' Mejju 2015 waqt intervista lill-programm "A propósito" fuq l-istazzjoni Portugiż SIC Notícias, ippreżentat minn José António Teixeira u mxandar fid-9 ta' filgħaxija, li matulu huwa allegat li għamel ir-rimarki li ġejjin: "Rigward is-sigurtà soċjali, nista' ngħidilkom li hemm bżonn nissepearaw id-dimensjoni tas-solidarjetà, li hija fil-kompetenza tal-Istat; hija ma għandhiex titħallas bi skapitu tal-pensjonijiet tal-ħaddiema, tifhmu? Huwa l-baġit ġenerali tal-Istat li għandu jintuża. Is-solidarjetà soċjali trid tiġi eżerċitata permezz tat-taxxi, minn din l-istituzzjoni enormi li hija l-Misericórdia de Lisboa, li timmaniġġja miljuni u miljuni, li spiss jiġu sparpaljati għall-qligħ personali, fis-servizz ta' interessi personali [...] Naħseb li s-Sur Manuel Rebelo de Sousa jkun aħjar mis-Sur Pedro Santana Lopes, fid-dawl tal-esperjenza tas-Sur Santana Lopes fil-gvern, u kien interessanti li tara kif jaħdem id-direttur, kif id-direttur tas-Santa Casa da Misericórdia de Lisboa jaħdem biex isostni l-kandidatura tiegħu, u b'liema mezzi u riżorsi jagħmlu dan";
E. billi, skont it-termini tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri tal-Parlament Ewropew m'għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta' investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta' opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta' dmirijiethom;
F. billi l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sostniet li, sabiex Membru tal-Parlament Ewropew ikun kopert bl-immunità, opinjoni trid tingħata mill-Membru fil-qadi ta' dmirijietu, u dan jimplika r-rekwiżit ta' rabta bejn l-opinjoni espressa u d-dmirijiet parlamentari; billi tali rabta għandha tkun diretta u ovvja(2);
G. billi, b'konformità mal-Artikolu 9 tal-istess Protokoll, il-Membri jgawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament tagħhom;
H. billi skont l-Artikolu 11, paragrafi 1, 2, 3 u 5 tal-Liġi 7/93 tal-1 ta' Marzu 1993 li tirregola l-istatus tal-Membri Parlamentari Portugiżi u ċ-ċirkolari tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Nru 3/2011 tal-10 ta' Ottubru 2011, António de Sousa Marinho e Pinto ma jistax jiġi interrogat jew eżaminat mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Parlament Ewropew;
I. billi l-atti allegati ma għandhomx rabta diretta jew ovvja mal-qadi tad-dmirijiet ta' António Marinho e Pinto bħala Membru tal-Parlament Ewropew; billi huma pjuttost jirrigwardaw attivitajiet ta’ natura purament nazzjonali, peress li r-rimarki saru f’xandira fil-Portugall, b’rabta ma’ suġġett speċifikament Portugiż rigward il-ġestjoni ta’ assoċjazzjoni rregolata bid-dritt nazzjonali;
J. billi l-atti allegati ma jikkonċernawx opinjonijiet espressi jew voti mitfugħa fit-twettiq tad-dmirijiet bħala Membru tal-Parlament Ewropew skont l-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea;
K. billi huwa evidenti li l-akkuża li saret mhijiex relatata mal-istatus ta' António Marinho e Pinto bħala Membru tal-Parlament Ewropew;
L. billi ma hemm l-ebda raġuni biex wieħed jissuspetta li hemm każ ta' fumus persecutionis, jiġifieri suspett serju u preċiż biżżejjed li l-proċedura tmexxiet bl-intenzjoni li ssir ħsara lill-politika tal-Membru;
1. Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' António Marinho e Pinto;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-Imħallef tal-Qorti tad-Distrett ta' Lisbona tal-Punent (Oeiras) u lil António Marinho e Pinto.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Mejju 1964, Wagner vs Fohrmann u Krier, 101/63, ECLI:EU:C:1964:28; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Lulju 1986, Wybot vs Faure u Oħrajn, 149/85, ECLI:EU:C:1986:310; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ottubru 2008, Mote vs Il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Marzu 2010, Gollnisch vs Il-Parlament, T-42/06, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI: EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Jannar 2013, Gollnisch vs Il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23.