Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2223(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0175/2017

Testi mressqa :

A8-0175/2017

Dibattiti :

PV 15/05/2017 - 17
CRE 15/05/2017 - 17

Votazzjonijiet :

PV 16/05/2017 - 6.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0207

Testi adottati
PDF 417kWORD 81k
It-Tlieta, 16 ta' Mejju 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
L-effiċjenza fir-riżorsi: tnaqqis tal-ħela tal-ikel, titjib tas-sikurezza alimentari
P8_TA(2017)0207A8-0175/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Mejju 2017 dwar l-inizjattiva dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi: innaqqsu l-ħela tal-ikel, intejbu s-sikurezza tal-ikel (2016/2223(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata "L-għeluq taċ-ċirku – Pjan ta' azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari" (COM(2015)0614),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata "Għal ekonomija ċirkolari: Programm ta' skart żero għall-Ewropa" (COM(2014)0398),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi: lejn ekonomija ċirkolari(1),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni bil-Miktub 0061/2015 tal-14 ta' Ottubru 2015 dwar id-donazzjoni ta' ikel mhux mibjugħ u tajjeb għall-konsum lill-istituti tal-karità,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2012 dwar kif nevitaw il-ħela tal-ikel: strateġiji għal katina tal-ikel aktar effiċjenti fl-UE(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar prattiki kummerċjali żleali fil-katina tal-provvista tal-ikel(3),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 2016 dwar it-telf u l-ħela tal-ikel,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-15 ta' Ġunju 2016 dwar il-ħela tal-ikel(4),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-20 ta' Marzu 2013 dwar "Il-kontribut tas-soċjetà ċivili għal strateġija għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tat-telf u l-ħela tal-ikel"(5),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 34/2016 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri "Il-Ġlieda kontra l-Ħela tal-Ikel: opportunità għall-UE sabiex ittejjeb l-effiċjenza fir-riżorsi tal-katina tal-provvista tal-ikel",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent tas-27 ta' Mejju 2016 dwar il-prevenzjoni, it-tnaqqis u l-użu mill-ġdid tal-iskart tal-ikel,

–  wara li kkunsidra l-Istudju Komparattiv tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ta' Ġunju 2014 dwar il-leġiżlazzjoni u l-prattiki tal-Istati Membri tal-UE fir-rigward tad-donazzjoni tal-ikel,

–  wara li kkunsidra l-istudju FUSIONS (L-Użu tal-Ikel għall-Innovazzjoni Soċjali permezz ta' Strateġiji ta' Ottimizzazzjoni tal-Prevenzjoni tal-Iskart) fuq l-estimi tal-livelli Ewropej tal-ħela tal-ikel (2016),

–  wara li kkunsidra r-reviżjoni ta' FUSIONS tal-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-UE b'implikazzjonijiet fuq l-iskart tal-ikel (2015),

–  wara li kkunsidra l-Qafas tad-Definizzjonijiet ta' FUSIONS għall-Iskart tal-Ikel (2014),

–  wara li kkunsidra l-Istandard tar-Rapportar u l-Kontabbiltà tat-Telf u l-Ħela tal-Ikel fuq livell globali (standard FLW) imniedi f'Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) intitolat "Food wastage footprint – Impacts on natural resources" (L-impronta tal-ħela tal-ikel – Impatti fuq ir-riżorsi naturali) (FAO 2013),

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-FAO dwar global food losses and food waste (it-telf u l-ħela tal-ikel fuq livell globali) (FAO 2011),

–  wara li kkunsidra l-petizzjoni "Stop Food Waste in Europe!" (Inwaqqfu l-Ħela tal-Ikel fl-Ewropa!),

–  wara li kkunsidra l-Karta ta' Milan adottata matul l-Expo Milano 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A8-0175/2017),

A.  billi l-FAO tistma li, kull sena, madwar 1,3 biljun tunnellata ta' ikel, li jammonta għal madwar terz, skont il-piż, tal-ikel kollu prodott għall-konsum mill-bniedem fid-dinja jispiċċa jintilef jew jinħela;

B.  billi l-ikel huwa komodità prezzjuża; billi, is-"sistema tal-ikel" tutilizza ammont sinifikanti ta' riżorsi bħall-art, il-ħamrija, l-ilma, il-fosforu u l-enerġija, il-ġestjoni effiċjenti u sostenibbli ta' dawn ir-riżorsi hija ta' importanza kbira; billi l-ħela tal-ikel tinvolvi spejjeż ekonomiċi u ambjentali kbar ħafna, li huma stmati mill-FAO(6) li jammontaw għal USD 1,7 triljun fis-sena fuq skala globali; billi l-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-ħela tal-ikel jipprovdu benefiċċji ekonomiċi kemm għall-familji kif ukoll għas-soċjetà kollha, filwaqt li jnaqqsu wkoll il-ħsara ambjentali;

C.  billi l-ħela tal-ikel tinvolvi prezz ekonomiku, soċjali u ambjentali għoli, kif ukoll konsegwenzi etiċi; billi l-ikel li jintilef jew jinħela jikkontribwixxi għat-tibdil fil-klima, b'impronta ta' karbonju globali ta' madwar 8 % tal-emissjonijiet antropoġeniċi totali ta' gassijiet serra (GHG) globali, u jirrappreżenta ħela ta' riżorsi skarsi bħall-art, l-enerġija u l-ilma(7) matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti involuti; billi jenħtieġ li s-surplus fil-katina tal-ikel ma jsirx direttament ikel moħli meta dan se jintuża mod ieħor għan-nutriment tal-bniedem, u leġiżlazzjoni xierqa dwar is-surplus tal-ikel tista' tippermetti biex l-iskart tal-ikel isir riżorsa;

D.  billi, skont l-istudji riċenti, għal kull kilogramma ta' ikel prodott, jintefgħu fl-atmosfera 4,5 kg ta' CO2; billi fl-Ewropa, il-madwar 89 Mt ta' ikel moħli jiġġeneraw 170 Mt CO2 ekwivalenti/fis-sena, maqsumin kif ġej: l-industrija tal-ikel 59 Mt CO2 ekwivalenti/fis-sena, konsum domestiku 78 Mt CO2 ekwivalenti/fis-sena, oħrajn 33 Mt CO2 ekwivalenti/fis-sena; billi l-produzzjoni tat-30 % tal-ikel li jispiċċa ma jittikilx hija responsabbli għal 50 % addizzjonali ta' użu tar-riżorsi tal-ilma għall-irrigazzjoni, filwaqt li l-produzzjoni ta' kilogramma ċanga tirrikjedi minn 5 sa 10 tunnellati ilma;

E.  billi skont diversi studji, intwera li t-tibdil tad-dieta estensiv huwa l-aktar metodu effettiv li jnaqqas l-impatt ambjentali tal-konsum tal-ikel; billi l-kisba ta' sistema ta' produzzjoni u konsum tal-ikel sostenibbli fl-Ewropa tirrikjedi politika komprensiva u integrata tal-ikel;

F.  billi skont il-Programm Dinji tal-Ikel (WFP) 795 miljun persuna fid-dinja m'għandhomx biżżejjed ikel biex jgħixu ħajja b'saħħitha u attiva; billi n-nutrizzjoni ħażina hija responsabbli għal kważi nofs (45 %) l-imwiet – jew madwar 3,1 miljun – ta' tfal taħt l-età ta' ħames snin; billi wieħed minn kull sitt itfal fid-dinja għandhom piż inqas milli suppost u wieħed minn kull erbgħa jikbru bil-mod; billi, għalhekk, it-tnaqqis tal-ħella tal-ikel mhux biss huwa obbligu ekonomiku u ambjentali, iżda wkoll wieħed morali(8);

G.  billi kważi 793 miljun persuna fid-dinja llum mhumiex mitmugħa tajjeb(9), u aktar minn 700 miljun persuna jgħixu taħt il-linja tal-faqar(10) u jiddependu fuq dħul ta' anqas minn USD 1,90 kuljum; billi kwalunkwe użu irresponsabbli tar-riżorsi maħsub għall-produzzjoni tal-ikel u kwalunkwe l-ħela tal-ikel jenħtieġ għalhekk jiġi kkunsidrat bħala moralment inaċċettabbli;

H.  billi anqas ħela tal-ikel tkun tfisser użu aktar effiċjenti tal-art, immaniġġjar aħjar tar-riżorsi tal-ilma, u konsegwenzi pożittivi għas-settur agrikolu sħiħ mad-dinja kollha, u jagħti spinta lill-ġlieda kontra n-nuqqas ta' nutrizzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

I.  billi l-UE ffirmat l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-25 ta' Settembru 2015; billi l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG) 12.3 huwa mmirat sabiex inaqqas b'50 % l-ħela tal-ikel globali per capita fil-livelli tal-bejgħ bl-imnut u tal-konsumaturi sal-2030 u sabiex inaqqas it-telf tal-ikel tul il-ktajjen tal-produzzjoni u tal-provvista, inkluż it-telf fil-produzzjoni primarja, fit-trasport u fil-ħżin; billi stimi tan-NU juru li l-popolazzjoni tad-dinja se tikber minn 7,3 biljun persuna fil-preżent għal 9,7 biljun fl-2050(11); billi t-tnaqqis tal-ħela tal-ikel huwa pass essenzjali biex jitnaqqas il-ġuħ fid-dinja u neċessità sabiex tiġi mitmugħa l-popolazzjoni tad-dinja li dejjem qed tikber;

J.  billi l-Forum tal-Oġġetti tal-Konsum li jirrappreżenta 400 bejjiegħ, manifattur, fornitur ta' servizz, u partijiet ikkonċernati oħra minn madwar 70 pajjiż adotta riżoluzzjoni pubblika sabiex sal-2025 titnaqqas bin-nofs il-ħela tal-ikel mill-operazzjonijiet tal-membri tiegħu stess, ħames snin qabel l-SDG 12.3;

K.  billi l-prevenzjoni tal-ħela ta' ikel iġġib benefiċċji ambjentali u vantaġġi f'termini soċjali u ekonomiċi; billi l-istimi jindikaw li, fl-UE, jinħlew 88 miljun tunnellata ta' ikel kull sena, li huma ekwivalenti għal 173 kg ta' ikel moħli għal kull persuna, u li l-produzzjoni u r-rimi tal-iskart tal-ikel tal-UE jiġġeneraw 170 tunnellata ta' emissjonijiet ta' CO2 u jikkunsmaw 26 miljun tunnellata ta' riżorsi; billi l-ispejjeż assoċjati ma' dan il-livell ta' ħela tal-ikel huma stmati li jammontaw għal madwar EUR 143 biljun(12); billi skont l-FAO, 800 miljun persuna fid-dinja jsofru l-ġuħ;

L.  billi, skont id-dejta mill-2014, 55 miljun persuna, jew 9,6 % tal-popolazzjoni tal-UE-28, ma kinux f'pożizzjoni li joffru ikel ta' kwalità jumejn infila; billi, skont dejta mill-2015, 118,8 miljun persuna, jew 23,7 % tal-popolazzjoni tal-UE-28, kienu f'riskju ta' faqar u ta' esklużjoni soċjali(13);

M.  billi t-tnaqqis tal-ħela tal-ikel jista' jtejjeb is-sitwazzjoni ekonomika għall-familji mingħajr ma jitbaxxewlhom l-istandards tal-għajxien;

N.  billi l-prattiki kummerċjali inġusti u d-dumping tal-prezzijiet fis-settur tal-ikel ta' spiss iwasslu biex l-ikel jinbiegħ bi prezz li huwa aktar baxx mill-valur reali tiegħu, li mbagħad joħloq aktar skart;

O.  billi l-ikel jintilef jew jinħela fl-istadji kollha tal-katina tal-ikel, inklużi l-produzzjoni, l-ipproċessar, it-trasport, il-ħżin, il-bejgħ bl-imnut, il-kummerċjalizzazzjoni u l-konsum; billi l-estimi mill-proġett FUSIONS jindikaw li s-setturi li jikkontribwixxu l-aktar għall-ħela tal-ikel fl-UE huma l-familji, bi 53 %, u l-ipproċessar, bi 19 %, il-kontributuri l-oħra huma l-bejjiegħ bl-imnut bi 12 %, il-produzzjoni primarja b'10 %, u l-bejjiegħa bl-ingrossa b'5 %(14); billi dawn l-istimi jissuġġerixxu li l-miżuri biex titnaqqas il-ħela tal-ikel fid-djar u fis-setturi tal-ipproċessar ikollhom l-akbar impatt; billi l-ħela tal-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw isseħħ l-aktar minħabba limitazzjonijiet fl-infrastruttura u dawk teknoloġiċi;

P.  billi d-dejta mill-proġett FUSIONS toriġina minn għadd ta' sorsi u hija bbażata fuq l-użu ta' diversi definizzjonijiet ta' "ħela tal-ikel";

Q.  billi l-proġett FUSIONS innota li ftit li xejn hemm kejl tal-ħela fl-agrikoltura, l-ortikultura, l-akkwakultura, is-sajd jew attivitajiet oħra ta' produzzjoni primarja; billi dan ma jħallix li ssir valutazzjoni tajba tal-iskala attwali tat-telf u l-ħela tal-ikel fl-Ewropa;

R.  billi miżuri mmirati, imfassla għall-operaturi u l-pass rilevanti fil-katina, huma mod aħjar għall-ġlieda kontra l-ħela tal-ikel, minħabba li l-problemi ffaċċati mhumiex l-istess fil-każijiet kollha;

S.  billi studju mwettaq fir-Renju Unit mill-Waste and Resources Action Programme (WRAP - il-Programm ta' Azzjoni dwar l-Iskart u r-Riżorsi) fl-2015 indika li mill-inqas 60 % tal-ħela tal-ikel mill-familji huwa evitabbli u li dan seta' jittiekel li kieku ġie ġestit aħjar(15);

T.  billi xi telf u ħela fil-produzzjoni primarja huma r-riżultat tal-istandards tal-bejjiegħ bl-imnut rigward l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott, ordnijiet ikkanċellati relatati ma' bidliet fid-domanda min-naħa tal-konsumaturi, u l-produzzjoni eċċessiva b'riżultat ta' rekwiżiti għall-ilħuq mad-domanda staġonali; billi t-taħsir tal-ikel fil-linja tal-produzzjoni huwa raġuni oħra għat-telf tal-ikel matul il-produzzjoni;

U.  billi skont il-FAO, fl-Ewropa 20 % tal-frott u l-ħaxix, 20 % tal-għeruq u tal-għelejjel tat-tuberu, u 10 % taż-żrieragħ taż-żejt u l-legumi huma mitlufa fl-agrikoltura, b'5 % oħra tal-frott u l-ħaxix u tal-għeruq u l-għelejjel tat-tuberu mitlufa wara l-ħsad(16);

V.  billi l-frott u l-ħaxix li ssirilhom il-ħsara minħabba diżastru naturali jew li jinqerdu jew jinħartu fl-azjendi agrikoli mmexxija mill-familji minħabba telf ta' suq jew prezzijiet baxxi jirrappreżentaw telf ta' investiment u ta' dħul għall-bdiewa;

W.  billi l-operaturi fil-katina tal-provvista tal-ikel sikwit jinternalizzaw l-ispiża tal-ħela tal-ikel u jinkluduha fil-prezz għall-konsumatur aħħari tal-prodott(17);

X.  billi r-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 34/2016 dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħela tal-Ikel eżamina l-mistoqsija "l-UE tikkontribwixxi għal katina tal-provvista tal-ikel effiċjenti fl-użu tar-riżorsi billi tiġġieled kontra l-ħela tal-ikel b'mod effettiv?"; billi s-sejbiet tar-rapport jindikaw li bħalissa l-UE mhux qed tiġġieled kontra l-ħela tal-ikel b'mod effettiv, u li l-inizjattivi u l-politiki eżistenti jistgħu jintużaw b'mod aktar effettiv biex tiġi indirizzata l-problema tal-ħela tal-ikel; billi r-rapport stqarr li l-ambizzjoni tal-Kummissjoni biex tindirizza l-ħela tal-ikel iddgħajfet minkejja diversi talbiet mill-Parlament Ewropew u l-Istati Membri biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni; billi r-rapport iqis l-azzjoni meħuda s'issa mill-Kummissjoni bħala frammentata, intermittenti u nieqsa minn koordinament ċar; billi r-rapport jirrakkomanda li l-Kummissjoni jenħtieġ li: tiżviluppa pjan ta' azzjoni għas-snin li ġejjin, tikkunsidra l-ħela tal-ikel fil-valutazzjonijiet tal-impatt futuri tagħha, tallinja aħjar il-politiki differenti tal-UE li jistgħu jiġġieldu kontra l-ħela tal-ikel, u tikkjarifika l-interpretazzjoni ta' dispożizzjonijiet legali li jistgħu jiskoraġġixxu d-donazzjoni tal-ikel, kif ukoll tqis kif tista' tiġi faċilitata d-donazzjoni f'oqsma oħra tal-politika;

Y.  billi l-Kummissjoni, wara li investiet ammont sostanzjali ta' riżorsi, u wara li wettqet konsultazzjoni pubblika li kellha suċċess kbir fl-2013, finalment iddeċidiet li ma tippubblikax il-komunikazzjoni intitolata "Building a Sustainable European Food System" (Nibnu Sistema tal-Ikel Ewropea Sostenibbli), minkejja l-fatt li l-komunikazzjoni kienet diġà ġiet iffinalizzata u maqbula minn tliet Kummissarji (DĠ Ambjent, DĠ SANCO, u DĠ AGRI); billi din il-Komunikazzjoni fiha għadd ta' aproċċi tajbin biex tiġi indirizzata l-problema tal-ħela tal-ikel;

Z.  billi la teżisti definizzjoni konsistenti komuni ta' "ħela tal-ikel" u lanqas metodoloġija komuni għall-kejl tal-ħela tal-ikel fil-livell tal-Unjoni, li tagħmilha diffiċli li jitqabblu s-settijiet ta' dejta differenti u li jitkejjel il-progress imwettaq biex jitnaqqas il-ħela tal-ikel; billi d-diffikultajiet assoċjati mal-ġbir ta' dejta sħiħa, affidabbli u armonizzata huma ostakolu addizzjonali fl-evalwazzjoni tal-ħela tal-ikel fl-UE; billi għall-fini ta' din ir-riżoluzzjoni, il-"ħela tal-ikel" tfisser ikel maħsub għall-konsum mill-bniedem, fi stat li jista' jittiekel jew li ma jistax jittiekel, imneħħi mill-katina tal-produzzjoni jew tal-provvista sabiex jintrema, fil-livelli tal-produzzjoni primarja, tal-ipproċessar, tal-manifattura, tat-trasport, tal-ħżin, tal-bejgħ bl-imnut u tal-konsumatur, bl-eċċezzjoni ta' telf tal-produzzjoni primarja; billi jeħtieġ li tiġi stabbilita definizzjoni ta' "telf mill-produzzjoni primarja";

AA.  billi jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn ikel moħli li jista' jittiekel u partijiet li ma jistgħux jittieklu sabiex jiġu evitati konklużjonijiet qarrieqa u miżuri ineffettivi; billi l-fokus tal-isforzi tat-tnaqqis jenħtieġ li jkun fuq li tiġi evitata l-ħela ta' ikel li jista' jittiekel;

AB.  billi l-Food Loss and Waste Protocol (Protokoll tat-Telf u l-Ħela tal-Ikel) huwa sforz minn bosta partijiet ikkonċernati li wassal għall-iżvilupp ta' standard ta' kontabbiltà u rapportar globali (magħruf bħala l-Istandard FLW) għall-kwantifikazzjoni tal-ikel u partijiet li ma jistgħux jittieklu assoċjati mneħħija mill-katina tal-provvista tal-ikel(18);

AC.  billi l-monitoraġġ mhux biss ta' kemm jinħela iżda anke ta' kemm ikun kbir l-ammont ta' ikel żejjed u l-kwantitajiet tal-ikel irkuprati jistgħu jipprovdu stampa aktar kompleta, li tista' tkun utli fit-tnedija ta' politiki tajba fil-livell tal-UE;

AD.  billi l-ġerarkija tal-immaniġġjar tal-iskart stabbilita mid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart(19) (il-prevenzjoni, il-preparazzjoni għar-riutilizzazzjoni, ir-riċiklaġġ, l-irkupru u r-rimi) ma tqisx il-karatteristiċi speċifiċi tal-iskart tal-ikel, li huwa fluss tal-iskart li jvarja ferm; billi bħalissa ma teżisti l-ebda ġerarkija speċifika għall-immaniġġjar tal-ikel mhux ikkonsmat u tal-iskart tal-ikel fil-livell tal-UE; billi jenħtieġ li tiġi stabbilita ġerarkija tal-iskart tal-ikel li tqis il-katina kollha tal-ikel; billi l-prevenzjoni u l-użu mill-ġdid għall-konsum mill-bniedem għandhom ikunu l-miżuri prijoritarji;

AE.  billi, bil-politiki ta' inċentivazzjoni xierqa, l-eċċessi tal-ikel jistgħu jiġu rkuprati u jintużaw biex jintemgħu in-nies;

AF.  billi hemm il-potenzjal għall-ottimizzazzjoni tal-użu ta' residwi tal-ikel u prodotti sekondarji mill-katina tal-ikel fil-produzzjoni tal-għalf tal-annimali;

AG.  billi l-inċinerazzjoni u r-rimi f'miżbla tal-iskart tal-ikel għadhom prattiki kontinwi f'xi nħawi tal-UE u huma kuntrarji għall-ekonomija ċirkolari;

AH.  billi l-Artikolu 9(1)(f) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi(20) jirrikjedi li l-operaturi fin-negozju tal-ikel jindikaw id-data tad-durabbiltà minima (id-data "l-aħjar qabel") jew id-data "uża sa" ta' prodott tal-ikel;

AI.  billi l-immarkar tad-data fuq il-prodotti tal-ikel ma jinftiehemx tajjeb, speċjalment mill-konsumaturi; billi t-tikkettar "l-aħjar qabel" jindika d-data li warajha ġeneralment prodott tal-ikel xorta jkun jista' jittiekel, iżda jista' jkun li ma jkunx għadu fl-aħjar kundizzjoni tiegħu f'termini ta' kwalità, filwaqt li t-tikkettar "uża sa" jindika d-data li warajha oġġett tal-ikel ma jibqax aktar sikur biex jittiekel; billi lanqas nofs iċ-ċittadini tal-UE ma jifhmu t-tifsira tat-tikkettar "l-aħjar qabel" u "uża sa"(21); billi l-użu tal-"l-aħjar qabel" u "uża sa" u l-modi li bihom huma mifhuma jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor, u bejn produtturi, proċessuri u distributuri differenti, anki jekk il-prodott ikun l-istess; billi skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, id-data ta' skadenza fuq prodott għandha tkun tidher faċilment u tinqara sew;

AJ.  billi d-donazzjoni tal-ikel mhux mibjugħ tul il-katina tal-ikel kollha twassal għal tnaqqis konsiderevoli fil-ħela tal-ikel, filwaqt li tgħin lill-persuni fil-bżonn tal-ikel li ma jkunux kapaċi jixtru prodotti tal-ikel partikolari jew kwantità suffiċjenti ta' ikel tal-istess kwalità; billi s-supermarkets u l-ħwienet gastronomiċi jista' jkollhom rwol distintiv f'dan il-proċess;

AK.  billi l-fondi tal-Unjoni bħalma hu l-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD) jiffaċilitaw id-donazzjoni tal-ikel billi jiffinanzjaw, inter alia, l-infrastruttura tal-ħżin u tat-trasport għall-ikel mogħti b'donazzjoni; billi l-Istati Membri ma jagħmlux użu biżżejjed tal-FEAD;

AL.  billi t-twassil ta' ikel żejjed li jista' jiġi kkunsmat lil dawk fil-bżonn huwa mfixkel minn ostakolu fil-kapaċità tal-kanal tad-distribuzzjoni, jew xi kultant in-nuqqas sħiħ ta' kapaċità ta' dak il-kanal; billi l-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet tal-karità li jwettqu ħidma soċjali u li huma sostnuti mill-Istat jew minn awtoritajiet lokali m'għandhomx ir-riżorsi finanzjarji u umani biex ikunu jistgħu jittrasportaw u jiddistribwixxu ikel li jista' jiġi kkunsmat offrut għal finijiet ta' karità; billi dan huwa speċjalment minnu fir-reġjuni l-aktar żvantaġġati;

AM.  billi l-programmi soċjali u minn isfel għal fuq, pereżempju l-banek tal-ikel jew il-postijiet tal-ikel imħaddma minn organizzazzjonijiet tal-karità, inaqqsu l-ħela tal-ikel u jgħinu lill-aktar nies foqra, u għalhekk jgħinu wkoll biex tiġi stabbilita soċjetà responsabbli u sensibilizzata;

AN.  billi fis-Suq Uniku ħafna kumpaniji jipproduċu ikel għal aktar minn pajjiż wieħed; billi l-prodotti mhux mibjugħa minn dawn il-kumpaniji f'xi każijiet ma jistgħux jingħataw bħala donazzjoni fil-pajjiż tal-produzzjoni minħabba li t-tikkettar ikun b'lingwi barranin;

AO.  billi d-donaturi tal-ikel huma meqjusa bħala "operaturi fin-negozju tal-ikel" skont ir-Regolament tal-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel(22) u b'hekk iridu jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni tal-UE kollha dwar l-ikel li tikkonċerna r-responsabbiltà, it-traċċabbiltà u r-regoli dwar is-sikurezza tal-ikel stabbiliti permezz tal-Pakkett dwar l-Iġjene tal-Ikel(23); billi r-riskji assoċjati mar-responsabbiltà għall-ikel mogħti b'donazzjoni jistgħu jġiegħlu lid-donaturi potenzjali tal-ikel jarmu l-ikel żejjed minflok jagħtuh(24);

AP.  billi, minħabba f'ostakoli amministrattivi eżistenti, il-katini ewlenin tal-bejgħ bl-imnut u s-supermarkets isibuha aċċettabbli li jarmu l-ikel li jkun viċin id-data "uża sa" minflok jagħtuh bħala donazzjoni;

AQ.  billi l-Kummissjoni attwalment qiegħda taħdem fuq kjarifika tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar id-donazzjonijiet;

AR.  billi diversi Stati Membri diġà adottaw leġiżlazzjoni nazzjonali biex jillimitaw il-ħolqien ta' skart tal-ikel, fejn l-Italja, speċifikament, adottat leġiżlazzjoni li tiffaċilita d-donazzjoni u d-distribuzzjoni tal-ikel għal finijiet ta' solidarjetà soċjali billi teskludi r-responsabbiltà tad-donaturi għall-ikel li jingħata in bona fide u magħruf li jkun tajjeb għall-konsum fil-mument tad-donazzjoni;

AS.  billi l-pajjiżi jistgħu wkoll jadottaw linji gwida volontarji nazzjonali għal donazzjonijiet tal-ikel, bħal dawk ippreparati mill-awtoritajiet tas-sikurezza tal-ikel fil-Finlandja, li għandhom l-għan li jnaqqsu l-ħela evitabbli tal-ikel;

AT.  billi d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud(25) (id-Direttiva tal-VAT) tistabbilixxi li d-donazzjonijiet tal-ikel huma taxxabbli u li l-eżenzjonijiet mit-taxxa fuq id-donazzjonijiet tal-ikel mhumiex permessi; billi l-Kummissjoni tirrakkomanda li, għall-finijiet tat-taxxa, il-valur tal-ikel mogħti b'donazzjoni qrib id-data ta' "l-aħjar qabel" jew li ma jkunx addattat għall-bejgħ jenħtieġ li jiġi stabbilit bħala "pjuttost baxx, saħansitra qrib iż-żero"(26); billi xi Stati Membri jinċentivaw id-donazzjonijiet tal-ikel billi "jabbandunaw" ir-responsabbiltà tal-VAT, iżda l-konformità mad-Direttiva tal-VAT mhijiex ċara; billi Stati Membri oħrajn joffru kreditu ta' taxxa korporattiva fuq l-ikel mogħti b'donazzjoni(27);

AU.  billi, sfortunatament, f'ħafna Stati Membri jiġi aktar għali li tagħti l-ikel żejjed li huwa tajjeb għall-konsum milli tibagħtu għal diġestjoni anaerobika, li jmur kontra l-interess pubbliku, minħabba l-għadd ta' persuni li jgħixu f'faqar estrem;

AV.  billi l-imballaġġ tal-ikel jagħti kontribut importanti lit-tnaqqis tal-ħela tal-ikel u s-sostenibbiltà billi jestendi l-ħajja tal-prodotti u jipproteġihom; billi l-imballaġġ tal-ikel li huwa riċiklabbli u li ġej minn materja prima rinnovabbli jista' jikkontribwixxi aktar għall-għanijiet ambjentali u ta' effiċjenza fir-riżorsi;

AW.  billi l-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel attivi u intelliġenti jistgħu jtejbu l-kwalità tal-ikel fil-pakketti u jestendu ż-żmien kemm jista' jinħażen, jistgħu jimmonitorjaw aħjar il-kundizzjoni tal-ikel fil-pakketti, u jistgħu jipprovdu informazzjoni dwar il-freskezza tal-ikel;

AX.  billi t-trattament tal-ikel li jintrema jieħu riżorsi addizzjonali;

AY.  billi l-ġlieda kontra l-ħela tal-ikel iġġib ukoll benefiċċji ekonomiċi, billi kull euro li jintefaq fuq il-ħela tal-ikel jagħmilha possibbli li jiġu evitati 265 kg ta' skart tal-ikel, b'valur ta' EUR 535, tippermetti lill-awtoritajiet lokali jiffrankaw EUR 9 fuq il-kost tal-iskart, u tippermetti li jiġu ffrankati EUR 50 fuq kostijiet ambjentali marbuta mal-emissjonijiet ta' gassijiet serra u t-tniġġis tal-arja (28);

AZ.  billi jenħtieġ li tittieħed azzjoni fil-livell xieraq biex titnaqqas il-ħela tal-ikel; billi l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol ewlieni x'jaqdu fit-tnaqqis tal-ħela tal-ikel permezz tar-responsabbiltajiet u l-kompetenzi tagħhom fl-immaniġġjar tal-iskart, il-kapaċitajiet tagħhom biex jibdew u jmexxu kampanji lokali kif ukoll il-kuntatt u l-kooperazzjoni diretta tagħhom mas-soċjetà ċivili u ma' organizzazzjonijiet tal-karità, meta jitqies is-sehem kbir tagħhom fl-akkwist pubbliku u f'ħafna każijiet l-awtorità tagħhom fuq l-istituzzjonijiet edukattivi;

BA.  billi l-iskambju tal-aħjar prattiki fil-livell Ewropew u internazzjonali, kif ukoll l-għajnuna għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, huma ta' importanza ewlenija fil-ġlieda kontra l-ħela tal-ikel mad-dinja kollha;

BB.  billi l-Parlament Ewropew ilu mit-tieni semestru tal-2013 jimplimenta politika komprensiva bil-għan li jnaqqas b'mod drastiku l-iskart tal-ikel prodott mis-servizzi tal-catering tiegħu; billi l-ikel mhux ikkunsmat mill-produzzjoni żejda jingħata b'donazzjoni b'mod regolari mill-faċilitajiet ewlenin tal-Parlament fi Brussell;

1.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jitnaqqas l-ammont ta' ikel moħli, u li tittejjeb l-effiċjenza fir-riżorsi fl-Unjoni f'kull stadju tal-katina tal-ikel, inklużi l-produzzjoni, l-ipproċessar, it-trasport, il-ħżin, il-bejgħ lill-konsumatur, il-kummerċjalizzazzjoni u l-konsum, filwaqt li jitqies li fil-pajjiżi industrijalizzati ħafna l-ikel jintrema b'mod predominanti fl-istadji tal-bejgħ u tal-konsum, filwaqt li fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw l-ikel jibda jinħela fl-istadji tal-produzzjoni u tal-ipproċessar; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza tat-tmexxija politika u ta' impenn kemm mill-Kummissjoni kif ukoll mill-Istati Membri; ifakkar li l-Parlament Ewropew talab bosta drabi lill-Kummissjoni tieħu azzjoni kontra l-ħela tal-ikel;

2.  B'mod aktar speċifiku, iħeġġeġ biex jitnaqqas l-ammont ta' ikel moħli ġġenerat fil-livelli tal-bejgħ bl-imnut u tal-konsumatur u sabiex jitnaqqas it-telf tal-ikel tul il-ktajjen tal-produzzjoni u tal-provvista, inkluż it-telf wara l-ħsad;

3.  Jinsisti, għaldaqstant, fuq il-ħtieġa li tittejjeb il-komunikazzjoni bejn l-atturi kollha fil-katina tal-provvista tal-ikel, b'mod partikolari bejn il-fornituri u d-distributuri, sabiex jintlaħaq bilanċ bejn il-provvista u d-domanda;

4.  Jitlob li jkun hemm reazzjoni politika kkoordinata fil-livell tal-UE u l-Istati Membri, f'konformità mal-kompetenzi rispettivi, li mhux biss tqis il-politiki dwar il-ħela, is-sikurezza tal-ikel u l-informazzjoni, iżda wkoll elementi tal-politika ekonomika, fiskali, finanzjarja, tar-riċerka u l-innovazzjoni, tal-ambjent, politika strutturali (agrikoltura u sajd), tal-edukazzjoni, dik soċjali, tal-kummerċ, tal-ħarsien tal-konsumatur, tal-enerġija u tal-akkwist pubbliku; jappella, f'dan ir-rigward, għal koordinazzjoni bejn l-UE u l-Istati Membri; jenfasizza li l-isforzi tal-UE biex titnaqqas il-ħela tal-ikel jenħtieġ li jissaħħu u jiġu allinjati aħjar; jinnota li n-negozji tul il-katina tal-provvista tal-ikel huma fil-biċċa l-kbira SMEs, li jenħtieġ li ma jiġux mgħobbija b'amministrazzjoni żejda mhux raġonevoli;

5.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinvolvi lis-servizzi rilevanti kollha tal-Kummissjoni li jittrattaw il-ħela fl-ikel u tiżgura koordinazzjoni kontinwa u msaħħa fil-livell tal-Kummissjoni; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tuża approċċ sistematiku li jindirizza l-aspetti kollha tal-ħela tal-ikel u tistabbilixxi pjan ta' azzjoni komprensiv dwar il-ħela tal-ikel li jkopri l-bosta oqsma ta' politika u li jispjega l-istrateġija għas-snin li ġejjin;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tidentifika l-leġiżlazzjoni Ewropea li tista' tfixkel il-ġlieda effettiva kontra l-ħela tal-ikel u tanalizza kif tista' tiġi adattata biex tilħaq l-għan tal-prevenzjoni tal-ħela tal-ikel;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, meta twettaq valutazzjonijiet tal-impatt dwar proposti leġiżlattivi rilevanti ġodda, tevalwa l-impatt potenzjali tagħhom fuq il-ħela tal-ikel;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jpoġġu l-appoġġ finanzjarju eżistenti għall-ġlieda kontra l-ħela tal-ikel fuq bażi permanenti; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu aħjar mill-opportunitajiet offruti f'dan il-qasam mid-diversi politiki u programmi ta' finanzjament tal-Unjoni Ewropea;

9.  Jenfasizza r-responsabilità tal-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri biex jiżviluppaw approċċ imfassal għall-ġlieda kontra l-ħela tal-ikel, fi ħdan il-qafas tal-UE; jirrikonoxxi l-ħidma importanti li diġà twettqet f'diversi Stati Membri;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom f'kampanji ta' sensibilizzazzjoni u ta' komunikazzjoni dwar kif tiġi evitata l-ħela tal-ikel;

11.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri sabiex inaqqsu t-telf tal-ikel tul il-katina ta' provvista kollha, inkluża fil-produzzjoni primarja, it-trasport u l-ħżin;

12.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex tinkiseb mira tal-Unjoni ta' tnaqqis tal-ħela tal-ikel bi 30 % sal-2025 u 50 % sal-2030, meta mqabbel mal-bażi ta' referenza tal-2014;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina, sal-31 ta' Diċembru 2020, il-possibbiltà li tistabbilixxi miri vinkolanti għat-tnaqqis tal-ħela tal-ikel fl-Unjoni kollha li għandhom jintlaħqu sal-2025 u l-2030 abbażi tal-kejl ikkalkulat f'konformità ma' metodoloġija komuni; jistieden lill-Kummissjoni tfassal rapport, akkumpanjat bi proposta leġiżlattiva, fejn ikun xieraq;

14.  Jistieden lill-Istati Membri jimmonitorjaw u jivvalutaw l-implimentazzjoni tal-miżuri tagħhom għat-tnaqqis tal-ħela tal-ikel, billi jkejlu l-livelli tal-ħela tal-ikel abbażi ta' metodoloġija komuni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġja definizzjoni legalment vinkolanti tal-ħela tal-ikel u tadotta, sal-31 ta' Diċembru 2017, metodoloġija komuni, inklużi rekwiżiti minimi ta' kwalità, għall-kejl uniformi tal-livelli ta' ħela tal-ikel; jemmen li definizzjoni u metodoloġija komuni tal-UE għall-kejl tat-"telf" tal-ikel, applikabbli għall-katina tal-provvista kollha kemm hi, jiffaċilitaw l-isforzi tal-Istati Membri u tal-partijiet ikkonċernati fil-kalkolu u t-tnaqqis tal-ħela tal-ikel;

15.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw id-definizzjoni li ġejja ta' "ħela tal-ikel": "ħela tal-ikel tfisser ikel maħsub għall-konsum mill-bniedem, jew fi stat li jista' jittiekel jew li ma jistax jittiekel, imneħħi mill-katina tal-produzzjoni jew tal-provvista sabiex jintrema, inkluż fil-livelli tal-produzzjoni primarja, tal-ipproċessar, tal-manifattura, tat-trasport, tal-ħżin, tal-bejgħ bl-imnut u tal-konsumatur, bl-eċċezzjoni ta' telf tal-produzzjoni primarja";

16.  Jistieden lill-Kummissjoni turi distinzjoni ċara fil-politiki futuri tagħha bejn il-ħela tal-ikel u t-telf tal-ikel, li ma jistax ikun evitat fil-livell primarju tal-produzzjoni minħabba forzi maġġuri bħal maltempati;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi t-telf tal-ikel fis-settur agrikolu u f'setturi ta' produzzjoni primarja oħrajn fil-kalkoli tagħha, sabiex tiżgura approċċ li jqis il-katina tal-provvista kollha kemm hi; jinnota, madankollu, li l-kwantifikazzjoni tat-telf fl-istadju tal-produzzjoni primarja tista' tkun diffiċli u jistieden lill-Kummissjoni tidentifika l-aħjar prattiki biex tassisti lill-Istati Membri fil-ġbir ta' dejta bħal din;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni taħdem fuq definizzjoni komuni tal-kunċett ta' "telf" f'kull pass fil-katina tal-ikel, u metodoloġija komuni ta' kejl f'kollaborazzjoni mal-Istati Membri u l-partijiet kollha involuti;

19.  Jinnota li hu diffiċli li jiġu kkwantifikati l-ħela tal-ikel u t-telf tal-ikel fl-istadju tal-produzzjoni primarja minħabba l-prodotti eteroġenji u l-proċessi rispettivi u n-nuqqas ta' definizzjoni ċara ta' ħela tal-ikel; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika u xxerred fost l-Istati Membri l-aħjar prassi f'dak li għandu x'jaqsam mal-ġbir ta' dejta dwar it-telf u l-ħela tal-ikel fl-azjendi agrikoli mingħajr ma tpoġġi piż amministrattiv addizzjonali jew spejjeż żejda għall-bdiewa;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jikkonsultaw mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha dwar il-metodoloġija statistika u miżuri oħrajn li għandhom jiġu implimentati sabiex tiġi evitata l-ħela tal-ikel fl-Unjoni u fis-setturi kollha;

21.  Jinnota li m'hemm l-ebda definizzjoni u metodoloġija komuni tal-UE għall-kejl ta' "eċċess tal-ikel"; jirrimarka li l-Italja adottat leġiżlazzjoni li tiddefinixxi l-eċċessi fil-katina tal-ikel u tipprovdi ġerarkija għall-irkupru tal-eċċessi, filwaqt li tingħata prijorità lill-konsum mill-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-effetti tal-leġiżlazzjoni msemmija fuq id-donazzjoni tal-ikel u l-ħela tal-ikel fl-Italja, u tikkunsidra li tipproponi leġiżlazzjoni simili fil-livell tal-UE jekk dan ikun meħtieġ;

22.  Jitlob li tiġi applikata ġerarkija tal-iskart tal-ikel speċifika fid-Direttiva 2008/98/KE kif ġej:

   (a) il-prevenzjoni fis-sors;
   (b) l-irkupru tal-ikel li jista' jittiekel, il-prijoritizzazzjoni tal-użu mill-bniedem fuq l-għalf tal-annimali u l-ipproċessar mill-ġdid fi prodotti mhux alimentari;
   (c) ir-riċiklaġġ organiku;
   (d) l-irkupru enerġetiku;
   (e) ir-rimi;

23.  Jenfasizza l-inizjattivi li jinsabu fil-Pjan ta' Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari li jkopru miżuri għat-twaqqif ta' pjattaforma ta' appoġġ finanzjarju sabiex jiġu attirati l-investiment u l-innovazzjonijiet immirati biex inaqqsu t-telf, kif ukoll il-linji gwida indirizzati lejn l-Istati Membri għall-konverżjoni ta' xi telf ta' ikel jew prodotti agrikoli sekondarji f'enerġija;

24.  Jisħaq fuq il-punt li l-ħtiġijiet enerġetiċi għandhom jiġu ssodisfati permezz tal-użu tal-iskart u l-prodotti sekondarji li ma jkunux utli fi kwalunkwe proċess ieħor fl-ogħla livelli tal-ġerarkija tal-iskart;

25.  Jenfasizza li l-ġlieda b'suċċess kontra l-ħela tal-ikel tirrikjedi wkoll livelli b'saħħithom ta' riċiklaġġ fid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart riveduta u l-integrazzjoni tal-prinċipju ta' kaskata għall-bijomassa fil-politika tal-enerġija tal-UE;

26.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi inkluż obbligu għall-Istati Membri li jinnotifikaw lill-Kummissjoni Ewropea kull sena bil-livell totali ta' skart tal-ikel iġġenerat f'sena speċifika;

27.  Jistieden lill-Istati Membri jadottaw miżuri speċifiċi ta' prevenzjoni tal-ħela tal-ikel fil-programmi tagħhom tal-prevenzjoni tal-ħela; jistieden lill-Istati Membri b'mod partikolari biex jistabbilixxu ftehimiet volontarji u biex joħolqu inċentivi ekonomiċi u fiskali għad-donazzjoni tal-ikel u mezzi oħra biex tiġi limitata l-ħela tal-ikel;

28.  Iqis, b'mod speċifiku, li, bil-għan li jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni ambjentali u produzzjoni, inklużi d-diġestat u l-kompost, bi standards ta' kwalità għoljin, l-Istati Membri jenħtieġ li jinkoraġġixxu l-ikkompostjar fid-djar u s-separazzjoni tal-bijoskart fis-sors, u jiżguraw li dan l-iskart ikun soġġett għall-bijoriċiklaġġ; iqis li l-Istati Membri jenħtieġ li jipprojbixxu wkoll it-tqegħid tal-bijoskart f'miżbliet;

29.  Jinnota r-riskju ta' kontaminazzjoni involut mill-plastik u l-metall fl-inputs tal-iskart tal-ikel għall-kompost u l-ħamrija, u fi stadju ulterjuri, f'ekosistemi tal-ilma ħelu u tal-baħar, u jħeġġeġ li din ir-rotta ta' tniġġis tiġi minimizzata; ifakkar, barra minn hekk, l-intenzjoni tad-Direttiva dwar l-użu tal-ħama tad-dranaġġ fl-agrikoltura biex tnaqqas il-kontaminazzjoni fil-ħamrija agrikola; jitlob, għaldaqstant, li jkun hemm kawtela meta jitqies it-taħlit ta' flussi tal-iskart kif ukoll li jkun hemm salvagwardji xierqa;

30.  Jenfasizza li s-sikurezza tal-ikel hija fundamentali u li l-miżuri għat-tnaqqis tal-ħela tal-ikel jeħtieġ li ma jikkompromettux l-istandards attwali tas-sikurezza tal-ikel; jenfasizza li l-ġlieda kontra l-ħela tal-ikel jenħtieġ li ma tikkompromettix is-sikurezza tal-ikel u l-istandards ambjentali, u lanqas l-istandards għall-protezzjoni tal-annimali, b'mod partikolari s-saħħa u l-benessri tal-annimali;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jadottaw miżuri li jikkontrollaw is-sikurezza tal-ikel mil-lat tas-saħħa kull meta jkun meħtieġ sabiex iżidu l-fiduċja taċ-ċittadini u l-konsumaturi f'politiki li jikkontribwixxu għat-tnaqqis fil-ħela tal-ikel;

32.  Jinnota li l-prevenzjoni tal-ġenerazzjoni tal-iskart tal-ikel hija l-miżura prijoritarja li trid tiġi segwita, meta l-iskart jiġi mmaniġġjat b'mod korrett f'konformità mal-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari; jenfasizza, madankollu, li attwalment huwa impossibbli li l-ġenerazzjoni tal-iskart tal-ikel titniżżel għal żero; iqis li huwa meħtieġ, għalhekk, li jiġu stabbiliti miżuri obbligatorji tal-UE biex ikun żgurat li l-iskart tal-ikel jista' jinbidel f'riżorsi ġodda;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu inċentivi ekonomiċi biex jappoġġjaw il-ġbir tal-ikel mhux użat, li jista' jew jiġi ddistribwit mill-ġdid lill-karitajiet jew jerġa' jintuża mill-ġdid għal skop sekondarju ieħor li jipprevjeni l-ħela tal-ikel, bħal li l-ikel mhux użat jitbiddel f'riżorsa ta' valur, billi jintuża fil-produzzjoni tal-għalf għall-bhejjem u l-annimali domestiċi;

34.  Jinnota l-potenzjal għall-ottimizzazzjoni tal-użu tal-ikel li inevitabbilment jintilef jew jitwarrab u ta' prodotti sekondarji mill-katina tal-ikel, b'mod partikolari dawk li joriġinaw mill-annimali, fil-produzzjoni tal-għalf, ir-riċiklaġġ tan-nutrijenti u l-produzzjoni ta' prodotti li jtejbu l-ħamrija u l-importanza tagħhom għall-produzzjoni primarja;

35.  Jenfasizza li leġiżlazzjoni Ewropea aktar effettiva dwar il-prodotti sekondarji fid-Direttiva 2008/98/KE tista' tgħin biex titnaqqas b'mod sinifikanti l-ħela tal-ikel; jistieden lill-Kummissjoni, għal dan l-għan, biex tappoġġja, partikolarment permezz tal-programm Orizzont 2020, proġetti li jinvolvu kumpaniji agroalimentari mfassla biex jiffaċilitaw is-sinerġiji bejn l-agrikoltura u l-industrija;

36.  Itenni l-ħtieġa li l-Kummissjoni tfassal rapport, sal-31 ta' Diċembru 2018, biex tevalwa l-ħtieġa ta' miżuri regolatorji trasversali fis-settur tal-konsum u l-produzzjoni sostenibbli, u li tfassal rapport tal-impatt biex tidentifika r-regolamenti li l-interazzjoni tagħhom qed taġixxi bħala ostakolu għall-iżvilupp ta' sinerġiji bejn is-setturi, u qed tfixkel l-użu ta' prodotti sekondarji;

37.  Jisħaq fuq il-punt li l-użu ta' ħażniet u ikel li inkella jinħlew ma jipprekludix il-ħtieġa li jkun hemm ġestjoni tajba tal-provvista u ġestjoni għaqlija tal-katina tal-ikel biex jiġu evitati eċċessi strutturali sistematiċi;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-użu ta' grad aktar għoli ta' oġġetti li kienu tal-ikel u ta' prodotti sekondarji mill-katina kollha tal-ikel fil-produzzjoni tal-għalf tal-annimali;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-ostakli legali għall-użu ta' dawk li kienu oġġetti tal-ikel fil-produzzjoni tal-għalf u tħeġġeġ ir-riċerka f'dan il-qasam, filwaqt li, fl-istess ħin, jisħaq fuq il-ħtieġa li jkun hemm aktar traċċabilità, konformità mal-istandards tal-bijosigurtà u użu ta' proċessi ta' separazzjoni u ta' trattament li jnaqqsu għal żero r-riskju għas-sikurezza alimentari;

40.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien ta' Pjattaforma tal-UE dwar it-Telf u l-Ħela tal-Ikel, li hija maħsuba biex tidentifika miżuri prijoritarji li jridu jiġu adottati fil-livell tal-UE biex jiġu pprevenuti t-telf tal-ikel u l-ħela tal-ikel, u tiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-operaturi involuti; jenfasizza, għal dan il-għan, li l-involviment rilevanti tal-Parlament Ewropew fil-ħidma tal-Pjattaforma jkun mixtieq; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament lista preċiża tal-miżuri li attwalment qed jittiħedu u l-objettivi u l-għanijiet sussidjarji segwiti, kif ukoll il-progress li qed jitwettaq dwar metodoloġija komuni u dwar id-donazzjonijiet; iqis li l-Pjattaforma tista' tkun l-istrument it-tajjeb għall-kejl ta' mhux biss kemm jinħela ikel iżda wkoll tal-kwantitajiet ta' eċċessi tal-ikel u ta' ikel irkuprat; għadu konvint, madankollu, li dan jista' jkun biss l-ewwel pass biex tiġi indirizzata l-problema tal-ħela tal-ikel;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni jkollha disponibbli fl-24 lingwa tal-UE l-proċedimenti tal-Pjattaforma tal-UE dwar it-Telf u l-Ħela tal-Ikel;

42.  Jistieden lill-Pjattaforma tal-UE dwar it-Telf u l-Ħela tal-Ikel, fost l-oħrajn, biex tappoġġja l-iżvilupp ta' varjetà ta' kanali ta' informazzjoni għall-konsumatur kif ukoll informazzjoni tal-konsumaturi u programmi ta' edukazzjoni dwar l-oġġetti tal-ikel; iħeġġeġ lill-Pjattaforma tiffaċilita l-kooperazzjoni tal-partijiet ikkonċernati lokali dwar inizjattivi ta' prevenzjoni tal-ħela tal-ikel u donazzjoni b'enfasi fuq it-tnaqqis tal-ispejjeż tat-tranżazzjoni korrispondenti; itenni l-importanza tal-iskambju tal-aħjar prattiki, l-ikkombinar tal-għarfien u l-evitar tad-duplikazzjoni ma' forums rilevanti oħra bħal pereżempju l-Forum fil-Livell tal-Konsumatur tal-UE dwar is-Sostenibbiltà, ir-Round table Ewropea dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli tal-Ikel, il-Forum ta' Livell Għoli dwar it-Titjib tal-Funzjonament tal-Katina tal-Provvista tal-Ikel, u il-Forum tal-Oġġetti tal-Konsum;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni, fi ħdan l-azzjonijiet tal-Pjattaforma tal-UE dwar it-Telf u l-Ħela tal-Ikel, biex tivvaluta l-aħjar prattiki li s'issa ġew implimentati fl-Istati Membri differenti, sabiex jiġu definiti aħjar l-istrumenti effettivi biex titnaqqas il-ħela tal-ikel;

44.  Iqis li, sabiex titnaqqas kemm jista' jkun il-ħela tal-ikel, huwa meħtieġ li jkunu involuti l-parteċipanti kollha fil-katina tal-provvista tal-ikel u biex jidħlu fil-mira l-kawżi differenti tal-iskart fuq bażi settur b'settur; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tagħmel analiżi tal-katina tal-ikel kollha sabiex tidentifika f'liema setturi tal-ikel il-ħela tal-ikel huwa l-aktar prevalenti u x'soluzzjonijiet jistgħu jintużaw biex tiġi evitata l-ħela tal-ikel;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiskambjaw, jippromwovu u jappoġġjaw prattiki ta' tnaqqis tal-ħela tal-ikel b'suċċess u metodi għall-konservazzjoni tar-riżorsi li diġà qed jintużaw minn partijiet ikkonċernati; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jikkonsultaw mal-partijiet ikkonċernati rilevanti dwar x'miżuri settorjali mmirati għandhom jittieħdu fil-kuntest tal-prevenzjoni tal-ħela tal-ikel;

46.  Jenfasizza li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom qabel xejn jikkonsultaw il-partijiet ikkonċernati kollha – inkluż is-settur agrikolu – u jwettqu valutazzjoni tal-impatt fuq kwalunkwe miżura proposta li għandha tiġi implimentata sabiex tiġi evitata l-ħela tal-ikel fl-Unjoni kollha;

47.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali, f'kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati kollha, biex jimpenjaw ruħhom sabiex jitjieb il-fehim, speċjalment mill-konsumaturi, tad-dati 'uża sa' u 'l-aħjar qabel', u dwar il-possibilità tal-użu tal-prodotti tal-ikel wara d-data "l-aħjar qabel", inter alia, billi jwettqu kampanji ta' sensibilizzazzjoni u ta' edukazzjoni u billi jiffaċilitaw l-aċċess aktar faċli ta' informazzjoni li tinftiehem dwar il-prodott, u l-forniment ta' tali informazzjoni; jirrimarka li l-użu ta' tikkettar b'żewġ dati, pereżempju 'bigħ sa' u 'uża sa', fuq l-istess prodott jista' jkollu effett negattiv fuq id-deċiżjonijiet dwar il-ġestjoni tal-ikel tal-konsumaturi; jenfasizza l-importanza li l-konsumaturi jingħataw is-setgħa sabiex jiġi megħjuna jagħmlu deċiżjonijiet informati;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni, bħala parti mill-evalwazzjoni li għaddejja tagħha, sabiex tivvaluta, b'mod partikolari: jekk il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE u l-prattika tad-dati "l-aħjar qabel" u "uża sa" f'għadd ta' Stati Membri hijiex adatta għall-iskop; jekk għandhiex tiġi kkunsidrata reviżjoni tat-terminoloġija tad-dati 'uża sa' u 'l-aħjar qabel', biex ikun aktar faċli għall-konsumaturi li jifhmuhom; jekk jistax ikun ta' benefiċċju li ċerti dati għal prodotti fejn m'hemm involuti l-ebda riskji għas-saħħa jew għall-ambjent jitneħħew, u jekk jistax ikun rakkomandabbli li jiġu introdotti linji gwida Ewropej dwar din il-kwistjoni; jitlob lill-Kummissjoni twettaq studju ta' riċerka sabiex tevalwa r-rabta bejn l-immarkar tad-data u l-prevenzjoni tal-ħela tal-ikel;

49.  Jilqa' l-inizjattiva meħuda minn xi operaturi kbar tal-bejgħ bl-imnut biex jipromwovu skemi biex isir tibdil fil-prezzijiet tal-bejgħ tal-prodotti għall-konsum skont id-dati ta' skadenza tagħhom, bil-għan li tingħata spinta lis-sensibilizzazzjoni tal-konsumatur u jitħeġġeġ ix-xiri ta' prodotti li huma viċin tad-dati ta' skadenza tagħhom;

50.  Fid-dawl tal-fatt li ħafna mill-prodotti tal-ikel, fil-jiem wara l-iskadenza tad-data 'l-aħjar qabel', ikun għad għandhom il-karatteristiċi organolettiċi u nutrittivi tagħhom, għalkemm xi ftit ikunu naqsu, u jibqgħu jistgħu jiġu kkunsmati, sakemm jiġu osservati l-prinċipji tas-sikurezza tal-ikel; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika l-mudelli loġistiċi u organizzattivi li jistgħu jagħmluha possibbli li jiġu rkuprati, fis-sikurezza sħiħa, it-tipi kollha ta' prodotti li ma jkunux inbiegħu sa dik id-data;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw l-ipprezzar varjabbli b'rabta mad-dati ta' skadenza bħala għodda biex titnaqqas il-kwantità ta' prodotti tal-ikel li jistgħu jittieklu li jispiċċaw skart; iqis li l-ħela fl-istadju tad-distribuzzjoni tista' titnaqqas b'mod konsiderevoli billi jiġu introdotti skontijiet fi proporzjon għaż-żmien li jkun fadal qabel l-iskadenza tal-prodott; jemmen li prattika bħal din, li attwalment titwettaq fuq bażi volontarja, jenħtieġ li tiġi promossa u appoġġjata;

52.  Jitlob lill-Kummissjoni taġġorna l-lista tal-ikel attwalment eżentat mit-tikkettar "l-aħjar qabel" sabiex tiġi evitata l-ħela tal-ikel;

53.  Iqis li jinħtieġu aktar riċerka u informazzjoni dwar id-dati ta' skadenza, immirati lejn kull prodott, flimkien ma' azzjoni biex jiġi promoss u msaħħaħ il-konsum ta' prodotti friski u sfużi, u biex jonqsu l-imballaġġ u l-ħżin fuq perjodu twil;

54.  Jistieden lill-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-partijiet ikkonċernati jistabbilixxu kampanji ta' informazzjoni u komunikazzjoni biex jippromwovu l-fehim tal-konsumaturi u l-operaturi kollha fil-katina alimentari tal-prevenzjoni tal-ħela tal-ikel, tas-sikurezza tal-ikel, tal-valur tal-ikel u tal-prattiki tajba tal-ipproċessar, il-ġestjoni u l-konsum tal-ikel; jenfasizza li dawn l-inizjattivi jenħtieġ li jenfasizzaw li l-ġlieda kontra l-ħela tal-ikel twassal għal benefiċċji mhux biss għall-ambjent iżda anki f'termini ekonomiċi u soċjali; jitlob li jkun hemm użu u promozzjoni tal-għodod ta' informazzjoni moderni, bħall-użu ta' applikazzjonijiet mobbli, sabiex jintlaħqu wkoll il-ġenerazzjonijiet ż-żgħar, li primarjament jużaw il-midja diġitali; jitlob li l-kwistjoni tal-ħela tal-ikel u l-ġuħ, li llum hija problema serja, tiġi indirizzata b'mod xieraq; jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa għas-solidarjetà u li wieħed jaqsam ma' dawk l-aktar fil-bżonn;

55.  Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jipproklamaw Sena Ewropea kontra l-Ħela tal-Ikel, bħala sors importanti ta' informazzjoni u inizjattiva biex titqajjem kuxjenza fost iċ-ċittadini Ewropej, u biex ifittxu li jiffukaw l-attenzjoni tal-gvernijiet nazzjonali fuq din il-kwistjoni importanti, bil-għan li jkun hemm disponibbli biżżejjed fondi adegwati biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-ġejjieni qarib;

56.  Jenfasizza l-importanza li t-tfal jiġu edukati u involuti fil-prevenzjoni tal-iskart tal-ikel; jinnota li r-Rapport Speċjali Nru 34/2016 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħela tal-Ikel jisħaq fuq l-importanza tal-inklużjoni ta' messaġġi edukattivi relatati mal-ħela tal-ikel fil-miżuri ta' akkumpanjament tal-Iskema tal-Ħalib għall-Iskejjel u tal-Iskema tal-Frott u l-Ħaxix għall-Iskejjel u jirrapporta li ftit li xejn Stati Membri għażlu li jagħmlu dan; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jisfruttaw il-potenzjal sħiħ ta' dawn l-iskemi, li għandhom l-għan li joħolqu drawwiet tajba tal-ikel fost iż-żgħażagħ u jipprovdu opportunitajiet biex jitgħallmu dwar l-ikel frisk u dwar il-proċessi tal-produzzjoni agrikola;

57.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimmotivaw lill-familji biex jiġġieldu kontra l-ħela tal-ikel billi jippromwovu ġurnata fil-ġimgħa għall-fdalijiet tal-ikel u billi jagħtu informazzjoni dwar l-aħjar prattiki tax-xiri u t-tisjir biex jiġu segwiti mill-konsumaturi sabiex inaqqsu l-ħela tal-ikel tagħhom;

58.  Jisħaq fuq l-importanza li d-distribuzzjoni, il-konservazzjoni u l-proċeduri tal-imballaġġ jitfasslu kemm jista' jkun skont il-karatteristiċi ta' kull prodott u l-ħtiġijiet tal-konsumaturi, sabiex tiġi limitata l-ħela tal-prodott;

59.  Jisħaq fuq l-importanza, bil-ħsieb li titnaqqas il-ħela, li jiġi żgurat li l-ikel jitqassam u jinżamm bl-użu ta' metodi li huma adattati għall-karatteristiċi ta' kull prodott;

60.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati jipprovdu lill-konsumaturi informazzjoni aħjar dwar il-metodi jikkonservaw u/jew jużaw mill-ġdid il-prodotti;

61.  Jissottolinja r-rwol importanti tal-awtoritajiet lokali u l-intrapriżi muniċipali, flimkien ma' dak tal-bejjiegħa bl-imnut u l-midja, fl-għoti ta' informazzjoni u assistenza liċ-ċittadini dwar kif l-aħjar li jaħżnu/jew jużaw l-ikel sabiex jipprevjenu u jnaqqsu l-ħela tal-ikel;

62.  Jistieden lill-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri, toħroġ rakkomandazzjonijiet dwar it-temperaturi ta' tkessiħ, fid-dawl ta' evidenza li turi li t-temperaturi mhux ideali jew ħżiena jwasslu biex l-ikel, qabel ma jiskadi, ma jibqax tajjeb biex jittiekel, u jiġġeneraw ħela bla bżonn; jenfasizza l-fatt li l-livelli armonizzati tat-temperaturi fil-katina tal-provvista jtejbu l-konservazzjoni tal-prodotti u jnaqqsu l-ħela tal-ikel għal prodotti li huma ttrasportati u mibjugħa b'mod transkonfinali;

63.  Jenfasizza l-ħtieġa li s-settur agroambjentali jtejjeb l-ippjanar tal-produzzjoni tiegħu bil-għan li jiġu ristretti l-eċċessi tal-ikel; jenfasizza, madankollu, li livell minimu ta' eċċessi tal-ikel huwa attwalment fattur fiżjoloġiku fil-katina agroalimentari kollha, u li l-eċċessi tal-ikel huma kkawżati wkoll minn fatturi esterni li ma jistgħux jiġu kkontrollati; iqis, għal din ir-raġuni, li l-miżuri maħsuba biex jinkoraġġixxu d-donazzjoni jistgħu jikkostitwixxu għodda importanti biex jiġi evitat li l-eċċessi tal-ikel jispiċċaw skart;

64.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkoraġġixxu l-innovazzjoni u l-investiment fit-teknoloġiji tal-ipproċessar fil-produzzjoni agrikola fi sforz biex titnaqqas il-ħela tal-ikel fil-katina tal-provvista tal-ikel u biex jitnaqqas it-telf tal-ikel fil-produzzjoni tal-ikel fl-azjendi agrikoli mmexxija mill-familji;

65.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) biex inaqqsu l-ħela tal-ikel fil-produzzjoni primarja u s-settur tal-ipproċessar;

66.  Jisħaq fuq l-importanza li jitlaqqgħu flimkien il-bdiewa fil-kooperattivi jew fl-assoċjazzjonijiet professjonali sabiex jitnaqqas it-telf tal-ikel u dan billi jissaħħaħ l-għarfien tagħhom tas-swieq, li jippermetti programmazzjoni aktar effiċjenti u l-ekonomiji ta' skala, u billi titjieb il-kapaċità tagħhom li jikkummerċjalizzaw il-produzzjoni tagħhom;

67.  Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni, pereżempju permezz tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew korpi oħra bħal organizzazzjonijiet interprofessjonali u kooperattivi, biex jiżdied l-aċċess għall-finanzi għall-innovazzjoni u l-investiment f'teknoloġiji ta' trattamenti bħall-ikkompostjar u d-diġestjoni anaerobika, fejn xieraq, jew l-ipproċessar ulterjuri tal-prodotti, li jistgħu jippermettu lill-bdiewa jkollhom aċċess għal prodotti, swieq u klijenti ġodda; josserva, b'rabta ma' dan, li l-organizzazzjoni settorjali u l-użu ta' kuntratti jwasslu għal ġestjoni aħjar tal-produzzjoni u azzjoni aktar effikaċi kontra l-ħela tal-ikel; jemmen li biex jiġi rispettat il-prinċipju tal-prossimità huwa essenzjali li dan isir fil-livell lokali jew reġjonali;

68.  Jinnota l-benefiċċji tal-kooperazzjoni u d-diġitalizzazzjoni, li jippermettu aċċess aħjar għad-dejta u għal previżjonijiet tad-domanda, u tal-iżvilupp ta' programmi ta' produzzjoni minn qabel għall-bdiewa, li jippermettulhom ifasslu l-produzzjoni tagħhom skont id-domanda, jikkoordinaw aħjar mas-setturi l-oħra tal-katina tal-provvista tal-ikel, u jnaqqsu kemm jista' jkun il-ħela; jisħaq, minħabba n-natura diffiċli tat-tnaqqis tal-iskart tal-ikel li ma jistax jiġi evitat, fuq il-punt li l-użu effikaċi tal-iskart tal-ikel, inkluza l-bijoekonomija, għandu jiġi promoss;

69.  Huwa tal-fehma li, sabiex il-provvista tal-prodott taqbel aħjar mad-domanda, ir-regoli ta' tikkettar li jipprovdu informazzjoni xierqa dwar l-oriġini tal-ingredjenti u t-tekniki tal-produzzjoni u tal-ipproċessar użati jippermettu lill-konsumaturi jagħmlu xiri aktar informat, biex b'hekk ikollhom influwenza indiretta wkoll fuq il-fatturi ta' produzzjoni, li jkollhom impatt pożittiv mil-lat ambjentali, ekonomiku u soċjali;

70.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jgħarrfu aħjar lill-bdiewa u lill-konsumaturi dwar ġestjoni aktar effiċjenti tal-enerġija, l-ilma u r-riżorsi naturali tul il-katina tal-ikel kollha, sabiex tonqos b'mod sinifikanti l-ħela tar-riżorsi u tal-ikel, bil-għan li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-input u l-ħela tan-nutrijenti u tiżdied l-innovazzjoni u s-sostenibilità fis-sistemi tal-biedja;

71.  Iqis li huma meħtieġa aktar riċerka u informazzjoni sabiex tiġi evitata l-ħela tal-ikel fil-produzzjoni primarja u biex il-prattiki marbuta mal-ħela tal-ikel fil-produzzjoni agrikola, l-ipproċessar jew it-tqassim tal-ikel jiġu sostitwiti b'metodi favur l-ambjent;

72.  Jisħaq fuq il-punt li, sabiex il-ħela tal-ikel tinżamm għal minimu assolut, jenħtieġ li l-bdiewa jitqiegħdu f'pożizzjoni li, kemm teknikament kif ukoll ekonomikament, jużaw il-prodotti tagħhom bl-aktar mod effiċjenti mil-lat tar-riżorsi;

73.  Jemmen li l-inizjattivi mmexxija mill-bdiewa u mill-komunità jistgħu joffru soluzzjonijiet sostenibbli u vijabbli mil-lat ekonomiku u jipprovdu valur għal prodotti li inkella jinħlew, billi jiġu żviluppati swieq għall-prodotti li normalment jiġu esklużi mill-katina tal-ikel, u jenfasizza l-potenzjal ta' proġetti ta' innovazzjoni soċjali mmexxija mill-bdiewa u mill-komunità bħalma huma l-ġbir u l-għoti ta' ikel żejjed lill-assoċjazzjonijiet li jipprovdu għajnuna alimentari, inklużi l-banek tal-ikel; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrikonoxxu prattiki ta' dan it-tip u jippromwovuhom skont it-tieni pilastru tal-PAK;

74.  Jisħaq fuq il-punt li, sabiex titnaqqas il-ħela fl-istadju ta' produzzjoni, jenħtieġ li jintużaw tekniki u teknoloġiji innovattivi sabiex il-ħidma fl-għelieqi tagħti riżultati aħjar u dawk il-prodotti li ma jissodisfawx l-istandards tas-suq jiġu kkonvertiti f'oġġetti pproċessati;

75.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li kwantitajiet kbar ta' frott u ħaxix li jista' jittiekel ma jaslux fis-suq għal raġunijiet estetiċi u minħabba l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni; jinnota li hemm inizjattivi li kellhom suċċess li jagħmlu użu minn tali prodotti, u jħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati mis-settur tal-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut biex jippromwovu prattiki bħal dawn; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu l-iżvilupp tas-swieq għal dawn il-prodotti tal-ikel, u biex iwettqu riċerka dwar ir-relazzjoni bejn l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni u l-ħela tal-ikel f'dan il-kuntest;

76.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu flimkien biex jinfluwenzaw l-istandards pubbliċi tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE), bil-għan li jevitaw il-ħela tar-riżorsi billi jipprevjenu l-ħela tal-ikel;

77.  Iqis li kooperazzjoni akbar fost il-produtturi u l-użu ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi huma meħtieġa sabiex jippermettu u jippromwovu l-aċċess għal opportunitajiet fis-suq sekondarju, ħwienet oħra u użi alternattivi għall-eċċessi tal-ikel li inkella jerġgħu jinħartu fil-ħamrija jew jinħlew, biex b'hekk tingħata prijorità biex dawn il-prodotti jintużaw mill-ġdid għall-konsum tal-bniedem, bħal pereżempju billi jinbiegħu bi grad inferjuri għal ikel ipproċessat jew fi swieq lokali;

78.  Jinnota li dawk il-prodotti li jkunu għadhom jistgħu jintużaw għal skopijiet mhux alimentari, bħalma hi l-konverżjoni f'għalf, il-fertilizzazzjoni tal-għelieqi jew l-użu għall-produzzjoni tal-kompost u l-enerġija, għandhom jiġu distinti b'mod ċar minn dawk meqjusa bħala skart, sabiex ma jintilifx il-potenzjal tagħhom li jintużaw mill-ġdid;

79.  Jinnota li l-ammont ta' għelejjel mormija jista' jonqos jekk jinbiegħu eqreb lejn il-konsumaturi, pereżempju fis-swieq u l-ħwienet agrikoli tal-bdiewa, fejn iċ-ċirkwiti kummerċjali huma qosra u l-prodotti mixtrija huma prodotti lokali li ftit jinvolvu proċessar;

80.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jippromwovu ikel lokali u jappoġġjaw il-katini tal-provvista qosra u l-bejgħ fid-djar ta' prodotti agrikoli;

81.  Jisħaq fuq il-punt li l-prodotti lokali u reġjonali, kif ukoll l-iskemi agrikoli appoġġjati mill-komunità, jippermettu ktajjen tal-provvista iqsar, li jżidu l-istandards ta' kwalità tal-prodotti u jappoġġjaw id-domandi staġonali, u b'hekk ikun hemm benefiċċji soċjali, ambjentali u ekonomiċi konsiderevoli;

82.  Jemmen li l-ktajjen tal-provvista qosra jista' jkollhom rwol vitali fit-tnaqqis tal-ħela tal-ikel u l-imballaġġ żejjed, fit-tnaqqis tad-distanzi ta' kemm jivjaġġa l-ikel u billu jipprovdu ikel ta' kwalità ogħla u ktajjen tal-ikel trasparenti u billi, b'dan il-mod, isostnu l-vijabilità ekonomika tal-komunitajiet rurali;

83.  Jappella għall-promozzjoni ta' frott u ħxejjex tal-istaġjun f'kull Stat Membru;

84.  Jitlob li tingħata attenzjoni partikolari għall-benessri tal-annimali;

85.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw miżuri biex inaqqsu t-telf minħabba trattament ħażin tal-annimali;

86.  Jenfasizza li l-prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista jistgħu joħolqu l-ħela tal-ikel; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jeżaminaw kif prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista tal-ikel iwasslu għall-ħela tal-ikel, u biex joħolqu qafas ta' politika biex jiġġieldu dawn il-prattiki, fejn meħtieġ;

87.  Jemmen li jekk il-problema tal-prattiki kummerċjali inġusti tiġi solvuta, il-pożizzjoni tal-bdiewa, li huma l-ħolqa l-aktar dgħajfa fil-katina, titjieb, u, jekk il-produzzjoni żejda u l-akkumulazzjoni tal-eċċessi jonqsu, dan jista' jgħin mhux biss biex jiġu stabbilizzati l-prezzijiet u biex il-bdiewa jingħataw prezzijiet ġusti u remunerattivi mal-ħruġ mill-azjenda agrikola, iżda anke biex jitnaqqsu kemm il-ħela tal-ikel fil-katina kollha kif ukoll it-telf iġġenerat mill-azjendi agrikoli mmexxija mill-familji; jirrimarka li ħlas aktar ġust lill-produtturi jżid il-valur tal-prodotti, u li dan iwassal fi tnaqqis tal-ħela tal-ikel fil-ħoloq finali tal-katina tal-provvista;

88.  Jenfasizza li l-awtoritajiet u l-partijiet ikkonċernati lokali u reġjonali għandhom responsabbiltà ewlenija fl-implimentazzjoni tal-programmi ta' tnaqqis u prevenzjoni tal-ħela tal-ikel u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu dan fl-istadji kollha tal-proċess;

89.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrikonoxxi r-rwol li għandhom l-aġenziji pubbliċi li jipprovdu servizzi ta' interess ġenerali fil-ġestjoni tal-iskart u fl-isforzi għall-ġlieda kontra l-ħela tal-ikel u l-isforzi tal-impriżi, bħall-SMEs, li jikkontribwixxu direttament għall-ekonomija ċirkolari;

90.  Jistieden lill-Istati Membri jħeġġu lill-gvernijiet lokali, lis-soċjetà ċivili, lis-supermarkets u lil partijiet ikkonċernati rilevanti oħrajn biex jappoġġjaw inizjattivi li jnaqqsu l-ħela tal-ikel u jikkontribwixxu għal strateġija tal-ikel lokali, pereżempju, billi jinfurmaw lill-konsumaturi, permezz ta' applikazzjoni mobbli, dwar ikel mhux mibjugħ, biex b'hekk jiġu allinjati d-domanda u l-provvista;

91.  Jilqa' t-twaqqif ta' stabbilimenti tal-ikel fejn l-ikel li huwa tajjeb għall-konsum jista' jitħalla għal dawk fil-bżonn ("foodsharing"); jappella sabiex il-proċeduri jiġu ssimplifikati sabiex jiġi ffaċilitat l-istabbiliment ta' faċilitajiet bħal dawn;

92.  Huwa tal-fehma li l-akbar ostaklu fl-UE sabiex l-eċċess tal-ikel li jkun għadu jista' jittiekel jitwassal lil dawk fil-bżonn huwa n-nuqqas, jew xi minn daqqiet l-assenza totali, ta' kapaċità fil-kanali ta' distribuzzjoni; jinnota li l-organizzazzjonijiet tal-karità u l-korpi ta' ħidma soċjali mmexxija mill-istat jew mill-gvern lokali m'għandhomx biżżejjed materjal jew riżorsi umani biex jittrasportaw jew iqassmu l-ikel li jkun għadu jista' jittiekel li jiġi offrut għal finijiet ta' karità; jinnota li dan huwa minnu b'mod partikolari għar-reġjuni l-aktar żvantaġġati;

93.  Jinnota li l-industrija tal-ikel diġà ħadet inizjattivi biex tnaqqas il-ħela tal-ikel billi saħħet il-kooperazzjoni mal-assoċjazzjonijiet li jipprovdu għajnuna f'ikel, inklużi l-banek tal-ikel fl-Ewropa kollha;

94.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-ħolqien fl-Istati Membri ta' ftehimiet li jistipulaw li s-settur tal-ikel bl-imnut għandu jiddistribwixxi prodotti mhux mibjugħa lill-assoċjazzjonijiet tal-karità;

95.  Jappella biex ikun hemm involviment akbar min-naħa tal-partijiet ikkonċernati kollha sabiex jiġi żgurat li kull ikel li jkun wasal biex jiskadi l-ewwel jingħata għall-karità; jinnota, madankollu, li xorta għad hemm ostakoli għad-donazzjonijiet, l-aktar ta' natura legali; jistieden lill-Kummissjoni tiċċara l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali li jiskoraġġixxu d-donazzjonijiet;

96.  Jinsab imħasseb li 'l-kjarifika tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE li għandha x'taqsam mal-iskart, l-ikel u l-għalf, li tiffaċilita d-donazzjoni tal-ikel u l-użu mill-ġdid ta' dawk li kienu prodotti alimentari għall-għalf għall-annimali', kif imħabbar għall-2016(29), għadha ma ġietx indirizzata;

97.  Jilqa' l-abbozz ta' linji gwida tal-UE dwar id-donazzjoni tal-ikel bħala l-ewwel pass fid-direzzjoni t-tajba; madankollu, fid-dawl tad-diversi ostakoli għad-donazzjoni tal-ikel li hemm fil-leġiżlazzjoni tal-UE, jemmen li d-donazzjoni tal-ikel mhux mibjugħ tul il-katina tal-provvista tal-ikel kollha għandha tingħata aktar promozzjoni permezz tal-promulgazzjoni ta' bidliet leġiżlattivi;

98.  Jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-modalitajiet għad-donazzjoni tal-ikel lil karitajiet minn kumpaniji fil-pajjiż tal-produzzjoni, tkun xi tkun il-lingwa fuq l-imballaġġ tal-prodott; jirrimarka li d-donazzjonijiet ta' dawn l-oġġetti jenħtieġ li jsiru possibbli meta l-informazzjoni kritika għaż-żamma tas-sikurezza tal-ikel, eż. dwar l-allerġeni, tkun disponibbli għar-riċevituri fil-lingwi uffiċjali tal-Istati Membri tagħhom;

99.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw il-kooperazzjoni tal-partijiet ikkonċernati lokali u reġjonali rigward id-donazzjoni tal-ikel billi jnaqqsu l-ispejjeż tat-tranżazzjoni sabiex jitbaxxa l-limitu minimu għall-parteċipazzjoni, eż. billi jiġu offruti għodod mudell li jistgħu jiġu adattati għall-bżonnijiet lokali speċifiċi u jintużaw mill-atturi lokali sabiex jitqabblu l-provvista u d-domanda tal-eċċessi tal-ikel u sabiex il-loġistika tiġi organizzata b'mod aktar effiċjenti;

100.  Jilqa' l-istabbiliment tal-"Ħwienet tal-Merċa Soċjali", kif ukoll is-sħubijiet pubbliċi u privati ma' organizzazzjonijiet tal-karità, biex isir l-aħjar użu possibbli mill-ikel li jista' jittiekel iżda li ma jistax jinbiegħ;

101.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw appoġġ istituzzjonali u finanzjarju lil supermarkets soċjali, billi huma medjatur ewlieni fid-donazzjoni tal-ikel;

102.  Jinnota li l-operaturi tas-settur tal-ikel li jwettqu trasferimenti b'xejn tal-eċċessi tal-ikel jeħtiġilhom jikkonformaw ma' prattiki operazzjonali sodi sabiex jiggarantixxu s-sikurezza tal-ikel f'termini tal-iġjene u s-saħħa, bi qbil mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 852/2004;

103.  Jenfasizza r-rwol importanti li l-awtoritajiet nazzjonali jista' jkollhom sabiex jgħinu lill-atturi tul il-katina tal-provvista tal-ikel jużaw ikel li jista' jittiekel u l-ikel li wasal biex jiskadi, billi meta jimplimentaw rr-regoli dwar is-sikurezza tal-ikel jieħdu approċċ promozzjonali minflok wieħed punittiv;

104.  Jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-possibbiltà u l-effetti tal-introduzzjoni ta' leġiżlazzjoni bbażata fuq is-"Samaritan it-Tajjeb"; jistieden lill-Kummissjoni tikkjarifika kif atti leġiżlattivi bħar-Regolament (KE) Nru 178/2002 u d-Direttiva 85/374/KEE jirregolaw ir-responsabbiltà fid-donazzjoni tal-ikel;

105.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi bidla fid-Direttiva tal-VAT li tawtorizza espliċitament l-eżenzjonijiet mit-taxxa fuq id-donazzjonijiet tal-ikel; jistieden lill-Istati Membri jsegwu r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni u jistabbilixxu rata tal-VAT li tkun qrib iż-żero jekk donazzjoni tal-ikel issir qrib id-data ta' skadenza rakkomandata jew jekk l-ikel ma jkunx jista' jerġa' jinbiegħ;

106.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkumplimenta r-Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 dwar il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn(30), b'att ta' implimentazzjoni li jippromwovi l-użu tal-FEAD biex jiġu ffaċilitati d-donazzjonijiet tal-ikel billi jiffinanzja l-ispejjeż tal-ġbir, it-trasport, il-ħżin u d-distribuzzjoni u li jirregola l-użu ta' stokkijiet ta' intervent skont il-PAK; iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali biex jappoġġjaw l-istabbiliment ta' infrastruttura ta' donazzjoni tal-ikel fir-reġjuni u ż-żoni fejn din hija ineżistenti, inadegwata jew f'ammonti mhux suffiċjenti;

107.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ma jiddevjawx ir-riżorsi tal-FEAD li preċedentment kienu twarrbu għall-banek tal-ikel u għall-organizzazzjonijiet tal-karità lejn gruppi ta' mira oħrajn;

108.  Jirrimarka li d-donazzjonijiet tal-ikel ma jistgħux jitqiesu bħala miżura ċara biex jissolvew il-problemi ewlenin tal-faqar; jenfasizza, għalhekk, li għandhom jiġu evitati aspettattivi mhux realistiċi f'dan ir-rigward: wieħed ma jistenniex li d-donazzjonijiet tal-ikel jimmitigaw il-problemi soċjali kif ukoll jevitaw il-ħela tal-ikel; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tieħu azzjoni aktar determinata fil-prevenzjoni tal-faqar;

109.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkunu viġilanti fir-rigward tad-donazzjonijiet u jaċċertaw ruħhom li dawn ma jintużawx biex joħolqu suq alternattiv, billi dan jista' jwassal biex dawk fil-bżonn ma jibbenefikawx mid-donazzjonijiet tal-ikel u jiskoraġġixxi lin-negozji milli jagħtu donazzjonijiet;

110.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, mingħajr ma joħolqu piż mhux neċessarju fuq l-SMEs u l-organizzazzjonijiet volontarji, jimmonitorjaw mill-qrib id-donazzjonijiet tal-ikel sabiex jiżguraw li l-ikel ma jitwarrabx u jinbiegħ fi swieq alternattivi, għaliex dan ma jħallihx jilħaq dawk fil-bżonn u jiskoraġġixxi persuni fil-kummerċ milli jagħmlu donazzjonijiet, minħabba r-riskju li dan iwassal għal kompetizzjoni inġusta;

111.  Jistieden lill-atturi kollha fil-katina tal-provvista tal-ikel jerfgħu r-responsabbiltà kondiviża tagħhom u jimplimentaw id-Dikjazzjoni Konġunta dwar il-Ħela tal-Ikel "Every Crumb Counts" (Kull Farka Tgħodd) u r-"Retail agreement on waste" (Ftehim ta' bejgħ bl-imnut dwar il-ħela); jirrimarka li s-settur tal-bejgħ bl-imnut jiltaqa' ma' miljuni ta' konsumaturi kuljum, u huwa f'pożizzjoni unika biex jagħti spinta lill-għarfien u jqajjem kuxjenza dwar il-ħela tal-ikel, u b'hekk jiffaċilita għażliet infurmati; jenfasizza li l-prattiki ta' kummerċjalizzazzjoni bħall-"buy one, get one free"(ixtri wieħed u tingħata ieħor b'xejn) iżidu r-riskju li l-konsumaturi jixtru aktar minn kemm jistgħu jużaw; jenfasizza wkoll, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li jiġu offruti pakketti ta' daqs iżgħar għal unitajiet domestiċi iżgħar; jilqa' l-fatt li xi bejjiegħa bl-imnut ibigħu oġġetti tal-ikel b'dati "uża sa" qosra bi prezzijiet imnaqqsa iżda jemmen li din il-prattika jenħtieġ li tkun aktar mifruxa;

112.  Itenni li l-ħela tal-bajd għadha waħda mill-kwistjonijiet ewlenin għall-bejjiegħa bl-imnut; jitlob lill-Kummissjoni biex tfittex mezzi sabiex titnaqqas il-ħela tal-bajd filwaqt li titqies il-valutazzjoni xjentifika mill-EFSA, u jitlob lill-Istati Membri jgħarrfu kif xieraq lill-konsumaturi dwar din il-kwistjoni importanti;

113.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq studju dwar l-impatt tar-riformi tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) u l-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) fuq il-ġenerazzjoni u t-tnaqqis tal-ħela tal-ikel;

114.  Jenfasizza li l-għajxien tal-bdiewa jiddependi mit-twassil fis-suq tal-prodotti taħt kundizzjonijiet ekwi u bi prezzijiet remunerattivi u li t-telf tal-prodotti fil-livell tal-azjenda agrikola, inklużi prodotti mitlufa minħabba avvenimenti klimatiċi estremi jew mhux tas-soltu, prodotti li jġarrbu ħsara f'diżastru naturali jew li jinqerdu minħabba t-telf ta' suq jew minħabba prezzijiet baxxi, jammonta għal telf ta' investiment u ta' introjtu għall-bdiewa; jirrimarka, f'dan ir-rigward, li l-volatilità tal-prezzijiet fis-swieq agrikoli taffettwa l-produzzjoni u d-dħul tal-bdiewa u tista' tirriżulta fil-ħela ta' ikel u li, għaldaqstant, biex tiġi indirizzata l-volatilità tal-prezzijiet jeħtieġ li jinbnew għodod xierqa fil-PAK;

115.  Jisħaq fuq il-punt li l-Kummissjoni għadha ma wettqitx studju biex tiddetermina l-impatt tar-riformi differenti fuq il-volum tal-produzzjoni agrikola u l-effett tiegħu fuq il-ħela tal-ikel, u għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni tintegra l-kwistjoni tal-ħela tal-ikel fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politiki futuri tal-PAK;

116.  Jenfasizza li l-ħela tal-ikel fl-istadju tal-produzzjoni tista' tirriżulta wkoll mid-deterjorament tal-bażi ta' produzzjoni agrikola tagħna li tirriżulta mid-degradazzjoni tal-art, il-bijodiversità (dakkir imnaqqas) u r-riżorsi naturali ta' kull tip, u li jeħtieġ li jitqies b'mod xieraq dan fl-iżvilupp futur tal-agrikoltura u l-PAK;

117.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tal-Fond Ewropew għas-Sajd (FES) u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) sabiex inaqqsu l-ħela tal-ikel mill-ħut skartat u jitjiebu r-rati ta' sopravivenza tal-organiżmi mkabbra fl-akkwakultura;

118.  Jittama li l-obbligu ta' ħatt l-art fil-PKS, li bħalissa qed jiġi implimentat b'mod gradwali, se jwassal għal aktar rkaptu u prattiki tas-sajd selettivi u biex fl-aħħar mill-aħħar jintrema anqas ħut fil-baħar; jinnota, madankollu, li l-obbligu ta' ħatt l-art ma japplikax għall-ħut kollu u għalhekk jinħtieġu aktar miżuri;

119.  Huwa mħasseb dwar il-livell tal-ħela ta' ħut wara li jinqabad, minħabba n-natura tiegħu li jitħassar malajr u l-vjaġġi ta' spiss estermi li l-ħut jagħmel għall-ipproċessar, fejn spiss jivvjaġġa mill-Ewropa għall-Asja u lura għall-Ewropa għall-bejgħ finali;

120.  Itenni l-importanza tal-kunċett "impronta fuq l-ilma" għall-ikel u l-għalf;

121.  Jirrimarka li r-Regolament (KE) Nru 178/2002 fost l-ikel jinkludi wkoll l-ilma "intenzjonalment inkorporat fl-ikel matul il-manifattura tiegħu, tħejjija jew trattament" u li l-ilma huwa riżorsa strateġika ewlenija għall-industrija agroalimentari kollha;

122.  Jisħaq fuq il-punt li l-ħela tal-ikel, skont il-kwalità, it-tip u l-kwantità ta' ilma użat għall-produzzjoni tal-ikel, tinvolvi wkoll ħela sostanzjali ta' ilma;

123.  Josserva l-importanza li jittejjeb l-immaniġġjar tal-ilma relatat mal-agrikoltura, l-iżvilupp ta' sistemi ta' produzzjoni tal-ikel "intelliġenti fl-użu tal-ilma" u żieda f'dak li għandu x'jaqsam mas-sigurtà u s-sikurezza tal-ikel u l-ikel f'żoni li huma l-aktar f'riskju minħabba t-tibdil fil-klima;

124.  Jenfasizza li soluzzjonijiet innovattivi u li jħarsu l-ambjent f'oqsma bħall-immaniġġjar ta' prodotti derivati u prodotti sekondarji tal-produzzjoni tal-ikel, il-kummerċ fl-ikel, il-ħażna tal-ikel, iż-żmien kemm jista' jinħażen, it-teknoloġiji diġitali u l-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel, jistgħu joffru potenzjal sinifikanti għat-tnaqqis tal-ħela tal-ikel; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lil partijiet ikkonċernati oħrajn jappoġġjaw ir-riċerka f'dawn l-oqsma u jippromwovu soluzzjonijiet sostenibbli u effikaċi; jemmen li s-servizzi tal-ekonomija kollaborattiva huma importanti biex jagħtu spinta lis-sensibilizzazzjoni u jippromwovu l-konsum sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni tmexxi 'l quddiem l-innovazzjoni permezz ta' proġetti u programmi ta' riċerka ffinanzjati mill-baġit tal-UE, bħas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni;

125.  Jenfasizza r-responsabilità tal-atturi kollha fil-katina tal-provvista, inklużi l-produtturi ta' sistemi tal-imballaġġ, fil-prevenzjoni tal-ħela tal-ikel; jenfasizza l-kontribut pożittiv ta' materjali u soluzzjonijiet tal-imballaġġ tal-ikel għall-prevenzjoni tat-telf tal-ikel u tal-ħela tal-ikel tul il-katina tal-provvista, pereżempju imballaġġ li jnaqqas it-telf tal-ikel fit-trasport, fil-ħżin u fid-distribuzzjoni, u li jippreserva l-kwalità u l-iġjene tal-ikel għal aktar żmien, jew li jtawwal iż-żmien kemm jista' jinħażen; jenfasizza, madankollu, il-ħtieġa li l-imballaġġ ikun adatt għall-iskop tiegħu (jiġifieri l-ebda imballaġġ żejjed jew nieqes) u jkun adattat għall-ħtiġijiet tal-prodott u tal-konsumaturi, kif ukoll il-ħtieġa li tiġi kkunsidrata l-perspettiva taċ-ċiklu tal-ħajja fuq il-prodott ippakkjat kollu kemm hu, inkluż id-disinn u l-użu tal-imballaġġ; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jivvalutaw il-benefiċċji tal-imballaġġ tal-ikel, b'bażi bijoloġika, bijodegradabbli u kompostabbli, billi jitqies l-impatt fuq is-saħħa tal-bniedem u s-sikurezza tal-ikel u billi jittieħed approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja; jenfasizza li l-objettivi tat-tnaqqis tal-ħela tal-ikel għandhom ikunu konsistenti mal-miżuri u l-għanijiet tad-Direttiva 94/62/KE, b'mod partikolari l-objettiv ta' tnaqqis sinifikanti fil-konsum tal-imballaġġ mhux riċiklabbli u tal-imballaġġ eċċessiv;

126.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jappoġġjaw l-iżvilupp u l-użu ta' materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel attivi u intelliġenti u soluzzjonijiet innovattivi oħrajn li jikkontribwixxu b'mod pożittiv għall-effiċjenza fir-riżorsi u għall-ekonomija ċirkolari; jirrimarka li l-leġiżlazzjoni rilevanti dwar il-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel jenħtieġ li tiżgura livell massimu ta' protezzjoni tal-konsumatur għall-materjal tal-imballaġġ kollu, inkluż il-materjal importat minn pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tippreżenta regoli armonizzati tal-UE għall-materjal li jiġi f'kuntatt mal-ikel u tagħti prijorità lit-tfassil ta' miżuri speċifiċi tal-UE għall-materjali bħall-karta u l-kartun f'konformità mar-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1935/2004(31) dwar Materjali li jiġu f'Kuntatt mal-Ikel;

127.  Jirrakkomanda l-promozzjoni tal-użu ta' kodiċijiet volontarji ta' prattika tajba fin-negozju żviluppati minn organizzazzjonijiet settorjali fis-setturi tal-ikel, tal-catering u tal-lukandi bil-għan li jsir użu ottimali tal-prodotti u tiġi promossa d-donazzjoni lil skemi mmirati biex jiġbru l-ikel żejjed għal skopijiet soċjali;

128.  Jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu l-konklużjoni tal-ftehimiet jew il-memoranda ta' qbil biex jippromwovu mġiba responsabbli u prattiki tajba mfassla sabiex titnaqqas il-ħela tal-ikel, inkluż it-tagħmir ta' operaturi tal-forniment tal-ikel b'kontenituri li jistgħu jerġgħu jintużaw, magħmula minn materjal li jista' jiġi riċiklat, sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jieħdu d-dar il-fdalijiet tal-ikel tagħhom;

129.  Jirrakkomanda li, fejn xieraq, il-prodotti lokali u reġjonali u l-prodotti staġjonali jintużaw fil-catering u fis-settur tal-ospitalità biex titqassar il-katina tal-produzzjoni u l-konsum, biex b'hekk sabiex jitnaqqas l-għadd ta' stadji tal-ipproċessar u b'hekk l-iskart iġġenerat matul id-diversi fażijiet;

130.  Jenfasizza l-fatt li l-iżviluppi fis-settur diġitali joffru ħafna opportunitajiet għall-prevenzjoni tal-ġenerazzjoni tal-ħela tal-ikel, b'mod partikolari l-ħolqien ta' pjattaformi ta' "salvataġġ tal-ikel", li jippermettu li s-settur tal-catering joffri platti tal-ikel mhux mibjugħa bi prezzijiet imnaqqsa; jenfasizza l-fatt li esperimenti bħal dawn taw riżultati sinifikanti fl-Istati Membri fejn ġew żviluppati;

131.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrikonoxxi l-kontribut ta' inizjattivi soċjalment responsabbli, bħall-"Healthy Nutritional Standard" (Standard Nutrizzjonali b'Saħħtu), li l-objettiv tiegħu huwa li jipprovdi informazzjoni aħjar dwar l-ikel lil gruppi differenti ta' konsumaturi bi ħtiġijiet jew preferenzi tal-ikel speċjali permezz ta' tikkettar tal-ikel volontarju u koregolat f'ristoranti u fit-turiżmu sabiex titnaqqas il-ħela tal-ikel f'dak il-qasam;

132.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu f'kooperazzjoni mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jgħinuhom itejbu l-infrastruttura tal-katina tal-ikel tagħhom u jnaqqsu l-livelli tal-ħela tal-ikel tagħhom;

133.  Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-Unjoni Ewropea jinkludu r-rekwiżit li s-sejħa għall-offerti relatati mal-catering ikunu akkumpanjati bi pjanijiet ta' ġestjoni u tnaqqis tal-iskart tal-ikel; jitlob lill-kwesturi jagħtu prijorità lill-azzjonijiet sabiex titnaqqas il-ħela tal-ikel fil-Parlament Ewropew u jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet Ewropej l-oħrajn biex isegwu dan; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jnaqqsu l-ħela tal-ikel fl-istabbilimenti pubbliċi;

134.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

(1) Testi adottati, P8_TA(2015)0266.
(2) ĠU C 227 E, 6.8.2013, p. 25.
(3) Testi adottati, P8_TA(2016)0250.
(4) ĠU C 17, 18.1.2017, p. 28.
(5) ĠU C 161, 6.6.2013, p. 46.
(6) FAO, "Food wastage footprint. Impacts on natural resources" (L-Impronta tal-Ħela tal-ikel. L-Impatti fuq ir-riżorsi naturali); Ruma, 2013.
(7) FAO, 2015. Food wastage footprint and climate change (L-impronta tal-ħela tal-ikel u t-tibdil fil-klima).
(8) https://www.wfp.org/hunger/stats.
(9) The State of Food Insecurity in the World (Il-qagħda tal-Insigurtà Alimentari fid-Dinja) 2015, FAO, NU.
(10) Development Goals in an Era of Demographic Change (Għanijiet ta' Żvilupp fi Żmien ta' Tibdil Demografiku), Rapport ta' Monitoraġġ Globali 2015/2016, Bank Dinji.
(11) http://www.un.org/en/development/desa/news/population/2015-report.html
(12) FUSIONS, Estimates of European food waste levels (Estimi tal-livelli tal-ħela tal-ikel fl-Ewropa), Marzu 2016.
(13) Eurostat, "People at risk of poverty or social exclusion" (Persuni f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali).
(14) FUSIONS, Estimates of European food waste levels (Estimi tal-livelli tal-ħela tal-ikel fl-Ewropa), Marzu 2016.
(15) WRAP, 2015. Household Food Waste in the UK (Il-Ħela tal-Ikel mill-Familji fir-Renju Unit), 2015.
(16) FAO (2011) "Global food losses and food waste" (It-telf u l-ħela tal-ikel fuq livell globali).
(17) Rapport Speċjali Nru 34/2016 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri: Il-Ġlieda kontra l-Ħela tal-Ikel: opportunità għall-UE sabiex ittejjeb l-effiċjenza fir-riżorsi tal-katina tal-provvista tal-ikel", p. 14.
(18) L-Istandard tar-Rapportar u l-Kontabbiltà tat-Telf u l-Ħela tal-Ikel, 2016.
(19) Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).
(20) ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18.
(21) Flash Eurobarometer 425, "Food waste and date marking" (Il-ħela tal-ikel u l-marki tad-data), Settembru 2015.
(22) Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).
(23) Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1); Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta' iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55). Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206).
(24) "Comparative Study on EU Member States' legislation and practices on food donation" (Studju Komparattiv dwar il-leġiżlazzjoni u l-prattiki tal-Istati Membri tal-UE dwar id-donazzjoni tal-ikel) (2014), ikkummissjonat mill-Kunsill Ekonomiku u Soċjali Ewropew.
(25) ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(26) Tweġiba konġunta għal żewġ mistoqsijiet parlamentari (E-003730/13, E-002939/13), 7 ta' Mejju 2013.
(27) "Comparative Study on EU Member States' legislation and practices on food donation" (Studju Komparattiv dwar il-leġiżlazzjoni u l-prattiki tal-Istati Membri tal-UE dwar id-donazzjoni tal-ikel) (2014), ikkummissjonat mill-Kunsill Ekonomiku u Soċjali Ewropew.
(28) Dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni, "Executive summary of the impact assessment, impact assessment on measures addressing food waste to complete SWD(2014)0207 regarding the review of EU waste management targets" (Sommarju eżekuttiv tal-valutazzjoni tal-impatt, il-valutazzjoni tal-impatt dwar il-miżuri li jindirizzaw il-ħela tal-ikel biex jiġi kompletat SWD (2014)0207 dwar ir-reviżjoni tal-miri tal-immaniġġjar tal-iskart tal-UE (SWD(2014)0289, 23.9.2014).
(29) Anness tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni COM(2015)0614.
(30) ĠU L 72, 12.3.2014, p. 1.
(31) Testi adottati, P8_TA(2016)0384.

Avviż legali - Politika tal-privatezza