Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2153(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0131/2017

Testi mressqa :

A8-0131/2017

Dibattiti :

PV 26/04/2017 - 19
CRE 26/04/2017 - 19

Votazzjonijiet :

PV 27/04/2017 - 5.16
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0147

Testi adottati
PDF 349kWORD 54k
Il-Ħamis, 27 ta' April 2017 - Brussell
Kwittanza 2015: Baġit ġenerali tal-UE - Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill
P8_TA(2017)0147A8-0131/2017
Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2017 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill (2016/2153(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015(1),

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015 (COM(2016)0475 – C8-0271/2016)(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2015, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(4) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2015 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(5), u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99, 164, 165 u 166 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0131/2017),

1.  Jiddifferixxi d-deċiżjoni tiegħu dwar l-għoti ta' kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill għas-sena finanzjarja  2015;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Ombudsman Ewropew, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU L 69, 13.3.2015.
(2) ĠU C 380, 14.10.2016, p. 1.
(3) ĠU C 375, 13.10.2016, p. 1.
(4) ĠU C 380, 14.10.2016, p. 147.
(5) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.


2. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2017 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill (2016/2153(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0131/2017),

A.  billi, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tisħaq fuq l-importanza partikolari li l-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni tissaħħaħ ulterjorment permezz ta' titjib fit-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani;

1.  Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti"), abbażi tal-ħidma ta' awditjar tagħha, ikkonkludiet li l-pagamenti b'mod ġenerali għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2015 għan-nefqa amministrattiva u nfiq ieħor tal-istituzzjonijiet u tal-korpi ma kellhomx żbalji materjali;

2.  Jinnota b'sodisfazzjon li, fir-rapport annwali tagħha dwar l-implimentazzjoni tal-baġit li jikkonċerna s-sena finanzjarja 2015 ("ir-rapport tal-Qorti"), il-Qorti osservat li ma ġiet identifikata l-ebda dgħufija sinifikanti fir-rigward tat-temi awditjati b'rabta mar-riżorsi umani u mal-akkwist għall-Kunsill Ewropew u l-Kunsill;

3.  Jinnota li fl-2015 il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill kellhom baġit globali ta' EUR 541 791 500 (EUR 534 202 300 fl-2014), b'rata ta' implimentazzjoni ta' 92,6 %;

4.  Jieħu nota taż-żieda ta' EUR 7,6 miljun (+ 1,4 %) fil-baġit tal-Kunsill għall-2015;

5.  Jinnota l-pubblikazzjoni mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (SĠK) tar-rapporti ta' attività annwali tas-Servizz Legali u tad-diretturi ġenerali għall-Komunikazzjoni u l-Ġestjoni tad-Dokumenti u għall-Amministrazzjoni;

6.  Jieħu nota tal-ispjegazzjonijiet mogħtija fir-rapport ta' attività annwali tal-Amministrazzjoni rigward is-sottonfiq strutturali; jinsab imħasseb, madankollu, li r-rata ta' sottonfiq għadha għolja f'ċerti kategoriji; iħeġġeġ l-iżvilupp ta' indikaturi tal-prestazzjoni ewlenin biex jittejjeb l-ippjanar baġitarju;

7.  Isostni t-tħassib tiegħu dwar in-numru għoli ħafna ta' approprjazzjonijiet li ġew riportati mill-2015 għall-2016, b'mod partikolari dawk relatati mal-proprjetà immobiljari, l-impjant u t-tagħmir;

8.  Itenni li l-baġit tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill għandu jinfired bil-għan li jikkontribwixxi għat-trasparenza tal-ġestjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet u jtejjeb ir-responsabbiltà taż-żewġ istituzzjonijiet;

9.  Jitlob li l-istampa ġenerali tar-riżorsi umani tkun analizzata skont il-kategorija, il-grad, is-sess, in-nazzjonalità u t-taħriġ vokazzjonali;

10.  Jenfasizza li l-bilanċ ġeografiku, jiġifieri r-relazzjoni bejn in-nazzjonalità tal-persunal u d-daqs tal-Istati Membri, għandu jibqa' element importanti fil-ġestjoni tar-riżorsi umani, partikolarment fir-rigward tal-Istati Membri li ssieħbu fl-Unjoni mill-2004 'l hawn; jilqa’ l-fatt li l-Kunsill Ewropew u l-Kunsill laħqu kompożizzjoni kumplessiva bilanċjata ta’ uffiċjali mill-Istati Membri li ssieħbu fl-Unjoni qabel u wara l-2004, iżda jirrimarka li l-Istati Membri li daħlu fl-Unjoni fl-2004 jew wara għadhom sottorappreżentati fil-livell ogħla tal-amministrazzjoni u fil-karigi maniġerjali, li fihom għad irid isir progress;

11.  Jinnota l-eżistenza ta' politika ta' bilanċ bejn is-sessi fis-SĠK; jilqa' t-tendenza pożittiva tar-rappreżentanza tan-nisa fil-karigi maniġerjali; jistieden lill-Kunsill, madankollu, biex ikompli jsaħħaħ l-isforzi tiegħu, filwaqt li jirrimarka li l-livell tal-bilanċ bejn is-sessi f’karigi maniġerjali xorta waħda laħaq biss 30 % / 70 % sa tmiem l-2015;

12.  Jilqa' l-informazzjoni rigward l-attivitajiet okkupazzjonali ta' ex uffiċjali anzjani tas-SĠK wara t-tluq mis-servizz(1) fis-sena 2015; jappoġġja t-trasparenza sħiħa u l-pubblikazzjoni ta' tali informazzjoni kull sena;

13.  Jinnota bi tħassib kbir li fl-2015 is-SĠK kien għadu ma implimentax regoli interni dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta, kif irrimarka l-Ombudsman; jistieden lill-Kunsill jimplimenta regoli interni dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta mingħajr aktar dewmien;

14.  Josserva t-tabella tal-persunal tal-Kunsill biex jikkonforma mal-ftehim interistituzzjonali li jnaqqas il-persunal b'5 % fuq perjodu ta' ħames snin; jitlob li jiġi infurmat dwar kif dan it-tnaqqis huwa kompatibbli mal-ħolqien ta' 19-il kariga ġdida; jissuġġerixxi li l-Kunsill jirrapporta lill-Parlament dwar l-ekonomiji alternattivi possibbli magħmula biex jikkumpensaw għad-dewmien fit-tnaqqis tal-persunal;

15.  Jieħu nota tar-riorganizzazzjoni tad-Direttorat Ġenerali għall-Amministrazzjoni biex itejjeb il-kwalità u l-effiċjenza tiegħu; jistenna li din ir-riforma jkollha impatt pożittiv fuq l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kunsill;

16.  Huwa mħasseb dwar id-dewmien fit-tlestija tal-binja Europa; jitlob li jiġi infurmat dwar l-impatt finanzjarju tal-posponiment;

17.  Itenni l-appell tiegħu biex il-politika immobiljari tal-Kunsill tiġi pprovduta lill-awtorità ta' kwittanza; ifakkar lill-Kunsill fl-appell tal-Parlament għal rapporti ta' progress dwar proġetti ta' bini u għal analiżi dettaljata tal-ispejjeż sal-lum;

18.  Jinnota b'sodisfazzjon li s-SĠK kiseb it-tikketta ta' impriża ekodinamika fl-2015 u ċ-ċertifikazzjoni EMAS fl-2016 għall-ġestjoni ambjentali effiċjenti tiegħu;

Is-sitwazzjoni kurrenti

19.  Jieħu nota tar-risposta uffiċjali tas-segretarju ġenerali tal-Kunsill għall-istedina tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament biex jattendi l-iskambju ta' fehmiet mas-segretarji ġenerali tal-istituzzjonijiet l-oħra; josserva li r-risposta sempliċement ittenni l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-iskambju ta' informazzjoni finanzjarja li diġà ġiet espressa fil-passat; jinnota li l-kwestjonarju bil-miktub mibgħut lis-SĠK fis-17 ta' Novembru 2016 b'mistoqsijiet mill-Membri baqa' mingħajr risposta;

20.  Itenni li l-Kunsill għandu jkun trasparenti u responsabbli għal kollox fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni għall-fondi fdati lilu bħala istituzzjoni tal-Unjoni; jenfasizza li dan jimplika li l-Kunsill jeħtieġlu jieħu sehem bis-sħiħ u b'rieda tajba fil-proċedura ta' kwittanza annwali, bħalma jagħmlu l-istituzzjonijiet l-oħra; iqis, f'dan ir-rigward, li s-superviżjoni effikaċi tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni tirrikjedi kooperazzjoni bejn il-Parlament u l-Kunsill permezz ta' arranġament ta' ħidma; jiddispjaċih ħafna dwar id-diffikultajiet li nqalgħu fil-proċeduri ta' kwittanza sal-lum;

21.  Jinsisti li n-nefqa tal-Kunsill trid tgħaddi minn skrutinju bl-istess mod bħal dik tal-istituzzjonijiet l-oħra, u jirrimarka li l-elementi fundamentali ta' dan l-iskrutinju huma stabbiliti fir-riżoluzzjonijiet ta' kwittanza tiegħu tas-snin li għaddew;

22.  Ifakkar li l-Parlament jagħti kwittanza lill-istituzzjonijiet l-oħra wara li jikkunsidra d-dokumenti pprovduti u t-tweġibiet mogħtija għall-mistoqsijiet; jiddispjaċih li l-Parlament ripetutament jiltaqa' ma' problemi biex jirċievi risposti mill-Kunsill; jittama, f'dan is-sens, li jkun hemm kooperazzjoni ferm itjeb mas-segretarju ġenerali tal-Kunsill, li għalih is-sena 2015 kienet l-ewwel sena li fiha refa' dawn ir-responsabbiltajiet;

23.  Jiddispjaċih għan-nuqqas ta' għoti tal-kwittanza fl-imgħoddi minħabba kooperazzjoni insuffiċjenti bejn il-Parlament u l-Kunsill; jinnota li jidher li hemm aktar rieda tajba miż-żewġ naħat, u jesprimi ottimiżmu li se jsir progress bil-ħsieb li l-kooperazzjoni tittejjeb fil-ġejjieni, ħaġa li sejra ttejjeb l-immaġni pubblika tal-Parlament u tal-Kunsill; jistieden lill-Parlament u lill-Kunsill ikomplu f’din it-triq;

24.  Jissottolinja s-setgħa tal-Parlament li jagħti l-kwittanza skont l-Artikoli 316, 317 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 164 sa 167 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, u jafferma li l-għoti jew iċ-ċaħda tal-kwittanza huma dmir li l-Parlament għandu lejn iċ-ċittadini tal-Unjoni;

25.  Ifakkar li kull waħda mill-istituzzjonijiet, kif definit fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, hija awtonoma fl-implimentazzjoni tat-taqsima proprja tagħha tal-baġit, minħabba l-awtonomija baġitarja tagħha stabbilita fl-Artikolu 55 ta' dak ir-Regolament; jafferma li, skont il-prassi u l-interpretazzjoni tar-regoli kurrenti u l-awtonomija baġitarja tal-Kunsill, u sabiex tinżamm it-trasparenza u r-responsabbiltà demokratika lejn il-kontribwenti tal-Unjoni, il-Parlament jagħti l-kwittanza lil kull istituzzjoni fuq bażi individwali;

26.  Iqis li kooperazzjoni sodisfaċenti bejn il-Parlament, il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill bħala riżultat ta' proċedura ta' djalogu miftuħ u formali, tista' tkun sinjal pożittiv li jingħata liċ-ċittadini tal-Unjoni.

(1) It-tielet u r-raba' paragrafi tal-Artikolu 16 tar-Regolamenti tal-Persunal.

Avviż legali - Politika tal-privatezza