Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2189(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0147/2017

Testi mressqa :

A8-0147/2017

Dibattiti :

PV 26/04/2017 - 19
CRE 26/04/2017 - 19

Votazzjonijiet :

PV 27/04/2017 - 5.25
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0156

Testi adottati
PDF 450kWORD 55k
Il-Ħamis, 27 ta' April 2017 - Brussell
Kwittanza 2015: L-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER)
P8_TA(2017)0156A8-0147/2017
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2017 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija għas-sena finanzjarja 2015 (2016/2189(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija għas-sena finanzjarja 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija għas-sena finanzjarja 2015, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2015 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Frar 2017 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2015 (05873/2017 – C8-0075/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 li jistabbilixxi Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 24 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar regolament finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0147/2017),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur tal-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2015;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur tal-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 449, 1.12.2016, p. 17.
(2) ĠU C 449, 1.12.2016, p. 17.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 211, 14.8.2009, p. 1.
(5) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2017 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija għas-sena finanzjarja 2015 (2016/2189(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija għas-sena finanzjarja 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija għas-sena finanzjarja 2015, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2015 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Frar 2017 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2015 (05873/2017 – C8-0075/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 li jistabbilixxi Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 24 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar regolament finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0147/2017),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija għas-sena finanzjarja 2015;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur tal-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 449, 1.12.2016, p. 17.
(2) ĠU C 449, 1.12.2016, p. 17.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 211, 14.8.2009, p. 1.
(5) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2017 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija għas-sena finanzjarja 2015 (2016/2189(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija għas-sena finanzjarja 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0147/2017),

A.  billi, skont ir-rapporti finanzjarji tagħha, il-baġit finali tal-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (''l-Aġenzija'') għas-sena finanzjarja 2015 kien ta' EUR 11 266 000, ammont li jirrappreżenta żieda ta' 3,55 % meta mqabbel mal-2014; billi l-baġit sħiħ tal-Aġenzija huwa derivat mill-baġit tal-Unjoni,

B.  billi l-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2015 (ir-"rapport tal-Qorti"), stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2015 huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari,

C.  billi, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tisħaq fuq l-importanza partikolari li l-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni tissaħħaħ ulterjorment permezz ta' titjib fit-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani,

Segwitu għall-kwittanza 2014

1.  Jirrikonoxxi l-fatt li l-Aġenzija:

   użat sett ta' linji gwida dwar l-ippjanar tal-baġit imfassla u approvati mis-servizz tal-awditjar intern (IAS) tal-Kummissjoni sabiex ittejjeb l-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-baġit annwali tagħha u żviluppat taħriġ intern irrekordjat minn qabel dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja;
   inkludiet informazzjoni dwar l-istat attwali dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u t-trasparenza fir-rapport annwali tagħha;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

2.  Jinnota li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2015 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni baġitarja ta' 95,09 %, li tfisser li l-Aġenzija laħqet il-mira ppjanata tagħha u li tirrappreżenta żieda ta' 0,09 % meta mqabbla mal-2014; jinnota, barra minn hekk, li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 74,88 %, u din tirrappreżenta żieda ta' 5,04 % meta mqabbla mal-2014;

Impenji u riporti

3.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, ir-riporti għat-Titolu III (nefqa operattiva) kienu jammontaw għal EUR 1 360 000 (59 %) tal-approprjazzjonijiet impenjati tagħha, meta mqabbel ma' EUR 1 570 000 (62 %) fl-2014; jinnota, barra minn hekk, li dawn ir-riporti kienu prinċipalment relatati man-natura fit-tul tal-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011;

4.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, ir-riporti għat-Titolu II (nefqa amministrattiva) jammontaw għal EUR 790 000 (35 %) tal-approprjazzjonijiet impenjati tagħha, meta mqabbel ma' EUR 980 000 (41 %) fl-2014; jirrikonoxxi li, skont l-Aġenzija, dawk ir-riporti kienu prinċipalment relatati ma' studji u servizzi mhux ikkonsenjati fl-2015;

5.  Jinnota li r-riporti ħafna drabi huma parzjalment jew għal kollox ġustifikati minħabba n-natura pluriennali tal-programmi operattivi tal-aġenziji, li mhux neċessarjament jindikaw dgħufijiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-baġit, u li ma jmorrux dejjem kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità, b'mod partikolari jekk ikunu ppjanati minn qabel mill-Aġenzija u kkomunikati lill-Qorti; jinnota l-fatt li l-Aġenzija sabitha diffiċli biex tirrikonċilja l-prinċipju tal-annwalità man-natura pluriennali tal-proġett ta' implimentazzjoni REMIT;

Proċeduri ta' akkwist u ta' reklutaġġ

6.  Jinnota li l-Aġenzija impjegat 54 aġent temporanju, 20 aġent kuntrattwali, 6 esperti nazzjonali sekondati, 9 trainees u 6 membri tal-persunal interim fi tmiem l-2015; jinnota, barra minn hekk, li ma kienx hemm tibdil għall-pjan ta' stabbiliment fl-2015;

7.  Jinnota minn eżerċizzju ta' evalwazzjoni tal-karigi li 67,83 % tal-impjiegi tal-Aġenzija kienu operattivi, 22,89 % kienu fil-qasam tal-appoġġ u l-koordinazzjoni amministrattivi u 9,28 % kienu newtrali;

8.  Jinnota li, fl-2015, 75 membru tal-persunal ipparteċipaw f'away day li l-ispiża tagħha kienet ta' EUR 6 517 (EUR 87 kull persuna);

Kontrolli interni

9.  Jinnota li l-Aġenzija kkonformat mar-rekwiżiti minimi tal-istandards kollha ta' kontroll intern (ICS);

10.  Josserva li l-Aġenzija vvalutat l-effikaċja tal-ICS tagħha bil-għan li ssib oqsma għal titjib ulterjuri fl-2015; jirrikonoxxi l-fatt li l-Aġenzija kellha timplimenta miżuri xierqa kif meħtieġ; jappella lill-Aġenzija biex tinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-miżuri implimentati;

Awditu intern

11.  Jinnota li l-IAS tal-Kummissjoni għamel żjara preliminari rigward l-awditu tal-Aġenzija fil-konfront tal-proċess ta' akkwist; jinnota li l-IAS kellu jwettaq dak l-awditu fil-bidu tal-2016; jinnota, barra minn hekk, li l-IAS kellu wkoll jagħmel awditu tal-valutazzjoni sħiħa tar-riskju u awditu tal-valutazzjoni tar-riskju tal-IT fil-bidu tal-2016 u li l-valutazzjoni kellha tirriżulta fi pjan ta' awditjar strateġiku ġdid għall-Aġenzija; jistenna bil-ħerqa r-rappurtar tal-Aġenzija dwar l-awditi tal-IAS fir-rapport ta' attività annwali tagħha għall-2016;

12.  Jinnota li minn sitt rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-IAS wara l-awditu tal-2014 dwar "l-iżvilupp ta' linji gwida ta' qafas u opinjoni dwar il-kodiċi tan-netwerk", tnejn ġew implimentati u magħluqa fl-2014 u tnejn fl-2015; jinnota li l-Aġenzija kellha timplimenta ż-żewġ rakkomandazzjonijiet li fadal fl-2016; jirrikonoxxi l-fatt li l-aħħar rakkomandazzjoni miftuħa li tirriżulta mill-awditu tal-IAS tal-2013 dwar "l-ippjanar, l-ibbaġitjar u l-monitoraġġ" kienet ingħalqet fl-2015;

Prestazzjoni

13.  Jinnota li, lejn tmiem l-2015, l-Aġenzija nediet stħarriġ li jippermetti lill-partijiet interessati jivvalutaw l-attivitajiet regolatorji tagħha, il-metodi ta' ħidma u l-effiċjenza tagħha (pereżempju f'dak li għandu x'jaqsam mal-għoti f'waqtu ta' riżultati), it-trasparenza tagħha, l-involviment tagħha mal-partijiet interessati u l-pubblikazzjonijiet tagħha; jinnota, barra minn hekk, li f'Ottubru 2015, l-Aġenzija ħarġet studju dwar proposta għal metodoloġija biex jiġi evalwat l-impatt tal-kodiċijiet u tal-linji gwida tan-netwerk tal-gass f'termini ta' implimentazzjoni u l-effetti fuq is-suq; jitlob lill-Aġenzija żżomm lill-awtorità ta' kwittanza informata dwar din il-kwistjoni;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u t-trasparenza

14.  Jinnota li l-Bord tal-Amministrazzjoni tal-Aġenzija adotta l-politika għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, applikabbli għall-persunal tagħha b'dispożizzjonijiet speċifiċi għall-ġestjoni, kif ukoll għall-Bord tal-Amministrazzjoni, għall-Bord ta' Regolaturi u għall-Bord tal-Appell tagħha, għall-presidenti u l-kopresidenti tal-gruppi ta' ħidma tagħha u l-persuni responsabbli mit-Task Force tagħha; jinnota, barra minn hekk, li l-Aġenzija ppubblikat id-dikjarazzjonijiet ta' kunflitti ta' interess fuq is-sit web tagħha iżda jirrimarka li xi CVs u dikjarazzjonijiet tal-membri tal-Bord ta' Regolaturi għadhom neqsin; jappella biex l-Aġenzija tippubblika dawk id-dokumenti u tħalli l-pubbliku jkollu l-ħarsa ġenerali neċessarja tal-maniġment superjuri tagħha; jinnota li fl-2016 il-Bord tal-Amministrazzjoni identifika kunflitt ta' interess potenzjali ta' wieħed mill-membri tiegħu u segwa l-proċedura ad hoc prevista; jitlob lill-Aġenzija tipprovdi aktar informazzjoni dwar din il-kwistjoni lill-awtorità ta' kwittanza;

15.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Aġenzija adottat strateġija kontra l-frodi għall-perjodu 2015-2017, fuq gwida tal-OLAF, u li ġie pprovdut taħriġ ta' sensibilizzazzjoni għall-persunal kollu;

16.  Jinnota li l-Att dwar l-Implimentazzjoni tal-Programmi Internazzjonali tal-Edukazzjoni ġie adottat fl-Istat Membru ospitanti fis-16 ta' Ġunju 2016 u daħal fis-seħħ fil-15 ta' Lulju 2016; jinnota li l-Istat Membru ospitanti beda studju ta' fattibbiltà wara l-adozzjoni tal-Att; ifakkar li l-Aġenzija ġibdet kemm-il darba l-attenzjoni tal-Istat Membru ospitanti dwar l-urġenza li titwaqqf Skola Ewropea f'Ljubljana; jiddeplora l-fatt li wara aktar minn erba' snin mid-dħul fis-seħħ tal-ftehim bejn l-Aġenzija u l-Gvern Sloven, ma twaqqfet l-ebda Skola Ewropea;

o
o   o

17.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta’ April 2017(1) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1) Testi adottati ta' dik id-data, P8_TA(2017)0155.

Avviż legali - Politika tal-privatezza