Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2179(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0137/2017

Testi mressqa :

A8-0137/2017

Dibattiti :

PV 26/04/2017 - 19
CRE 26/04/2017 - 19

Votazzjonijiet :

PV 27/04/2017 - 5.55
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0186

Testi adottati
PDF 461kWORD 57k
Il-Ħamis, 27 ta' April 2017 - Brussell
Kwittanza 2015: L-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (Frontex)
P8_TA(2017)0186A8-0137/2017
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2017 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (issa l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta ("Frontex")) għas-sena finanzjarja 2015 (2016/2179(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (l-Aġenzija) għas-sena finanzjarja 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2015 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Frar 2017 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2015 (05873/2017 – C8-0065/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 tas-26 ta' Ottubru 2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 30 tiegħu (4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE(5), b'mod partikolari l-Artikolu 76 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0137/2017),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2015;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 449, 1.12.2016, p. 208.
(2) ĠU C 449, 1.12.2016, p. 208.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 349, 25.11.2004, p. 1.
(5) ĠU L 251, 16.09.2016, p. 1.
(6) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2017 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (issa l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta ("Frontex")) għas-sena finanzjarja 2015 (2016/2179(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (l-Aġenzija) għas-sena finanzjarja 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2015 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Frar 2017 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2015 (05873/2017 – C8-0065/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 tas-26 ta' Ottubru 2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 30 tiegħu (4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE(5), b'mod partikolari l-Artikolu 76 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar regolament finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0137/2017),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 449, 1.12.2016, p. 208.
(2) ĠU C 449, 1.12.2016, p. 208.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 349, 25.11.2004, p. 1.
(5) ĠU L 251, 16.09.2016, p. 1.
(6) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2017 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (issa l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta ("Frontex")) għas-sena finanzjarja 2015 (2016/2179(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (issa l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta) għas-sena finanzjarja 2015,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 12/2016 tal-Qorti tal-Awdituri dwar "L-użu li l-aġenziji jagħmlu minn għotjiet: mhuwiex dejjem xieraq u mhux dejjem jista' jintwera li huwa effettiv",

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0137/2017),

A.  billi, skont ir-rapporti finanzjarji tagħha, il-baġit finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (issa l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta) ("l-Aġenzija") għas-sena finanzjarja 2015 kien jammonta għal EUR 143 300 000, li jirrappreżenta żieda ta' 46,31 % meta mqabbel mal-2014; billi ż-żieda kienet dovuta prinċipalment għal żewġ modifiki fl-operazzjonijiet rilevanti fil-Mediterran, fl-ammont ta' EUR 28 000 000,

B.  billi, skont ir-rapporti finanzjarji tagħha, il-kontribuzzjoni kumplessiva tal-Unjoni għall-baġit tal-Aġenzija għall-2015 kienet tammonta għal EUR 133 528 000, li tirrappreżenta żieda ta' 53,82 % meta mqabbla ma' dik għall-2014;

C.  billi l-Qorti tal-Awdituri (il-Qorti), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015 ("ir-rapport tal-Qorti"), stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li t-tranżazzjonijiet ta' bażi tal-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma legali u regolari,

Bażi għall-opinjoni kwalifikata dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

1.  Jirrikonoxxi li l-Qorti ħarġet opinjoni kwalifikata dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet tal-Aġenzija; jinnota li l-bażi għal din l-opinjoni kwalifikata kienet is-sottovalutazzjoni b'EUR 1 723 336 tal-ispiża mġarrba fl-2015 iżda li għadha ma ġietx fatturata għal servizzi ffinanzjati minn qabel b'rabta mas-sorveljanza marittima; jinnota, barra minn hekk, li dan l-iżball kontabilistiku affettwa l-imposti dovuti u rriżulta f'dikjarazzjoni skorretta materjali fil-karta tal-bilanċ u fir-rapport tal-prestazzjoni finanzjarja tal-Aġenzija; jirrimarka, madankollu, li dan l-iżball kontabilistiku ma wassal għall-ebda tranżazzjoni irregolari jew illegali, u li ma ntefqux fondi b'mod ħażin;

2.  Jiddispjaċih li l-istima tal-ispejjeż dovuti twettqet mill-uffiċjal tal-kontabilità abbażi ta' rapport li eskluda parti mill-prefinanzjament dovut; jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-uffiċjal tal-kontabilità ma ndunax fil-ħin b'dan in-nuqqas u ma kkonsultax mal-kontroparti tiegħu fl-aġenzija sieħba; jinnota li, b'riżultat ta' dan, parti mill-ispejjeż potenzjalment dovuti ma ġietx ikkunsidrata fit-tħejjija tal-kontijiet;

3.  Jirrikonoxxi li l-Aġenzija diġà ħadet miżuri korrettivi biex tevita li fil-ġejjieni jerġa' jkun hemm żbalji bħal dawn; jinnota, b'mod partikolari, li l-uffiċjal tal-kontabilità tal-Aġenzija responsabbli mill-istima korretta tad-dovuti se jibbaża l-istimi fuq id-data u l-informazzjoni rilevanti kollha disponibbli, inkluża informazzjoni mingħand l-aġenziji sħab ikkonċernati direttament; jaċċetta li l-uffiċjal awtorizzanti tal-Aġenzija se jżid l-isforzi min-naħa tiegħu biex jiżgura li tali nuqqasijiet ma jerġgħux jirrepetu ruħhom permezz ta' kontroverifika tad-data disponibbli u permezz ta' kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-uffiċjal tal-kontabilità;

4.  Jinnota li, fl-opinjoni tal-Qorti, ħlief għall-effetti tal-kwistjoni rigward is-sottovalutazzjoni tal-ispejjeż imġarrba li kienu għadhom ma ġewx fatturati, il-kontijiet annwali tal-Aġenzija jippreżentaw b'mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta' Diċembru 2015 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi tal-flus tagħha għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-regolament finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni;

Kummenti dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet

5.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, fl-2015 l-Aġenzija wettqet l-awditu ex post għall-Iżlanda u identifikat pagamenti irregolari, b'rabta mad-deprezzament ta' bastiment li pparteċipa f'seba' operazzjonijiet konġunti mill-2011 sal-2015, fl-ammont ta' EUR 1 400 000; jinnota b'mod partikolari li l-gwardja tal-kosta tal-Iżlanda talbet ir-rimborż tad-deprezzament għall-bastiment, li kien qabeż il-limitu ta' ħajja utli kif previst fil-linji gwida tal-Aġenzija;

6.  Jirrikonoxxi li r-regoli ta' implimentazzjoni għar-regolament finanzjarju tal-Aġenzija jipprevedu li l-uffiċjal awtorizzanti jista' jirrinunzja l-irkupru ta' ammont stabbilit meta l-irkupru ma jkunx konsistenti mal-prinċipju tal-proporzjonalità; jirrikonoxxi, barra minn hekk, li, f'konformità ma' dak il-prinċipju, u wara li rċieva parir legali estern, l-uffiċjal awtorizzanti ħabbar l-irkupru ta' EUR 600 000, ċifra li tkopri l-għotjiet li saru mill-2014; jinnota li, għall-istess raġuni, l-uffiċjal awtorizzanti ħabbar id-deċiżjoni li ma jiġux rimborżati EUR 200 000 dovuti fl-2016; jifhem li, sa mill-bidu tal-kontrolli ex post min-naħa tal-Aġenzija u sabiex jiġi rispettat il-prinċipju ta' trasparenza u trattament ugwali fil-konfront tal-benefiċjarji tal-Aġenzija, li huma l-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mal-ġestjoni tal-fruntieri u ma' kwistjonijiet marbuta mal-migrazzjoni, l-uffiċjal awtorizzanti aġixxa skont l-aħjar prattika ta' rkupru ta' pagamenti irregolari tal-Aġenzija b'referenza għall-aħħar sentejn ta' kooperazzjoni;

7.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, jeżisti riskju mhux indirizzat ta' finanzjament doppju b'rabta mal-Fond għas-Sigurtà Interna (ISF); ifakkar li l-ISF, imwaqqaf għall-perjodu 2014-2020 u magħmul minn żewġ strumenti, ISF Fruntieri u Viżi u ISF Pulizija, għandu EUR 3 800 000 000 disponibbli għal azzjonijiet ta' finanzjament; ifakkar, barra minn hekk, li l-Kummissjoni, permezz tal-istrument ISF Fruntieri u Viżi, tirrimborża x-xiri, min-naħa tal-Istati Membri, ta' mezzi bħalma huma vetturi jew bastimenti kif ukoll spejjeż operattivi bħall-konsum tal-fjuwil jew il-manutenzjoni; jinnota li l-Aġenzija tirrimborża wkoll spejjeż bħal dawn lill-parteċipanti f'operazzjonijiet konġunti; jirrikonoxxi li l-Aġenzija, b'kooperazzjoni mad-Direttorat Ġenerali għall-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni tal-Kummissjoni, daħħlet fis-seħħ miżuri li jtaffu dan ir-riskju; jinnota, b'mod partikolari, li dawn il-miżuri jinkludu aċċess għad-database tal-ISF, fejn hemm għad-dispożizzjoni l-pjanijiet u r-rapporti kollha tal-benefiċjarji, taħriġ dwar il-funzjonalitajiet tas-sistema komuni ta' Ġestjoni Kondiviża tal-Fondi, kif ukoll twettiq ta' kontrolli ex ante u ex post permezz ta' verifika tad-dokumenti ġustifikattivi u, fl-istess ħin, permezz tas-sensibilizzazzjoni tal-benefiċjarji dwar il-kwistjoni;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

8.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2015 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 99,86 %, li tirrappreżenta żieda ta' 1,21 % meta mqabbla mal-2014; jinnota li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 69,50 %, li tirrappreżenta tnaqqis ta' 0,71 % meta mqabbla mal-2014;

Impenji u riporti

9.  Jinnota li l-livell ta' riporti ta' approprjazzjonijiet impenjati għat-Titolu II (infiq amministrattiv) kien ta' EUR 3 200 000 (38 % tal-approprazzjonijiet impenjati), meta mqabbel ma' EUR 4 500 000 (36 %) fl-2014; jinnota, barra minn hekk, li r-riporti għat-Titolu III (infiq operattiv) kienu ta' EUR 40 200 000 (35 %), meta mqabbel ma' EUR 28 400 000 (44 %) fl-2014; jirrikonoxxi li r-riporti għat-Titolu II kienu prinċipalment relatati ma' kuntratti tal-IT li jestendu lil hinn minn tmiem is-sena, filwaqt li r-riporti għat-Titolu III kienu relatati man-natura pluriennali tal-operazzjonijiet tal-Aġenzija; jirrikonoxxi, barra minn hekk, li l-Aġenzija trid tkompli bl-isforzi tagħha biex tnaqqas l-ammont ta' riporti bil-ħsieb li tħares aħjar il-prinċipju tal-annwalità tal-baġit;

10.  Jinnota li r-riporti ħafna drabi huma parzjalment jew għal kollox ġustifikati minħabba n-natura pluriennali tal-programmi operattivi tal-aġenziji, li mhux neċessarjament jindikaw dgħufijiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-baġit, u li ma jmorrux dejjem kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità, b'mod partikolari jekk ikunu ppjanati minn qabel u kkomunikati lill-Qorti;

Proċeduri ta' akkwist u reklutaġġ

11.  Jinnota li fl-2015 l-Aġenzija nediet 34 proċedura ta' reklutaġġ, li 14 minnhom kellhom jiġu finalizzati fl-2016; jinnota, barra minn hekk, li fl-2015 l-Aġenzija impjegat 47 membru tal-persunal ġdid;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u t-trasparenza

12.  Jirrikonoxxi li, sabiex tiġi żgurata t-trasparenza fil-proċeduri ta' akkwist pubbliku tal-Aġenzija, il-kuntratti mogħtija 'l fuq mis-sollijiet meħtieġa ġew ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li l-kuntratti mogħtija taħt is-sollijiet meħtieġa ġew ippubblikati fis-sit web tal-Aġenzija;

13.  Jirrikonoxxi li l-Aġenzija ppubblikat fis-sit web tagħha d-dikjarazzjonijiet dwar in-nuqqas ta' kunflitti ta' interess tad-Direttur u l-Viċi Diretturi tagħha; jinnota, barra minn hekk, li l-bqija tal-ftit dikjarazzjonijiet ta' nuqqas ta' kunflitti ta' interess mhux ippubblikati tal-membri tal-bord amministrattiv tagħha kienu relatati mal-bidliet reċenti fil-kompożizzjoni tal-bord amministrattiv; jirrikonoxxi li l-Aġenzija se tippubblika dawn id-dikjarazzjonijiet fis-sit web tagħha ladarba tirċevihom;

14.  Jirrikonoxxi l-ħidma kontinwa tal-Aġenzija fir-rigward tat-trasparenza; jinnota l-ħtieġa li jsir progress u jitwaqqfu kumitati ta' evalwazzjoni;

15.  Josserva li l-kwistjonijiet kollha relatati ma' kunflitti ta' interess huma koperti mill-kodiċi ta' kondotta tal-Aġenzija, li japplika għall-persunal kollu; jinnota b'sodisfazzjon li, fl-2016, l-Aġenzija aġġornat il-gwida interna tagħha għall-membri tal-persunal dwar il-fehim tal-kunċett ta' kunflitt ta' interess; jinnota bi tħassib li l-Aġenzija ma pprevediet l-ebda verifika tal-korrettezza fattwali jew proċess għall-aġġornament tad-dikjarazzjonijiet ta' nuqqas ta' kunflitti ta' interess;

16.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, il-Frontex ma indirizzatx biżżejjed il-potenzjal li jeżisti għal kunflitti ta' interess fit-twaqqif tat-timijiet li jmexxu n-negozjati ta' għotjiet għal operazzjonijiet konġunti; jistieden lill-Aġenzija tintroduċi miżuri u politika xierqa biex jitħarsu l-prinċipji tat-trasparenza u jiġi żgurat in-nuqqas ta' kunflitti ta' interess min-naħa tat-timijiet tan-negozjati;

17.  Jinnota li l-Aġenzija tinsab fil-proċess li tiffinalizza r-regoli interni tagħha dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta; jitlob lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar it-tfassil u l-implimentazzjoni ta' dawn ir-regoli;

18.  Jiddispjaċih minħabba l-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Qorti fir-Rapport Speċjali Nru 12/2016 tagħha li jgħidu li l-Aġenzija ma stabbilietx politika xierqa dwar il-kunflitti ta' interess għall-membri tal-persunal tat-timijiet tan-negozjati bilaterali; jistieden lill-Aġenzija tistabbilixxi politiki formali dwar il-kunflitti ta' interess għall-esperti esterni, il-persunal intern u l-membri tal-Bord Amministrattiv involuti fil-proċess ta' għażla u aġġudikazzjoni tal-għotjiet, filwaqt li tqis l-effett akkumulat ta' għadd ta' kunflitti ta' interess żgħar u l-ħtieġa li tiddefinixxi miżuri ta' mitigazzjoni effikaċi;

Kontroll intern

19.  Jinnota li l-Aġenzija vvalutat l-effiċjenza tas-sistema ta' kontroll intern tagħha fi tmiem l-2015; jinnota, barra minn hekk, li, skont il-valutazzjoni, l-Istandards ta' Kontroll Intern (ICS) ġew implimentati u qed jiffunzjonaw; jinnota, madankollu, li minħabba ż-żieda kbira fl-allokazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija, hemm pressjoni addizzjonali fuq is-sistema ta' kontroll intern li teħtieġ titjib ulterjuri; jirrikonoxxi li l-Aġenzija identifikat lok għal titjib fi tmien ICS u żviluppat strateġija biex tindirizza d-dgħufijiet; jistenna bil-ħerqa r-rapport annwali li jmiss tal-Aġenzija u dettalji ulterjuri rigward it-titjib tas-sistema ta' kontroll intern tagħha;

Awditu intern

20.  Jinnota li, fl-2015, is-Servizz ta' Awditjar Intern (IAS) wettaq awditu dwar l-akkwist u l-ġestjoni tal-assi, li rriżulta f'erba' rakkomandazzjonijiet ikklassifikati bħala "Importanti"; jirrikonoxxi li l-Aġenzija ħejjiet pjan ta' azzjoni biex tindirizza dawn ir-rakkomandazzjonijiet;

21.  Jieħu nota tal-konklużjonijiet tal-IAS li fl-1 ta' Jannar 2016 ma kien hemm l-ebda rakkomandazzjoni miftuħa kklassifikata bħala "Kritika"; jinnota, madankollu, li ż-żewġ rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riżorsi umani (klassifikati bħala "Importanti Ħafna") u l-ġestjoni tal-proġetti tal-IT (klassifikati bħala "Importanti") ma ġewx implimentati skont l-iskadenzi stabbiliti fil-pjan ta' azzjoni; jirrikonoxxi li l-implimentazzjoni ġiet posposta minħabba l-adozzjoni pendenti tar-regoli ta' implimentazzjoni l-ġodda relatati mar-reklutaġġ ta' persunal temporanju u kuntrattwali, kif ukoll minħabba d-deċiżjoni tal-Aġenzija li timplimenta l-governanza tal-ICT qabel l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-ICT tagħha sabiex l-implimentazzjoni tkun konsistenti u sostenibbli;

Kummenti oħra

22.  Jinnota li, fis-snin preċedenti, l-għadd kbir u dejjem jiżdied ta' ftehimiet ta' għotjiet, kif ukoll id-daqs tal-infiq relatat li jrid jiġi vverifikat mill-Aġenzija, taw indikazzjoni li jista' jintuża mekkaniżmu ta' finanzjament alternattiv aktar effiċjenti u kosteffikaċi għall-finanzjament tal-attivitajiet operattivi tal-Aġenzija; jirrikonoxxi li r-regolament fundatur il-ġdid tal-Aġenzija neħħa t-terminu "għotjiet" bħala l-istrument kuntrattwali għall-attivitajiet operattivi bejn l-Aġenzija u l-istituzzjonijiet tal-Istati Membri; jittama li din il-modifika tippermetti lill-Aġenzija tissemplifika l-ġestjoni finanzjarja tal-attivitajiet operattivi tagħha; jistieden lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta' kwittanza fir-rigward ta' żviluppi ulterjuri b'rabta ma' din il-kwistjoni;

23.  Jilqa' l-kontribut tal-Aġenzija biex ġew salvati aktar minn 250 000 persuna minn fuq il-baħar fl-2015; jilqa' ż-żieda fil-kapaċità ta' tiftix u salvataġġ tal-Aġenzija wara l-ġrajjiet traġiċi tar-rebbiegħa tal-2015;

24.  Jitlob li jkun hemm skambju akbar ta' informazzjoni bejn il-Frontex, l-aġenziji tal-ġustizzja u l-affarijiet interni tal-Unjoni u l-Istati Membri, f'konformità sħiħa mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data u, b'mod partikolari, il-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop, sabiex titjieb l-effikaċja tal-operazzjonijiet konġunti tal-Frontex iffinanzjati permezz ta' għotjiet; jiddispjaċih li l-valutazzjoni tal-impatt konkret tal-operazzjonijiet konġunti tikkostitwixxi kompitu diffiċli;

25.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, il-biċċa l-kbira tal-programmi operattivi tal-Frontex għandhom nuqqas ta' objettivi kwantitattivi u valuri mmirati speċifiċi għall-operazzjonijiet konġunti; jinnota bi tħassib li dan, flimkien ma' dokumentazzjoni insuffiċjenti mill-pajjiżi li jikkooperaw, jistgħu jfixklu l-evalwazzjoni ex post tal-effikaċja tal-operazzjonijiet konġunti fit-tul; jistieden lill-Frontex ittejjeb l-ippjanar tal-programmi strateġiċi tagħha, tiffissa objettivi strateġiċi rilevanti għall-attivitajiet tal-għotjiet tagħha u tistabbilixxi sistema effikaċi ta' monitoraġġ orjentat lejn ir-riżultati u sistema ta' rappurtar b'indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni rilevanti u li jistgħu jitkejlu;

26.  Jinnota li l-Istati li jipparteċipaw f'operazzjonijiet fil-fruntieri ddikjaraw l-ispejjeż imġarrba abbażi ta' formoli ta' dikjarazzjoni tal-ispejjeż li jinkludu spejjeż fissi (deprezzament u manutenzjoni), spejjeż varjabbli (prinċipalment fjuwil) u spejjeż tal-missjonijiet (prinċipalment allowances u spejjeż oħra tal-ekwipaġġ); jinnota, barra minn hekk, li l-ispejjeż iddikjarati kienu bbażati fuq valuri reali u segwew standards nazzjonali, li jwassal għal approċċi diverġenti fost l-Istati Membri parteċipanti u joħloq sistema partikolarment oneruża għall-partijiet involuti kollha; iħeġġeġ lill-Aġenzija tuża opzjonijiet tal-ispejjeż semplifikati kull meta jkun xieraq sabiex jiġu evitati ineffiċjenzi bħal dawn;

27.  Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 57(2) tar-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(1), il-ftehim b'rabta mal-kwartieri ġenerali tal-Aġenzija kellu jiġi konkluż wara li tinkiseb l-approvazzjoni tal-bord amministrattiv tal-Aġenzija u mhux aktar tard mis-7 ta' April 2017; jinnota b'sodisfazzjon li, fit-23 ta' Jannar 2017, l-Aġenzija u l-Gvern Pollakk inizjalaw l-abbozz tal-ftehim dwar il-kwartieri ġenerali; jinnota, barra minn hekk, li fi Frar 2017 il-ftehim kellu jiġi ppreżentat lill-bord amministrattiv tal-Aġenzija, li għandu, kemm-il darba jiġi adottat, jawtorizza lid-Direttur tal-Aġenzija jiffirma l-ftehim mal-Gvern Pollakk u jwitti t-triq għar-ratifika sussegwenti min-naħa tal-Parlament Pollakk;

28.  Jinnota, bi tħassib, żbilanċ sinifikanti bejn is-sessi – 93 % / 7 % – fil-bord amministrattiv tal-Aġenzija; jinnota wkoll li ż-żewġ membri tal-maniġment superjuri tal-Aġenzija huma tal-istess sess;

29.  Ifakkar li l-Aġenzija għandha tipprovdi lill-Uffiċjal għad-Drittijiet Fundamentali tagħha r-riżorsi u l-persunal adegwati għall-ħolqien ta' mekkaniżmu għall-ilmenti u għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ulterjuri tal-istrateġija tal-Aġenzija biex tissorvelja u tiżgura l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali;

30.  Jilqa' l-appoġġ mogħti lill-awtoritajiet nazzjonali fiż-żoni hotspot b'rabta mal-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-migranti, l-attivitajiet relatati mar-ritorn u s-sigurtà interna tal-Unjoni; jilqa' l-iffirmar ta' ftehim ta' kooperazzjoni operattiva mal-Europol li jservi ta' deterrent għall-kriminalità transfruntiera u l-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali; jitlob kooperazzjoni akbar u aktar effikaċi mal-Europol u ma' aġenziji oħrajn fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni.

o
o   o

31.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' April 2017(2) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1) Ir-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE (ĠU L 251, 16.09.2016, p. 1).
(2) Testi adottati ta' dik id-data, P8_TA(2017)0155.

Avviż legali - Politika tal-privatezza