Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2724(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0424/2017

Dibattiti :

PV 15/06/2017 - 4.3
CRE 15/06/2017 - 4.3

Votazzjonijiet :

PV 15/06/2017 - 7.4

Testi adottati :

P8_TA(2017)0269

Testi adottati
PDF 270kWORD 52k
Il-Ħamis, 15 ta' Ġunju 2017 - Strasburgu
Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Indoneżja
P8_TA(2017)0269RC-B8-0424/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Ġunju 2017 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Indoneżja (2017/2724(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Indoneżja, b'mod partikolari dik tad-19 ta' Jannar 2017(1),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn l-UE u l-Indoneżja, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 2014, u l-istqarrija konġunta għall-istampa tad-29 ta' Novembru 2016 wara l-ewwel laqgħa tal-Kumitat Konġunt bejn l-UE u l-Indoneżja skont il-FSK,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni lokali tal-UE tad-9 ta' Mejju 2017 dwar il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin u l-libertà ta' espressjoni,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem – Kumpilazzjoni dwar l-Indoneżja, tas-17 ta' Frar 2017, u l-Eżami Perjodiku Universali (It-Tielet Ċiklu) u s-Sommarju tas-sottomissjonijiet tal-partijiet interessati dwar l-Indoneżja, tal-20 ta' Frar 2017,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-27 ta' Lulju 2016 mill-kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar l-eżekuzzjonjiet ippjanati fl-Indoneżja,

–  wara li kkunsidra s-Sitt Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-Unjoni Ewropea u l-Indoneżja tat-28 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Bangkok dwar il-Promozzjoni ta' Sħubija Globali UE-ASEAN għal Għanijiet Strateġiċi Komuni tal-14 ta' Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Diċembru 1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li ġie rratifikat mill-Indoneżja fl-2006,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-1987,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Indoneżja hija n-nazzjon bir-raba' l-akbar popolazzjoni fid-dinja, it-tielet l-akbar demokrazija, l-akbar pajjiż b'maġġoranza Musulmana, u soċjetà diversa magħmula minn 255 miljun ċittadin ta' etniċitajiet, lingwi u kulturi differenti;

B.  billi l-Indoneżja hija sieħba importanti tal-UE; billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Indoneżja, li hija membru tal-G20, huma qawwija; billi l-UE u l-Indoneżja jikkondividu l-istess valuri f'dak li jirrigwarda d-drittijiet tal-bniedem, il-governanza u d-demokrazija;

C.  billi fl-2016 kien hemm għadd bla preċedent ta' attakki verbali vjolenti, diskriminatorji u vessatorji u dikjarazzjonijiet vitrijoliċi kontra persuni LGBTI fl-Indoneżja; billi ġie rrapportat li tali attakki ġew imkebbsa, direttament jew indirettament, minn uffiċjali tal-gvern, istituzzjonijiet tal-istat u estremisti; billi, barra minn hekk, in-natura ta' tali attakki ggravat fl-2017;

D.  billi fil-provinċja awtonoma speċjali ta' Aceh, iggvernata mill-liġi tax-Xarija, atti sesswali kunsenswali bejn persuni tal-istess sess u relazzjonijiet sesswali barra miż-żwieġ huma kriminalizzati u jġorru piena ta' massimu ta' 100 daqqa u 100 xahar ħabs; billi, f'Mejju 2017, żewġt irġiel żgħażagħ ikkundannati għal relazzjonijiet sesswali bejn persuni tal-istess sess ġew ikkundannati għal 85 daqqa ta' qasba; billi d-dritt li persuna ma tiġix ittorturata huwa dritt fundamentali u inaljenabbli;

E.  billi fil-bqija tal-Indoneżja l-omosesswalità mhijiex illegali; billi l-komunità LGBTI, madankollu, ġiet assedjata fis-snin riċenti;

F.  billi ġew arrestati 141 raġel għal "ksur tal-liġijiet tal-pornografija" f'rejd tal-pulizija f'gay club f'Jakarta fil-21 ta' Mejju 2017;

G.  billi, sa minn Jannar 2016, il-Qorti Kostituzzjonali fl-Indoneżja qed tirrieżamina petizzjoni mmirata biex tikkriminalizza atti sesswali gay u barra miż-żwieġ;

H.  billi hemm intolleranza li qed tikber lejn il-minoranzi reliġjużi fl-Indoneżja, u dan sar possibbli permezz ta' liġijiet u regolamenti diskriminatorji, inkluża liġi dwar il-blasfemja li tirrikonoxxi uffiċjalment sitt reliġjonijiet biss; billi sa Ġunju 2017, bosta persuni kienu nstabu ħatja u ntbagħtu l-ħabs taħt il-liġijiet dwar il-blasfemja;

I.  billi f'Jannar 2017 il-Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem (Komisi Nasional Hak Asaki Manusia) sabet li xi provinċji, bħall-Java tal-Punent, iġarrbu ħafna aktar intolleranza reliġjuża minn oħrajn, u li l-uffiċjali reġjonali governattivi huma ta' sikwit responsabbli jew għat-tolleranza jew għall-perpetrazzjoni diretta tal-abbużi;

J.  billi hemm tħassib serju dwar l-intimidazzjoni u l-vjolenza kontra l-ġurnalisti; billi jenħtieġ li l-ġurnalisti jkollhom aċċess għall-pajjiż kollu;

K.  billi, skont il-Human Rights Watch, bejn l-2010 u l-2015, 49 % tal-bniet tal-età ta' 14-il sena jew iżgħar kienu vittmi tal-mutilazzjoni ġenitali femminili;

L.  billi l-awtoritajiet qatlu lil erba' persuni li nstabu ħatja għal traffikar tad-drogi f'Lulju 2016 u indikaw li 10 priġunieri ikkundannati għall-mewt se jiġu maqtula fl-2017;

1.  Japprezza r-relazzjoni qawwija bejn l-UE u l-Indoneżja, u jtenni l-importanza ta' rabtiet politiċi, ekonomiċi u kulturali qawwija u fit-tul bejn iż-żewġ partijiet; jenfasizza l-importanza tad-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u l-Indoneżja, li jippermetti skambju miftuħ dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, li huma wkoll il-bażi tal-FSK;

2.  Jitlob kuntatti aktar b'saħħithom bejn l-UE u l-Indoneżja li permezz tagħhom kwistjonijiet differenti ta' interess reċiproku, inklużi d-drittijiet tal-bniedem, jistgħu jiġu diskussi b'mod kostruttiv; jistieden lill-parlament Indoneżjan isaħħaħ dawn ir-relazzjonijiet interparlamentari;

3.  Jilqa' l-involviment attiv tal-Indoneżja f'livelli reġjonali u multilaterali; jenfasizza li l-Indoneżja riċentement ġiet eżaminata fil-kuntest tal-Eżami Perjodiku Universali (EPU) waqt il-laqgħa tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU f'Mejju 2017; jissottolinja li, bħal f'ċikli preċedenti, l-Indoneżja ssottomettiet ruħha għal dan l-eżami fuq bażi volontarja;

4.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-provinċja awtonoma speċjali ta' Aceh sabiex jipprevjenu persekuzzjoni ulterjuri ta' persuni omosesswali u jiddekriminalizzaw l-omosesswalità billi jemendaw il-Kodiċi Kriminali Iżlamiku tagħha; jikkundanna bil-qawwi s-swat b'qasba ta' żewġt irġiel omosesswali tal-etajiet ta' 20 u 23 sena f'Aceh fit-22 ta' Mejju 2017, li kienet l-ewwel darba li l-awtoritajiet f'Aceh sawwtu persuni b'qasba minħabba prattiki omosesswali; jikkundanna bil-qawwi l-fatt li l-omosesswalità hija illegali skont il-Kodiċi Kriminali Iżlamiku ta' Aceh, li hu bbażat fuq il-liġi tax-Xarija; jenfasizza li l-kastig taż-żewġt irġiel huwa trattament krudili, inuman u degradanti li jista' jammonta għal tortura skont id-dritt internazzjonali; jistieden, barra minn hekk, lill-awtoritajiet biex immedjatament jitterminaw is-swat fil-pubbliku;

5.  Huwa wkoll imħasseb dwar iż-żieda fl-intolleranza lejn il-komunità LGBTI Indoneżjana barra mill-provinċja awtonoma speċjali ta' Aceh; jikkundanna bil-qawwi l-fatt li, minkejja li l-omosesswalità mhijiex delitt skont il-Kodiċi Kriminali tal-Indoneżja, 141 raġel ġew arrestati f'rejd tal-pulizija f'gay club f'Jakarta fil-21 ta' Mejju 2017; iħeġġeġ lill-awtoritajiet u lill-uffiċjali tal-gvern joqgħodu lura milli jagħmlu dikjarazzjonijiet pubbliċi li huma diskriminatorji kontra persuni LGBTI jew minoranzi oħra fil-pajjiż; jenfasizza li l-pulizija għandhom id-dmir li jinfurzaw il-liġi u li jipproteġu lill-minoranzi vulnerabbli u li ma jippersegwitawhomx;

6.  Jiċħad l-affermazzjoni tal-Assoċjazzjoni Psikjatrika Indoneżjana li l-omosesswalità u t-"transġeneriżmu" huma kundizzjonijiet ta' saħħa mentali; jistieden lill-awtoritajiet itemmu d-detenzjoni bil-forza ta' individwi LGBTI u wkoll biex itemmu l-forom kollha ta' "trattament" li jippretendi li "jikkurahom" mill-omosesswalità, il-bisesswalità, jew l-identità transġenera, u li jinfurzaw rigorożament il-projbizzjoni;

7.  Jilqa' d-dikjarazzjoni mill-President Widodo tad-19 ta' Ottubru 2016 li tikkundanna d-diskriminazzjoni tal-persuni LGBTI; jistieden lill-President Widodo juża l-pożizzjoni ewlenija tiegħu biex jikkundanna pubblikament l-intolleranza u d-delitti li jitwettqu kontra persuni LGBTI, il-minoranzi, in-nisa u l-organizzazzjonijiet jew assemblej fil-pajjiż;

8.  Jitlob li ssir reviżjoni tal-liġi dwar il-blasfemja peress li tqiegħed lill-minoranzi reliġjużi f'riskju; jappoġġja r-rakkomandazzjonijiet tan-NU biex jiġu revokati l-Artikoli 156 u 156(a) tal-Kodiċi Kriminali, l-Att dwar il-Prevenzjoni tal-Abbuż u d-Diffamazzjoni tar-Reliġjon, l-Att dwar it-Tranżazzjonijiet u d-Data Elettroniċi u biex jiġu abbandunati l-imputazzjonijiet imressqa kontra dawk akkużati bi blasfemja u l-prosekuzzjoni tagħhom;

9.  Huwa mħasseb dwar iż-żieda fl-intolleranza lejn il-minoranzi etniċi, reliġjużi u sesswali fl-Indoneżja; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Indoneżja jkomplu wkoll isaħħu l-isforzi tagħhom biex iżidu t-tolleranza reliġjuża u d-diversità soċjali; jikkundanna bil-qawwi l-atti kollha ta' vjolenza, fastidju u intimidazzjoni kontra l-minoranzi; jitlob li dawk kollha li jwettqu tali ksur jinżammu responsabbli;

10.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ksur serju tal-libertà tal-midja; iħeġġeġ lill-Gvern Indoneżjan jinsisti li l-aġenziji statali jadottaw politika ta' tolleranza żero lejn l-abbuż fiżiku tal-ġurnalisti u jagħti aċċess miftuħ għall-pajjiż lill-midja barranija;

11.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Indoneżja jirrevokaw id-dispożizzjonijiet legali kollha li jirrestrinġu indebitament il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-awtoritajiet tal-Indoneżja jirrieżaminaw il-liġijiet kollha u jiżguraw il-konformità tagħhom mal-obbligi internazzjonali tal-pajjiż, speċifikament dawk dwar il-libertà ta' espressjoni, ta' ħsieb, kuxjenza u reliġjon, l-ugwaljanza quddiem il-liġi, il-libertà mid-diskriminazzjoni, u d-dritt għal espressjoni u għaqda pubblika;

12.  Huwa mħasseb dwar rapporti ta' vjolenza persistenti kontra n-nisa u prattiki ta' ħsara għan-nisa, bħall-mutilazzjoni ġenitali femminili; jistieden lill-awtoritajiet tal-Indoneżja jinfurzaw il-leġiżlazzjoni tagħha dwar il-vjolenza kontra n-nisa, jippenalizzaw il-forom kollha ta' vjolenza sesswali, jilleġiżlaw għall-eliminazzjoni tal-inugwaljanza bejn is-sessi u jemanċipaw lin-nisa;

13.  Jilqa' s-sospensjoni ta' eżekuzzjonijiet ta' persuni kkundannati għall-mewt misjuba ħatja ta' traffikar ta' drogi sakemm isir rieżami tal-kawża tagħhom; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Indoneżja jkompli jwaqqaf l-eżekuzzjonijiet kollha bħal dawn u jipproċessahom mill-ġdid f'konformità mal-istandards internazzjonali; jitlob li jitreġġa' minnufih moratorju fuq l-użu tal-piena tal-mewt, bil-ħsieb li tiġi abolita l-piena tal-mewt;

14.  Jistieden lill-Gvern Indoneżjan jissodisfa l-obbligi tiegħu u jirrispetta, jipproteġi u jħares id-drittijiet u l-libertajiet minquxa fl-ICCPR;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Indoneżja, lis-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN), lill-Kummissjoni Intergovernattiva tal-ASEAN dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU.

(1) Testi adottati, P8_TA(2017)0002.

Avviż legali - Politika tal-privatezza