Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2162(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0111/2017

Testi mressqa :

A8-0111/2017

Dibattiti :

PV 26/04/2017 - 19
CRE 26/04/2017 - 19

Votazzjonijiet :

PV 27/04/2017 - 5.51
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0182

Testi adottati
PDF 444kWORD 54k
Il-Ħamis, 27 ta' April 2017 - Brussell Verżjoni finali
Kwittanza 2015: Il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound)
P8_TA(2017)0182A8-0111/2017
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2017 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2015 (2016/2162(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2015, flimkien mar-risposta tal-Fondazzjoni(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2015 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Frar 2017 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Fondazzjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2015 (05873/2017 – C8-0049/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1365/75 tas-26 ta' Mejju 1975 dwar il-ħolqien ta' Fondazzjoni Ewropea għal titjib tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 16 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0111/2017),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Fondazzjoni għas-sena finanzjarja 2015;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 449, 1.12.2016, p. 188.
(2) ĠU C 449, 1.12.2016, p. 188.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 139, 30.5.1975, p. 1.
(5) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2017 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2015 (2016/2162(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2015, flimkien mar-risposta tal-Fondazzjoni(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2015 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Frar 2017 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Fondazzjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2015 (05873/2017 – C8-0049/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1365/75 tas-26 ta' Mejju 1975 dwar il-ħolqien ta' Fondazzjoni Ewropea għal titjib tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 16 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0111/2017),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2015;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 449, 1.12.2016, p. 188.
(2) ĠU C 449, 1.12.2016, p. 188.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 139, 30.5.1975, p. 1.
(5) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2017 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2015 (2016/2162(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0111/2017),

A.  billi, skont ir-rapporti finanzjarji tagħha, il-baġit finali tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (il-''Fondazzjoni'') għas-sena finanzjarja 2015 kien ta' EUR 20 860 000, ammont li jfisser żieda ta' 0,42 % meta mqabbel mal-2014,

B.  billi l-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Fondazzjoni għas-sena finanzjarja 2015 (ir-"rapport tal-Qorti"), stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2015 huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari,

C.  billi, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tisħaq fuq l-importanza partikolari li l-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni tissaħħaħ ulterjorment permezz ta' titjib fit-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont u permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani,

Segwitu għall-kwittanza 2014

1.  Jinnota li l-Fondazzjoni kellha impenn biex iżżid l-għadd ta' dikjarazzjonijiet ta' interess u CVs disponibbli fuq is-sit web tagħha u li kellha l-għan li tiġbor dikjarazzjonijiet mill-membri kollha tal-bord peress li l-bord tat-tmexxijail-ġdid kellu jinħatar wara l-iskadenza tal-mandat tal-bord attwali f'Novembru 2016; jinnota, madankollu, li wħud mis-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta' interess tal-bord tat-tmexxija għadhom nieqsa; jistieden lill-Fondazzjoni tikseb u tippubblika dawk id-dokumenti sabiex tiżgura s-sorveljanza u l-iskrutinju pubbliċi meħtieġa tal-maniġment tagħha;

2.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, b'rabta mal-kumment fir-rapport 2013 tal-Qorti rigward ftehim komprensiv dwar il-kwartieri ġenerali bejn il-Fondazzjoni u l-Istat Membru li jospita l-Fondazzjoni, l-azzjoni korrettiva hija mmarkata bħala "Ikkompletata";

3.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, b'rabta mal-kumment fir-rapport 2014 tal-Qorti rigward nuqqas ta' osservanza tal-Fondazzjoni fil-konfront tar-Regolamenti tal-Persunal, l-azzjoni korrettiva hija mmarkata bħala "Ikkompletata";

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

4.  Jinnota li l-Fondazzjoni qed tagħmel sforzi biex tiżgura t-twettiq sħiħ tal-programm ta' ħidma, li jirrikjedi l-użu sħiħ tal-fondi baġitarji; jinnota li l-isforzi ta' monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzjarja 2015 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 99,9 % u li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 87,35 %, liema rata tirrappreżenta żieda ta' 7,55 % meta mqabbla mal-2014;

Impenji u riporti

5.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, il-livell ta' approprjazzjonijiet impenjati riportati għall-2016 kien ta' EUR 2 135 164 (31,2 %) għat-Titolu III (nefqa operattiva), meta mqabbel ma' EUR 3 814 156 (53,7 %) fl-2014; jirrikonoxxi l-fatt li l-approprjazzjonijiet impenjati tal-Fondazzjoni huma għoljin prinċipalment minħabba proġetti pluriennali implimentati skont l-iskeda;

6.  Jinnota li r-riporti ħafna drabi jkunu parzjalment jew għalkollox ġustifikabbli min-natura pluriennali tal-programmi operattivi tal-aġenziji, li mhux neċessarjament jindikaw dgħufijiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-baġit, u li mhux dejjem imorru kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità, b'mod partikolari jekk jiġu ppjanati minn qabel u kkomunikati lill-Qorti; jilqa' l-fatt li l-Fondazzjoni, flimkien mal-Qorti, stabbiliet proċedura li tippermetti distinzjoni trasparenti bejn riporti "ppjanati" u riporti "mhux ippjanati";

Proċeduri ta' akkwist u reklutaġġ

7.  Jinnota li l-Kumitat Konsultattiv dwar l-Akkwisti u l-Kuntratti tal-Fondazzjoni (KKAK), li jagħti opinjoni dwar proposti ta' kuntratti b'valur ta' mill-inqas EUR 250 000, eżamina ħames dossiers fl-2015 u li l-opinjonijiet kollha tiegħu kienu favorevoli; jinnota, barra minn hekk, li l-KKAK wettaq verifika ex post annwali ta' tnejn mill-ħames kuntratti aġġudikati fl-2015; jinnota li, għalkemm il-KKAK ħareġ kummenti u rakkomandazzjonijiet speċifiċi, kien sodisfatt li l-Fondazzjoni osservat il-proċeduri ta' akkwist;

Prestazzjoni

8.  Jinnota li l-mira tal-Fondazzjoni ta' 80 % rigward in-numru ta' outputs ippjanati fil-programm ta' ħidma tagħha ma ntlaħqitx, avolja l-Fondazzjoni tejbet il-prestazzjoni tagħha b'paragun mal-2014; jinnota li r-raġunijiet li minħabba fihom il-Fondazzjoni ma laħqitx il-mira tagħha huma prinċipalment relatati ma' dewmien min-naħa tal-kuntratturi u l-iskarsezza tar-riżorsi umani; jinnota, barra minn hekk, li għadd iżjed realistiku ta' proġetti u riżultati ġie ppjanat u implimentat fl-2016, skont ir-riżorsi mnaqqsa tal-Fondazzjoni; jinsab imħasseb li, fil-perspettivi attwali tar-riżorsi, l-istħarriġ pan-Ewropew tal-Fondazzjoni mhuwiex żgurat fuq perjodu twil, kif ukoll li l-Fondazzjoni ma tistax timpenja ruħha biex tagħti bidu għal ħidma ulterjuri, bħal pereżempju dwar il-migranti u r-rifuġjati jew dwar xogħol mhux iddikjarat, minkejja talbiet ifformulati b'mod deċiż mill-bord tat-tmexxija; jistieden lill-Fondazzjoni u lill-Kummissjoni jindirizzaw l-iskarsezza tar-riżorsi tal-persunal u jirrapportaw lura lill-awtorità ta' kwittanza dwar is-soluzzjonijiet possibbli;

9.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li t-tnaqqis ġenerali tal-persunal ta' 10 % kellu impatt fuq id-dewmien ta' xi wħud mill-proġetti tal-Fondazzjoni u kkontribwixxa għal diskussjonijiet diffiċli fir-rigward ta' prijoritajiet negattivi mal-bureau tal-bord tat-tmexxija; jirrikonoxxi l-fatt li l-Fondazzjoni rnexxielha tosserva t-tnaqqis impost mill-Kummissjoni avolja l-karigi kollha tal-organigramma tagħha kienu mimlijin fis-snin preċedenti; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li kwalunkwe miżura potenzjali ta' ffrankar ta' spejjeż ulterjuri ma xxekkilx il-kapaċità tal-Fondazzjoni li twettaq il-mandat tagħha; jistieden lill-awtorità baġitarja tieħu kont ta' dan waqt il-proċedura baġitarja;

Kontrolli interni

10.  Jinnota li, skont il-prijoritizzazzjoni magħmula fl-2014, il-koordinatur ta' kontroll intern tal-Fondazzjoni ffoka fuq l-iżvilupp ulterjuri tat-tliet standards ta' kontroll intern relatati mal-allokazzjoni u l-mobbiltà tal-persunal, mal-proċessi u l-proċeduri, kif ukoll mal-ġestjoni tad-dokumenti; jinnota, barra minn hekk, li żewġ membri tal-kumitat għall-kontroll intern attendew kors tat-tip "ħarreġ lil min iħarreġ" dwar il-ġlieda kontra l-frodi organizzat mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi;

Awditu intern

11.  Jinnota li s-Servizz ta' Awditjar Intern (IAS) ma wettaq ebda awditu fil-Fondazzjoni matul l-2015; jinnota li t-tliet rakkomandazzjonijiet pendenti, li rriżultaw mill-awditu dwar "il-ġestjoni tar-relazzjonijiet mal-klijenti u mal-partijiet interessati" li sar mill-IAS fl-2013, ingħalqu fl-2015;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u t-trasparenza

12.  Jilqa' l-fatt li fl-2016 il-Fondazzjoni wettqet sensibilizzazzjoni rigward il-politiki tagħha dwar il-kunflitti ta' interess u kontra l-frodi fost il-persunal tagħha bl-użu ta' taħriġ speċifiku offrut lill-membri kollha tal-persunal; jinnota b'sodisfazzjon, barra minn hekk, li dak it-taħriġ huwa maħsuba biex isir parti standard tal-programm introduttorju għall-membri l-ġodda tal-persunal;

Kummenti oħra

13.  Jinnota li, fl-2015, 17-il membru tal-persunal ipparteċipaw f'żewġ away days li swew EUR 2 136 (jiġifieri EUR 126 għal kull persuna);

14.  Jinnota l-effiċjenza tal-pjattaforma eTendering għall-ġestjoni tas-sejħiet għall-offerti, li tikkonsisti fil-pubblikazzjoni tad-dokumenti tal-offerta u l-ġestjoni tal-mistoqsijiet u t-tweġibiet dwar l-ispeċifikazzjonijiet u l-proċedura;

15.  Jilqa' l-pubblikazzjoni tad-dokument ta' programmazzjoni attwali 2017-2020, li jistabbilixxi l-politika u l-kuntest istituzzjonali għall-programm, jiddeskrivi l-programm pluriennali għall-perjodu ta' erba' snin, u jistabbilixxi programm ta' ħidma għall-2017;

16.  Jisħaq fuq il-fatt li l-Istat Membru ospitanti tal-Fondazzjoni għandu jipprovdi l-aħjar kondizzjonijiet possibbli biex jiżgura l-funzjonament tal-Fondazzjoni, inklużi skejjel multilingwi b'orjentazzjoni Ewropea u kollegamenti xierqa tat-trasport;

17.  Jinnota li l-arranġamenti meħtieġa dwar l-akkomodazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-Fondazzjoni fl-Istat Membru ospitanti għandhom jiġu stabbiliti fi Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali bejn il-Fondazzjoni u l-Istat Membru kkonċernat;

18.  Jirrikonoxxi l-progress tal-Fondazzjoni fl-implimentazzjoni tal-programm attwali ta' erba' snin 2013-2016 dwar ir-riċerka biex jiġi megħjun l-iżvilupp ta' politiki soċjali u relatati max-xogħol; jilqa' l-kontribut tagħha għall-iżvilupp tal-politiki permezz ta' numru konsistentement għoli ta' stħarriġ, studji, preżentazzjonijiet, avvenimenti u proġetti ta' kwalità sabiex b'mod kontinwu jitjiebu l-kondizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol fl-Unjoni; jinnota l-bidu tal-proġett pilota tal-Parlament Ewropew, "Il-futur tal-manifattura fl-Ewropa"; iqis li huwa importanti li tinżamm kooperazzjoni b'saħħitha bejn il-Fondazzjoni u l-Kumitat tal-Parlament għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali sabiex jibqgħu jsiru diskussjonijiet kostruttivi u bbażati fuq l-evidenza; jistieden lill-Fondazzjoni tkompli tissorvelja mill-qrib, tanalizza u tirrapporta dwar il-kondizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol u tipprovdi għarfien espert biex dawn jittejbu;

19.  Jinnota l-impatt ta' livell għoli tal-Fondazzjoni, b'mod partikolari fl-appoġġ tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, kif rifless fl-indikaturi tal-prestazzjoni ppreżentati fir-rapport konsolidat tal-attività annwali;

o
o   o

20.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta’ April 2017(1) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1) Testi adottati ta' dik id-data, P8_TA(2017)0155.

Avviż legali - Politika tal-privatezza