Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2194(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0108/2017

Testi mressqa :

A8-0108/2017

Dibattiti :

PV 26/04/2017 - 19
CRE 26/04/2017 - 19

Votazzjonijiet :

PV 27/04/2017 - 5.62

Testi adottati :

P8_TA(2017)0193

Testi adottati
PDF 453kWORD 56k
Il-Ħamis, 27 ta' April 2017 - Brussell
Kwittanza 2015: L-Impriża Konġunta ITER
P8_TA(2017)0193A8-0108/2017
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2017 dwar il-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni (Fużjoni għall-Enerġija) għas-sena finanzjarja 2015 (2016/2194(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2015, flimkien mat-tweġiba tal-Impriża Konġunta(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2015, skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Frar 2017 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Impriża Konġunta fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2015 (05875/2017 – C8-0085/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/198/Euratom tas-27 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u għall-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni u li tikkonferixxilha vantaġġi(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(3) tagħha,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0108/2017).

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur tal-Impriża Konġunta għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2015;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni ta' hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 473, 16.12.2016, p. 33.
(2) ĠU C 473, 16.12.2016, p. 34.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 90, 30.3.2007, p. 58.
(5) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2017 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni (Fużjoni għall-Enerġija) għas-sena finanzjarja 2015 (2016/2194(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2015, flimkien mat-tweġiba tal-Impriża Konġunta(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2015, skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Frar 2017 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Impriża Konġunta fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2015 (05875/2017 – C8-0085/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/198/Euratom tas-27 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u għall-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni u li tikkonferixxilha vantaġġi(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(3) tagħha,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0108/2017).

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Impriża Konġunta għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2015;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 473, 16.12.2016, p. 33.
(2) ĠU C 473, 16.12.2016, p. 34.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 90, 30.3.2007, p. 58.
(5) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2017 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit għall-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni (Fużjoni għall-Enerġija) għas-sena finanzjarja 2015 (2016/2194(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0108/2017).

A.  billi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni (Fużjoni għall-Enerġija) (l-"Impriża Konġunta") ġiet stabbilita f'Marzu 2007 għal perjodu ta' 35 sena permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/198/Euratom;

B.  billi l-membri tal-Impriża Konġunta huma l-Euratom, irrappreżentata mill-Kummissjoni, l-istati membri tal-Euratom, u pajjiżi terzi li kkonkludew ftehim ta' kooperazzjoni mal-Euratom fil-qasam tal-fużjoni nukleari kkontrollata;

C.  billi l-għanijiet tal-Impriża Konġunta huma li tipprovdi l-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-proġett internazzjonali ITER għall-enerġija mill-fużjoni; li timplimenta l-Ftehim dwar Approċċ Usa' bejn il-Euratom u l-Ġappun; u li tipprepara għall-kostruzzjoni ta' impjant dimostrattiv tal-enerġija mill-fużjoni (DEMO);

D.  billi l-Impriża Konġunta bdiet taħdem b'mod awtonomu f'Marzu 2008;

Ġenerali

1.  Jinnota li r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti") dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2015 ("ir-rapport tal-Qorti"), sab li l-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta ppreżentaw b'mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta' Diċembru 2015, kif ukoll ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi ta' flusha għal tmiem is-sena, skont id-dispożizzjonijiet tar-regoli finanzjarji u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni;

2.  Jirrikonoxxi li r-rapport tal-Qorti jiddikjara li t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2015 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha;

3.  Jesprimi tħassib li r-rapport tal-Qorti għal darb'oħra jenfasizza li l-kumplessità tal-attivitajiet tal-ITER tpoġġi l-ammont tal-kontribuzzjoni tal-Impriża Konġunta għall-fażi ta' kostruzzjoni tal-proġett ITER f'riskju sinifikanti li jiżdied, iżda jirrikonoxxi wkoll li sar progress sinifikanti fuq firxa ta' oqsma b'impatt fuq l-istruttura amministrattiva kollha tal-proġett;

4.  Jenfasizza li l-Impriża Konġunta hija responsabbli għall-ġestjoni tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-proġett ITER u li l-limitu tal-baġit ta' EUR 6 600 000 000 jrid jinżamm sal-2020; jenfasizza, barra minn hekk, li l-isfida prinċipali tal-proġett ITER hija li jiġi żgurat li l-iskeda ta' żmien u l-ibbaġitjar realistiċi jinżammu, u li kwalunkwe devjazzjoni jew problema potenzjali tiġi identifikata fl-aktar stadju bikri possibbli; jinnota li r-rapport tal-Qorti, għal darb'oħra, fl-"osservazzjonijiet" tiegħu jinnota li l-limitu tal-baġit ta' EUR 6 600 000 000, li huwa d-doppju tal-ispejjeż ibbaġitjati inizjalment għall-fażi ta' kostruzzjoni fl-2010, ma kienx jinkludi l-ispejjeż ta' kontinġenza; jinnota xi progress, għalhekk, fil-valwazzjoni aġġornata għall-kontribuzzjoni tal-Impriża Konġunta fl-2015, li hija ċifra aktar komprensiva; huwa konxju li l-bidliet reċenti li għadhom għaddejjin f'dan ir-rigward huma essenzjali għas-suċċess futur tal-proġett;

5.  Jesprimi tħassib serju dwar il-fatt li r-rapport tal-Qorti jiddikjara li, fl-2015, l-Impriża Konġunta varat eżerċizzju ewlieni biex tikkalkula l-ispiża stmata fil-ħin tat-tlestija tal-kontribuzzjoni tal-Impriża Konġunta għall-fażi ta' kostruzzjoni tal-proġett ITER, li tirriżulta f'żieda mistennija tal-ispiża ta' madwar EUR 2 375 000 000, li tirrappreżenta żieda ta' 35 % fuq iċ-ċifra approvata mill-Kunsill fl-2010; jinnota li dan l-ammont huwa ogħla miż-żieda rrappurtata mill-Impriża Konġunta f'Novembru 2014, iżda jirrikonoxxi li dan huwa minħabba l-ambitu usa' tal-kalkolu l-ġdid biex ikopri l-fażi ta' kostruzzjoni kollha, flok biss id-devjazzjonijiet tal-ispejjeż stmati fuq kuntratti mogħtija; jilqa' l-isforzi li saru mill-Impriża Konġunta biex tipprovdi stimi ta' spejjeż aktar globali u realistiċi;

6.  Jirrimarka li r-rapport tal-Qorti jirreferi għall-adozzjoni mill-bord ta' tmexxija tal-Impriża Konġunta ta' pjan ta' azzjoni 2015, konformi mal-pjan ta' azzjoni tal-ITER, biex tiffaċċja l-isfidi marbuta mal-kumplessità tal-proġett ITER; jinnota li l-Kunsill tal-Organizzazzjoni ITER ("il-Kunsill tal-ITER") fil-laqgħa tiegħu ta' Ġunju 2016 finalment adotta ad referendum l-iskeda l-ġdida u r-riżorsi l-ġodda għall-proġett ITER ("Bażi ta' Referenza" ġdida akkumpanjata minn approċċ gradwali lejn it-twettiq tal-Ewwel Plażma) li tqiesu bħala realistiċi, inkluż l-iffissar ta' miri ewlenin għall-2016 sal-2017 u data ta' mira għall-2025 għat-twettiq tal-Ewwel Plażma; jinnota, barra minn hekk, li f'Novembru 2016 il-Kunsill tal-ITER approva ad referendum l-iskeda ta' żmien ġenerali tal-proġett għall-Ewwel Plażma fl-2025 u għall-Operazzjoni Deterium Tritium fl-2035; jinnota, madankollu, li l-Bażi ta' Referenza l-ġdida għad trid tiġi adottata mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea;

7.  Jinsisti li l-Kummissjoni tippreżenta, qabel Lulju 2017, komunikazzjoni dwar il-proġett ITER, li hija essenzjali biex tiżgura t-trasparenza tal-proġett kollu u tistabbilixxi t-triq 'il quddiem;

8.  Jindika li d-direttur il-ġdid tal-Impriża Konġunta nħatar f'Jannar 2016 u diġà introduċa ħafna bidliet ewlenin meħtieġa; jinnota li d-direttur ressaq 21 azzjoni ġdida flimkien mal-pjan ta' azzjoni 2015; jinnota l-livell għoli ta' ambizzjoni tal-azzjonijiet il-ġodda, li jmorru lil hinn minn titjib baġitarju u titjib fl-iskeda ta' żmien billi jimmiraw għal progress wiesa' u komprensiv f'firxa ta' oqmsa li jaffettwaw il-prestazzjoni tal-proġett ITER, inklużi l-ġestjoni u l-komunikazzjonijiet, il-professjonalizzazzjoni tal-proċessi, u t-taħriġ u l-iżvilupp professjonali tal-persunal;

9.  Jinnota li fil-proċess tal-għoti tal-kwittanza 2014 li kienet ġiet posposta, l-awtorità ta' kwittanza talbet lid-direttur tal-Impriża Konġunta biex jippreżenta rapport ta' progress dettaljat fuq l-oqsma kollha ewlenin li jikkonferma li l-proġett miexi fid-direzzjoni t-tajba u li dawn l-azzjonijiet kollha qed jiġu implimentati; jirrikonoxxi li dan ir-rapport ġie ppreżentat lill-awtorità ta' kwittanza f'Jannar 2017;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

10.  Jinnnota li l-baġit finali 2015 disponibbli għall-implimentazzjoni kien jinkludi approprjazzjonijiet ta' impenn ta' EUR 467 901 000 u approprjazzjonijiet ta' pagament ta' EUR 586 080 000; jinnota li r-rati ta' użu għall-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament kienu ta' 100 % u ta' 99 % rispettivament; jinnota, madankollu, li r-rata ta' implimentazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta' impenn u għall-approprjazzjonijiet ta' pagament fir-rigward tal-baġit inizjali 2015 kienet ta' 49 % u ta' 82 % rispettivament;

11.  Jinnota li mill-EUR 467 900 000 li kienu disponibbli għall-approprjazzjonijiet ta' impenn, 52 % ġew implimentati permezz ta' impenji individwali diretti u t-48 % li kien fadal permezz ta' impenji globali; jirrimarka li l-prestazzjoni aktar baxxa f'impenji individwali milli kien previst oriġinarjament kienet dovuta l-aktar għal tnaqqis fl-ammont ta' kontribuzzjonijiet ta' flus mitluba mill-Organizzazzjoni ITER, tnaqqis fl-ammont ta' kontribuzzjonijiet ta' flus mitluba mill-Ġappun u posponimenti ta' kuntratti f'oqsma bħall-immaniġġjar mill-bogħod, id-dijanjostika u l-inġinerija tal-plażma;

12.  Jinnota li l-implimentazzjoni tal-baġit kienet ibbilanċjata b'impenji globali skont l-aħħar emenda għall-programm ta' ħidma għall-2015 għal akkwisti li kienu għaddejjin biex jiġu ffinalizzati fl-2016 li tagħhom id-dominji ewlenin involuti kienu l-bini (għal emendi jew alternattivi għall-kuntratti ewlenin tal-bini) u għal kontenitur vakwu (għat-tlestija tal-akkwist tal-kontenitur prinċipali);

13.  Jirrikonoxxi l-fatt li l-implimentazzjoni sħiħa tal-baġit 2015 baxxiet ħafna l-livell ta' approprjazzjonijiet ikkanċellati għall-2015, b'mod li jirrappreżenta inqas minn 0,1 % tal-baġit; josserva li t-total tal-approprjazzjonijiet ikkanċellati, li jammonta għal EUR 925 783, li kien jikkorrispondi għall-ammonti mhux imħallsa fl-2015 fuq impenji amministrattivi ġew riportati mill-2014;

14.  Jinnota li, għas-sena finanzjarja 2015, il-bilanċ tal-eżitu tal-baġit ammonta għal EUR 1 070 000; jinnota li xi dħul mixxellanju ieħor ma ġiex ibbaġitjat, bħall-pagamenti tard għall-kontribuzzjoni tas-sħubija tal-2014 mill-Greċja u mgħax dovut għall-pagament tard min-naħa ta' Spanja;

15.  Jirrikonoxxi li, matul l-2015, l-Impriża Konġunta pproċessat 4 200 tranżazzjoni ta' pagament (bl-esklużjoni tas-salarji), u dan juri tnaqqis żgħir ta' 3 % meta mqabbel mal-2014; jinnota wkoll li, minn dawn, 1 500 pagament kienu jikkorrispondu għal ħlas ta' fatturi, li għalihom iż-żmien medju biex jitħallsu l-fatturi naqas b'madwar sebat ijiem bħala riżultat ta' sforzi magħmula biex jiġu ottimizzati l-proċessi finanzjarji assoċjati; jinnota b'sodisfazzjon li l-implimentazzjoni tal-fluss elettroniku għall-pagamenti fl-2014 uriet żieda sinifikanti f'termini ta' effiċjenza;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u trasparenza

16.  Jinnota li l-bord ta' tmexxija tal-Impriża Konġunta adotta strateġija kontra l-frodi u pjan ta' azzjoni għall-2015 sal-2017, li jispjega l-kuntest li fih topera l-Impriża Konġunta, jiġifieri li tkun responsabbli għall-ġestjoni ta' ammont għoli ta' baġit pubbliku, u l-prevenzjoni u l-identifikazzjoni ta' mekkaniżmi ta' frodi rispettivi; jinnota li ġew stabbiliti għanijiet partikolari, bħal pereżempju l-ħatra ta' uffiċjal għall-etika u għall-OLAF u s-sensibilizzazzjoni;

17.  Jinnota li fl-2015 l-Impriża Konġunta adottat deċiżjoni dwar regoli dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta u r-reviżjoni tar-regoli tal-2013 dwar il-kunflitti ta' interess applikabbli għall-korpi u għall-kumitati tagħha;

Selezzjoni u reklutaġġ tal-persunal

18.  Jirrikonoxxi l-fatt li l-Impriża Konġunta adottat regoli li jimplimentaw ir-Regolamenti tal-Persunal; jiddispjaċih li ċerti regoli speċifiċi għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal għad iridu jiġu adottati;

19.  Jinnota, madankollu, li waħda mill-isfidi ewlenin tibqa' r-riallokazzjoni tal-persunal tal-Impriża Konġunta għal oqsma ta' prijorità għolja u jinkoraġġixxi lid-direttur biex ikompli fl-isforz tiegħu biex jottimizza l-użu tar-riżorsi bejn l-Impriża Konġunta u l-Organizzazzjoni ITER;

Kontroll Intern

20.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, sar progress sinifikanti f'ħafna oqsma ta' sistemi ta' sorveljanza u ta' kontroll filwaqt li l-kalkolu tal-ispejjeż stmati fil-ħin tat-tlestija għall-fażi ta' kostruzzjoni kien ikkunsidrat bħala kisba ewlenija;

21.  Jirrikonoxxi l-fatt li l-bord ta' tmexxija tal-Impriża Konġunta adotta strateġija kumplessiva ta' kontroll u ta' monitoraġġ bl-għan ewlieni li jipprovdi assigurazzjoni raġonevoli lid-direttur u lill-partijiet ikkonċernati esterni rigward il-prestazzjoni tas-sistemi ta' kontroll intern tal-Impriża Konġunta;

22.  Jirrikonoxxi li l-Impriża Konġunta żviluppat għodda ta' traċċar tal-kuntratti (portal li permezz tiegħu tiskambja dokumentazzjoni mal-fornituri), li hija għodda importanti għall-monitoraġġ tal-istadji importanti u l-progress tal-proġett b'mod ġenerali; josserva wkoll li l-Impriża Konġunta bdiet l-iżvilupp ta' għodda ta' traċċar tad-devjazzjoni u l-emendar tal-kuntratti li tippermetti l-ġestjoni tal-emendi kollha li jsiru lill-kuntratti; iħeġġeġ lill-Impriża Konġunta tiżviluppa aktar u tisfrutta bis-sħiħ il-possibbiltajiet offruti minn dawk is-sistemi;

23.  Jinnota li l-kapaċità ta' awditjar intern tal-Impriża Konġunta lestiet żewġ inkarigi u wettqet tliet inkarigi ta' segwitu fl-2015; jistenna li l-Impriża Konġunta tinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar ir-rakkomandazzjonijiet u l-progress li sar rigward dawk l-impenji; jinnota, barra minn hekk, li s-servizz tal-awditjar intern tal-Kummissjoni rrikonoxxa l-progress li sar mill-Impriża Konġunta fil-qasam tal-akkwisti u kkonkluda li sebgħa minn disa' rakkomandazzjonijiet tal-awditjar mill-2014 ġew implimentati b'mod adegwat;

24.  Jirrikonoxxi l-fatt li l-Impriża Konġunta ttejjeb b'mod kontinwu l-kontroll intern tagħha billi tiffoka riżorsi fuq ir-riżultati tal-ITER meħtieġa għall-istadji importanti tal-Ewwel Plażma, filwaqt li tirrispetta l-baġit limitat sal-2020; jinnota li l-istruttura tal-Impriża Konġunta għas-sjieda u r-responsabbiltà kompliet titjieb minn Ottubru 2016 bil-ħolqien ta' dipartiment ġdid li qed jiffoka fuq kwistjonijiet kummerċjali u finanzjarji; jistieden lill-Impriża Konġunta tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-iżviluppi milħuqa bħala konsegwenza ta' dawk il-bidliet organizzazzjonali;

Akkwisti u għotjiet b'rabta mal-attivitajiet operattivi

25.  Jinnota li, matul l-2015, tnedew total ta' 73 proċedura ta' akkwist operattiv u 79 kuntratt ta' akkwist ġew iffirmati għal valur ta' madwar EUR 326 000 000; jinnota, barra minn hekk, li dawn l-akkwisti operattivi ewlenin ġew aġġudikati u ffirmati fil-qasam tal-bini u tal-immaniġġjar mill-bogħod, iżda ġie wkoll iffirmat ammont sinifikanti ta' akkwisti rigward il-kalamiti u r-raġġi newtrali;

26.  Jirrikonoxxi li l-medja ta' żmien għall-konklużjoni ta' kuntratti ta' akkwist 'il fuq minn EUR 1 000 000 naqset minn 240 jum għal 140 jum matul l-2015 meta mqabbla mal-2014, iżda għandha titnaqqas aktar għal 100 jum; jindika li l-medja ta' żmien għall-konklużjoni ta' kuntratti ta' akkwist ta' inqas minn EUR 1 000 000 u għall-għotjiet baqgħet l-istess bħal dik tal-2014;

27.  Jinnota li l-proċeduri nnegozjati tal-Impriża Konġunta ammontaw għal 45 % tal-proċeduri tal-offerti operattivi li tnedew fl-2015 (meta mqabbla ma’ 58 % fl-2014); jinsab konvint li, għalkemm l-Impriża Konġunta naqqset il-perċentwal tal-proċeduri nnegozjati fl-2015, jeħtiġilha tagħmel sforzi biex tqawwi l-kompetittività tal-proċeduri tagħha ta' akkwist operattiv, kull fejn ikun possibbli u xieraq; jirrikonoxxi li, minħabba l-kompetizzjoni limitata ħafna għal ċerti konsenji speċifiċi ħafna, il-proċeduri nnegozjati ta' spiss huma l-aktar metodu xieraq ta' akkwist, b'mod partikolari minħabba r-riskju li sejħa miftuħa għall-offerti twassal biex il-kuntratt jingħata lil operatur ekonomiku mingħajr esperjenza u għalhekk mhux realistiku; jistieden lill-Impriża Konġunta tirrapporta dwar il-miżuri meħuda biex tqawwi l-kompetittività tal-proċeduri tagħha ta' akkwist operattiv, fejn possibbli;

28.  Jenfasizza l-fatt li r-rapport tal-Qorti jieħu nota tal-progress sinifikanti fil-proċeduri ta' akkwist, iżda jiġbed l-attenzjoni wkoll għal diversi dgħufijiet, bħall-valur ogħla tal-ispejjeż stmati fil-ħin tat-tlestija għal żewġ proġetti jew dewmien fi proċedura waħda ta' akkwist; jistieden lill-Impriża Konġunta tagħmel progress fin-negozjati mal-Organizzazzjoni ITER rigward allinjament aħjar tad-distribuzzjoni ta' kreditu mal-arranġamenti ta' akkwist;

Qafas ġuridiku

29.  Jinnota li r-rapport tal-Qorti josserva li f'Diċembru 2015 il-bord ta' tmexxija tal-Impriża Konġunta finalment emenda r-regolament finanzjarju u r-regoli ta' implimentazzjoni tiegħu biex jallinjahom mal-qafas finanzjarju l-ġdid tal-Unjoni u li dawk ir-regoli daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2016; jenfasizza l-fatt li l-Kummissjoni ħarġet opinjoni pożittiva dwar l-emendi introdotti mill-Impriża Konġunta fir-regoli finanzjarji tagħha, iżda stiednet lill-Impriża Konġunta tqis li tiżviluppa ulterjorment ċerti dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' derogi speċifiċi minn dak il-qafas finanzjarju l-ġdid tal-Unjoni; jinnota li, skont it-tweġiba tal-Impriża Konġunta, din ippjanat li ddaħħal tali dispożizzjonijiet fir-regoli ta' implimentazzjoni tagħha sa tmiem l-2016; jistieden lill-Impriża Konġunta tinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar progress ulterjuri li sar f'dan ir-rigward;

30.  Jirrikonoxxi l-fatt li l-Impriża Konġunta rrevediet il-proċeduri u l-proċessi tagħha ta' ħidma li kienu affettwati mir-regolament finanzjarju u mir-regoli ta' implimentazzjoni l-ġodda tagħha u mir-regoli l-ġodda tagħha tal-akkwist u tal-għotjiet; jinnota b'sodisfazzjon mit-tweġiba tal-Impriża Konġunta li r-rekwiżiti l-ġodda ġew trasposti fil-proċeduri ta' ħidma tagħha (politiki, proċessi, proċeduri, eċċ.);

Drittijiet ta' proprjetà intellettwali u politika industrijali

31.  Jinnota li l-Impriża Konġunta adottat id-dokument uniku għall-proprjetà intellettwali fl-2016; jinnota, barra minn hekk, li l-Impriża Konġunta fformalizzat l-użu ta' dak id-dokument billi inkludietu bħala pass espliċitu fil-proċessi l-ġodda kollha għall-proċeduri ta' akkwist;

Ftehim mal-Istat Ospitanti

32.  Josserva b'sodisfazzjon li, f'Mejju 2016, wara l-approvazzjoni tal-bord ta' tmexxija, id-Direttur tal-Impriża Konġunta ffirma ftehim imġedded għal kera fit-tul mar-Renju ta' Spanja għall-uffiċċji tagħha, inkluża l-estensjoni tal-ispazju għall-uffiċini attwali b'1 000 m²; jinnota, barra minn hekk, li l-bord ta' tmexxija approva l-pjanijiet għar-rinnovament tal-ispazju għall-uffiċini tal-Impriża Konġunta.

Avviż legali - Politika tal-privatezza