Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2221(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0224/2017

Testi mressqa :

A8-0224/2017

Dibattiti :

PV 03/07/2017 - 25
CRE 03/07/2017 - 25

Votazzjonijiet :

PV 04/07/2017 - 6.16
CRE 04/07/2017 - 6.16
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0290

Testi adottati
PDF 495kWORD 67k
It-Tlieta, 4 ta' Lulju 2017 - Strasburgu
Kundizzjonijiet tax-xogħol u impjieg prekarju
P8_TA(2017)0290A8-0224/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2017 dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u impjieg prekarju (2016/2221(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikoli 151 u 153,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari t-Titolu IV (Solidarjetà) tagħha,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 94/33/KE tat-22 ta' Ġunju 1994 dwar il-protezzjoni taż-żgħażagħ fuq ix-xogħol(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta' aġenzija(3) (Direttiva dwar ix-Xogħol Temporanju permezz ta' Aġenzija),

–  wara li kkunsidra r-reviżjoni mmirata tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi(4) (Direttiva dwar l-Impjieg tal-Ħaddiema) u d-Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonament ta' ħaddiema fil-qafas tal-prestazzjoni ta' servizzi(5) (Direttiva dwar l-Infurzar),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I)(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ottubru 2010 dwar ħaddiema nisa prekarji(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Settembru 2015 dwar il-Ħolqien ta' suq tax-xogħol kompetittiv tal-UE għas-seklu 21: it-tlaqqigħ tal-ħiliet u l-kwalifiki mad-domanda u l-opportunitajiet ta' impjieg, bħala mod kif nirkupraw mill-kriżi(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2016 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Aspetti Soċjali u tal-Impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2016(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2016 dwar id-dumping soċjali fl-Unjoni Ewropea(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Settembru 2016 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2017 dwar Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali(12),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar "In-natura dejjem tinbidel tar-relazzjonijiet tax-xogħol u l-impatt tagħha fuq iż-żamma ta' paga li tiggarantixxi l-għajxien"(13),

–  wara li kkunsidra l-Pjattaforma Ewropea biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fl-indirizzar tax-xogħol mhux iddikjarat,

–  wara li kkunsidra l-istudju tiegħu mħejji fuq talba tal-Kumitat tal-2016 u ntitolat "L-impjieg prekarju fl-Ewropa: xejriet, tendenzi u strateġiji ta' politika"(14),

–  wara li kkunsidra l-Karta Ewropea tal-Kwalità dwar l-Internships u l-Apprendistati mnedija fl-14 ta' Diċembru 2011,

–  wara li kkunsidra l-"Employment and Social Developments in Europe – Quarterly Review, Autumn 2016" (Impjieg u Żviluppi Soċjali fl-Ewropa – Rieżami Trimestarli, Ħarifa 2016) tal-Kummissjoni,

–  wara li kkunsidra l-Impenn Strateġiku għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (Strategic Engagement for Gender Equality) 2016-2020, tal-Kummissjoni,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tal-2010 dwar "Flexible forms of work: "very atypical" contractual arrangements" (Forom flessibbli ta' xogħol: arranġamenti kuntrattwali "atipiċi ħafna"),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound (2014) bit-titolu "The impact of the crisis on industrial relations and working conditions in Europe" (l-impatt tal-kriżi fuq ir-relazzjonijiet industrijali u l-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-Ewropa)(15),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound (2015) dwar "New forms of employment" (Forom ġodda ta' impjieg)(16),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound (2016) dwar "Exploring the fraudulent contracting of work in the European Union"(17) (Nesploraw l-ikkuntrattar frawdolenti tax-xogħol fl-Unjoni Ewropea),

–  wara li kkunsidra l-Istħarriġ tal-Eurofound dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol fl-Ewropa u s-Sitt Stħarriġ tiegħu dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol fl-Ewropa – Rapport ta' sinteżi(18),

–  wara li kkunsidra d-Dizzjunarju tal-Eurofound dwar ir-Relazzjonijiet Industrijali Ewropej(19),

–  wara li kkunsidra l-istandards fundamentali tax-xogħol stabbiliti mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u l-konvenzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħha dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol,

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni R198 tal-2006 tal-ILO dwar ir-relazzjoni ta' impjieg (ir-Rakkomandazzjoni dwar ir-Relazzjoni ta' Impjieg)(20) u d-dispożizzjonijiet tagħha dwar id-determinazzjoni ta' relazzjoni ta' impjieg,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-ILO tal-2011 dwar politiki u regolamenti għall-ġlieda kontra l-impjieg prekarju(21),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-ILO tal-2016 dwar l-impjieg mhux standard madwar id-dinja(22),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-ILO tal-2016 dwar il-bini ta' pilastru soċjali għall-konverġenza Ewropea(23),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni Ġenerali Nru 28, tal-2010, tan-NU, dwar l-Obbligi Ewlenin ta' Stati Partijiet skont l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-2011 tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi għall-2014-2017,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0224/2017),

A.  billi qed jitfaċċaw forom mhux standard u atipiċi tal-impjieg; billi l-għadd ta' ħaddiema b'kuntratti għal żmien fiss jew part-time żdied fl-UE matul l-aħħar 15-il sena; billi hemm bżonn ta' politiki effiċjenti li jqisu d-diversi forom ta' impjieg u jħarsu b'mod adegwat lill-ħaddiema;

B.  billi f'dawn l-aħħar 10 snin l-impjieg standard naqas minn 62 % għal 59 %(24); billi, jekk din it-tendenza tkompli, jista' jkun il-każ li l-kuntratti standard isiru japplikaw biss għal minoranza ta' ħaddiema;

C.  billi l-kuntratti full-time permanenti għadhom jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-kuntratti ta' impjieg fl-UE u f'xi setturi, flimkien mal-impjieg standard, wieħed isib ukoll forom atipiċi ta' impjieg; billi l-impjieg atipiku jista' jkollu effetti negattivi wkoll fuq il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajjadwar il-Kundizzjonijiet tax-xogħol u impjieg prekarju dwar il-Kundizzjonijiet tax-xogħol u impjieg prekarju privata, minħabba ħinijiet tax-xogħol mhux standard kif ukoll pagi u kontribuzzjonijiet għall-pensjoni irregolari;

D.  billi l-forom ġodda ta' impjieg li qed jitfaċċaw, b'mod partikolari fil-kuntest tad-diġitalizzazzjoni u t-teknoloġiji l-ġodda, qed iċajpru l-limiti bejn l-impjieg dipendenti u l-impjieg indipendenti(25), li jista' jwassal ukoll għal tnaqqis fil-kwalità tal-impjieg;

E.  billi xi forom ġodda ta' impjieg huma differenti mill-impjieg standard tradizzjonali b'diversi modi; billi xi wħud qegħdin jittrasformaw ir-relazzjoni bejn min iħaddem u l-ħaddiem, oħrajn qed jibdlu l-mudell tax-xogħol u l-organizzazzjoni tax-xogħol, u oħrajn qed jagħmlu t-tnejn; billi dan jista' jwassal biex tiżdied ir-rata tal-impjieg indipendenti fittizju, jiħżienu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u titnaqqas il-protezzjoni tas-sigurtà soċjali, iżda jista' wkoll iġib miegħu vantaġġi; billi l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti hija, għalhekk, ta' importanza kbira;

F.  billi ż-żidiet fir-rati tal-impjieg fl-Unjoni wara l-kriżi ekonomika għandhom jintlaqgħu b'sodifazzjon, iżda dawn jistgħu jiġu attribwiti għal żieda fl-għadd ta' kuntratti atipiċi, li f'ċerti każijiet toħloq riskju akbar ta' prekarjetà mill-impjiegi standard; billi jenħtieġ li ssir enfasi akbar fuq il-kwalità fil-ħolqien tax-xogħol;

G.  billi x-xogħol part-time fl-ebda mument ma naqas mindu bdiet il-kriżi, u x-xogħol full-time fil-livell tal-Unjoni għadu taħt il-livell tiegħu ta' qabel il-kriżi tal-2008; billi minkejja ż-żidiet f'dawn l-aħħar snin, ir-rata ta' impjieg għadha taħt il-mira ta' 75 % ta' Ewropa 2020 u turi disparitajiet kbar fost l-Istati Membri;

H.  billi huwa importanti li ssir distinzjoni bejn il-forom ġodda ta' impjieg li qed jitfaċċaw u l-eżistenza ta' impjiegi prekarji;

I.  billi l-kompetenza għall-politika soċjali hija kondiviża bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri; billi l-UE tista' biss tikkomplementa u tappoġġja lill-Istati Membri f'dan il-qasam;

J.  billi l-UE tista' biss tadotta rekwiżiti minimi għall-kundizzjonijiet tax-xogħol mingħajr ma tarmonizza l-liġijiet u r-regolamenti tal-Istati Membri;

K.  billi diġà ġiet stabbilita Pjattaforma Ewropea biex tindirizza x-xogħol mhux iddikjarat, li tippermetti kooperazzjoni transkonfinali aktar mill-qrib u azzjoni konġunta bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u partijiet oħra kkonċernati sabiex jiġi miġġieled ix-xogħol mhux iddikjarat b'mod effettiv u effiċjenti;

L.  billi l-impjieg prekarju jwassal għal segmentazzjoni tas-suq u jaggrava l-inugwaljanzi fil-pagi;

M.  billi sa issa ma hemm l-ebda definizzjoni komuni ta' impjieg prekarju; billi definizzjoni bħal din għandha titfassal f'konsultazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali; billi t-tip ta' kuntratt ma jistax, waħdu, jipprevedi r-riskju ta' impjiegi prekarji iżda, għall-kuntrarju, dan ir-riskju jiddependi fuq firxa wiesgħa ta' fatturi;

N.  billi l-impjieg standard jista' ifisser impjieg regolari full-time jew part-time volontarju abbażi ta' kuntratti għal żmien indeterminat; billi kull Stat Membru għandu l-liġijiet u l-prattiki tiegħu li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet tax-xogħol applikabbli għal tipi differenti ta' kuntratti ta' xogħol u internships; billi ma hemm l-ebda definizzjoni aċċettata b'mod universali ta' "impjieg standard";

O.  billi l-kwistjonijiet l-aktar riċenti tar-rappreżentanza, minħabba dgħufijiet tal-organizzazzjonijiet tas-sħab soċjali f'ċerti setturi jew minħabba riformi f'diversi pajjiżi Ewropej li jillimitaw ir-rwoli tas-sħab soċjali, jaffettwaw kull relazzjonijiet ta' impjieg;

P.  billi xi setturi bħall-agrikoltura, il-kostruzzjoni u l-arti huma affettwati b'mod sproporzjonat mill-impjieg prekarju; billi l-impjieg prekarju nfirex ukoll għal setturi oħra fis-snin riċenti bħall-avjazzjoni u l-industrija tal-lukandi(26);

Q.  billi, skont studji li saru dan l-aħħar, il-ħaddiema f'okkupazzjonijiet manwali b'ħiliet medji u dawk bi ftit ħiliet għandhom anqas qligħ, prospetti u kwalità intrinsika tal-impjiegi; billi huma jirrappurtaw b'mod aktar frekwenti esponiment għal riskji ambjentali u għall-qagħda tal-ġisem, u jesperjenzaw livelli aktar baxxi ta' benessri fiżiku kif ukoll mentali(27);

R.  billi n-nisa jammontaw għal 46 % tal-forza tax-xogħol tal-UE u huma partikolarment vulnerabbli għall-insigurtà tal-impjieg li tirriżulta mid-diskriminazzjoni, inkluż fil-qasam tal-paga, u billi n-nisa jaqilgħu madwar 16 % anqas mill-irġiel fl-UE; billi n-nisa għandhom probabbiltà ogħla li jaħdmu part-time jew b'kuntratti ta' żmien limitat jew b'pagi baxxi u għalhekk jinsabu f'riskju akbar ta' prekarjetà; billi dawn il-kundizzjonijiet tax-xogħol joħolqu telf tul il-ħajja f'termini ta' dħul u protezzjoni, kemm fir-rigward tal-pagi, il-pensjonijiet, kif ukoll il-benefiċċji tas-sigurtà soċjali; billi l-irġiel għandhom aktar probabbiltà li jaħdmu fuq bażi full-time u permanenti min-nisa; billi n-nisa huma partikolarment affettwati minn xogħol part-time involontarju, impjieg indipendenti fittizju u xogħol mhux iddikjarat(28);

S.  billi r-rata tal-impjiegi fl-UE hija ogħla għall-irġiel milli għan-nisa; billi r-raġunijiet ewlenin għaliex in-nisa jitilqu mis-suq tax-xogħol huma l-ħtieġa li jieħdu ħsieb it-tfal jew l-anzjani, il-mard jew id-diżabilità tagħhom stess, u responsabbiltajiet oħra personali jew tal-familja; billi n-nisa spiss jiffaċċjaw diskriminazzjoni u ostakli minħabba l-maternità attwali jew potenzjali tagħhom; billi n-nisa waħedhom u bi tfal dipendenti jiffaċċjaw riskju partikolarment għoli ta' prekarjetà;

T.  billi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa hija dritt fundamentali li jippresupponi l-garanzija ta' opportunitajiet indaqs u trattament indaqs fl-oqsma kollha tal-ħajja, u billi l-politiki mmirati li jiggarantixxu tali ugwaljanza jikkontribwixxu għall-promozzjoni ta' tkabbir intelliġenti u sostenibbli;

U.  billi ħafna ħaddiema li huma f'impjiegi prekarji jew qiegħda m'għandhomx id-dritt għal-liv tal-ġenituri;

V.  billi l-ħaddiema żgħażagħ huma f'riskju ogħla li jsibu ruħhom f'pożizzjoni ta' impjieg prekarju; billi l-possibbiltà li wieħed ikun f'pożizzjoni bi żvantaġġi multipli hija darbtejn ogħla għall-ħaddiema ta' anqas minn 25 sena minn dik għall-ħaddiema ta' 50 sena jew aktar(29);

I.Lejn xogħol diċenti – nindirizzaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-impjieg prekarju

1.  Jistieden lill-Istati Membri jqisu l-indikaturi tal-ILO li ġejjin biex jiddeterminaw l-eżistenza ta' relazzjoni ta' impjieg:

   ix-xogħol jitwettaq skont l-istruzzjonijiet u taħt il-kontroll ta' parti oħra;
   ikun jinvolvi l-integrazzjoni tal-ħaddiem fl-organizzazzjoni tal-intrapriża;
   ikun jitwettaq biss jew prinċipalment għall-benefiċċju ta' persuna oħra;
   irid jitwettaq personalment mill-ħaddiem;
   ikun jitwettaq f'ħinijiet tax-xogħol speċifiċi jew f'post tax-xogħol speċifikat jew miftiehem mill-parti li qed titlob ix-xogħol;
   ikun ta' tul ta' żmien partikolari u jkollu ċerta kontinwità;
   ikun jeħtieġ id-disponibbiltà tal-ħaddiem jew jinvolvi l-provvista ta' għodod, materjal u makkinarju mill-parti li titlob ix-xogħol;
   il-ħaddiem jitħallas remunerazzjoni perjodika li tikkostitwixxi l-uniku sors jew is-sors prinċipali tal-introjtu tiegħu, u jista' jkun hemm ukoll l-għoti ta' ħlas in natura, bħal ikel, akkomodazzjoni jew trasport;
   il-ħaddiem ikollu intitolamenti bħal perjodi ta' mistrieħ fil-ġimgħa u vaganzi annwali;

2.  Jinnota d-definizzjoni tal-Eurofound ta' xogħol atipiku, li tirreferi għal relazzjonijiet ta' impjieg li ma jikkonformawx mal-mudell standard jew tipiku ta' impjieg full-time, regolari u għal żmien indeterminat ma' impjegatur wieħed fuq perjodu ta' żmien twil(30); jenfasizza li t-termini "atipiċi" u "xogħol prekarju" ma jistgħux jintużaw b'mod sinonimu;

3.  Jikkunsidra li l-impjieg prekarju jfisser impjieg li ma jikkonformax mal-istandards u l-liġijiet tal-UE, internazzjonali u nazzjonali u/jew li ma jipprovdix biżżejjed riżorsi għal ħajja diċenti jew għal protezzjoni soċjali adegwata;

4.  Jinnota li xi wħud mill-forom atipiċi ta' impjieg jistgħu jinkludu riskji akbar ta' prekarjetà u insigurtà, pereżempju, xogħol part-time u b'kuntratt għal żmien fiss involontarju, kuntratti li ma jispeċifikawx il-ħinijiet tax-xogħol (zero-hours) u internships u apprendistati mingħajr ħlas;

5.  Jemmen bis-sħiħ li l-flessibbiltà fis-suq tax-xogħol ma tfissirx it-tnaqqir tad-drittijiet tal-ħaddiema bil-pretest tal-produttività u l-kompetittività, iżda tfisser li tiġi bbilanċjata b'suċċess il-protezzjoni tal-ħaddiema mal-opportunità li l-individwi u min iħaddem jaqblu dwar modi tax-xogħol li jkunu adattati għall-ħtiġijiet tat-tnejn li huma;

6.  Jinnota li r-riskju tal-prekarjetà jiddependi fuq it-tip ta' kuntratt iżda anke fuq il-fatturi li ġejjin:

   ftit li xejn jew kważi l-ebda sigurtà tax-xogħol minħabba n-natura tax-xogħol mhux permanenti, bħal f'kuntratti part-time involontarji u ta' sikwit marġinali, u, f'xi Stati Membri, sigħat tax-xogħol mhux ċari, u dmirijiet li jinbidlu minħabba xogħol fuq talba;
   protezzjoni rudimentarja mit-tkeċċija u nuqqas ta' protezzjoni soċjali suffiċjenti f'każ ta' tkeċċija;
   remunerazzjoni insuffiċjenti għal ħajja diċenti;
   ftit li xejn, jew l-ebda, drittijiet għal protezzjoni jew benefiċċji soċjali;
   ftit li xejn jew l-ebda protezzjoni minn kull forma ta' diskriminazzjoni;
   prospetti limitati jew l-ebda prospetti għall-avvanz fis-suq tax-xogħol jew fir-rigward tal-iżvilupp tal-karriera u tat-taħriġ;
   livell baxx ta' dritt kollettiv u dritt limitat għal rappreżentanza kollettiva;
   ambjent tax-xogħol li ma jissodisfax l-istandards minimi tas-saħħa u s-sigurtà(31);

7.  Ifakkar fid-definizzjoni ta' "xogħol diċenti" tal-ILO li tgħid li: "Ix-xogħol diċenti huwa xogħol li hu produttiv u li jagħti dħul ġust, b'mod sikur fuq il-post tax-xogħol u protezzjoni soċjali, prospetti aħjar għall-iżvilupp personali u l-integrazzjoni soċjali, il-libertà li n-nies jesprimu t-tħassib tagħhom, jorganizzaw u jieħdu sehem fid-deċiżjonijiet li jaffettwawlhom ħajjithom u l-opportunitajiet u t-trattament indaqs għan-nisa u l-irġiel kollha"(32); iħeġġeġ lill-ILO iżżid paga li tiggarantixxi l-għajxien ma' dik id-definizzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri japprovaw din id-definizzjoni fir-reviżjoni jew it-tfassil tal-leġiżlazzjoni dwar l-impjiegi;

8.  Ifakkar il-fatturi ta' suċċess għall-prattika tajba kontra x-xogħol prekarju, li huma: bażi ġuridika b'saħħitha; l-involviment tas-sħab soċjali u l-kunsilli tax-xogħol fuq il-post tax-xogħol; il-kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti; il-bilanċ bejn il-flessibbiltà u s-sigurtà; enfasi settorjali; piż amministrattiv baxx għal min iħaddem; l-infurzar mill-ispettorati tax-xogħol; u kampanji ta' sensibilizzazzjoni;

9.  Jinnota li l-Aġenda tax-Xogħol Diċenti tal-ILO hija speċifikament maħsuba biex tiggarantixxi l-ħolqien tax-xogħol, id-drittijiet fuq il-post tax-xogħol, il-protezzjoni soċjali u d-djalogu soċjali, kif ukoll l-ugwaljanza bejn is-sessi; jenfasizza li x-xogħol diċenti għandu speċifikament jipprovdi:

   paga li tiggarantixxi l-għajxien, u li tiggarantixxi wkoll id-dritt tal-libertà tal-assoċjazzjoni;
   ftehimiet kollettivi skont il-prattiki tal-Istati Membri;
   il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fil-kwistjonijiet tal-kumpaniji skont il-prattiki tal-Istati Membri;
   ir-rispett tan-negozjar kollettiv;
   it-trattament ugwali tal-ħaddiema fl-istess post tax-xogħol;
   is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol;
   il-protezzjoni tas-sigurtà soċjali għall-ħaddiema u d-dipendenti tagħhom;
   id-dispożizzjonijiet dwar il-ħinijiet tax-xogħol u tal-mistrieħ;
   il-ħarsien mit-tkeċċija;
   l-aċċess għal taħriġ u tagħlim tul il-ħajja;
   appoġġ għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ħaddiema kollha; jenfasizza li biex jitwettqu dawn id-drittijiet huwa essenzjali wkoll li tittejjeb l-implimentazzjoni tal-liġi tax-xogħol u dik soċjali;

10.  Jinnota li għadd ta' fatturi, bħad-diġitalizzazzjoni u l-awtomatizzazzjoni, qed jikkontribwixxu għall-bidla tan-natura tax-xogħol, inkluża l-miġja ta' forom ġodda ta' impjieg; jinnota f'dan ir-rigward li forom ġodda ta' xogħol jistgħu jeħtieġu regolamentazzjoni ġdida, reattiva u proporzjonata biex jiġi żgurat li l-forom kollha tal-impjieg ikunu koperti;

11.  Itenni, fil-kuntest tal-impjiegi diġitali, li l-ħaddiema fil-pjattaforma diġitali u intermedjarji oħra jenħtieġ li jiġu ggarantiti biżżejjed kopertura u protezzjoni soċjali u tas-saħħa;

12.  Jenfasizza li d-diġitalizzazzjoni ma tridx titqies sempliċement bħala xi ħaġa li teqred l-impjiegi, u jenfasizza, għall-kuntrarju, li din toffri opportunitajiet għall-iżvilupp u l-estensjoni ta' ħiliet individwali;

13.  Jenfasizza li huwa stmat li se jkun hemm 756 000 post tax-xogħol li se jibqgħu battala fis-settur tal-ICT fl-2020, u dan juri l-ħtieġa li jitjiebu l-ħiliet diġitali tal-forza tax-xogħol Ewropea;

14.  Jenfasizza li l-kriżi ekonomika wasslet għal flussi migratorji fl-UE li xeħtu dawl fuq l-ostakli eżistenti għall-moviment liberu tal-persuni bejn l-Istati Membri u d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tan-nazzjonalità, fejn iċ-ċittadini tal-UE ġew esposti għal sitwazzjoni ta' insigurtà tal-impjieg;

15.  Jenfasizza li l-kundizzjonijiet prekarji tal-impjieg, inklużi x-xogħol mhux iddikjarat u l-impjieg indipendenti fittizju, għandhom effetti fuq tul taż-żmien fuq is-saħħa mentali u l-benessri fiżiku u jistgħu jpoġġu lill-ħaddiema f'riskju akbar ta' faqar, esklużjoni soċjali u deterjorament tad-drittijiet fundamentali tagħhom;

16.  Jenfasizza li l-ħaddiema b'kuntratti qosra ħafna huma dawk li huma l-aktar esposti għal kundizzjonijiet ħżiena fl-aspetti fiżiċi tax-xogħol tagħhom; jenfasizza li t-taħlita tal-insigurtà tal-impjiegi u n-nuqqas ta' kontroll fuq il-ħinijiet tax-xogħol sikwit tiġi minn perikli fuq ix-xogħol relatati mal-istress;

17.  Jenfasizza li f'ċerti setturi tal-ekonomija, ir-relazzjonijiet tax-xogħol flessibbli jew atipiċi qed jintużaw b'mod eċċessiv sal-punt ta' abbuż;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu politiki li jemanċipaw lill-ħaddiema, l-interns u l-apprendisti, billi jsaħħu d-djalogu soċjali u jippromwovu n-negozjar kollettiv, u jiżguraw li l-ħaddiema kollha, irrispettivament mill-istatus tagħhom, ikunu jistgħu jaċċessaw u jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta' assoċjazzjoni u ta' negozjar kollettiv, liberament u mingħajr biża' ta' sanzjonijiet diretti jew indiretti mill-impjegatur;

19.  Jenfasizza l-importanza tas-sħab soċjali fil-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema, fid-definizzjoni ta' kundizzjonijiet tax-xogħol, fl-iffissar ta' pagi u dħul diċenti skont il-liġijiet u l-prattiki tal-Istati Membri, u fl-għoti ta' konsultazzjoni u gwida lil min iħaddem u lill-ħaddiema;

20.  Jistieden lill-Istati Membri, f'kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali, biex jappoġġjaw perkorsi tal-karriera sabiex ikun eħfef għan-nies biex jadattaw għas-sitwazzjonijiet differenti li jistgħu jiltaqgħu magħhom f'ħajjithom, b'mod partikolari permezz ta' taħriġ vokazzjonali tul il-ħajja, benefiċċji tal-qgħad xierqa, it-trasferibbiltà tad-drittijiet soċjali, u politiki attivi u effettivi fis-suq tax-xogħol;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu u jiggarantixxu protezzjoni effettiva u paga ndaqs għall-ħaddiema rġiel u nisa li jwettqu xogħol fil-kuntest ta' relazzjoni ta' impjieg, bis-saħħa ta' reazzjoni ta' politika komprensiva li jkollha l-għan li tindirizza l-impjiegi prekarji u tiggarantixxi perkorsi ta' karriera u kopertura xierqa tas-sigurtà soċjali;

22.  Jenfasizza l-importanza tal-ispettorati tax-xogħol tal-Istati Membri, u jissottolinja li dawn jenħtieġ li jiffukaw fuq l-għan tal-monitoraġġ, jiżguraw il-konformità tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, inklużi s-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll li jtejbuhom, u li jiġġieldu kontra x-xogħol mhux iddikjarat jew illegali, u m'għandhom għall-ebda ċirkostanza jiġu abbużati b'mod li jsiru mekkaniżmi ta' kontroll tal-migrazzjoni; jiġbed l-atenzjoni għar-riskju tad-diskriminazzjoni kontra l-ħaddiema l-aktar vulnerabbli u jikkundanna bil-qawwa l-prattika tal-kumpaniji li jimpjegaw lill-migranti mingħajr ma jiżgurawlhom id-drittijiet u l-benefiċċji kollha tagħhom u mingħajr ma jgħarrfuhom dwar dan; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jipprovdu r-riżorsi adegwati lill-ispettorati tax-xogħol biex jiżguraw monitoraġġ effettiv;

II.Proposti

23.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw l-impjiegi prekarji, inkluż ix-xogħol mhux iddikjarat u l-impjieg indipendenti fittizju, sabiex jiżguraw li kull tip ta' kuntratt tax-xogħol joffri kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti b'kopertura xierqa tas-sigurtà soċjali, f'konformità mal-Aġenda tax-Xogħol Diċenti tal-ILO, l-Artikolu 9 tat-TFUE, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u l-Karta Soċjali Ewropea;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jissieltu kontra kull prattika li tista' twassal għal żieda fl-impjiegi prekarji, biex b'hekk jikkontribwixxu biex tintlaħaq il-mira tal-Ewropa 2020 li jitnaqqas il-faqar;

25.  Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-kwalità tal-impjiegi fl-impjiegi mhux standard billi jipprovdu, tal-anqas, sett ta' standards minimi fir-rigward tal-protezzjoni soċjali, livell minimu tal-pagi u aċċess għat-taħriġ u l-iżvilupp; jenfasizza li jenħtieġ li dan iseħħ filwaqt li jinżammu l-opportunitajiet ta' dħul;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li s-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali jkunu adattati għall-iskop f'dak li jirrigwarda forom ġodda ta' impjieg;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta forom ġodda ta' impjieg immexxija mid-diġitalizzazzjoni; jitlob b'mod speċjali li jkun hemm valutazzjoni tal-istatus legali tal-intermedjarji tas-suq tax-xogħol u tal-pjattaformi online u tar-responsabbiltà tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi d-Direttiva tal-Kunsill 91/533/KEE tal-14 ta' Ottubru 1991 dwar l-obbligazzjoni ta' min iħaddem li jgħarraf lill-ħaddiema bil-kondizzjonijiet applikabbli għall-kuntratt jew għar-relazzjoni ta' l-impjieg(33) ("Id-Direttiva dwar id-Dikjarazzjoni bil-Miktub") biex jitqiesu l-forom ġodda ta' impjieg;

28.  Jenfasizza l-potenzjal li għandha l-ekonomija kollaborattiva, b'mod partikolari fir-rigward ta' impjiegi ġodda; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jivvalutaw ir-regoli ta' impjieg ġodda potenzjali maħluqa mill-ekonomija kollaborattiva; jenfasizza bil-qawwa l-ħtieġa li tiżdied il-protezzjoni offruta lill-ħaddiema f'dan is-settur billi tiżdied it-trasparenza fir-rigward tal-istatus tagħhom, l-informazzjoni li jingħataw u n-nondiskriminazzjoni;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproċedi bir-reviżjoni mmirata tagħha tad-Direttiva dwar l-Istazzjonament tal-Ħaddiema u tirrevedi d-Direttiva dwar Xogħol Temporanju permezz ta' Aġenzija biex tiżgura d-drittijiet soċjali fundamentali għall-ħaddiema kollha inkluża paga ndaqs għal xogħol ugwali fl-istess post;

30.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' investiment pubbliku u privat u jippromwovi b'mod partikolari dawk is-setturi tal-ekonomija li jwiegħdu l-akbar effett multiplikatur possibbli, sabiex tiġi promossa l-konverġenza soċjali 'l fuq u l-koeżjoni fl-Unjoni u l-ħolqien ta' impjiegi diċenti; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa li jiġu appoġġjati l-SMEs u n-negozji l-ġodda;

31.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi indirizzat ix-xogħol mhux iddikjarat, minħabba li dan inaqqas id-dħul mit-taxxa u s-sigurtà soċjali u joħloq kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji u ħżiena u kompetizzjoni inġusta bejn il-ħaddiema; jilqa' l-ħolqien ta' Pjattaforma Ewropea biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fl-indirizzar tax-xogħol mhux iddikjarat;

32.  Jinnota li, minħabba l-għadd ta' ħaddiema, partikolarment żgħażagħ, li issa qed jitilqu l-pajjiżi ta' oriġini tagħhom għal Stati Membri oħra biex ifittxu opportunitajiet ta' impjieg, hemm ħtieġa urġenti li jiġu żviluppati miżuri adegwati li jiggarantixxu li l-ebda ħaddiem ma jibqa' mingħajr kopertura mill-protezzjoni tad-drittijiet soċjali u tax-xogħol; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu aktar il-mobilità tax-xogħol tal-UE filwaqt li jħaddnu l-prinċipju tat-trattament ugwali, u jħarsu l-pagi u l-istandards soċjali u jiggarantixxu l-portabbiltà sħiħa tad-drittijiet soċjali; jistieden lil kull Stat Membru jistabbilixxi l-politiki soċjali u tax-xogħol għal drittijiet ugwali u paga ugwali fl-istess post tax-xogħol;

33.  Jinnota bi tħassib id-dgħajfien tan-negozjar kollettiv u tal-kopertura tal-ftehimiet kollettivi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu politiki strateġiċi ta' kopertura universali tal-ħaddiema fil-qafas ta' ftehimiet kollettivi, filwaqt li fl-istess ħin jissalvagwardjaw u jsaħħu r-rwol tat-trejdjunjins u tal-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem;

34.  Jirrikonoxxi r-rwol ewlieni tas-sħab soċjali rigward id-direttivi tal-Unjoni dwar xogħol part-time, kuntratti b'terminu fiss u xogħol temporanju permezz ta' aġenzija u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, b'kollaborazzjoni mas-sħab soċjali, tirregola l-forom ġodda ta' impjieg, fejn ikun il-każ; jistieden lill-Eurofound tistudja kif is-sħab soċjali jistgħu jiżviluppaw strateġiji biex jiżguraw il-kwalità tal-impjiegi u jindirizzaw l-impjieg prekarju;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, fil-qafas tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, biex jiżguraw li l-ħaddiema individwali li jaħdmu għal rashom u li huma legalment meqjusa bħala kumpanija b'membru uniku jkollhom id-dritt għal negozjar kollettiv u li jkunu liberament assoċjati;

36.  Ifakkar li, skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u d-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol(34) (Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol), kull ħaddiem għandu d-dritt għal limitazzjoni ta' sigħat tax-xogħol massimi, għal perjodu ta' mistrieħ kuljum u kull ġimgħa u għal perjodu annwali ta' liv imħallas; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li dawk id-drittijiet japplikaw għall-ħaddiema kollha inklużi ħaddiema fuq talba, ħaddiema f'impjieg part-time marġinali u crowd workers; ifakkar li d-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol hija miżura ta' saħħa u sigurtà; jitlob li jkun hemm infurzar tad-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja li jikkonfermaw li l-ħin tal-għassa fuq il-post tax-xogħol huwa ħin tax-xogħol u jrid jiġi segwit minn mistrieħ obbligatorju;

37.  Ifakkar li l-impjieg part-time marġinali huwa mmarkat minn livelli aktar baxxi tas-sigurtà tal-impjiegi, anqas opportunitajiet għall-karriera, anqas investiment fit-taħriġ minn min iħaddem, u sehem akbar ta' paga baxxa; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jinkoraġġixxu miżuri li jappoġġjaw sigħat itwal għal dawk li jixtiequ jaħdmu aktar;

38.  Ifakkar li skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kulħadd għandu d-dritt ta' aċċess għal taħriġ vokazzjonali u tagħlim tul il-ħajja; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li t-taħriġ vokazzjonali u kontinwu jkun disponibbli wkoll għal ħaddiema f'relazzjonijiet ta' impjieg atipiċi; ifakkar li miżuri tat-titjib tal-ħiliet huma partikolarment importanti f'ekonomija diġitali li qed tinbidel b'mod mgħaġġel; ifakkar li n-nuqqas u l-ispariġġ tal-ħiliet jikkontribwixxu għal livelli għolja ta' qgħad; jilqa' l-inizjattivi riċenti biex jindirizzaw in-nuqqas ta' ħiliet;

39.  Jitlob li jkun hemm Garanzija ta' Ħiliet bħala dritt ġdid għal kulħadd, f'kull stadju tal-ħajja, biex kulħadd jikseb il-ħiliet fundamentali għas-seklu 21, inklużi l-litteriżmu, in-numeriżmu, il-litteriżmu medjatiku u diġitali, il-ħsieb kritiku, il-ħiliet soċjali u l-kompetenzi rilevanti meħtieġa għall-ekonomija ekoloġika u ċirkolari, billi jiġu kkunsidrati l-industriji emerġenti u s-setturi ta' tkabbir ewlenin u li jiġi żgurat l-involviment sħiħ għall-persuni f'sitwazzjonijiet żvantaġġati, inklużi l-persuni b'diżabilità, dawk li jfittxu l-ażil, il-persuni li ilhom qiegħda għal żmien twil u gruppi sottorappreżentati oħrajn; jenfasizza li s-sistemi edukattivi jenħtieġ li jkunu inklużivi, u jipprovdu edukazzjoni ta' kwalità tajba għall-popolazzjoni kollha, jippermettu lill-persuni jkunu ċittadini Ewropej attivi, jippreparawhom biex ikunu kapaċi jitgħallmu u jadattaw tul ħajjithom, u jwieġbu għall-ħtiġijiet soċjali u tas-suq tax-xogħol;

40.  Jenfasizza li l-politiki tal-Istati Membri għandhom jiġu fformulati u implimentati f'konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali, u f'konsultazzjoni u b'kooperazzjoni mill-qrib mal-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u ta' min iħaddem;

41.  Ifakkar li l-impjieg prekarju mhux biss jagħmel ħsara lill-individwu iżda jfisser ukoll spejjeż kbar għas-soċjetà f'termini ta' telf ta' taxxa u finalment għal nefqa pubblika ogħla, kif ukoll f'termini tal-appoġġ għal dawk li jsofru mill-effetti fit-tul tat-telf tad-dħul u kundizzjonijiet tax-xogħol diffiċli; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkoraġġixxu l-użu ta' kuntratti għal żmien indeterminat u l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri sabiex jiġi indirizzat l-impjieg prekarju;

42.  Ifakkar li l-ħaddiema fl-ekonomija informali jiffaċċjaw livell għoli ta' prekarjetà; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw politiki adatti għal dan il-grupp ta' ħaddiema li jipproteġuhom billi jindirizzaw il-problemi tagħhom irrispettivament mill-istatus ta' residenza tagħhom;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiġġieldu x-xogħol mhux iddikjarat, l-impjieg indipendenti fittizju u l-forom kollha ta' prattiki ta' impjieg illegali li jimminaw id-drittijiet tal-ħaddiema u s-sistemi tas-sigurtà soċjali; itenni l-fehma tiegħu li l-prevenzjoni tal-kuntratti li ma jispeċifikawx il-ħinijiet tax-xogħol għandha tiġi kkunsidrata f'kull politika futura dwar l-impjiegi;

44.  Jenfasizza li l-impjieg prekarju fil-biċċa l-kbira tiegħu jbatuh l-aktar ħaddiema vulnerabbli li huma f'riskju ta' diskriminazzjoni, faqar u esklużjoni; ifakkar b'mod partikolari li, il-fatt li persuna jkollha diżabilità, tkun ta' etniċità, oriġini, reliġjon jew twemmin differenti, jew tkun mara, iżid ir-riskju li tkun iffaċċjata b'kundizzjonijiet tal-impjieg prekarji; jikkundanna l-forom kollha tal-prekarjetà irrispettivament mis-sitwazzjoni kuntrattwali;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw il-protezzjoni effettiva tal-ħaddiema vulnerabbli; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni effettiva fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni kontra n-nisa fis-suq tax-xogħol, b'enfasi partikolari fuq il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u l-eliminazzjoni tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta jekk id-Direttiva 2006/54/KE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol hijiex adatta għall-forom ġodda ta' impjieg;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jivvalutaw kull leġiżlazzjoni li timmira lejn l-aspetti tax-xogħol prekarju fir-rigward tal-impatt tagħha fuq is-sessi; iqis li huwa meħtieġ li jiġu mmirati miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi lejn il-ħtiġijiet tan-nisa fix-xogħol prekarju peress li, inkella, dan il-grupp diġà rrappreżentat iżżejjed se jkompli jiġi affettwat iżżejjed;

47.  Iqis li taħt l-ebda ċirkostanza m'għandha żieda fit-talbiet għal flessibilità fis-suq tax-xogħol tirriżulta f'li n-nisa jkomplu jiġu rrappreżentati żżejjed f'impjiegi atipiċi u fost dawk bi status ta' impjieg insigur;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimmonitorjaw u jindirizzaw b'mod determinat il-fenomenu tal-"fastidju morali" fuq il-post tax-xogħol, inkluż il-fastidju ta' impjegati nisa tqal jew kwalunkwe żvantaġġ esperjenzat wara li jirritornaw mil-liv tal-maternità; iħeġġeġ lill-Istati Membri jirrispettaw u jinfurzaw il-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet għall-maternità sabiex in-nisa ma jsofrux żvantaġġi f'termini ta' pensjonijiet għax ikunu saru ommijiet matul il-ħajja tax-xogħol tagħhom; jenfasizza li l-liv tal-maternità jrid ikun akkumpanjat minn miżuri effettivi li jipproteġu d-drittijiet tan-nisa tqal u ta' ommijiet ġodda, waħedhom u li jreddgħu, li jirriflettu r-rakkomandazzjonijiet tal-ILO u tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa;

49.  Itenni t-talba tiegħu li l-persuni kollha fir-relazzjonijiet kollha ta' impjieg għandhom ikunu jistgħu jakkumulaw intitolamenti li jipprovdu s-sigurtà tad-dħul f'ċirkostanzi bħalma huma l-qgħad, in-nuqqas ta' saħħa, età avvanzata, interruzzjonijiet fil-karriera għat-trobbija tat-tfal jew sitwazzjonijiet oħra ta' kura, jew għal raġunijiet ta' taħriġ;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti għal kulħadd, opportunitajiet tal-ewwel esperjenza tax-xogħol għaż-żgħażagħ bħal internships, apprendistati jew opportunitajiet fil-qafas tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jadottaw u jimplimentaw oqfsa ta' kwalità għal internships, traineeships u apprendistati li jiżguraw id-drittijiet tal-ħaddiema u l-fokus edukattiv tal-opportunitajiet ta' esperjenza ta' xogħol għaż-żgħażagħ;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni, b'mod partikolari, u lill-Istati Membri, biex jieħdu passi sabiex jiġġieldu l-impjieg insigur fost iż-żgħażagħ; jenfasizza kemm huwa importanti li l-Kummissjoni timplimenta l-garanzija għaż-żgħażagħ f'dan ir-rigward;

52.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jiżguraw li l-gruppi kollha t'età taż-żgħażagħ ikollhom aċċess għal edukazzjoni pubblika ta' kwalità għolja u mingħajr ħlas, b'mod partikolari fil-livelli ogħla ta' edukazzjoni u taħriġ, peress li ntwera li meta jogħla l-livell tal-formazzjoni jkunu jistgħu jitnaqqsu l-inugwaljanzi tax-xogħol bejn l-irġiel u n-nisa;

53.  Jenfasizza li l-użu mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri tal-kunċett tal-ILO ta' "ħaddiem" pjuttost milli d-definizzjoni aktar stretta ta' "impjegat", jista' jikkontribwixxi għall-applikazzjoni u l-fehim aħjar tal-prinċipji u d-drittijiet fundamentali fuq ix-xogħol;

54.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-intraprenditorija u l-moviment kooperattiv fost il-ħaddiema f'kumpaniji ta' ħafna servizzi u s-settur li qed jiżviluppa b'mod rapidu tal-ekonomija kollaborattiva u l-pjattaformi diġitali, bil-għan li jitnaqqsu r-riskji ppreżentati mill-mudelli tan-negozju dwar id-drittijiet u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema;

55.  Jirrimarka li l-kuntratti fuq żmien qasir fis-settur tal-agrikoltura jirriflettu n-natura staġjonali tax-xogħol tal-biedja; jitlob li din ir-restrizzjoni naturali maġġuri tiġi rispettata billi l-bdiewa jkunu jistgħu jkomplu r-reklutaġġ fuq bażi staġjonali u ma jkollhomx għalfejn jgħaddu mill-piż ta' aktar burokrazija fir-reklutaġġ u l-ġestjoni tal-ħaddiema tagħhom;

56.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema staġjonali u tqajjem kuxjenza dwarha, u jistieden lill-Istati Membri jirregolaw l-istatus soċjali u legali tal-ħaddiema staġjonali, biex jissalvagwardjaw is-saħħa u tas-sikurezza u l-kundizzjonijiet tal-iġjene tagħhom fuq il-post tax-xogħol u biex jagħtuhom kopertura tas-sigurtà soċjali, filwaqt li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2014/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar il-kondizzjonijiet għad-dħul u s-soġġorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-fini ta' impjieg bħala ħaddiema staġjonali(35), inklużi dawk li jikkonċernaw "paga ugwali u protezzjoni soċjali ugwali"; jenfasizza l-ħtieġa li l-ħaddiema staġjonali kollha jingħataw informazzjoni komprensiva dwar id-drittijiet tax-xogħol u tas-sigurtà soċjali tagħhom, inklużi d-drittijiet għal pensjoni, filwaqt li jitqies ukoll l-aspett transfruntier tax-xogħol staġjonali;

o
o   o

57.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 216, 20.8.1994, p. 12.
(2) ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.
(3) ĠU L 327, 5.12.2008, p. 9.
(4) ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1.
(5) ĠU L 159, 28.5.2014, p. 11.
(6) ĠU L 177, 4.7.2008, p. 6.
(7) ĠU C 70 E, 8.3.2012, p. 1.
(8) Testi adottati, P8_TA(2015)0321.
(9) Testi adottati, P8_TA(2016)0059.
(10) Testi adottati, P8_TA(2016)0346.
(11) Testi adottati, P8_TA(2016)0360.
(12) Testi adottati, P8_TA(2017)0010.
(13) ĠU C 303, 19.8.2016, p. 54.
(14) www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2016/587285/IPOL_STU(2016)587285_EN.pdf.
(15) http://www.eurofound.europa.eu/sites/default/files/ef_publication/field_ef_document/ef1398en.pdf.
(16) https://www.eurofound.europa.eu/sites/default/files/ef_publication/field_ef_document/ef1461en.pdf.
(17) http://www.eurofound.europa.eu/sites/default/files/ef_publication/field_ef_document/ef1639en.pdf.
(18) http://www.eurofound.europa.eu/sites/default/files/ef_publication/field_ef_document/ef1634en.pdf.
(19) https://www.eurofound.europa.eu/mt/observatories/eurwork/industrial-relations-dictionary.
(20) http://www.ilo.org/dyn/normlex/en/f?p=NORMLEXPUB:12100:0::NO::P12100_INSTRUMENT_ID:312535.
(21) http://www.ilo.org/wcmsp5/groups/public/---ed_dialogue/---actrav/documents/meetingdocument/wcms_164286.pdf.
(22) http://www.ilo.org/wcmsp5/groups/public/---dgreports/---dcomm/---publ/documents/publication/wcms_534496.pdf.
(23) http://www.ilo.org/wcmsp5/groups/public/---dgreports/---dcomm/---publ/documents/publication/wcms_490959.pdf.
(24) Il-kuntratti permanenti full-time jammontaw għal 59 % tal-impjiegi totali fl-UE; l-impjieg indipendenti bl-impjegati għal 4 %, ix-xogħol freelance għal 11 %, ix-xogħol temporanju permezz ta' aġenzija għal 1 %, ix-xogħol b'kuntratt fiss għal 7 %, l-apprendistat jew it-traineeships għal 2 %, ix-xogħol part-time marġinali (anqas minn 20 siegħa kull ġimgħa) għal 9 % u x-xogħol permanenti part-time għal 7 %.
(25) Ara r-rapport tal-ILO tal-2016 bit-titolu "Building a social pillar for European convergence" (il-bini ta' pilastru soċjali għall-konverġenza Ewropea).
(26) Ara l-istudju tal-2016 dwar "Precarious Employment in Europe: Patterns, trends and policy strategies" (L-Impjieg Prekarju fl-Ewropa: xejriet, tendenzi u strateġiji ta' politika).
(27) Eurofound (2014), "Occupational profiles in working conditions: Identification of groups with multiple disadvantages" (profili okkupazzjonali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol: Identifikazzjoni ta' gruppi bi żvantaġġi multipli).
(28) Ara l-istudju tal-2016 dwar "Precarious Employment in Europe: Patterns, trends and policy strategies" (L-Impjieg Prekarju fl-Ewropa: xejriet, tendenzi u strateġiji ta' politika).
(29) Eurofound (2014), "Occupational profiles in working conditions: Identification of groups with multiple disadvantages" (profili okkupazzjonali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol: Identifikazzjoni ta' gruppi bi żvantaġġi multipli).
(30) Ara: https://www.eurofound.europa.eu/observatories/eurwork/industrial-relations-dictionary/atypical-work.
(31) Ara r-riżoluzzjoni tal-Parlament tad-19 ta' Ottubru 2010 dwar ħaddiema nisa prekarji.
(32) Ir-rapport tal-ILO tal-14 ta' Novembru 2016 dwar l-impjieg mhux standard madwar id-dinja.
(33) ĠU L 288, 18.10.1991, p. 32.
(34) ĠU L 299, 18.11.2003, p. 9.
(35) ĠU L 94, 28.3.2014, p. 375.

Avviż legali - Politika tal-privatezza