Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2005(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0235/2017

Testi mressqa :

A8-0235/2017

Dibattiti :

PV 03/07/2017 - 26
CRE 03/07/2017 - 26

Votazzjonijiet :

PV 04/07/2017 - 6.5

Testi adottati :

P8_TA(2017)0279

Testi adottati
PDF 376kWORD 58k
It-Tlieta, 4 ta' Lulju 2017 - Strasburgu
Lejn qafas pan-Ewropew ta' bonds koperti
P8_TA(2017)0279A8-0235/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2017 dwar Lejn qafas pan-Ewropew ta' bonds koperti (2017/2005(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-EBA tal-20 ta' Diċembru 2016 bl-isem: Covered Bonds: recommendations on harmonisation of covered bond frameworks in the EU (Bonds Koperti: rakkomandazzjonijiet dwar l-armonizzazzjoni ta' oqfsa ta' bonds koperti fl-UE) (EBA-Op-2016-23),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Konsultazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Settembru 2015 dwar bonds koperti fl-Unjoni Ewropea u d-dokument tal-Kummissjoni mhux iddatat "Summary of contributions to the public consultation on "Covered Bonds"" (Sommarju tal-kontribuzzjonijiet għall-konsultazzjoni pubblika dwar "Bonds Koperti"",

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni tal-20 ta' Ottubru 2015 dwar "l-Artikolu 503 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013: Rekwiżiti ta' kapital għal bonds koperti" (COM(2015)0509),

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-EBA tal-1 ta' Lulju 2014 dwar it-trattament tal-kapital preferenzjali ta' bonds koperti (EBA/Op/2014/04),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-EBA tal-1 ta' Lulju 2014 dwar l-oqfsa ta' bonds koperti tal-UE u t-trattament tal-kapital: rispons għat-talba tal-Kummissjoni għal parir ta' Diċembru 2013 b'rabta mal-Artikolu 503 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, u r-Rakkomandazzjoni E tal-BERS dwar il-finanzjament tal-istituzzjonijiet tal-kreditu ta' Diċembru 2012 (ESRB/12/2)’,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/91/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 li temenda d-Direttiva 2009/65/KE dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) fir-rigward tal-funzjonijiet tad-depożitarji, il-politiki tar-remunerazzjoni u s-sanzjonijiet(1), b'mod partikolari l-Artikolu 52(4) tagħha (minn hawn 'il quddiem "id-Direttiva UCITS"),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012(2), b'mod partikolari l-Artikolu 129 tiegħu (minn hawn 'il quddiem "CRR"),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(3), b'mod partikulari l-Artikolu 44(2) tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2205 tas-6 ta' Awwissu 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għall-obbligu tal-ikklerjar(4),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1178 tal-10 ta' Ġunju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għall-obbligu tal-ikklerjar(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/61 tal-10 ta' Ottubru 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-rekwiżit ta' kopertura tal-likwidità għall-Istituzzjonijiet ta' Kreditu(6) (minn issa 'l quddiem "l-Att Delegat LCR"),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0235/2017),

A.  billi bonds koperti huma strumenti b'passat stabbilit ta' rati baxxi ta' inadempjenza u b'pagamenti affidabbli li jgħinu biex jiffinanzjaw madwar 20 % ta' ipoteki Ewropej u koprew 'il fuq minn EUR 2 000 biljun ta' obbligazzjonijiet fl-Ewropa fl-2015; billi madwar 90 % tal-bonds koperti fid-dinja kollha jinħarġu f'disa' pajjiżi Ewropej;

B.  billi l-bonds koperti kellhom rwol ewlieni ta' finanzjament tal-istituzzjonijiet ta' kreditu, b'mod partikolari matul il-kriżi finanzjarja; billi l-bonds koperti żammew livelli għoljin ta' sigurtà u likwidità matul il-kriżi, fatt li għandu jiġi attribwit għall-kwalità tar-regolamentazzjoni nazzjonali; billi l-episodju bejn l-2008 u 2014 ta' żieda fl-ispread fi prezzijiet tal-bonds koperti madwar l-Istati Membri ma jipprovdi l-ebda evidenza konvinċenti ta' frammentazzjoni tas-suq, minħabba li l-ispreads kienu korrelatati ħafna mal-ispreads tal-bonds tal-gvern u possibbilment kienu sempliċi riflessjonijiet tar-riskji sottostanti f'pools ta' kopertura; billi s-sensittività għar-riskju xieraq ta' prezzijiet ta' bond kopert madwar l-Istati Membri hija prova ta' funzjonament tajjeb u swieq integrati sew;

C.  billi hemm investiment transfruntier sinifikanti fis-swieq tal-bonds koperti Ewropej; billi l-bonds koperti għandhom bażi tal-investituri diversifikata sew li fiha l-banek għandhom rwol prominenti, b'sehem mis-suq ta' bejn wieħed u ieħor 35 % bejn l-2009 u l-2015; billi s-sehem mis-suq tal-maniġers tal-assi, il-kumpaniji tal-assigurazzjoni u l-fondi tal-pensjoni naqas bi kważi 20 punt perċentwali u essenzjalment ġie sostitwit b'investimenti ogħla tal-bank ċentrali f'bonds koperti;

D.  billi l-bonds koperti huma strumenti ta' dejn attraenti peress li huma – sal-livell tal-kollateral fil-pool ta' kopertura – eżenti mill-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna stabbilita fl-Artikolu tad-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek (BRRD), billi l-bonds koperti huma konformi mal-Artikolu 129 tas-CRR u jgawdu minn trattament tal-piż tar-riskju preferenzjali;

E.  billi fattur wieħed fid-domanda tal-banek għall-bonds koperti huwa t-trattament regolatorju preferenzjali għall-bonds koperti fl-Att Delegat LCR li jippermetti lill-banek jinkludu l-bonds koperti fir-riżervi ta' likwidità anke jekk ma jkunux eliġibbli għal LCR skont ir-regoli ta' Basel;

F.  billi l-programmi tal-bonds koperti, taħt ċerti kundizzjonijiet, huma eżenti mir-rekwiżiti ta' marġini inizjali kontra r-riskju ta' kreditu tal-kontroparti fi tranżazzjonijiet derivattivi.

G.  billi l-bonds koperti jistgħu, f'diskrezzjoni nazzjonali, jiġu eżentati mir-rekwiżiti tal-UE dwar skoperturi kbar;

H.  billi l-pożizzjonijiet tal-kredituri bankarji mhux garantiti huma affettwati b'mod negattiv mill-aggravar tal-assi minħabba r-rekwiżiti ta' sovrakollateralizzazzjoni (OC) iżda mhux mill-prinċipju ta' finanzjament b'dejn b'pools ta' kopertura segregati; billi tali operazzjonijiet jekk jinvolvu proporzjon bejn is-self u l-valur sew taħt il-100 % ġeneralment itejbu l-pożizzjonijiet tal-kredituri bankarji mhux garantiti sal-punt li dawn ir-riżervi ma jkunux meħtieġa sabiex jiġu sodisfatti l-pretensjonijiet kontra l-pool ta' kopertura;

I.  billi l-bonds koperti jidhru b'mod prominenti fuq in-naħa tal-assi fil-karti tal-bilanċ ta' ħafna banek; billi huwa essenzjali għall-istabilità finanzjarja li dawn l-assi jibqgħu f'likwidità u sigurtà massima; billi dan l-objettiv jenħtieġ li ma jiġix imminat minn innovazzjonijiet f'bonds koperti li jippermettu lill-emittenti jittrasferixxu riskju fid-diskrezzjoni tagħhom;

J.  billi l-ħruġ ta' bonds koperti b'estenzjoni tal-maturità kondizzjonali (l-istrutturi hekk imsejħa "soft bullets" u "conditional pass-through (CPT)") żdied bi 8 % fi tnax-il xahar biex laħaq sehem ta' 45 % tas-suq f'April 2016; billi tali opzjonijiet itaffu r-riskju ta' likwidità f'pools ta' kopertura inadegwati, inaqqsu r-rekwiżiti tal-OC u jgħinu fl-evitar ta' bejgħ bl-għaġla; billi, madankollu, l-estenzjonijiet tal-maturità jeqilbu r-risku tal-emittenti fuq l-investituri; billi trattament regolatorju preferenzjali għandu jingħata biss għal strumenti ta' dejn li huma partikolarment sikuri;

K.  billi m'hemmx definizzjoni preċiża ta' bonds koperti fid-dritt tal-UE;

L.  billi s-swieq tal-bonds koperti għadhom lura fl-Istati Membri mingħajr tradizzjoni tal-ħruġ ta' tali bonds jew fejn it-tkabbir huwa mfixkel mir-riskju sovran jew minn kundizzjonijiet makroekonomiċi diffiċli;

M.  billi hija ħaġa rikonoxxuta sew li l-oqfsa nazzjonali tal-bonds koperti huma diversi, b'mod partikolari fir-rigward tal-aspetti tekniċi bħal-livell tas-superviżjoni pubblika;

N.  billi qafas mifrux mal-UE għall-bonds koperti jrid ikun immirat lejn l-ogħla standards;

O.  billi hemm diversi oqfsa nazzjonali għall-bonds koperti li kellhom suċċess kbir, ibbażati fuq sisien storiċi u legali u parzjalment integrati fid-dritt nazzjonali; billi dawk l-oqfsa nazzjonali jikkondividu karatteristiċi fundamentali, b'mod partikolari r-rikors doppju, is-segregazzjoni tal-pools ta' kopertura b'assi b'riskju baxx u superviżjoni pubblika speċjali; billi jista' jkun ta' benefiċċju li dawn il-prinċipji jiġu estiżi għal tipi oħra ta' strumenti ta' dejn;

P.  billi l-armonizzazzjoni jenħtieġ li ma tkunx ibbażata fuq approċċ ta' universalità peress li dan jista' jwassal għal tnaqqis serju tad-diversità tal-prodott u jista' jaffettwa b'mod negattiv is-swieq nazzjonali li kienu qed jiffunzjonaw b'suċċess; billi jeħtieġ li l-armonizzazzjoni tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà;

Q.  billi l-parteċipanti tas-suq ħadu inizjattivi biex irawmu l-iżvilupp tas-swieq tal-bonds koperti, bħall-ħolqien fl-2013 tat-Tikketta tal-Bonds Koperti (CBL) u l-Mudell ta' Trasparenza Armonizzat (HTT);

R.  billi, wara rieżami superviżorju, l-EBA identifikat l-aħjar prattiki għall-ħruġ u s-superviżjoni tal-bonds koperti u vvalutat l-allinjament tal-oqfsa nazzjonali ma' dawn il-prattiki;

S.  billi, b'rispons għall-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni, maġġoranza kbira tal-partijiet ikkonċernati topponi armonizzazzjoni sħiħa, filwaqt li l-investituri enfasizzaw il-valur tad-diversità tal-prodotti; billi l-partijiet ikkonċernati wrew appoġġ kawt għal-leġiżlazzjoni tal-UE dment li tkun ibbażata fuq il-prinċipji, tibni fuq oqfsa eżistenti u tirrispetta b'mod partikolari l-karatteristiċi tal-oqfsa nazzjonali.

Osservazzjonijiet u pożizzjonijiet ġenerali

1.  Jenfasizza li investimenti domestiċi u transfruntieri f'bonds koperti ħadmu tajjeb fis-swieq tal-UE taħt il-qafas leġiżlattiv attwali; jenfasizza li d-diversità ta' prodotti sodi u sikuri jenħtieġ li tinżamm.

2.  Jirrimarka li armonizzazzjoni obbligatorja ta' mudelli nazzjonali jew is-sostituzzjoni tagħhom b'mudell Ewropew tista' twassal għal konsegwenzi negattivi mhux intenzjonati għal swieq li s-suċċess attwali tagħhom jiddependi mill-fatt li l-leġiżlazzjoni dwar il-bonds koperti hija inkorporata fil-liġijiet nazzjonali; jinsisti li qafas Ewropew aktar integrat għandu jkun limitat għal approċċ ibbażat fuq il-prinċipji li jistabbilixxi l-objettivi iżda jħalli li l-modi u l-mezzi jiġu speċifikati fit-traspożizzjoni fil-liġijiet nazzjonali; jenfasizza li dan il-qafas għandu jkun ibbażat fuq standards ta' kwalità għolja u jqis l-aħjar prattiki, filwaqt li jibni fuq ir-reġimi nazzjonali li jaħdmu sew mingħajr ma jiġu mfixkla. jenfasizza li l-qafas Ewropew potenzjali ġdid għall-bonds koperti, allinjat mal-aħjar prattiki, jenħtieġ li jkun parametru referenzjarju għas-swieq ġodda u jsaħħaħ il-kwalità tal-bonds koperti.

3.  Jitlob direttiva tal-UE li tiddistingwi b'mod ċar bejn iż-żewġ tipi ta' bonds koperti li jeżistu attwalment, jiġifieri:

   a) bonds koperti (minn hawn 'il quddiem "Bonds Koperti Premium" (PCBs)), li ma jaqgħux taħt l-istandards stabbiliti attwalment bl-Artikolu 129 tas-CRR, u
   b) bonds koperti (minn hawn 'il quddiem "Bonds Koperti Ordinarji", li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti stabbiliti għall-PCBs iżda li ma jaqgħux taħt l-istandards stabbiliti attwalment bl-Artikolu 52(4) tad-Direttiva UCITS;

Jenfasizza li l-PCBs jenħtieġ li jgawdu minn preferenza regolatorja fuq l-OCBs u li l-OCBs igawdu preferenza regolatorji fuq forom oħra ta' dejn kollateralizzat; jirrikonoxxi l-potenzjal ta' strumenti ta' dejn konformi mal-UCITS kollha għall-kisba tal-objettivi tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali;

4.  Jistieden lill-Istati Membri jipproteġu t-tikketta tal-"bond kopert" (kemm għall-PCBs u l-OCBs) billi jiżguraw fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li l-bonds koperti jkunu likwidi ħafna u viċin tal-istrumenti ta' dejn mingħajr riskju; jissuġġerixxi bil-qawwa li l-istrumenti tad-dejn koperti b'assi li huma sostanzjalment iktar riskjużi minn dejn tal-gvern u ipoteki (p.e. investimenti fl-infrastruttura mhux apoġġati mill-gvern jew krediti lil intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs)) ma għandhomx jiġu mmarkati "bonds koperti" iżda, possibbilment, "Noti Garantiti Ewropej" (European Secured Notes - ESNs); jappoġġja l-prinċipju li pools ta' kopertura għall-PCBs u l-OCBs jenħtieġ li jkunu totalment garantiti b'assi ta' natura dejjiema li tista' tiġi vvalutata u meħuda lura;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fid-direttiva prinċipji ta' qafas legali għal Noti Garantiti Ewropej (ESNs) bħal rikors doppju, superviżjoni pubblika speċjali, protezzjoni kontra l-falliment u rekwiżiti ta' trasparenza; jistieden lill-Istati Membri jintegraw dawn il-prinċipji fid-dritt nazzjonali tagħhom u l-proċeduri ta' insolvenza tagħhom; jenfasizza li qafas legali sod għall-ESNs ikollu l-potenzjal li jagħmel l-ESNs aktar trasparenti, aktar likwidi u aktar effiċjenti fil-konfromt tal-ispiża minn titoli li jagħmlu użu minn arranġamenti kuntrattwali; jirrimarka li dan jista' jgħin lill-ESNs biex jiffinanzjaw attivitajiet aktar riskjużi, bħal krediti għall-SMEs, krediti tal-konsumaturi jew investimenti fl-infrastruttura li għandhom nuqqas ta' garanziji tal-gvern; jinnota li l-ESNs ikunu eżenti mill-ambitu tal-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna fl-Artikolu 44 tal-BRRD;

6.  Iħeġġeġ li d-Direttiva tinkludi standards minimi ta' sorveljanza li jirriflettu l-aħjar prattiki identifikati għall-bonds koperti; iħeġġeġ konverġenza superviżorja fl-UE kollha;

7.  Jitlob li d-direttiva żżid it-trasparenza fir-rigward ta' informazzjoni dwar assi tal-pool ta' kopertura u l-qafas legali mfassal biex jiżgura rikors doppju u s-segregazzjoni ta' dawk l-assi fil-każ ta' insolvenza jew riżoluzzjoni tal-emittent; jinsisti, barra minn hekk, f'dan ir-rigward li d-direttiva tkun ibbażata fuq il-prinċipji u tiffoka biss fuq ir-rekwiżiti ta' informazzjoni;

1.Definizzjoni tal-PCBs, l-OCBs, l-ESNs u l-qafas regolatorju tagħhom

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta l-proposti tagħha għal qafas Ewropew ta' bonds koperti (direttiva) li jiddefinixxi l-PCBs, l-OCBs u l-ESNs b'mod simultanju, bl-għan li jiġi evitat tfixkil fis-suq matul il-fażijiet ta' tranżizzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi f'din id-definizzjoni l-prinċipji komuni kollha li ġejjin li jistgħu jinkisbu matul il-ħajja ta' dan l-istrument maħruġ, indipendenti mit-trattament preferenzjali potenzjali:

   a) Il-PCBs, OCBs u l-ESNs jenħtieġ li jkunu sostnuti bis-sħiħ minn pool ta' kopertura ta' assi;
   b) Id-dritt nazzjonali jenħtieġ li jiżgura rikors doppju, jiġifieri l-investitur għandu:
   i) pretensjoni fuq l-emittent tal-istrument ta' dejn ugwali għall-obbligazzjonijiet ta' ħlas sħaħ;
   ii) pretensjoni prijoritarja ekwivalenti fuq l-assi tal-pool ta' kopertura (inklużi assi u derivattivi ta' sostituzzjoni) f'każ ta' inadempjenza tal-emittent.

Jekk dawn il-pretensjonijiet ma jkunux biżżejjed biex jissodisfaw bis-sħiħ l-obbligi ta' ħlas tal-emittent, il-pretensjonijiet residwi tal-investitur iridu jkunu pari passu ma' pretensjonijiet tal-kredituri ta' livell superjuri mhux garantiti tal-emittent;

   c) Is-segregazzjoni effettiva tal-assi tal-pool ta' kopertura kollha f'arranġamenti legalment vinkolanti li jkunu faċilment infurzabbli f'każ ta' insolvenza jew riżoluzzjoni tal-emittent; l-istess għandu jgħodd għall-assi u d-derivattivi ta' sostituzzjoni kollha li jiħħeġġjaw ir-riskji tal-pool ta' kopertura;
   d) Il-PCBs, l-OCBs u l-ESNs huma protetti f'każ ta' falliment, jiġifieri huwa żgurat li l-obbligazzjonijiet ta' ħlas tal-emittent ma jkunux awtomatikament aċċelerati f'każ tal-insolvenza jew ir-riżoluzzjoni tal-emittent;
   e) Sovrakollateralizzazzjoni (OC) li tirrifletti r-riskji speċifiċi tal-PCBs, l-OCBs u l-ESNs hija applikata, b'daqsijiet li jiġu stabbiliti fid-dritt nazzjonali. Il-valur tal-assi tal-pool ta' kopertura kollha dejjem irid ikun akbar mill-valur ta' obbligazzjonijiet ta' ħlas pendenti. Il-metodi ta' valutazzjoni għal assi tal-pool ta' kopertura u l-frekwenza tal-kalkolu jenħtieġ li jkunu definiti b'mod ċar fid-dritt nazzjonali u jenħtieġ li jikkunsidraw b'mod xieraq ir-riskji kollha rilevanti;
   f) Id-dritt Ewropew jew id-dritt nazzjonali jiddefinixxu l-parametri massimi bejn is-self u l-valur (LTV) għall-assi tal-pool ta' kopertura. It-tneħħija ta' assi tal-pool ta' kopertura bi ksur tal-limiti jenħtieġ li ma tkunx obbligatorja, iżda pjuttost irid jiġi żgurat li din it-tneħħija sseħħ biss jekk dawn jiġu sostitwiti minn assi eliġibbli ta' mill-inqas l-istess valur tas-suq;
   g) Parti mill-assi tal-pool ta' kopertura jew mill-faċilitajiet ta' likwidità tkun likwida biżżejjed biex l-obbligazzjonijiet ta' ħlas tal-programm tal-bonds koperti jew tal-ESN ikunu jistgħu jiġu sodisfatti għas-sitt xhur li jmiss, ħlief f'każijiet b'bonds b'finanzjament simetriku jew bonds bi struttura soft bullet u b'conditional pass-through (CPT);
   h) Strumenti derivattivi huma permessi biss għal skopijiet ta' ħħeġġjar kontra r-riskju, u kuntratti derivattivi li jkun daħal fihom l-emittent b'kontroparti derivattiva u rreġistrati fil-pool ta' kopertura ma jistgħux jiġu terminati mal-insolvenza tal-emittent;
   i) Id-dritt nazzjonali jipprevedi qafas robust speċjali ta' superviżjoni pubblika billi jispeċifika l-awtorità kompetenti, is-superviżur u l-amministratur speċjali tal-pool ta' kopertura, flimkien ma' definizzjoni ċara tad-dmirijiet u s-setgħat superviżorji tal-awtorità kompetenti, biex ikun żgurat li:
   i) l-emittenti jkollhom persunal kwalifikat u proċeduri operattivi adegwati fis-seħħ għall-ġestjoni tal-pools ta' kopertura, anke fil-każ ta' stress, insolvenza jew riżoluzzjoni;
   ii) il-karatteristiċi ta' pools ta' kopertura jissodisfaw ir-rekwiżiti applikabbli kemm qabel il-ħruġ tal-istrument ta' dejn kif ukoll sal-maturità tiegħu;
   iii) il-konformità tal-PCBs, l-OCBs u l-ESNs mar-rekwiżiti rilevanti (inkluż f'dak li jirrigwarda l-eliġibilità tal-assi ta' kopertura u l-kopertura) hija soġġetta għal monitoraġġ kontinwu, regolari u indipendenti;
   iv) l-emittenti jwettqu testijiet tal-istress regolari dwar il-kalkolu tar-rekwiżiti ta' kopertura, b'kunsiderazzjoni tal-fatturi ta' riskju ewlenin li jaffettwaw l-istrument ta' dejn, bħall-kreditu, ir-rata tal-imgħax, il-munita u r-riskji ta' likwidità;

id-dmirijiet u s-setgħat tal-awtorità kompetenti u l-amministratur speċjali f'każ ta' insolvenza jew riżoluzzjoni tal-emittent iridu jkunu definiti b'mod ċar.

   j) L-emittent huwa obbligat jiżvela mill-inqas darbtejn fis-sena data aggregata dwar il-pools ta' kopertura f'livell ta' dettall li jippermetti lill-investituri jwettqu analiżi komprensiva tar-riskju. Għandha tiġi pprovduta informazzjoni dwar il-karatteristiċi tar-riskju tal-kreditu, ir-riskju tas-suq u r-riskju tal-likwidità ta' assi ta' kopertura, dwar il-kontropartijiet involuti fil-pools ta' kopertura u fil-livelli ta' OC legali, kuntrattwali u volontarja, filwaqt li jenħtieġ li jkun hemm ukoll taqsima dwar id-derivattivi marbuta mal-assi u l-obbligazzjonijiet tal-pool ta' kopertura;
   k) Il-maturità tista' tkun estiża biss f'każ ta' insolvenza jew riżoluzzjoni tal-emittent u bl-approvazzjoni tal-awtorità superviżorja kompetenti jew taħt skattaturi finanzjarji oġġettivi stabbiliti mid-dritt nazzjonali u approvati mill-awtorità Ewropea kompetenti; il-kundizzjonijiet eżatti tal-estensjoni u l-bidliet potenzjali tal-kupun, il-maturità u fatturi oħra jenħtieġ li jiġu ċċarati fit-termini u l-kundizzjonijiet ta' kull bond;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fid-definizzjoni tad-direttiva tal-PCBs il-prinċipji addizzjonali li ġejjin:

   a) L-istrument ta' dejn jkun kompletament kollateralizzat b'assi definiti fl-Artikolu 129(1) tas-CRR u jissodisfa r-rekwiżiti addizzjonali tal-Artikolu 129(3) u (7) tas-CRR; għal self residenzjali garantiti minn garanziji kif speċifikat skont l-Artikolu 129(1)(e) tas-CRR ma jrid ikun hemm l-ebda impediment legali għal amministratur tal-programm tal-bonds koperti li jpoġġi garanziji ipotekari privileġjati fuq is-self meta l-emittent ta' bonds koperti ikun f'inadempjenza jew riżoluzzjoni, u l-garanzija, għal kwalunkwe raġuni, ma tiġix onorata. L-eliġibilità ta' bastimenti bħala assi tal-pool ta' kopertura (l-Artikolu 129(1)(g) tas-CRR) għandha tiġi riveduta;
   b) Il-parametri LTV massimi għall-mutwi ipotekarji inklużi fil-pool ta' kopertura jiġu stabbiliti mid-dritt Ewropew b'tali mod li ma jaqbżux il-proporzjonijiet ta' LTV ffissati attwalment fl-Artikolu 129 tas-CRR, iżda huma soġġetti għal rieżami u aġġustament regolari f'konformità ma' testijiet tal-istress li jistrieħu fuq valutazzjonijiet indipendenti tal-prezzijiet tas-suq li jistgħu jkunu prevalenti fis-swieq immobiljari rilevanti taħt stress; għandu jitħeġġeġ l-użu ta' parametri bbażati fuq ir-relazzjoni self-valur ipotekarju pjuttost milli parametri bbażati fuq ir-relazzjoni self-valur tas-suq;

10.  Jenfasizza li l-ponderazzjonijiet tar-riskju assenjati lill-bonds koperti fil-leġiżlazzjoni Ewropea jridu jirriflettu l-valutazzjonijiet tas-suq tar-riskji sottostanti; josserva li l-istess ma japplikax għat-tipi l-oħra kollha ta' strumenti ta' dejn li jgawdu minn trattament regolatorju preferenzjali minħabba ċerti karatteristiċi;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti s-setgħa lill-Awtoritajiet Superviżjorji Ewropej (ESAs) biex jivvalutaw il-konformità mal-kriterji għall-PCBs, l-OCBs u l-ESNs bl-għan li tikkomplementa jew anki tissostitwixxi l-listi previsti fl-Artikolu 52(4) tad-Direttiva UCITS b'lista awtoritattiva ta' reġimi ta' PCBs, OCBs u ESNs konformi fil-livell Ewropew.

12.  Jistieden lill-EBA toħroġ rakkomandazzjonijiet għal reġimi tal-PCBs, l-OCBs u tal-ESNs dwar il-kriterji ta' eliġibilità għal assi (inklużi assi ta' sostituzzjoni), dwar proporzjonijiet ta' LTV u l-livelli minimi ta' OC effikaċi għal tipi differenti ta' assi, kif ukoll dwar reviżjonijiet possibbli tas-CRR; jistieden lill-EBA tipprovdi l-linji gwida neċessarji għall-istabbiliment tal-qafas superviżorju u amministrattiv speċjali pubbliku;

13.  Jirrakkomanda li l-ostakli għall-aċċess għas-suq għall-emittenti fl-iżvilupp ta' swieq ta' bonds koperti barra ż-ŻEE jitneħħew billi jingħata trattament ekwu lil bonds koperti minn emittenti f'pajjiżi terzi, sakemm l-ambjent legali, istituzzjonali u ta' sorveljanza tagħhom jgħaddi minn valutazzjoni bir-reqqa tal-ekwivalenza minn istituzzjoni Ewropea kompetenti; jirrakkomanda l-promozzjoni tal-prinċipji ewlenin tal-leġiżlazzjoni Ewropea sabiex tistabbilixxi punt ta' riferiment potenzjali għas-swieq tal-bonds koperti globalment;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi reviżjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar is-servizzi finanzjarji li tispeċifika t-trattament regolatorju tal-PCBs, l-OCBs u l-ESNs;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni, meta tkun qed tivvaluta leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar is-servizzi finanzjarji, biex tieħu kont tal-potenzjal tal-PCBs, l-OCBs u l-ESNs għall-kisba tal-objettivi tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni tidentifika ostakli possibbli fil-livell nazzjonali għall-iżvilupp tas-sistemi tal-bonds koperti u tippubblika linji gwida sabiex telimina dawn l-ostakli, mingħajr ħsara għall-kondotta kummerċjali soda u prudenti tal-banek;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-EBA jivvalutaw mill-ġdid (possibbilment bħala parti minn valutazzjoni tal-impatt) l-eliġibilità ta' garanziji marittimi fuq bastimenti bħala assi tal-pool ta' kopertura kif stipulat fl-Artikolu 129(1)(g) tas-CRR; huwa mħasseb dwar il-fatt li trattament preferenzjali għall-bastimenti li jgħawweġ il-kompetizzjoni ma' mezzi oħra ta' trasport; jitlob lill-Kummissjoni u lill-EBA jinvestigaw jekk il-bonds koperti tal-bastimenti humiex fuq l-istess livell ma' bonds koperti konformi mas-CRR f'termini tal-likwidità u valutazzjonijiet tar-riskju tagħhom imwettqa minn aġenziji tal-klassifikazzjoni indipendenti, u jekk it-trattament preferenzjali ta' tali bonds fuq il-bażi ta' eliġibilità LCR u ponderazzjonijiet tar-riskju iktar baxxi fis-CRR huwiex għalhekk iġġustifikat;

18.  Jistieden lill-Istati Membri jipprevedu fid-dritt nazzjonali l-opportunità li joħolqu pools ta' kopertura separati, b'kull waħda minnhom tinkludi l-istess klassi ta' assi omoġenja (bħal self residenzjali); jistieden lill-Istati Membri jippermettu l-assi ta' kopertura kollha kif speċifikat fl-Artikolu 129(1)(a)(b) u (c) tas-CRR bħala assi ta' sostituzzjoni li jikkontribwixxu għar-rekwiżit ta' kopertura, u biex jispeċifikaw b'mod ċar limiti fuq il-kwalità tal-krediti, id-daqs tal-iskopertura u l-limiti superjuri għall-kontribuzzjonijiet ta' kopertura tal-assi ta' sostituzzjoni;

Appoġġ tat-trasparenza tas-suq u l-konverġenza volontarja

19.  Jilqa' t-titjib fil-metodoloġiji ta' klassifikazzjoni tal-bonds koperti u l-espansjoni tas-swieq ta' klassifikazzjoni għall-bonds koperti;

20.  Jissottolinja l-importanza ta' kundizzjonijiet ekwi sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta fis-swieq finanzjarji; jenfasizza li l-leġiżlazzjoni Ewropea ma tridx tiddiskrimina bejn it-tipi differenti ta' strumenti tal-dejn iggarantiti ħlief jekk ikun hemm raġunijiet tajbin biex wieħed jassumi li dawn huma differenti f'dak li jirrigwarda s-sikurezza jew il-likwidità;

21.  Jilqa' inizjattivi tas-suq biex jiġu żviluppati standards u mudelli armonizzati għad-divulgazzjoni (p.e. l-HTT) biex jiġu ffaċilitati t-tqabbil u l-analiżi tad-differenzi bejn il-bonds koperti madwar l-UE;

22.  Jappoġġja l-iżvilupp ta' rakkomandazzjonijiet tal-EBA għal standards tas-suq u linji gwida dwar l-aħjar prattiki; jinkoraġġixxi l-konverġenza volontarja f'dan is-sens;

23.  Iħeġġeġ it-twettiq regolari ta' testijiet tal-istress għal pools ta' kopertura u l-pubblikazzjoni tar-rizultati tat-testijiet tal-istress;

o
o   o

24.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Awtorità Bankarja Ewropea.

(1) ĠU L 257, 28.8.2014, p. 186.
(2) ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.
(3) ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190.
(4) ĠU L 314, 1.12.2015, p. 13.
(5) ĠU L 195, 20.7.2016, p. 3.
(6) ĠU L 11, 17.1.2015, p. 1.

Avviż legali - Politika tal-privatezza