Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2168(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

A8-0075/2017

Dibattiti :

PV 26/04/2017 - 19
CRE 26/04/2017 - 19

Votazzjonijiet :

PV 27/04/2017 - 5.27

Testi adottati :

P8_TA(2017)0157
P8_TA(2017)0158

Testi adottati
PDF 443kWORD 54k
Il-Ħamis, 27 ta' April 2017 - Brussell
Kwittanza 2015: L-Uffiċċju tal-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC)
P8_TA(2017)0157
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2017 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Uffiċċju tal-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi għas-sena finanzjarja 2015 (2016/2190(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Uffiċċju tal-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi għas-sena finanzjarja 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Uffiċċju tal-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi għas-sena finanzjarja 2015, flimkien mar-risposta tal-Uffiċċju(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabilità tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2015 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Frar 2017 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Kumitat ta' Tmexxija tal-Uffiċċju tal-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2015 (05873/2017 – C8-0076/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1211/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi l-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Uffiċċju(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0143/2017),

1.  Jagħti l-kwittanza lill-Kumitat ta' Tmexxija tal-Uffiċċju tal-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Korp għas-sena finanzjarja 2015;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lill-Kumitat ta' Tmexxija tal-Uffiċċju tal-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 449, 1.12.2016, p. 22.
(2) ĠU C 449, 1.12.2016, p. 22.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 337, 18.12.2009, p. 1.
(5) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2017 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Uffiċċju tal-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi għas-sena finanzjarja 2015 (2016/2190(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Uffiċċju tal-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi għas-sena finanzjarja 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Uffiċċju tal-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi għas-sena finanzjarja 2015, flimkien mar-risposta tal-Uffiċċju(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabilità tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2015 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Frar 2017 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Kumitat ta' Tmexxija tal-Uffiċċju tal-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2015 (05873/2017 – C8-0076/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1211/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi l-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Uffiċċju(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0143/2017),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi għas-sena finanzjarja 2015;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kumitat ta' Tmexxija tal-Uffiċċju tal-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 449, 1.12.2016, p. 22.
(2) ĠU C 449, 1.12.2016, p. 22.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 337, 18.12.2009, p. 1.
(5) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2017 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Uffiċċju tal-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi għas-sena finanzjarja 2015 (2016/2190(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Uffiċċju tal-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi għas-sena finanzjarja 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0143/2017),

A.  billi, skont ir-rapporti finanzjarji tiegħu, il-baġit finali tal-Uffiċċju tal-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi ("l-Uffiċċju") għas-sena finanzjarja 2015 kien ta' EUR 4 017 244, li jirrappreżenta tnaqqis ta' 3,5 % meta mqabbel mal-2014;

B.  billi, skont ir-rapporti finanzjarji tiegħu, il-kontribuzzjoni kumplessiva tal-Unjoni lill-baġit tal-Uffiċċju għall-2015 kienet tammonta għal EUR 3 498 143, li tirrappreżenta tnaqqis ta' 3,31 % meta mqabbla mal-2014;

C.  billi l-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Uffiċċju għas-sena finanzjarja 2015 ("ir-rapport tal-Qorti"), stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Uffiċċju għas-sena finanzjarja 2015 huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

D.  billi fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tenfasizza l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta' titjib fit-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, u permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani,

Segwitu għall-kwittanza 2014

1.  Jirrikonoxxi li l-Uffiċċju:

   jitlob lill-membri kollha tal-Kumitat ta' Tmexxija, il-Maniġer Amministrattiv u l-persunal jissottomettu dikjarazzjoni annwali ta' interess, u jagħmel mezz li dawn id-dikjarazzjonijiet ikunu pubbliċi fuq is-sit web tiegħu, sabiex jipprevjeni l-kunflitti ta' interessi;
   irnexxielu jimplimenta totalment l-Istandards ta' Kontroll Intern ("ICS") Nru 6 dwar "Ġestjoni tar-Riskji" u ICS Nru 12 dwar "Informazzjoni u Komunikazzjoni";

jirrikonoxxi li, konsegwentement, is-servizz tal-awditjar intern (IAS) tal-Kummissjoni għalaq iż-żewġ rakkomandazzjonijiet tiegħu li kienu baqgħu miftuħa wara s-segwitu tal-2014 dwar ir-rieżami limitat tal-implimentazzjoni tal-Istandards ta' Kontroll Intern;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

2.  Jinnota li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2015 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni baġitarja ta' 95,65 %, li tfisser tnaqqis ta' 2,26 % meta mqabbla mas-sena 2014; jinnota li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 80,31 %, li tfisser żieda ta' 4,65 % meta mqabbla mal-2014;

3.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li l-livell ta' dettall tar-rapport ta' implimentazzjoni baġitarja huwa differenti minn dak tar-rapporti pprovduti mill-biċċa l-kbira tal-aġenziji l-oħra; jinnota li l-Uffiċċju esternalizza r-rwol ta' uffiċjal tal-kontabilità lill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni u li l-livell differenti ta' dettalji huwa bbażat fuq il-prattiki tar-rappurtar tal-Kummissjoni; jirrikonoxxi li l-Uffiċċju lest li jsegwi kull linja gwida baġitarja għar-rappurtar fis-sena finanzjarja li jmiss, dment li jkunu ħarġu tali linji gwida; jistieden lill-Qorti u n-Netwerk tal-Aġenziji tal-UE biex jipprovdu linji gwida ta' rappurtar komuni bbażati fuq l-aħjar prattiki tal-aġenziji deċentralizzati;

4.  Jinnota li l-Uffiċċju kkoreġa l-baġits tal-2015 u l-2016 fir-rigward tad-dispożizzjonijiet għall-kontribuzzjonijiet li ma mmaterjalizzawx ruħhom mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) fl-2014; jinnotali l-ftehim tal-EFTA huwa nnegozjat bejn il-Kummissjoni u l-pajjiżi kkonċernati u li għalhekk l-Uffiċċju ma jistax jinfluwenza n-negozjati;

Impenji u riporti

5.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li l-livell ta' approprjazzjonijiet impenjati riportati għat-Titolu II kien għoli u jammonta għal EUR 134 228, . (44 %), meta mqabbel ma' EUR 91 757, (40 %) fl-2014; jirrikonoxxi li dawn ir-riporti huma prinċipalment relatati mal-għoti ta' servizzi li jmorru lil hinn mill-2015 u mhux neċessarjament jindikaw dgħufijiet fl-ippjanar baġitarju;

Trasferimenti

6.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-għadd ta' trasferimenti baġitarji tnaqqas għal 17 fl-2015, meta mqabbel ma' 37 fl-2014; jinnota, barra minn hekk, li ma kien hemm l-ebda bidla fin-nefqa totali fit-Titolu I (spejjeż għall-persunal), filwaqt li ta' Titolu II (nefqa amministrattiva) tnaqqset bi 33 % u ta' Titolu III (nefqa operazzjonali) żdiedet bi 13 %; jirrikonoxxi li l-bidliet fl-istruttura tal-baġit inizjali kienu inqas minn dawk tal-2014;

Proċeduri ta' akkwist u ta' reklutaġġ

7.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li l-Uffiċċju ssottovaluta l-bżonnijiet tiegħu marbuta mas-servizzi professjonali għall-organizzazzjoni ta' avvenimenti; josserva li l-kuntratt qafas ta' erba' snin, li kien iffirmat fl-2013, laħaq l-ammont massimu tiegħu f'Diċembru 2014; jinnota li s-sottovalutazzjoni min-naħa tal-Uffiċċju rriżultat minn bidliet mhux mistennija fl-organizzazzjoni tal-laqgħa plenarja finali tiegħu għall-2014; huwa tal-fehma li l-Uffiċċju jeħtieġlu jistabbilixxi modus operandi mal-membri u l-osservaturi tiegħu għal dawn il-laqgħat sabiex ma jerġax ikun hemm sitwazzjoni bħal din; jirrimarka li f'Awwissu 2015 tnediet proċedura ta' akkwist għall-iffirmar ta' kuntratt qafas ġdid, u li l-Uffiċċju sadanittant kompla jakkwista dawn is-servizzi bl-użu ta' ordnijiet ta' xiri u kuntratti b'valur baxx (proċeduri nnegozjati); jaqbel mal-Qorti li messha ntużat proċedura ta' akkwist miftuħa, li fiha s-sħab ekonomiċi interessati kollha jkunu intitolati jressqu offerta; jinnota li fl-2016 l-Uffiċċju rreveda r-regoli eżistenti dwar l-akkwist pubbliku tiegħu bil-għan li jtejjeb il-proċess, inkluż permezz tal-użu ta' proċess elettroniku għas-sejħiet għall-offerti, inkluż permezz tal-użu ta' eTendering; jilqa' l-fatt li l-Uffiċċju diġà ħa passi biex itejjeb ir-regoli tal-akkwist tiegħu u nieda proċedura miftuħa ta' offerti li rriżultat fil-konklużjoni ta' kuntratt qafas multiplu f'kaskata ffirmat ma' tliet kumpaniji minn Jannar 2016;

8.  Jinnota li l-għadd ta' karigi tnaqqas minn 28 fi tmiem l-2014 għal 27 fi tmiem l-2015; jinnota li l-Uffiċċju wettaq kompiti addizzjonali li wasslu għal xogħol addizzjonali, li żied mad-diffikultajiet fir-reklutaġġ ikkawżat minn ċaqliq ta' persunal espert; jirrikonoxxi li l-Uffiċċju rnexxielu jżomm operazzjoni sostenibbli u jikseb bilanċ fit-tqassim tax-xogħol fost il-persunal tiegħu;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u t-trasparenza

9.  Jinnota li l-Uffiċċju ta' kuljum ħa ħsieb ir-reġistru pubbliku tad-dokumenti tal-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi / l-Uffiċċju tal-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi; jinnota b'sodisfazzjon li l-Uffiċċju stabbilixxa taqsimiet speċjali ddedikati għall-politika dwar il-kunflitt ta' interess u taqsima ġdida tas-sit web għad-diskorsi mill-President;

10.  Jinnota li r-rapport annwali tal-Uffiċċju inkluda subkapitolu relatat mat-trasparenza, l-għoti ta' rendikont u l-integrità; jinnota li rapport annwali tiegħu josserva l-linji gwida tal-Kummissjoni li ma jipprevedux kapitolu standard dwar it-trasparenza, l-għoti ta' rendikont u l-integrità;

11.  Jilqa' l-fatt li l-Uffiċċju pparteċipa b'mod attiv fix-xogħol tal-grupp ta' ħidma dwar il-ġlieda kontra l-frodi tan-Netwerk Legali Bejn l-Aġenziji; jinnota b'sodisfazzjon li din il-kooperazzjoni wasslet għall-adozzjoni tal-istrateġija kontra l-frodi tal-Uffiċċju fl-2017;

12.  Jinnota li l-Uffiċċju biħsiebu jikkonkludi r-regoli interni tiegħu dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta fl-ewwel nofs tal-2017, u diġà bagħat l-abbozz ta' politika tiegħu lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS) għal verifika minn qabel; jistieden lill-Uffiċċju jadotta politika interna dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta li trawwem kultura ta' trasparenza u responabbilita’ fuq il-post tax-xogħol, biex jinforma u jħarreġ lill-impjegati, b'mod regolari, dwar id-dmirijiet u d-drittijiet tagħhom fir-rigward ta’ dik il-politika, biex jiżgura l-protezzjoni tal-informaturi minn ritaljazzjoni, biex isegwi s-sustanza tat-twissijiet tal-informaturi mingħajr dewmien żejjed u biex jistabbilixxi mezz għal rappurtar intern anonimu; jistieden lill-Uffiċċju jippubblika rapporti annwali dwar l-għadd ta' każijiet ta' ta' informaturi u kif ġew segwiti u biex jgħaddi dawk ir-rapporti annwali lill-awtorità ta' kwittanza; jitlob lill-Uffiċċju jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza meta r-regoli tiegħu dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta jiġu stabbiliti u implementati;

Kontrolli interni

13.  Jirrikonoxxi li l-aħħar żewġ rakkomandazzjonijiet minn18-il rakkomandazzjoni tal-IAS dwar l-implimentazzjoni tal-ICS ingħalqu fl-2015, u b'hekk tlestiet l-implimentazzjoni tal-ICS; jirrikonoxxi li ż-żamma ta' livell għoli ta' konformità mal-ICS toħloq piż amministrattiv kbir għall-Uffiċċju, minħabba d-daqs żgħir tal-Uffiċċju u l-fatt li l-qafas tal-ICS b'mod ġenerali ma kienx maħsub għal organizzazzjonijiet żgħar;

14.  Jirrikonoxxi li ma ġie identifikat l-ebda riskju kritiku skont l-eżerċizzju ta' awtovalutazzjoni tar-riskju; jinnota li r-rapport dwar l-eżiti tal-valutazzjoni tar-riskju kien fih lista ta' bosta riskji sinifikanti; jinnota li l-Uffiċċju ħejja reġistru tar-riskji li fih l-aktar riskji sinifikanti identifikati matul il-valutazzjoni tar-riskju kif ukoll il-pjanijiet ta' azzjoni għall-indirizzar ta' dawn ir-riskji;

Awditu intern

15.  Jinnota b'sodisfazzjon li r-riżultati tal-awditu mis-Servizz tal-Awditjar Intern ikkonkludew li l-proċessi awditjati huma xierqa għall-iskop u huma amministrati u organizzati b'mod effettiv u effiċjenti; jirrikonoxxi, madankollu, l-osservazzjoni mis-Servizz tal-Awditjar Intern li għad hemm lok għal titjib ulterjuri f'għadd ta' oqsma speċifiċi; jinnota li sabiex jindirizza r-rakkomandazzjonijiet tas-Servizz tal-Awditjar Intern, l-Uffiċċju żviluppa pjan ta' azzjoni u li l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni hija ppjanata għall-2016;

Kwistjonijiet oħra

16.  Jinnota li f'Settembru 2016 il-Kummissjoni ħarġet il-proposta għal Regolament (COM(2016)0591) li fih ipproponiet li l-Uffiċċju jinbidel f'aġenzija kompluta b'responsabbiltajiet estiżi; jissottolinja li kull riforma implimentata wara l-konklużjoni tal-proċess leġiżlattiv għandha tassigura l-ogħla effiċjenza u kosteffettività, kif ukoll l-ogħla livell possibbli ta' trasparenza u protezzjoni kontra l-kunflitti ta' interess, u jenħtieġ li sservi biex tiffaċilita aktar il-valur miżjud tas-sistema regolatorja tal-Unjoni għall-komunikazzjonijiet elettroniċi;

o
o   o

17.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' April 2017(1) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1) Testi adottati ta' dik id-data, P8_TA(2017)0155.

Avviż legali - Politika tal-privatezza