Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2017 dwar lejn strateġija tal-UE għar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali (2016/2240(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 167(3) u (4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
‒ wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNESCO tal-2005 dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2347 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tal-24 ta' Marzu 2017,
– wara li kkunsidra l-Aġenda tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, b'mod partikolari l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli 4 u 17,
‒ wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ/VP) lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 bl-isem 'Lejn strateġija tal-UE għal relazzjonijiet kulturali internazzjonali' (JOIN(2016)0029),
‒ wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Mejju 2007 dwar aġenda Ewropea għal kultura f'dinja li qed tiġi gglobalizzata (COM(2007)0242),
– wara li kkunsidra l-Azzjoni Preparatorja għall-Kultura fir-Relazzjonijiet Esterni tal-UE u r-rakkomandazzjonijiet tagħha(1),
– wara li kkunsidra d-dokument bl-isem 'Shared Vision, Common Action: A Stronger Europe – A Global Strategy for the European Union's Foreign and Security Policy' (Viżjoni kondiviża, azzjoni komuni: Ewropa iktar b'saħħitha – Strateġija globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea) ippreżentat mill-VP/RGħ fit-28 ta' Ġunju 2016,
‒ wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2007 dwar Aġenda Ewropea għall-Kultura(2),
‒ wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea għall-Kultura (COM(2010)0390),
‒ wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Novembru 2016 dwar komunikazzjoni strateġika tal-UE biex tikkontrobatti l-propaganda kontriha minn partijiet terzi(3),
‒ wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Valur tal-Wirt Kulturali għas-Soċjetà (Konvenzjoni ta' Faro) tal-2005(4),
‒ wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-promozzjoni tad-diversità kulturali u d-djalogu interkulturali fir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha(5),
‒ wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2011 dwar id-dimensjonijiet kulturali tal-azzjonijiet esterni tal-UE(6),
‒ wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 dwar ir-rwol tad-djalogu interkulturali, id-diversità kulturali u l-edukazzjoni fil-promozzjoni tal-valuri fundamentali tal-UE(7),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Novembru 2015 dwar ir-rwol tal-UE fin-NU - kif jistgħu jintlaħqu aħjar l-objettivi tal-UE fil-qasam tal-politika barranija(8),
‒ wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta' Diċembru 2014 dwar Pjan ta' Ħidma għall-Kultura (2015–2018)(9),
‒ wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni tal-Patrimonju Dinji Kulturali u Naturali,
‒ wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2015 lejn approċċ integrat għall-wirt kulturali għall-Ewropa(10),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni CM/Res(2010)53, adottata mill-Kunsill tal-Ewropa, li tistabbilixxi Ftehim Parzjali Estiż (EPA) dwar Rotot Kulturali,
‒ wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2016 dwar politika koerenti tal-UE għall-industriji kulturali u kreattivi(11),
‒ wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2015 dwar il-kultura fir-relazzjonijiet esterni tal-UE b'attenzjoni fuq il-kultura fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp(12),
‒ wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' April 2015 dwar il-qerda ta' siti kulturali mwettqa mill-ISIS/Daesh(13), b'mod partikolari l-paragrafu 3 tagħha, li "[j]istieden lill-VP/RGħ tħaddem id-diplomazija kulturali u d-djalogu interkulturali bħala għodda f'dak l jirrigwarda r-rikonċiljazzjoni tal-komunitajiet differenti u r-rikostruzzjoni tas-siti meqruda",
‒ wara li kkunsdra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' April 2008 dwar aġenda Ewropea għall-kultura fl-era tal-globalizzazzjoni(14),
‒ wara li kkunsidra l-eżitu tat-3502 laqgħa tal-Kunsill Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport tal-21 u t-22 ta' Novembru 2016,
‒ wara li kkunsidra l-istudju mħejji fuq talba tal-Kumitat CULT tal-Parlament bl-isem ‘Ir-riċerka għall-Kumitat CULT – L-istituti kulturali Ewropej barra mill-UE’(15),
‒ wara li kkunsidra l-istudju mħejji fuq talba tal-Kumitat CULT tal-Parlamentbl-isem ‘Ir-riċerka għall-Kumitat CULT – Bliet kapitali Ewropej għall-kultura: strateġiji ta' suċċess u effetti fit-til’(16),
‒ wara li kkunsidra l-istudju tal-2015 mitlub mis-Servizz tal-Kummissjoni tal-Istrumenti tal-Politika Barranija (FPI) bl-isem "Analiżi tal-perċezzjoni tal-UE u l-politiki tal-UE barra mill-pajjiż"(17),
‒ wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar strateġija tal-UE għal relazzjonijiet kulturali internazzjonali,
‒ wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar strateġija tal-UE għal relazzjonijiet kulturali internazzjonali,
‒ wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali (2018) (COM(2016)0543),
‒ wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Korp Ewropew ta' Solidarjetà (COM(2016)0942),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2015 dwar ir-Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) tas-27 ta' Settembru 2016, li fiha, Ahmad Al Faqi Al Mahdi, instab ħati tal-qerda ta' bosta mawżolej f'Timbuktu, u li fiha ssentenzjat għall-ewwel darba, bi qbil mal-Istatut ta' Ruma, li l-qerda ta' patrimonju kulturali jista' jitqies bħala delitt tal-gwerra,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni skont l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0220/2017),
A. billi l-UE qed issir attur aktar prominenti fir-relazzjonijiet internazzjonali, u jenħtieġ li tixħet riżorsi u enerġija addizzjonali fil-promozzjoni tal-kultura komuni tagħha, tal-patrimonju kulturali, tal-kreazzjoni artistika u l-innovazzjoni fi ħdan id-diversità reġjonali, skont l-Artikolu 167 TFUE;
B. billi l-UE hija attur prominenti fil-politika internazzjonali li għandha rwol dejjem akbar fl-affarijiet dinjija, anke permezz tal-promozzjoni tal-kultura u d-diversità lingwistika fir-relazzjonijiet internazzjonali;
C. billi l-kultura għandha valur intrinsiku, u l-esperjenza tal-UE uriet li l-iskambji kulturali jistgħu jservu kemm biex jippromwovu l-objettivi esterni tagħha kif ukoll bħala pont b'saħħtu bejn il-popli ta' tradizzjonijiet etniċi, reliġjużi u soċjali differenti, mhux l-anqas billi ssaħħaħ id-djalogu interkulturali u interreliġjuż u l-fehim reċiproku, inkluż permezz tal-attivitajiet tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE); iqis, f'dan ir-rigward, li l-kultura jenħtieġ li ssir parti essenzjali mid-djalogu politiku mal-pajjiżi terzi u li hemm bżonn li l-kultura tiġi integrata b'mod sistematiku fi proġetti u programmi ta' żvilupp;
D. billi, sabiex l-UE tkun tista' tippromwovi l-fehim interkulturali, jeħtieġ li tespandi l-għodod ta' komunikazzjoni komuni taħt il-forma ta' midja Ewropea ġenwina, bħal Arte, Euronews u Euranet;
E. billi l-kultura u l-protezzjoni tal-kultura huma marbutin b'mod inseparabbli mar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali;
F. billi l-kooperazzjoni xjentifika tifforma element essenzjali tal-politika barranija bil-bini ta' konnessjonijiet bejn il-pajjiżi, bit-tisħiħ tal-kwalità tar-riċerka internazzjonali u billi tkabbar il-profil tad-diplomazija xjentifika;
G. billi l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom varjetà ta' għeruq kulturali, lingwistiċi, storiċi u reliġjużi komuni, u billi bit-tislit ta' ispirazzjoni mill-patrimonju kulturali, reliġjuż u umanista Ewropew, huma rnexxilhom jiksbu unità fid-diversità; billi l-kultura u l-patrimonju kulturali Ewropew, kemm dak tanġibbli kif ukoll dak intanġibbli, jirrappreżentaw id-diversità tas-soċjetajiet u r-reġjuni Ewropej, tas-soċjetajiet ta' maġġoranza, kif ukoll tal-kulturi ta' minoranza tagħhom;
H. billi d-"Dikjarazzjoni dwar il-promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni" adottata f'Pariġi f'Marzu 2015 tenfasizza l-ħtieġa li jitrawwem djalogu attiv bejn il-kulturi, kif ukoll solidarjetà globali u rispett reċiproku;
I. billi tul l-istorja tal-UE, ir-relazzjonijiet kulturali kienu muturi fundamentali għall-koeżjoni soċjali u l-iżvilupp ekonomiku u uman sostenibbli, filwaqt li għandhom rwol kruċjali fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet tas-soċjetà ċivili, u fil-kuntatti bejn il-persuni, u fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni, bil-għan li jħarsu l-patrimonju kulturali, jsaħħu l-proċessi ta' demokratizzazzjoni u jipparteċipaw fil-prevenzjoni, is-soluzzjoni u r-reżiljenza tal-kunflitti;
J. billi d-diplomazija kulturali għandha tippromwovi d-diversità kulturali u lingwistika, inkluż il-preservazzjoni tal-lingwi minoritarji b'kunsiderazzjoni li dan jikkostitwixxi valur fih innifsu, u jikkontribwixxi għall-patrimonju kulturali Ewropew;
K. billi d-drittijiet tal-bniedem jinkludu wkoll drittijiet kulturali, u billi għalhekk għandha tingħata attenzjoni ugwali għad-dritt ta' kull individwu li jieħu sehem fil-ħajja kulturali u li jgawdi l-kultura proprja tiegħu jew tagħha, filwaqt li jiġu rispettati d-drittijiet umani fundamentali ta' kulħadd;
L. billi f'Diċembru 2014 tqiegħdu fis-seħħ miżuri restrittivi biex jiġi miġġieled in-negozju ta' oġġetti kulturali mis-Sirja; billi hemm bżonn ċar li jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' rispons ta' emerġenza li jidentifika u jipprevjeni l-qerda ta' patrimonju kulturali u t-tneħħija ta' oġġetti kulturali, inkluż f'żoni jew f'pajjiżi ta' kunflitt, kif ukoll atti li jistgħu jintużaw f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt biex jintimidaw jew jixxukkjaw, u li f'ċerti ċirkostanzi jistgħu jitqiesu bħala "tindif kulturali";
M. billi l-kultura hi beni komuni, u t-tfassil ta' kunsens ġdid dwar l-iżvilupp għandu jinkludi riflessjoni dwar l-irkupru ta' beni pubbliċi komuni, inkluż permezz tal-kultura;
N. billi l-UE u l-Istati Membri individwali jipprovdu aktar min nofs tal-għajnuna għall-iżvilupp globali, fatt li jimmerita li jiġi rikonoxxut;
O. billi l-patrimonju kulturali hu wirt universali, u l-protezzjoni tiegħu, għalhekk hi prekundizzjoni għall-bini tal-paċi u r-reżiljenza;
P. billi l-komunikazzjoni konġunta intitolata 'Lejn strateġija tal-UE għal relazzjonijiet kulturali internazzjonali' tipprovdi qafas għar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali tal-UE; billi, madankollu, din tonqos milli tidentifika l-prijoritajiet tematiċi u ġeografiċi, l-objettivi u r-riżultati konkreti, il-gruppi fil-mira, l-interessi u l-inizjattivi komuni, id-dispożizzjonijiet ta' finanzjament, il-ġestjoni finanzjarja b'saħħitha, perspettiva lokali u reġjonali u l-modalitajiet ta' sfida u ta' implimentazzjoni;
Q. billi l-kuntatti bejn il-persuni bħall-iskambji taż-żgħażagħ, ġemellaġġi ta' bliet u sħubijiet fil-qasam professjonali, kienu mezzi importanti għall-promozzjoni tal-fehim interkulturali u għandhom jiġu promossi mill-UE fir-relazzjonijiet ta' politika barranija;
R. billi l-mobbiltà hi parti essenzjali mir-relazzjonijiet kulturali internazzjonali tal-UE, u teħtieġ il-ħolqien ta' mekkaniżmi li jiffaċilitaw l-aċċess għall-viża lejn u minn pajjiżi terzi għall-professjonisti kulturali, riċerkaturi, akkademiċi, għalliema, studenti u persunal u għan-netwerks tal-alumni ta' parteċipanti preċedenti fi programmi tal-UE(18);
S. billi l-UE u l-istati tal-viċinat storikament influwenzaw lil xulxin fir-rigward tal-kultura;
T. billi l-kooperazzjoni, it-taħriġ, il-mobbiltá tal-artisti u tal-professjonisti kulturali u ta' xogħlijiethom, inkluż permezz ta' netwerks Ewropej u internazzjonali, u r-residenzi tal-artisti huma fatturi ewlenin għat-tixrid u l-iskambju tal-kulturi u tal-arti Ewropej u mhux Ewropej u jeħtieġ li jiġu promossi u msaħħa;
U. billi politika dwar il-viża għall-artisti u l-professjonisti kulturali hi ewlenija għall-kooperazzjoni b'suċċess u għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa tax-xogħolijiet tagħhom, permezz tan-netwerks Ewropej u internazzjonali, kif ukoll biex jiġu żgurati l-programmi attivi ta' residenza tal-artisti li jinvolvu s-soċjetajiet ċivili fil-pajjiżi u r-reġjuni differenti tad-dinja;
V. billi dan jista' jkun punt ta' tluq utli biex jittieħed rendikont ta' dak li nkiseb taħt "l-aġenda tal-UE għall-kultura" bil-għan li tkompli tiġi żviluppata u mtejba l-istrateġija, billi jiġu stabbiliti miri ċari u li jistgħu jitkejlu, prijoritajiet u riżultati realistiċi li jkunu konformi mal-partikolaritajiet tal-pajjiżi individwali, u billi wieħed jitgħallem mill-aħjar prattiki;
W. billi, l-UE, bħala sieħba ewlenija tan-Nazzjonijiet Uniti, għandha taħdem mill-qrib mal-UNESCO biex tipproteġi l-patrimonju kulturali globali;
X. billi l-koordinazzjoni fost il-programmi u r-riżorsi tal-UE għandhom isaħħu d-dimensjoni kulturali tar-relazzjonijiet internazzjonali tal-UE sabiex jinħoloq spazju kondiviż ta' djalogu għall-fehim u l-fiduċja transkulturali;
Y. billi l-inizjattivi u l-azzjonijiet tal-UE għandhom ikunu aktar viżibbli f'pajjiżi terzi, inklużi f'dawk koperti mill-Politika Ewropea ta' Viċinat, u r-riżultati tagħhom għandhom jiġu attribwiti, valutati u mxerrda aħjar(19);
Z. billi l-għadd ta' prodotti u servizzi mis-settur awdjoviżiv, kulturali u dak kreattiv qed jiżdied, kif qed jiżdied ukoll il-kontribut tagħhom għall-PGD u għaċ-ċirkolazzjoni internazzjonali;
AA. billi bosta Rotot Kulturali Ewropej iċċertifikati mill-Kunsill tal-Ewropa jgħaddu minn pajjiżi fil-Viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-UE, kif ukoll minn pajjiżi kandidati u billi dan jikkontribwixxi għall-ħolqien ta' rabtiet bejn l-UE u l-pajjiżi tal-viċinat tagħha;
AB. billi l-isforzi tal-Unjoni biex trawwem reżiljenza soċjetali billi tapprofondixxi l-ħidma dwar il-kultura, l-edukazzjoni u ż-żgħażagħ, tħeġġeġ il-pluraliżmu, il-koeżistenza u r-rispett;
Objettivi
1. Jilqa' l-komunikazzjoni konġunta, li toffri ħarsa ġenerali tal-istrumenti, l-azzjonijiet, l-inizjattivi, il-programmi u l-proġetti kollha appoġġjati jew implimentati mill-UE u l-Istati Membri tagħha li d-denominatur komuni tagħhom huwa l-kultura; jitlob li tiġi żviluppata strateġija effettiva tal-UE għar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali;
2. Jirrikonoxxi li l-komunikazzjoni konġunta għandha l-għan li trawwem il-kooperazzjoni kulturali fi ħdan l-UE u mal-pajjiżi sħab tagħha u li tippromwovi ordni globali bbażat fuq iż-żamma tal-paċi, il-ġlieda kontra l-estremiżmu u r-radikalizzazzkjoni permezz tad-djalogu interkulturali u interreliġjuż, u dwar il-prevenzjoni tal-kunflitti b'osservanza tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt, il-libertà tal-espressjoni, il-libertà artistika, il-fehim reċiproku, id-drittijiet tal-bniedem, id-diversità kulturali u lingwistika u l-valuri fundamentali; jenfasizza, barra minn hekk, ir-rwol importanti ta' diplomazija kulturali, u l-iskambju edukattiv u kulturali fit-tisħiħ ta' qafas komuni ta' valuri universali;
3. Jirrikonoxxi l-isforzi mwettqa mis-SEAE, flimkien mal-Kummissjoni, biex tissaħħaħ id-dimensjoni esterna tal-politiki tax-xjenza u r-riċerka, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi l-iżvilupp ta' diplomazija xjentifika ambizzjuża;
4. Jitlob li d-drittijiet kulturali jiġu promossi bħala parti integrali mid-drittijiet fundamentali tal-bniedem, u li l-kultura titqies għall-valur intrinsiku tagħha bħala r-raba' pilastru awtonomu trasversali tal-iżvilupp sostenibbli flimkien mad-dimensjoni soċjali, ekonomika u dik ambjentali;
5. Jilqa' l-approċċ tal-komunikazzjoni konġunta, li tidentifika tliet linji ta' ħidma: l-appoġġ tal-kultura bħala vettura għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku sostenibbli; il-promozzjoni tal-kultura u tad-djalogu interkulturali għal relazzjonijiet interkomunitarji paċifiċi; u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni dwar il-patrimonju kulturali;
6. Jappella li l-libertà tal-espressjoni artistika tiġi promossa bħala valur u sforz tal-Unjoni Ewropea, bil-promozzjoni ta' djalogu ħieles u l-iskambju ta' prattiki tajba fil-livell internazzjonali;
7. Jenfasizza li l-UE għandha esperjenzi multippli u diversi fil-governanza inklużiva u li s-saħħa tagħha tinsab fil-fatt li hija magħquda fid-diversità tagħha u li dan huwa fejn l-UE żżid fil-valur;
8. Jirrikonoxxi li filwaqt li l-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità għandhom jiġu rispettati fil-qasam tal-kultura - b'kunsiderazzjoni ukoll tal-għeruq kulturali u ta' patrimonju komuni tal-UE u tal-Istati Membri, u r-riżultat ta' interazzjonijiet artistiċi u kulturali li tawlu s-snin - ħolqu attitudni għax-xogħol u l-kreazzjoni li flimkien għenu biex jinbena l-pedament ta' rispett għal u l-fehim ta' kulturi oħrajn;
9. Jenfasizza li l-UE hija qasam fejn l-Istati Membri kollha jgħaqqdu l-forzi tagħhom biex ikollhom rwol aktar b'saħħtu fil-qasam tar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali, billi jiksbu vantaġġ mill-benefiċċji ta' kooperazzjoni reċiproka;
10. Jissuġġerixxi li kull Stat Membru jista' jniedi azzjonijiet konġunti flimkien mal-UE biex jiġi enfasizzat pajjiż differenti tal-UE kull sena, permezz ta' pereżempju esibizzjonijiet u koproduzzjonijiet, b'rwol speċjali mogħti lill-presidenza b'rotazzjoni, bil-għan li jitwassal valur intrinsiku addizzjonali għall-UE u għall-Istati Membri u biex tiżdied il-viżibbiltà tal-azzjonijiet u tal-inizjattivi tagħha barra mill-pajjiż, inkluż permezz ta' delegazzjonijiet mill-UE, bl-użu ta' riżorsi umani u finanzjarji speċifiċi għal dan il-għan;
11. L-Istati Membri, speċjalment l-Istati Membri żgħar u l-istituzzjonijiet u l-atturi kulturali tagħhom, jistgħu jżidu l-valur tal-kisbiet kulturali tagħhom billi jużaw lill-UE biex jippromwovuhom u jxerrduhom lil hinn mill-Ewropa;
12. Id-diplomazija kulturali tista' tiffunzjona bħala ambaxxatriċi tal-UE u tal-Istati Membri tagħha;
13. Ifakkar, b'kunsiderazzjoni tal-patrimonju kulturali tanġibbli u intanġibbli, dwar l-importanza tal-kooperazzjoni fost l-Istati membri u l-istituzzjonijiet tal-UE f'termini ta' aċċessibbiltà għar-riċerka, il-promozzjoni, il-preservazzjoni u l-ġestjoni, u l-ġlieda kontra t-traffikar, is-sakkeġġ u l-qerda, inkluż permezz ta' fondi u assistenza dedikati, u permezz tal-kooperazzjoni transfruntiera tal-pulizija, kemm ġewwa kif ukoll barra mill-UE;
14. Jenfasizza r-rwol tal-midja indipendenti fil-promozzjoni tad-diversità kulturali u l-kompetenzi interkulturali, u l-bżonn li tali midja tissaħħaħ bħala sors ta' informazzjoni kredibbli, speċjalment fil-viċinat tal-UE;
15. Jilqa' l-fatt li l-komunikazzjoni konġunta tintroduċi industriji kulturali u kreattivi bħala element importanti tal-istrateġija tal-UE għar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali; billi dawn l-industriji jikkontribwixxu għas-'soft-power' tal-Ewropa fir-rwol tagħhom ta' ambaxxaturi ta' valuri Ewropej, speċjalment fir-rigward taċ-ċentri kreattivi reġjonali u netwerks kulturali, u jirrakkomanda li dawn jiġu identifikati u jingħataw spinta kif ukoll li jiġu żviluppati l-ħiliet; jistieden lill-Kummissjoni taġġorna n-netwerks ta' aġenti u atturi kreattivi u kulturali, b'enfasi speċifiku fuq l-SMEs, id-distretti kreattivi Ewropej u pjattaformi kreattivi, bħala muturi ta' effetti multiplikaturi u ta' inovazzjoni, inkluż f'oqsma oħrajn;
16. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ tidentifika "atturi kulturali" li jwettqu rwol integrali fl-implimentazzjoni tal-komunikazzjoni konġunta, tikkjarifika li dawn għandhom jinkludu, fost kategoriji oħrajn, l-artisti, il-professjonijisti kulturali u kreattivi, l-istituzzjonijiet kulturali, il-fondazzjonijiet privati u pubbliċi, l-universitajiet, u n-negozji kulturali u kreattivi;
Governanza u għodod
17. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ jippreżentaw pjanijiet ta' azzjoni annwali u multiannwali f'dan il-qasam, li għandhom jinkludu azzjonijiet, prijoritajiet tematiċi u ġeografiċi strateġiċi u objettivi komuni, u li jsir rieżami perjodiku tal-implimentazzjoni tal-komunikazzjoni konġunta, li r-riżultati tagħha għandhom jiġu rrapportati lill-Parlament;
18. Jenfasizza l-ħtieġa għal koerenza akbar fost il-politiki u l-azzjonijiet tal-UE li jinvolvu pajjiżi terzi; jenfasizza l-bżonn li jinsiltu r-riżultati tar-riċerka eżistenti, l-aħjar prattiki u inizjattivi u strumenti oħrajn iffinanzjati mill-UE fir-rigward tal-patrimonju kulturali li jista' jibbenefika l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi; jappella għal sinerġiji msaħħa bejn l-atturi kollha involuti, u għal inizjattivi oħrajn iffinanzjati mill-UE, li jistgħu jkunu ta' benefiċċju biex jinkisbu l-objettivi tal-istrateġija, biex tkun garantita l-effiċjenza fir-riżorsi, l-eżiti ottimizzati u l-impatt imsaħħaħ tal-azzjonijiet u l-inizjattivi tal-UE; jirrakkomanda eżerċizzju ta' teħid ta' rendikont sabiex jiġi garantit approċċ effettiv;
19. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fil-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss, tipprovdi linja baġitarja ddedikata għall-appoġġ ta' relazzjonijiet kulturali internazzjonali fil-programmi eżistenti u f'sejħiet futuri, speċjalment fil-ġenerazzjoni li jmiss ta' programmi dwar il-kultura u l-edukazzjoni, sabiex dawn ikunu jistgħu jiżviluppaw l-azzjoni internazzjonali tagħhom b'mod xieraq;
20. Jipproponi li jitfassal programm iddedikat tal-UE u li r-riżorsi jiġu ffukati fuq il-mobbiltá u l-iskambji internazzjonali bħal programmi ta' residenza speċjalment għal professjonisti u artisti kulturali u kreattivi żgħażagħ;
21. Jipproponi f'dan il-kuntest, li l-alumni u l-benefiċjarji preċedenti tal-Erasmus u ta' programmi edukattivi u ta' volontarjat ta' mobbiltà għandhom jiġu inkoraġġiti li jagħmlu użu mill-ħiliet u l-kompetenzi interkulturali għall-benefiċċju tal-oħrajn, u għandhom isiru atturi ta' influwenza fl-iżvilupp ta' sħubija fil-qasam tar-relazzjonijiet kulturali esterni;
22. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa d-dimensjoni tat-turiżmu kulturali, permezz, pereżempju tat-tfassil u l-programmi tematiċi ta' skambju u l-aħjar prattiki sabiex jiffaċilita l-mobbiltà u l-iskambji internazzjonali ma' ċittadini minn pajjiżi terzi, kif ukoll dwar l-aċċess għal oġġetti kulturali;
23. Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jinkludu r-relazzjonijiet kulturali internazzjonali fl-istrumenti u l-programmi ta' kooperazzjoni internazzjonali b'mod orizzontali, u fil-kuntest tal-eżerċizzju tar-rieżami ta' nofs it-terminu, sabiex jiżguraw il-koerenza u sabiex ibiddlu r-relazzjonijiet kulturali internazzjonali f'għodda effiċjenti;
24. Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-impatt tad-dimensjoni kulturali fir-relazzjonijiet internazzjonali bl-inklużjoni sistematika tad-dimensjoni kulturali fin-negozjati u fil-ftehimiet ta' assoċjazzjoni; jissottolinja l-bżonn li l-UE tfassal prinċipji ta' kondotta għas-sħab tal-kooperazzjoni fi proġetti transnazzjonali u għall-ħolqien ta' qafas flessibbli għall-faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni kulturali transnazzjonali bit-tneħħija tal-ostakoli;
25. Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja iktar ir-relazzjonijiet kulturali mal-pajjiżi tal-viċinat permezz ta' assistenza teknika, il-programmi ta' taħriġ għall-bini tal-kapaċità, l-iżvilupp ta' ħiliet u t-trasferiment tal-għarfien - anke fl-isfera tal-midja - u biex titjieb il-governanza u jiġu favoriti sħubijiet ġodda fil-livell nazzjonali, reġjonali, lokali u dak transkonfinali, filwaqt li jiġi provdut segwitu għall-programmi reġjonali fil-pajjiżi tal-viċiniat tan-Nofsinhar u tal-Lvant, inklużi l-Balkani tal-Punent;
26. Jissottolinja l-fatt, li għal raġunijiet ta' sostenibbiltà, l-attivitajiet ta' finanzjament kulturali esterni tal-UE għandhom joħorġu minn parteċipazzjoni qawwija tas-sħab lokali, l-adattament tal-programmi għar-realtajiet lokali u bl-għoti ta' kunsiderazzjoni xierqa tal-perjodu ta' wara l-finanzjament għall-proġetti, inkluża t-tranżizzjoni għall-finanzjament nazzjonali u mudelli ta' introjtu oħrajn;
27. Jenfasizza l-importanza ta' inizjattivi kulturali u tad-drittijiet tal-bniedem, li għandhom jimmiraw lejn il-ħolqien ta' professjonijiet kulturali f'pajjiżi jew f'reġjuni fejn id-drittijiet tagħhom huma mhedda; jappella li dawn il-programmi jiġu ffinanzjati b'mod konġunt mill-Fond Ewropew għad-Demokrazija u mill-Istrument Ewropew ta' Viċinat;
28. Jenfasizza li soċjetà ċivili attiva f'pajjiżi sħab tista' tgħin konsiderevolment fit-tqassim tal-valuri promossi mill-UE, u għalhekk hu essenzjali li l-UE tkabbar l-appoġġ għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fis-settur kulturali fil-pajjiżi sħab, meta tittratta r-relazzjonijiet bilaterali tagħha;
29. Jappella lill-Kummisjsoni tinkludi l-kultura fil-ftehimiet bilaterali u multilaterali eżistenti u futuri, bi proviżżjonijiet baġitarji adegwati u b'rispett dovut għall-impenji magħmula skont il-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar id-Diversità Kulturali, sabiex tingħata enfasi akbar fuq il-potenzjal ekonomiku tal-patrimonju kulturali u tas-setturi kulturali u kreattivi fil-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli, inkluż fl-oqsma ta' tkabbir u impjiegi, u fuq l-impatt tagħhom fuq il-benesseri soċjali; jargumenta li dan jista' jsir, pereżempju, fil-mandat ta' negozjati li jmiss għal sħubija ġdida mal-pajjiżi AKP wara l-2020; jappella għall-iżvilupp ta' indikaturi tal-UE f'dan il-qasam bħala mezz li jingħata kontribut għad-dibattitu politiku kulturali;
30. Jenfasizza l-importaza tal-mobbilta taż-żgħażagħ u tal-iskemi ta' kooperazzjoni universitarja, bħala miżuri ta' valur għoli għall-istabbiliment ta' relazzjonijiet akkademiċi u kulturali;
31. Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ id-dimensjoni internazzjonali ta' Erasmus, Ewropa Kreattiva, Ewropa għaċ-ċittadini u Orizzont 2020; ifakkar, f'dan ir-rigward, ir-rwol kruċjali tal-programmi tal-UE fil-qasam tal-kultura, l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ u l-isport bħala element ewlieni fil-ġlieda kontra l-intolleranza u l-preġudizzji, kif ukoll it-trawwim ta' sens ta' appartenenza komuni u rispett għad-diversità kulturali; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi, partikolarment fi ħdan il-kuntest tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, il-parteċipazzjoni f'dawn il-programmi minn pajjiżi sħab l-eqreb lejn l-UE;
32. Jirrikonoxxi l-isforzi tal-Kummissjoni għall-promozzjoni tar-rwol tax-xjenza, ir-riċerka, l-edukazzjoni u l-kooperazzjoni kulturali bħala għodda 'soft-power' fir-relazzjonijiet esterni Ewropej; jevidenzja kif l-iskambju xjentifiku u kulturali jista' jikkontribwixxi għall-bini ta' kapaċità u r-riżoluzzjoni tal-kunflitt, partikolarment fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi tal-viċinat;
33. Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ u tespandi l-COSME (il-programm tal-UE għall-Kompetittività tal-Intrapriżi, u l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju) biex tkopri l-istrateġija għar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali, u biex issaħħaħ, permezz ta' programmi tematiċi tal-UE, SMEs attivi fis-settur kulturali fil-pajjiżi barra mill-UE;
34. Jenfasizza r-rwol tal-Kumitat tar-Reġjuni u tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, u r-rwol tal-awtoritajiet reġjonali u lokali, u tas-soċjetà ċivili, fil-formulazzjoni tal-istrateġija;
35. Jenfasizza li l-Parlament għandu jkollu rwol attiv fil-promozzjoni tal-kultura fl-azzjoni esterna tal-UE, inkluż permezz tal-uffiċċji tal-informazzjoni u ta' kuntatt;
36. Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jaħtru 'punt ta' kuntatt' f'kull delegazzjoni tal-UE biex dan jikkollega mal-istituti kulturali nazzjonali, ir-rappreżentanti u s-soċjetajiet ċivili, l-atturi u l-awtoritajiet lokali fi proċess ta' djalogu strutturat immirat lejn l-identifikazzjoni konġunta ta' oqsma ta' prijorità, bżonnijiet u metodi ta' kooperazzjoni komuni, u biex jipprovdi baġit adegwat u taħriġ; jitlob lill-Kummissjoni u lis-SEAE jirrapportaw lill-Parlament dwar l-istat ta' implimentazzjoni u r-riżultati miksuba kull sentejn;
37. Jitlob li jiġu allokati riżorsi umani u finanzjarji xierqa fis-SEAE għar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali, biex b'hekk is-SEAE jiġi mgħammar bi rwol ta' mexxej katalitiku fis-servizzi differenti tal-UE li għandhom x'jaqsmu mar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali;
38. Jiffavorixxi relazzjonijiet kulturali internazzjonali bħala s-suġġett għall-edukazzjoni, it-taħriġ u r-riċerka, bil-għan li tinbena l-kapaċità tal-atturi f'dan il-qasam, kif ukoll biex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni kulturali permezz tal-edukazzjoni, inkluż billi l-persunal tal-UE, jingħata t-taħriġ rilevanti dwar il-kompetenzi kulturali;
39. Jappella li r-rwol tal-istituti kulturali tal-Istati Membri jiġi identifikat b'mod ċar fir-rigward tal-influwenza kulturali tal-UE barra mill-fruntieri tagħha, u fil-kuntest ta' narrativa inklużiva u kondiviża Ewropea, permezz tan-Netwerk tal-Istituti Nazzjonali għall-Kultura tal-UE (EUNIC) u ta' fora oħrajn, u jiffavorixxi approċċ inklużiv u ugwali lejn il-partijiet interessati kollha, inkluż is-soċjetà ċivili; ifaħħar, f'dan ir-rigward, ix-xogħol imwettaq sal-lum mill-istituzzjonijiet kulturali tal-Istati Membri; iħeġġeġ aktar kollaborazzjoni esterna bil-għan li l-interessi tal-Istati Membri jiġu ottimizzati, b'attenzjoni partikolari mogħtija lill-Istati Membri żgħar u Stati Membri mingħajr istituti kulturali barra mill-pajjiż, u l-bżonnijiet ta' rappreżentanza kulturali tagħhom;
40. Jappella għat-tisħiħ tas-sħubija strateġika mal-UNESCO fl-implimentazzjoni tal-komunikazzjoni konġunta, billi tiġi sfruttata l-kredibbiltà tagħha fl-Ewropa u l-ilħiq globali tagħha sabiex jiġu mmultiplikati l-effetti tal-azzjonijiet konġunti mal-partijiet interessati kollha tal-UE u barra mill-UE, u biex jiġi kkunsidrat li din tiġi assoċjata mal-gruppi ta' ħidma jew bordijiet konsultattivi futuri sabiex tgħin fl-implimentazzjoni tal-komunikazzjoni;
41. Jenfasizza l-bżonn li ssir definizzjoni mill-ġdid tar-rwol importanti tal-istituti kulturali nazzjonali fl-iskambji interkulturali, b'kunsiderazzjoni tal-fatt li uħud minnhom għandhom tradizzjonijiet twal u diversi kuntatti f'pajjiżi terzi, li jippermettulhom jservu ta' bażi solida għall-kooperazzjoni u l-komunikazzjoni fost l-atturi differenti Ewropej; jirrimarka, barra minn hekk, il-potenzjal tagħhom li jippromwovu u jiffaċilitaw ir-relazzjonijiet bilaterali bejn il-pajjiżi u fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' strateġija Ewropea għad-diplomazija kulturali;
42. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ jappoġġjaw aktar l-iżvilupp ta' programm ta' studju EUVP (Unità tal-Programm ta' Żjarat tal-Unjoni Ewropea) personalizzat b'mod individwali, bħala għodda b'saħħitha għat-tisħiħ tad-djalogu, il-promozzjoni tad-demokrazija u l-forniment ta' pjattaforma permanenti għaż-żgħażagħ u l-mexxejja futuri u għal dawk li jiffurmaw l-opinjonijiet minn pajjiżi terzi, kif ukoll għal interlokuturi ewlenin fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;
43. Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien tal-Pjattaforma ta' Diplomazija Kulturali, u jitlob li din issir sostenibbli, b'valutazzjoni regolari tal-objettivi, riżultati u governanza tagħha; jirrikonoxxi li diversi partijiet interessati istituzzjonali u mhux istituzzjonali differenti(20) huma attivi fil-qasam tar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali, u jitlob lill-Kummissjoni tippromwovi djalogu strutturat bejn il-partijiet interessati kollha, inkluż permezz tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni;
44. Jitlob li jiġi stabbilit mingħajr dewmien mekkaniżmu ta' prevenzjoni, valutazzjoni, ta' rikostruzzjoni tal-patrimonju kulturali fil-perikolu, u valutazzjoni tat-telf, inkluż mekkaniżmu ta' emerġenza rapdiu għas-salvagwardja tal-patrimonju f'pajjiżi f'kunflitt, li jibni fuq l-esperjenza tal-inizjattiva tat-task force tal-Blue Helmets għall-Kultura tan-NU, f'kooperazzjoni mill-qrib u strutturata mal-UNESCO u bl-appoġġ teknoloġiku ta' Copernicus – il-Programm Ewropew ta' Osservazzjoni tad-Dinja; jilqa' f'dan ir-rigward, l-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni 2347 tal-Kunsill ta' Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti,li tiddikjara li l-qerda ta' patrimonju kulturali tista' tikkostitwixxi delitt tal-gwerra, u jappella lill-UE u lis-SEAE jaħdmu mas-sħab kollha biex jikkontribwixxu għall-prevenzjoni tal-kunflitt, il-bini tal-paċi u l-proċessi ta' restawr u rikonċiljazzjoni fiż-żoni kollha milquta minn kunflitt;
45. Jappella għal koordinazzjoni fil-livell tal-UE fil-ġlieda kontra t-traffikar illegali ta' oġġetti kulturali misruqa matul kunflitti armati u gwerer, u l-irkupru ta' tali oġġetti, b'rikonoxximent għall-fatt li tali koordinazzjoni għandha rwol ewlieni fl-isforzi biex jiġi imblukkat il-finanzjament ta' gruppi terroristiċi;
46. Jenfasizza l-bżonn li tissaħħaħ is-sħubija strateġika UE-UNESCO bil-ħolqien ta' pjattaforma sostnuta għall-kooperazzjoni u komunikazzjoni dwar il-prijoritajiet kondiviżi, bil-għan li jiġu trattati b'mod effikaċi l-isfidi komuni fil-kultura u l-edukazzjoni;
47. Jipproponi li fil-Forum Kulturali Ewropew tul il-Jiem Ewropej tal-Iżvilupp, tingħata attenzjoni speċjali lid-djalogu strutturat mas-soċjetà ċivili u mal-partijiet interessati dwar il-kwistjoni tar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali tal-UE;
48. Jistieden lill-Kummissjoni torganizza kollokju/forum speċifiku għall-atturi kulturali dwar il-kultura u l-iżvilupp, skont id-Dikjarazzjoni ta' Brussell UE-AKP ta' April 2009, u li din għandha tkun miftuħa għall-atturi mill-viċinat tal-UE u minn pajjiżi sħab strateġiċi oħrajn;
49. Jikkunsidra d-deċiżjoni dwar Sena Ewropea tal-Patrimonju Kulturali 2018, bħala opportunità li tikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-patrimonju kulturali, b'approċċ integrat, bħala element importanti tad-dimensjoni internazzjonali tal-UE, billi tkompli tibni fuq l-interess tal-pajjiżi sħab dwar il-patrimonju u l-għarfien espert tal-Ewropa;
50. Jappella għal implimentazzjoni effikaċi tal-istrumenti legali li diġà hemm fis-seħħ, sabiex il-patrimonju kulturali, id-drittijiet tal-awtur u l-proprjetà intellettwali jiġu protetti; jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva li tkun maħsuba biex tirregola l-importazzjoni ta' beni kulturali fl-UE, b'mod partikolari beni kulturali minn żoni ta' kunflitt, u dan bħala mezz biex jiġi miġġieled it-traffikar;
51. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri - li ffirmaw u rratifikaw, u b'hekk impenjaw ruħhom li jimplimentaw, il-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali, tal-2005 - biex jappoġġjaw l-azzjonijiet komuni għall-implimentazzjoni tagħha;
Approċċ bejn il-persuni
52. Jaqbel mal-proposta fil-komunikazzjoni konġunta biex issir bidla minn approċċ minn fuq għal isfel għal approċċ bejn il-persuni (P2P), billi jiġu enfasizzati l-proċessi ta' kokreazzjoni u koproduzzjoni fl-industriji kulturali u kreattivi; iqis li l-kultura għandha tilħaq liċ-ċittadini kollha;
53. Jirrikonoxxi li ż-żgħażagħ huma wieħed mill-gruppi ta' mira ewlenin fl-UE u fil-pajjiżi sħab, u li l-esponiment għal kulturi u lingwi oħrajn toffri esperjenzi li spiss jiġġeneraw affinità tul il-ħajja, u jirrikonoxxi li l-arti tal-ispettaklu, l-arti viżiva, l-arti tat-triq, il-mużika, it-teatru, iċ-ċinema, il-letteratura u l-midja soċjali, kif ukoll il-pjattaformi diġitali b'mod ġenerali, huma l-aħjar kanali biex huma jintlaħqu u jiġu involuti;
54. Jitlob li jiġu valorizzati l-proġetti konġunti bejn l-UE u l-pajjiżi terzi fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp tad-diġitalizzazzjoni tal-patrimonju kulturali, anke sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-għarfien, l-iżvilupp ta' servizzi u prodotti ġodda, u l-promozzjoni ta' turiżmu kulturali ġdid;
55. Jappella li l-valur u r-rwol tal-kontenut kulturali, li l-Ewropa hi waħda mill-produtturi ewlenin tiegħu, jiġu integrati fil-politiki Ewropej, inkluż fis-settur diġitali, bil-għan li jinħolqu netwerks virtwali globali taċ-ċittadini, sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni u l-iskambju kulturali;
56. Jappella għall-ħolqien ta' inizjattiva ta' konnettività tal-UE li tassisti liż-żgħażagħ żvantaġġjati ġeografikament, sabiex dawn jitħallew jipparteċipaw b'mod aktar attiv;
57. Jilqa' l-inizjattivi mill-Kummissjoni għall-promozzjoni ta' tagħlim bejn il-pari għall-intraprendituri kulturali żgħażagħ, bħall-programm Med Culture, jew tappoġġja inizjattivi għal taħriġ f'relazzjonijiet interkulturali, bħal More Europe;
58. Jiffavorixxi miżuri li jagħmluha faċli kemm jista' jkun għal pajjiżi terzi biex jipparteċipaw aktar fi proġetti transfruntiera u konġunti bħar-Rotot Kulturali tal-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll biex jiġu inklużi bħala atturi fi strateġija futura ssuġġerita għad-delegazzjonijiet tal-UE f'pajjiżi terzi, biex b'hekk jitħallew jiksbu vantaġġ sħiħ għall-ħidma tagħhom f'attivitajiet kulturali ta' pajjiżi terzi tal-UE, bħall-Kapitali Ewropea tal-Kultura u l-Premju Lux; ifakkar li l-għodod diġitali, il-pjattaformi teknoloġiċi bħal Europeana u n-netwerks kulturali jista' jkollhom rwol kruċjali biex jintlaħqu udjenzi akbar u jinxterdu l-aħjar prattiki;
59. Jappella għall-ħolqien ta' programm ta' viża kulturali, li jimxi fuq il-linji tal-Programm ta' Viża Xjentifika, għal ċittadini, artisti u professjonisti oħrajn fil-qasam kulturali, minn pajjiżi terzi, bil-għan li jiġu promossi relazzjonijiet kulturali u jitneħħew l-ostakoli għall-mobbiltà fis-settur tal-kultura;
60. Jappella lill-Kummissjoni biex tagħti spinta lill-kollaborazzjoni mal-Kunsill tal-Ewropa, partikolarment fi programmi ddedikati biex jenfasizzaw il-kultura bħala vettura għad-demokrazija, id-djalogu interkulturali, il-patrimonju kulturali u d-dinja awdjoviżiva;
61. Jirrikonoxxi l-ħtieġa għal għarfien fil-fond fil-qasam, u tal-atturi lokali u s-soċjetà ċivili, sabiex jitjieb l-aċċess għall-programmi u l-għoti ta' fondi ta' dawn l-atturi u biex jiġi żgurat li l-effett multiplikatur tal-parteċipazzjoni tagħhom fi programmi u inizjattivi tal-UE jiġi sfruttat; jirrakkomanda li jiġu kkonsultati l-atturi lokali, inklużi l-awtoritajiet lokali bil-ħsieb li jitfasslu programmi bi sħab; jitlob li jiġu żviluppati approċċi kollaborattivi innovattivi li jiddependu fuq l-għodod u n-netwerks li diġà jeżistu (għotjiet, sottogħotjiet)(21), u li dawn jiġu segwiti, filwaqt li jitqies il-bilanċ bejn il-ġeneri;
62. Jirrikonoxxi li l-istrateġiji u l-programmi ta' żvilupp jiffukaw ħafna fuq il-privazzjoni materjali u soċjokulturali; jitlob li l-komunitajiet vulnerabbli, inkluż f'żoni rurali u remoti, jintlaħqu aħjar bil-għan li titrawwem il-koeżjoni soċjali;
63. Jappella għal viżibbiltà mtejba u tqassim aħjar tal-attivitajiet tal-UE u tal-Istati Membri fil-qasam tal-kultura fil-livell internazzjonali, inkluż permezz tal-ħolqien ta' linji gwida komuni(22) u billi jintlaħqu l-udjenzi mira fil-lingwi nattivi tagħhom;
64. Jappella għal bidla fl-approċċ fil-kopertura medjatika billi jħeġġeġ il-provviżjoni ta' informazzjoni kulturali Ewropea, bit-tnedija ta' portal kulturali tal-UE, festivals u t-tfassil tal-kunċett ta' Djar tal-Istorja Ewropea, inkluż permezz ta' parteċipazzjoni strutturata mal-pjattaformi tal-midja lokali u tal-midja soċjali, kif ukoll f'kooperazzjoni mal-EBU, EURONEWS u EURANET, fost l-oħrajn;
65. Iħeġġeġ lill-UE tieħu vantaġġ sħiħ mill-potenzjal tar-riċerka multimedjali biex tifhem l-isfidi u l-opportunitajiet attwali fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, inkluż dwar kwistjonijiet relatati mal-kultura u mal-valutazzjoni tar-rwol tal-kultura fl-iżvilupp u l-kooperazzjoni internazzjonali;
Strateġija globali tal-UE
66. Jenfasizza r-rwol importanti tal-kultura fil-politika esterna tal-UE bħala forza ta' influwenza, katalist għaż-żamma tal-paċi, l-istabbiltà u r-rikonċiljazzjoni, u bħala magna għall-iżvilupp soċjoekonomiku u uman;
67. Jenfasizza r-rwol kruċjali tal-edukazzjoni u l-kultura biex jitrawmu ċ-ċittadinanza u l-ħiliet interkulturali, kif ukoll biex jissawru prospetti soċjali, umani u ekonomiċi aħjar;
68. Ifaħħar il-fatt li l-Istrateġija Globali tal-UE tenfasizza l-importanza tad-djalogu interkulturali u interreliġjuż fit-tisħiħ tal-fehim reċiproku; jiddispjaċih, madankollu, li l-valur intrinsiku tal-kultura u l-arti bħala strumenti ta' trażżin kontra r-radikalizzazzjoni, u t-terroriżmu ma jissemmiex; jitlob, għalhekk, li jissaħħu l-istrumenti ddedikati b'mod speċifiku għat-tisħiħ ta' u l-kooperazzjoni mas-settur kulturali;
69. Jappella lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, bħan-Nazzjonijiet Uniti, il-UNESCO, l-Interpol, l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali u l-Kunsill Internazzjonali tal-Mużewijiet, sabiex tissaħħaħ il-ġlieda kontra t-traffikar ta' beni kulturali li jista' jservi biex jiffinanzja l-attivitajiet kriminali, inkluż il-finanzjament ta' organizzazzjonijiet terroristiċi;
70. Jistieden lill-VP/RGħ tagħti rwol speċifiku lill-kwistjonijiet kulturali fl-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali tal-Istrateġija Globali tal-UE;
71. Jenfasizza li l-UE, li l-pedamenti tagħha huma msejsa fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, jeħtieġ li tibni fuq l-esperjenza tagħha u fuq il-lezzjonijiet tal-passat meta tiġi għall-politika esterna, u li dan għandu jkun rifless fl-iżvilupp tar-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi permezz tal-kultura u tal-patrimonju kulturali, jinnota f'dan ir-rigward li dan għandu jipprovdi opportunità ukoll biex l-UE tesponi u tesporta l-valuri kulturali tagħha;
72. Jitlob li jkun hemm politiki kulturali u edukattivi mmirati li jistgħu jappoġġjaw l-objettivi tal-politika estera u ta' sigurtà tal-UE u jikkontribwixxu biex jissaħħu d-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; ifakkar li l-2018 hu s-70 anniversarju tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem;
73. Jirrikonoxxi li l-influwenza kulturali tal-UE jippermettilha tipproġetta l-viżibbiltà tagħha fi kwistjonijiet internazzjonali permezz tal-kanali tal-identità kulturali diversa tagħha;
74. Ifakkar li l-edukazzjoni u l-kultura huma mexxejja fundamentali li jiffaċilitaw il-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli fl-2030, b'attenzjoni speċifika għar-riġenerazzjoni urbana u għall-bliet fl-Ewropa u fid-dinja; jappella, għalhekk għall-proposta ta' Kunsens Ewropew Ġdid għall-Iżvilupp li jenfasizza r-rwol tal-kultura u tal-protezzjoni u l-promozzjoni tal-espressjonijiet kulturali;
75. Jitlob li jissaħħu r-relazzjonijiet kulturali internazzjonali fid-diskussjonijiet dwar il-politiki dwar il-migrazzjoni u r-rifuġjati; iħeġġeġ lill-UE, li s-saħħa tagħha hija li tkun magħquda fid-diversità, tadotta approċċ bilanċjat li jirrispetta d-differenzi kulturali, u li fih id-dijaspori jkollhom rwol importanti; jenfasizza li l-kultura għandha tkun pont għall-fehim reċiproku bil-ħsieb li ngħixu flimkien f'armonija akbar;
76. Jirrikonoxxi li l-UE topera ukoll f'ambjenti speċifiċi fejn il-kuntest politiku u l-oqsfa ġuridiċi għall-ħolqien tar-relazzjonijiet kulturali huma ostili u ripressivi; jirrikonoxxi li fil-pajjiżi terzi, l-UE spiss tbati mill-konsegwenzi ta' informazzjoni mhux preċiża, parzjali u soġġettiva u spiss tkun il-mira ta' propaganda estrema; jappella għal miżuri speċjali u għal azzjoni xierqa f'dan ir-rigward;
77. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex isaħħu r-riżorsi disponibbli għall-aċċess għall-edukazzjoni u l-kultura, partikolarment għal minorenni migranti u rifuġjati fl-UE u f'pajjiżi terzi; jitlob appoġġ għall-"kurituri edukattivi" għall-istudenti universitarji fl-universitajiet tal-UE (b'kollaborazzjoni ukoll mal-universitajiet telematiċi), dejjem bir-rispett għad-diversità lingwistika u kulturali;
78. Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE irawmu r-relazzjonijiet kulturali mal-istati ġirien immedjati tal-UE bil-ħsieb li jiġu promossi azzjonijiet konkreti mmirati biex jistimulaw id-djalogu interkulturali(23) u li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tal-migrazzjoni, is-sigurtà u r-radikalizzazzjoni li qed tiffaċċja l-UE;
79. Jirrakkomanda li l-UE taħdem mal-istituzzjonijiet rilevanti kollha li jaħdmu f'dan il-qasam u flimkien mas-sħab lokali biex tikseb l-objettivi tagħha fil-qasam tar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali kemm permezz tal-kooperazzjoni multilaterali f'organizzazzjonijiet internazzjonali kif ukoll permezz ta' sħubijiet mal-atturi prinċipali fil-post;
80. Jappella lill-Kummissjoni u lis-SEAE jsaħħu l-kooperazzjoni mal-Ftehim Parzjali Estiż dwar ir-Rotot Kulturali tal-Kunsill tal-Ewropa, li hu strument istituzzjonali għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet kulturali lokali wkoll ma' pajjiżi terzi, bil-għan li jiġu promossi l-valuri fundamentali tad-diversità kulturali, id-djalogu interkulturali u l-iżvilupp sostenibbli tat-territorju ta' destinazzjonijiet kulturali anqas magħrufa, filwaqt li jiġi preservat il-patrimonju kulturali komuni tagħhom;
81. Iħeġġeġ lill-UE taħdem mill-qrib mal-istati kollha li jikkondividu l-istess għanijiet u valuri tagħha u li huma lesti jaġixxu biex jappoġġjawhom; jenfasizza li dan huwa partikolarment importanti sabiex tiġi stabbilita azzjoni leġittima u stabbli biex l-UE tiġi rikonoxxuta bħala 'attur globali';
o o o
82. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
Pereżempju, il-Programm tal-Viżitaturi tal-UE (EUVP) stabbilit fl-1974 mill-Parlament u l-Kummissjoni, huwa programm ta' studju individwali għal mexxejja żgħażagħ promettenti u fassala tal-opinjonijiet minn pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea u l-motto tiegħu huwa "Ilna nikkondividu l-valuri tal-UE fid-dinja kollha mill-1974".
Id-Direttorati-Ġenerali tal-Kummissjoni, (b'mod partikolari d-DĠ Edukazzjoni, Żgħażagħ, Sport u Kultura (EAC), id-DĠ Kooperazzjoni Internazzjonali u Żvilupp (DEVCO), id-DĠ Viċinat u Negozjati għat-Tkabbir (NEAR), id-DĠ Riċerka u Innovazzjoni (RTD) u d-DĠ Netwerks tal-Komunikazzjonijiet, il-Kontenut u t-Teknoloġija (CONNECT)), is-SEAE, is-Servizz tal-Istrumenti tal-Politika Barranija (FPI), id-delegazzjonijiet tal-UE, id-delegazzjonijiet tal-Istati Membri, l-istituti kulturali tal-Istati Membri barra mill-pajjiż, il-Kunsill tal-Ewropa, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni, l-Istituti Nazzjonali tal-Unjoni Ewropea għall-Kultura (EUNIC), il-Kunsill Internazzjonali tal-Mużewijiet (ICOM), iċ-Ċentru Internazzjonali għall-Istudju tal-Preservazzjoni u r-Restawr tal-Proprjetà Kulturali (ICCROM), l-UNESCO, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, l-atturi lokali kulturali, l-artisti tat-triq u netwerks u pjattaformi oħrajn.
Pereżempju, il-programm iffinanzjat mill-UE Med Culture, li għandu l-għan li jiżviluppa u jtejjeb il-politiki u l-prattiki kulturali relatati mas-settur kulturali. L-approċċ parteċipattiv jinvolvi atturi tas-soċjetà ċivili, ministeri u istituzzjonijiet privati u pubbliċi li jaħdmu fil-qasam tal-kultura, kif ukoll f'setturi oħra relatati.
Suġġeriment wieħed hu l-ħolqien ta' "Ambaxxaturi għall-Kultura" li huma impenjati u li jappoġġjaw kemm l-integrazzjoni Ewropea u wkoll ir-relazzjonijiet internazzjonali (b'mod simili għal dak tal-Ambaxxaturi ta' Rieda Tajba tan-NU). Dawn jistgħu ikunu artisti, mużiċisti, kittieba, eċċ.