Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2683(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0358/2017

Dibattiti :

PV 18/05/2017 - 9.3
CRE 18/05/2017 - 9.3

Votazzjonijiet :

PV 18/05/2017 - 11.3

Testi adottati :

P8_TA(2017)0220

Testi adottati
PDF 277kWORD 54k
Il-Ħamis, 18 ta' Mejju 2017 - Strasburgu
Is-Sudan t'Isfel
P8_TA(2017)0220RC-B8-0358/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Mejju 2017 dwar is-Sudan t'Isfel (2017/2683(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sudan u s-Sudan t'Isfel,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-8 ta' Mejju 2017 maħruġa mit-Trojka (l-Istati Uniti, ir-Renju Unit u n-Norveġja) u l-UE dwar is-sitwazzjoni tas-sigurtà fis-Sudan t'Isfel,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-29 ta' April 2017 maħruġa mill-kelliem tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar is-Sudan t'Isfel,

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tat-13 ta' April 2017 tal-Panel ta' Esperti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar is-Sudan t'Isfel,

–  wara li kkunsidra l-komunikat tal-25 ta' Marzu 2017 tat-30 Summit straordinarju tal-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD) dwar is-Sudan t'Isfel,

–  wara li kkunsidra r-riżultat tal-34 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem f'Ġinevra, li saret mis-27 ta' Frar sal-24 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-23 ta' Marzu 2017 maħruġa mill-President tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar is-Sudan t'Isfel,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew tal-1 ta' Frar 2017,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2327 (2016) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tas-16 ta' Diċembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar is-Sudan t'Isfel tat-12 ta' Diċembru 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport umanitarju tad-9 ta' Mejju 2017 tal-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim tal-IGAD dwar ir-Riżoluzzjoni tal-Konflitt fis-Sudan t'Isfel (ARCSS) tas-17 ta' Awwissu 2015,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Komprensiv ta' Paċi (CPA) Sudaniż tal-2005,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou rivedut,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-Sudan t'Isfel ilu involut fi gwerra ċivili għal aktar minn tliet snin, li faqqgħet wara li Salva Kiir, il-President tal-pajjiż u membru tal-grupp etniku Dinka, akkuża lill-Viċi President tiegħu li tneħħa mill-kariga, Riek Machar, ta' etniċità Nuer, li kien ippjana kolp ta' stat kontrih; billi Riek Machar ċaħad li għamel attentat ta' kolp ta' stat;

B.  billi, minkejja l-iffirmar tal-ARCSS f'Awwissu 2015, għad hemm nuqqas totali ta' kunsiderazzjoni għad-drittijiet internazzjonali tal-bniedem u għad-dritt umanitarju u nuqqas ta' obbligu ta' rendikont għal ksur u abbużi li jitwettqu waqt il-kunflitti;

C.  billi l-pajjiż qed jiffaċċja karestija u kollass ekonomiku minħabba l-gwerra ċivili, fejn aktar minn 3,6 miljun ruħ kienu mġiegħla jaħarbu minn darhom u madwar 4,9 miljun ruħ qed jgħixu f'insikurezza tal-ikel; billi l-ħtiġijiet umanitarji komplew jiżdiedu għal livelli allarmanti, fejn huwa stmat li madwar 7,5 miljun ruħ jinsabu fi bżonn ta' għajnuna umanitarja u aktar minn miljun ruħ bħalissa qed jirċievu kenn f'binjiet tan-NU; billi l-aġenziji tan-NU saħħew l-appell tagħhom għall-għajnuna umanitarja, billi qalu li għandhom bżonn ta' mill-inqas USD 1,4 biljun biex jgħinu ħalli jittaffew il-livelli "inkonċepibbli" ta' tbatija; billi 14 % biss ta' din is-sejħa ġew iffinanzjati s'issa;

D.  billi, bir-rati attwali, sa tmiem l-2017 nofs il-popolazzjoni tal-pajjiż se jkunu mietu jew ġew spostati; billi mhuwiex magħruf kemm nies ġew maqtula minħabba l-vjolenza;

E.  billi, skont l-aħħar rapport tal-panel ta' esperti tan-NU, il-Gvern tas-Sudan t'Isfel instab li huwa wieħed mill-akbar atturi li jwettqu l-vjolenza u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, filwaqt li l-karestija qed tiġi kkunsidrata bħala “magħmula mill-bniedem” u l-fatt li l-Gvern tas-Sudan t'Isfel qed itajjar il-flus fuq l-armi qed jiġi meqjus bħala waħda mill-kawżi ewlenin;

F.  billi f'dawn l-aħħar ġimgħat offensivi kbar tal-gvern f'Yuai, Waat, Tonga u Kodok irriżultaw f'konsegwenzi umanitarji traġiċi, inkluż l-ispostament ta' bejn 50 000 u 100 000 individwu; billi dan qed iseħħ wara l-qtil ta' għadd kbir ta' persuni ċivili fit-8 ta' April 2017 fil-belt ta' Wau fil-Punent tal-pajjiż bħala att ta' kastig kollettiv fuq bażi ta' etniċità u ta' fehmiet politiċi; billi l-forzi tal-gvern qed ikomplu jimmiraw għal persuni ċivili, bi ksur tal-liġi dwar il-kunflitt armat, u mblukkaw lill-missjoni tan-NU milli tipproteġi lill-popolazzjoni ċivili;

G.  billi l-isptarijiet u l-kliniki ġew meqruda mill-gvern, att li jikkostitwixxi delitt tal-gwerra; billi t-tagħmir mill-isptarijiet u mill-kliniki ġie misruq, fatt li wassal għall-għeluq ta' bini u biex in-nies ma setgħux jirċievu kura medika li ssalva l-ħajja;

H.  billi kważi waħda minn kull tliet skejjel fis-Sudan t'Isfel ġiet meqruda, iddanneġġjata, okkupata jew magħluqa, b'impatt fuq l-edukazzjoni ta' ġenerazzjoni sħiħa ta' tfal; billi aktar minn 600 000 tifel u tifla taħt l-età ta' ħames snin huma stmati li huma nieqsa min-nutrizzjoni b'mod akut;

I.  billi madwar żewġ miljun tifel u tifla ħarbu mill-pajjiż, li jikkostitwixxu 62 % tar-rifuġjat li telqu mis-Sudan t'Isfel, fejn il-kunflitt ikkawżalhom trawma, stress u taqlib emozzjonali insopportabbli; billi huwa stmat li 17 000 tifel u tifla, l-aktar subien, ġew irreklutati jew użati bħala suldati minn forzi u gruppi armati fil-pajjiż; billi eluf ta' tfal inqatlu, ġew stuprati, sfaw spostati jew spiċċaw orfni;

J.  billi n-nisa u l-bniet jiġu sistematikament stuprati u maħtufa bħala arma tal-gwerra, fejn stħarriġ tan-NU sab li 70 % tan-nisa li jgħixu fil-kampijiet għall-persuni spostati internament f'Juba kienu ġew stuprati, fil-maġġoranza vasta tagħhom mill-pulizija jew mis-suldati;

K.  billi minħabba l-instabilità fil-pajjiżi ġirien, is-Sudan t'Isfel qed jospita wkoll madwar 270 000 rifuġjat mis-Sudan, mir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), mill-Etjopja u mir-Repubblika Ċentru-Afrikana (RĊA);

L.  billi f'Ġunju 2016, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ddikkjarat tifqigħa tal-kolera, li diġà affettwat eluf u kien rappurtat li kompliet tinxtered f'dawn l-aħħar ġimgħat; billi bosta mwiet mill-kolera, il-malarja, il-ħosba, id-dijarea u mard respiratorju akut huma r-riżultat ta' faqar estrem u kundizzjonijiet ta' għajxien kundannabbli, u ħafna mwiet setgħu jiġu evitati sempliċement kieku dawk il-persuni kellhom aċċess għall-kura tas-saħħa;

M.  billi l-ARCSS jistipula li l-mandat tal-Gvern ta' Tranżizzjoni ta' Unità Nazzjonali (TGNU) jenħtieġ li jintemm wara l-elezzjonijiet ta' Awwissu 2018;

N.  billi, skont rapporti tan-NU u rapporti kredibbli oħra, sensara bbażati fi Stati Membri tal-UE kif ukoll bosta pajjiżi terzi ittrasferixxew ħelikopters u machine guns lill-fazzjonijiet armati fis-Sudan t'Isfel u pprovdew assistenza loġistika militari; billi n-natura mtawla tal-kunflitt ippermettiet il-ħolqien ta' gruppi armati ġodda u l-militarizzazzjoni tas-soċjetà;

O.  billi l-għadd ta' attakki kontra konvoys u persunal umanitarji huwa estremament inkwetanti; billi mill-inqas 79 ħaddiem li jagħtu l-għajnuna nqatlu minn Diċembru 2013 'l hawn; billi, reċentement, f'Marzu 2017, sitt ħaddiema li jagħtu l-għajnuna u s-sewwieqa tagħhom inqatlu f'dak li kien l-agħar attakk kontra l-ħaddiema tal-għajnuna umanitarja s'issa;

P.  billi fil-21 ta' Frar 2017, il-Kummissjoni ħabbret pakkett ta' għajnuna ta' emerġenza b'valur ta' EUR 82 miljun wara li faqqgħet il-karestija; billi l-UE hija waħda mill-akbar donaturi lill-pajjiż, u tipprovdi aktar minn 40 % tal-finanzjament umanitarju kollu biex jappoġġa programmi biex jiġu salvati l-ħajjiet fl-2016 u madwar EUR 381 miljun f'għajnuna umanitarja mill-bidu tal-kunflitt fl-2013;

1.  Jesprimi t-tħassib profond tiegħu rigward il-kunflitt kontinwu fis-Sudan t'Isfel; jitlob li jintemmu minnufih l-operazzjonijiet militari kollha u għal darb' oħra jfakkar lill-President Salva Kiir, kif ukoll lill-eks Viċi President, Rick Machar, fl-obbligi tagħhom taħt l-ARCSS; jistieden lill-President Kiir jimplimenta minnufih l-impenn tiegħu għal waqfien mill-ġlied unilaterali kif mgħoddi lill-kapijiet ta' stat tal-IGAD fil-25 ta' Marzu 2017;

2.  Jitlob li jkun hemm waqfien immedjat u komplet mill-partijiet kollha għall-kunflitt armat tal-atti kollha ta' vjolenza sesswali kontra persuni ċivili, speċjalment kontra n-nisa u l-bniet; ifakkar li l-istupru bħala arma tal-gwerra jikkostitwixxi reat tal-gwerra punibbli taħt il-liġi internazzjonali; jistieden lill-Gvern tas-Sudan t'Isfel joffri protezzjoni lill-gruppi vulnerabbli kollha, iressaq lill-atturi tar-reati quddiem il-ġustizzja u jtemm l-impunità fost il-pulizija u l-armata;

3.  Jikkundanna l-attakki kollha kontra l-persuni ċivili u l-ħaddiema li jagħtu l-għajnuna umanitarja, billi jżid jgħid li l-attakki kontra dawn tal-aħħar ixekklu l-għajnuna u l-provvisti li jsalvaw il-ħajjiet; jenfasizza li ma jista' jkun hemm ebda soluzzjoni militari għall-kunflitt u li l-Gvern tas-Sudan t'Isfel irid jiżgura li jkun hemm waqfien mill-ġlied sinifikanti li juri impenn ġenwin lejn il-paċi u l-istabilità; jemmen li l-obbligu tal-paċi għandu jmur lil hinn minn sempliċi waqfien mill-ostilitajiet u għandu jinkludi l-irtirar tat-truppi, ix-xoljiment tal-milizzji etniċi, u l-permess mingħajr xkiel ta' għajnuna umanitarja u r-rilaxx tal-priġunieri politiċi;

4.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-pajjiż kollu, li qed tkompli tmur għall-agħar; jitlob, għalhekk, għal darb' oħra lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-għajnuna umanitarja sabiex itaffu l-karestija, u jagħmlu pressjoni fuq il-Gvern tas-Sudan t'Isfel biex jiżgura li r-rotot tal-provvista tal-għajnuna umanitarja jibqgħu miftuħa;

5.  Jiddeplora r-reklutaġġ tat-tfal fil-kunflitt armat min-naħat kollha fis-Sudan t'Isfel; jenfasizza li r-reklutaġġ tat-tfal mill-partijiet tal-kunflitt huwa delitt tal-gwerra, li għalih il-kmandanti għandhom jinżammu kriminalment responsabbli; iwissi li ġenerazzjoni sħiħa ta' żgħażagħ tinsab fil-periklu li tesperjenza trawma qawwija, taqlib emozzjonali sever u li ma tirċievi l-ebda edukazzjoni; jitlob li l-programmazzjoni umanitarja u ta' żvilupp tal-UE tgħin fil-provvediment tal-edukazzjoni bażika u r-rijabilitazzjoni fit-tul u l-għoti ta' pariri; jikkundanna bil-qawwa l-użu ta' faċilitajiet edukattivi għal operazzjonijiet militari;

6.  Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) jużaw ir-riżorsi kollha disponibbli biex jinvolvu n-NU, l-Unjoni Afrikana (UA) u l-IGAD fil-varar ta' proċess politiku ġdid biex jinkisbu waqfien mill-ġlied dejjiemi u l-implimentazzjoni sħiħa tal-kapitoli dwar is-sigurtà u l-governanza tal-ftehim ta' paċi;

7.  Iqis li l-UA, appoġġata mill-UE u l-Istati Membri tagħha, għandu jkollha rwol attiv fil-medjazzjoni ta' soluzzjoni politika biex tinkiseb paċi dejjiema fis-Sudan t'Isfel, inkluż billi tiddedika aktar riżorsi lill-mibgħut tal-UA fis-Sudan t'Isfel, Alpha Oumar Konare; jappoġġa t-talbiet li tiġi organizzata konferenza internazzjonali mill-Kummissjoni tal-UA, bil-parteċipazzjoni tan-NU u l-IGAD, bl-għan li jiġu magħquda u rikonċiljati l-isforzi internazzjonali biex tintemm il-gwerra fis-Sudan t'Isfel;

8.  Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-ħidma tar-Rappreżentant Speċjali tan-NU għas-Sudan t'Isfel u l-mandat tal-missjoni tan-NU fis-Sudan t'Isfel (UNMISS) u l-Forza ta' Protezzjoni Reġjonali tagħha, li għandhom il-kompitu li jipproteġu lill-persuni ċivili u jiskoraġġixxu l-vjolenza kontrihom, u li joħolqu l-kondizzjonijiet meħtieġa għat-twassil ta' għajnuna umanitarja; jistieden lill-partiti kollha jiffaċilitaw l-iskjerament rapidu ta' Forza ta' Protezzjoni Reġjonali attiva bil-mandat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, sabiex tissaħħaħ il-preżenza attiva tal-UNMISS, u jistieden lill-Istati Membri u lill-VP/RGħ isaħħu b'mod urġenti u sinifikanti l-UNMISS b'kapaċitajiet Ewropej;

9.  Jenfasizza, bħala kwistjoni ta' urġenza, il-ħtieġa li tiġi stabbilita qorti ibrida għas-Sudan t'Isfel, li jinvolvi l-adozzjoni ta' statuti legali mill-UA u assistenza b'riżorsi min-NU u l-UE; ifakkar li din tikkostitwixxi parti mill-ftehim ta' paċi tal-2016 u għalhekk ma għandhiex tkun miftuħa għal negozjar mill-ġdid;

10.  Jinsisti li, sabiex ikun sinifikattiv u inklużiv, il-proċess ta' djalogu nazzjonali għandu jissodisfa kriterji ta' referenza ċari, inklużi t-tmexxija newtrali u l-inklużjoni tal-gruppi tal-oppożizzjoni u taċ-ċittadini tas-Sudan t'Isfel li jgħixu barra minn pajjiżhom, u li għandu wkoll jinkludi rappreżentanti mill-partijiet kollha għall-kunflitt u partijiet ikkonċernati oħra mis-Sudan t'Isfel, inklużi rappreżentanti tan-nisa, biex ikun leġittimu u effettiv;

11.  Jikkundanna t-tentattivi kollha biex tiġi limitata l-libertà tal-espressjoni, li hija dritt bażiku tal-bniedem u parti minn dibattitu politiku ġenwin; jiddeplora l-qtil ta' ħaddiema tal-għajnuna umanitarja, rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u ġurnalisti, u jitlob li min wettaq dawn id-delitti jitressaq quddiem il-ġustizzja; jitlob il-ħelsien immedjat tal-priġunieri politiċi kollha;

12.  Jikkundanna l-attakki kollha fuq il-binjiet edukattivi u pubbliċi u l-użu ta' skejjel għal skopijiet militari; jistieden lill-partijiet jirrispettaw il-linji gwida għall-Protezzjoni tal-Iskejjel u l-Universitajiet minn Użu Militari waqt Kunflitt Armat;

13.  Jiddispjaċih li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU naqas milli jadotta riżoluzzjoni fit-23 ta' Diċembru 2016 li kienet timponi embargo fuq l-armi fuq is-Sudan t'Isfel u projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi fuq tliet mexxejja għolja tas-Sudan t'Isfel; jitlob lill-UE taħdem għal embargo internazzjonali fuq l-armi kontra s-Sudan t'Isfel, u li dan jiġi infurzat b'mod effettiv; jinsab allarmat b'rapporti ta' trasferimenti ta' armi lejn is-Sudan t'Isfel, bi vjolazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/CFSP, iffaċilitat minn sensara li huma bbażati fi Stati Membri tal-UE; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Viċi President/ir-Rappreżentant Għoli jinfurzaw il-konformità mar-reġim ta' kontroll tal-armamenti tal-UE u jieħdu passi formali kontra kwalunkwe pajjiż terz li jkun intwera li jesporta armi u assistenza militari lis-Sudan t'Isfel;

14.  Jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw li kwalunkwe rimpatriju jew rilokazzjoni ta' persuni spostati internament jitwettaq b'mod sikur u dinjituż; jitlob l-użu ta' sanzjonijiet immirati kontra kwalunkwe figura militari jew politika ewlenija tal-gvern jew tal-oppożizzjoni li tipperpetwa l-kunflitt jew twettaq abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, bħala parti minn strateġija tal-UE biex jiġi żgurat it-twassil tal-għajnuna umanitarja, il-preservazzjoni ta' waqfien mill-ġlied u t-twettiq ta' proċess politiku mġedded biex jiġi implimentat il-ftehim ta' paċi;

15.  Jemmen li, minħabba kunflitt rikorrenti, l-insikurezza u l-ispostament tal-massa, ma jistgħux isiru elezzjonijiet kredibbli u paċifiċi fl-ambjent politiku attwali; ifakkar li l-mandat tal-Gvern ta' Tranżizzjoni ta' Unità Nazzjonali jibqa' validu sa Ġunju 2018; jenfasizza l-importanza li n-nisa tas-Sudan t'Isfel jingħataw rwol sħiħ fit-taħdidiet ta' paċi u fl-iggvernar tal-pajjiż; jitlob lill-UE tappoġġa lin-nisa fil-livell tal-komunità, li jagħmlu differenza li titkejjel fil-kwalità tan-negozjati tal-paċi billi jreġġgħu lura l-mewġa ta' suspett u jibnu l-fiduċja u jippromwovu r-rikonċiljazzjoni;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern tas-Sudan t'Isfel, lill-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp, lill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tas-Sudan t'Isfel, lill-Assemblea Leġiżlattiva Nazzjonali tas-Sudan t'Isfel, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE u lis-Segretarju Ġenerali tan-NU.

Avviż legali - Politika tal-privatezza