Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2754(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0459/2017

Dibattiti :

PV 06/07/2017 - 8.1
CRE 06/07/2017 - 8.1

Votazzjonijiet :

PV 06/07/2017 - 11.3

Testi adottati :

P8_TA(2017)0308

Testi adottati
PDF 268kWORD 52k
Il-Ħamis, 6 ta' Lulju 2017 - Strasburgu
Il-każijiet tar-rebbieħ tal-Premju Nobel Liu Xiaobo u Lee Ming-che
P8_TA(2017)0308RC-B8-0459/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-6 ta' Lulju 2017 dwar il-każijiet tar-rebbieħ tal-Premju Nobel Liu Xiaobo u Lee Ming-che (2017/2754(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar iċ-Ċina, b'mod partikolari dawk tal-21 ta' Jannar 2010 dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina, b'mod partikolari l-każ ta' Liu Xiaobo(1), tal-14 ta' Marzu 2013 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina(2) u tat-12 ta' Marzu 2015 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2013 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurta’ Federica Mogherini dwar l-istatus ta' Liu Xiaobao tat-30 ta' Ġunju 2017,

–  wara li kkunsidra l-35 sessjoni tad-djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina dwar id-drittijiet tal-bniedem fi Brussell fit-22 u t-23 ta' Ġunju 2017, u d-dikjarazzjoni tal-President tas-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem (DROI) fl-okkażjoni tad-djalogu,

–  wara li kkunsidra s-Samit bejn l-UE u ċ-Ċina li sar fi Brussel fl-1 u t-2 ta' Ġunju 2017;

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-UE fl-34 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHRC) fl-14 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tad-9 ta' Diċembru 2016, dwar il-Jum Internazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra s-Sħubija Strateġika bejn l-UE u ċ-Ċina mnedija fl-2003 u l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u s-SEAE lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 2016, bit-titolu "Elementi għal strateġija ġdida tal-UE dwar iċ-Ċina",

–  wara li kkunsidra l-"Karta 08", manifest imfassal minn aktar minn 350 attivist politiku, akkademiku u difensur tad-drittijiet tal-bniedem Ċiniż b'talba għal riforma soċjali, ġudizzjarja u governattiva, u li nħareġ fl-10 ta' Diċembru 2008 biex jikkoinċidi mas-60 anniversarju tal-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tas-16 ta' Diċembru 1966,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi Liu Xiaobo, kittieb u attivist prominenti Ċiniż tad-drittijiet tal-bniedem ġie formalment detenut fil-ħabs erba' darbiet matul l-aħħar tletin sena; billi Liu Xiaobo ġie mitfugħ il-ħabs għal 11-il sena fl-2009 għal "inċitament għas-sovverżjoni tas-setgħa tal-istat" wara li għen biex jinkiteb manifest magħruf bħala l-"Karta 08"; billi l-proċeduri formali li seħħew fil-prosekuzzjoni ta' Liu Xiaobo ma ppermettewlux li jkun rappreżentat jew ikun preżenti fi proċedimenti formali, filwaqt li uffiċjali diplomatiċi minn iktar minn tnax-il Stat, inklużi diversi Stati Membri, ma ngħatawx aċċess għas-smigħ tal-qorti matul il-proċess;

B.  billi l-mara ta' Liu Xiaobo, Liu Xia, għalkemm qatt ma kienet akkużata b'xi reat, inżammet taħt arrest domiċiljari minn dakinhar li ngħata l-Premju għall-Paċi fl-2010 u, minn dak iż-żmien, kienet imċaħħda milli jkollha l-kuntatt ma' kważi l-ebda persuni oħra ħlief ma' xi qraba u xi ftit ħbieb;

C.  billi fit-8 ta' Ottubru 2010, il-Kumitat tal-Premju Nobel ta lil Liu Xiaobo il-Premju Nobel għall-Paċi b'rikonoxximent għall-"ġlieda twila u mhux vjolenti għad-drittijiet fundamentali fiċ-Ċina";

D.  billi Liu Xiaobo reċentement ġie ttrasferit minn ħabs fil-provinċja ta' Liaoning fil-Grigal taċ-Ċina għal sptar fil-kapitali tal-provinċja f'Shenyang, fejn qed jiġi kkurat għall-kondizzjoni serja ta' saħħtu wara li ġie dijanjostikat b'kanċer avvanzat fil-fwied;

E.  billi l-awtoritajiet Ċiniżi rrifjutaw talbiet minn Liu Xiaobo u martu biex ifittxu trattament mediku barra ċ-Ċina jew li jmur fid-dar tiegħu f'Beijing;

F.  billi, fid-29 ta' Ġunju 2017, 154 Rebbieħ tal-Premju Nobel ħarġu ittra konġunta lill-President tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina fejn ħeġġew lill-Gvern Ċiniż biex jippermetti lil Liu Xiaobo u martu Liu Xia jivvjaġġaw barra minn pajjiżhom għal trattament mediku;

G.  billi Lee Ming-che, l-attivist Tajwaniż magħruf favur id-demokrazija kif ukoll għall-promozzjoni tiegħu favur id-drittijiet tal-bniedem permezz tal-midja soċjali, għeb fid-19 ta' Marzu 2017 wara li qasam mill-Macao għal Zhuhai fil-provinċja Ċiniża ta' Guangdong; billi l-Uffiċċju għall-Affarijiet tat-Tajwan fiċ-Ċina kkonferma, waqt konferenza tal-aħbarijiet, li Lee kien detenut mill-"awtoritajiet rilevanti" u qiegħduh taħt investigazzjoni dwar suspett ta' "involviment f'attivitajiet li jheddu s-sigurtà nazzjonali";

H.  billi l-awtoritajiet Ċiniżi ma offrew l-ebda evidenza kredibbli għall-allegazzjonijiet gravi kontra Lee Ming-Che; billi l-priġunerija ta' Lee waslet f'salib it-toroq li matulu r-relazzjonijiet bejn ix-xtut tal-istretti qegħdin dejjem imorru għall-agħar; billi Lee kien attiv fl-għoti ta' informazzjoni dwar il-kultura politika demokratika tat-Tajwan lil sħabu fiċ-Ċina permezz ta' pjattaformi onlajn li huma suxxettibbli għall-monitoraġġ mill-gvern Ċiniż;

I.  billi ċ-Ċina għamlet progress f'dawn l-aħħar snin f'termini ta' realizzazzjoni tad-drittijiet ekonomiċi u soċjali, u dan jirrifletti l-prijoritajiet tagħha favur id-dritt tal-poplu għas-sussistenza, filwaqt li, mill-2013 'l hawn, is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina kompliet tmur għall-agħar bil-gvern iżid l-ostilità tiegħu fil-konfront ta' dissens paċifiku, l-istat tad-dritt, il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tar-reliġjon, bħal fil-każ reċenti tal-Isqof Peter Shao Zhumin, li tneħħa bil-forza mid-djoċesi tiegħu f'Wenzhou fit-18 ta' Mejju 2017;

J.  billi l-Gvern Ċiniż għadda liġijiet ġodda, b'mod partikolari, il-Liġi tas-Sigurtà tal-Istat, il-Liġi għall-Ġlieda kontra t-Terroriżmu, il-Liġi dwar iċ-Ċibersigurtà, u l-Liġi dwar il-Ġestjoni tal-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi Barranin, li ġew utilizzati biex jippersegwitaw lil dawk involuti f'attiviżmu pubbliku u kritika paċifika kontra l-gvern bħala theddidiet għas-sigurtà tal-istat, kif ukoll biex isaħħu ċ-ċensura, is-sorveljanza u l-kontroll ta' individwi u gruppi soċjali u biex jiskoraġġixxu lill-individwi milli jwettqu kampanja favur id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;

K.  billi, ix-xahar li għadda, il-Gvern Grieg irrifjuta li japprova dikjarazzjoni tal-UE li tikkritika t-trażżin tal-attivisti u d-dissidenti fiċ-Ċina, li kienet se titressaq quddiem il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti f'Ġinevra fil-15 ta' Ġunju 2017; billi din kienet l-ewwel okkażjoni li fiha l-UE naqset milli tagħmel tali dikjarazzjoni quddiem il-korp ewlieni tan-NU responsabbli għad-drittijiet;

L.  billi l-promozzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt jenħtieġ li jibqgħu fiċ-ċentru tar-relazzjoni li ilha għaddejja bejn l-UE u ċ-Ċina, b'konformità mal-impenn tal-UE li tiddefendi dawn il-valuri fl-azzjoni esterna tagħha u bl-interess li wriet iċ-Ċina li tikkonforma ma' dawn l-istess valuri fl-iżvilupp u l-kooperazzjoni internazzjonali tagħha;

1.  Jistieden lill-Gvern Ċiniż biex jeħles, immedjatament u mingħajr kundizzjonijiet, lil Liu Xiaobo, rebbieħ tal-Premju Nobel għall-Paċi 2010, u lil martu Liu Xia mill-arrest domiċiljari u jippermettilu jikseb kura medika fejn jixtiequ;

2.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi biex jippermettu lil Lui Xiaobo aċċess mingħajr restrizzjonijiet għall-familja, il-ħbieb u l-konsulenti legali;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi biex jilliberaw lil Lee Ming-che immedjatament, peress li ma tressqet l-ebda prova kredibbli relatata mal-każ tiegħu, biex jiżvelaw informazzjoni dwar il-post eżatt fejn jinsab u biex jiġi żgurat, sadanittant, li Lee Ming-che ikun imħares mit-tortura u minn trattament ħażin ieħor, u li jingħata aċċess għall-familja tiegħu, għal avukat tal-għażla tiegħu u għal kura medika adegwata;

4.  Jibqa' ferm imħasseb dwar l-isforzi kontinwi tal-Gvern Ċiniż biex isikket lil atturi tas-soċjetà ċivili, inklużi d-difensuri, l-attivisti u l-avukati tad-drittijiet tal-bniedem;

5.  Ifakkar kemm hu importanti li l-UE tqajjem il-kwistjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina matul kull djalogu politiku u tad-drittijiet tal-bniedem mal-awtoritajiet Ċiniżi, b'konformità mal-impenn tal-UE li tipproġetta leħen sod, ċar u magħqud fl-approċċ tagħha lejn il-pajjiż, inkluż fid-Djalogi dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li huma regolari u aktar orjentati lejn ir-riżultati; ifakkar, barra minn hekk li, fil-kuntest tal-proċess ta' riforma kontinwa tagħha u ta' impenn globali akbar, iċ-Ċina għażlet li tieħu sehem fil-qafas internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem billi ffirmat firxa wiesgħa ta' trattati internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob, għaldaqstant, li jibqa' jiġi segwit djalogu maċ-Ċina sabiex din tonora dawn l-impenji;

6.  Jinkoraġġixxi liċ-Ċina tirratifika l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;

7.  Jiddispjaċih dwar il-falliment tal-UE li tagħmel dikjarazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU f'Ġinevra f'Ġunju 2017; jistieden lill-Istati Membri kollha tal-UE jadottaw approċċ sod u bbażat fuq il-valuri fil-konfront taċ-Ċina, u jistenna li ma jwettqux atti jew inizjattivi unilaterali li jistgħu jimminaw il-koerenza, l-effikaċja u l-konsistenza tal-azzjoni tal-UE;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi-President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

(1) ĠU C 305E, 11.11.2010, p. 9.
(2) ĠU C 36, 29.1.2016, p. 126.
(3) ĠU C 316, 30.8.2016, p. 141.

Avviż legali - Politika tal-privatezza