Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2017 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni minn Spanja – EGF/2017/001 ES/Castilla y León mining (COM(2017)0266 – C8-0174/2017 – 2017/2079(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2017)0266 – C8-0174/2017),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (ir-Regolament dwar il-FEG),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0248/2017),
A. billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji bħala appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qegħdin ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tgħin l-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol;
B. billi jenħtieġ li l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-FII tat-2 ta' Diċembru 2013 dwar l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet għall-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (il-"FEG");
C. billi l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill li jerġa' jiddaħħal il-kriterju tal-mobilizzazzjoni f'każ ta' kriżi, li l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni tiġi ffissata għal 60 % tal-kost totali stmat tal-miżuri proposti, li tiżdied l-effiċjenza għat-trattament tal-applikazzjonijiet lill-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u għall-approvazzjoni, li l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eliġibbli jiġu estiżi għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għaż-żgħażagħ, u li jiġu ffinanzjati inċentivi għat-twaqqif ta' impriżi proprji;
D. billi Spanja ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2017/001 ES/Castilla y León għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara sensji fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt NACE Reviżjoni 2 Diviżjoni 5 (Tħaffir fil-minjieri tal-faħam u l-linjite) fir-reġjun tal-livell NUTS 2 ta' Castilla y León (ES41), u billi mistennija li jipparteċipaw fil-miżuri 339 ħaddiem li ngħataw is-sensja, kif ukoll 125 żagħżugħ taħt l-età ta' 30 sena li jinsabu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs); billi s-sensji saru minn Hullera Vasco Leonesa SA, Centro de Investigación y Desarrollo SA, Hijos de Baldomero García SA, Minas del Bierzo Alto SL u Unión Minera del Norte SA;
E. billi l-applikazzjoni tressqet skont il-kriterji ta' intervent stipulati fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament dwar il-FEG li jidderoga mill-kriterji ta' eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 4(1)b, li jeħtieġu li tal-inqas 500 ħaddiem ikunu ngħataw is-sensja fuq perjodu ta' referenza ta' disa' xhur f'intrapriżi li joperaw fl-istess settur ekonomiku definit fil-livell tad-diviżjoni NACE Reviżjoni 2 u li jkunu jinsabu f'reġjun wieħed jew f'żewġ reġjuni kontigwi definiti fil-livell NUTS 2;
1. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament dwar il-FEG huma sodisfatti, u għaldaqstant Spanja hi intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 1 002 264 skont dan ir-Regolament, li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 1 670 440;
2. Jinnota li fl-20 ta' Jannar 2017, l-awtoritajiet Spanjoli ressqu l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, u li l-valutazzjoni tagħha tlestliet mill-Kummissjoni fit-2 ta' Ġunju 2017 u ġiet notifikata lill-Parlament dakinhar stess;
3. Ifakkar li tul dawn l-aħħar għaxar snin, il-produzzjoni tal-faħam fl-Unjoni u l-prezz globali tal-faħam waqgħu drastikament, u dan wassal għal żieda fil-volum ta' importazzjonijiet ta' faħam minn pajjiżi barra mill-UE u wkoll biex bosta minjieri tal-faħam tal-Unjoni ma baqgħux jiġġeneraw profitti u b'hekk kienu sfurzati jagħlqu; jindika li dawk ix-xejriet kienu aktar qawwija fi Spanja, u dan wassal għal organizzazzjoni u konverżjoni mill-ġdid tas-settur tal-estrazzjoni tal-faħam; jenfasizza li l-impjiegi fir-reġjun ta' Castilla y León intlaqtu serjament mill-impatt tal-kriżi fis-settur tat-tħaffir fil-minjieri u jirrimarka li f'Castilla y León biss, għaxar intrapriżi tal-estrazzjoni tal-faħam kellhom jagħlqu matul il-perjodu 2010 sa 2016;
4. Jinnota li Spanja talbet deroga mill-Artikolu 4(1)(b) minħabba l-fatt li t-territorju milqut mis-sensji jikkonsisti f'numru ta' rħula żgħar u iżolati, imbiegħda u b'livell baxx ta' popolazzjoni, fil-wied muntanjuż ta' Kantabrija, u li fil-parti l-kbira tagħhom jiddependu b'mod qawwi fuq l-estrazzjoni tal-faħam u li jbatu minn konnettività limitata u għaldaqstant jistgħu jitqiesu bħala suq żgħir tax-xogħol għall-finijiet tal-Artikolu 4(2);
5. Jenfasizza, b'mod partikolari, id-densità baxxa ħafna tal-popolazzjoni, il-problemi marbuta ma' żona muntanjuża u s-sitwazzjoni diffiċli tal-impjiegi fit-Tramuntana tal-provinċji ta' León u Palencia; jesprimi tħassib dwar it-tnaqqis qawwi fil-popolazzjoni, li proporzjonalment kien l-akbar fost dawk taħt l-età ta' 25 sena;
6. Jirrimarka li l-kontribuzzjoni finanzjarja hi intiża għal 339 ħaddiem li ngħataw is-sensja, u li 97 % minnhom huma rġiel;
7. Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni ta' Spanja biex massimu ta' 125 NEETs oħrajn, taħt l-età ta' 30 sena, jiġu pprovduti b'servizzi personalizzati kkofinanzjati mill-FEG; jifhem li dawk is-servizzi se jinkludu appoġġ lil dawk interessati li jistabbilixxu n-negozju tagħhom stess;
8. Jinnota li l-miżuri se jkunu bbażati fuq studju li se jitwettaq dwar il-ħolqien tal-impjiegi u l-attivitajiet produttivi fir-reġjun ta' Castilla y León, sabiex l-inizjattivi msemmijin fil-pakkett jiġu definiti aħjar;
9. Jinnota li Spanja qiegħda tippjana sitt tipi ta' miżuri għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja u NEETs, koperti minn din l-applikazzjoni: (i) sessjonijiet ta' merħba u ta' informazzjoni, (ii) gwida u konsulenza okkupazzjonali, (iii) assistenza intensiva għat-tiftix ta' impjieg, (iv) taħriġ f'ħiliet u kompetenzi transsettorjali, u taħriġ vokazzjonali, (v) il-promozzjoni tal-intraprenditorija, u (vi) appoġġ għan-negozji ġodda, kif ukoll programm ta' inċentivi;
10. Jinnota li l-inċentivi jikkorrispondu għal 19,53 % tal-pakkett kumplessiv ta' miżuri personalizzati, li huwa ammont ferm inqas mill-massimu ta' 35 % stabbilit fir-Regolament dwar il-FEG; u li dawk l-azzjonijiet jiddependu fuq il-parteċipazzjoni attiva fl-attivitajiet ta' taħriġ jew ta' tfittix ta' impjieg, tal-benefiċjarji fil-mira;
11. Jinnota li l-korsijiet ta' taħriġ ipprovduti se jinkludu workshops dwar tekniki għat-tfittix ta' impjieg, taħriġ f'ħiliet personali u soċjali, fit-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT), u fil-lingwi barranin, filwaqt li t-taħriġ vokazzjonali se jiffoka fuq it-tisħiħ tal-ħiliet relatati mal-estrazzjoni li jistgħu jkunu rilevanti għal setturi ekonomiċi oħra jew fuq l-iżvilupp ta' ħiliet għal setturi bħalma huma: it-turiżmu u l-ospitalità fiż-żoni rurali; ir-restawr ambjentali tal-baċiri tal-minjieri; ir-riforestazzjoni u l-ġestjoni tal-pajsaġġ;
12. Jilqa' l-fatt li l-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati, fosthom trejdjunjins, assoċjazzjonijiet tan-negozju, l-aġenzija reġjonali għall-iżvilupp ekonomiku, l-innovazzjoni, il-finanzjament u l-internazzjonalizzazzjoni tan-negozju u fondazzjoni pubblika marbuta mas-servizz ta' impjieg pubbliku reġjonali, saru fil-livell reġjonali biex jitfassal il-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati, u li l-politika ta' ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, u l-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni se jiġu applikati sabiex wieħed jingħata aċċess għall-miżuri ffinanzjati mill-FEG kif ukoll matul l-implimentazzjoni tiegħu;
13. Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jitfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi u l-ħiliet li ser ikun hemm bżonn fis-suq tax-xogħol fil-futur, u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi;
14. Jilqa' l-inklużjoni fost l-inċentivi disponibbli, tal-kontribuzzjonijiet għall-ispejjeż ta' dawk li jindukraw lil persuni dipendenti, fid-dawl tal-impatt aktarx pożittiv fuq il-bilanċ bejn is-sessi; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta informazzjoni dettaljata dwar l-użu potenzjali ta' din il-possibbiltà;
15. Ifakkar dwar il-bżonn ta' trasformazzjoni rapida tal-ekonomiji tal-Unjoni u l-promozzjoni ta' impjiegi rilevanti fid-dawl tal-ftehim ta' Pariġi COP 21;
16. Jinnota l-importanza li titnieda kampanja ta' informazzjoni sabiex jintlaħqu n-NEETs li jistgħu jkunu eliġibbli skont dawn il-miżuri, u li fejn possibbli jiġi żgurat il-bilanċ bejn is-sessi;
17. Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi aktar dettalji fil-proposti futuri dwar is-setturi li għandhom il-prospetti ta' tkabbir, u għalhekk aktarx li jirreklutaw, kif ukoll tiġbor data sostanzjata dwar l-impatt tal-finanzjament mill-FEG, inkluż dwar il-kwalità tal-impjiegi u r-rata ta' integrazzjoni mill-ġdid miksuba mill-FEG;
18. Jinnota li l-awtoritajiet Spanjoli kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni, u li mhu se jitħalla jsir l-ebda finanzjament doppju, u li l-azzjonijiet eliġibbli se jikkumplimentaw l-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali;
19. Itenni l-fatt li l-assistenza mill-FEG ma tistax tissostitwixxi la l-azzjonijiet li jkunu r-responsabbiltà tal-kumpaniji bis-saħħa tad-dritt nazzjonali jew ta' ftehimiet kollettivi, u lanqas il-miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;
20. Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-pjan ta' intervent se jinkludi inizjattiva ta' monitoraġġ li fiha jenħtieġ li jkunu jistgħu jipparteċipaw l-atturi soċjali, li l-għan tagħha huwa li tiggarantixxi li l-proposta tiġi implimentata f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet ta' studju, li għandhom jitwettqu bħala parti mill-azzjonijiet inklużi fl-inizjattiva, rigward id-domandi għat-taħriġ vokazzjonali u għal opportunitajiet ta' attività, kif ukoll sabiex tkun garantita l-ġestjoni tajba tal-baġit previst;
21. Ifakkar fl-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-pubbliku jkollu aċċess għad-dokumenti kollha relatati ma' każijiet tal-FEG;
22. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
24. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni minn Spanja – EGF/2017/001 ES/Castilla y León mining
(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2017/1372.)