Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2016(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0138/2017

Testi mressqa :

A8-0138/2017

Dibattiti :

PV 26/04/2017 - 20
CRE 26/04/2017 - 20

Votazzjonijiet :

PV 27/04/2017 - 5.64
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0195

Testi adottati
PDF 388kWORD 56k
Il-Ħamis, 27 ta' April 2017 - Brussell
Il-ġestjoni tal-flotot tas-sajd fir-Reġjuni Ultraperiferiċi
P8_TA(2017)0195A8-0138/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2017 dwar il-ġestjoni tal-flotot tas-sajd fir-Reġjuni Ultraperiferiċi (2016/2016(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jirrikonoxxi status partikolari għar-reġjuni ultraperiferiċi u li jipprevedi l-adozzjoni ta' "miżuri speċifiċi" li jippermettu l-implimentazzjoni sħiħa tat-Trattati u tal-politiki komuni,

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej fil-Każijiet Konġunti C-132/14 sa C-136/14 dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 349 tat-TFUE, li jenfasizza li l-Artikolu 349 jippermetti derogi mhux biss mit-trattati iżda wkoll mid-dritt sekondarju,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 174 u dawk segwenti tat-TFUE, li jistabbilixxu l-objettiv ta' koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u jispeċifikaw l-istrumenti finanzjarji strutturali sabiex jintlaħaq dan,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 43 tat-TFUE,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, speċifikament l-Artikoli 8, 11, 13, 41, u partikolarment l-Artikoli 70 sa 73 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1388/2014 tas-16 ta' Diċembru 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji tal-għajnuna lil impriżi attivi fil-produzzjoni, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura huma kompatibbli mas-suq intern b'applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1046/2014 tat-28 ta' Lulju 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd fir-rigward tal-kriterji għall-kalkolu ta' spejjeż addizzjonali mġarrba mill-operaturi fis-sajd, it-trobbija, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta' ċerti prodotti tas-sajd u l-akkwakultura mir-reġjuni l-aktar imbiegħda,

–  wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/531 tal-24 ta' Novembru 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jidentifika l-ispejjeż li huma eliġibbli għall-għajnuna tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet tal-iġjene, tas-saħħa, tas-sigurtà u tax-xogħol tas-sajjieda, sabiex jiġu protetti u rkuprati l-bijodiversità u l-ekosistemi tal-baħar, sabiex jittaffa t-tibdil fil-klima u sabiex tiżdied l-effiċjenza enerġetika tal-bastimenti tas-sajd,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet mill-Kummissjoni Ewropea dwar ir-reġjuni ultraperiferiċi, u b'mod partikolari l-komunikazzjoni tal-20 ta' Ġunju 2012 bl-isem "Ir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea: lejn sħubija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv" (COM(2012)0287),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar ir-reġjuni ultraperiferiċi, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-ottimizzazzjoni tal-potenzjal tar-reġjuni ultraperiferiċi permezz tal-ħolqien ta' sinerġiji bejn il-fondi strutturali tal-UE u programmi oħra tal-UE(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1385/2013 tas-17 ta' Diċembru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 u (KE) Nru 1224/2009, u r-Regolamenti (KE) Nru 1069/2009, (UE) Nru 1379/2013 u (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, wara l-emenda tal-istatus tal-Mayotte fir-rigward tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/238 tal-10 ta' Frar 2015 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar l-aċċess għal bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tas-Seychelles għall-ilmijiet u r-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar tal-Mayotte, taħt il-ġurisdizzjoni tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-ewwel rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, tal-24 ta' Settembru 2010, dwar l-impatt tar-riforma tal-POSEI tal-2006 (COM(2010)0501),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-2/02/2017 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġestjoni sostenibbli tal-flotot tas-sajd esterni, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar innovazzjoni u diversifikazzjoni tas-sajd kostali artiġjanali fir-reġjuni li jiddependu mis-sajd(3) u dwar regoli komuni fid-dawl tal-applikazzjoni tad-dimensjoni esterna tal-PKS, inklużi l-Ftehimiet dwar is-Sajd(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2016 dwar is-sitwazzjoni speċjali tal-gżejjer(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu, tat-22 ta' Novembru 2012, dwar is-sajd kostali fuq skala żgħira, is-sajd artiġjanali u r-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd(6),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tal-21 ta' Ottubru 2008 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 639/2004 dwar l-amministrazzjoni tal-flotot tas-sajd reġistrati fir-reġjuni l-iktar periferiċi tal-Komunità(7) li tissuġġerixxi estensjoni tad-deroga applikabbli għar-reġjuni ultraperiferiċi għal tliet snin aktar sal-2011,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1207/2008 tat-28 ta' Novembru 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 639/2004 dwar l-amministrazzjoni tal-flotot tas-sajd reġistrati fir-reġjuni l-aktar periferiċi tal-Komunità, li jagħti deroga applikabbli għar-reġjuni ultraperiferiċi għal tliet snin aktar sal-2011,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 791/2007 tal-21 ta’ Mejju 2007 li jintroduċi skema bħala kumpens għall-ispejjeż addizzjonali magħmula fil-kummerċjalizzazzjoni ta' ċerti prodotti tas-sajd mir-reġjuni l-aktar imbiegħda l-Azores, il-Madeira, il-Gżejjer Kanari, il-Guiana Franċiża u r-Réunion, u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tiegħu, li jiddisponi li "[s]al-31 ta' Diċembru 2011, il-Kummissjoni għandha (...) tirrapporta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-kumpens, flimkien fejn meħtieġ, ma' proposti leġiżlattivi",

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 639/2004 tat-30 ta' Marzu 2004 dwar l-amministrazzjoni tal-flotot tas-sajd reġistrati fir-reġjuni l-iktar periferiċi tal-Komunità,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni 49/2016 tal-10 ta' Novembru 2016 bl-isem "Il-Governanza Internazzjonali tal-Oċeani: aġengda għall-futur tal-oċeani tagħna",

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 11/2015 tal-20 ta' Ottubru 2015 tal-Qorti tal-Awdituri bl-isem "Il-Ftehimiet ta' Sħubija dwar is-Sajd huma mmaniġġjati tajjeb mill-Kummissjoni?"

–  wara li kkunsidra l-pjanijiet ta' azzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi għall-programmazzjoni tal-fondi Ewropej 2014–2020,

–  wara li kkunsidra l-kontributi konġunti u d-dokumenti tekniċi u politiċi tal-Konferenza tal-Presidenti tar-Reġjuni Ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari d-dikjarazzjoni finali tal-21 konferenza li seħħet fit-22 u t-23 ta' Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits u tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A8-0138/2017),

A.  billi l-pożizzjoni ġeografika tar-reġjuni ultraperiferiċi fil-Karibew, l-Oċean Indjan u l-Oċean Atlantiku tindika li territorji tal-Unjoni Ewropea jinsabu f'diversi baċiri tal-baħar u kontinenti u li r-reġjuni ultraperiferiċi huma ġirien ta' diversi pajjiżi terzi;

B.  billi f'dawn l-aħħar snin il-pressjoni tas-sajd żdiedet fiż-żoni ekonomiċi esklużivi (ŻEE) ta' xi reġjuni ultraperiferiċi, bejn il-limiti ta' 100 u 200 mil, u billi s-sajd ikkonċernat qed jitwettaq prinċipalment minn flotot li ma jappartjenux għar-reġjuni ultraperiferiċi kkonċernati;

C.  billi l-UE għandha bżonn tassumi responsabilitajiet fil-qasam marittimu tar-reġjuni ultraperiferiċi, u billi ż-ŻEE tagħhom jammontaw għal proporzjon kbir taż-ŻEE totali tal-UE;

D.  billi s-setturi tas-sajd fir-reġjuni ultraperiferiċi għandhom jitqiesu fl-isfond ta' sitwazzjoni strutturali, soċjali u ekonomika partikolari (l-Artikolu 349 tat-TFUE), li tirrikjedi konsiderazzjoni speċifika u adattata tal-politiki komuni Ewropej;

E.  billi s-settur tas-sajd għandu ħiliet u potenzjal konsiderevoli biex jiżviluppa;

F.  billi t-tniġġis tal-baħar minħabba l-klordekon huwa speċifiku għall-Antilli u qed ikollu impatt sinifikanti fuq iż-żoni tas-sajd awtorizzati, kif ukoll fuq il-preżenza ta' speċijiet invażivi;

G.  billi l-iżolament tar-reġjuni ultraperiferiċi ġie rikonoxxut u jitqies bħala prinċipju ġenerali fid-dritt tal-Unjoni, u b'hekk jiġġustifika u jippermetti l-istabbiliment ta' reġim ta' kumpens għall-ispejjeż addizzjonali għas-sajd u l-akkwakultura f'dawn ir-reġjuni;

H.  billi l-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS), li tfasslu biex jindirizzaw il-problemi u l-isfidi tal-Ewropa kontinentali, jippermettu approċċ differenzjat għar-reġjuni ultraperiferiċi, iżda jistgħu biss jipprovdu reazzjoni limitata għall-karatteristiċi speċifiċi tas-sajd fir-reġjuni ultraperiferiċi;

I.  billi r-reġjuni ultraperiferiċi jqisu li qed jiġu trattati b'mod inġust u penalizzati darbtejn mill-PKS (peress li ma kellhom l-ebda aċċess għall-għajnuna preċedenti għat-tiġdid tal-flotta u issa qed iħabbtu wiċċhom mal-projbizzjoni attwali fuq l-għajnuna għat-tiġdid);

J.  billi setturi importanti tal-flotta tas-sajd tar-reġjuni ultraperiferiċi sa reċentement ma kenux irregolati, jew ma kenux jiddaħħlu fir-reġistru tal-flotta, u għalhekk ma kellhom l-ebda aċċess għall-FEMS għall-modernizzazzjoni;

K.  billi wieħed mill-objettivi tal-PKS huwa li tippromwovi attivitajiet tas-sajd, b'kont meħud tal-kwistjonijiet soċjoekonomiċi;

L.  billi r-regoli li jirregolaw l-aċċess għar-riżorsi għandhom jiffavorixxu l-flotot lokali u tipi iktar selettivi ta' sajd li jagħmlu anqas ħsara lill-istokkijiet;

M.  billi, bħala prinċipju ta' governanza tajba, il-PKS tipprova tiżgura li jkun hemm koerenza bejn id-dimensjoni interna u dik esterna tagħha;

N.  billi livell imdaqqas ta' sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU) iseħħ f'xi wħud miż-ŻEE ta' xi reġjuni ultraperiferiċi(8) u fil-baċiri tal-baħar madwar oħrajn;

O.  billi r-reġjuni ultraperiferiċi huma affettwati minn uħud mill-ogħla livelli ta' qgħad fl-UE (sa 60 % ta' qgħad fost iż-żgħażagħ f'ċerti reġjuni ultraperiferiċi);

P.  billi l-FEMS, fost affarijiet oħra, jipprevedi appoġġ għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi, magni u żvilupp lokali mmexxi mill-komunità b'ċerti kondizzjonijiet;

Q.  billi l-FEMS iqis li dawn li ġejjin mhumiex eliġibbli: operazzjonijiet li jżidu l-kapaċità tas-sajd ta' bastiment, tagħmir li jżid il-ħila ta' bastiment li jsib il-ħut, u bini ta' bastimenti tas-sajd ġodda jew importazzjoni ta' bastimenti tas-sajd;

R.  billi l-FEMS jista', madankollu, jipprovdi għajnuna finanzjarja għall-bastimenti sabiex jitjiebu l-effiċjenza tal-enerġija, is-sigurtà, l-iġjene abbord u l-kwalità tal-prodotti tas-sajd, kif ukoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol;

S.  billi l-FEMS jappoġġja proġetti innovattivi bħal sistemi ta' ġestjoni u organizzazzjoni;

Dispożizzjonijiet dwar il-partikolaritajiet u l-kundizzjonijiet ġeografiċi tar-reġjuni ultraperiferiċi

1.  Iqis li s-sajd sostenibbli, bl-użu ta' tipi ta' tagħmir tradizzjonali, huwa l-bażi għal komunitajiet tas-sajd mal-kosta għonja, u jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-ikel fir-reġjuni ultraperiferiċi; jisħaq, f'dan il-kuntest, fuq il-ħtieġa li s-sajd lokali jiġi involut fil-kisba tas-sigurtà alimentari għall-komunitajiet lokali, peress li s-sigurtà alimentari fir-reġjuni ultraperiferiċi bħalissa tiddependi wisq fuq l-importazzjonijiet;

2.  Ifakkar li l-PKS u l-FEMS, imfasslin biex jindirizzaw il-problemi u l-isfidi tal-Ewropa kontinentali, jirrispondu b'mod limitat għall-ispeċifiċitajiet tas-sajd f'dawn ir-reġjuni, li ma jistgħux jiġu applikati b'mod uniformi għall-isfidi u l-ispeċifiċitajiet tas-sajd fir-reġjuni ultraperiferiċi, u li dawn irid ikollhom ċertu grad ta' flessibilità u prammatiżmu jew ikunu suġġetti għal derogi; jitlob, għalhekk, li tiġi żviluppata strateġija f'kull baċir tal-baħar reġjonali mfassla apposta għas-sitwazzjoni speċifika ta' kull wieħed mir-reġjuni ultraperiferiċi;

3.  Jenfasizza l-preżenza fir-reġjuni ultraperiferiċi ta' varjetà wiesgħa ta' komunitajiet żgħar li huma dipendenti ħafna mill-sajd tradizzjonali, kostali u fuq skala żgħira u li gћalihom is-sajd spiss ikun l-uniku mezz ta' għajxien;

4.  Ifakkar li r-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar madwar ir-reġjuni ultraperiferiċi għandhom jiġu partikolarment protetti u li għandha tingħata attenzjoni partikolari lis-sajd; jenfasizza, għalhekk, li l-bastimenti tas-sajd irreġistrati fil-portijiet tar-reġjuni ultraperiferiċi biss għandhom jitħallew jistadu f'ilmijiet tar-reġjuni ultraperiferiċi;

5.  Ifakkar li l-qiegħ tal-baħar tar-reġjni ultraperiferiċi huwa laboratorju tassew ħaj tal-bijodiversità; jenfasizza l-importanza tar-riċerka u l-ġbir ta' data sabiex jitjieb l-għarfien dwar l-oċeani; jisħaq fuq il-potenzjal tar-reġjuni ultraperiferiċi biex iservu ta' portalli tassew xjentifiċi fl-ambjenti rispettivi tagħhom, u jistieden lill-Istati Membri rispettivi u lill-Kummissjoni jsaħħu l-appoġġ għall-proġetti rilevanti ta' riċerka xjentifika;

6.  Jenfasizza l-bżonn li jinżamm il-bilanċ bejn il-kapaċità tas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd skont il-prinċipju ta' prekawzjoni u b'kont meħud tar-realtajiet soċjoekonomiċi; iqis, madankollu, li dan ma jistax jiġġustifika t-tneħħija tal-investiment fil-ġbir ta' data u t-titjib tal-għarfien xjentifiku dwar l-ekosistemi tal-baħar; jitlob li t-tqassim tal-kwoti għal xi speċijiet jiġi rivedut (bħal żieda fil-kwota tat-tonn għall-Azores) u li jinfetħu opportunitajiet ta' qbid għal oħrajn (bħal pereżempju għall-murruna sewda), fuq il-bażi ta' studji xjentifiċi u t-tisħiħ tal-kapaċità teknika u materjali b'rabta mal-valutazzjoni tal-ekosistema;

7.  Jiġbed l-attenzjoni li f'xi reġjuni ultraperiferiċi l-flotot tas-sajd huma taħt il-limiti tal-kapaċità stabbiliti mill-PKS, minħabba partikolarment in-nuqqas ta' aċċess għal finanzjament;

8.  Jinnota li, minħabba d-diffikultajiet klimatiċi speċifiċi tar-reġjuni ultraperiferiċi, is-sajjieda f'dawn ir-reġjuni qed ikollhom iħabbtu wiċċhom ma' tixjiħ bikri tal-bastimenti tagħhom, ħaġa li qed tikkawża problemi ta' sikurezza u effikaċja u tagħmel il-kundizzjonijiet tax-xogħol anqas attraenti minn f'bastimenti moderni;

9.  Jenfasizza l-fatt li fir-rapport tiegħu tal-2016, il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF)(9) ma setax jivvaluta l-bilanċ bejn il-kapaċità tas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd għall-flotot kollha li joperaw fir-reġjuni ultraperiferiċi bħala riżultat ta' data bijoloġiċi insuffiċjenti; jitlob li jiġu allokati aktar fondi, taħt il-FEMS u fondi oħra, għall-akkwist ta' riżorsi tekniċi għall-valutazzjoni tal-ekosistema minn istituti xjentifiċi u l-universitajiet; iqis, f'dan ir-rigward, li huwa kruċjali li data affidabbli dwar l-istat tar-riżorsi u l-prattiki f'dawn fiż-ŻEE ultramarittimi jkunu disponibbli u aċċessibbli;

10.  Jenfasizza li l-flotot tas-sajd kostali tar-reġjuni ultraperiferiċi jikkonsistu prinċiparjament minn bastimenti li qed jiqdiemu, u dan jirriżulta f'diffikultajiet fir-rigward tas-sikurezza abbord;

11.  Jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma rnexxilhiex tippubblika rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 639/2004 qabel l-iskadenza tat-30 ta' Ġunju 2012; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi aktar informazzjoni dwar ir-raġunijiet li wasslu għad-deċiżjoni li ma tippubblikax dan ir-rapport.

12.  Jiddispjaċih li d-dewmien fl-adozzjoni tal-FEMS u, konsegwentement, fl-approvazzjoni tal-Programmi Operazzjonali tal-FEMS, wassal għall-implimentazzjoni tard tad-dispożizzjonijiet ta' appoġġ tal-FEMS, li min-naħa tagħha rriżultat f'diffikultajiet finanzjarji serji għal xi impriżi fir-reġjuni ultraperiferiċi;

13.  Jilqa' d-dispożizzjonijiet speċifiċi għar-reġjuni ultraperiferiċi fil-FEMS, bħall-kumpens għall-ispejjeż addizzjonali (sussidju ta' 100 % mill-FEMS) – li huwa ogħla milli fil-perjodu ta' programmazzjoni preċedenti, iżda xorta mhux biżżejjed għal ċerti reġjuni ultraperiferiċi – u ż-żieda ta' 35 % fl-intensità tal-għajnuna pubblika għal miżuri oħra fir-reġjuni ultraperiferiċi;

14.  Josserva d-diffikultà, anzi l-impossibilità, biex xi sajjieda fir-reġjuni ultraperiferiċi jkollhom aċċess għal kreditu u/jew assigurazzjoni għall-bastimenti tagħhom, ħaġa li qed tikkawża problemi ta' sikurezza u restrizzjonijiet ekonomiċi għal dawn is-sajjieda;

15.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li fir-reġjuni ultraperiferiċi d-dgħajjes żgħar jiffurmaw il-biċċa l-kbira tal-bastimenti rreġistrati; jenfasizza li f'xi reġjuni ultraperiferiċi d-dgħajjes żgħar għandhom aktar minn 40 sena, u li dan joħloq problemi reali ta' sikurezza;

16.  Jenfasizza l-effett multiplikatur ekonomiku tas-self mill-Bank Ewropew tal-Investiment u mill-fondi tal-UE, b'mod partikolari fir-reġjuni ultraperiferiċi;

Użu aħjar mill-possibilitajiet previsti skont l-Artikolu 349 tat-Trattat u l-PKS

17.  Iqis li Kunsill Konsultattiv separat għar-reġjuni ultraperiferiċi, kif previst fil-PKS, huwa pjattaforma xierqa għal skambju essenzjali ta' għarfien u esperjenza, u jiddispjaċih, għalhekk, li l-Kunsill Konsultattiv għar-reġjuni ultraperiferiċi għadu ma twaqqafx;

18.  Jitlob l-applikazzjoni bis-sħiħ tal-Artikolu 349 TFUE fil-politiki, ir-regolamenti, il-fondi u l-programmi tal-UE relatati mas-sajd, b'mod partikolari l-FEMS, sabiex jiġu indirizzati d-diffikultajiet speċifiċi li jħabbtu wiċċhom magħhom ir-reġjuni ultraperiferiċi;

19.  Huwa tal-fehma li l-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità huwa approċċ promettenti u li l-Istat Membru rispettiv għandu jagħmel l-aħjar użu mill-possibilitajiet previsti fil-FEMS biex jappoġġja dan it-tip ta' żvilupp lokali fir-reġjuni ultraperiferiċi;

20.  Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li jitwaqqfu gruppi ta' azzjoni lokali tas-sajd (FLAGs), li huma rikonoxxuti bħala mezz importanti ta' appoġġ u opportunitajiet biex jiġu ddiversifikati l-attivitajiet tas-sajd;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, meta tkun qed tipproponi atti leġiżlattivi fir-rigward tal-ispejjeż ta' iġjene, saħħa u investimenti relatati mas-sikurezza u investimenti relatati mal-kondizzjonijiet tax-xogħol, tiffaċilita approċċ olistiku u mfassal apposta kif xieraq;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, meta tkun qed tipproponi atti leġiżlattivi fir-rigward tal-kriterji għall-kalkolu tal-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw min-nuqqasijiet speċifiċi tar-reġjuni ultraperiferiċi, tqis ukoll l-impatt tal-kondizzjonijiet klimatiċi u ġeografiċi u l-isfruttament tar-riżorsi bijoloġiċi;

23.  Jiddeplora l-livell sinifikanti ta' sajd IUU li jsir fiż-ŻEE ta' xi reġjuni ultraperiferiċi attribwibbli kemm għall-bastimenti domestiċi kif ukoll għal dawk barranin, u fl-ibħra tal-madwar fil-każ ta' oħrajn; jirrimarka li, għall-parti domestika, tali prattiki jirriżultaw ukoll minn kwistjonijiet ta' provvista lokali tal-ikel; jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali jsaħħu l-ġlieda kontra s-sajd IUU;

24.  Jinkoraġġixxi, għalhekk, l-introduzzjoni ta' miżuri attivi (eż. sorveljanza) u passivi, bħal negozjati mal-pajjiżi ġirien tar-reġjuni ultraperiferiċi li magħhom għadhom ma ġewx iffirmati; Ftehimiet ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli;

25.  Jistieden lill-partijiet kollha involuti jħaffu l-implimentazzjoni tal-FEMS u jużaw l-opportunitajiet li tipprovdi biex jinvestu b'mod qawwi fil-modernizzazzjoni tal-flotta – titjib tas-sikurezza, l-iġjene abbord, l-effiċjenza enerġetika u l-kwalità tal-prodotti tas-sajd – kif ukoll fil-portijiet tas-sajd, is-siti tal-iżbark u l-akkwakultura, sabiex jiġġeneraw opportunitajiet ġodda fis-suq; jitlob ukoll li jiġi applikat ir-reġim ta' kumpens għall-ispejjeż addizzjonali sabiex is-settur isir aktar vijabbli;

26.  Jitlob li jiġu kkunsidrati b'mod ġenwin l-interessi tar-reġjuni ultraperiferiċi meta jiġu konklużi ftehimiet tas-sajd ma' pajjiżi terzi, anke billi jiġu stipulati l-obbligi tal-ħatt l-art fir-reġjuni ultraperiferiċi jew l-impjieg ta' persunal li joriġina mir-reġjuni ultraperiferiċi fuq il-bastimenti;

27.  Jenfasizza l-ħtieġa li jitwettqu valutazzjonijiet tal-impatt għar-reġjuni ultraperiferiċi kulmeta dawn ikunu affettwati minn ftehimiet tas-sajd konklużi bejn l-UE u pajjiżi terzi, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 349 tat-TFUE;

28.  Jinnota li jista' jkun meħtieġ ristrutturar tas-settur tas-sajd fir-reġjuni ultraperiferiċi sabiex tiġi żgurata ġestjoni sostenibbli tal-istokkijiet tal-ħut u li, jekk ikun meħtieġ, għandu jiġi kkunsidrat tnaqqis tal-għadd ta' bastimenti;

29.  Iqis li, f'każijiet fejn it-tnaqqis fil-kapaċità jkun meħtieġ skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, għandha tingħata preferenza biex jiżammu l-bastimenti skont il-kriterji speċifikati fl-Artikolu 17 tal-istess regolament;

30.  Jitlob lill-Istati Membri biex, meta jimplimentaw id-dispożizzjoni tal-PKS dwar l-allokazzjoni ta' opportunitajiet tas-sajd, jagħtu attenzjoni partikolari lis-sajd artiġjanali u tradizzjonali fir-reġjuni ultraperiferiċi, li jikkontribwixxi għall-ekonomija lokali u għandu impatt baxx fuq l-ambjent;

31.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri li għandhom reġjuni ultraperiferiċi jieħdu l-miżuri xierqa kollha u jkomplu bi skemi ta' għajnuna speċifiċi bħalma huma l-mudelli speċjali tat-taxxa;

32.  Iqis li l-ġbir tad-data dwar l-istokkijiet u l-valutazzjoni tal-impatt ta' bastimenti fuq skala żgħira fir-reġjuni ultraperiferiċi għandhom jitjiebu sabiex tissaħħaħ il-bażi xjentifika għall-opportunitajiet tas-sajd fir-reġjuni ultraperiferiċi;

33.  Ifakkar li r-reġjuni ultraperiferiċi jiddependu mill-istokkijiet tas-sajd fiż-ŻEE tagħhom, li huma bijoloġikament vulnerabbli ħafna; iqis, b'mod partikolari f'dan il-kuntest, li dawk id-data dwar is-sajd fir-reġjuni ultraperiferiċi għandhom ikunu fost il-prijoritajiet għall-ġbir tad-data;

34.  Jenfasizza li peress li l-akkwakultura tista' tirriżulta f'possibilitajiet ġodda ta' produzzjoni u prodotti ta' kwalità għolja, il-potenzjal tagħha għandu jiġi sfruttat aħjar fir-reġjuni ultraperiferiċi – b'appoġġ qawwi min-naħa tal-Unjoni Ewropea, minħabba il-kompetizzjoni reġjonali qawwija ħafna — u jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi u tappoġġja proġetti għall-iżvilupp tal-akkwakultura;

35.  Jistieden lill-Istati Membri u lir-reġjuni ultraperiferiċi jagħmlu l-aħjar użu mir-regoli de-minimis u/jew ta' eżenzjoni ta' kategorija previsti fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1388/2014;

36.  Jistieden lill-Istati Membri jistimulaw l-użu tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej u jenfasizzaw is-sinerġiji bejn il-fondi differenti fir-reġjuni ultraperiferiċi, sabiex jiġu żviluppati opportunitajiet ekonomiċi għall-atturi kollha fl-ekonomija blu; jinkoraġġixxi, b'mod partikulari, l-investiment fi proġetti li jagħmlu x-xogħol fil-qasam tas-sajd aktar attraenti, proġetti li jiġbdu aktar żgħażagħ u proġetti li jintroduċu metodi ta' sajd selettiv u jgħinu biex jiġi żviluppat is-sajd;

37.  Jappoġġja l-istabbiliment, bħala parti minn Orizzont 2020, tal-programmi ta' riċerka u żvilupp fil-qasam tas-sajd li jġibu flimkien id-diversi operaturi ekonomiċi u soċjali, u b'hekk jgħinu l-iżvilupp ta' teknoloġiji u metodi ta' sajd ġodda li huwa kapaċi jagħtu spinta lill-kompetittività tas-settur u jssaħħu l-potenzjal tiegħu għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi fost il-popolazzjonijiet lokali;

38.  Jirrakkomanda li l-PKS tal-ġejjieni tikkunsidra bis-sħiħ l-elementi speċifiċi tar-reġjuni ultraperiferiċi u tippermettilhom iwettqu l-potenzjal ekonomiku, soċjali u ambjentali qawwi maħluq mill-iżvilupp sostenibbli u razzjonali tas-setturi tas-sajd fir-reġjuni ultraperiferiċi; jinnota, f'dan il-kuntest, il-bżonn li tiġi kkunsidrata mill-ġdid il-bażi tas-segmentazzjoni tal-flotot ­– bil-għan li tiġi żgurata evalwazzjoni oġġettiva bejn l-opportunitajiet tas-sajd u l-kapaċità tas-sajd tal-flotta artiġjanali tar-reġjuni ultraperiferiċi, li tuża rkaptu tas-sajd selettiv ħafna – billi jitrawwem it-titjib tal-karatteristiċi tekniċi tal-flotta b' qawwa u/jew stabilità ta' propulsjoni prekarji li jisgtħu joħolqu riskju għas-sikurezza tal-ekwipaġġ f'kundizzjonijiet ħżiena tat-temp, f'konformità mal-kriterji xjentifiċi oġġettivi użati fil-bini tal-bastimenti, mingħajr ma jingħata lok għal żieda fl-attività tas-sajd mhux sostenibbli;

39.  Minħabba li r-reġjuni remoti huma oqsma b'potenzjal straordinarju, iqis li huwa importanti li jitħeġġeġ l-investiment, u li jiġu promossi d-diversifikazzjoni u l-innovazzjoni fis-settur tas-sajd, bil-għan li jissaħħaħ l-iżvilupp ekonomiku;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni, bil-għan li tippermetti s-sopravivenza tas-settur tas-sajd fir-reġjuni ultraperiferiċi u f'konformità mal-prinċipji ta' trattament differenzjali għall-gżejjer żgħar u t-territorji msemmija fl-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli 14, iddaħħal miżuri ta' appoġġ ibbażati fuq l-Artikolu 349 tat-TFUE li jippermettu l-finanzjament (fil-livell tal-UE jew dak nazzjonali) tal-bastimenti tas-sajd artiġjanali u tradizzjonali tar-reġjuni ultraperiferiċi li jħottu l-qabdiet kollha tagħhom fil-portijiet tar-reġjuni ultraperiferiċi u jikkontribwixxu għall-iżvilupp lokali sostenibbli, sabiex dawn iżidu s-sigurtà tal-bniedem, jikkonformaw mal-istandards Ewropej tal-iġjene, jiġġieldu kontra s-sajd IUU u jiksbu aktar effiċjenza ambjentali; jinnota li dan it-tiġdid tal-flotta tas-sajd irid jibqa' fil-limiti massimi tal-kapaċità awtorizzati, irid ikun ristrett għall-bdil ta' bastiment qadim b'bastiment ġdid, u jrid jippermetti s-sajd sostenibbli u l-kisba tal-objettiv tar-Rendiment Massimu Sostenibbli;

41.  Jipproponi li tiżdied l-intensità tal-għajnuna għas-sostituzzjoni tal-magni fir-reġjuni ultraperiferiċi fejn l-evidenza xjentifika tindika li l-kondizzjonijiet klimatiċi u t-tibdil fil-klima għandhom impatt negattiv deċiżiv fuq il-flotot tas-sajd tar-reġjuni ultraperiferiċi;

42.  Jitlob lill-Kummissjoni tesplora l-possibilità li tistabbilixxi, malajr kemm jista' jkun, strument iddedikat speċifikament għall-appoġġ tas-sajd fir-reġjuni ultraperiferiċi, bħall-iskema POSEI għall-agrikoltura, li jagħmel possibbli l-isfruttar xieraq tal-potenzjal tas-sajd; jemmen li għandha tingħata kunsiderazzjoni għall-possibilità li jinġiebu flimkien f'dan l-istrument speċifiku, b'mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 8 (l-għajnuna mill-Istat), l-Artikolu 13(5) (Riżorsi baġitarji taħt ġestjoni kondiviża), l-Artikolu 70 (Sistema ta' kumpens), l-Artikolu 71 (Kalkolu tal-kumpens), l-Artikolu 72 (Pjan ta' kumpens) u l-Artikolu 73 (għajnuna mill-Istat għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' kumpens) eżistenti fil-qafas tal-FEMS;

43.  Jipproponi li jiżdiedu l-kapaċitajiet ta' ċerti segmenti tal-flotot tar-reġjuni ultraperiferiċi, dment li jkun intwera xjentifikament li r-rata ta' sfruttament ta' ċerti riżorsi tas-sajd tista' tiżdied mingħajr ma jiġu kompromessi l-objettivi tas-sajd sostenibbli;

44.  Jinnota li r-rinovazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-flotta artiġjanali fuq skala żgħira tar-reġjuni ultraperiferiċi, li tuża rkaptu tas-sajd selettiv ħafna, jistgħu jtejbu s-sikurezza tal-ekwipaġġ f'kundizzjonijiet ħżiena tat-temp, sakemm dan isir f'konformità ma' kriterji oġġettivi xjentifiċi għall-arkitettura navali u li ma jikkawżax żbilanċ bejn l-opportunitajiet tas-sajd u l-kapaċità tas-sajd;

45.  Jirrakkomanda l-ħolqien ta' inċentivi aħjar taħt FEMS futur biex iż-żgħażagħ jitħeġġu jaħdmu fl-ekonomija marittima, partikolarment permezz ta' taħriġ vokazzjonali u permezz tal-promozzjoni ta' miżuri li jtejbu l-introjtu, is-sigurtà tal-impjieg u l-organizzazzjoni sostenibbli ġenerali tal-ekonomija marittima fir-reġjuni ultraperiferiċi;

o
o   o

46.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P7_TA(2014)0133.
(2) Testi adottati, P8_TA(2017)0015.
(3) Testi adottati, P8_TA(2016)0109.
(4) Testi adottati, P8_TA(2016)0110.
(5) Testi adottati, P8_TA(2016)0049.
(6) ĠU C 419, 16.12.2015, p. 167.
(7) ĠU C 15E, 21.1.2010, p. 135.
(8) "Riċerka għal Kumitat PECH – Il-ġestjoni tal-flotot tas-sajd fir-Reġjuni Ultraperiferiċi", id-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tal-Parlament Ewropew, Dipartiment tal-Politika B (IP/B/PECH/IC/2016_100); il-programm operattiv tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) għal Franza.
(9) Rapporti tal-iSTECF ­– Valutazzjoni tal-indikaturi tal-bilanċ għal segmenti ewlenin tal-flotta u r-reviżjoni ta' rapporti nazzjonali fuq l-isforzi tal-Istati Membri biex jinkiseb bilanċ bejn il-kapaċità tal-flotta u l-opportunitajiet tas-sajd (STECF-16-18).

Avviż legali - Politika tal-privatezza