Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2170(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0129/2017

Testi mressqa :

A8-0129/2017

Dibattiti :

PV 26/04/2017 - 19
CRE 26/04/2017 - 19

Votazzjonijiet :

PV 27/04/2017 - 5.52

Testi adottati :

P8_TA(2017)0183

Testi adottati
PDF 441kWORD 55k
Il-Ħamis, 27 ta' April 2017 - Brussell
Kwittanza 2015: L-Unità ta’ Kooperazzjoni Ġudizzjarja tal-Unjoni Ewropea (Eurojust)
P8_TA(2017)0183A8-0129/2017
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2017 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2015 (2016/2170(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2015, flimkien mar-risposta tal-Eurojust(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2015 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Frar 2017 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Eurojust fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2015 (05873/2017 – C8-0056/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI tat-28 ta' Frar 2002 li tistabbilixxi Eurojust bil-għan li tiġi msaħħa l-ġlieda kontra l-kriminalità serja(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 36 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0129/2017),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Amministrattiv tal-Eurojust għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2015;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Amministrattiv tal-Eurojust, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 449, 1.12.2016, p. 193.
(2) ĠU C 449, 1.12.2016, p. 193.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 63, 6.3.2002, p. 1.
(5) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2017 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2015 (2016/2170(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2015, flimkien mar-risposta tal-Eurojust(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2015 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Frar 2017 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Eurojust fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2015 (05873/2017 – C8-0056/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI tat-28 ta' Frar 2002 li tistabbilixxi Eurojust bil-għan li tiġi msaħħa l-ġlieda kontra l-kriminalità serja(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 36 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0129/2017),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2015;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Amministrattiv tal-Eurojust, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 449, 1.12.2016, p. 193.
(2) ĠU C 449, 1.12.2016, p. 193.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 63, 6.3.2002, p. 1.
(5) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta’ April 2017 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2015 (2016/2170(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0129/2017),

A.  billi, skont ir-rapporti finanzjarji tagħha, il-baġit finali tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2015 kien ta' EUR 33 818 351; billi l-baġit kollu tal-Eurojust huwa derivat mill-baġit tal-Unjoni;

B.  billi l-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2015 ("ir-rapport tal-Qorti"), stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Eurojust huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

C.  billi, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tisħaq fuq l-importanza partikolari li l-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni tissaħħaħ ulterjorment permezz ta' titjib fit-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, u permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani,

Segwitu għall-kwittanza 2014

1.  Jirrikonoxxi li, skont ir-rapport tal-Qorti, fir-rigward ta' segwitu għal kwittanzi preċedenti, ittieħdu azzjonijiet korrettivi u għal żewġ kummenti l-azzjoni korrettiva hija mmarkata bħala "Għadha għaddejja" filwaqt li għal kumment ieħor hija mmarkata bħala "Mhux applikabbli";

2.  Jirrikonoxxi li l-Eurojust, f'konsultazzjoni mad-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja u l-Konsumaturi u d-Direttorat Ġenerali għall-Baġit tal-Kummissjoni, tevalwa l-użu tal-approprjazzjonijiet differenzjati biex tiżgura l-finanzjament tal-attivitajiet operattivi, li ma jistgħux jiġu ppjanati minn qabel u li jeħtieġu jkomplu għaddejjin matul is-sena kollha;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

3.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2015 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 99,99 %, li tirrappreżenta żieda ta' 0,17 % mill-2014; jinnota, barra minn hekk, li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 89 %, li tfisser żieda ta' 1,69 % mill-2014;

4.  Jiddispjaċih li l-Eurojust ħabbtet wiċċha ma' kwistjonijiet ta' disponibbiltà baġitarja minħabba problemi strutturali magħrufa fil-finanzjament tagħha u li għat-tieni sena konsekuttiva kellha tirrikorri għal miżuri ta' mitigazzjoni soġġetti għal baġit emendatorju; jiddispjaċih li l-inċertezza finanzjarja li kellha ħabbtet wiċċha magħha l-Eurojust irriżultat fil-posponiment ta' wħud mill-attivitajiet kurrenti tagħha u d-differiment ta' żviluppi teknoloġiċi prezzjużi; jitlob li l-Eurojust u l-Kummissjoni jsolvu dawn il-problemi strutturali magħrufa u jiżguraw livell xieraq ta' finanzjament għas-snin li ġejjin;

Impenji u riporti

5.  Jinnota li l-ammont riportat mill-2014 għall-2015 kien ta' EUR 4 246 726 li minnhom intużaw 87,6 %; jinnota, barra minn hekk, li ammont ta' EUR 525 194,li jirrappreżenta ammont simili għall-2014,ġie kkanċellat fl-aħħar tas-sena;

6.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, il-livell ta' approprjazzjonijiet impenjati riportati għat-Titolu II (nefqa amministrattiva) kienu ta' EUR 1 600 000 (21 %) meta mqabbla ma' EUR 1 500 000 (20 %) fl-2014; jirrikonoxxi li dawn ir-riporti huma prinċipalment relatati ma' kuntratti speċifiċi għal servizzi ta' sigurtà u ospitalità u proġetti tal-ICT, hardware u manutenzjoni, spejjeż marbuta mal-konsulenza u mal-proġetti għall-bini l-ġdid, kif ukoll għal servizzi ordnati qabel tmiem is-sena u provduti fl-2016;

7.  Jinnota li r-riporti ħafna drabi huma parzjalment jew għal kollox ġustifikati minħabba n-natura pluriennali tal-programmi operattivi tal-aġenziji, li mhux neċessarjament jindikaw dgħufijiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-baġit u li ma jmorrux dejjem kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità, b'mod partikolari jekk ikunu ppjanati minn qabel u kkomunikati lill-Qorti;

Proċeduri ta' akkwist u reklutaġġ

8.  Jinnota li l-Eurojust iffirmat 23 kuntratt b'valur ta' aktar minn EUR 15 000, li jirrappreżenta tnaqqis ċkejken ta' 14 % meta mqabbel mal-2014; josserva li ġiet segwita proċedura ta' akkwist miftuħa għal 82,6 % tal-kuntratti, rata li tirrappreżenta 95,44 % tal-akkwisti;

9.  Jinnota li r-rata ta' postijiet vakanti tal-Eurojust fil-31 ta' Diċembru 2015 kienet ta' 2,4 % meta mqabbla ma' 4,8 % fil-31 ta' Diċembru 2014; jinnota b'sodisfazzjon li l-organigramma tal-2015 ġiet eżegwita fil-livell ta' 97,6 %;

10.  Josserva li fl-2015 il-Eurojust implimentat it-tieni mewġa ta' tnaqqis fil-karigi, li tikkorrispondi għal 2 % jew erba' karigi, sabiex tintlaħaq il-mira tat-tnaqqis tal-persunal b'5 % miftiehma mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill; jinnota, barra minn hekk, li l-aħħar mewġa ta' tnaqqis tal-persunal, li tikkorrispondi għal 1 % jew tliet karigi, kellha tiġi implimentata fl-2016 fil-qasam tal-appoġġ amministrattiv; jirrikonoxxi li t-tnaqqis tal-persunal saħħaħ is-sehem ta' impjiegi operattivi fl-organizzazzjoni;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u t-trasparenza

11.  Jinnota l-affermazzjoni mill-ġdid tal-Eurojust li regoli ċari għall-protezzjoni tal-informaturi jiżvolġu rwol integrali biex tinkiseb kultura ta' fiduċja u biex tiġi miġġielda l-frodi, kif previst fl-Artikolu 22c tar-Regolamenti tal-Persunal; jinnota li l-Eurojust tinsab fil-proċess li tfassal regoli ġodda għall-protezzjoni tal-informaturi; jirrimarka li diskussjoni preliminari dwar l-abbozz ta' regoli diġà saret fil-Kulleġġ tal-Eurojust nhar l-4 ta' Ottubru 2016; jistieden lill-Eurojust tkompli tirrapporta dwar il-proċess u dwar l-adozzjoni sussegwenti tar-regoli tagħha għall-protezzjoni tal-informaturi;

12.  Josserva li verżjonijiet qosra tal-CVs tal-membri tal-Kulleġġ huma ppubblikati online iżda li d-dikjarazzjonijiet ta' interess mhumiex; jinnota f'dan ir-rigward li, f'Jannar 2016, il-Kulleġġ tal-Eurojust adotta linji gwida dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess; jinnota wkoll li l-Eurojust bħalissa qed tiffinalizza l-proċess ta' kumpilazzjoni ta' dikjarazzjonijiet ta' interess u li r-riżultati tiegħu se jiġu sussegwentement ippubblikati fuq is-sit web tagħha; jitlob lill-Eurojust tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-progress dwar din il-kwistjoni;

13.  Jinnota bi tħassib li l-Eurojust ma pprevediet l-ebda kontroll jew aġġornament tad-dikjarazzjonijiet ta' interess tal-esperti, il-membri tal-Kulleġġ u l-membri tal-persunal;

14.  Jiddispjaċih li l-amministrazzjoni u l-membri tal-korp konġunt ta' sorveljanza indipendenti ma ppubblikawx id-dikjarazzjonijiet ta' interess tagħhom; jappella biex dawn id-dikjarazzjonijiet jiġu ppubblikati minnufih; jappella biex il-Eurojust tadotta gwida prattika dwar il-ġestjoni istituzzjonali u oħra dwar il-kunflitti ta' interess, skont il-linji gwida ppubblikati mill-Kummissjoni f'Diċembru 2013, u tistabbilixxi regoli ċari kontra l-prattika ta' "bibien iduru";

Awditu intern

15.  Jirrikonoxxi li, skont ir-rapport annwali tal-Eurojust, is-Servizz ta' Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni ppospona l-awditjar tiegħu dwar il-"Monitoraġġ u Rappurtar / Elementi Fundamentali tal-Assigurazzjoni" minħabba r-riżorsi tal-IT skarsi tiegħu fil-qasam tal-awditjar, awditjar li finalment twettaq f'Jannar 2016; jistenna bil-ħerqa r-rapport annwali li jmiss tal-Eurojust u dettalji ulterjuri dwar l-awditjar;

16.  Josserva li mis-27 ta' Marzu 2015 ir-rakkomandazzjonijiet pendenti preċedenti kollha ngħalqu mill-IAS; ifakkar li fl-2014 l-IAS awditja l-ġestjoni u l-organizzazzjoni tal-laqgħat ta' koordinazzjoni u taċ-ċentri ta' koordinazzjoni fil-Eurojust; jinnota li fl-2015 l-IAS ħareġ rapport finali ta' awditjar b'rakkomandazzjoni waħda mmarkata bħala "Importanti"; jinnota b'sodisfazzjon li l-Eurojust implimentat l-azzjoni korrettiva għar-rakkomandazzjoni u li din issa tidher bħala "Ikkompletata";

17.  Jinnota li l-implimentazzjoni tal-proġett ta' Tisħiħ tas-Sistema ta' Kontabilità Bbażata fuq id-Dovuti ppermettiet użu aktar effiċjenti tar-riżorsi umani fl-amministrazzjoni tal-Eurojust, filwaqt li għodda ġdida għar-reġistrazzjoni tal-ħin (eRecording), implimentata mid-direttur amministrattiv għall-impjegati kollha tal-amministrazzjoni sa minn April 2015, irrappreżentat pass lejn monitoraġġ u rappurtar ibbażati fuq l-attività;

Kummenti oħra

18.  Jinkoraġġixxi lill-Eurojust biex tkompli tittratta t-terroriżmu, it-traffikar u l-kuntrabandu, u ċ-ċiberkriminalità bħala prijoritajiet; jilqa' l-fatt li l-Istati Membri qed jagħmlu dejjem aktar użu mil-laqgħat ta' koordinazzjoni u ċ-ċentri ta' koordinazzjoni u li qed jagħrfu l-valur taż-żieda fl-involviment ta' pajjiżi terzi f'timijiet konġunti ta' investigazzjoni; jilqa' l-fatt li l-għadd ta' każijiet li għalihom l-Istati Membri talbu l-għajnuna tal-Eurojust qed ikompli jikber u żdied bi 23 % meta mqabbel mal-2014; jikkunsidra li l-baġit tagħha għandu jiżdied konsegwentement;

19.  Jirrikonoxxi li l-Eurojust, flimkien mal-Istat Membru ospitanti tagħha, tinsab attwalment fil-proċess ta' tħejjija għat-tranżizzjoni lejn il-bini l-ġdid tagħha; jinnota li l-kostruzzjoni tal-bini bdiet fir-rebbiegħa tal-2015 u l-ġarr mistenni ġie ppjanat għar-rebbiegħa tal-2017; jistieden lill-Eurojust tirrapporta ulterjorment lill-awtorità ta' kwittanza dwar it-tranżizzjoni lejn il-bini l-ġdid tagħha, kif ukoll tiddeskrivi l-ispejjeż ta' tranżizzjoni totali mġarrba;

20.  Jinnota bi tħassib li hemm żbilanċ sinifikanti bejn is-sessi kemm fil-maniġment superjuri kif ukoll bejn il-membri tal-Kulleġġ tal-Eurojust; iħeġġeġ lill-Eurojust biex tikkoreġi dan l-iżbilanċ malajr kemm jista' jkun u biex tikkomunika r-riżultati lill-Parlament u lill-Kunsill;

21.  Jinnota li l-Eurojust għandha seba’ karozzi tas-servizz bi spiża ta' EUR 20 000 fis-sena;

22.  Jinnota li, fl-2015, 64 membru tal-persunal ipparteċipaw f'away days li l-ispiża tagħhom kienet ta' EUR 9 346,98 (EUR 146,04 kull persuna);

23.  Jiddispjaċih li, fir-rapport annwali tagħha tal-2015, il-Eurojust iddikjarat li l-korruzzjoni mhijiex prijorità tal-Unjoni; jinnota li, b'kontradizzjoni għal din id-dikjarazzjoni, hemm id-90 każ ta' korruzzjoni li fir-rigward tagħhom, fl-2015, il-Eurojust intalbet tipprovdi l-għarfien espert tagħha (darbtejn aktar milli kien hemm fl-2014) skont ir-rapport annwali tal-Eurojust; jirrikonoxxi l-fatt li l-Greċja, ir-Rumanija u l-Kroazja kienu l-Istati Membri li ressqu l-akbar ammont ta' talbiet f'każijiet relatati mal-korruzzjoni;

o
o   o

24.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' April 2017(1) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1) Testi adottati ta' dik id-data, P8_TA(2017)0155.

Avviż legali - Politika tal-privatezza