Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2239(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0222/2017

Testi mressqa :

A8-0222/2017

Dibattiti :

PV 03/07/2017 - 22
CRE 03/07/2017 - 22

Votazzjonijiet :

PV 04/07/2017 - 6.14
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0288

Testi adottati
PDF 483kWORD 63k
It-Tlieta, 4 ta' Lulju 2017 - Strasburgu
L-indirizzar tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tad-delitti tal-gwerra u d-delitti kontra l-umanità, inkluż il-ġenoċidju
P8_TA(2017)0288A8-0222/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2017 dwar l-indirizzar tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tad-delitti tal-gwerra u d-delitti kontra l-umanità, inkluż il-ġenoċidju (2016/2239(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju tad-9 ta' Diċembru 1948,

–  wara li kkunsidra l-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti (Azzjoni rigward Theddid għall-Paċi, Ksur tal-Paċi u Atti ta' Aggressjoni),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-10 ta' Diċembru 1984,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 18 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Artikolu 18 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, id-Dikjarazzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Intolleranza u Diskriminazzjoni Abbażi tar-Reliġjon jew it-Twemmin, u l-Linji Gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà tal-31 ta' Ottubru 2000,

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) tas-17 ta' Lulju 1998, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2002,

–  wara li kkunsidra l-Emendi ta' Kampala għall-Istatut ta' Ruma, adottati mill-Konferenza ta' Reviżjoni f'Kampala, l-Uganda, f'Ġunju 2010,

–  wara li kkunsidra l-Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti ta' Analiżi għad-Delitti Atroċi, imfassal mill-Uffiċċju tal-Konsulenti Speċjali tan-NU dwar il-Prevenzjoni tal-Ġenoċidji u r-Responsabbiltà ta' Protezzjoni,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-15 ta' Marzu 2015 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iraq fid-dawl tal-abbużi mwettqa mill-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku fl-Iraq u l-Levante u minn gruppi assoċjati,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti A/71/L.48 ta' Diċembru 2016, li tistabbilixxi mekkaniżmu internazzjonali, imparzjali u indipendenti biex jassisti fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-persuni responsabbli għad-delitti l-aktar serji skont id-dritt internazzjonali li twettqu fir-Repubblika Għarbija Sirjana minn Marzu 2011 (IIIM),

–  wara li kkunsidra l-inkjesta speċjali dwar l-avvenimenti f'Aleppo min-naħa tal-Kummissjoni ta' Inkjesta Internazzjonali Indipendenti dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana, ippubblikata fl-1 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/443/PESK tal-11 ta' Ġunju 2001 dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali(1),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/494/JHA tat-13 ta' Ġunju 2002 li tistabbilixxi network Ewropew ta' punti ta' kuntatt dwar persuni li huma responsabbli għal ġenoċidju, reati kontra l-umanità u reati tal-gwerra(2),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/335/JHA tat-8 ta' Mejju 2003 dwar l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra(3);

–  wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2003/444/PESK tas-16 ta' Ġunju 2003 dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali(4),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Promozzjoni tal-Konformità mad-Dritt Umanitarju Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim bejn il-Qorti Kriminali Internazzjonali u l-Unjoni Ewropea dwar kooperazzjoni u assistenza(5),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/168/PESK tal-21 ta' Marzu 2011 dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali(6),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma konġunt tal-persunal tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas- Sigurta’ s biex isir progress fir-rigward tal-prinċipju ta' komplementarjetà (SWD(2013)0026),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-approċċ komprensiv tal-UE tat-12 ta' Mejju 2014,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija tan-Netwerk tal-UE kontra l-Ġenoċidju biex tiġi miġġielda l-impunità għar-reat kriminali tal-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra fl-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, adottata fit-30 ta' Ottubru 2014.

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2015 dwar l-appoġġ tal-UE għall-ġustizzja tranżizzjonali,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta' Mejju 2016 dwar l-istrateġija reġjonali tal-UE għas-Sirja u l-Iraq kif ukoll għat-theddida tad-Da'esh,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-9 ta' Diċembru 2016 tal-VP/RGħ fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Kommemorazzjoni u d-Dinjità tal-Vittmi tad-Delitti tal-Ġenoċidju u tal-Prevenzjoni ta' dan id-Delitt,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015-2019,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Novembru 2011 dwar l-appoġġ tal-UE għall-QKI: naffaċċjaw l-isfidi u negħlbu d-diffikultajiet(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Lulju 2014 dwar id-delitt tal-aggressjoni(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar l-ispostar tal-massa tat-tfal fin-Niġerja bħala riżultat tal-attakki tal-Boko Haram(9) u tas-17 ta' Lulju 2014 dwar in-Niġerja – attakki reċenti mill-Boko Haram(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar it-tħejjija għas-Summit Umanitarju Dinji: Sfidi u opportunitajiet għall-assistenza umanitarja(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-24 ta' Novembru 2016 dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja(12), tas-27 ta' Ottubru 2016 dwar is-sitwazzjoni fit-Tramuntana tal-Iraq/Mosul(13), tal-4 ta' Frar 2016 dwar il-qtil tal-massa sistematiku ta' minoranzi reliġjużi mill-hekk imsejħa "ISIS/Da'esh"(14), u tal-11 ta' Ġunju 2015 dwar is-Sirja: is-sitwazzjoni f'Palmira u l-każ ta' Mazen Darwish(15),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0222/2017),

A.  billi d-delitt tal-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra, magħrufa wkoll bħala "delitti atroċi", huma l-aktar delitti serji kontra l-umanità u jirrappreżentaw kwistjoni ta' tħassib għall-komunità internazzjonali kollha; billi l-umanità tkexkxet quddiem dawn id-delitti;

B.  billi l-komunità internazzjonali għandha d-dmir li tevita li jseħħu delitti atroċi; billi, meta jseħħu, dawn id-delitti m'għandhomx jibqgħu bla kastig u jeħtieġ tiġi żgurata prosekuzzjoni effikaċi, ġusta u rapida fil-konfront tagħhom fil-livell nazzjonali jew internazzjonali u skont il-prinċipju ta' komplementarjetà;

C.  billi r-responsabbiltà, il-ġustizzja, l-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-impunità jikkostitwixxu elementi essenzjali li jirfdu l-isforzi favur il-paċi u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti, ir-rikonċiljazzjoni u r-rikostruzzjoni;

D.  billi rikonċiljazzjoni ġenwina tista' tkun ibbażata biss fuq il-verità u l-ġustizzja;

E.  billi l-vittmi ta' dan it-tip ta' delitti għandhom dritt għal rimedju u kumpens u billi r-rifuġjati li sfaw vittmi ta' delitti atroċi għandhom jirċievu appoġġ sħiħ mill-komunità internazzjonali; billi f'dan il-kuntest huwa importanti li tiġi adottata perspettiva ta' ugwaljanza bejn is-sessi billi jitqiesu l-ħtiġijiet speċjali tan-nisa u l-bniet fil-kampijiet tar-rifuġjati, matul ir-ripatrijazzjoni u r-risistemazzjoni, fir-riabilitazzjoni u fir-rikostruzzjoni ta' wara l-kunflitt;

F.  billi l-QKI tiżvolġi rwol ewlieni fil-ġlieda kontra l-impunità u biex jerġa' jkun hemm il-paċi u ssir ġustizzja mal-vittmi;

G.  billi s-sistema ta' kumpens għall-vittmi tad-delitti fil-kompetenza tal-Qorti tagħmel lill-QKI istituzzjoni ġudizzjarja unika fil-livell internazzjonali;

H.  billi l-adeżjoni universali mal-Istatut ta' Ruma hija essenzjali għall-effikaċja sħiħa tal-QKI; billi 124 pajjiż, inklużi l-Istati Membri kollha tal-UE, irratifikaw l-Istatut ta' Ruma tal-QKI;

I.  billi l-emendi ta' Kampala għall-Istatut ta' Ruma dwar id-delitt tal-aggressjoni, meqjus bħala l-aktar forma serja u perikoluża ta' użu illegali tal-forza, ġew ratifikati minn 34 pajjiż, biex b'hekk intlaħqu t-30 aċċettazzjoni meħtieġa għall-attivazzjoni tagħha u b'hekk l-Assemblea tal-Istati Partijiet ingħatat il-possibbiltà li tadotta, wara l-1 ta' Jannar 2017, l-attivazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti b'rabta mal-aggressjoni u abbażi tat-Trattat;

J.  billi, f'Novembru 2016, ir-Russja ddeċidiet li tirtira l-firma tagħha mill-Istatut ta' Ruma; billi, f'Ottubru 2016, anke l-Afrika t'Isfel, il-Gambja u l-Burundi ħabbru l-irtirar tagħhom; billi, fil-31 ta' Jannar 2017, l-Unjoni Afrikana (UA) adottat riżoluzzjoni mhux vinkolanti li tinkludi Strateġija għall-Irtirar mill-QKI u li tistieden lill-Istati Membri tal-UA jikkunsidraw li jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tagħha; billi fi Frar u f'Marzu 2017 rispettivament, il-Gambja u l-Afrika t'Isfel innotifikaw id-deċiżjoni tagħhom li jirrevokaw l-irtirar mill-Istatut ta' Ruma;

K.  billi huwa importanti ħafna li jkun hemm kooperazzjoni bejn l-Istati Partijiet għall-Istatut ta' Ruma u l-organizzazzjonijiet reġjonali, partikolarment f'sitwazzjonijiet fejn il-ġurisdizzjoni tal-QKI tkun qed tiġi kkontestata;

L.  billi l-QKI bħalissa qed twettaq investigazzjonijiet f'disa' pajjiżi (il-Georgia, il-Mali, il-Kosta tal-Avorju, il-Libja, il-Kenja, is-Sudan (id-Darfur), l-Uganda, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u r-Repubblika Ċentru-Afrikana (żewġ investigazzjonijiet));

M.  billi, f'konformità mal-prinċipju ta' komplementarjetà stabbilit fl-Istatut ta' Ruma, il-QKI taġixxi biss meta l-qrati nazzjonali ma jkunux jistgħu jew ma jkunux iridu jinvestigaw u jipproċedu fir-rigward ta' delitti atroċi, u għaldaqstant l-Istati Partijiet jibqa' jkollhom ir-responsabbiltà primarja li jressqu quddiem il-ġustizzja lill-allegati awturi tad-delitti l-aktar serji u ta' tħassib internazzjonali;

N.  billi, fil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/443/PESK tal-11 ta' Ġunju 2001 dwar il-QKI, l-Istati Membri ddikjaraw li d-delitti li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-QKI huma ta' tħassib għall-Istati Membri kollha, li huma determinati li jikkooperaw dwar il-prevenzjoni ta' dawn id-delitti u jtemmu l-impunità tal-awturi tagħhom;

O.  billi l-UE u l-Istati Membri tagħha ilhom alleati leali tal-QKI sa mill-bidu nett tagħha, u joffru kontinwament appoġġ politiku, diplomatiku, finanzjarju u loġistiku, inkluża l-promozzjoni tal-universalità u d-difiża tal-integrità tas-sistema tal-Istatut ta' Ruma;

P.  billi l-UE u l-Istati Membri tagħha wiegħdu lill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar (KISA) l-appoġġ qawwi tagħhom għat-twaqqif ta' mekkaniżmu effikaċi għat-tisħiħ tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali; billi l-Parlament talab lill-VP/RGħ tirrapporta lura dwar l-objettivi u l-istrateġija mfassla sabiex titwettaq din il-wegħda;

Q.  billi, fil-gwerer li seħħew bejn l-1991 u l-1995, twettqu għadd kbir ta' delitti atroċi fit-territorju tal-pajjiżi li qabel kienu jiffurmaw parti mill-Jugoslavja;

R.  billi l-proċedimenti ġudizzjarji fil-konfront tal-awturi tad-delitti atroċi mwettqa fil-gwerer li seħħew bejn l-1991 u l-1995 fit-territorju tal-pajjiżi li qabel kienu jiffurmaw parti mill-Jugoslavja għaddejjin bil-mod ħafna;

S.  billi s-Sirja aderiet mal-Konvenzjoni ta' Ġinevra fl-1955, u mal-Konvenzjoni kontra t-Tortura fl-2004;

T.  billi, fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Ottubru 2016, il-Parlament Ewropew fakkar li l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem mwettqa mill-ISIS/Da'esh jinkludu l-ġenoċidju;

U.  billi diversi rapporti tan-NU, inklużi dawk tal-Kummissjoni ta' Inkjesta Internazzjonali Indipendenti dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana, tal-Konsulent Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Prevenzjoni tal-Ġenoċidju, tal-Konsulent Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar ir-Responsabbiltà ta' Protezzjoni, tar-Rapporteur Speċjali dwar il-Kwistjonijiet tal-Minoranzi, u tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll diversi NGOs, sostnew li l-atti mwettqa minn kull naħa jistgħu jikkostitwixxu delitti atroċi u li matul il-ġlieda għal Aleppo f'Diċembru 2016 twettqu reati tal-gwerra minn kull naħa;

V.  billi l-QKI ddikjarat li hemm bażi raġonevoli biex wieħed jemmen li twettqu delitti kontra l-umanità skont l-Artikolu 7 tal-Istatut, fosthom qtil u persekuzzjoni, min-naħa tal-Boko Haram fin-Niġerja;

W.  billi mijiet ta' eżekuzzjonijiet fil-Burundi minn April 2015 wasslu biex rapport tal-Investigazzjoni Indipendenti tan-NU dwar il-Burundi jikkonkludi li diversi persuni fil-Burundi għandhom jiġu mixlija b'allegati reati kontra l-umanità;

X.  billi diversi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, avukati u NGOs internazzjonali wissew li l-avvenimenti li seħħew fil-Burundi fi tmiem l-2016 jistgħu jikkostitwixxu ġenoċidju;

Y.  billi r-regoli internazzjonali dwar id-delitti tal-gwerra u d-delitti kontra l-umanità huma vinkolanti anke fuq atturi mhux statali jew persuni li jaġixxu f'isem jew fil-qafas ta' organizzazzjonijiet mhux statali; billi dan għandu jiġi affermat mill-ġdid aktar u aktar illum, meta atturi mhux statali qed ikunu dejjem aktar preżenti fix-xenarji tal-gwerra u qed jippromwovu u jwettqu delitti serji bħal dawn;

Z.  billi, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-istati jistgħu jinżammu responsabbli wkoll għal ksur ta' obbligi skont it-trattati u l-konvenzjonijiet internazzjonali li l-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni fuqhom, inkluża l-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-1984 u l-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju tal-1948;

AA.  billi l-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja għandha l-kapaċità li tistabbilixxi r-responsabbiltà statali;

AB.  billi, bl-intenzjoni li jintimidaw u jumiljaw lill-għadu, l-istupru u l-vjolenza sesswali jintużaw mill-partijiet kollha f'kunflitt bħala tattika tal-gwerra; billi, barra minn hekk, il-vjolenza sessista u l-abbuż sesswali wkoll jiżdiedu b'mod drammatiku matul kunflitt;

AC.  billi l-vjolenza kontra n-nisa, kemm waqt kunflitt u kemm wara kunflitt, tista' titqies bħala kontinwazzjoni tad-diskriminazzjoni li n-nisa jgħaddu minnha fiż-żmien meta ma jkunx hemm kunflitt; billi l-kunflitt jaggrava x-xejriet diġà eżistenti ta' diskriminazzjoni sessista kif ukoll ir-relazzjonijiet ta' poter storikament inugwali bejn l-irġiel u n-nisa, u jpoġġi lin-nisa u lill-bniet f'riskju akbar ta' vjolenza sesswali, fiżika u psikoloġika;

1.  Ifakkar fl-impenn tal-UE li taġixxi fix-xena internazzjonali f'isem il-prinċipji li ispiraw il-ħolqien tagħha, bħad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u favur il-prinċipji tal-Karta tan-NU u d-dritt internazzjonali; itenni, f'dan il-kuntest, li għandu jkun ta' importanza kbira għall-UE li tindirizza u żżomm responsabbli lill-awturi ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem li jilħaq il-limitu ta' gravità ta' ġenoċidju u delitti kontra l-umanità u ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali li jilħaq il-livell ta' delitti tal-gwerra;

2.  Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jużaw il-piż politiku kollu tagħhom biex jevitaw kwalunkwe att li jista' jitqies bħala delitt atroċi, jirrispondu b'mod effiċjenti u koordinat meta jseħħu delitti bħal dawn u jimmobilizzaw ir-riżorsi kollha meħtieġa biex iressqu quddiem il-ġustizzja lil dawk kollha responsabbli, kif ukoll jgħinu lill-vittmi u jappoġġjaw il-proċessi ta' stabbilizzazzjoni u rikonċiljazzjoni;

Dwar il-ħtieġa li wieħed jiffoka fuq il-prevenzjoni ta' delitti atroċi

3.  Iħeġġeġ lill-Partijiet Kontraenti tal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju tal-1948, l-erba' Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949, il-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-1984, u ftehimiet internazzjonali oħra rilevanti, inklużi l-Istati Membri tal-UE, jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jevitaw li jitwettqu delitti atroċi fit-territorju tagħhom, taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom jew miċ-ċittadini tagħhom, kif impenjaw ruħhom li jagħmlu; jistieden lill-istati kollha li għadhom ma rratifikawx dawn il-Konvenzjonijiet sabiex jagħmlu dan;

4.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li l-komunità internazzjonali tintensifika l-isforzi tagħha fil-monitoraġġ u tirrispondi għal kwalunkwe kunflitt jew kunflitt potenzjali li jista' jwassal għal xi att li jista' jiġi kkunsidrat bħala delitt atroċi;

5.  Jistieden lill-komunità internazzjonali toħloq strumenti li jistgħu jimminimizzaw l-intervall bejn it-twissija u r-reazzjoni, bħas-sistema ta' twissija bikrija tal-UE, sabiex jiġi evitat li jfeġġu, ifeġġu mill-ġdid u jeskalaw kunflitti vjolenti;

6.  Jitlob li l-UE żżid l-isforzi tagħha biex tiżviluppa approċċ koerenti u effiċjenti biex tidentifika u tirrispondi fil-ħin għal sitwazzjonijiet ta' kriżi jew ta' kunflitt li jistgħu jwasslu għal delitti atroċi; jenfasizza, b'mod partikolari, l-importanza u l-ħtieġa tal-kondiviżjoni effikaċi tal-informazzjoni u tal-koordinazzjoni tal-azzjonijiet preventivi bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, inklużi d-delegazzjonijiet tal-UE, il-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) u l-Istati Membri, flimkien mar-rappreżentanzi diplomatiċi tagħhom; jilqa', f'dan il-kuntest, l-inizjattiva l-ġdida tal-Kummissjoni dwar White Paper li għandha twassal għal azzjoni esterna tal-UE aktar effikaċi; jenfasizza l-importanza tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet ċivili ta' wara l-kunflitt fil-qafas tal-PSDK sabiex jgħinu fir-rikonċiljazzjoni f'pajjiżi terzi, speċjalment fejn seħħew delitti kontra l-umanità;

7.  Iqis li l-UE għandha tintegra fl-approċċ komprensiv tagħha għall-kunflitti u l-kriżijiet esterni l-għodod meħtieġa għall-identifikazzjoni u l-prevenzjoni ta' kwalunkwe delitt atroċi fi stadju bikri; jiġbed l-attenzjoni, f'dan il-kuntest, għall-Qafas ta' Analiżi għal Delitti Atroċi, imfassal mill-Uffiċċju tal-Konsulenti Speċjali tan-NU dwar il-Prevenzjoni tal-Ġenoċidji u r-Responsabbiltà ta' Protezzjoni; iqis li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom dejjem jieħdu pożizzjoni soda f'każijiet fejn il-kriminalità tidher imminenti u għandhom jużaw l-istrumenti paċifiċi kollha għad-dispożizzjoni tagħhom, bħalma huma r-relazzjonijiet bilaterali, il-fora multilaterali u d-diplomazija pubblika;

8.  Iħeġġeġ lill-VP/RGħ: tkompli l-kooperazzjoni mad-delegazzjonijiet tal-UE, l-ambaxxati tal-Istati Membri u l-missjonijiet ċivili u militari, kif ukoll it-taħriġ tal-persunal tagħhom, fl-oqsma tad-dritt internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, id-dritt umanitarju u d-dritt kriminali, inkluża l-kapaċità li jidentifikaw sitwazzjonijiet potenzjali li jinvolvu delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità, ġenoċidju u ksur gravi tad-dritt umanitarju internazzjonali, fost l-oħrajn permezz ta' skambji regolari mas-soċjetà ċivili lokali; tiżgura li r-Rappreżentanti Speċjali tal-UE jsostnu r-Responsabbiltà ta' Protezzjoni (R2P) kull meta jkun hemm bżonn u li l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem jitwessa' biex jinkludi kwistjonijiet marbuta mal-R2P; tkompli tappoġġja l-Punt Fokali tal-UE għall-R2P fis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) fil-kuntest tal-istrutturi u r-riżorsi eżistenti, inkarigat partikolarment mis-sensibilizzazzjoni dwar l-implikazzjonijiet tal-R2P u mill-assigurazzjoni ta' informazzjoni f'waqtha dwar sitwazzjonijiet ta' tħassib bejn l-atturi kkonċernati kollha, filwaqt li tħeġġeġ ukoll it-twaqqif ta' punti fokali nazzjonali għall-R2P fl-Istati Membri; u li jiġu professjonalizzati u msaħħa ulterjorment id-diplomazija preventiva u l-medjazzjoni;

9.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-pajjiżi u r-reġjuni f'riskju ta' kunflitt ikollhom forzi tas-sigurtà kapaċi u affidabbli; jitlob li jsiru sforzi ulterjuri mill-UE u l-Istati Membri biex jiżviluppaw programmi għall-bini tal-kapaċità fis-settur tas-sigurtà, kif ukoll pjattaformi għall-promozzjoni ta' kultura ta' rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għall-kostituzzjoni, kif ukoll ta' integrità u servizz pubbliku, fost il-forzi tas-sigurtà u militari lokali;

10.  Jenfasizza li l-indirizzar tal-kawżi ewlenin tal-vjolenza u l-kunflitt, li jikkontribwixxi għall-ħolqien ta' kundizzjonijiet paċifiċi u demokratiċi, u li jiżgura r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, inkluża l-protezzjoni tan-nisa, iż-żgħażagħ u t-tfal, il-minoranzi u l-komunità LGBTI, flimkien mal-promozzjoni tad-djalogu interreliġjuż u interkulturali, huwa kruċjali għall-prevenzjoni ta' ġenoċidji u delitti kontra l-umanità;

11.  Jitlob li jiġu żviluppati, fil-livell internazzjonali, reġjonali u nazzjonali, programmi edukattivi u kulturali li jippromwovu għarfien tal-kawżi u l-konsegwenzi tad-delitti atroċi għall-umanità u li jqajmu kuxjenza dwar il-ħtieġa u l-importanza li titrawwem il-paċi, li jiġu promossi d-drittijiet tal-bniedem u t-tolleranza interreliġjuża u li ssir prosekuzzjoni u investigazzjoni ta' kull delitt bħal dawn; jilqa', f'dan il-kuntest, l-organizzazzjoni tal-ewwel Jum annwali tal-UE kontra l-Impunità għall-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra;

Dwar l-appoġġ għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' ġenoċidji, delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra

12.  Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-QKI, l-Istatut ta' Ruma, l-Uffiċċju tal-Prosekutur, is-setgħat proprio motu tal-Prosekutur u l-progress magħmul fil-ftuħ ta' investigazzjonijiet ġodda bħala mezz essenzjali fil-ġlieda kontra l-impunità għal delitti atroċi;

13.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-laqgħa li saret fi Brussell fis-6 ta' Lulju 2016 bejn rappreżentanti tal-UE u tal-QKI bi tħejjija għat-2 laqgħa ta' diskussjoni bejn l-UE u l-QKI, li ppermettiet lill-persunal rilevanti tal-QKI u tal-istituzzjonijiet Ewropej jidentifikaw oqsma ta' interess komuni, jikkondividu informazzjoni dwar attivitajiet rilevanti u jiżguraw kooperazzjoni aħjar bejn l-UE u l-QKI;

14.  Itenni li ż-żamma tal-indipendenza tal-QKI hija kruċjali mhux biss għall-effikaċja sħiħa tagħha, iżda anke għall-promozzjoni tal-universalità tal-Istatut ta' Ruma,

15.  Iwissi li t-twettiq tal-ġustizzja ma jistax jistrieħ fuq bilanċ bejn il-ġustizzja u xi tip ta' kunsiderazzjoni politika, peress li bilanċ bħal dan ma jrawwimx l-isforzi ta' rikonċiljazzjoni iżda jnaqqashom;

16.  Itenni l-importanza kruċjali tal-adeżjoni universali mal-Istatut ta' Ruma tal-QKI; jistieden lill-istati li għadhom ma rratifikawx l-Istatut ta' Ruma, il-Ftehim dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Qorti u l-emendi ta' Kampala għall-Istatut ta' Ruma sabiex jagħmlu dan u b'hekk jappoġġjaw ir-responsabbiltà u r-rikonċiljazzjoni bħala elementi ewlenin fil-prevenzjoni ta' atroċitajiet futuri; jerġa' jtenni, bl-istess mod, l-importanza kruċjali tal-integrità tal-Istatut ta' Ruma;

17.  Jinnota bl-akbar dispjaċir id-dikjarazzjonijiet reċenti ta' rtirar mill-Istatut ta' Ruma, li jirrappreżentaw sfida partikolarment f'dak li jirrigwarda l-aċċess tal-vittmi għall-ġustizzja u li għandhom jiġu kkundannati bla riżervi; jilqa' l-fatt li kemm il-Gambja kif ukoll l-Afrika t'Isfel irrevokaw in-notifiki ta' rtirar tagħhom; jistieden lill-pajjiż ikkonċernat l-ieħor jerġa' jikkunsidra d-deċiżjoni tiegħu; jistieden ukoll lill-UE tagħmel l-isforzi kollha meħtieġa, inkluż permezz ta' kooperazzjoni mal-Unjoni Afrikana, biex tiżgura li l-ebda pajjiż ma jirtira; jilqa' l-fatt li l-Assemblea tal-Istati Partijiet tal-QKI qablet li tikkunsidra l-emendi proposti għall-Istatut ta' Ruma sabiex jiġi indirizzat it-tħassib imqajjem mill-Unjoni Afrikana waqt is-summit speċjali tagħha;

18.  Jistieden lill-erba' stati firmatarji li infurmaw lis-Segretarju Ġenerali tan-NU li m'għadx għandhom il-ħsieb li jsiru partijiet għall-Istatut ta' Ruma jerġgħu jikkunsidraw id-deċiżjonijiet tagħhom; jinnota, barra minn hekk, li tlieta mill-membri permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU mhumiex partijiet għall-Istatut ta' Ruma;

19.  Jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Partijiet tal-QKI jżidu l-isforzi tagħhom biex jippromwovu l-adeżjoni universali għall-QKI u l-Ftehim dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Qorti; iqis li l-Kummissjoni u s-SEAE, flimkien mal-Istati Membri, għandhom ikomplu jħeġġu lill-pajjiżi terzi jirratifikaw u jimplimentaw l-Istatut ta' Ruma u l-Ftehim dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Qorti, u għandhom iwettqu wkoll valutazzjoni tal-kisbiet tal-UE f'dan ir-rigward;

20.  Jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata kontribuzzjoni finanzjarja suffiċjenti biex il-Qorti tiffunzjona b'mod effikaċi, fl-għamla ta' kontribuzzjonijiet mill-Istati Partijiet jew permezz ta' mekkaniżmi ta' finanzjament tal-UE bħalma huma l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) jew il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ), b'attenzjoni partikolari għall-finanzjament għall-atturi tas-soċjetà ċivili li jaħdmu fuq il-promozzjoni tas-sistema tal-ġustizzja kriminali internazzjonali u kwistjonijiet relatati mal-QKI;

21.  Jilqa' l-għajnuna imprezzabbli mogħtija lill-Qorti mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; juri tħassib dwar rapporti ta' theddid u intimidazzjoni fil-konfront ta' ċerti organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jikkooperaw mal-Qorti; jitlob li tittieħed kull azzjoni meħtieġa biex jiġi żgurat ambjent sikur għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li joperaw u jikkooperaw mal-Qorti, u li jiġu indirizzati t-theddid u l-intimidazzjoni kollha fil-konfront tagħhom f'dan ir-rigward;

22.  Jieħu nota tal-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tat-12 ta' Lulju 2011 bħala segwitu għad-deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Marzu 2011 dwar il-QKI; jitlob li ssir evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni sabiex jiġu identifikati l-oqsma fejn tista' tittejjeb l-effikaċja tal-azzjoni tal-UE, inkluż f'dak li għandu x'jaqsam mal-promozzjoni tal-integrità u l-indipendenza tal-Qorti;

23.  Iħeġġeġ lill-istati kollha li rratifikaw l-Istatut ta' Ruma sabiex jikkooperaw bis-sħiħ mal-QKI fl-isforzi tagħha biex tinvestiga u tressaq quddiem il-ġustizzja lil dawk responsabbli għal delitti internazzjonali serji, jirrispettaw l-awtorità tal-QKI u jimplimentaw bis-sħiħ id-deċiżjonijiet tagħha;

24.  Iħeġġeġ b'mod qawwi lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jagħmlu użu mill-għodod politiċi u diplomatiċi kollha għad-dispożizzjoni tagħhom biex jappoġġaw il-kooperazzjoni effettiva mal-QKI, speċjalment fir-rigward tal-programmi ta' protezzjoni tax-xhieda u l-eżekuzzjoni tal-mandati ta' arrest pendenti, b'attenzjoni partikolari għat-13-il suspettat li għadhom maħruba; jistieden lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Kunsill jaqblu dwar l-adozzjoni ta' miżuri konkreti biex iwieġbu għan-nuqqas ta' kooperazzjoni mal-QKI, minbarra d-dikjarazzjonijiet politiċi;

25.  Jitlob li l-UE u l-Istati Membri jużaw kwalunkwe mezz fil-konfront ta' pajjiżi terzi, anke li jikkunsidraw sanzjonijiet – partikolarment fil-każ ta' pajjiżi b'sitwazzjonijiet taħt investigazzjoni mill-QKI u pajjiżi taħt eżami preliminari mill-QKI – sabiex isaħħu r-rieda politika tagħhom li jikkooperaw bis-sħiħ u jappoġġjaw il-kapaċità tagħhom li jiftħu proċedimenti fil-livell nazzjonali rigward delitti atroċi; jistieden ukoll lill-UE u l-Istati Membri tagħha joffru appoġġ sħiħ lil dawk il-pajjiżi sabiex jgħinuhom isiru konformi mar-rekwiżiti tal-QKI; jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw bis-sħiħ il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008;

26.  Iqis li l-vittmi ta' delitti atroċi għandhom jingħataw aċċess għal mezzi ta' rimedju u kumpens effikaċi u infurzabbli; jenfasizza r-rwol speċjali tal-vittmi u x-xhieda fil-proċedimenti quddiem il-Qorti u l-ħtieġa ta' miżuri speċifiċi mmirati biex tiġi żgurata s-sigurtà u l-parteċipazzjoni effettiva tagħhom skont l-Istatut ta' Ruma; jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha jżommu d-drittijiet tal-vittmi fiċ-ċentru tal-azzjonijiet kollha fil-ġlieda kontra l-impunità u jipparteċipaw b'mod volontarju fil-Fond Fiduċjarju tal-QKI għall-Vittmi;

27.  Jistieden lis-SEAE jiżgura li r-responsabbiltà għad-delitti atroċi u l-appoġġ għall-QKI jiġu integrati fil-prijoritajiet tal-politika barranija tal-UE, inkluż permezz tal-proċess ta' tkabbir, billi titqies b'mod sistematiku l-ġlieda kontra l-impunità; jenfasizza, f'dan il-kuntest, ir-rwol importanti tal-membri parlamentari fil-promozzjoni tal-QKI u l-ġlieda kontra l-impunità, inkluż permezz tal-kooperazzjoni interparlamentari;

28.  Jistieden lill-Istati Membri tal-UE jiżguraw li l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni mal-QKI jkunu inklużi fil-mandat tar-Rappreżentanti Speċjali reġjonali rilevanti tal-UE (RSUE); itenni t-talba tiegħu lill-VP/RGħ biex taħtar RSUE għad-Dritt Umanitarju Internazzjonali u l-Ġustizzja Internazzjonali bil-mandat li jippromwovi, jintegra u jirrappreżenta l-impenn tal-UE fil-ġlieda kontra l-impunità u favur il-QKI fil-politiki barranin tal-UE;

29.  Jenfasizza r-rwol essenzjali tal-Parlament Ewropew fil-monitoraġġ tal-azzjoni tal-UE f'din il-kwistjoni; jilqa' l-inklużjoni ta' taqsima dwar il-QKI u l-ġlieda kontra l-impunità fir-rapport annwali tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja, u jissuġġerixxi wkoll li l-Parlament ikollu rwol aktar proattiv billi jippromwovi u jintegra l-QKI u l-ġlieda kontra l-impunità fil-politiki u l-istituzzjonijiet kollha tal-UE, b'mod partikolari fil-ħidma tal-kumitati responsabbli mill-politiki esterni tal-Unjoni u d-delegazzjonijiet inkarigati mir-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi;

30.  Jenfasizza li l-prinċipju tal-komplementarjetà tal-QKI jinvolvi r-responsabbiltà primarja tal-Istati Partijiet tagħha fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' delitti atroċi; juri t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li mhux l-Istati Membri kollha tal-UE għandhom leġiżlazzjoni li tiddefinixxi dawk id-delitti, skont id-dritt nazzjonali, li l-qrati tagħhom għandhom ġurisdizzjoni fuqhom; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jagħmlu użu sħiħ mill-għodda magħrufa bħala "Immexxu 'l quddiem il-prinċipju ta' komplementarjetà";

31.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jemendaw l-Artikolu 83 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea b'tali mod li d-delitti atroċi jiżdiedu mal-lista ta' delitti li l-UE għandha kompetenza fuqhom;

32.  Iħeġġeġ b'mod qawwi lill-UE tipprepara u tipprovdi riżorsi għat-tħejjija ta' Pjan ta' Azzjoni dwar il-Ġlieda kontra l-Impunità fl-Ewropa għal delitti li jaqgħu taħt id-dritt internazzjonali, b'punti ta' riferiment ċari għall-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri bil-għan li jissaħħu l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet fil-livell nazzjonali fir-rigward ta' ġenoċidji, delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra;

33.  Ifakkar li l-istati, inklużi l-Istati Membri tal-UE, jistgħu individwalment iressqu proċedimenti kontra stati oħra quddiem il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja dwar ksur fil-livell statali ta' obbligi li jirriżultaw minn trattati u konvenzjonijiet internazzjonali, inkluża l-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-1984 u l-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju tal-1948;

34.  Ifakkar il-kundanna qawwija tiegħu għall-atroċitajiet kommessi mir-reġim ta' Assad fis-Sirja, li jistgħu jitqiesu bħala delitti serji tal-gwerra u delitti kontra l-umanità, u jiddeplora l-klima ta' impunità għal min iwettaq reati bħal dawn fis-Sirja;

35.  Jiddeplora n-nuqqas mifrux ta' rispett tad-dritt umanitarju internazzjonali u r-rata allarmanti ta' mwiet fost il-popolazzjonijiet ċivili u l-attakki kontra l-infrastruttura ċivili fil-kunflitti armati madwar id-dinja; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali tlaqqa' konferenza internazzjonali biex jitħejja mekkaniżmu internazzjonali ġdid għat-traċċar u l-ġbir tad-data, u għar-rappurtar pubbliku dwar ksur waqt il-kunflitti armati; itenni t-talba tiegħu lill-VP/RGħ biex tippreżenta, fuq bażi annwali, lista pubblika ta' allegati awturi ta' attakki fuq skejjel u sptarijiet, sabiex tiġi definita azzjoni xierqa min-naħa tal-UE biex jitwaqqfu dawn l-attakki;

36.  Jistieden lill-Istati Membri jirratifikaw l-istrumenti prinċipali tad-dritt umanitarju internazzjonali u strumenti legali rilevanti oħrajn; jirrikonoxxi l-importanza tal-Linji Gwida tal-UE dwar il-promozzjoni tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali, u jtenni l-istedina tiegħu lill-VP/RGħ u lis-SEAE biex itejbu l-implimentazzjoni tagħhom, partikolarment b'rabta mad-delitti tal-gwerra fil-Lvant Nofsani; jistieden lill-UE tappoġġja inizjattivi maħsuba biex jinxtered l-għarfien tad-dritt umanitarju internazzjonali u ta' prattiki tajbin fl-applikazzjoni tiegħu, u jistieden lill-UE tisfrutta l-għodod bilaterali kollha għad-dispożizzjoni tagħha b'mod effikaċi għall-promozzjoni tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali min-naħa tas-sħab tagħha, inkluż permezz tad-djalogu politiku;

37.  Jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jirrifjutaw li jipprovdu armi, tagħmir jew appoġġ finanzjarju jew politiku lill-gvernijiet jew lill-atturi mhux statali li jiksru d-dritt umanitarju internazzjonali, inkluż billi jwettqu stupru jew vjolenza sesswali oħra fuq in-nisa u t-tfal;

38.  Jitlob, barra minn hekk, li l-UE u l-Istati Membri tagħha jappoġġjaw il-proċessi ta' riforma u l-isforzi nazzjonali ta' bini tal-kapaċità li jkollhom l-għan li jsaħħu l-indipendenza tal-ġudikatura, is-settur tal-infurzar tal-liġi, is-sistema penitenzjarja u l-programmi ta' kumpens fil-pajjiżi terzi li huma affettwati direttament mill-allegat twettiq ta' delitti bħal dawn, skont l-impenn li ttieħed fil-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015-2019; jilqa', f'dan il-kuntest, il-Qafas tal-UE dwar l-Appoġġ għall-Ġustizzja Tranżizzjonali 2015 u jistenna bil-ħerqa l-implimentazzjoni effettiva tiegħu;

Dwar il-ġlieda kontra l-impunità ta' atturi mhux statali

39.  Jinnota li d-dritt kriminali internazzjonali, u partikolarment il-mandat u l-ġurisprudenza tat-tribunali kriminali internazzjonali, iddefinixxew b'mod ċar ir-responsabbiltà tal-individwi li huma membri ta' gruppi mhux statali f'delitti internazzjonali; jenfasizza li din ir-responsabbiltà ma tirrigwardax biss lil dawn l-individwi iżda anke lill-koawturi indiretti ta' delitti internazzjonali; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha tal-UE jressqu quddiem il-ġustizzja lil atturi statali, atturi mhux statali u individwi responsabbli għal delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidji;

40.  Jenfasizza li t-twettiq ta' delitti vjolenti min-naħa tal-ISIS/id-Da'esh jew atturi oħra mhux statali kontra n-nisa u l-bniet ġie rrappurtat b'mod estensiv mill-korpi internazzjonali rilevanti, u jinnota li l-komunità legali internazzjonali ilha tissielet biex dawn id-delitti jiddaħlu fil-qafas kriminali internazzjonali;

41.  Itenni, f'dan il-kuntest, il-kundanna qawwija tiegħu għad-delitti faħxin u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa minn atturi mhux statali bħall-Boko Haram fin-Niġerja u l-ISIS/Da'esh fis-Sirja u l-Iraq; jinsab imwaħħax quddiem il-firxa wiesgħa ta' delitti mwettqa, fosthom qtil, tortura, stupru, tjassir u skjavitù sesswali, reklutaġġ ta' suldati tfal, konverżjonijiet reliġjużi furzati u assassinji sistematiċi fil-konfront tal-minoranzi reliġjużi, inklużi l-Insara, il-Yazidi u oħrajn; ifakkar li l-vjolenza sesswali tista', skont il-QKI, tikkostitwixxi delitt tal-gwerra u delitt kontra l-umanità; jemmen li l-prosekuzzjoni tal-awturi ta' dawn id-delitti għandha tkun prijorità għall-komunità internazzjonali;

42.  Iħeġġeġ lill-UE u l-Istati Membri tagħha jiġġieldu kontra l-impunità u jagħtu appoġġ attiv favur sforzi internazzjonali biex jitressqu quddiem il-ġustizzja l-membri ta' gruppi mhux statali bħall-Boko Haram u l-ISIS/Da'esh u atturi oħra li wettqu delitti kontra l-umanità; jitlob l-iżvilupp ta' approċċ ċar għall-prosekuzzjoni tal-ġellieda tal-ISIS/Da'esh u ta' dawk kompliċi magħhom, inkluż billi jintuża l-għarfien espert tan-netwerk tal-UE għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' ġenoċidji, delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra;

43.  Jenfasizza li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jappoġġjaw il-prosekuzzjoni tal-membri ta' gruppi mhux statali bħall-ISIS/Da'esh billi jfittxu kunsens fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex tingħata ġurisdizzjoni lill-QKI, peress li s-Sirja u l-Iraq mhumiex Partijiet għall-Istatut ta' Ruma; jenfasizza li l-UE għandha tesplora u tappoġġja, fil-livell internazzjonali u bil-mezzi kollha, l-għażliet disponibbli biex tinvestiga u tipproċedi fir-rigward tad-delitti mwettqa mill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt Sirjan, inkluż l-ISIS/Da'esh, bħalma hu t-twaqqif ta' Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-Iraq u s-Sirja;

44.  Jiddeplora l-veto eżerċitat mir-Russja u ċ-Ċina bħala membri permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU kontra r-riferiment tas-sitwazzjoni fis-Sirja lill-Prosekutur tal-QKI skont il-Kapitolu VII tal-Karta tan-NU u kontra l-adozzjoni ta' miżura li tikkastiga lis-Sirja talli użat armi kimiċi; jistieden lill-UE tappoġġja azzjoni rapida għal riforma tal-funzjonament tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, speċjalment fir-rigward tal-użu tad-dritt ta' veto, u, b'mod partikolari, l-inizjattiva Franċiża li wieħed joqgħod lura milli juża dan id-dritt meta jkun hemm evidenza ta' ġenoċidji, delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità;

45.  Iħeġġeġ li eventwalment tintalab l-applikazzjoni tal-prinċipji definiti fil-Kapitolu VII tal-Karta tan-NU bil-ħsieb li jiġi osservat il-prinċipju R2P, dejjem taħt l-awspiċji tal-komunità internazzjonali u bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU;

46.  Jilqa' l-Kummissjoni ta' Inkjesta dwar is-Sirja stabbilita mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Mekkaniżmu Internazzjonali, Imparzjali u Indipendenti (IIIM) imwaqqaf mill-Assemblea Ġenerali tan-NU biex jassistu fl-investigazzjoni tad-delitti serji li twettqu fis-Sirja; jenfasizza l-ħtieġa li jitwaqqaf mekkaniżmu indipendenti simili fl-Iraq, u jistieden lill-Istati Membri kollha tal-UE, lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt fis-Sirja, lis-soċjetà ċivili u lis-sistema tan-NU kollha kemm hi biex jikkooperaw b'mod sħiħ mal-IIIM u jipprovdulu kull informazzjoni u dokumentazzjoni li jista' jkollhom biex jgħinu fit-twettiq tal-mandat tiegħu; irodd ħajr lill-Istati Membri tal-UE li kkontribwew finanzjarjament għall-IIIM, u jistieden lil dawk li għadhom m'għamlux hekk biex huma wkoll jagħmlu dan;

47.  Jitlob li l-UE tiffinanzja b'mod adegwat organizzazzjonijiet li jaħdmu fuq l-investigazzjoni "open source" u l-ġbir diġitali tal-evidenza fir-rigward ta' delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità, biex jiżguraw li tittieħed responsabbiltà għal dawn l-atti u jressqu lil min wettaqhom quddiem il-ġustizzja;

48.  Jilqa' l-isforzi tal-UE biex tappoġġja l-ħidma tal-Commission for International Justice and Accountability u ta' NGOs oħrajn li qed jiddokumentaw delitti atroċi; jitlob li l-UE tagħti appoġġ dirett lis-soċjetà ċivili Iraqija u Sirjana għall-ġbir, il-preservazzjoni u l-protezzjoni ta' evidenza ta' delitti mwettqa fl-Iraq u fis-Sirja minn kwalunkwe parti involuta f'dawn il-kunflitti, inkluż l-ISIS/Da'esh; jappella għall-ġbir u l-preservazzjoni tal-evidenza, diġitali u mhux, dwar delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidji mwettqa min-naħat kollha involuti fil-kunflitt bħala prijorità fundamentali u pass importanti fil-ġlieda kontra l-impunità; jappoġġja l-inizjattiva tar-Renju Unit, il-Belġju u l-Iraq fil-livell tan-NU (il-Koalizzjoni "Inressqu d-Da'esh quddiem il-Ġustizzja") maħsuba biex tinġabar evidenza dwar id-delitti mwettqa mill-ISIS/Da'esh fis-Sirja u l-Iraq sabiex tiffaċilita l-prosekuzzjoni tagħhom fil-livell internazzjonali, u jistieden lill-Istati Membri tal-UE jingħaqdu mal-koalizzjoni jew jappoġġjawha; jappoġġja, barra minn hekk, l-attivitajiet tal-Inizjattiva "Wirt Kulturali" u l-attivitajiet tagħha ta' ġbir ta' informazzjoni fis-Sirja u l-Iraq b'rabta mal-qerda tal-wirt arkeoloġiku u kulturali;

49.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jimplimentaw l-azzjonijiet kollha meħtieġa biex iwaqqfu b'mod effettiv il-fluss lejn l-ISIS/Da'esh ta' riżorsi li jvarjaw minn armi tan-nar, vetturi u dħul ta' flus kontanti sa ħafna tipi oħra ta' assi;

50.  Iħeġġeġ lill-UE timponi sanzjonijiet fuq il-pajjiżi jew l-awtoritajiet li b'mod dirett jew indirett jiffaċilitaw il-fluss ta' riżorsi lejn l-ISIS/Da'esh u b'hekk jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-attività kriminali terroristika tagħha;

51.  Jenfasizza li l-Istati Membri tal-UE għandhom jinvestigaw l-allegazzjonijiet kollha u jipproċedu fil-konfront ta' ċittadini tagħhom u persuni taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom li jkunu wettqu, ippruvaw iwettqu jew kienu kompliċi f'delitti atroċi fl-Iraq u s-Sirja jew inkella tressaqhom quddiem il-QKI f'konformità mal-Istatut ta' Ruma; jemmen, madankollu, li l-prosekuzzjoni ta' membri tal-ISIS/Da'esh fl-Istati Membri tista' tkun biss miżura komplementari għall-ġustizzja internazzjonali;

52.  Jenfasizza l-importanza tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni u Assistenza bejn l-UE u l-QKI; jistieden lill-Istati Membri japplikaw il-prinċipju ta' ġurisdizzjoni universali fil-ġlieda kontra l-impunità, u jenfasizza l-importanza tiegħu għall-effikaċja u t-tħaddim tajjeb tas-sistema ġudizzjarja kriminali internazzjonali; jistieden ukoll lill-Istati Membri jipproċedu fir-rigward ta' delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità fil-ġurisdizzjonijiet nazzjonali tagħhom, inkluż meta dawk id-delitti jkunu twettqu f'pajjiżi terzi jew minn ċittadini ta' pajjiżi terzi;

53.  Iħeġġeġ lill-pajjiżi kollha tal-komunità internazzjonali, inklużi l-Istati Membri tal-UE, jaħdmu b'mod attiv fuq il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u jtejbu s-sistemi legali u ġurisdizzjonali tagħhom sabiex jevitaw li ċ-ċittadini u r-residenti tagħhom jingħaqdu mal-ISIS/Da'esh;

Id-dimensjoni tal-ġeneri fl-indirizzar tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tad-delitti tal-gwerra

54.  Jenfasizza l-ħtieġa kritika li tinqered il-vjolenza sesswali u sessista billi jiġi indirizzat l-użu mifrux u sistematiku tagħhom bħala arma tal-gwerra kontra n-nisa u l-bniet; iħeġġeġ lill-pajjiżi kollha jiżviluppaw programmi nazzjonali ta' azzjoni f'konformità mar-riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, flimkien ma' strateġiji biex tiġi miġġielda l-vjolenza kontra n-nisa, u jitlob impenn komprensiv biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni ta' dik ir-riżoluzzjoni; jitlob impenn globali sabiex tiġi żgurata s-sikurezza tan-nisa u l-bniet mill-bidu nett ta' kull emerġenza jew kriżi u f'sitwazzjonijiet ta' wara kunflitt bil-mezzi kollha disponibbli, bħall-aċċess għall-firxa sħiħa tas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva, inkluż l-abort legali u sikur, għall-vittmi ta' stupru f'kuntest ta' gwerra; jenfasizza, barra minn hekk, li ħafna drabi n-nisa jkomplu jsofru l-konsegwenzi fiżiċi, psikoloġiċi u soċjoekonomiċi tal-vjolenza anke wara t-tmiem ta' kunflitt;

55.  Iqis li n-nisa għandu jkollhom rwol akbar fil-prevenzjoni tal-kunflitti, il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u r-riforma demokratika, u jenfasizza l-importanza tal-parteċipazzjoni sistematika tan-nisa bħala element essenzjali ta' kwalunkwe proċess ta' paċi u rikostruzzjoni wara kunflitt; iħeġġeġ lill-UE u l-Istati Membri tagħha jrawmu l-inklużjoni tan-nisa fil-proċessi ta' paċi u l-proċessi ta' rikonċiljazzjoni nazzjonali;

56.  Jistieden lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-awtoritajiet internazzjonali kompetenti jieħdu l-miżuri xierqa, bħalma huma l-infurzar ta' miżuri dixxiplinarji militari, id-difiża tal-prinċipju tar-responsabbiltà ta' kmand, u t-taħriġ tat-truppi u tal-persunal umanitarju u taż-żamma tal-paċi dwar il-projbizzjoni ta' kull sura ta' vjolenza sesswali;

o
o   o

57.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Assemblea Ġenerali tan-NU u lill-gvernijiet tal-istati membri tan-NU.

(1) ĠU L 155, 12.6.2001, p. 19.
(2) ĠU L 167, 26.6.2002, p. 1.
(3) ĠU L 118, 14.5.2003, p. 12.
(4) ĠU L 150, 18.6.2003, p. 67.
(5) ĠU L 115, 28.4.2006, p. 49.
(6) ĠU L 76, 22.3.2011, p. 56.
(7) ĠU C 153 E, 31.5.2013, p. 115.
(8) ĠU C 224, 21.6.2016, p. 31.
(9) Testi adottati, P8_TA(2015)0344.
(10) ĠU C 224, 21.6.2016, p. 10.
(11) Testi adottati, P8_TA(2015)0459.
(12) Testi adottati, P8_TA(2016)0449.
(13) Testi adottati, P8_TA(2016)0422.
(14) Testi adottati, P8_TA(2016)0051.
(15) ĠU C 407, 4.11.2016, p. 61.

Avviż legali - Politika tal-privatezza