Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2266(IMM)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0203/2017

Testi mressqa :

A8-0203/2017

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 01/06/2017 - 7.1

Testi adottati :

P8_TA(2017)0232

Testi adottati
PDF 262kWORD 51k
Il-Ħamis, 1 ta' Ġunju 2017 - Brussell
Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Béla Kovács
P8_TA(2017)0232A8-0203/2017

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Béla Kovács (2016/2266(IMM))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Béla Kovács, mibgħuta fid-19 ta' Settembru 2016 minn Dr Péter Polt, il-Prosekutur Ġenerali tal-Ungerija, b'rabta ma' proċedimenti kriminali mibdija mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Ewlieni Ċentrali ta' Investigazzjoni kontrih u mħabbra fis-seduta plenarja fit-3 ta' Ottubru 2016,

–  wara li stieden lis-Sur Kovács biex jinstema' fit-12 ta' Jannar, fit-30 ta' Jannar u fit-22 ta' Marzu 2017, skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,

–  wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta' Mejju 1964, fl-10 ta' Lulju 1986, fil-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011 u fis-17 ta' Jannar 2013(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 4(2) tal-Liġi Fundamentali tal-Ungerija, l-Artikoli 10(2) u 12(1) tal-Att LVII tal-2004 dwar l-Istatus legali tal-Membri tal-Parlament Ewropew Ungeriżi u l-Artikolu 74(1) u (3) tal-Att XXXVI tal-2012 dwar l-Assemblea Nazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2) u 6(1) u l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0203/2017),

A.  billi l-Prosekutur Ġenerali tal-Ungerija talab it-tneħħija tal-immunità ta' Membru tal-Parlament Ewropew, Béla Kovács, sabiex ikunu jistgħu jitwettqu investigazzjonijiet biex jiġi vverifikat jekk hux se jitressaq att ta' akkuża kontrih fir-rigward tar-reati ta' frodi baġitarju li jirriżulta f'telf finanzjarju sostanzjali skont l-Artikolu 396(1)(a) tal-Kodiċi Kriminali Ungeriż u ta' użu multiplu ta' dokumenti privati foloz skont l-Artikolu 345 tal-Kodiċi Kriminali; billi, skont dak l-Artikolu, kwalunkwe persuna li tuża dokument privat falsifikat jew falz jew dokument privat b'kontenut mhux veritier għall-forniment ta' provi tal-eżistenza, it-tibdil jew it-terminazzjoni ta' dritt jew obbligu, tkun ħatja ta' reat minuri punibbli bi priġunerija ta' mhux aktar minn sena;

B.  billi, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri tal-Parlament Ewropew igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lid-deputati tal-parlament tagħhom;

C.  billi, skont l-Artikolu 4(2) tal-Liġi Fundamentali tal-Ungerija, il-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom ikunu intitolati għall-immunità; billi, skont l-Artikolu 10(2) tal-Att LVII tal-2004 dwar l-Istatus tal-Membri tal-Parlament Ewropew Ungeriżi, il-Membri tal-Parlament Ewropew huma intitolati jgawdu l-istess immunità bħall-Membri tal-Parlament Ungeriż, u skont l-Artikolu 12(1), id-deċiżjoni li tiġi sospiża l-immunità ta' Membru tal-Parlament Ewropew għandha taqa' fil-kompetenza tal-Parlament Ewropew; billi, skont l-Artikolu 74(1) tal-Att XXXVI tal-2012 dwar l-Assemblea Nazzjonali, proċedimenti kriminali jew, fin-nuqqas ta' sistema volontarja ta' tneħħija tal-immunità fil-każ ikkonċernat, proċedimenti għal reati minuri jistgħu jiġu applikati biss kontra l-Membru bl-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Assemblea Nazzjonali; billi, skont l-Artikolu 74(3) tal-istess liġi, qabel il-preżentazzjoni tal-att ta' akkuża, il-mozzjoni għas-sospensjoni tal-immunità għandha tiġi ppreżentata mill-Prosekutur Ġenerali;

D.  billi, skont l-Artikolu 21(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2005/684/KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Settembru 2005 li tadotta l-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew(2), il-Membri għandhom ikunu intitolati għall-għajnuna mill-persunal personali li huma jistgħu jagħżlu b'mod ħieles u l-Parlament għandu jħallas l-ispejjeż reali inkorsi mill-Membri għall-impjieg ta' tali persunal personali;

E.  billi, skont l-Artikolu 34(4) tad-Deċiżjonijiet tal-Bureau tad-19 ta' Mejju u tad-9 ta' Lulju 2008 dwar miżuri ta' implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew, l-ispejjeż inkorsi marbuta ma' ftehimiet ta' traineeship, abbażi tal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Bureau, jistgħu jitħallsu wkoll;

F.  billi, skont l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni tal-Bureau tad-19 ta' April 2010 dwar ir-Regoli dwar it-Trainees tal-Membri, il-Membri tal-Parlament Ewropew, bl-għan li jikkontribwixxu għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali Ewropej u għall-promozzjoni ta' fehim aħjar tal-mod kif tiffunzjona l-Istituzzjoni, jistgħu joffru traineeships fi Brussell u fi Strasburgu waqt is-sessjonijiet plenarji jew waqt l-attivitajiet tagħhom bħala Membri fil-pajjiż fejn il-Membru kkonċernat ikun ġie elett f'kull każ;

G.  billi, skont l-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regoli dwar it-Trainees, arranġamenti speċifiċi fir-rigward tat-traineeship għandhom ikunu inklużi fi ftehim bil-miktub dwar it-traineeship iffirmat kemm mill-Membru kif ukoll mit-trainee; billi, il-ftehim għandu jinkludi klawsola li tiddikjara b'mod espliċitu li l-Parlament Ewropew ma jistax jiġi kkunsidrat bħala parti għall-ftehim; billi, skont l-Artikolu 5(4), l-ispejjeż marbuta mat-traineeships, inklużi boroż ta' studju u l-kost tal-polza tal-assigurazzjoni jekk tkun tħallset mill-Membru, jistgħu jitħallsu mill-Allowance għall-Assistenza Parlamentari, skont l-Artikolu 33(4) tal-Miżuri ta' Implimentazzjoni, fil-limiti ta' dik l-allowance;

H.  billi, skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 1(1) tar-Regoli dwar it-Trainees, il-borża ta' studju mogħtija lil trainee ma tridx tkun tali li tikkostitwixxi, fil-verità, forma moħbija ta' remunerazzjoni; billi, skont l-Artikolu 7(1), matul it-traineeship kollha, it-trainees għandhom ikunu taħt ir-responsabilità unika tal-Membru li miegħu jkunu affiljati;

I.  billi, f'dan il-każ, il-Parlament ma sab l-ebda evidenza ta' fumus persecutionis, jiġifieri, suspett serju u preċiż biżżejjed li t-talba għat-tneħħija kienet saret b'rabta mal-proċedimenti mressqa bl-intenzjoni li ssir ħsara politika lill-Membru kkonċernat;

J.  billi d-deċiżjoni tal-President tal-Parlament preċedenti li jimponi l-penali ta' twissija għal ksur tal-Artikolu 1(a) tal-Kodiċi ta' Kondotta mis-Sur Kovács(3) ma tistax titqies li tekwivali għal sentenza ġudizzjarja li tikkostitwixxi res judicata dwar kwistjonijiet relatati ma' proċedimenti kriminali mibdija mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Ewlieni Ċentrali ta' Investigazzjoni; billi, konsegwentement, ma hemmx ksur tal-prinċipju ne bis in idem; billi, konsegwentement, is-sanzjoni imposta mill-ex President tal-Parlament Ewropew skont il-Kodiċi ta' Kondotta ma twaqqafx milli l-proċedimenti kriminali jinbdew jew jitmexxew fl-Ungerija biex jintwera jekk huwiex se jitressaq att ta' akkuża kontrih;

1.  Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Béla Kovács;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tal-Ungerija u lil Béla Kovács.

(1) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Mejju 1964, Wagner vs Fohrmann u Krier, 101/63, ECLI:EU:C:1964:28; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Wybot vs Faure et. al, 149/85, ECLI:EU:C:1986:310; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/06, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI:EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23.
(2) ĠU L 262, 7.10.2005, p. 1.
(3) Ara l-Anness I tar-Regoli ta' Proċedura, Kodiċi ta' Kondotta għall-Membri tal-Parlament Ewropew fir-rigward tal-interessi finanzjarji u l-kunflitti ta' interess.

Avviż legali - Politika tal-privatezza