Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2159(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0140/2017

Testi mressqa :

A8-0140/2017

Dibattiti :

PV 26/04/2017 - 19
CRE 26/04/2017 - 19

Votazzjonijiet :

PV 27/04/2017 - 5.23

Testi adottati :

P8_TA(2017)0154

Testi adottati
PDF 358kWORD 56k
Il-Ħamis, 27 ta' April 2017 - Brussell Verżjoni finali
Kwittanza 2015: Baġit ġenerali tal-UE - Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data
P8_TA(2017)0154A8-0140/2017
Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2017 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, Taqsima IX - Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (2016/2159(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015(1),

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015 (COM(2016)0475 – C8-0277/2016)(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2015, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(4) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2015 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(5), u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99, 164, 165 u 166 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0140/2017),

1.  Jagħti l-kwittanza lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2015;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Ombudsman Ewropew u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU L 69, 13.3.2015.
(2) ĠU C 380, 14.10.2016, p. 1.
(3) ĠU C 375, 13.10.2016, p. 1.
(4) ĠU C 380, 14.10.2016, p. 147.
(5) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.


2. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2017 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu partiintegrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, Taqsima IX – Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (2016/2159(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, Taqsima IX - Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0140/2017),

A.  billi, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tisħaq fuq l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta' titjib fit-trasparenza u r-responsabilità, permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani,

1.  Jilqa' l-konklużjoni tal-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti") li skontha l-pagamenti kollha kemm huma għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2015 għall-infiq amministrattiv u għal infiq ieħor tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ("il-Kontrollur") kienu ħielsa minn żbalji materjali u li s-sistemi ta' superviżjoni u kontroll eżaminati għall-infiq amministrattiv u għal infiq ieħor kienu effikaċi;

2.  Jinnota li, fir-rapport annwali tagħha għall-2015, il-Qorti ma identifika l-ebda dgħufija serja fir-rigward tat-temi awditjati (ħames proċeduri ta' reklutaġġ, ħames proċeduri ta' akkwist u tranżazzjoni finanzjarja waħda) f'dak li għandu x'jaqsam mar-riżorsi umani u l-proċeduri ta' akkwist tal-Kontrollur; jenfasizza li din hija r-raba' sena konsekuttiva li fiha ebda dgħufija serja ma ġiet identifikata mill-Qorti;

3.  Jinnota li fl-2015, il-Kontrollur kellu baġit allokat totali ta' EUR 8 760 417 (meta mqabbel mat-EUR 8 012 953 tal-2014), u li r-rata ta' implimentazzjoni kienet ta' 96 % (meta mqabbla mat-92 % fl-2014); jilqa' b'sodisfazzjon it-titjib li sar;

4.  Jinnota li l-baġit tal-Kontrollur huwa fil-biċċa l-kbira amministrattiv u li ammont kbir minnu jintuża għan-nefqa relatata mal-persuni li jaħdmu fi ħdan l-istituzzjoni u l-bqija relatat mal-bini, l-għamara, it-tagħmir u l-varji spejjeż operattivi; jenfasizza, madankollu, li l-introduzzjoni tal-ibbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni ma għandhiex tapplika għall-baġit tal-Kontrollur kollu kemm hu, iżda għandha tinkludi wkoll l-iffissar ta' objettivi speċifiċi, li jistgħu jitkejlu u jintlaħqu, li jkunu realistiċi u bbażati fuq perjodu ta' żmien (SMART) għad-dipartimenti individwali, għall-unitajiet u għall-pjanijiet annwali tal-membri tal-persunal; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kontrollur jintroduċi l-prinċipju tal-ibbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni aktar fil-wisa' fl-operazzjonijiet ta' kuljum tiegħu;

5.  Jinnota bi tħassib li t-tliet indikaturi tas-sistema ta' kontroll intern huma kkwalifikati bħala li jeħtieġu sforz sostanzjali addizzjonali, b'mod partikolari "l-objettivi u l-indikaturi tal-prestazzjoni" li huma rakkomandati biex jiżviluppaw objettivi SMART u indikaturi rilevanti, aċċettati, kredibbli, faċli u robusti; jilqa' l-impenn tal-Kontrollur biex jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet kollha li jirrigwardaw dawn l-indikaturi;

6.  Jinnota li filwaqt li l-Kontrollur għandu kariga maniġerjali superjuri waħda biss, il-karigi maniġerjali intermedju jippreżentaw żbilanċ bejn il-ġeneri ta' 40 %/60 %; jitlob lill-Kontrollur ikompli bl-isforzi tiegħu biex jiżgura li l-politika tar-reklutaġġ u l-promozzjonijiet tkun bilanċjata kemm jista' jkun fir-rigward tal-ġeneru;

7.  Jinnota b'sodisfazzjon kbir li fil-medja kull membru tal-persunal tal-Kontrollur kien nieqes mix-xogħol fuq liv minħabba mard għal 6,6 ġranet biss;

8.  Jenfasizza li l-Kontrollur organizza avvenimenti differenti wara x-xogħol; jistieden lill-Kontrollur jara modi kif il-membru tal-persunal li jikkontribwixxi l-aktar għall-attivitajiet ta' benessri tal-istituzzjoni jiġi ppremjat, ikompli b'dawn l-attivitajiet u jipprova jinkludi kemm jista' jkun membri tal-persunal; jistieden lill-Kontrollur jaqsam l-esperjenza tiegħu f'dan il-qasam mal-istituzzjonijiet u korpi oħra tal-Unjoni;

9.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Kontrollur innomina żewġ konsulenti kontra l-fastidju li jistgħu jipprovdu assistenza kunfidenzjali u li jappartjenu għan-netwerk tal-Kummissjoni; jinnota li ma kien hemm ebda każ rappurtat ta' fastidju;

10.  Jinnota li fis-16 ta' Diċembru 2015 il-Kontrollur adotta kodiċi ta' kondotta għall-kontrolluri tiegħu; jisħaq, madankollu li dan il-kodiċi huwa pjuttost dikjarazzjoni dwar il-politika u ma jipprevedi l-ebda regola kontra l-kunflitti ta' interess; jiddispjaċih li s-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta' interess tal-membri tal-Kontrollur, kif ukoll dawk tal-persunal mhumiex disponibbli għall-konsultazzjoni pubblika; jistieden lill-aġenzija tabbozza u tippreżenta lill-awtorità ta' kwittanza rendikont tal-każijiet ta' kunflitti ta' interess li ġew identifikati;

11.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-prattika tal-Kontrollur li regolarment jinforma lill-persunal dwar il-laqgħat maniġerjali u l-eżitu tagħhom;

12.  Jinnota b'sodisfazzjon li kull attendenza mill-Kontrollur f'laqgħat professjonali ma' organizzazzjonijiet jew individwi li jaħdmu għal rashom barra mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni (inklużi dawk li jagħmlu l-lobbying) hija tal-anqas ippubblikata fuq is-sit web tal-istituzzjoni; jinnota li, bl-istess mod, il-konferenzi kollha li fihom jipparteċipa l-Kontrollur huma ppubblikati fuq is-sit web tiegħu, flimkien ma' kwalunkwe nota orali formali; itenni l-appell tiegħu lill-Kontrollur biex fir-rapport annwali tal-attività jipprovdi informazzjoni dettaljata dwar il-missjonijiet imwettqa mill-membri u l-persunal tiegħu peress li l-informazzjoni provduta ma kinitx dettaljata biżżejjed f'termini ta' garanzija ta' trasparenza u kosteffettività;

13.  Jistieden lill-Kontrollur jissieħeb fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar Reġistru tat-Trasparenza Obbligatorju, meta jiġi stabbilit;

14.  Jinnota l-ħolqien ta' task force żgħira f'Lulju 2015 biex tivvaluta l-mezzi ġuridiċi, operattivi u baġitarji għall-ħolqien tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data li se jieħu post il-Grupp ta' Ħidma mwaqqaf mill-Artikolu 29. jilqa' r-rata ta' użu miksuba fl-2015 għall-approprjazzjonijiet imdaħħla fit-titoli rilevanti; jistieden lill-Kontrollur jinkludi r-riżultati tat-task force fir-rapport ta' attività annwali tagħha;

15.  Jilqa', b'mod partikolari, ir-rwol konsultattiv li żvolġa l-Kontrollur matul l-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni fil-pakkett dwar il-protezzjoni tad-data (ir-Regolament dwar il-Protezzjoni ta' Data Ġenerali(1) u d-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data(2)), ir-riforma tal-Europol(3) u d-Direttiva dwar ir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri(4), it-Tarka tal-Privatezza UE-Stati Uniti(5) kif ukoll l-opinjoni tiegħu rigward l-Ewwel pakkett ta' riforma dwar is-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (ir-regolamenti dwar l-Eurodac, l-EASO u ta' Dublin)(6) kif ukoll l-involviment tiegħu fit-twaqqif tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data;

16.  Jilqa' l-kooperazzjoni tal-Kontrollur ma' istituzzjonijiet u korpi oħra tal-Unjoni primarjament fi kwistjonijiet amministrattivi, ta' akkwist, finanzjarji, ta' kontabilità u baġitarji; jitlob lill-Kontrollur jinkludi informazzjoni dettaljata dwar il-ftehimiet kollha fil-livell ta' servizz u r-riżultati miksuba minn din il-kooperazzjoni fir-rapport ta' attività annwali tiegħu;

17.  Jilqa' l-istrateġija żviluppata mill-Kontrollur għall-2015 sa 2019 u l-indikaturi tal-prestazzjoni prinċipali assoċjati użati għall-monitoraġġ u jekk meħtieġ, jiġi aġġustat l-użu tar-riżorsi tiegħu; jirrikonoxxi li l-indikaturi ta' prestazzjoni prinċipali magħżula juru li l-implimentazzjoni ta' din l-istrateġija hija fil-biċċa l-kbira f'postha; jistieden lill-Kontrollur ikompli jipprovdi t-tabella ta' valutazzjoni fir-rapport ta' attività annwali u jikkjarifika d-distinzjoni bejn indikaturi esterni u interni;

18.  Jilqa' l-kjarifika tal-Kontrollur għan-nuqqas ta' politika tal-bini, peress li s-servizzi tiegħu huma ospitati mill-Parlament f'waħda mill-binjiet tiegħu, u jitlob li jiġi infurmat bi kwalunkwe żviluppi jew bidliet fir-rigward tas-sitwazzjoni attwali;

19.  Jilqa' l-għoti ta' informazzjoni eżawrjenti dwar ir-riżorsi umani kollha għad-dispożizzjoni tal-Kontrollur, imqassma skont il-grad, is-sess u n-nazzjonalità u jitlob li din l-informazzjoni tiġi inkluża awtomatikament fir-rapport ta' attività annwali tiegħu;

20.  Jinnota l-pjan tal-Kontrollur li josserva l-ftehim interistituzzjonali(7) li jnaqqas il-persunal b'5 % matul perjodu ta' ħames snin; huwa konxju sew mill-isfida futura li l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni jitħejjew għall-applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Protezzjoni ta' Data Ġenerali, li għandu japplika mill-25 ta' Mejju 2018; jissuġġerixxi li l-Kontrollur jinforma lill-Parlament dwar kwalunkwe ffrankar alternattiv miksub biex jikkumpensa għad-dewmien possibbli fit-tnaqqis tal-persunal;

21.  Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex teżenta lill-aġenziji fil-qasam tal-ġustizzja u affarijiet interni, kif ukoll lill-Kontrollur, mit-tnaqqis ġenerali ta' 5 % fil-persunal, peress li fil-klima politika attwali, dawn il-korpi qed jiġu mitluba jerfgħu ammont ta' xogħol dejjem akbar;

22.  Jinnota r-referenza fl-introduzzjoni tar-rapport ta' attività annwali tal-2015 tal-Kontrollur għal taqsimiet speċifiċi dwar l-akkwist u l-ġestjoni tal-missjonijiet; jitlob li fir-rapport ta' attività annwali li jmiss tiegħu jinkludi ħarsa ġenerali tal-istess data għall-aħħar tlieta jew erba' snin;

23.  Jinnota li l-Kontrollur applika r-rakkomandazzjoni fformulata fir-Rapport dwar il-Kwittanza, tal-2014, tal-Parlament u ppubblika lista tal-kuntratti aġġudikati; jirrakkomanda li l-Kontrollur jippubblika r-rapport tal-Qorti flimkien mar-rapport ta' attività annwali tiegħu, f'ġieħ it-trasparenza u l-fiduċja tal-pubbliku;

24.  Iħeġġeġ lill-Kontrollur josserva r-regoli koperti mill-Artikolu 16 tar-Regolament tal-Persunal u jistabbilixxi regoli vinkolanti ċari fir-rigward tar-"revolving doors" bi qbil mal-linji gwida ppubblikati mill-Kummissjoni;

25.  Jilqa' l-pubblikazzjoni, fis-16 ta' Ġunju 2016, tad-deċiżjoni tal-Kontrollur dwar regoli interni rigward l-iżvelar ta' informazzjoni protetta;

26.  Jistieden lill-Kontrollur itejjeb il-politika tal-komunikazzjoni tiegħu b'relazzjoni maċ-ċittadini tal-Unjoni;

27.  Jinkoraġġixxi l-kontribuzzjoni dejjem akbar tal-Kontrollur għal soluzzjonijiet li jmexxu l-innovazzjoni u jtejbu l-protezzjoni tal-privatezza u tad-data, b'mod partikolari billi jiżdiedu t-trasparenza, il-kontroll tal-utenti u r-responsabbiltà fl-ipproċessar tal-"big data"; jinnota l-għoti ta' bosta opinjonijiet li jitolbu azzjoni li timmassimizza l-benefiċċji tat-teknoloġiji l-ġodda mingħajr ma jikkompromettu d-drittijiet fundamentali.

(1) Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(2) Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).
(3) Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53). Ara ĠU C 38, 8.2.2014, p. 3.
(4) Direttiva (UE) 2016/681 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar l-użu ta' data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi u kriminalità serja (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 132). Ara ĠU C 392, 25.11.2015, p. 11.
(5) Ara ĠU C 257, 15.7.2016, p. 8.
(6) Ara ĠU C 9, 12.1.2017, p. 3.
(7) Il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1).

Avviż legali - Politika tal-privatezza