Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2274(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0213/2017

Testi mressqa :

A8-0213/2017

Dibattiti :

PV 03/07/2017 - 19
CRE 03/07/2017 - 19

Votazzjonijiet :

PV 04/07/2017 - 6.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0278

Testi adottati
PDF 497kWORD 65k
It-Tlieta, 4 ta' Lulju 2017 - Strasburgu
Standards Ewropej għas-Seklu 21
P8_TA(2017)0278A8-0213/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2017 dwar l-istandards Ewropej għas-seklu 21 (2016/2274(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill,

—   wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta' sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni (id-Direttiva NIS),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-1 ta' Ġunju 2016 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 mill-2013 sal-2015 (COM(2016)0212),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-1 ta' Ġunju 2016 bit-titolu "Analiżi tal-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 mill-2013 sal-2015 u skedi informattivi" (SWD(2016)0126),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Ġunju 2016 bit-titolu "Standards Ewropej għas-Seklu 21" (COM(2016)0358),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-1 ta' Ġunju 2016 bit-titolu "Nilħqu l-potenzjal tal-istandards Ewropej dwar is-servizzi sabiex ngħinu lill-konsumaturi u n-negozji Ewropej" (SWD(2016)0186),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Ġunju 2016 bit-titolu "Il-programm ta' ħidma annwali tal-Unjoni għall-istandardizzazzjoni Ewropea għall-2017" (COM(2016)0357),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-1 ta' Ġunju 2016 bit-titolu "L-implimentazzjoni tal-azzjonijiet previsti fil-programm ta' ħidma tal-Unjoni 2016 għall-istandardizzazzjoni Ewropea, inklużi l-atti ta' implimentazzjoni u mandati mibgħuta lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni" (SWD(2016)0185),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 2016 bit-titolu "L-istandards tal-ICT bħala l-Pedament tas-Suq Uniku Diġitali" (COM(2016)0176),

–  wara li kkunsidra l-Inizjattiva Konġunta dwar l-Istandardizzazzjoni fil-qafas tal-Istrateġija għal Suq Uniku, imsemmija fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ottubru 2015 bit-titolu "Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozji" (COM(2015)0550),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Ottubru 2010 dwar il-futur tal-istandardizzazzjoni Ewropea(1),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew bit-titolu "Standards Ewropej għas-Seklu 21",

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew bit-titolu "Standardizzazzjoni Ewropea 2016",

–  wara li kkunsidra l-istrateġija tal-Kummissjoni dwar is-softwer b'sors miftuħ 2014-2017(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0213/2017),

A.  billi s-sistema Ewropea tal-istandardizzazzjoni hija element ċentrali għar-realizzazzjoni tas-suq uniku; billi l-azzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi viżjoni komuni għall-istandardizzazzjoni Ewropea hija riżultat dirett tal-għaxar prijoritajiet tal-Kummissjoni Juncker u, b'mod partikolari, tal-prijoritajiet dwar is-Suq Uniku Diġitali Konness u l-Istrateġija għal Suq Uniku;

B.  billi sistema Ewropea ta' standardizzazzjoni miftuħa, inklużiva u trasparenti u prinċipalment immexxija mis-suq u bbażata fuq il-fiduċja u fuq konformità xierqa għandha rwol ewlieni biex twieġeb b'mod pożittiv għall-ħtieġa dejjem ikbar, fil-politika Ewropea industrijali, ekonomika, u soċjali, u l-politika u l-leġiżlazzjoni ambjentali, għal standards li jistgħu jikkontribwixxu għas-sikurezza tal-prodott, għall-innovazzjoni, għall-interoperabbiltà, għas-sostenibbiltà u għall-aċċessibilità għal persuni b'diżabilità, u għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini, tal-konsumaturi u tal-ħaddiema;

C.  billi sistema ta' standardizzazzjoni Ewropea effiċjenti għandha tkun ibbażata fuq sħubija u kooperazzjoni mill-qrib bejn l-industrija, l-awtoritajiet pubbliċi, il-korpi ta' standardizzazzjoni u partijiet ikkonċernati oħra, bħalma huma l-organizzazzjonijiet tal-Anness III rikonoxxuti skont ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012;

D.  billi l-istandards Ewropej għandhom jiġu żviluppati permezz ta' sistema miftuħa, inklużiva u trasparenti, ibbażata fuq il-kunsens fost il-partijiet kollha interessati, bil-għan li jiġu ddefiniti r-rekwiżiti tekniċi jew ta' kwalità strateġiċi li prodotti attwali jew futuri, il-proċessi, is-servizzi jew il-metodi ta' produzzjoni jistgħu jikkonformaw magħhom;

E.  billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Prijoritajiet tal-Istandardizzazzjoni tal-ICT għas-Suq Uniku Diġitali tagħraf il-valur ta' standards miftuħa, iżda ma tipprovdix definizzjoni ta' standard miftuħ; billi standards miftuħa rriżultaw importanti għall-ħolqien u l-iżvilupp tal-internet u tas-servizzi tal-internet li min-naħa tagħhom rawwmu innovazzjoni, u prospetti soċjali u ekonomiċi;

F.  billi l-użu ta' soluzzjonijiet ta' liċenzjar ta' softwer u hardware b'sors miftuħ għandu u jista' jgħin lill-kumpaniji Ewropej u l-amministrazzjonijiet jiżguraw aċċess aħjar għal oġġetti u servizzi diġitali;

G.  billi sistema ta' standardizzazzjoni Ewropea moderna u flessibbli hi komponent utli għal politika industrijali Ewropea ambizzjuża u mġedda u għat-tħaddim tas-suq uniku; billi l-istandards jistgħu jtejbu l-kompetittività globali tal-UE, it-tkabbir, il-kompetizzjoni ġusta u l-innovazzjoni, kif ukoll jappoġġjaw il-kwalità, in-negozji, u, b'mod partikolari, il-prestazzjoni tal-SMEs u l-protezzjoni tal-konsumaturi, tal-ħaddiema u tal-ambjent;

H.  billi fl-Ewropa jeżistu flimkien żewġ sistemi differenti ta' żvilupp ta' standards, jiġifieri wieħed ibbażat fuq il-prinċipju tad-delega nazzjonali kif implimentat mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) u l-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (CENELEC), u ieħor ibbażat fuq is-sħubija bil-ħlas tal-partijiet ikkonċernati kif żviluppat mill-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjoni (ETSI); billi hemm il-ħtieġa li jiġu evalwati s-sistemi ta' żvilupp ta' standards relatati mar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 bil-ħsieb li jiġu identifikati l-isfidi eżistenti u l-prattiki tajbin;

I.  billi r-Regolament (UE) Nru 1025/2012 wassal għal titjib fil-proċess ta' standardizzazzjoni billi integra, għall-ewwel darba, il-partijiet ikkonċernati tas-soċjetà u l-SMEs taħt il-bażi legali tas-sistema ta' standardizzazzjoni Ewropea;

J.  billi l-istandards tal-ICT, li huma żviluppati b'mod predominanti f'livell globali, jippermettu l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet interoperabbli għal prodotti komplementari u għad-diversi partijiet ta' prodott partikolari, li huwa partikolarment importanti għall-iżvilupp tal-"internet tal-oġġetti" (IoT); billi l-frammentazzjoni ta' standards u ta' soluzzjonijiet proprjetarji jew nofshom magħluqa jxekkel it-tkabbir u l-adozzjoni tal-IoT, u huwa għalhekk neċessarju li jiġi żviluppat approċċ strateġiku għall-istandardizzazzjoni tal-ICT sabiex jiġi żgurat rispons ta' suċċess għall-ħtiġijiet tad-deċennju li ġej, biex b'hekk l-UE tkun tista' żżomm rwol ta' tmexxija fis-sistema ta' standardizzazzjoni globali;

K.  billi l-pubblikazzjoni ta' dokumenti u tad-data tissodisfa r-responsabbiltajiet governattivi u l-miri ta' trasparenza, inkluża r-responsabbiltà, ir-riproduċibilità, is-sostenibbiltà, u l-affidabbiltà tal-azzjoni governattiva; billi meta jiġu ppubblikati dokumenti jew data, dan irid iseħħ fuq il-bażi ta' formati miftuħa u standardizzati sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet ta' "lock-in" fejn hemm possibbiltà li prodott ta' softwer jew bejjiegħ ma jkunx disponibbli aktar kummerċjalment, u b'tali mod li l-entitajiet indipendenti jkunu jistgħu jimplimentaw dawk il-formati taħt mudelli ta' żvilupp u kummerċjali differenti, inkluż is-sors miftuħ, sabiex jiżguraw it-tkomplija ta' proċessi governattivi u amministrattivi;

L.  billi s-settur tat-trasport sa issa kien fuq quddiem nett tal-iżvilupp u l-użu ta' standards li huma meħtieġa għall-ħolqien taż-Żona Unika Ewropea tat-Trasport;

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-pakkett ambizzjuż tal-Kummissjoni dwar l-istandardizzazzjoni, li flimkien mal-Komunikazzjoni dwar l-Istandards tal-ICT u l-Inizjattiva Konġunta dwar l-istandardizzazzjoni, jimmira li jistabbilixxi sistema sempliċi u koerenti Ewropea ta' standardizzazzjoni bil-għan li jinżamm l-għadd kbir ta' elementi ta' suċċess tiegħu, jitjiebu n-nuqqasijiet tiegħu u jintlaħaq il-bilanċ it-tajjeb bejn id-dimensjonijiet Ewropej, nazzjonali u internazzjonali; jenfasizza li kwalunkwe rieżami futur tas-Sistema ta' standardizzazzjoni Ewropea (ESS) għandu jibni fuq l-aspetti pożittivi tas-sistema eżistenti, li jikkostitwixxu bażi solida għal titjib, filwaqt li joqgħod lura minn kwalunkwe bidla radikali li ddgħajjef il-valuri ċentrali tagħha;

2.  Jirrikonoxxi l-ispeċifiċità u l-importanza tal-ESS mill-perspettiva tal-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi l-industrija, l-SMEs, il-konsumaturi u l-ħaddiema, u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li s-sistema Ewropea tkompli teżisti u li jkollha riżorsi suffiċjenti biex tissodisfa l-objettivi tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012, u b'hekk tikkontribwixxi inter alia għall-interoperabbiltà, iċ-ċertezza legali u l-applikazzjoni ta' salvagwardji xierqa, kemm għan-negozji kif ukoll għall-konsumaturi u għall-moviment ħieles tat-teknoloġija tal-informazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi baġit sostenibbli għall-ESS fir-reviżjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP);

3.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-iStandards Market Relevance Roundtable (SMARRT) taħt l-Inizjattiva Konġunta dwar l-Istandardizzazzjoni, li tippermetti d-djalogu bejn il-Kummissjoni u l-industrija bi trasparenza sħiħa għall-partijiet ikkonċernati dwar punti fuq l-aġenda tal-Kumitat tal-Istandards;

4.  Jinnota li l-istandards huma għodda volontarja, u inċentivata mis-suq, li tipprovdi r-rekwiżiti tekniċi u gwida li l-użu tagħhom jista' jiffaċilita l-konformità ta' prodotti u servizzi mal-leġiżlazzjoni Ewropea u jappoġġja politiki Ewropej meta dawn jiġu żviluppati b'mod trasparenti u inklużiv; jenfasizza, madankollu, li l-istandards ma jistgħux jitqiesu bħala liġi tal-UE, peress li l-leġiżlazzjoni u l-politiki dwar il-livell ta' protezzjoni tal-konsumaturi, is-saħħa, is-sikurezza, l-ambjent u l-protezzjoni tad-data u l-livell ta' inklużjoni soċjali huma ddeterminati mil-leġiżlatur;

5.  Jirrikonoxxi r-rwol ta' formati miftuħa u standardizzati għad-dmir ta' trasparenza tal-gvernijiet, tal-amministrazzjoni, u l-istituzzjonijiet Ewropej; jistieden lill-Istati Membri jippruvaw japplikaw standards komuni fir-rigward tal-amministrazzjoni diġitali, b'enfasi partikolari fuq il-korpi ġudizzjarji u l-awtoritajiet lokali; jenfasizza li l-istandards miftuħa huma essenzjali għall-iżvilupp ulterjuri ta' politiki ta' data tal-gvern miftuħa u ta' bliet intelliġenti, u li d-dokumenti u d-data jridu għalhekk jiġu ppubblikati f'formati miftuħa, standardizzati u li jistgħu jiġu implimentati faċilment, biex l-użu mill-ġdid tad-data jiġi ffaċilitat; jenfasizza r-rwol tal-akkwist pubbliku u ta' soluzzjonijiet ta' standards miftuħa biex jiġi evitat il-lock-in tal-bejjiegħa;

6.  Jemmen bis-sħiħ li d-data miftuħa tibqa' element essenzjali, b'mod partikulari fis-settur tat-trasport, biex jinħasdu l-benefiċċji kollha tas-Suq Uniku Diġitali, bħalma huma l-promozzjoni u l-iżvilupp tat-trasport multimodali; jenfasizza, għalhekk, li hija meħtieġa aktar ċertezza legali, prinċipalment f'dawk li huma sjieda u responsabbiltà; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tippubblika, mingħajr aktar dewmien, pjan direzzjonali għall-iżvilupp ta' standards immirati lejn l-armonizzazzjoni ta' interfaċċi tad-data u tal-ipproggrammar tat-trasport li jkunu ffinanzjati mill-istat sabiex tingħata spinta lill-innovazzjonijiet li jkunu intensivi f'dik li hi data u l-forniment ta' servizzi ġodda tat-trasport;

7.  Jenfasizza li s-sistema attwali ta' akkreditazzjoni ta' istituzzjonijiet tal-ittestjar mhux dejjem tiggarantixxi li l-prodotti u s-servizzi fis-suq li japplikaw b'mod volontarju standards Ewropej huma konformi ma' dawk l-istandards; jiddispjaċih li l-Inizjattiva Konġunta dwar l-Istandardizzazzjoni (JIS) u l-Programm ta' Ħidma Annwali tal-Unjoni għall-Istandardizzazzjoni Ewropea (AUWP) ma jagħtu l-ebda attenzjoni għall-akkreditazzjoni ta' istituzzjonijiet tal-ittestjar u tal-istandards, u jistieden lill-Kummissjoni biex tqis dan l-aspett meta tipproponi inizjattivi ġodda;

8.  Huwa tal-fehma li l-istandards miftuħa għandhom ikunu bbażati fuq it-trasparenza tal-proċess ta' standardizzazzjoni u l-iżvilupp u d-disponibilità ta' standards għall-implimentazzjoni u l-użu, f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 u l-prinċipji tad-WTO; jirrikonoxxi l-intenzjoni tal-Kummissjoni, kif espressa fil-pjan direzzjonali dwar il-Privattivi Standard Essenzjali, biex jiġu ċċarati kwistjonijiet relatati ma' liċenzjar FRAND u SEP; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, flimkien mal-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni (ESOs) u l-komunitajiet b'sors miftuħ, biex jesploraw mezzi adatti ta' ħidma konġunta;

9.  Jenfasizza li s-sistema ta' standardizzazzjoni Ewropea għandha tikkontribwixxi għall-innovazzjoni Ewropea, ittejjeb il-kompetittività tal-Unjoni, issaħħaħ post l-Ewropa fil-kummerċ internazzjonali u tkun ta' benefiċċju għall-benessri taċ-ċittadini tagħha; iqis li hu importanti, għalhekk, li l-Ewropa żżomm ir-rwol ewlieni tagħha fis-sistema internazzjonali ta' standardizzazzjoni, u jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni ta' standards Ewropej fuq livell globali meta tkun qed tinnegozja ftehimiet kummerċjali ma' pajjiżi terzi; jenfasizza li s-sistema ta' standardizzazzjoni Ewropea tista' wkoll tibbenefika minn ftehimiet ta' sħubija stabbiliti minn ESOs ma' organizzazzjonijiet ta' standardizzazzjoni ta' pajjiżi terzi, u jinnota li l-Artikoli 13 u 14 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 diġà jipprevedu l-involviment ta' bosta Organizzazzjonijiet tal-Iżvilupp tal-Istandards (SDOs) għall-akkwist pubbliku fil-qasam tal-ICT; jirrakkomanda li l-ESOs iqisu kooperazzjoni eqreb ma' Korpi Nazzjonali tal-Istandardizzazzjoni (NSBs) ta' pajjiżi terzi, inklużi Korpi ta' Standardizzazzjoni ta' Akkumpanjament, fejn jeżistu possibbiltajiet għal allinjament mill-qrib; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-ESOs biex ikomplu jaħdmu lejn il-ħolqien ta' standards globali, filwaqt li tingħata attenzjoni wkoll lill-kuntest reġjonali u r-rilevanza tal-istandard meta jkunu involuti f'xogħol ta' standardizzazzjoni;

10.  Jenfasizza li l-kooperazzjoni internazzjonali dwar l-istandards tgħin sabiex jiġu żgurati t-trasparenza, l-effiċjenza u l-koerenza, u toħloq kuntest favur il-kompetizzjoni għas-settur industrijali – eżempju tajjeb huwa l-Forum Dinji għall-Armonizzazzjoni tar-Regolamenti dwar il-Vetturi (WP.29) tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE), li ġie stabbilit għas-settur tal-ICT;

11.  Jenfasizza li l-istandards li huma adottati minn organizzazzjonijiet internazzjonali huma normalment żviluppati barra l-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012, u jirrakkomanda lill-ESOs biex japprovawhom biss wara proċess ta' approvazzjoni interna bl-involviment ta' rappreżentanza xierqa tal-partijiet ikkonċernati, bħall-organizzazzjonijiet li jaqgħu taħt l-Anness III, speċjalment għal standards armonizzati li jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea;

12.  Huwa tal-opinjoni li l-ESOs għandhom fiċ-ċirkustanzi kollha jiżviluppaw standards inklużivi, sostenibbli, sikuri u ta' kwalità għolja b'aċċess u trattament ġust għall-partijiet ikkonċernati kollha, kif ukoll l-inqas impatt fuq l-ambjent u protezzjoni adegwata tad-data personali u l-privatezza;

13.  Iqis kruċjali l-involviment tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri mal-industrija tal-UE sabiex tiġi ffaċilitata l-adozzjoni ta' standards globali b'marka Ewropea fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tat-teknoloġiji 5G;

14.  Jiddeplora l-fatt li d-differenzi bejn l-istandards nazzjonali, bħalma huma dawk fis-settur tat-trasport tal-merkanzija u l-loġistika, għadhom ostaklu għas-suq intern, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni u lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni jiżviluppaw standards xierqa biex jarmonizzaw il-kundizzjonijiet fil-livell nazzjonali kull meta jqisu li jkun meħtieġ, bl-għan li jitneħħew l-ostakli li jista' jkun hemm għas-suq intern; jenfasizza l-ħtieġa li ssir ħidma biex tinkiseb armonizzazzjoni transmodali tal-istandards f'dan ir-rigward;

15.  Jirrimarka, barra minn hekk, li minbarra li tipprevjeni l-frammentazzjoni tas-suq, l-istandardizzazzjoni tista' tikkontribwixxi b'mod sinifikanti biex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u l-ispejjeż tat-trasport għan-negozji kollha (eż. permezz ta' dokumenti elettroniċi) u għall-SMEs b'mod partikolari, u tista' tiffaċilita l-infurzar xieraq tal-leġiżlazzjoni tal-UE (eż. permezz tat-takografi diġitali, jew is-sistemi elettroniċi tal-pedaġġ);

16.  Jinnota li r-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tejjeb l-inklużività tal-ESS, li jippermetti lill-SMEs, lill-konsumaturi, lill-ħaddiema u lill-organizzazzjonijiet ambjentali jipparteċipaw b'mod attiv fil-proċess ta' standardizzazzjoni, u jħeġġeġ li nkomplu f'din id-direzzjoni sabiex ilkoll ikunu rappreżentati b'mod adegwat u jkunu jistgħu jipparteċipaw fis-sistema ta' standardizzazzjoni u għaldaqstant, jisfruttaw kompletament il-benefiċċji dderivati mill-istandardizzazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni, lill-ESOs u l-NSBs jidentifikaw l-aħjar modi biex jintlaħaq dan l-għan u jindirizzaw l-isfidi, inkluż in-nuqqas ta' għarfien, assoċjati ma' involviment ulterjuri;

17.  Jilqa' l-isforzi tal-ETSI biex jingħata aċċess faċli għall-SMEs Ewropej, kif ukoll l-istrateġija fit-tul tiegħu għall-2016-2021 li tindirizza b'mod speċifiku l-kollaborazzjoni transettorjali;

18.  Jirrikonoxxi li l-pass li bih jiġu definiti l-istandards tjieb, u jfakkar l-importanza li jinstab bilanċ ġust bejn il-ħtieġa li jiġi żgurat l-iżvilupp f'waqtu u l-ħtieġa li l-istandards ikunu ta' kwalità għolja;

19.  Huwa tal-fehma li, flimkien mal-aħjar prattiki eżistenti fost il-komunitajiet ta' standardizzazzjoni, iż-żieda tas-sensibilizzazzjoni pubblika tal-istandards proposti, l-involviment xieraq u bikri tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha u t-titjib fil-kwalità tat-talbiet ta' standardizzazzjoni jistgħu jżidu aktar it-trasparenza u r-responsabbiltà tas-sistema ta' standardizzazzjoni;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tagħti attenzjoni u tipprovdi assistenza lill-pajjiżi kandidati fl-isforzi tagħhom biex jarmonizzaw l-istandards tagħhom mal-istandards Ewropej, sabiex jitnaqqsu kemm jista' jkun l-ostakli eżistenti;

Standards tal-ICT

21.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-komunikazzjoni dwar il-prijoritajiet tal-istandards tal-ICT li jistabbilixxu approċċ strateġiku għall-istandardizzazzjoni għat-teknoloġiji tal-ICT, iżda jistieden lill-Kummissjoni tidentifika b'mod ċar l-allinjament bejn din il-komunikazzjoni u l-Pjan Rikorrenti tal-ICT, il-pakkett "Standards Ewropej għas-Seklu 21" u l-Programm ta' Ħidma Annwali;

22.  Jinnota li l-konverġenza tat-teknoloġiji riċenti u d-diġitalizzazzjoni tas-soċjetà, tan-negozji u s-servizzi pubbliċi qed tisfoka d-distinzjoni tradizzjonali bejn l-istandardizzazzjoni ġenerali u dik tal-ICT; iqis li l-istandardizzazzjoni tal-ICT għandha tkun parti minn strateġija diġitali Ewropea biex jinħolqu ekonomiji ta' skala, iffrankar fil-baġit u kompetittività mtejba għall-kumpaniji Ewropej, u biex tiżdied l-interoperabbiltà transsettorjali u transkonfinali ta' prodotti u servizzi permezz ta' definizzjoni aktar mgħaġġla, b'mod miftuħ u kompetittiv, ta' standards volontarji li jkunu faċilment implimentati mill-SMEs;

23.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' aktar kooperazzjoni fi ħdan il-komunità tal-istandardizzazzjoni tal-ICT, b'mod partikolari bejn l-ESOs, u jistieden lill-ESOs iħejju programmi ta' ħidma annwali komuni li jidentifikaw oqsma trażversali ta' interess komuni;

24.  Jenfasizza li proċessi ta' standardizzazzjoni miftuħa, volontarji, inklużivi u orjentati lejn il-kunsens kienu effikaċi sa fejn dawn jammontaw għal mutur tal-innovazzjoni, l-interkonnettività u l-użu ta' teknoloġiji, u jfakkar li huwa importanti wkoll li jiġi żgurat investiment xieraq u kompetenza fit-teknoloġiji avvanzati u l-iżvilupp tagħhom, u biex jiġu appoġġjati SMEs;

25.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni titlob lill-ESOs jikkontribwixxu għal standards ta' kwalità għolja, interoperabbli u miftuħa, sabiex tiġi trattata l-framentazzjoni u tiġi inkoraġġuta l-adozzjoni wiesa' tagħhom, u jirrikonoxxu l-ekosistema eżistenti u mudelli kummerċjali differenti li jappoġġjaw l-iżvilupp tat-teknoloġiji diġitali, peress li dan jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà soċjali, ekonomika u ambjentali tal-katini ta' valur tal-ICT u jikkonfermaw l-impenn fl-interess pubbliku li jiġu żgurati l-privatezza u l-protezzjoni tad-data;

26.  Jenfasizza l-bżonn indispensabbli li l-politika ta' standardizzazzjoni tat-teknoloġija tal-informatika u l-komunikazzjoni tiġi adattata għas-suq u għall-iżvilupp ta' politika, peress li dan iwassal biex jinkisbu miri politiċi Ewropej importanti li jirrikjedu l-interoperabbiltà, bħall-aċċessibilità, is-sigurtà, in-negozju elettroniku, il-gvern elettroniku, is-saħħa elettronika u t-trasport; jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-ESOs jipprijoritizzaw l-istandards fil-qasam tal-5G, tal-cloud computing, tal-IoT, tad-data u tal-oqsma taċ-ċibersigurtà, kif ukoll f'dak tal-oqsma vertikali, bħalma huma "sewqan konness u awtomatiku u sistemi ta' trasport intelliġenti", "bliet intelliġenti", "enerġija intelliġenti, manifattura avvanzata" u "postijiet ta' għajxien intelliġenti";

27.  Jenfasizza l-ħtieġa li tinħoloq ekosistema tal-ICT miftuħa u interoperabbli bbażata fuq il-ħames standards ta' prijorità tal-ICT li tħeġġeġ il-kompetizzjoni fil-ħolqien tal-valur li fuqha l-innovazzjoni tista' tirnexxi; jemmen li:

   l-istandards tal-5G għandhom jippermettu bidla ġenerazzjonali reali f'termini ta' kapaċità, affidabbiltà u latenza, sabiex il-5G tkun tista' tlaħħaq maż-żieda mistennija fit-traffiku u r-rekwiżiti differenti tas-servizzi li jkunu ser jinbnew fuqha;
   l-istandards taċ-ċibersigurtà għandhom jippermettu sigurtà fid-disinn u jikkonformaw mal-prinċipji ta' privatezza fid-disinn, jappoġġjaw ir-reżiljenza tan-netwerks u l-ġestjoni tar-riskju, u jkunu jistgħu jiffaċċjaw iż-żieda rapida fit-theddid ċibernetiku għall-iżviluppi kollha fl-ICT;
   l-istandards tal-cloud għandhom jikkonverġu biex jippermettu l-interoperabbiltà fl-aspetti kollha tal-cloud, u b'hekk jippermettu l-portabbiltà tal-cloud;
   l-istandards tad-data għandhom jappoġġjaw il-flussi ta' data transettorjali u interdixxiplinari, filwaqt li jiksbu interoperabbiltà aħjar tad-data u l-metadata, inkluża s-semantifikazzjoni, u jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' arkitettura ta' referenza għall-big data;
   l-istandards tal-IoT għandhom jindirizzaw il-frammentazzjoni attwali mingħajr ma jfixklu l-innovazzjoni f'settur li qed jiżviluppa malajr ħafna;

28.  Jirrikonoxxi li netwerks tal-komunikazzjoni tal-5G effiċjenti jiddependu b'mod essenzjali fuq standards komuni biex jiġu żgurati l-interoperabbiltà u s-sigurtà, iżda jfakkar li l-iżvilupp ta' netwerk ta' kapaċità għolja ħafna huwa s-sinsla ta' netwerk tal-5G affidabbli;

29.  Jinnota li biex tkun suċċess, ekonomija mmexxija mid-data tiddependi fuq ekosistema tal-ICT aktar wiesgħa, inklużi esperti ferm kwalifikati bħal persuni b'ħiliet sabiex jiġu terminati l-qasma diġitali u l-esklużjoni diġitali;

30.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiġbor statistika bl-għan li tivvaluta aħjar l-impatt tad-diġitalizzazzjoni u tal-ICT fuq it-trasport u t-turiżmu;

31.  Huwa konxju mill-għadd li qed jikber ta' pjattaformi, gruppi, laqgħat u mezzi relatati ma' standards tal-ICT; jitlob lill-Kummissjoni biex tirrazzjonalizza l-għadd ta' pjattaformi u mekkaniżmi ta' koordinazzjoni li jieħdu ħsieb l-istandardizzazzjoni u jinvolvu l-organizzazzjonijiet ta' standardizzazzjoni dwar inizjattivi ġodda, sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi għall-partijiet ikkonċernati; jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm koordinazzjoni aħjar tal-istandards tal-ICT u prijoritajiet tal-istandardizzazzjoni fost l-organizzazzjonijiet differenti, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tinforma minnufih lill-partijiet ikkonċernati dwar l-istadju milħuq fl-inizjattivi li għaddejjin bħalissa fir-rigward tal-istandards tal-ICT;

32.  Jenfasizza li d-diġitalizzazzjoni miexja b'pass mgħaġġel u hija mutur ewlieni tal-ekonomija; jissottolinja l-importanza tad-diġitalizzazzjoni effettiva tal-industriji vertikali sabiex minnha jibbenefikaw l-SMEs, u b'mod speċjali l-konsumaturi fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali u l-ħtieġa li t-tħassib tagħhom jiġi rrappreżentat b'mod xieraq fil-qafas tal-istandardizzazzjoni internazzjonali tal-ICT;

33.  Jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tesplora inizjattivi bħal sistema affidabbli ta' ċertifikazzjoni u ta' tikkettar tal-IoT, li tista' trawwem il-fiduċja fil-livelli tal-privatezza u tas-sigurtà minn tarf sa tarf ta' apparat tal-IoT billi jiġu pprovduti klassifikazzjonijiet komparabbli dwar ir-riskji possibbli assoċjati mal-operat u l-użu ta' apparat jew servizz IoT; jemmen li dawn għandhom jiġu żviluppati fejn ikun rilevanti u fejn l-apparati tal-IoT jista' jkollhom impatt fuq l-infrastruttura rilevanti abbażi tar-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva NIS, li għandha sservi bħala bażi għad-definizzjoni ta' rekwiżiti ta' sigurtà; jinnota li kull tikketta minn dawn għandha tkun tista' tadatta għal bidliet teknoloġiċi futuri u tieħu kont ta' standards globali fejn xieraq;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu pożizzjoni ta' tmexxija fil-promozzjoni ta' standards intersettorjali, b'ilsna differenti u fl-appoġġ ta' servizzi favur il-privatezza, affidabbli u sikuri;

35.  Jappoġġja, f'dan is-sens, id-definizzjoni ta' rekwiżiti minimi speċifiċi u miżurabbli li jqisu s-sostenibbiltà u l-affidabbiltà ta' apparati jew servizzi tal-IoT kif ukoll ta' standards ta' sigurtà informatika ta' livell industrijali u standards ta' sostenibbiltà; din il-lista għandha tinkludi, pereżempju, l-impenn li jagħmlu l-aġġornamenti disponibbli għal perjodu minimu ta' żmien wara x-xiri, l-impenn tal-manifattur jew tal-fornitur għal perjodu ta' żmien li fih ikun se jipprovdi aġġornament wara li tiġi skoperta u notifikata xi vulnerabbiltà; għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-possibilità ta' awtoregolamentazzjoni tal-industrija, filwaqt li titqies il-ħeffa li biha l-istandards u t-teknoloġiji jevolvu fis-settur tal-ICT, u d-diversità tal-iżvilupp u l-mudelli kummerċjali, inklużi s-sors miftuħ, in-negozji ġodda u l-SMEs;

36.  Jinnota t-tħassib dwar iċ-ċibersigurtà u l-ispeċifiċitajiet tat-theddidiet fis-settur tat-trasport; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tindirizza dawn l-ispeċifiċitajiet meta tkun qed tadotta r-rakkomandazzjonijiet tagħha dwar l-istandards taċ-ċibersigurtà li huma mistennija sa tmiem l-2017, bħala l-ewwel pass lejn strateġija komprensiva dwar iċ-ċibersigurtà fis-settur tat-trasport;

37.  Jinnota li l-istandardizzazzjoni tal-ICT se tkun ta' benefiċċju għall-iżvilupp tas-servizzi marbuta mat-trasport u mat-turiżmu u ta' soluzzjonijiet tat-trasport multimodali; jistieden lill-Kummissjoni biex, flimkien mal-ESOs, tagħti importanza akbar lil dan l-iżvilupp meta tkun qed timplimenta l-pjan ta' azzjoni prijoritarju tagħha għall-istandardizzazzjoni tal-ICT, u b'mod partikolari tesplora r-rwol potenzjali tal-istandardizzazzjoni biex jingħata appoġġ lit-tibdil teknoloġiku u lill-mudelli kummerċjali ġodda li qed jitfaċċaw fis-settur tat-turiżmu; jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni rapida biex tippromwovi l-iżvilupp ta' servizzi integrati għall-ħruġ tal-biljetti u għall-għoti ta' informazzjoni u kunċetti ta' mobilità ġodda bħall-Mobilità bħala Servizz;

38.  Jinnota li biż-żieda fl-użu tal-internet, tas-servizzi bankarji online, tan-netwerking soċjali u tal-inizjattivi elettroniċi tas-saħħa, in-nies qed ikollhom dejjem aktar tħassib dwar is-sigurtà u l-privatezza, u li l-istandards tal-ICT jeħtieġu li jirriflettu l-prinċipji ta' protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-integrazzjoni diġitali tal-manifattura bħala prijorità għall-istandardizzazzjoni tal-ICT u jħeġġeġ l-iżvilupp ta' standards miftuħa għall-protokolli ta' komunikazzjoni u tal-formati tad-data għall-integrazzjoni diġitali tat-tagħmir tal-manifattura sabiex tiġi żgurata interoperabbilità sħiħa bejn magni u apparati;

40.  Jirrikonoxxi xi tħassib b'mod partikolari fir-rigward tal-ICT u tal-Privattivi Standard Essenzjali (SEPs), u jirrikonoxxi li politika tal-IPR robusta, ġusta u raġonevoli tinkoraġġixxi l-investiment u l-innovazzjoni u tiffaċilita l-assorbiment tas-suq uniku diġitali u ta' teknoloġiji ġodda, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-introduzzjoni tal-5G u tal-apparati tal-IoT, billi dawn jiddependu ħafna fuq l-istandardizzazzjoni; jenfasizza li huwa essenzjali li jinżamm qafas ta' standardizzazzjoni bbilanċjat u prattiki effiċjenti ta' għoti ta' liċenzji msejsa fuq il-metodoloġija FRAND (prattiki ġusti, raġonevoli u nondiskriminatorji) u li jindirizzaw it-tħassib leġittimu kemm ta' min joħroġ il-liċenzji u kemm tad-detenturi ta' liċenzja tas-SEP, filwaqt li jiġi żgurat li l-proċess ta' standardizzazzjoni joffri kundizzjonijiet ekwi fejn il-kumpaniji ta' kull daqs, inklużi l-SMEs, jistgħu jikkollaboraw b'mod li jkun ta' benefiċċju reċiproku; jinkoraġġixxi l-isforzi tal-Kummissjoni biex tiżgura li l-interoperabbiltà bejn il-komponenti diġitali tkun tista' tinkiseb permezz ta' tipi differenti ta' soluzzjonijiet ta' liċenzjar u mudelli kummerċjali;

41.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiċċara, mingħajr dewmien, l-elementi ewlenin ta' metodoloġija ta' liċenzjar ekwitabbli, effikaċi u infurzabbli mibnija madwar il-prinċipji FRAND, b'kont meħud tal-interessi kemm tad-detenturi u kemm tal-implimentaturi tal-istandards li jinkludu SEPs, redditu ġust fuq l-investiment, u d-disponibilità wiesgħa tat-teknoloġiji żviluppati fi proċess miftuħ ta' standardizzazzjoni sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni tieħu nota tad-deċiżjoni tal-QtĠ-UE C-170/13 (Huawei vs ZTE), li ssib bilanċ bejn id-detenturi tas-SEP u l-implimentaturi tal-istandards bil-għan li jingħeleb il-ksur tal-privattivi u jiġi żgurat l-operat effiċjenti tas-soluzzjoni ta' tilwim; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex ittejjeb id-definizzjoni marbuta ma' informazzjoni dwar il-portata tal-privattivi u tindirizza l-kwistjonijiet relatati mal-assimetriji ta' informazzjoni bejn l-SMEs u l-intrapriżi l-kbar, iżżid it-trasparenza tad-dikjarazzjonijiet standard tal-privattivi essenzjali, u ttejjeb il-kwalità tal-informazzjoni dwar ir-relazzjoni ta' SEPs għal prodotti; huwa tal-opinjoni li kwalunkwe kumpens lill-iżviluppaturi ta' SEPs jeħtieġ li jkun ibbażat fuq termini ġusti, proporzjonati u mhux diskriminatorji, kif ukoll fuq rati tar-royalties trasparenti, raġonevoli, prevedibbli u sostenibbli, ħlief fejn żviluppaturi jiddeċiedu li jipprovdu l-istandard disponibbli mingħajr kumpens finanzjarju; jirrikonoxxi, madankollu, li jeżistu diversi mudelli kummerċjali, bħall-implimentazzjoni ta' liċenzjar ħieles mir-royalties u ta' softwer b'sors miftuħ, u għaldaqstant il-leġiżlazzjoni u d-diskussjoni għandha tkompl tirrikonoxxi l-użu tal-mudelli kollha fuq bażi inklużi d-drittijiet kollha tas-suq u d-detenturi tal-IPR;

42.  Jinnota l-ħtieġa ta' approċċ ibbażat fuq l-evidenza għall-monitoraġġ u l-iżvilupp ulterjuri tal-qafas ta' liċenzjar sabiex tiġi żgurata ekosistema dinamika li toħloq valur miżjud u impjiegi;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika rapporti biannwali li jixhdu dwar każijiet reali ta': (a) użu SEP mhux liċenzjat (jiġifieri ksur) li jdum 18-il xahar jew aktar; u (b) kwistjonijiet dwar aċċess għal standards minħabba nuqqas ta' konformità sistematika mal-impenji FRAND;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkonkludi d-dibattitu dwar il-"perċezzjoni ta' ħtieġa" ta' cloud tax-xjenza u tieħu azzjoni immedjata, bi ftehim mill-qrib mal-Istati Membri dwar il-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa, li għandu jintegra bla xkiel in-netwerks eżistenti, id-data u s-sistemi tal-informatika bi prestazzjoni għolja u ta' servizzi tal-infrastruttura elettronika fl-oqsma xjentifiċi kollha, f'qafas ta' politiki u standards tal-ICT komuni;

Standards Ewropej għas-seklu 21

45.  Jilqa' l-pakkett ta' "Standards Ewropej għas-Seklu 21" tal-Kummissjoni u huwa tal-fehma li s-sistema ta' standardizzazzjoni għandha ssir iktar trasparenti, miftuħa u inklużiva bil-għan li tintegra bis-sħiħ it-tħassib taċ-ċittadini, tal-konsumaturi u tal-SMEs;

46.  Jiddispjaċih li ma ġiex ikkonsultat qabel l-adozzjoni tal-pakkett, u jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet Ewropej jallinjaw id-diversi inizjattivi fi programm wieħed ta' ħidma strateġiku u olistiku li jevita d-duplikazzjoni ta' azzjonijiet u politiki; jenfasizza li l-kumitat rilevanti tal-Parlament Ewropew jista' jkollu rwol importanti fl-iskrutinju pubbliku ta' standards armonizzati mitlub mill-Kummissjoni;

47.  Jappella għal aktar tisħiħ, koerenza u titjib fil-preċiżjoni tal-AUWP;

48.  Jenfasizza li l-AUWP li jmiss jeħtieġ li speċifikament jindirizza azzjonijiet li jtejbu l-koordinazzjoni bejn l-istandards ICT u mhux tal-ICT, li wasslu għat-titjib tar-regoli tal-NSBs differenti, u jippromwovu l-inklużività tal-ESOs billi tingħata attenzjoni akbar għar-rwol tal-partijiet ikkonċernati elenkati fl-Artikolu 5;

49.  Jenfasizza l-importanza tad-djalogu interistituzzjonali għat-tħejjija tal-AUWP, u jħeġġeġ li l-isforzi jinvolvu, qabel l-adozzjoni tal-AUWP, lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha f'Forum Annwali dwar l-Istandardizzazzjoni, biex jiddiskutu l-oqsma ġodda, l-isfidi eżistenti u titjib neċessarju tal-proċess ta' standardizzazzjoni;

50.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jinvestu fi strateġiji nazzjonali għall-istandardizzazzjoni li jgħinu u jinkoraġġixxu lis-settur pubbliku, il-korpi ta' standardizzazzjoni, il-partijiet ikkonċernati tas-soċjetà, l-SMEs u l-akkademiċi fil-livell nazzjonali jiżviluppaw u jimplimentaw pjanijiet ta' azzjoni ta' standardizzazzjoni individwali;

51.  Jilqa' l-JIS u jirrakkomanda li l-Parlament jiġi mistieden ukoll biex jipparteċipa fi u jikkontribwixxi għaliha, u jenfasizza li r-regoli ta' tali sħubijiet pubbliċi-privati jeħtieġ jiġu rispettati mill-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi l-istituzzjonijiet tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tieħu rwol ta' tmexxija fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet ewlenin tal-JIS u tirrapporta lura lill-Parlament sa tmiem l-2017 dwar il-progress miksub;

52.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn, magħmul fil-kuntest tal-JIS, biex jiġi żviluppat studju dwar l-impatt ekonomiku u soċjali, inkluża informazzjoni dwar linji ta' politika, riskji u eżiti fir-rigward tal-kwalità tal-ħajja, aspetti soċjali u relatati mal-impjegati, tal-istandards u l-użu tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tibbaża dan l-istudju fuq data kwantitattiva u kwalitattiva u tanalizza kemm il-mudelli kummerċjali tal-proċess ta' standardizzazzjoni kif ukoll id-diversi mudelli finanzjarji – inklużi l-opportunitajiet u l-isfidi – biex jagħmlu l-aċċess għall-istandards armonizzati disponibbli faċilment;

53.  Jissottolinja l-fatt li l-istandardizzazzjoni hija dejjem aktar rikonoxxuta bħala kontributur importanti għar-riċerka u l-iżvilupp u li għandha rwol importanti fl-għeluq tad-distakk bejn ir-riċerka u s-suq, trawwem it-tixrid u l-isfruttament tar-riżultati fir-riċerka, u toħloq bażi għal aktar innovazzjoni;

54.  Jistieden lill-Kummissjoni tadotta politiki li jeliminaw l-ostakli eċċessivi f'setturi innovattivi, biex jagħtu inċentiv għall-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp u fl-istandardizzazzjoni fil-livell tal-UE; jinnota li l-industriji vertikali għandhom ifasslu l-pjan direzzjonali tagħhom għall-istandardizzazzjoni, filwaqt li jibbażaw ruħhom fuq proċessi mmexxija mill-industrija, li jekk ikollhom rieda soda sabiex jiksbu standards komuni, ikollhom il-kapaċità li jsiru standards dinjija; jemmen li l-korpi Ewropej tal-istandardizzazzjoni għandu jkollhom rwol speċjali f'dan il-proċess;

55.  Iħeġġeġ lill-partijiet tal-JIS jiżguraw li r-riċerka u l-innovazzjoni jkunu allinjati aħjar mal-prijoritajiet li jiffissaw l-istandards;

56.  Iqis li għarfien u liċenzji miftuħa huma l-aħjar strument biex jiġu stimolati l-innovazzjoni u l-iżvilupp tat-teknoloġija; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet ta' riċerka li jużaw il-fondi tal-UE jużaw privattivi u liċenzji miftuħa sabiex jiksbu rwol akbar fl-iffissar ta' standards;

57.  Jappoġġja azzjonijiet immirati lejn it-titjib tas-sinerġija bejn il-komunitajiet tal-istandardizzazzjoni u dawk tar-riċerka u fil-promozzjoni tal-istandards fi stadju bikri tal-proġetti ta' riċerka; iħeġġeġ lill-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni jippromwovu l-istandardizzazzjoni fost ir-riċerkaturi u l-komunità tal-innovazzjoni, inklużi l-organizzazzjonijiet governattivi u l-aġenziji ta' finanzjament rilevanti u jirrakkomanda li jiġi żviluppat kapitolu speċifiku dwar l-istandardizzazzjoni fl-Orizzont 2020;

58.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-ESOs biex jiżguraw li l-istandards tas-servizzi rilevanti għas-suq jirriflettu s-servitizzazzjoni dejjem akbar tal-ekonomija u jiġu żviluppati bl-għanijiet li tiġi żgurata s-sikurezza u l-kwalità tas-servizzi u jiġu pprijoritizzati l-oqsma bl-ogħla detriment għall-konsumaturi mingħajr ma jiġu mittiefsa r-rekwiżiti regolatorji nazzjonali eżistenti, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar il-liġi tax-xogħol jew il-ftehimiet kollettivi u n-negozjar; jirrikonoxxi, barra minn hekk, li l-istandards tas-servizzi sikwit jirrispondu għall-ispeċifiċitajiet nazzjonali u li l-iżvilupp tagħhom huwa relatat mal-bżonnijiet tas-suq, l-interessi tal-konsumatur u l-interess pubbliku; jenfasizza li l-iżvilupp tal-istandards tas-servizzi Ewropej għandu jikkontribwixxi għall-funzjonament tas-suq intern għas-servizzi, filwaqt li tiżdied it-trasparenza, il-kwalità u l-kompetittività u biex jiġu promossa l-kompetizzjoni, l-innovazzjoni, u l-protezzjoni tal-konsumatur;

59.  Jirrimarka li l-proċess ta' standardizzazzjoni fl-Ewropa għandu jinkludi standards li jtejbu l-aċċessibilità għat-trasport u għas-servizzi tat-trasport mingħajr ostakli għall-persuni b'diżabilità u l-anzjani;

60.  Huwa tal-opinjoni li d-dinja moderna li qiegħda tinbidel b'rata mgħaġġla, bil-kumplessità teknika miżjuda tagħha, twassal għall-iżvilupp ta' għadd dejjem akbar ta' standards u pjattaformi għall-ipproċessar ta' speċifikazzjonijiet li ma jikkorrispondux mal-korpi tal-istandardizzazzjoni rikonoxxuti taħt ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012, u li issa hemm esiġenzi akbar f'dak li jirrigwarda l-involviment ta' SMEs u ta' mikrointrapriżi; jenfasizza l-importanza li jkunu appoġġjati miżuri għat-titjib tal-aċċess tal-SMEs għall-iżvilupp u l-użu tal-istandards;

61.  Jissottolinja l-importanza tal-interkonnessjoni ta' pjattaformi u bażijiet tad-data fil-livell Ewropew li jippermettu interoperabbiltà aħjar tan-netwerks u s-sistemi;

62.  Jemmen li l-istandardizzazzjoni tal-ICT tinvolvi mhux biss l-iffissar ta' rekwiżiti tal-prodott iżda anke l-iżvilupp ta' teknoloġiji innovattivi;

63.  Jenfasizza li arranġamenti (tekniċi) unformi jgħinu fit-tnaqqis tal-ispejjeż tal-iżvilupp, tal-produzzjoni u taċ-ċertifikazzjoni u biex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-kompiti;

64.  Jenfasizza li t-tixjiħ demografiku fl-Ewropa jitlob l-inkorporazzjoni sistematika tal-ħtiġijiet tal-anzjani u l-persuni b'diżabilità – kif ukoll ta' membri oħra vulnerabbli tas-soċjetà – fl-iżvilupp tal-istandards, li huma għodda xierqa li tgħin biex ikun hemm soċjetà attiva u b'saħħitha fl-Ewropa u biex tiżdied l-aċċessibilità tal-prodotti u s-servizzi għaċ-ċittadini;

65.  Jirrimarka li l-innovazzjoni fis-setturi tat-trasport u tat-turiżmu tipprovdi opportunitajiet enormi u għandha impatt pożittiv kemm fuq is-soċjetà kif ukoll fuq in-negozji tal-UE, b'mod partikolari l-SMEs u n-negozji l-ġodda, u jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu żviluppati standards ġodda, u dan, fejn possibbli, billi jiġi segwit approċċ mifrux fuq diversi oqsma, u fuq il-ħtieġa li tiġi promossa l-istandardizzazzjoni sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa ta' inizjattivi tal-UE fil-qasam tad-diġitalizzazzjoni, bħalma huma s-Sistemi ta' Trasport Intelliġenti Kooperattivi (C-ITS - Cooperative Intelligent Transport Systems) u l-iżvilupp ta' applikazzjonijiet għat-trasport fis-Sistemi ta' Navigazzjoni bis-Satellita tal-UE (Galileo u EGNOS);

L-Organizzazzjonijiet Ewropej għall-Istandardizzazzjoni

66.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rwol tal-ESOs, iżda jinkoraġġixxi aktar inizjattivi biex jitjiebu l-ftuħ, l-aċċessibilità u t-trasparenza tagħhom, u jirrakkomanda li l-ħidma tagħhom tkun iggwidata minn interessi Ewropej;

67.  Jirrikonoxxi li l-prinċipju tad-delega nazzjonali huwa element fundamentali għas-sistema Ewropea, iżda jwissi li hemm differenzi f'dak li għandu x'jaqsam mar-riżorsi, il-kompetenza teknika u l-involviment tal-partijiet ikkonċernati fil-livell nazzjonali, u jirrakkomanda li l-ħidma tad-delegazzjonijiet nazzjonali tkun ikkumplimentata;

68.  Jirrikonoxxi l-importanza tat-tfassil f'waqtu tal-istandards, kif ukoll ta' referenzi ċċitati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU) f'każ ta' standards armonizzati; huwa konxju dwar it-tnaqqis ta' ċitazzjonijiet ta' standards b'referenza msemmija fil-ĠU u jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga u tindirizza r-raġunijiet għal dan u tneħħi spejjeż jew piżijiet bla bżonn; jirrakkomanda, f'dan ir-rigward, involviment akbar tal-esperti tal-Kummissjoni u tal-Konsulenti ta' Approċċ Ġdid fil-proċess ta' standardizzazzjoni, u jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżviluppa, flimkien mal-ESOs, linji gwida għall-evalwazzjoni għall-istandardizzazzjoni sabiex tgħin lid-diversi dipartimenti fi ħdan il-Kummissjoni, lill-ESOs u lill-Konsulenti ta' Approċċ Ġdid sabiex jevalwaw l-istandards b'mod koerenti;

69.  Itenni li mekkaniżmi ta' appell trasparenti u aċċessibbli jibnu fiduċja fl-ESOs, kif ukoll fil-proċessi tal-iffissar tal-istandards;

70.  Jinkoraġġixxi l-użu ta' ICTs ġodda biex jitjiebu l-aċċessibilità u t-trasparenza tal-proċessi ta' standardizzazzjoni, bħall-għodda elettronika ta' tagħlim għall-SMEs, CEN-CENELEC; jemmen li l-użu ta' għodod diġitali jista' jiffaċilita l-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati fl-iżvilupp ta' standards u jipprovdi informazzjoni dwar xogħol ta' standardizzazzjoni imminenti, attwali jew finalizzat;

Rakkomandazzjonijiet strateġiċi

71.   Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb is-sinerġiji u l-koordinazzjoni bejn l-istituzzjonijiet Ewropej, l-ESOs, l-NSBs u l-organizzazzjonijiet rilevanti kollha tal-partijiet ikkonċernati permezz tal-Forum Annwali dwar l-Istandardizzazzjoni filwaqt li tirrikonoxxi wkoll il-kuntest internazzjonali tal-istandards; jirrikonoxxi li l-maġġoranza l-kbira tal-istandards jiġu żviluppati b'mod volontarju b'reazzjoni għall-ħtiġijiet tas-suq u tal-konsumatur, u jappoġġja dan;

72.  Jitlob li ssir applikazzjoni stretta tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 fir-rigward tar-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet tal-Anness III u għall-pubblikazzjoni tar-rapporti previsti fl-Artikolu 24 tar-regolament;

73.  Iħeġġeġ bis-sħiħ lill-Kummissjoni biex tarmonizza l-kundizzjonijiet għall-organizzazzjonijiet tal-Anness III u biex tiżgura t-tneħħija ta' ostakli de facto għall-involviment effettiv tagħhom fl-istandardizzazzjoni;

74.  Jirrakkomanda li l-istatus, id-drittijiet u l-obbligi ta' sħubija tal-organizzazzjonijiet tal-Anness III, bħalma huma d-dritt ta' appell, setgħat konsultattivi, id-dritt għal opinjoni qabel l-adozzjoni ta' standard, u l-aċċess lill-kumitati tekniċi u l-gruppi ta' ħidma jiġu riveduti fi ħdan l-ESOs sabiex jaċċertaw jekk jissodisfawx ir-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012;

75.  Jistieden lill-ESOs jiżguraw li l-Ftehimiet ISO-CEN (Vjenna) u IEC CENELEC (Frankfurt) la jimpedixxu u lanqas jipperikolaw il-parteċipazzjoni fil-proċessi ta' standardizzazzjoni tal-Organizzazzjonijiet jew NSBs tal-Anness III;

76.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-infrastruttura meħtieġa, jiffaċilitaw il-finanzjament għaliha u jħaffu l-installazzjoni tagħha, inkluż permezz tal-modernizzazzjoni, il-konverżjoni u l-modifika, għall-aċċettazzjoni fis-suq ta' teknoloġiji ġodda appoġġjati minn standards Ewropej (eż. infrastruttura għal karburanti alternattivi), b'konformità mar-rekwiżiti tas-sikurezza, tas-saħħa u tal-ambjent; jenfasizza li l-infrastruttura hija investiment fuq terminu twil u li għalhekk jenħtieġ li l-istandardizzazzjoni tagħha tiżgura interoperabbiltà massima u tippermetti li jsiru żviluppi teknoloġiċi futuri u l-applikazzjoni tagħhom;

77.  Jistieden lill-Kummissjoni taħdem mal-ESOs u mal-NSBs biex jippromwovu punti ta' kuntatt ta' aċċess, li l-użu tagħhom ikun faċli, għall-istandards li jistgħu jipprovdu għajnuna u informazzjoni lil utenti tal-istandards dwar dawk li jkunu disponibbli u l-ispeċifikazzjonijiet ġenerali tagħhom, u li jistgħu jgħinuhom isibu l-istandards li jaqblu l-aktar mal-ħtiġijiet tagħhom, kif ukoll gwida dwar l-implimentazzjoni tagħhom; jirrakkomanda, barra minn hekk, kampanji ta' informazzjoni u edukazzjoni fil-livell nazzjonali u tal-UE biex jippromwovu r-rwol tal-istandards u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jinkludu korsijiet ta' edukazzjoni professjonali rilevanti dwar l-istandards fis-sistemi edukattivi nazzjonali tagħhom;

78.  Jitlob ukoll lill-Kummissjoni tiżviluppa attivitajiet ta' segwitu tat-teknoloġija biex jiġu identifikati żviluppi futur tal-ICT li jistgħu jibbenefikaw mill-istandardizzazzjoni, tiffaċilita l-fluss u t-trasparenza tal-informazzjoni meħtieġa għall-penetrazzjoni tas-suq u l-funzjonament ta' dawn it-teknoloġiji, u, f'dan ir-rigward, tippromwovi mekkaniżmi ta' valutazzjoni aċċessibbli faċilment u faċli għall-utent permezz tal-internet;

79.  Jirrakkomanda li l-NSBs jeħtieġ jeżaminaw jekk huwiex possibbli li jingħata aċċess għall-istandards b'tali mod li l-utent tal-istandards ikun jista' jagħmel valutazzjoni tar-rilevanza tal-istandard; jirrakkomanda bil-qawwa li, meta jiddeterminaw il-livelli tat-tariffi li jirrigardaw l-istandards, l-NSBs u l-ESOs iqisu l-bżonnijiet tal-SMEs u tal-partijiet ikkonċernati li huma utenti mhux kummerċjali;

80.  Jistieden lill-Kummissjoni tħejji reġistru Ewropew li jelenka l-istandards Ewropej eżistenti bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE, li jkun jinkludi wkoll informazzjoni dwar ix-xogħol ta' standardizzazzjoni li jkun għaddej fl-ESOs, il-mandati ta' standardizzazzjoni eżistenti, il-progress li jkun sar u d-deċiżjonijiet li jkun fihom oġġezzjonijiet formali;

81.  Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja l-iżviluppi fl-istandardizzazzjoni tal-ICT fil-livell internazzjonali u, jekk ikun meħtieġ, tappoġġja l-parteċipazzjoni u l-kooperazzjoni tal-partijiet ikkonċernati Ewropej fi ħdan korpi ta' standardizzazzjoni xierqa, u fi proġetti ta' standardizzazzjoni strateġikament importanti, sabiex jiġu promossi l-mudell regolatorju Ewropew u l-interessi Ewropej; iħeġġeġ l-użu tal-Pjattaforma ta' bosta Partijiet Interessati dwar l-Istandardizzazzjoni tal-ICT biex jitlaqqgħu flimkien l-ESOs u l-korpi ta' standardizzazzjoni internazzjonali tal-ICT;

82.  Iħeġġeġ l-adozzjoni mill-UE tal-Mudell tal-Arkitettura ta' Referenza għall-Industrija 4.0 għad-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea;

83.  Jistieden lill-Istati Membri jużaw l-istandards Ewropej tal-ICT fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku sabiex titjieb il-kwalità tas-servizzi pubbliċi u jitrawmu t-teknoloġiji innovattivi; jenfasizza, madankollu, li l-użu tal-istandards m'għandux jirriżulta f'ostakli addizzjonali, b'mod partikolari għan-negozji ż-żgħar, għall-parteċipazzjoni fil-proċeduri ta' akkwist pubbliku;

84.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE, lill-gvernijiet nazzjonali u lill-ESOs jiżviluppaw linji gwida ta' taħriġ għal dawk li jfasslu l-politika biex jgħinuhom jegħlbu l-inkonsistenzi li jirriżultaw mill-użu ta' metodi ta' ħidma differenti fid-diversi dipartimenti u istituzzjonijiet, u biex tinħoloq kultura ta' standardizzazzjoni u fehim ta' kif il-proċessi tal-istandards jaħdmu u meta jkunu jistgħu jintużaw;

o
o   o

85.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 70 E, 8.3.2012, p. 56.
(2) https://ec.europa.eu/info/european-commissions-open-source-strategy_mt

Avviż legali - Politika tal-privatezza